Language of document : ECLI:EU:T:2008:318

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

9 ta’ Settembru 2008 (*)

“FEŻR – Tnaqqis ta’ għajnuna finanzjarja – Modifiki tal-pjanijiet ta’ finanzjament mingħajr il-kunsens tal-Kummissjoni – Kunċett ta’ modifika sostanzjali – Artikolu 24 tar-Regolament (KEE) Nru 4253/88 – Rikors għal annullament”

Fil-kawżi magħquda T‑349/06, T‑371/06, T‑14/07, T‑15/07 u fil-kawża T‑332/07,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma u, fil-kawżi T‑349/06, T‑371/06, T‑14/07 u T‑15/07, ukoll minn C. Schulze-Bahr, bħala aġenti, assistiti minn C. von Donat, avukat,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Wilms u L. Flynn, bħala aġenti,

konvenuta

li għandhom bħala suġġett talbiet għall-annullament tad-deċiżjonijiet C (2006) 4193 finali u C (2006) 4194 finali, tal-25 ta’ Settembru 2006, C (2006) 5163 finali u C (2006) 5164 finali, tat-3 ta’ Novembru 2006, u C (2007) 2619 finali, tal-25 ta’ Ġunju 2007, li jnaqqsu l-għajnuna mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) mogħtija favur il-programm Objettiv 2 1997-1999 Nordrhein-Westfalen, il-programm operazzjonali Resider – Nordrhein-Westfalen 1994-1999, il-programmi operazzjonali tal-Land tan-Nordrhein-Westfalen fil-qafas tal-inizjattivi konġunti SME (impriżi żgħar u ta’ daqs medju) u Rechar II, u l-programm operazzjonali għall-għajnuna strutturali Komunitarja fir-reġjuni tal-Objettiv 2 tal-Land tan-Nordrhein-Westfalen għall-perijodu mill-1994 sal-1996, rispettivament,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn O. Czúcz (Relatur), President, J. D. Cooke u I. Labucka, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduti tas-26 ta’ Frar (T‑349/06, T‑371/06, T‑14/07 u T‑15/07) u tal-10 ta’ Ġunju 2008 (T‑332/07),

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Mill-1989 sa l-1999, ir-regoli dwar l-implementazzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali stipulata fl-Artikolu 158 KE kienu ddefiniti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2052/88, tal-24 ta’ Ġunju 1988, dwar ix-xogħlijiet tal-Fondi Strutturali u l-effettività tagħhom u dwar il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tagħhom bejniethom u mal-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-istrumenti finanzjarji oħrajn eżistenti [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 185, p. 9). Dan ir-regolament kien jikkostitwixxi l-miżura prinċipali li tirregola l-Fondi Strutturali u b’mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR). Ir-Regolament Nru 2052/88 ġie emendat b’mod partikolari bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/93, tal-20 ta’ Lulju 1993, (ĠU L 193, p. 5).

2        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2052/88 jiddefinixxi l-għanijiet prijoritarji li l-azzjoni Komunitarja għandha l-għan li twettaq bl-għajnuna tal-Fondi Strutturali.

3        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2052/88 jirrigwarda l-kumplimentarjetà, is-sħubija u l-assistenza teknika. Huwa jistipula:

“1.      L-azzjoni Komunitarja hija intiża li tikkumplimenta l-azzjonijiet nazzjonali korrispondenti jew bħala kontribuzzjoni għalihom. Hija tiġi stabbilita permezz ta’ konsultazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat, l-awtoritajiet u l-korpi kompetenti […] innominati mill-Istat Membru fuq livell nazzjonali, reġjonali, lokali jew oħrajn, peress li l-partijiet kollha msieħba għandhom għan komuni. Din il-konsultazzjoni hija msejħa, iktar ’il quddiem, ‘sħubija’. Is-sħubija tirrigwarda t-tħejjija, l-iffinanzjar, kif ukoll l-evalwazzjoni ex ante, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ex post tal-azzjonijiet.

Is-sħubija titmexxa b’konformità sħiħa mal-poteri istituzzjonali, legali u finanzjarji rispettivi ta’ kull sieħeb.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

4        L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2052/88, bit-titolu “Forom ta’ għajnuna” jistipula, fil-paragrafu 2(a) tiegħu, li “f’dak li jirrigwarda l-Fondi Strutturali […], l-għajnuna finanzjarja tista’ tinkiseb [b’mod partikolari] taħt [il-forma ta’] kofinanzjament ta’ programmi operazzjonali”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] Il-paragrafu 5 ta’ din l-istess dispożizzjoni jiddefinixxi l-espressjoni “programm operazzjonali” bħala “numru konsistenti ta’ miżuri multiannwali li jistgħu jiġu implementati [b’mod partikolari] permezz ta’ Fond Strutturali wieħed jew iktar” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

5        Skont l-Artikoli 8 sa 10 u 11(a) tar-Regolament Nru 2052/88, il-pjanijiet imfasslin mill-Istati Membri għandhom jinkludu b’mod partikolari d-deskrizzjoni ta’ strateġija adegwata sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament u l-prijoritajiet magħżula għal dan il-għan, billi jiġu kkwantifikati l-progressi ppjanati safejn in-natura tagħhom tippermetti, kif ukoll indikazzjonijiet dwar l-użu tal-għajnuna tal-Fondi. Skont dawn l-istess dispożizzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, abbażi ta’ dawn il-pjanijiet, fil-qafas tas-sħubija msemmija fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, u bi ftehim mal-Istat Membru kkonċernat, il-qafas ta’ appoġġ Komunitarju, li jinkludi, b’mod partikolari, l-assi prijoritarji għall-għajnuna Komunitarja kif ukoll il-pjan ta’ finanzjament indikattiv li fih huma speċifikati l-ammont tal-għajnuna u s-sors tagħha.

6        Fid-19 ta’ Diċembru 1988, il-Kunsill adotta r-Regolament (KEE) Nru 4253/88 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-attivitajiet tad-diversi Fondi Strutturali bejniethom, minn naħa waħda, u bejniethom u dawk tal-Bank Ewropew għall-Investiment u strumenti finanzjarji oħrajn eżistenti, min-naħa l-oħra (ĠU L 374, p.1). Ir-Regolament Nru 4253/88 ġie emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/93, tal-20 ta’ Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 20).

7        L-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 4253/88 jirripproduċi ċerti dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8 sa 10 u 11(a) tar-Regolament Nru 2052/88 u jistipula li “[k]ull qafas ta’ appoġġ Komunitarju għandu jinkludi”, b’mod partikolari, “l-assi prijoritarji għall-azzjoni konġunta tal-Komunità u tal-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tar-[Regolament Nru 2052/88], l-għanijiet speċifiċi tagħhom, ikkwantifikati jekk in-natura tagħhom tippermetti” kif ukoll “pjan indikattiv ta’ finanzjament li jispeċifika l-ammont tal-allokazzjonijiet finanzjarji maħsuba għall-forom differenti [diversi] ta’ għajnuna”.

8        L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 4253/88, jikkonċerna l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal għajnuna mill-Fondi. Din id-dispożizzjoni b’mod partikolari tipprovdi :

“1.      L-applikazzjonijiet għal għajnuna finanzjarja mill-Fondi Strutturali […] huma mħejjija mill-Istat Membru jew mill-awtoritajiet kompetenti nnominati minnu […] u huma sottomessi lill-Kummissjoni […]

2.      L-applikazzjonijiet jinkludu l-informazzjoni meħtieġa […] u, partikolarment, deskrizzjoni tal-miżura proposta […] u tal-għanijiet speċifiċi tagħha. L-applikazzjonijiet jinkludu wkoll […] il-pjan ta’ finanzjament propost […]

3.      Il-Kummissjoni teżamina l-applikazzjonijiet partikolarment sabiex:

[…]

–        tevalwa l-kontribuzzjoni tal-miżura proposta sabiex jintlaħqu l-għanijiet speċifiċi tagħha u, fil-każ ta’ programm operazzjonali, il-koerenza tal-miżuri li jiffurmawh,

–        tivverifika li l-mekkaniżmi amministrattivi u finanzjarji huma adegwati għall-implementazzjoni effettiva tal-proġett,

–        tiddetermina l-modalitajiet preċiżi tal-għajnuna mill-Fond jew Fondi kkonċernati […].

         Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-għajnuna mill-Fondi […], sakemm ir-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu jkunu ssodisfati […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88, bit-titolu “Tnaqqis, sospensjoni u tneħħija tal-għajnuna” jipprovdi:

“1.      Jekk it-twettiq ta’ azzjoni jew miżura jidher li la jiġġustifika parti u lanqas it-totalità tal-għajnuna finanzjarja mogħtija, il-Kummissjoni għandha twettaq eżami xieraq tal-każ fil-kuntest tas-sħubija b’mod partikolari billi titlob lill-Istat Membru jew lill-awtoritajiet indikati minnu għall-implementazzjoni tal-azzjoni sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fi żmien determinat.

