Language of document : ECLI:EU:C:2012:651

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

18 ta’ Ottubru 2012 (*)

“Direttiva 2005/29/KE — Prattiċi kummerċjali żleali — Prattika li biha l-konsumatur jiġi informat li rebaħ u li tobbligah jidħol f’xi tip ta’ spiża sabiex jirċievi dan il-premju”

Fil-Kawża C‑428/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Awwissu 2011, fil-proċedura

Purely Creative Ltd,

Strike Lucky Games Ltd,

Winners Club Ltd,

McIntyre & Dodd Marketing Ltd,

Dodd Marketing Ltd,

Adrian Williams,

Wendy Ruck,

Catherine Cummings,

Peter Henry

vs

Office of Fair Trading,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Rosas (Relatur), li qed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, U. Lõhmus u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Purely Creative Ltd et, minn K. de Haan, QC, u N. Tillott, solicitor,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Ossowski u E. Jenkinson, bħala aġenti, assistiti minn J. Simor, barrister,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda, M. van Beek u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-punt 31 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) (ĠU L 149, p. 22, rettifika tal-verżjoni bil-Malti fil-ĠU L 114, 27.04.2006, p. 86).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, ħames impriżi speċjalizzati fil-posta pubbliċitarja u diversi persuni li ħadmu f’dawn l-impriżi (iktar ’il quddiem il-“kummerċjanti”) u, min-naħa l-oħra, l-Office of Fair Trading (iktar ’il quddiem l-“OFT”), li huwa inkarigat jissorvelja l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni li tipproteġi lill-konsumaturi, dwar il-prattiċi użati mill-kummerċjanti.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 6, 8 u 16 sa 19 tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali jipprovdu dan li ġej:

“(6)       Din id-Direttiva [...] tapprossima l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali, inkluż ir-reklamar żleali, li jagħmel ħsara b’mod dirett lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi u b’hekk jagħmel ħsara b’mod indirett lill-interessi ekonomiċi tal-kompetituri leġittimi.

[...]

(8)      Din id-Direttiva tipproteġi direttament l-interessi leġittimi tal-konsumatur minn prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur.

[...]

(16)      Id-dispożizzjonijiet dwar prattiċi kummerċjali aggressivi għandhom ikopru dawk il-prattiċi li jfixxklu sinifikattivament il-libertà ta’ l-għażla tal-konsumatur. Dawk huma prattiċi li jużaw il-fastidju, il-kostrizzjoni, inkluż l-użu tal-forza fiżika, u ta’ l-influwenza mhux xierqa.

(17)      Hu kunsiljabbli li dawk il-prattiċi kummerċjali li huma f’kull ċirkustanza żleali għandhom jiġu identifikati sabiex tiġi provduta ċertezza legali akbar. L-Anness I għalhekk fih lista sħiħa ta’ dawn il-prattiċi kollha. Dawn huma biss il-prattiċi kummerċjali li jistgħu jiġu meqjusa żleali, mingħajr l-eżami ta’ kull każ għalih fid-dawl tad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 sa 9. Il-lista tista’ tiġi modifikata biss b’reviżjoni tad-Direttiva.

(18)      Huwa xieraq li l-konsumaturi kollha jiġu protetti minn prattiċi kummerċjali żleali; [...] Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u sabiex tiġi permessa l-applikazzjoni effettiva tal-protezzjonijiet kontenuti fiha, din id-Direttiva tieħu bħala punt ta’ riferiment il-konsumatur medju, li huwa infurmat raġonevolment tajjeb u raġonevolment attent u kawt, billi tieħu kont ta’ fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja iżda tinkludi dispożizzjonijiet li l-għan tagħhom huwa l-prevenzjoni ta’ l-isfruttament tal-konsumaturi li l-karatteristiċi tagħhom jagħmluhom partikolarment vulnerabbli għal prattiċi kummerċjali żleali. Fejn prattika kummerċjali hija mmirata speċifikament lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi, bħat-tfal, huwa mixtieq li l-impatt tal-prattika kummerċjali ikun eżaminat mill-perspettiva tal-membru medju ta’ dak il-grupp. [...] L-eżami tal-konsumatur medju mhuwiex eżami statistiku. Il-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jeżerċitaw il-fakoltà ta’ ġudizzju tagħhom, filwaqt li jittieħed kont tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiddeterminaw ir-reazzjoni tipika tal-konsumatur medju f’każ determinat.

(19)      Fejn ċerti karatteristiċi bħall-età, il-mard fiżiku jew mentali jew il-kredulità jagħmlu lill-konsumaturi partikolarment suxxettibbli għal xi prattika kummerċjali jew għall-prodott konness magħha u huwa probabbli li l-imġieba ekonomika biss ta’ dawn il-konsumaturi tista’ tiġi distorta mill-prattika b’mod li l-kummerċjant jista’ raġonevolment jipprevedi, huwa xieraq li jiġi żgurat li l-konsumaturi huma adegwatament protetti billi l-prattika tiġi eżaminata mill-perspettiva tal-membru medju ta’ dak il-grupp.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.”

5        Fl-Artikolu 2(e) tad-direttiva msemmija tinsab id-definizzjoni segwenti:

“‘il-ħolqien ta’ distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika ta’ konsumaturi’ tfisser l-użu ta’ prattika kummerċjali sabiex tiġi mfixkla b’mod apprezzabbli il-kapaċità tal-konsumatur li jagħmel deċiżjoni nfurmata, li bih il-konsumatur jiġi mġiegħel jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra;”

6        L-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali, intitolat “Projbizzjoni ta’ prattiċi kummerċjali żleali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.

2.      Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:

a)      hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali,

u       

b)      toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi.

[...]

4.      B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li

a)      jqarrqu kif stabbilit fl-Artikoli 6 u 7,

jew

b)      jkunu aggressivi kif stabbilit fl-Artikoli 8 u 9.

5.      Fl-Anness I tinsab lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva.”

7        L-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali, intitolat “Prattiċi kummerċjali aggressivi”, huwa fformulat kif ġej:

“Prattika kummerċjali għandha titqies bħala aggressiva jekk, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha, permezz ta’ fastidju, kostrizzjoni, inkluż l-użu tal-forza fiżika, jew ta’ influwenza mhux xierqa, tfixkel b’mod sinifikanti jew x’aktarx tfixkel konsiderevolment il-libertà ta’ l-għażla jew l-imġieba tal-konsumatur medju fir-rigward tal-prodott u b’hekk tikkawża jew x’aktarx tikkawża li huwa jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.”

