Language of document : ECLI:EU:T:2013:557

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

tal-25 ta’ Ottubru 2013

Kawża T‑476/11 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Chrysanthe Moschonaki

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Avviż ta’ pożizzjoni vakanti — Ċaħda ta’ kandidatura — Rikors għal annullament — Interess ġuridiku — Ammissibbiltà — Regola ta’ konkordanza bejn ir-rikors u l-ilment — Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal — Rikors għad-danni”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tat-28 ta’ Ġunju 2011, AS vs Il‑Kummissjoni (F‑55/10), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tat-28 ta’ Ġunju 2011, AS vs Il‑Kummissjoni (F‑55/10), hija annullata sa fejn din tiddikjara ammissibbli l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, sa fejn din tannulla d-deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2009 li biha l-Kummissjoni Ewropea ċaħdet il-kandidatura ta’ Chrysanthe Moschonaki abbażi ta’ dan il-motiv, kif ukoll sa fejn din tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lil C. Moschonaki s-somma ta’ EUR 3 000. Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.  Il-kawża hija rrinvijata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. L-ispejjeż jibqgħu rriżervati.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Interess ġuridiku — Deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ kandidatura — Deċiżjoni indissoċjabbli minn dik ta’ ħatra ta’ uffiċjal ieħor — Neċessità ta’ evalwazzjoni globali u unika tal-interess ġuridiku — Talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura biss — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni — Diffikultajiet partikolari — Kumpens ekwu għall-iżvantaġġ li rriżulta għar-rikorrent mill-att annullat

(Artikolu 266 TFUE)

3.      Appell — Aggravji — Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti — Inammissibbiltà — Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi — Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

(Artikolu 257 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1))

4.      Appell — Aggravji — Aggravju fformulat kontra motiv ta’ sentenza li ma huwiex neċessarju sabiex jiġi ġġustifikat id-dispożittiv tagħha — Aggravju ineffettiv

5.      Rikorsi tal-uffiċjali — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Konkordanza bejn l-ilment u r-rikors — Identiċità tas-suġġett u tar-raġuni — Motivi u argumenti li ma jidhrux fl-ilment, iżda li huma relatati strettament miegħu — Ammissibbiltà — Motiv ta’ legalità interna jew esterna — Kundizzjoni mhux suffiċjenti biex jiġi konkluż li r-rikors huwa ammissibbli

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

6.      Rikorsi tal-uffiċjali — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Konkordanza bejn l-ilment u r-rikors — Identiċità tas-suġġett u tar-raġuni — Osservanza tal-prinċipji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u ta’ ċertezza legali — Interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċetti ta’ suġġett u ta’ raġuni — Bidla fil-bażi legali ta’ kontestazzjoni — Kundizzjoni mhux suffiċjenti biex jiġi konkluż li r-raġuni tagħha hija ta’ natura ġdida

(Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; (Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

7.      Rikorsi tal-uffiċjali — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Konkordanza bejn l-ilment u r-rikors — Identiċità tas-suġġett u tar-raġuni — Motivi u argumenti li ma jinsabux fl-ilment, iżda li huma intiżi biex jikkontestaw il-fondatezza tal-motivazzjoni esposta fir-risposta għall-ilment — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

8.      Appell — Appell meqjus fondat — Riżoluzzjoni tat-tilwima fuq il-mertu mill-qorti tal-appell — Kundizzjoni — Kawża fi stat li tista’ tiġi deċiża

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 13(1))

1.      Fil-każ ta’ rikors ippreżentat minn uffiċjal abbażi tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, li għandu bħala suġġett l-annullament ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tiegħu u ta’ deċiżjoni li taħtar lil uffiċjal ieħor għall-impjieg li saret kandidatura għalih, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura u d-deċiżjoni li taħtar huma mhux biss marbuta, iżda anki indissoċjabbli, b’tali mod li l-interess tal-uffiċjal li jikseb l-annullament ta’ dawn iż-żewġ deċiżjonijiet għandu jiġi evalwat b’mod globali u uniku.

Madankollu, l-uffiċjal ma huwiex marbut li jitlob fl-istess ħin l-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad il-kandidatura tiegħu għal pożizzjoni u ta’ dik li taħtar lil terz għall-pożizzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, ma hemm ebda obbligu li jintalab l-annullament ta’ dawn iż-żewġ deċiżjonijiet fuq l-uffiċjal li jixtieq jitlob biss l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tiegħu.