2.      Wara dan l-eżami, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas jew tissospendi l-għajnuna għall-azzjoni jew għall-miżura kkonċernata jekk mill-eżami jirriżulta li teżisti irregolarità jew modifika sostanzjali li taffettwa n-natura jew il-kundizzjonijiet tal-implementazzjoni tal-azzjoni jew tal-miżura u li għaliha ma ntalbitx l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

3.      Kull somma li tkun ġiet imħallsa indebitament u li trid tiġi rkuprata għandha titħallas lura lill-Kummissjoni […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 4253/88, dwar is-sorveljanza tal-implementazzjoni tal-għajnuna finanzjarja, fil-paragrafu 5 tiegħu jipprovdi:

“Il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jadatta […], skond ir-riżorsi disponibbli u r-regoli baġitarji, il-pjan ta’ finanzjament maħsub, inklużi l-eventwali trasferimenti bejn sorsi ta’ finanzjament Komunitarji u l-modifiki tar-rati ta’ għajnuna riżultanti. […]

Dawn il-modifiki għandhom jiġu nnotifikati immedjatament lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru kkonċernat. Huma jidħlu fis-seħħ malli jkun hemm il-konferma mill-Kummissjoni u mill-Istat Membru kkonċernat; din il-konferma għandha tingħata fi żmien 20 jum tax-xogħol li jiddekorru mid-data meta jirċievu din in-notifika, liema data tkun ikkonfermata mill-Kummissjoni permezz ta’ nota ta’ konferma tal-wasla tan-notifika

Il-modifiki l-oħra jiġu deċiżi mill-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat, wara li l-Kumitat ta’ Sorveljanza jagħti l-opinjoni tiegħu.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Deċiżjonijiet li taw l-għajnuna finanzjarja

11      Permezz tad-deċiżjoni C (94) 3379, tal-14 ta’ Diċembru 1994, il-Kummissjoni approvat, taħt il-forma ta’ dokument ta’ programmar individwali, il-qafas ta’ appoġġ Komunitarju kif ukoll il-programm operazzjonali għall-għajnuna strutturali Komunitarja fir-reġjuni tal-Objettiv 2 tal-Land Ġermaniż tan-Nordrhein-Westfalen għall-perijodu mill-1994 sal-1996. Din id-deċiżjoni ġiet emendata diversi drabi u, fil-verżjoni finali tagħha, tagħti għajnuna finanzjarja mill-FEŻR f’ammont totali ta’ EUR 241 292 000, filwaqt li estendiet il-perijodu stabbilit għall-implementazzjoni tal-proġetti sal-31 ta’ Diċembru 2000.

12      Permezz tad-deċiżjoni C (95) 1427, tal-11 ta’ Lulju 1995, il-Kummissjoni tat għajnuna finanzjarja Komunitarja lil programm operazzjonali, introdott fil-qafas tal-inizjattiva Komunitarja SME (impriżi żgħar u ta’ daqs medju), li jkopri l-perijodu mill-1994 sal-1999 u li jikkonċerna lil-Land tan-Nordrhein-Westfalen. Din id-deċiżjoni ġiet emendata diversi drabi. Il-verżjoni finali ta’ din id-deċiżjoni tindika li l-ammont totali tal-għajnuna finanzjarja mill-FEŻR ġie ffissat għal EUR 8 206 000.

13      Permezz tad-deċiżjoni C (95) 1738, tas-27 ta’ Lulju 1995, il-Kummissjoni tat għajnuna finanzjarja Komunitarja lil programm operazzjonali, introdott fil-qafas tal-inizjattiva Komunitarja Resider II, għall-finijiet tar-ristrutturazzjoni ekonomika taż-żoni tal-industrija tal-azzar tal-Land tan-Nordrhein-Westfalen għall-perijodu mit-28 ta’ Novembru 1994 sal-31 ta’ Diċembru 1997. Din id-deċiżjoni ġiet emendata diversi drabi. Il-verżjoni finali ta’ din id-deċiżjoni estendiet il-perijodu tal-programm sal-31 ta’ Diċembru 1999 u l-ammont totali tal-għajnuna finanzjarja ġie stabbilit għal EUR 152 184 777, li minnhom EUR 75 063 840 jitħallsu mill-FEŻR.

14      Permezz tad-deċiżjoni C (95) 1739, tas-27 ta’ Lulju 1995, il-Kummissjoni approvat l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja favur il-programm operazzjonali tal-inizjattiva konġunta Rechar II maħsub għar-ristrutturazzjoni tal-minjieri tal-faħam tal-Land tan-Nordrhein-Westfalen fir-rigward tal-perijodu mit-28 ta’ Novembru 1994 sal-31 ta’ Diċembru 1997. Din id-deċiżjoni wkoll ġiet emendata diversi drabi. Il-verżjoni finali tagħha estendiet il-perijodu tal-għoti tal-għajnuna sal-31 ta’ Diċembru 1999 u l-ammont tal-għajnuna mill-FEŻR ġie stabbilit għal EUR 52 237 708.

15      Permezz tad-deċiżjoni C (97) 1120, tas-7 ta’ Mejju 1997, il-Kummissjoni approvat, taħt il-forma ta’ dokument ta’ programmar individwali, il-qafas ta’ appoġġ Komunitarju kif ukoll il-programm operazzjonali fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1997 sal-31 ta’ Diċembru 1999 għall-għajnuna strutturali Komunitarja fir-reġjuni tal-Land tan-Nordrhein-Westfalen kkonċernati mill-Objettiv 2. Din id-deċiżjoni ġiet emendata diversi drabi u, fil-verżjoni finali tagħha, tagħti għajnuna finanzjarja mill-FEŻR f’ammont totali ta’ EUR 324 534 806, filwaqt li estendiet il-perijodu stabbilit għall-implementazzjoni tal-proġetti sat-30 ta’ Settembru 2002.

16      L-Artikolu 4 tad-deċiżjoni C (94) 3379, tal-14 ta’ Diċembru 1994, u tad-deċiżjoni C (97) 1120, tas-7 ta’ Mejju 1997, jipprovdi li d-dettalji dwar l-għoti tal-għajnuna finanzjarja, inkluż dik mill-Fondi, lill-assi prijoritarji u diversi miżuri għandhom jissemmew fil-pjan ta’ finanzjament ta’ kull programm. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tat-tliet deċiżjonijiet l-oħra li taw għajnuna ċċitati iktar qabel, jindika li l-modalitajiet ta’ għoti tal-għajnuna finanzjarja, inkluża l-għajnuna mill-Fondi għad-diversi sottoprogrammi u għall-miżuri li huma parti integrali tal-programmi, għandhom jissemmew fil-pjan ta’ finanzjament anness ma’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet. Il-pjanijiet ta’ finanzjament tad-diversi programmi huma maqsuma f’assi prijoritarji u f’miżuri.

 Il-proċedura amministrattiva

17      Fid-dawl tal-għeluq, fil-31 ta’ Diċembru 1999, tal-programmi ffinanzjati mill-Fondi Strutturali u li jikkonċernaw il-perijodu ta’ programmar 1994-1999, fid-9 ta’ Settembru 1999 il-Kummissjoni adottat linji gwida għall-għeluq finanzjarju ta’ għajnuna operazzjonali (1994-1999) mill-Fondi Strutturali (iktar ’il quddiem “Linji gwida”) u kkomunikathom lill-Istati Membri. Fil-verżjoni Ġermaniża, il-Linji gwida jipprovdu b’mod partikolari:

“6.      Pjanijiet ta’ finanzjament

6.1      Il-pjan ta’ finanzjament ma jistax jinbidel wara d-data finali għall-impenji.

6.2      L-għeluq finanzjarju ta’ programmi għandu jsir abbażi tal-verżjoni tal-pjan ta’ finanzjament fis-seħħ (ġeneralment, pjan ta’ finanzjament maqsum fuq tliet livelli, jiġifieri programm, sottoprogramm, miżura). Il-kontijiet ippreżentati mill-Istati Membri għandu jkollhom l-istess livell ta’ dettall bħall-pjanijiet ta’ finanzjament annessi mad-deċiżjonijiet li japprovaw l-għajnuna operazzjonali u, għalhekk, ġeneralment għandhom juru l-ispejjeż li effettivament saru maqsuma fil-livell tal-miżuri.

Jista’ jiġi aċċettat eċċess ta’ 20 % tal-kontribuzzjoni ta’ kull Fond għal kull miżura sakemm l-ammont totali tas-sottoprogramm, kif stabbilit fil-pjan ta’ finanzjament fis-seħħ, ma jkunx żdied.

Madankollu, iż-żidiet fil-miżuri fi ħdan sottoprogramm ma jistgħux jaqbżu l-10 % tal-kontribuzzjoni ta’ kull Fond għall-ammont totali ta’ dan is-sottoprogramm, kif stabbilit fil-pjan ta’ finanzjament.

Għandu jiġi nnotat li l-klawżola ta’ flessibbiltà hija applikabbli biss fi ħdan l-istess Fond u li, fejn ma hemmx sottoprogrammi, il-flessibbiltà ta’ 10 % hija applikabbli fil-livell tal-programm.”