8        L-Anness I tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali jikkonsisti f’lista ta’ 31 punt li jiddeskrivu l-prattiċi li huma kkunsidrati li huma żleali f’kull ċirkustanza. Il-prattiċi deskritti fil-punti 1 sa 23 ta’ dan l-anness jinsabu taħt it-titolu “Prattiċi kummerċjali qarrieqa” filwaqt li l-prattiċi deskritti fil-punti 24 sa 31 ta’ dan l-anness jinsabu taħt it-titolu “Prattiċi kummerċjali aggressivi”.

9        Il-punt 20 tal-Anness I tad-direttiva msemmija huwa fformulat kif ġej:

“Fejn il-kummerċjant jiddeskrivi prodott bħala ‘gratis’, ‘b’xejn’, ‘mingħajr ħlas’ jew simili jekk il-konsumatur għandu jħallas xi ħaġa oħra barra l-prezz li inevitabbilment kellu jħallas sabiex wieġeb għall-prattika kummerċjali u sabiex ġabar jew ħallas għall-kunsinna ta’ l-oġġett.”

10      Il-punt 31 tal-anness imsemmi huwa fformulat kif ġej:

“Fejn il-kummerċjant joħloq l-impressjoni falza li konsumatur diġà rebaħ, se jirbaħ, jew li hekk kif jagħmel xi azzjoni partikolari jirbaħ, xi premju jew xi benefiċċju ekwivalenti ieħor, meta fil-fatt

–        ma jkun hemm ebda premju jew benefiċċju ekwivalenti ieħor, jew

–        it-teħid ta’ xi azzjoni fir-rigward tal-ġbir tal-premju jew ta’ l-benefiċċju ekwivalenti ieħor teħtieg lill-konsumatur li jħallas xi flus jew li jidħol f’xi spejjeż.”

 Id-dritt nazzjonali

11       Id-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali ġiet trasposta permezz tar-Regolamenti dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-kummerċ żleali tal-2009 [Consumer Protection from Unfair Trading Regulations 2008 (SI 1277/2008), iktar ’il quddiem ir-“Regolament”]. Ir-Regola 3 tar-Regolament tipprojbixxi l-prattiċi żleali. Ir-Regola 5 tal-istess regolament tipprojbixxi l-azzjonijiet qarrieqa filwaqt li r-Regola 6 tiegħu tipprojbixxi l-ommissjonijiet qarrieqa.

12      L-Anness I tar-Regolament jikkorrispondi mal-Anness I tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali. Madankollu, l-Anness I tar-Regolament ma fihx it-titoli li jinsabu fl-Anness I ta’ din id-direttiva. Il-punt 31 tal-Anness I tar-Regolament jirripproduċi, f’termini identiċi, il-punt 31 tal-Anness I tal-istess direttiva.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      Wara proċess twil ta’ konsultazzjonijiet u ta’ negozjati bejn l-OFT u l-kummerċjanti, maħsub sabiex dawn tal-aħħar jintrabtu li josservaw ċerti regoli fil-qasam tar-reklamar, l-OFT fetaħ proċedura quddiem il-High Court of Justice (England & Wales) Chancery Division (Companies Court), sabiex dawn il-kummerċjanti jiġu ordnati jieqfu milli jiddistribwixxu reklamar li jixbah ħames reklami speċifiċi, magħmula matul is-sena 2008 u mmarkati bin-numri 5 sa 9 fil-proċess imressaq quddiem din il-qorti. L-OFT kien qiegħed isostni li dawn ir-reklami kienu pprojbiti sa fejn jikkostitwixxu “prattiċi kummerċjali żleali” skont ir-Regola 3 tar-Regolament minħabba li jiksru l-punt 31(b) tal-Anness I ta’ dan ir-regolament u minħabba li kienu jinkludu azzjonijiet qarrieqa fis-sens tar-Regola 5 tal-istess regolament kif ukoll ommissjonijiet qarrieqa fis-sens tar-Regola 6 tar-regolament imsemmi.

14      Ir-reklami msemmija jinvolvu ittri indirizzati individwalment, vawċers u materjal pubbliċitarju ieħor imqiegħed f’gazzetti u perjodiċi. Għalkemm, meta analizzati fid-dettall, dawn ir-reklami huma differenti, dawn għandhom diversi karatteristiċi komuni, deskritti kif ġej mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division):

–        Il-konsumatur huwa informat dwar il-fatt li huwa intitolat jitlob wieħed mill-premjijiet jew benefiċċji speċifikati, li jvarjaw minn premju b’valur kunsiderevoli sa premjijiet li jiswew ftit iktar minn ftit GBP u identifikati, matul il-proċedura, bħala l-“premjijiet l-iktar komuni”. Bejn dawn iż-żewġ estremi jinsabu diversi premjijiet li l-valur tagħhom jaqa’ bejn dawn l-estremi. Ma huwiex qiegħed jiġi kkontestat li l-premjijiet inkwistjoni kienu effettivament tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi kkonċernati.

–        Ħlief fil-każ tar-reklam 8, il-konsumatur kien jibbenefika minn diversi għażliet sabiex jiskopri dak li kien intitolat jitlob u sabiex jikseb numru li bih seta’ jagħmel din it-talba:

–        iċempel numru tat-telefown b’tariffa ogħla min-normal,

–        juża servizz ta’ messaġġ SMS bl-invers, jew

–        jikseb informazzjoni permezz tal-posta normali.

Il-metodu li jinvolvi l-posta kien mogħti inqas importanza mill-metodu li jinvolvi numru tat-telefown b’tariffa ogħla min-normal, b’tali mod li l-konsumaturi kienu inkoraġġuti jużaw metodu iktar oneruż mill-metodu li jinvolvi l-posta. Fir-rigward tar-riklam 5, ġie kkonstatat li minn tal-inqas 80 % tal-konsumaturi parteċipanti kienu wieġbu permezz tat-telefown jew permezz ta’ messaġġ SMS. Ma saret ebda konstatazzjoni preċiża dwar dawn il-punti fir-rigward tar-riklami l-oħra. In-numru tat-telefown ikkonċernat kien jikkorrispondi għal linja b’tariffa ogħla min-normal. Il-konsumatur kien informat dwar it-tariffa għal kull minuta u dwar it-tul massimu tat-telefonata.