18      Sabiex inaqqas in-numru ta’ applikazzjonijiet għal modifika tal-programmi jew tal-pjanijiet ta’ finanzjament, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-Objettiv 2, matul il-laqgħat tal-11 u tat-12 ta’ Novembru 1999 ta’ dan il-kumitat, talab lill-Istati Membri sabiex jużaw iktar il-klawżola ta’ flessibbiltà li tinsab fil-punt 6.2 tal-Linji gwida.

19      Wara li ġew evalwati l-proġetti li għalihom kienu saru applikazzjonijiet għall-finanzjament matul l-aħħar tliet xhur tas-sena 1999, l-awtoritajiet Ġermaniżi inkarigati mill-programmi rrilevaw li kien hemm applikazzjonijiet għall-finanzjament ta’ ċerti miżuri previsti eċċessivi meta mqabbla mal-Fondi li kienu ġew allokati għalihom fil-pjanijiet ta’ finanzjament, filwaqt li, għal miżuri oħra, l-applikazzjonijiet kienu għal inqas minn dak previst. Konsegwentement, l-awtoritajiet nazzjonali ddeċidew li jittrasferixxu fondi bejn id-diversi miżuri ta’ kull programm, b’tali mod li l-fondi li ma kinux intużaw għall-miżuri li għalihom kienu previsti jistgħu jintużaw għall-finanzjament ta’ proġetti li jaqgħu taħt miżuri oħra. Dawn it-trasferimenti ma wasslux biex jinqabeż l-ammont totali ta’ għajnuna mogħtija għal kull wieħed mill-programmi, iżda rriżultaw f’żieda fl-ammont fir-rigward ta’ ċerti assi prijoritarji u fi tnaqqis fl-ammont mogħti fir-rigward ta’ oħrajn.

20      Matul l-implementazzjoni tal-programmi, l-għajnuna finanzjarja tal-FEŻR ġiet imħallsa fi stadji differenti, skont l-applikazzjonijiet għall-ħlas u skont il-modalitajiet għall-implementazzjoni annessi mal-programmi. Meta l-programmi ġew implementati, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet lill-Kummissjoni biex jitħallas il-bilanċ dovut għal kull programm.

21      Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Ġunju 2003, il-Kummissjoni infurmat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-klawżola ta’ flessibbiltà stipulata fil-punt 6.2 tal-Linji gwida kienet tippermetti t-trasferiment ta’ fondi biss bejn miżuri li jaqgħu taħt l-istess assi prijoritarji u li t-trasferimenti bejn assi prijoritarji kienu pprojbiti.

22      Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Frar 2004, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja rrispondiet l-ittra tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ġunju 2003 u kkontestat l-interpretazzjoni tal-punt 6.2 tal-Linji gwida kif mogħtija fl-ittra.

23      Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Marzu 2004, dwar il-programmi kollha li għalihom kienet ingħatat għajnuna finanzjarja Komunitarja, id-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Politika Reġjonali” tal-Kummissjoni informa lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li ma kienx bi ħsiebu jilqa’ l-oġġezzjonijiet tiegħu dwar l-applikazzjoni tal-klawżola ta’ flessibbiltà. Id-DĠ “Politika Reġjonali” iddikjara li, konsegwentement, il-bilanċ tal-approprjazzjonijiet impenjati mill-FEŻR kien ser jiġi rrilaxxat. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wieġbet din l-ittra permezz ta’ ittra tas-26 ta’ April 2004, li fiha talbet lill-Kummissjoni sabiex tibgħatilha komunikazzjonijiet ta’ għeluq għal kull programm.

 Id-deċiżjonijiet ikkontestati

24      Permezz tad-deċiżjoni C (2006) 4193 finali tagħha, tal-25 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni naqqset l-għajnuna tal-FEŻR mogħtija lill-programm tal-Objettiv 2 1997-1999 Nordrhein-Westfalen b’Eur 5 488 569,24.

25      Permezz tad-deċiżjoni C (2006) 4194 finali tagħha, tal-25 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni naqqset l-għajnuna finanzjarja tal-FEŻR mogħtija lill-programm operazzjonali Resider – Nordrhein-Westfalen 1994-1999 b’EUR 2 268 988,33.

26      Permezz tad-deċiżjoni C (2006) 5163 finali tagħha, tat-3 ta’ Novembru 2006, il-Kummissjoni naqqset l-għajnuna finanzjarja tal-FEŻR mogħtija lill-programm operazzjoniali tal-Land tan-Nordrhein-Westfalen fil-qafas tal-inizjattiva konġunta SME b’EUR 981 529,62.

27      Permezz tad-deċiżjoni C (2006) 5164 finali tagħha, tat-3 ta’ Novembru 2006, il-Kummissjoni naqqset l-għajnuna finanzjarja tal-FEŻR mogħtija lill-programm operazzjonali tal-Land tan-Nordrhein-Westfalen fil-qafas tal-inizjattiva konġunta Rechar II b’EUR 2 322 116,26.

28      Permezz tad-deċiżjoni C (2007) 2619 finali tagħha, tal-25 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni naqqset l-għajnuna finanzjarja tal-FEŻR mogħtija lill-programm operazzjonali tal-Objettiv 2 tal-Land tan-Nordrhein-Westfalen b’EUR 5 958 401,64.

29      F’dawn il-ħames deċiżjonijiet (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”, il-Kummissjoni tat l-istess raġunijiet għat-tnaqqis tal-għajnuna Komunitarja. Il-Kummissjoni spjegat li, bħala regola, il-programmi ssussidjati mill-Fondi Komunitarji għandhom jiġu implementati skont id-deċiżjonijiet li jagħtu l-għajnuna u skont it-tabelli finanzjarji approvati minnha u li l-ebda modifika ma hi possibbli wara t-terminu ta’ skadenza stipulat għall-impenji, meta l-perijodu ta’ programmar ikun diġà ntlaħaq. Il-Kummissjoni ppreċiżat li, filwaqt li t-tmiem ta’ dan il-perijodu kien qed joqrob, kien jidher li madankollu l-awtoritajiet nazzjonali ma setgħux, waqt l-implementazzjoni tal-programmi, jiggarantixxu livell ta’ implementazzjoni identiku għal dak stipulat fit-tabelli finanzjarji annessi mad-deċiżjonijiet li japprovaw il-Fondi, u li, konsegwentement, hija kienet infurmat lid-dipartimenti tagħha u lill-Istati Membri li kienet se tiġi applikata ċerta flessibbiltà fil-mument tal-għeluq skont il-punt 6.2 tal-Linji gwida. Madankollu, skont il-Kummissjoni, il-qbiż tal-limiti ddefiniti fil-punt 6.2 ta’ dawn il-Linji gwida jikkostitwixxi modifika sostanzjali skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88, li għaliha l-Istati Membri kellhom jissottomettu applikazzjoni għal modifika mhux iktar tard mill-aħħar jum stipulat għall-impenji. Fir-rigward tal-portata tal-flessibbiltà stipulata fil-punt 6.2 tal-Linji gwida, il-Kummissjoni spjegat li l-punt 6.2 kien jippermetti flessibbiltà finanzjarja biss bejn miżuri li jaqgħu fl-istess assi prijoritarji, peress li, kieku kien jagħti flessibbiltà bejn assi prijoritarji, kien ikun jippermetti modifika fl-ammonti ffissati fil-pjanijiet ta’ finanzjament. Hija spjegat li l-verżjonijiet fil-lingwa Ingliża u Franċiża tal-Linji gwida kienu jindikaw li l-flessibbiltà kienet tapplika fi tliet livelli (programm, sottoprogramm/assi prijoritarji u miżura) u li, anki jekk il-verżjoni Ġermaniża kienet tirreferi biss għas-sottoprogrammi, hija ma setgħetx, skont il-prinċipju ta’ trattament ugwali, tapplika l-Linji gwida b’mod differenti skont jekk il-programmi eżaminati kinux jikkonċernaw ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew Stati Membri oħra. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni affermat li f’din il-kawża, kuntrarjament għal dak li allegaw l-awtoritajiet nazzjonali, il-programmi inkwistjoni kienu strutturati fi tliet livelli, jiġifieri, il-programm, is-sottoprogramm/assi prijoritarji u miżuri, u li l-awtoritajiet stess kkunsidraw li l-assi prijoritarji kienu jikkostitwixxu sottoprogrammi meta kienu indikaw, fit-tabelli finanzjarji, l-ammonti korrispondenti għall-assi prijoritarji jew għas-sottoprogrammi u mhux għall-miżuri kofinanzjati mill-FEŻR.

30      Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna Komunitarja inkwistjoni kellha titnaqqas għaliex, peress li l-awtoritajiet nazzjonali ma kinux irrispettaw it-tabelli finanzjarji u peress li nqabżu l-limiti ta’ flessibbiltà, kienu saru modifiki sostanzjali li għalihom ma kinitx intalbet l-approvazzjoni tagħha.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

31      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-4 ta’ Diċembru 2006 (kawżi T‑349/06 u T‑371/06), fil-15 ta’ Jannar 2007 (kawżi T‑14/07 u T‑15/07) u fl-4 ta’ Settembru 2007 (kawża T‑332/07), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ressqet dawn ir-rikorsi.