–        Il-konsumatur ma kienx informat dwar il-fatt li:

–        it-tul minimu tat-telefonata meħtieġ sabiex tinkiseb l-informazzjoni neċessarja sabiex jintalab il-premju l-iktar komuni kien biss ftit sekondi iqsar mit-tul massimu tat-telefonata;

–        il-promotur kien jirċievi GBP 1.21 mit-tariffa għal kull minuta ffatturata b’GBP 1.50.

–        F’ċerti każijiet, il-konsumatur kien obbligat iħallas l-ispejjeż supplimentari stipulati għall-kunsinna u għall-assigurazzjoni, spejjeż li parti minnhom kienet tintuża mill-promotur sabiex jiffinanzja n-nefqa tal-akkwist tal-oġġett mitlub, u

–        Iktar minn 99 % tal-persuni li talbu premju kienu intitolati jirċievu l-premju l-iktar komuni, li l-valur tiegħu kien ekwivalenti jew kien jikkorrispondi għal parti sostanzjali minn dak li kienu diġà nefqu bħala spejjeż tat-telefown jew tal-messaġġ SMS u/jew bħala spejjeż stipulati għall-kunsinna u għall-assigurazzjoni.

15      Bħala eżempju, fir-rigward tar-reklam 5, mill-punti 87 u 90 tad-deċiżjoni tal-High Court jirriżulta li, sabiex jirċievi arloġġ allegatament Svizzeru, immanifatturat fil-Ġappun, konsumatur kellu jħallas GBP 18 (GBP 8.95 għat-telefonata, GBP 8.50 għall-assigurazzjoni u għall-posta, kif ukoll l-ispejjeż ta’ żewġ envelops u ta’ żewġ bolol). Jekk il-konsumatur ikun għażel il-metodu postali, l-ispejjeż tiegħu kienu ta’ GBP 9.50. Fil-każ li jintuża t-telefown, il-kummerċjant kien jirċievi total ta’ GBP 15.71 (GBP 7.21 għat-telefonata u GBP 8.50 għall-assigurazzjoni u għall-posta), filwaqt li l-ispejjeż tiegħu kienu ta’ GBP 9.36.

16      Ir-reklami 6 u 8 kienu jikkonċernaw kruċieri. Kif jirriżulta mill-punti 171 sa 173 tad-deċiżjoni tal-High Court, fir-reklam 8, il-konsumatur kien jagħmel parti minn 356 578 persuna li rebħu kruċiera fil-Baħar Mediterran għal erba’ persuni u seta’ jitlob il-premju tiegħu billi jimla formolarju u billi jħallas GBP 14.95 għall-assigurazzjoni u għall-posta. Il-konsumatur kien imbagħad jirċievi vawċer, li lill-kummerċjant kien jiswih GBP 0.35. Minn qari tal-kliem b’tipa żgħira fuq dan il-vawċer, il-konsumatur seta’ jinduna li l-kruċiera kienet ta’ tliet ijiem, f’Corse (Franza) u f’Sardegna (l-Italja), kienet titlaq minn port mhux speċifikat fit-Toscana (l-Italja) u f’dati mhux speċifikati. Dan il-vawċer kien jintitola lill-konsumatur sabiex jibbenefika minn trasport mill-Ingilterra lejn il-post tat-tluq tal-kruċiera, kif ukoll mill-vjaġġ ta’ ritorn bil-prezz ta’ GBP 159. Kien meħtieġ li jitħallas suppliment sabiex tinkiseb kabina b’sodda waħda jew b’żewġ sodod (u mhux b’erba’ sodod). Il-konsumatur kellu jħallas l-ispejjeż tal-ikel u tax-xorb kif ukoll it-taxxi tal-port. Skont il-High Court, żewġ koppji ta’ żewġ persuni kien ikollhom iħallsu GBP 1 596, jiġifieri GBP 399 kull persuna, sabiex jipparteċipaw f’din il-kruċiera.

17      Kif spjegaw il-kummerċjanti fl-osservazzjonijiet li ppreżentaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dak li huwa importanti għalihom huma d-databases aġġornati ta’ parteċipanti li x’aktarx iwieġbu għar-reklami li joffru premjijiet, data din li setgħet tintuża sabiex jiġu proposti prodotti oħra rilevanti għall-konsumaturi jew li setgħet tiġi ttrasferita lil kumpanniji oħra li jkunu jixtiequ jipproponu l-prodotti tagħhom.

18      Il-High Court ikkunsidrat li r-reklami inkwistjoni kienu jinvolvu prattiċi kummerċjali żleali iżda li l-portata tagħhom kienet madankollu inqas minn dik li kien qiegħed isostni l-OFT.

19      Fid-deċiżjoni tagħha, dik il-qorti osservat li l-prattika deskritta fil-punt 31 tal-Anness I tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali tinsab taħt it-titolu “Prattiċi kummerċjali aggressivi”, u mhux taħt it-titolu “Prattiċi kummerċjali qarrieqa”, għalkemm enfasizzat li dawn it-titoli ma jinsabux fl-Anness I tar-Regolament. Madankollu, fil-punt 47 tad-deċiżjoni msemmija, il-High Court ikkunsidrat li n-natura qarrieqa ta’ tranżazzjoni kummerċjali hija l-qofol tal-projbizzjoni prevista fil-punt 31 tal-Anness I tad-direttiva msemmija. Hija aċċettat l-argument li dan il-punt 31 ma jkunx applikabbli jekk il-pagament mitlub ikun ta’ ammont żgħir (li jikkorrispondi għax-xiri ta’ bolla jew għall-ispiża ta’ telefonata normali), jekk ebda parti minn dan l-ammont ma tispiċċa għand il-kummerċjant ikkonċernat u jekk dan il-pagament ikun negliġibbli fil-konfront tal-valur tal-premju mirbuħ.