32      Permezz ta’ digriet tal-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Jannar 2008, il-kawżi T‑349/06, T‑371/06, T‑14/07 u T‑15/07 ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

33      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonjiet ikkontestati;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

34      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

 Id-dritt

35      Fid-dawl tal-fatt li l-kawżi preżenti huma relatati u wara li semgħet il-partjiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li jkun opportun li tagħqad il-kawża T‑332/07 mal-kawżi T‑349/06, T‑371/06, T‑14/07, T‑15/07 għall-finijiet tas-sentenza, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

36      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tissolleva, sostanzjalment, l-istess motiv fil-kawżi kollha, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88. F’dan ir-rigward hija tikkritika lill-Kummissjoni, minn naħa waħda, talli kkunsidrat li t-trasferimenti magħmula mill-awtoritajiet nazzjonali kienu “modifiki sostanzjali” li hija ma kinitx approvat u, min-naħa l-oħra, talli ma eżerċitatx il-marġni ta’ diskrezzjoni li din id-dispożizzjonijet kienet tagħtiha sabiex tiddeċiedi jekk l-għajnuna finanzjarja kinitx ġustifikata.

37      Fil-kawża T‑332/07, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tissolleva wkoll motiv ibbażat fuq żball ta’ apprezzament tal-fatti, li għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq żball ta’ apprezzament tal-fatti ssollevat fil-kawża T‑332/07

 Argumenti tal-partijiet

38      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza li l-Kummissjoni evalwat b’mod żbaljat il-fatti meta qieset, fil-premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata fil-kawża T‑332/07, li l-ispejjeż tal-FEŻR għal parti mill-miżuri stipulati mill-programm inkwistjoni, jiġifieri l-miżuri 3.1, 3.3 u 5.1, kienu inqas minn dak indikat fil-pjan ta’ finanzjament fis-seħħ. Hija tafferma li l-applikazzjoni għall-ħlas kienet tkopri l-bilanċ totali li kien għadu dovut u li, fir-rigward ta’ dawn il-miżuri, ma kien hemm ebda applikazzjoni għall-ħlas ta’ parti biss mill-għajnuna tal-FEŻR kif stipulata fir-rati ta’ finanzjament stabbiliti. Hija tafferma li l-benefiċjarji finali rċevew mingħand l-awtoritajiet Ġermaniżi ammonti ferm akbar minn dawk li l-Kummissjoni ddeċidiet li tħallas, peress li l-parti tal-kofinanzjament nazzjonali kien, xi drabi, żdied. Hija tqis li, konsegwentement, il-Kummissjoni kien imissha ħallset kontribuzzjoni tal-FEŻR ugwali għall-previżjonijiet tal-pjan ta’ finanzjament, skont dak li kien intalab.

39      Il-Kummissjoni tinnega li kkomettiet żball ta’ apprezzament tal-fatti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

40      Għandu jiġi kkonstatat li l-uniku dokument li jinsab fil-proċess ta’ din il-kawża li fih id-dettalji tal-ispejjeż li effettivament saru, maqsuma fil-livell tal-miżuri, kif stipulat mill-punt 6.2 tal-Linji gwida, huwa t-tabella li tinsab annessa mas-sentenza kkontestata. Dan id-dokument jidher li kien sar, għall-inqas parzjalment, mill-Kummissjoni peress li fih jissemmew ukoll l-ammonti li din iddeċidiet li tħallas wara li ġiet eżaminata l-applikazzjoni għall-ħlas. Fin-nuqqas ta’ provi oħra, jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tevalwa jekk, f’din l-applikazzjoni għall-ħlas u b’mod partikolari, fil-bilanċ tal-ispejjeż, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbitx, kif hija tallega, il-ħlas tal-kontribuzzjoni totali tal-FEŻR prevista mill-pjan ta’ finanzjament għall-miżuri inkwistjoni jew jekk, kif tallega l-Kummissjoni, hija indikatx ammonti inqas minn dawk previsti minn dan il-pjan. Fi kwalunkwe każ, anki fl-ipoteżi li t-tabella li tinsab annessa mad-deċiżjoni kkontestata hija l-bilanċ tal-ispejjeż li effettivament saru ppreżentata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tagħha għall-ħlas, għandu jiġi kkonstatat li minnha jirriżulta b’mod ċar li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ddikjarat fiha li mill-FEŻR l-benefiċjarji rċevew ammonti iżgħar minn dawk previsti fil-pjan ta’ finanzjament.

41      Għandu jingħad ukoll li l-affermazzjoni li l-benefiċjarji rċevew ammonti nettament ikbar mingħand l-awtoritajiet Ġermaniżi minn dawk li l-Kummissjoni ddeċidiet li tħallas mhijiex biżżejjed sabiex turi li l-Kummissjoni kkomettiet żball ta’ apprezzament tal-fatti. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tikkontestax dan il-fatt u tafferma hija stess, fil-premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ispejjeż totali għall-miżuri inkwistjoni kienu akbar minn dawk previsti fil-pjan ta’ finanzjament. Madankollu, jekk, minkejja din iż-żieda fl-ispejjeż, l-awtoritajiet Ġermaniżi semmew, fl-applikazzjoni tagħhom għall-ħlas, ammonti iżgħar minn dawk previsti mill-pjan ta’ finanzjament, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja m’għandhiex tikkritika lill-Kummissjoni dwar żball fl-apprezzament tal-fatti peress li din ħadet id-deċiżjoni tagħha skont din l-applikazzjoni għall-ħlas. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma ppruvatx li hija kienet indikat fl-applikazzjoni tagħha għall-ħlas li l-ammonti ta’ kontribuzzjonijiet tal-FEŻR kienu ugwali għal dawk stipulati fil-pjan ta’ finanzjament, dan il-motiv ma jistax jintlaqa’.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88

 Argumenti tal-partijiet

42      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tallega li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 meta hija naqset l-għajnuna finanzjarja inkwistjoni minkejja li l-kundizzjonijiet stipulati f’din id-dispożizzjoni ma ġewx issodisfati.

43      Fl-ewwel lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-pjanijiet ta’ finanzjament huma indikattivi u li, min-natura tagħhom, huma provviżorji. Konsegwentement, hija tikkunsidra li mhux kull modifika għandha titqies bħala modifika sostanzjali. Hija tqis li l-modifiki ta’ programm operazzjonali huma sinifikanti biss jekk jaffetwaw l-istruttura globali tal-programm jew jekk jikkompromettu t-twettiq tal-għanijiet ta’ żvilupp stabbiliti fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li approvat l-għajnuna Komunitarja.

44      Għal dak li jirrigwarda dan il-każ, hija tqis li t-trasferimenti li saru mill-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jitqiesu bħala modifiki sostanzjali la mill-perspettiva kwalitattiva u lanqas mill-perspettiva kwantitattiva. Hija ssostni għalhekk li dawn it-trasferimenti, li jirrappreżentaw persentaġġ żgħir tal-volum totali tal-għajnuna Komunitarja mogħtija mill-FEŻR, ma kkompromettewx it-twettiq tal-għanijiet tal-programmi approvati mill-Kummissjoni u ma bidlu la l-għajnuna finanzjarja globali tal-FEŻR u lanqas il-livelli tal-kontribuzzjoni tal-FEŻR favur id-diversi miżuri. Konsegwentement, hija tikkunsidra li huma ma jeċċedux il-kuntest ġuridiku u finanzjarju stabbilit mid-deċiżjonijiet li taw l-għajnuna.

45      Fit-tieni lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati li, fin-nuqqas ta’ applikazzjoni għal modifika tad-deċiżjonijiet li taw l-għajnuna, in-nuqqas ta’ rispett tat-tabelli finanzjarji, li jaqbeż il-limiti awtorizzati bil-klawżola ta’ flessibbiltà, għandu jitqis bħala modifika sostanzjali għaliex jibdel l-importanza relattiva tal-assi prijoritarji jew miżuri diversi. F’dan ir-rigward hija tallega li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkunsidra li t-trasferimenti magħmula kienu jikkostitwixxu modifiki sostanzjali sempliċament għaliex ma kinux konformi mal-Linji gwida. Hija ssostni li l-Linji gwida huma intiżi biss biex jiddefinixxu l-modifiki li jistgħu jsiru mingħajr ma tintalab l-approvazzjoni tal-Kummissjoni u ma jiddefinixxux x’inhi modifika sostanzjali u x’mhijiex.

46      Għalhekk, hija tallega li l-Linji gwida ma jispjegawx ir-raġunijiet għaliex it-trasferiment ta’ 20 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ Fond bejn miżuri ma jikkostitwixxix modifika sostanzjali skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 filwaqt li trasferiment bejn assi prijoritarji jikkostitwixxi tali modifika. Il-Linji gwida lanqas jindikaw għaliex id-delimitazzjoni bejn l-assi prijoritarji kienet daqstant importanti għall-implementazzjoni tal-programmi li, sabiex jintlaħaq l-objettiv stabbilit, ma jistax ikun hemm trasferiment bejn miżuri li jaqgħu taħt assi prijoritarji diversi. Bl-istess mod, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li l-Linji gwida ma jippermettux li jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li taħthom l-għajnuna tal-FEŻR ma tibqax ġustifikata u jekk il-qbiż tal-limiti stipulati għandux jiġi kkunsidrat, fi kwalunkwe każ, bħala modifika sostanzjali, u jekk iva, għaliex.