20      Fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-High Court tat deċiżjoni fejn stabbiliet l-impenji li kellhom jittieħdu mill-kummerċjanti. Dawn kellhom jintrabtu, skont il-punt 1 ta’ din id-deċiżjoni, li jastjenu milli “jagħtu l-impressjoni żbaljata li l‑konsumatur diġà rebaħ, ser jirbaħ jew ser jirbaħ jekk iwettaq azzjoni partikolari, premju jew benefiċċju ekwivalenti ieħor meta, fil-fatt, it-twettiq ta’ azzjoni rrakkomandata mill-konvenut fir-rigward tat-talba għall-premju jew għal benefiċċju ekwivalenti ieħor huwa suġġett għall-obbligu tal-konsumatur li jħallas xi flus jew li jidħol f’xi spejjeż:

(a)       li jirrappreżentaw parti sostanzjali mill-ispiża unitarja tal-konvenut sabiex jipprovdi lill-konsumatur l-oġġett deskritt bħala premju jew bħala vantaġġ ekwivalenti ieħor, jew

(b)      fil-każ ta’ spejjeż stipulati għall-kunsinna u għall-assigurazzjoni, li jintużaw mill-konvenut sabiex jiffinanzja kompletament jew parzjalment l-akkwist tal-oġġett, l-ipproċessar jew kull nefqa oħra relatata mat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dan l-oġġett, minbarra l-ispiża reali tal-kunsinna lill-konsumatur u tal-assigurazzjoni (jekk ikun il-każ) matul it-trasport”.

21      Il-kummerċjanti appellaw mid-deċiżjoni tal-High Court quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division), fejn talbu li l-punt 1 tad-deċiżjoni msemmija jiġi emendat b’tali mod li jitħassar l-inċiż (a) ta’ dan il-punt jew, alternattivament, li jiġi ssostitwit bit-test segwenti:

“(a)      parti sostanzjali mill-ispiża probabbli tal-akkwist għall-konsumatur medju tal-oġġett ippreżentat bħala premju jew bħala benefiċċju ekwivalenti ieħor”.

22      L-OFT ippreżenta appell inċidentali dwar l-inċiż (a) tal-punt 1 tal-ordni, fejn talab li l-kontenut tiegħu jiġi ssostitwit bit-termini segwenti:

“li jagħtu l-impressjoni li l-konsumatur diġà rebaħ, ser jirbaħ jew ser jirbaħ jekk iwettaq azzjoni partikolari, premju jew benefiċċju ekwivalenti ieħor meta, fil-fatt, it-twettiq ta’ kwalunwke azzjoni indikata mill-konvenuti fir-rigward tat-talba għall-premju jew għal benefiċċju ekwivalenti ieħor huwa suġġett għall-obbligu tal-konsumatur li jħallas xi flus jew [li jidħol f’xi spejjeż]” jew, alternattivament, “[li jagħti xi ħaga oħra sakemm ma tkunx ta’ valur negliġibbli]”.

23      Il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) tqis li interpretazzjoni korretta tal-punt 31 tal-Anness I tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali hija neċessarja minħabba li hemm diverġenzi fil-liġijiet tal-Istati Membri li jittrasponu din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      Il-prattika pprojbita msemmija fil-[punt] 31 tal-Anness 1 tad-Direttiva [dwar il-prattiċi kummerċjali żleali] tipprojbixxi lil kummerċjanti milli jinformaw lil konsumaturi li rebħu premju jew xi benefiċċju ekwivalenti meta fil-fatt il-konsumatur huwa mistieden li jidħol fi spejjeż, li jinkludu spiża de minimis, sabiex wieħed jitlob il-premju jew benefiċċju ekwivalenti?

2.      Jekk il-kummerċjant joffri lil konsumatur varjetà ta’ modi kif jitlob il-premju jew benefiċċju ekwivalenti, il-[punt] 31 tal-Anness 1 [tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali] ikun inkiser jekk it-teħid ta’ kwalunkwe azzjoni fir-rigward ta’ xi waħda mill-metodi sabiex jiġu mitluba l-premji [jew il-benefiċċju ekwivalenti] tkun suġġetta għall-fatt li l-konsumatur ikollu jħallas spiża, li tinkludi spiża de minimis?

3.      Jekk il-[punt] 31 tal-Anness 1 [tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali] ma jkunx inkiser fejn il-metodu sabiex jintalab premju [jew benefiċċju ekwivalenti ieħor] jinvolvi li l-konsumatur ikollu jħallas spejjeż de minimis biss, il-qorti nazzjonali kif għandha tiddeċiedi jekk tali spejjeż humiex de minimis? B’mod partikolari, tali spejjeż għandhom ikunu totalment neċessarji:

(a)      sabiex il-promotur ikun jista’ jidentifika lill-konsumatur bħala r-rebbieħ tal-premju, u/jew

(b)      għall-konsumatur li jieħu l-premju, u/jew

(c)      għall-konsumatur sabiex igawdi l-esperjenza deskritta fil-premju?

4.      L-użu tal-kliem ‘impressjoni falza’ fil-[punt] 31 [tal-Anness I tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali] jimponi xi ħtieġa addizzjonali għar-rekwiżit li l-konsumatur iħallas flus jew jinkorri spiża sabiex jitlob il-premju, sabiex il-qorti nazzjonali tistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet tal-[imsemmi punt] 31 inkisru?

5.      Jekk iva, il-qorti nazzjonali kif sejra tistabbilixxi jekk ingħatatx tali ‘impressjoni falza’? B’mod partikolari, il-qorti nazzjonali hija meħtieġa li tikkunsidra l-valur relattiv tal-premju kif ikkomparat mal-ispiża sabiex dan jintalab meta jiġi deċiż jekk ingħatatx ‘impressjoni falza’? Jekk iva, dak il-‘valur relattiv’ għandu jiġi evalwat b’riferiment għall-:

(a)      prezz għall-promotur sabiex il-premju jinkiseb [mill-promotur];

(b)      prezz għall-promotur sabiex jingħata l-premju lill-konsumatur, jew

(c)      valur li l-konsumatur jista’ jattribwixxi lil premju b’riferiment għal evalwazzjoni tal-‘valur tas-suq’ ta’ oġġett ekwivalenti għall-bejgħ?”

 Fuq id-domandi preliminari

24      Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob interpretazzjoni tal-punt 31 tal-Anness I tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali u, b’mod iktar partikolari, tal-espressjoni “impressjoni falza” u tat-tieni inċiż ta’ dan il-punt, sabiex tkun tista’ tiddetermina jekk din id-dispożizzjoni tipprojbixxix li tkun imposta spiża, anki negliġibbli, fuq konsumatur li jkun ġie informat li rebaħ premju.

25      Fir-rigward tal-formulazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija, għandu jiġi kkonstatat li din hija diviża f’żewġ elementi opposti, separati bil-kliem “meta fil-fatt”. L-ewwel parti ta’ dan il-punt 31, jiġifieri “joħloq l-impressjoni falza li l-konsumatur diġà rebaħ, se jirbaħ jew li hekk kif jagħmel xi azzjoni partikolari jirbaħ, xi premju jew xi benefiċju ekwivalenti”, tiddeskrivi tliet impressjonijiet foloz li jistgħu jinħolqu f’moħħ il-konsumatur fir-rigward ta’ premju jew ta’ benefiċċju. It-tieni parti ta’ dan il-punt tiddeskrivi żewġ ċirkustanzi fattwali distinti. L-ewwel ċirkustanza hija dik fejn la jkun hemm premju u lanqas benefiċċju ekwivalenti, filwaqt li t-tieni waħda hija dik fejn ikun hemm premju jew benefiċċju ieħor iżda, sabiex jiksbu, il-konsumatur ikollu jwettaq azzjoni li hija suġġetta għall-obbligu li jħallas xi flus jew li jidħol f’xi spejjeż.

26      L-istruttura tas-sentenza li tikkomponi l-punt 31 tal-Anness I tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali turi li ż-żewġ ċirkustanzi fattwali deskritti fit-tieni parti ta’ dan il-punt jippreċiżaw l-ewwel parti tiegħu. Fi kliem ieħor, tingħata impressjoni falza meta jkun hemm l-elementi ta’ xi waħda miż-żewġ ċirkustanzi deskritti fit-tieni parti.

27      Madankollu, il-kummerċjanti jinsistu fuq il-fatt li l-“impressjoni falza” tikkostitwixxi element distint miċ-ċirkustanzi deskritti fit-tieni parti ta’ dan il-punt 31, b’tali mod li ma jkunx hemm prattika żleali meta l-konsumatur ikun informat b’mod suffiċjenti dwar l-ispiża meħtieġa sabiex ikun jista’ jitlob il-premju. Huma jsostnu li l-espressjoni “impressjoni falza” ġiet introdotta mill-Parlament Ewropew fl-istadju tat-tieni qari tal-abbozz ta’ direttiva, u li din iż-żieda mill-koleġiżlatur issostni l-interpretazzjoni li l-“impressjoni falza” hija element kostitwenti essenzjali tal-prattika żleali u hija distinta miċ-ċirkustanzi deskritti fiż-żewġ inċiżi tal-imsemmi punt 31.

28      Madankollu, mill-istruttura tas-sentenza analizzata fil-punt 26 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-“impressjoni falza” ma tistax titqies li hija element distint miż-żewġ ċirkustanzi deskritti fit-tieni parti tal-punt 31 tal-Anness I tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali. Barra minn hekk, għalkemm ma huwiex qiegħed jiġi kkontestat li kien il-Parlament li introduċa l-espressjoni “impressjoni falza” fit-test ta’ din id-direttiva, għandu jiġi osservat li l-emenda introdotta mill-Parlament, kif tirriżulta mir-Rakkomandazzjoni għat-tieni qari, tas-7 ta’ Frar 2005, dwar il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill fid-dawl tal-adozzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (A6-0027/2005 finali), ma tinkludix biss iż-żieda ta’ din l-espressjoni iżda anki ż-żieda taċ-ċirkustanzi deskritti fiż-żewġ inċiżi tal-imsemmi punt 31. Għaldaqstant, l-analiżi tal-emendi introdotti mill-Parlament issostni l-interpretazzjoni esposta fil-punt 26 ta’ din is-sentenza fis-sens li ċ-ċirkustanzi deskritti f’dawn l-inċiżi jippreċiżaw l-espressjoni “impressjoni falza” u li din l-espressjoni ma tikkostitwixxix element kostitwenti tal-prattika żleali indipendenti miċ-ċirkustanzi msemmija.

29      Fi kwalunkwe każ, kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni Ewropea, il-kelma “falza” ma hijiex indispensabbli sabiex jinftiehem il-punt 31 tal-Anness I tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali iżda sempliċement issaħħaħ is-sentenza inkwistjoni. Fil-fatt, il-prattika pprojbita hija kkostitwita mill-azzjoni li tingħata waħda mill-impressjonijiet imsemmija fl-ewwel parti ta’ dan il-punt meta, kif tindika t-tieni parti ta’ dan il-punt, dawn l-impressjonijiet ma jkunux jikkorrispondu mar-realtà.

30      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tat-tieni inċiż tal-punt 31 tal-Anness I tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jikkostitwixxi prattika żleali l-fatt li konsumatur jintalab iħallas xi flus jew jidħol f’xi spiża meta jwettaq azzjoni fir-rigward ta’ meta jitlob dak li jkun ġie ppreżentat lilu bħala premju jew bħala benefiċċju ekwivalenti. Dan it-test ma jipprevedi ebda eċċezzjoni b’tali mod li l-espressjoni “jidħol f’xi spejjeż” ma tidhirx li tippermetti li l-konsumatur jintalab jidħol lanqas fl-iċken spiża, la jekk tkun spiża negliġibbli meta mqabbla mal-valur tal-premju u lanqas jekk tkun spiża li ma tipprokura ebda vantaġġ għall-kummerċjant, bħalma hija l-ispiża ta’ bolla.

31      Fir-rigward tal-kliem “xi azzjoni fir-rigward tal-ġbir tal-premju”, il-kontenut ta’ dan il-kliem ftit huwa preċiż u għalhekk jista’ jkopri, b’mod partikolari, kull pass min-naħa tal-konsumatur sabiex jinforma ruħu dwar in-natura tal-premju tiegħu jew sabiex jipprova jieħu pussess tiegħu.

32      Il-kummerċjanti jenfasizzaw il-kliem “hekk kif jagħmel xi azzjoni” u minn dan il-kliem jiddeduċu nuqqas ta’ prattika żleali meta l-konsumatur ikun jista’ jagħżel bejn diversi għażliet, fejn waħda minnhom tinvolvi ftit jew xejn spejjeż, sabiex jieħu azzjoni fir-rigward tat-talba għall-premju.