47      Fit-tielet lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx, fi kwalunkwe każ, topponi t-trasferimenti magħmula, peress li dawn it-trasferimenti kienu konformi mal-Linji gwida u peress li hija kienet infurmat lill-Istati Membri li kienet se taċċetta modifiki li ma jkunux ġew approvati formalment imma li jkunu konformi mal-Linji gwida. Insostenn ta’ din l-affermazzjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li l-programmi inkwistjoni ma kinux maqsuma f’sottoprogrammi u li, konsegwentement, il-klawżola ta’ flessibbiltà għandha tinftiehem fis-sens li l-limitu ta’ 10 % tal-ammont tas-sottoprogramm, imsemmi fit-tielet paragrafu tal-punt 6.2 tal-Linji gwida, japplika kemm għal Fond wieħed, kif ukoll għat-totalità ta’ kull programm. Hija tikkunsidra li, anki jekk tiġi adottata l-iktar interpretazzjoni ristrettiva minn dawn iż-żewġ interpretazzjonijiet, dan ifisser biss li ż-żidiet ma kellhomx iwasslu għal żieda fl-għajnuna finanzjarja tal-FEŻR. Hija tafferma li dawn il-limiti kienu rrispettati fl-applikazzjonijiet għall-ħlas tal-bilanċ dovut.

48      Fir-rigward tal-argument fid-deċiżjonijiet ikkontestati li mid-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-Linji gwida jirriżulta li l-“assi prijoritarji tal-programm” għandhom ikunu assimilati ma’ dawk li l-Linji gwida jsemmu bħala “sottoprogrammi”, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-klawżola ta’ flessibbiltà fil-punt 6.2 tal-Linji gwida għandha titpoġġa fil-kuntest tagħha u għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-ispirtu u l-għan tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tifforma parti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Jannar 2003, Givane et, C-257/00 Ġabra p. I‑345, punt 37).

49      Għalhekk, hija tinnota b’mod partikolari li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-klawżola ta’ flessibbiltà għandhiex tapplika, fin-nuqqas ta’ sottoprogrammi, fil-livell ta’ programmi jew ta’ assi prijoritarji, għandu jiġi evalwat ir-rwol tas-sottoprogrammi u tal-assi prijoritarji ta’ programm fil-kuntest tal-ipprogrammar.

50      F’dan ir-rigward hija tafferma, fl-ewwel lok, li sottoprogrammi huma previsti biss meta jkun opportun li parti mill-programm tiġi sseparata mill-bqija tiegħu, pereżempju meta l-programm jibbenefika minn għajnunja finanzjarji ta’ diversi Fondi Strutturali, u tikkunsidra li, konsegwentement, il-projbizzjoni fil-punt 6.2 tal-Linji gwida milli jsiru trasferimenti bejn sottoprogrammi għandha titqies bħala projbizzjoni ta’ trasferimenti ta’ għajnuna mogħtija minn Diversi Fondi Strutturali jew għal reġjuni differenti. Hija ssostni li peress li f’din il-kawża ma kienx hemm trasferiment bejn diversi Fondi, ma kien hemm xejn x’jiġġustifika r-restrizzjoni tat-trasferimenti fil-livell tal-assi prijoritarji.

51      Hija tafferma, fit-tieni lok, li peress li d-dritt Komunitarja ma jistipula l-ebda obbligu li jingħataw ammonti massimi lill-assi prijoritarji diversi, la huwa meħtieġ u lanqas loġiku li tiġi llimitata l-klawżola ta’ flessibbiltà fil-punt 6.2 tal-Linji gwida fil-livell tal-assi prijoritarji tal-programm.

52      Hija tafferma, fit-tielet lok, li l-assi prijoritarji ġew stabbiliti ħafna qabel ma l-Kummissjoni adottat il-Linji gwida u li, konsegwentement, jekk il-Kummissjoni xtaqet tillimita l-applikazzjoni tal-klawżola ta’ flessibbiltà fil-livell tal-assi prijoritarji, hija kellha tikkunsidra l-kriterji li bihom ġew iddefiniti.

53      Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati insostenn tal-konklużjoni li l-limiti stipulati fil-punt 6.2 tal-Linji gwida nqabżu, huma żbaljati. B’hekk, hija tallega, minn naħa waħda, li l-formoli li għalihom jirreferu d-deċiżjonijiet ikkontestati ma fihom xejn li jista’ jwassal għall-konklużjoni li l-“assi prijoritarji” u s-“sottoprogrammi” jistgħu jiġu assimilati u li l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 4253/88, invokat mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha, ma jirrikjedix li l-assi prijoritarji jiġu sseparati b’tali mod li t-trasferimenti inkwistjoni jikkostitwixxu modifika sostanzjali. Min-naħa l-oħra, hija ssostni wkoll li r-referenza għal verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-Linji gwida mhijiex raġuni biżżejjed peress li l-verżjoni Ġermaniża mhijiex ambigwa u l-verżjoni Ingliża u dik Franċiża ma jipprovdu ebda appoġġ konvinċenti għall-interpretazzjoni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, ir-referenza għall-għeluq tal-programmi fi Stati Membri oħra ma tikkostitwixxix raġuni biżżejjed peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinitx taf b’dawn il-programmi u ma setgħetx tevalwa l-legalità tagħhom.

54      Fir-raba’ lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li, jekk il-modifiki magħmula ma kinux koperti bil-Linji gwida, il-Kummissjoni jmissha evalwat jekk dawn kinux sostanzjali u, jekk iva, jekk kinux jiġġustifikaw it-tnaqqis tal-għajnuna Komunitarja. Hija tikkunsidra li, fi kwalunkwe każ, is-sempliċi fatt li modifika titqies sostanzjali fih innifsu ma jiġġustifikax it-tnaqqis tal-għajnuna peress li l-fatt li din il-modifika ma ġietx ippreżentata minn qabel lill-Kummissjoni jikkostitwixxi sempliċement ksur ta’ regoli proċedurali. Fil-kawżi T‑349/06, T‑371/06, T‑14/07 u T‑15/07, hija targumenta, b’mod speċifiku, li l-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jippermettix lill-Kummissjoni li tibbaża t-tnaqqis ta’ għajnuna finanzjarja mogħtija lill-programmi inkwistjoni fuq ksur ta’ regoli ta’ forma jew proċedurali.

55      Hija b’hekk tħoss li l-Kummissjoni messha evalwat jekk kellhiex tawtorizza t-trasferimenti li saru peress li, b’mod partikolari, dawn it-trasferimenti ma kkompromettewx l-objettiv ġenerali tal-programmi u lanqas tal-għajnuna Komunitarja, u peress li jikkonċernaw ammonti iżgħar minn dawk ta’ applikazzjonijiet għal modifika li preċedentament kienu ġew aċċettati mill-Kummissjoni. Fil-kawżi T‑349/06, T‑371/06, T‑14/07 u T‑15/07, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li l-Kummissjoni messha kkunsidrat ukoll il-fatt li, minn naħa waħda, hija ma kinitx, minn nofs Ottubru tal-1999, f’pożizzjoni li teżamina applikazzjonijiet ġodda għal modifika u, min-naħa l-oħra, permezz tal-komunikazzjoni tal-Linji gwida, l-awtoritajiet nazzjonali ngħataw aspettattiva leġittima li kellhom il-flessibbiltà meħtieġa fir-rigward tal-pjanijiet indikattivi ta’ finanzjament.

56      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-fatt li t-trasferimenti ma kinux ikkompromettew l-objettiv ġenerali tal-programmi u lanqas dak tal-għajnuna Komunitarja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni b’mod partikolari li, jekk l-għanijiet imsemmija jistgħu jintlaħqu taħt kundizzjonijiet aħjar jew taħt l-istess kundizzjonijiet billi l-Fondi jintużaw b’mod differenti minn dak previst fid-deċiżjoni li tapprovahom, il-Kummissjoni ma għandhiex tkun tista’ tagħmilha iktar diffiċli li jintlaħaq l-objettiv ta’ żvilupp billi timblokka l-konfinanzjament approvat. Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li d-deċiżjonijiet ikkontestati jmorru kontra l-prinċipju ta’ sħubija safejn ma jħallux lill-awtoritajiet nazzjonali jassumu r-responsabilitajiet tagħhom dwar l-użu konkret tal-Fondi matul l-aħħar tliet xhur tal-perijodu ta’ programmar minħabba r-riġidità tal-pjanijiet ta’ finanzjament. Hija tindika, f’dan ir-rigward, li l-finanzjamenti tal-FEŻR m’għandhomx l-għan li jippromwovu l-proġetti tal-Kummissjoni iżda li jappoġjaw il-proġetti tal-Istati Membri u li l-implementazzjoni tal-programmi teżiġi ċerta flessibbiltà għaliex il-proġetti li qed jiġu implementati fil-qafas tal-programm ma jkunux magħrufa minn qabel.