33      Madankollu, għandu jiġi osservat li l-kliem “hekk kif jagħmel xi azzjoni” jidhru fl-ewwel parti tal-punt 31 tal-Anness I tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali u jikkonċernaw l-ipoteżi fejn tingħata l-impressjoni ta’ rebħ futur ta’ premju meta titwettaq azzjoni partikolari, pereżempju ix-xiri ta’ prodotti proposti f’katalgu, u għaldaqstant ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal-imsemmi punt 31, li jikkonċerna l-azzjonijiet fir-rigward tat-talba għal premju ppreżentat lill-konsumatur bħala li diġà ntrebaħ.

34      Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura assoluta tal-projbizzjoni li jiġu imposti xi spejjeż, il-fatt li jiġu proposti diversi għażliet ma jistax jelimina n-natura żleali tal-prattika meta wħud mill-għażliet proposti jobbligaw lill-konsumatur jidħol fi spiża, u dan anki jekk din tkun negliġibbli fir-rigward tal-valur tal-premju.

35      L-interpretazzjoni letterali tal-punt 31 tal-Anness I tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali hija sostnuta mill-analiżi tal-kuntest tiegħu.

36      B’hekk, għandu jiġi enfasizzat li din id-dispożizzjoni tinsab fl-Anness I tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali li, kif jippreċiża l-Artikolu 5(5) tagħha, jinkludi l-lista tal-prattiċi kummerċjali li huma kkunsidrati li huma żleali f’kull ċirkustanza. Dan il-punt isostni l-interpretazzjoni fis-sens li ma hija meħtieġa ebda evalwazzjoni sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ intenzjoni qarrieqa jew ta’ natura qarrieqa distinta miċ-ċirkustanzi deskritti fiż-żewġ inċiżi tat-tieni parti tal-imsemmi punt 31 jew inkella tan-natura negliġibbli tal-ispiża.

37      Barra minn hekk, dan il-punt 31 jinsab taħt it-titolu “Prattiċi kummerċjali aggressivi” tal-Anness I tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali u dan jeskludi kull rilevanza tan-natura qarrieqa tal-prattika kummerċjali. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 8 tad-direttiva msemmija, prattika aggressiva hija prattika li, minħabba l-karatteristiċi tagħha, twassal jew tista’ twassal lil konsumatur sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali li altrimenti ma kienx jieħu.

38      Kif enfasizzaw b’mod partikolari l-Gvern tar-Renju Unit u dak Taljan, il-prattika inkwistjoni fit-tieni inċiż tal-punt 31 tal-Anness I tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali tesplojta l-effett psikoloġiku pprovokat meta wieħed jiġi informat li rebaħ premju sabiex il-konsumatur jiġi inkoraġġut jagħmel għażla li mhux dejjem tkun waħda razzjonali, bħal pereżempju jċempel fuq numru tat-telefown b’tariffa ogħla min-normal sabiex jikseb informazzjoni dwar in-natura tal-premju, jagħmel vjaġġ li jinvolvi spiża għolja sabiex jieħu l-pussess ta’ sett tal-platti b’valur baxx jew iħallas l-ispejjeż tal-kunsinna ta’ ktieb li jkollu diġà.

39      F’dan id-dawl, ftit huwa importanti l-fatt li l-premju jkun ta’ valur kbir ħafna meta mqabbel mal-ispejjeż neċessarji sabiex jittieħed pussess tiegħu. Il-kummerċjanti qajmu diversi drabi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-ipoteżi ta’ premju li jkun ikkostitwit minn karozza lussuża li madankollu l-konsumatur ikollu jieħu l-kunsinna tagħha fil-pajjiż ta’ kostruzzjoni tagħha wara li jkun ħallas l-ispejjeż tar-reġistrazzjoni jew tal-assigurazzjoni.

40      Madankollu, għandu jingħad li dan l-eżempju ftit li xejn jirrappreżenta l-premjijiet ġeneralment offerti lill-konsumaturi. Fi kwalunkwe każ, kif enfasizza l-Gvern tar-Renju Unit, il-pubbliku li lilu jkunu indirizzati l-prattiċi inkwistjoni ma jkollux neċessarjament il-kapaċità finanzjarja li jassumi tali spejjeż, lanqas billi jidħol għal kuntratt ta’ self. Fl-aħħar nett, il-fatt li l-kummerċjanti jiġu pprojbiti milli jimponu l-iċken spiża fuq il-konsumatur ma jagħmilx impossibbli l-organizzazzjoni ta’ tali azzjonijiet promozzjonali. Fil-fatt, il-kummerċjant jista’ jipprevedi limitazzjoni ġeografika fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni jew fl-azzjoni promozzjonali sabiex jillimita l-ispejjeż tiegħu u l-ispejjeż marbuta mal-ivvjaġġar tal-konsumatur u mal-formalitajiet meħtieġa sabiex il-konsumatur jieħu l-pussess tal-premju. Il-kummerċjant jista’ anki jieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż tal-komunikazzjoni u tal-kunsinna li ser ikollu jħallas meta jiddetermina l-valur tal-premjijiet li jkunu jridu jingħataw.

41      Fir-rigward tal-fatt li t-titoli li jinsabu fl-Anness I tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali ma ġewx riprodotti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, dan ma jistax ikun rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva. L-istess jista’ jingħad fir-rigward tad-diverġenzi kkonstatati bejn id-diversi liġijiet nazzjonali li jimplementaw id-direttiva msemmija u invokati mill-kummerċjanti. Għall-kuntrarju, għandu jitfakkar li, fl-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, il-qorti nazzjonali li tintalab tinterpreta dan tal-aħħar hija obbligata tinterpretah, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq minnha u sabiex b’hekk tikkonforma ruħha mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, Marleasing, C‑106/89, Ġabra p. I‑4135, punt 8; tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, Ġabra p. I‑8835, punt 113, kif ukoll tat-28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf, C‑69/10, lĠabra p. I‑7151, punt 60).