57      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni ma setgħetx, fi tmiem is-sena 1999, tevalwa l-applikazzjonijiet għal modifika, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li, għal din ir-raġuni, l-awtoritajiet nazzjonali kellhom ikomplu jeżaminaw il-proġetti ppreżentati lilhom mingħajr ma jinvolvu d-dipartimenti tal-Kummissjoni, u dan sar preċiżament fil-mument tal-għeluq tal-ipprogrammar, meta l-maġġoranza tal-proġetti jiġu ppreżentati. Hija tqis li l-impossibbiltà li l-programmi jiġu modifikati bejn nofs Ottubru u l-aħħar ta’ Diċembru 1999 kien ifisser li l-programmi kellhom jiġu kkompletati b’mod mhux sodisfaċenti, li huwa kuntrarju għall-interess Komunitarju.

58      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-fatt li, meta kkomunikat il-Linji gwida, il-Kummissjoni tat lill-awtoritajiet nazzjonali aspettattiva leġittima li kellhom il-flessibbiltà meħtieġa fir-rigward tal-pjanijiet indikattivi ta’ finanzjament, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Kummissjoni kellha tikkunsidra l-fatt li hija stess kienet stiednet lill-Istati Membri sabiex ma jippreżentawx applikazzjonijiet għal modifika, li l-verżjoni Ġermaniża tal-Linji gwida ċertament ma setgħux jiġu interpretati ħlief fis-sens li jawtorizzaw it-trasferimenti bejn assi prijoritarji tal-programm u li fl-għeluq tal-programmi, hija tat lill-assi prijoritarji tifsira li ma kellhomx meta ġew approvati.

59      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti kollha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

60      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-pjanijiet ta’ finanzjament huma biss indikattivi u provviżorji, għandu jiġi rrilevat li mil-leġiżlazzjoni applikabbli, kif interpretata fil-ġurisprudenza, jirriżulta li, kif issostni l-Kummissjoni, kull għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Fondi Strutturali għandha tiġi implementata skont id-deċiżjoni li tapprovaha u, b’mod partikolari, skont it-tabella finanzjarja annessa ma’ din id-deċiżjoni peress li din it-tabella hija strument ta’ programmar li jirrifletti l-pożizzjoni konġunta miftehma bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali.

61      Għalhekk, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, bid-differenza tal-Artikoli 8 sa 10 u 11(a) tar-Regolament Nru 2052/88 u tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 4253/88, li jikkonċernaw il-qafas ta’ appoġġ Komunitarju, id-dispożizzjoni tar-regolament imsemmi l-aħħar li tikkonċerna l-programmi operazzjonali, jiġifieri l-Artikolu 14, ma tistipulax li l-pjan ta’ finanzjament li għandu jkun anness mal-applikazzjoni huwa sempliċement indikattiv.

62      Fit-tieni lok, mill-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 4253/88, li jipprovdi li l-ħlas tal-għajnuna finanzjarja għandu jsir skont l-impenji baġitarji, jirriżulta li l-għeluq finanzjarju tal-għajnuna għandu jsir, b’mod partikolari, abbażi tal-pjan ta’ finanzjament fis-seħħ (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Ġunju 2007, Nuova Gela Sviluppo vs Il-Kummissjoni, T‑65/04, Ġabra p. II-68, punti 36 u 37). L-istess rekwiżit jirriżulta mill-Artikolu 4 tad-deċiżjoni C (94) 3379, tal-14 ta’ Diċembru 1994 u tad-deċiżjoni C (97) 1120, tas-7 ta’ Mejju 1997, kif ukoll mill-paragrafu 2 tal-Artikolu 2 tad-deċiżjonijiet l-oħra li taw l-għajnuna (ara l-punt 16 iktar ’il fuq).

63      Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 25(5) tar-Regolament Nru 4253/88 jistipula l-proċedura li għandha tiġi segwita biex isiru modifiki għall-pjanijiet ta’ finanzjament. Din id-dispożizzjoni b’hekk tistipula li l-modifiki għall-pjanijiet ta’ finanzjament huma deċiżi jew mill-Kumitat ta’ Sorveljanza, jew mill-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni mal-Istat Membru u wara li l-Kumitat ta’ Sorveljanza jagħti l-opinjoni tiegħu. Fil-każ fejn il-modifiki jkunu deċiżi mill-Kumitat ta’ Sorveljanza, huma għandhom jiġu nnotifikati immedjatament lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru kkonċernat u jidħlu fis-seħħ biss wara l-konferma kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Istat Membru. In-nuqqas ta’ konformità ma’ din id-dispożizzjoni jiġġustifika, fih innifsu, skont il-ġurisprudenza, it-tnaqqis tal-għajnuna finanzjarja (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Novembre 2006, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑282/04, Ġabra p. II-93, punti 72 u 78).

64      Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-modifiki ta’ pjan ta’ finanzjament approvat mill-Kummissjoni implementati mingħajr il-kunsens tagħha, jwasslu, bħala regola, għat-tnaqqis tal-għajnuna mogħtija fil-programm inkwistjoni, u dan indipendentement mill-importanza kwalitattiva jew kwantitattiva tagħhom.

65      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argumenti mressqa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja intiżi li jikkontestaw il-fatt li l-qbiż tal-limiti stipulati mil-Linji gwida huwa biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li t-trasferimenti inkwistjoni jikkostitwixxu modifiki sostanzjali, mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 60 sa 64 iktar ’il fuq jirriżulta li għandhom jiġu skartati peress li l-applikabbiltà tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 għal dawn it-trasferimenti jirriżulta, fi kwalunkwe każ, mil-leġiżlazzjoni applikabbli u mid-deċiżjonijiet li taw l-għajnuna.

66      Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-Kummissjoni ma tistax topponi l-modifiki magħmula peress li kienu konformi mal-Linji gwida, minn naħa waħda, għandu jiġi mfakkar li t-trasferimenti bejn miżuri diversi li saru mill-awtoritajiet Ġermaniżi ma kinux jippresupponu żieda ta’ iktar minn 20 % tal-ammont allokat minn kull pjan ta’ finanzjament għall-miżuri li l-ammont tagħhom ġie miżjud, iżda li jwasslu għal qbiż tal-ammonti allokati lill-assi prijoritarji mill-pjanijiet ta’ finanzjament. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-verżjoni Ġermaniża tal-punt 6.2 tal-linji giwda, li tidher fil-punt 17 iktar ’il fuq, ma tagħmel ebda referenza għal xi assi prijoritarji u li, a fortiori, dak il-punt ma jindikax espressament li t-trasferimenti bejn assi prijoritarji diversi huma pprojbiti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tal-argumenti mressqa, għandha ssir interpretazzjoni litterali, storika, kuntestwali u teleoloġika tal-punt 6.2 tal-Linji gwida, kif titlob il-ġurisprudenza. (ara, f’dak li jirrigwarda l-metodoloġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Novembru 2002, Lagardère u Canal+ vs Il-Kummissjoni, T‑251/00, Ġabra p. II‑4825, punti 72 et seq, u tas-6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑22/02 u T‑23/02, Ġabra p. II‑4065, punti 41 et seq).

67      L-ewwel nett, għal dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni litterali, għandu jiġi kkunsidrat li peress li d-dritt Komunitarji huwa redatt f’diversi lingwi u li l-verżjonijiet lingwistiċi differenti huma kollha awtentiċi, interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju timplika paragun tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, Ġabra p. 3415, punt 18, u s-sentenza Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 66, punt 42). Fil-fatt, il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet Komunitarji titlob li verżjoni lingwistika waħda m’għandhiex tiġi kkunsidrata waħedha, iżda teżiġi li din tiġi interpretata u applikata fid-dawl tal-verżjonijiet eżistenti fil-lingwi uffiċjali l-oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Diċembru 1967, van der Vecht, 19/67, Ġabra p. 445 u 456), anki jekk dan jimplika li d-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata u applikata b’mod differenti mis-sens proprju jew tas-soltu tal-kliem użati f’waħda jew f’iktar mill-verżjonijiet lingwistiċi, kuntrarjament għall-eżiġenzi taċ-ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-3 ta’ Marzu 1977, North Kerry Milk Products, 80/76, Ġabra p. 425, punt 11).

68      Fil-kawża preżenti, għandu jiġi osservat li effettivament teżisti differenza bejn il-verżjoni Ġermaniża u l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tal-punt 6.2 tal-Linji gwida. Fil-verżjonijiet l-oħra kollha, l-ewwel paragrafu ta’ dan il-punt jindika li l-għeluq finanzjarju tal-programmi għandu jsir abbażi tal-verżjoni tal-pjan ta’ finanzjament fis-seħħ u li dan, ġeneralment, ikun maqsum fuq tliet livelli. Il-verżjonijiet kollha jsemmu “programm” u “miżuri” bħala l-ewwel u t-tielet livell. Madankollu, għal-livell intermedjarju, il-verżjoni fil-lingwa Ġermaniża tindika biss “sottoprogramm” (Unterprogramm), filwaqt li l-verżjonijiet l-oħra jindikaw “sottoprogramm/assi prijoritarju” (“delprogram/prioriteret ” bid-Daniż, “sub-programme/priority axis” bl-Ingliż, “subprograma/eje prioritario” bl-Ispanjol, “alaohjelma/toimintalinja” bil-Finlandiż, “sous-programme/axe prioritaire” bil-Franċiż, “subprogramma/prioritaire doelstelling” bl-Olandiż, “subprograma/eixo prioritário” bil-Portugiż, u “underprogram/prioriterat område” bl-Iżvediż). Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-punt 6.2 tal-Linji gwida, m’hemmx differenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi peress li t-tieni, it-tielet u r-raba’ paragrafi ta’ dak il-punt, fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha, jużaw biss l-espressjoni “sottoprogramm”.

69      Konsegwentement, tqum il-mistoqsija jekk ir-referenza magħmula fl-ewwel paragrafu tal-punt 6.2 tal-Linji gwida fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ħlief dik Ġermaniża għal “sottoprogramm/assi prijoritarju” hijiex meħtieġa sabiex din id-dispożizzjoni tinftiehem, kif jidher li ġiet mifhuma mill-Istati Membri li kkonsultaw il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, fis-sens li r-referenza fil-paragrafi l-oħra ta’ dan il-punt għal “sottoprogramm” biss għandha tinkludi wkoll l-assi prijoritarji. Sabiex tingħata tweġiba għal din id-domanda, għandu jiġi ddeterminat, permezz tal-interpretazzjonijiet kuntestwali, storiċi u teleoloġiċi, jekk is-“sottoprogrammi” u l-“assi prijoritarji” jikkostitwixxux, essenzjalment, żewġ termini differenti li jirreferru għal-livell intermedjarju tal-programmi, kif issostni l-Kummissjoni, jew jekk humiex żewġ elementi ta’ programmar totalment differenti li ma kellhomx jiġu assimilati għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Linji gwida, kif tallega r-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

70      It-tieni nett, fir-rigward tal-interpretazzjoni kuntestwali, għandu jiġi nnotat li l-kuntest li fih jinsab il-punt 6.2 tal-Linji gwida huwa kkostitwit mhux biss mid-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Linji gwida, li jittrattaw suġġetti differenti minn dak dwar l-għeluq finanzjarju tal-programmi u li ma fihomx għalhekk elementi utili għall-interpretazzjoni ta’ dan il-punt 6.2, iżda wkoll mid-dispożizzjonijiet kollha applikabbli għall-għajnuna finanzjarja inkwistjoni u b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet li jagħtu l-għajnuna. Issa, filwaqt li minn qari tal-programmi li ġew approvati minn dawn id-deċiżjonijiet, jirriżulta li dawn jippreżentaw struttura maqsuma f’assi prijoritarji jew fi prijoritajiet, u li m’humiex maqsuma f’sottoprogrammi, l-Artikolu 2 ta’ tlieta minn ħames deċiżjonijiet li taw l-għajnuna, jiġifieri d-deċiżjoni C (95) 1427, tal-11 ta’ Lulju 1995, id-deċiżjoni C (95) 1738, tas-27 ta’ Lulju 1995, u d-deċiżjoni C (95) 1739, tas-27 ta’ Lulju 1995 (ara l-punti 12 sa 14 iktar ’il fuq), juri li l-modalitajiet tal-għoti tal-għajnuna finanzjarja, inkluża l-parteċipazzjoni tal-Fondi fid-diversi sottoprogrammi (Teilprogramm) u fil-miżuri li jiffurmaw parti integrali mill-programmi, huma mniżżla fil-pjanijiet ta’ finanzjament annessi ma’ dawn id-deċiżjonijiet.

71      Anki jekk it-terminu Ġermaniż użat fil-Linji gwida (Unterprogramm) mhuwiex identiku għal dak li jinsab fid-deċiżjonijiet li taw l-għajnuna msemmija fil-punt 70 iktar ’il fuq (Teilprogramm), jirriżulta b’mod ċar minn dawn id-deċiżjonijiet li l-Kummissjoni kkunsidrat, mill-mument meta ġew approvati l-programmi u mhux biss fil-mument tal-għeluq tagħhom, li s-“sottoprogrammi” u l-“assi prijoritarji” kienu jikkostitwixxu l-istess livell ta’ programmar, jiġifieri l-livell intermedjarju li jinsab bejn il-programmi u l-miżuri. Peress li f’din il-kawża, fl-aħħar nett, jeħtieġ jiġi deċiż jekk il-Linji gwida stabbiliti mill-Kummissjoni setgħux raġonevolment jinftehmu mill-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-implementazzjoni ta’ dawn il-programmi fis-sens li l-projbizzjoni tat-trasferimenti bejn “sottoprogrammi” kienet timplika wkoll l-istess projbizzjoni bejn “assi prijoritarji”, u li, konsegwentement, kull trasferiment bejn assi prijoritarji kellu jkun is-suġġett ta’ applikazzjoni formali għal modifika, għandu jiġi kkunsidrat li, indipendentement mid-definizzjoni preċiża tat-termini “sottoprogrammi” u “assi prijoritarji”, il-kliem tad-deċiżjonijiet li taw l-għajnuna kellhom jippermettu lill-awtoritajiet nazzjonali jifhmu li t-terminu “sottoprogramm” użat mill-Kummissjoni fil-paragrafi kollha tal-verżjoni Ġermaniża tal-Linji gwida kellu jinftiehem bħala li jirreferi wkoll għall-“assi prijoritarji” tal-programmi jew, għall-inqas, li jkollhom dubji dwar l-interpretazzjoni tal-punt 6.2 tal-Linji gwida.

72      Fir-rigward tal-interpretazzjonijiet storiċi u teleoloġiċi, għandu jiġi rrilevat li, peress li kull modifika tal-pjanijiet ta’ finanzjament magħmula mingħajr il-kunsens tal-Kummissjoni probabbilment twassal għal tnaqqis tal-għajnuna (ara l-punt 64 iktar ’il fuq), il-Linji gwida għandhom jinftehmu li huma intiżi li jiffaċilitaw l-għeluq tal-programmi fis-sens li l-Kummissjoni, bis-saħħa tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lilha permezz tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 sabiex tiddeċiedi jekk għandhiex tnaqqas jew tissospendi jew le l-għajnuna Komunitarja, taċċetta ċerta flessibbiltà u li, konsegwentement, il-modifiki li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati ma jwasslux għal tnaqqis anki jekk il-modifiki ma jkunux ġew sottomessi lilha għall-approvazzjoni tagħha. Jirriżulta li l-punt 6.2 tal-Linji gwida għandu jiġi interpretat restrittivament b’tali mod li n-numru ta’ modifiki li għalihom il-Kummissjoni tkun uriet l-intenzjoni tagħha li ma tnaqqasx l-għajnuna mogħtija u li għalhekk jistgħu, fil-prattika, isiru mingħajr ma tintalab l-approvazzjoni tagħha, ikun limitat kemm jista’ jkun. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li r-Regolament Nru 4253/88 jistipula proċedura formali dwar il-modifika tal-pjanijiet ta’ finanzjament, li jorbot kemm lill-Istati Membri kif ukoll lill-Kummissjoni u li, għalhekk, in-numru ta’ każijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jiġu eżentati milli jsegwu din il-proċedura mingħajr ma jirriskjaw li jkun hemm tnaqqis tal-għajnuna għandu jitnaqqas kemm jista’ jkun.

73      Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, għandu jiġu kkunsidrat li t-trasferimenti bejn l-assi prijoritarji tal-programmi, magħmula mill-awtoritajiet Ġermaniżi, ma kinux koperti bil-Linji gwida.

74      L-argumenti l-oħra mressqa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma jinvalidawx din il-konklużjoni. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li projbizzjoni li ammonti jiġu ttrasferiti bejn assi prijoritarji m’hijiex ġustifikata, għaliex tali trasferimenti ma jaffetwawx sostanzjalment it-twettiq tal-programmi u tal-għanijiet imsemmija. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn it-trasferimenti setgħux ġew approvati mill-Kummissjoni li kieku ġew sottomessi lilha, m’humiex rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tat-trasferimenti inkwistjoni mal-punt 6.2 tal-Linji gwida. Fil-fatt f’din il-kawża m’għandux jiġi ddeterminat jekk it-trasferimenti bejn l-assi prijoritarji setgħux kienu aċċettati mill-Kummissjoni li kieku ġew sottomessi lilha, iżda jekk setgħux, minħabba l-Linji gwida, ma jiġux ikkomunikati lill-Kummissjoni mingħajr ma jwasslu għal tnaqqis fl-għajnuna.