42      Kif isostni ġustament il-Gvern tar-Renju Unit, l-interpretazzjoni tal-punt 31 tal-Anness I tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali tista’ tiġi ċċarata b’qari tal-punt 20 tal-istess anness. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li jikkostitwixxi prattika qarrieqa l-fatt li prodott jiġi deskritt bħala “gratis”, “b’xejn”, “mingħajr ħlas” jew bi kliem simili ieħor jekk il-konsumatur ikollu jħallas xi ħaġa oħra minbarra l-ispejjeż inevitabbli marbuta mar-risposta għall-prattika kummerċjali u mal-fatt li jieħu l-pussess jew mal-kunsinna tal-oġġett. L-imsemmi punt 31 ma fihx formulazzjoni simili u dan isostni interpretazzjoni fis-sens li l-projbizzjoni li tiġi imposta spiża, tkun kemm tkun żgħira, fuq il-konsumatur hija waħda assoluta, u dan anki jekk din l-ispiża tkun bolla jew komunikazzjoni telefonika b’tariffa normali.

43      L-għanijiet tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali jikkonfermaw l-interpretazzjoni letterali tal-punt 31 tal-Anness I tagħha.

44      L-Artikolu 1 tad-direttiva msemmija jipprovdi li l-għan tagħha huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi (sentenza tat-23 ta’ April 2009, VTB-VAB u Galatea, C‑261/07 u C‑299/07, Ġabra p. I‑2949, punt 51).

45      Kif jirriżulta mill-premessi tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali u, b’mod partikolari, mill-premessa 17 tagħha, iċ-ċertezza legali hija element essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Huwa sabiex jintlaħaq dan il-għan li l-leġiżlatur ġabar fl-Anness I ta’ din id-direttiva il-prattiċi kummerċjali li huma, f’kull ċirkustanza, żleali u li, għaldaqstant, ma jeħtiġux evalwazzjoni każ b’każ skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 9 tad-direttiva msemmija.

46      Dan l-għan ma jintlaħaqx jekk il-punt 31 tal-Anness I tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali jiġi interpretat bħala li jinkludi element ta’ qerq, distint miċ-ċirkustanzi deskritti fit-tieni parti ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, il-prova tal-eżistenza ta’ dan l-element tkun teħtieġ evalwazzjonijiet diffiċli, imwettqa każ b’każ, evalwazzjoni li l-inklużjoni tal-prattika f’dan l-Anness I kienet preċiżament intiża li tevita.

47      Bl-istess mod, dan l-għan ma jintlaħaqx jekk il-kummerċjanti jkunu awtorizzati jimponu fuq il-konsumatur “spejjeż negliġibbli” fir-rigward tal-valur tal-premju. Fil-fatt, dan ikun jeħtieġ li jiġu ddeterminati l-metodi ta’ evalwazzjoni kemm tal-ispejjeż kif ukoll tal-premjijiet u jkunu meħtieġa wkoll tali evalwazzjonijiet.

48      L-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi jsostni wkoll l-interpretazzjoni tal-punt 31 tal-Anness I tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali fis-sens li ebda spiża ma tista’ tiġi imposta fuq il-konsumatur li jkun rebaħ premju.

49      Kif sostna b’mod partikolari l-Gvern tar-Renju Unit, u kif tfakkar fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, il-prattika msemmija fil-punt 31 tal-Anness I tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali hija kkunsidrata bħala aggressiva minn din id-direttiva għaliex ir-riferiment għal premju huwa maħsub li jesplojta l-effett psikoloġiku maħluq f’moħħ il-konsumatur mill-possibbiltà li jkun rebaħ xi ħaġa u jwassal lill-konsumatur sabiex jieħu deċiżjoni li ma tkunx dejjem waħda razzjonali u li altrimenti ma kienx jieħu. Għaldaqstant, huwa sabiex jiġi protett il-konsumatur li huwa meħtieġ li tiġi mħarsa l-integrità tal-kunċett ta’ “premju” fl-interpretazzjoni tal-punt 31 tal-Anness I tad-direttiva msemmija fis-sens li premju li fir-rigward tiegħu l-konsumatur ikun meħtieġ jagħmel xi tip ta’ pagament ma jistax jitqies li huwa premju.

50      Dan l-għan isostni l-interpretazzjoni fis-sens li ma jistax jiġi aċċettat li l-azzjonijiet fir-rigward tat-talba ta’ premju jistgħu jitwettqu skont diversi metodi proposti lill-konsumatur mill-kummerċjant li minn tal-inqas wieħed minnhom ikun bla ħlas. Fil-fatt, hija l-possibbiltà stess li jieħu l-pussess ta’ premju li tinfluwenza lill-konsumatur u li tista’ twassal lil dan tal-aħħar sabiex jieħu deċiżjoni li altrimenti ma kienx jieħu, bħad-deċiżjoni li jagħżel l-iktar metodu rapidu sabiex ikun jaf xi premju rebaħ meta dan il-metodu jista’ jkun dak li jinvolvi l-iktar spejjeż.

51      Il-kummerċjanti sostnew li informazzjoni adegwata tal-konsumatur, fir-rigward tan-natura tal-premju u tal-kundizzjonijiet tat-teħid tal-pussess tiegħu, għandha tkun biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li l-prattika segwita ma hijiex żleali. F’dan id-dawl, għandha ssir distinzjoni bejn dak li jikkostitwixxi l-premju u dak li jikkostitwixxi t-teħid tal-pussess tiegħu. Fil-fatt, filwaqt li d-deskrizzjoni tal-premju lill-konsumatur hija essenzjali, il-punt 31 tal-Anness I tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali jipprojbixxi li l-azzjonijiet fir-rigward tat-talba tal‑premju jkunu suġġetti għall-obbligu, fuq il-konsumatur, li jħallas xi flus jew li jidħol f’xi spejjeż.

52      B’hekk, sabiex nieħdu bħala eżempju wieħed mill-eżempji ċċitati matul is-seduta, premju ddefinit bħala “biljett tad-dħul” għal logħba futbol partikolari ma jinkludix it-trasport tal-konsumatur mid-dar tiegħu sal-grawnd tal-futbol fejn tintlagħab il-logħba. Għall-kuntrarju, jekk il-premju jkun jikkonsisti “fil-fatt li wieħed jassisti” għal dan l-avveniment sportiv, mingħajr ebda preċiżjoni oħra, il-kummerċjant ikun meħtieġ ikopri l-ispejjeż għall-vjaġġ tal-konsumatur.