75      Fir-rigward, fir-raba’ lok, tal-allegazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-Kummissjoni kellha teżerċita l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lilha permezz tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88 sabiex tiddeċiedi jekk l-għajnuna mogħtija kinitx ġustifikata, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li minkejja l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fid-deċiżjonijiet kkontestati, li l-Linji gwida jiddefinixxu dak li hija tikkunsidra bħala modifika sostanzjali, dawn il-Linji gwida ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jiddefinixxu l-każijiet li fihom il-Kummissjoni tikkunsidra li l-eżistenza ta’ modifika tal-pjanijiet ta’ finanzjament ma tiġġustifikax it-tnaqqis tal-għajnuna. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li l-possibbiltà ta’ tnaqqis fil-każ ta’ modifika tal-pjanijiet ta’ finanzjament tirriżulta mil-leġiżlazzjoni applikabbli stess u mid-deċiżjonijiet li taw l-għajnuna Komunitarja għall-programmi inkwistjoni fil-kawżi preżenti u ma tiddependix mill-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, din setgħet tiddeċiedi li ċerti modifiki ma kinux iwasslu għal tnaqqis, minħabba ċ-ċirkustanzi marbuta ma’ tmiem il-perijodu ta’ programmar, u tikkomunika din il-pożizzjoni lill-Istati Membri sabiex tassigura t-trasparenza tad-deċiżjonijiet tagħha ta’ għeluq u tiggarantixxi l-ugwaljanza bejn id-diversi Stati Membri. Skont il-ġurisprudenza, ladarba l-Kummissjoni kienet infurmat lill-Istati Membri kif hija kellha l-intenzjoni teżerċita l-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, hija ma setgħetx tibdel il-pożizzjoni tagħha mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 211). Fil-fatt, jekk tevalwa, kif titlob ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jekk il-modifiki setgħux ġew approvati li kieku kienu ġew ikkomunikati fil-mument opportun, il-Kummissjoni kienet tagħti vantaġġ lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja meta mqabbla mal-Istati Membri l-oħra li m’għamlux modifiki li ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati bil-Linji gwida mingħajr ma talbu l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

76      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma ppruvatx li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta ddeċidiet li tnaqqas l-għajnuna finanzjarja inkwistjoni.

77      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-allegazzjoni li t-trasferimenti ma kkompromettewx l-għan ġenerali tal-programmi u lanqas dak tal-għajnuna Komunitarja, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza, mhuwiex biżżejjed li jintwera li proġett ġie implementat sabiex jintalab il-ħlas ta’ għajnuna finanzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2006, Comunità montana della Valnerina vs Il‑Kummissjoni, C‑240/03 P, Ġabra p. I‑731 punti 77 u 78). Fil-fatt, is-sistema tas-sussidji stabbilita bir-regoli Komunitarji hija bbażata b’mod partikolari fuq l-eżekuzzjoni mill-benefiċjarju ta’ numru ta’ obbligi li għalihom huwa suġġett il-ħlas tal-għajnuna finanzjarja prevista. Jekk il-benefiċjarju ma jwettaqx l-obbligi kollha jew parti minnhom, bħal dawk dwar il-konformità mal-qafas legali u finanzjarju, l-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex terġa’ tikkunsidra l-portata tal-obbligi tagħha li joħorġu mid-deċiżjoni li tagħti din l-għajnuna. Minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta wkoll li l-ksur tal-obbligi li l-osservanza tagħhom hija ta’ importanza fundamentali għat-tħaddim tajjeb ta’ sistema Komunitarja jista’ jiġi ssanzjonat bit-telf ta’ dritt mogħti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja mingħajr ma dan jimplika ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Ottubru 1999, Conserve Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑216/96, Ġabra p. II‑3139, punti 101 u 103, u tas-26 ta’ Settembru 2002, Sgaravatti Mediterranea vs Il-Kummissjoni, T‑199/99, Ġabra p. II‑3731, punti 134 u 135).

78      F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li jekk jiġi aċċettat, kif titlob ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li l-Kummissjoni ma kellhiex tnaqqas l-għajnuna minħabba l-fatt li l-għanijiet tal-programmi u ta’ din l-għajnuna ntlaħqu, dan iwassal sabiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tkunx sanzjonata għall-ksur tal-obbligu tagħha li timplementa dawn il-programmi skont il-pjanijiet ta’ finanzjament approvati mill-Kummissjoni. Din is-soluzzjoni b’hekk tneħħi l-kontenut ta’ dan l-obbligu peress li jkun biżżejjed għall-awtoritajiet nazzjonali li jippruvaw l-implementazzjoni korretta tal-programmi sabiex jiksbu l-ammont kollu tal-għajnuna mogħtija.

79      Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tinvoka l-prinċipju ta’ sħubija, stipulat fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2050/88 (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), sabiex titlob il-ħlas tal-għajnuna finanzjara kollha. Fil-fatt, għalkemm huwa ċertament veru li, kif tfakkar ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-kofinanzjamenti Komunitarji m’humiex intenzjonati sabiex jippromwovu l-proġetti tal-Kummissjoni iżda dawk tal-Istati Membri, huwa veru wkoll li l-Artikolu 274 KE jżomm lill-Kummissjoni responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-baġit Komunitarju u li r-regolamenti applikabbli għall-Fondi Strutturali jistipulaw li l-Kummissjoni hija obbligata tapprova l-pjanijiet ta’ finanzjament fid-deċiżjonijiet tagħha li jagħtu l-għajnuna u tapprova direttament jew indirettament kull modifika tagħhom. F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li s-soluzzjoni pretiża mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minkejja li tikkunsidra s-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali, tinjora dawk mogħtija lill-Kummissjoni permezz tal-leġiżlazzjoni applikabbli. Madankollu, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2052/88 jistipula preċiżament li “[l]-azzjoni Komunitarja […] tiġi stabbilita permezz ta’ konsultazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat, l-awtoritajiet u l-korpi kompetenti […] innominati mill-Istat Membru” u din il-konsultazzjoni tkopri b’mod partikolari l-preparazzjoni, il-finanzjament, is-sorveljar u l-evalwazzjoni tal-proġetti, u għandha ssir b’konformità mal-kompetenzi istituzzjonali, legali u finanzjarji rispettivi ta’ kull wieħed mill-imsieħba.

80      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni, minn nofs Ottubru tal-1999, ma setgħetx tevalwa applikazzjonijiet ġodda għal modifika, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tikkontesta din l-affermazzjoni filwaqt li tindika li hija adottat 418-il deċiżjoni fl-aħħar xahrejn tas-sena 1999 u li hija ttrattat ukoll l-applikazzjonijiet għal modifika li ntbagħtu mill-Istati Membri wara nofs Ottubru tal-1999, inklużi dawk li kienu ġejjin mil-Land tan-Nordrhein-Westfalen. Hija żżid li l-applikazzjonijiet li ma setgħux jiġu kkunsidrati qabel il-31 ta’ Diċembru 1999 għaliex kienu ġew ippreżentati tard, setgħu jiġu aċċettati, anki jekk wara din id-data, sakemm ma kinux jaffettwaw il-baġit Komunitarju.

81      It-tielet nett, fir-rigward tal-allegazzjonijiet li l-Kummissjoni nkoraġġiet lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex ma jippreżentawx applikazzjonijiet ġodda għal modifika u li l-verżjoni Ġermaniża tal-Linji gwida kienet tindika b’mod ċar li t-trasferimenti kkontestati ma kellhomx bżonn ikunu approvati mill-Kummissjoni, għandu jiġi mfakkar li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, kellu jkun ċar biżżejjed għall-awtoritajiet nazzjonali li l-Kummissjoni kkunsidrat l-assi prijoritarji msemmija fil-pjanijiet ta’ finanzjament tal-programmi inkwistjoni bħala sottoprogrammi skont il-punt 6.2 tal-Linji gwida u li, konsegwentement, minkejja l-eventwali nuqqas ta’ kjarezza tal-verżjoni Ġermaniża tal-Linji gwida, dawn l-awtoritajiet setgħu jifhmu li l-Kummissjoni ma kinitx se taċċetta trasferimenti bejn assi prijoritarji mingħajr ma jintalab il-kunsens tagħha skont l-Artikolu 25(5) tar-Regolament Nru 4253/88. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-Kummissjoni kellha tikkunsidra l-fatt li n-numru ta’ proġetti sottomessi jiżdied fi tmiem il-perijodu ta’ programmar u jwassal, min-naħa tiegħu, għal żidiet fin-numru ta’ modifiki meħtieġa tal-pjanijiet ta’ finanzjament, li huwa preċiżament għalhekk li l-Kummissjoni kkomunikat il-Linji gwida lill-Istati Membri u stednithom japplikaw il-punt 6.2 ta’ dawn il-Linji gwida sabiex tnaqqas in-numru ta’ applikazzjonijiet għal modifika

82      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma ppruvatx li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88. Konsegwentement, ir-rikorsi għandhom jiġu miċħuda fit-totalità tagħhom.

 Fuq l-ispejjeż

83      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet, hemm lok li tiġi kkundannat tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-kawża T‑332/07 hija magħquda mal-kawżi T‑349/06, T‑371/06, T‑14/07 u T‑15/07 għall-finijiet tas-sentenza.

2)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata għall-ispejjeż.

Czúcz

Cooke

Labucka

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Settembru 2008

E. Coulon

 

      O. Czúcz

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.