53      Informazzjoni ċara u adegwata tal-konsumatur hija importanti jekk il-kummerċjant ikun jixtieq li l-konsumatur jidentifika l-premju mirbuħ u jevalwa dak li jinkludi l-premju. F’dan id-dawl, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 18 tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali, meta prattika kummerċjali tkun indirizzata speċifikament lil grupp partikolari ta’ konsumaturi, ikun mixtieq li l-impatt ta’ din il-prattika jiġi evalwat mill-perspettiva tal-membru medju ta’ dan il-grupp. Skont din il-premessa, il-qrati nazzjonali, b’mod partikolari, għandhom jeżerċitaw il-fakultà ta’ ġudizzju tagħhom sabiex jiddeterminaw ir-reazzjoni tipika tal-konsumatur medju f’każ partikolari.

54      Il-premessa 19 tal-istess direttiva tinsisti fuq il-kunċett ta’ grupp partikolari partikolarment vulnerabbli għal prattika kummerċjali u fuq il-ħtieġa li jiġu protetti l-konsumaturi li jagħmu parti minn dan il-grupp billi l-prattika inkwistjoni tiġi evalata mill-perspettiva tal-membru medju ta’ dan il-grupp. Għalhekk, l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali jiddefinixxi n-natura żleali ta’ prattika fil-konfront tal-grupp partikolari ta’ konsumaturi li jkunu fil-mira ta’ din il-prattika.

55      Bħal kull informazzjoni oħra mogħtija minn kummerċjant lil konsumatur, l-informazzjoni li tippreċiża l-ħaġa li tikkostitwixxi l-premju għandha tiġi eżaminata u evalwata mill-qrati nazzjonali fid-dawl tal-premessi 18 u 19 tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali, kif ukoll fid-dawl tal-Artikolu 5(2)(b) tagħha. Dan jikkonċerna kemm id-disponibbiltà tal-informazzjoni u kemm il-mezz użat sabiex tingħata, in-natura li tista’ tinqara tat-test, u ċ-ċarezza u n-natura li tista’ tinftiehem tiegħu fil-konfront tal-pubbliku li jkun fil-mira tal-prattika.

56      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-prattika deskritta fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, huwa importanti li l-pubbliku fil-mira tal-offerta ta’ tali premju jkun f’pożizzjoni li jkun jaf b’mod partikolari d-dati tal-kruċiera, il-punti tat-tluq u tal-wasla tagħha, kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni u tal-ikel. Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw jekk l-informazzjoni mogħtija hijiex ċara biżżejjed u ta’ natura li tinftiehem biżżejjed għall-pubbliku li jkun fil-mira tal-prattika b’tali mod li l-konsumatur medju tal-grupp ikkonċernat ikun jista’ jieħu deċiżjoni b’għarfien taċ-ċirkustanzi kollha.

57      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li tingħata din ir-risposta għad-domandi magħmula:

—      It-tieni inċiż tal-punt 31 tal-Anness I tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi l-prattiċi aggressivi li permezz tagħhom il-kummerċjanti jagħtu l-impressjoni falza li l-konsumatur diġà rebaħ premju meta t-twettiq ta’ azzjoni fir-rigward tat-talba għal dan il-premju, kemm fir-rigward ta’ talba għal informazzjoni dwar in-natura ta’ dan il-premju u kemm fir-rigward tat-teħid tal-pussess tiegħu, ikun suġġett għall-obbligu, min-naħa tal-konsumatur, li jħallas xi flus jew li jidħol f’xi spiża.

—      Huwa irrilevanti li l-ispiża imposta fuq il-konsumatur, bħall-prezz ta’ bolla, tkun negliġibbli meta mqabbla mal-valur tal-premju jew li din l-ispiża ma tipprokura ebda benefiċċju għall-kummerċjant.

—      Huwa irrilevanti wkoll li l-azzjonijiet fir-rigward tat-talba għal premju jistgħu jitwettqu permezz ta’ diversi metodi proposti lill-konsumatur mill-kummerċjant, metodi li minn tal-inqas wieħed minnhom ikun bla ħlas, meta wieħed jew iktar minn dawn il-metodi proposti jirrikjedu li l-konsumatur jidħol fi spiża sabiex jinforma ruħu dwar il-premju jew dwar il-modalitajiet kif jista’ jikseb dan il-premju.

—      Huma l-qrati nazzjonali li għadhom jevalwaw l-informazzjoni mogħtija lill-konsumaturi fid-dawl tal-premessi 18 u 19 tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali, kif ukoll tal-Artikolu 5(2)(b) tagħha, jiġifieri billi jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċarezza u n-natura li tinftiehem ta’ din l-informazzjoni min-naħa tal-pubbliku li jkun fil-mira tal-prattika segwita.

 Fuq l-ispejjeż

58      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

It-tieni inċiż tal-punt 31 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali), għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi l-prattiċi aggressivi li permezz tagħhom il-kummerċjanti, bħala dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jagħtu l-impressjoni falza li l-konsumatur diġà rebaħ premju meta t-twettiq ta’ azzjoni fir-rigward tat-talba għal dan il-premju, kemm fir-rigward ta’ talba għal informazzjoni dwar in-natura ta’ dan il-premju u kemm fir-rigward tat-teħid tal-pussess tiegħu, ikun suġġett għall-obbligu, min-naħa tal-konsumatur, li jħallas xi flus jew li jidħol f’xi spiża.

Huwa irrilevanti li l-ispiża imposta fuq il-konsumatur, bħall-prezz ta’ bolla, tkun negliġibbli meta mqabbla mal-valur tal-premju jew li din l-ispiża ma tipprokura ebda benefiċċju għall-kummerċjant.

Huwa irrilevanti wkoll li l-azzjonijiet fir-rigward tat-talba għal premju jistgħu jitwettqu permezz ta’ diversi metodi proposti lill-konsumatur mill-kummerċjant, metodi li minn tal-inqas wieħed minnhom ikun bla ħlas, meta wieħed jew iktar minn dawn il-metodi proposti jirrikjedu li l-konsumatur jidħol fi spiża sabiex jinforma ruħu dwar il-premju jew dwar il-modalitajiet kif jista’ jikseb dan il-premju.

Huma l-qrati nazzjonali li għadhom jevalwaw l-informazzjoni mogħtija lill-konsumaturi fid-dawl tal-premessi 18 u 19 tad-Direttiva 2005/29, kif ukoll tal-Artikolu 5(2)(b) tagħha, jiġifieri billi jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċarezza u n-natura li tinftiehem ta’din l-informazzjoni min-naħa tal-pubbliku li jkun fil-mira tal-prattika segwita.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.