Barra minn hekk, huwa konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità li uffiċjal, bil-ħsieb li jippreżerva d-drittijiet ta’ terzi, jista’ jillimita ruħu sabiex jitlob l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tiegħu mingħajr ma jkun obbligat, sabiex jevita l-inammissibbiltà tar-rikors tiegħu, li jitlob l-annullament tal-ħatra ta’ uffiċjali oħrajn.

B’hekk, uffiċjal jista’ jkun jixtieq jikseb l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tiegħu sabiex l-illegalità allegata ma tirriproduċix ruħha iktar fil-ġejjieni, fil-kuntest ta’ proċedura analoga li jipparteċipa fiha, mingħajr madankollu ma jkun irid iqiegħed fid-dubju d-deċiżjoni tal-ħatra ta’ terza persuna. F’dan il-każ, l-interess ġuridiku tal-uffiċjal għandu jiġi evalwat biss fid-dawl tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni li ċaħdet il-kandidatura tiegħu.

Barra minn hekk, l-approċċ, li jgħid li, fil-każ li l-pożizzjoni inkwistjoni tkun diġà ġiet assenjata fil-mument tal-preżentata tar-rikors, it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tkun ammissibbli biss jekk l-uffiċjal jitlob fl-istess ħin l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ħatra, iwassal biex tiġi introdotta kundizzjoni ta’ ammissibbiltà għar-rikorsi ppreżentati li tirrigwarda l-legalità ta’ att li jikkawża preġudizzju skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, liema kundizzjoni ma hijiex prevista minn dan tal-aħħar. Fil-fatt, la l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jikkonċerna r-rikorsi ppreżentati quddiem il-qrati tal-Unjoni mill-uffiċjali kontra l-atti li jikkawżalhom preġudizzju, u lanqas xi test ieħor ma jimponu fuq uffiċjal li, taħt piena ta’ inammissibbiltà, ir-rikors tiegħu għandu jkun dirett fl-istess ħin kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura u d-deċiżjoni ta’ ħatra.

(ara l-punti 34, 35, 44, 45 u 47)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, C‑362/05 P, Ġabra p. I‑4333, punt 50

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 9 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Strack, T‑526/08 P, punt 45

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 39)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 5 ta’ Marzu 1980, Könecke Fleischwarenfabrik vs Il‑Kummissjoni, 76/79, Ġabra p. 665, punt 15; 14 ta’ Lulju 1983, Detti vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, 144/82, Ġabra p. 2421, punt 33

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 8 ta’ Ottubru 1992, Meskens vs Il‑Parlament, T‑84/91, Ġabra p. II‑2335, punt 78; 31 ta’ Jannar 2007, C vs Il‑Kummissjoni, T‑166/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑9 u II‑A‑2‑49, punt 48

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 50 u 51)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 2 ta’ Ottubru 2001, BEI vs Hautem, C‑449/99 P, Ġabra p. I‑6733, punt 44; 27 ta’ April 2006, L vs Il‑Kummissjoni, C‑230/05 P, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 45; 25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra p. I‑729, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 18 ta’ Ottubru 2010, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑516/09 P, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 57

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 61)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 22 ta’ Diċembru 1993, Pincherle vs Il‑Kummissjoni, C‑244/91 P, Ġabra p. I‑6965, punt 25

5.      Fir-rikorsi ta’ uffiċjali, it-talbiet ippreżentati quddiem il-qorti tal-Unjoni jistgħu jikkontjenu biss kapijiet ta’ kontestazzjoni bbażati fuq l-istess raġuni bħal dik li fuqha huma bbażati l-kapijiet ta’ kontestazzjoni invokati fl-ilment, għalkemm dawn il-kapijiet ta’ kontestazzjoni jistgħu jiġu żviluppati, quddiem il-qorti tal-Unjoni, permezz tal-preżentazzjoni ta’ motivi u argumenti li ma jinsabux neċessarjament fl-ilment, iżda li huma marbuta mill-qrib magħhom.

Biex tevalwa jekk il-kapijiet ta’ kontestazzjoni humiex ibbażati fuq l-istess raġuni bħal dik li fuqha huma bbażati dawk invokati fl-ilment, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-fatt li motiv huwa intiż biex jikkontesta l-legalità interna jew, alternattivament, il-legalità esterna ta’ att ikkontestat.

Interpretazzjoni kuntrarja tar-regola ta’ konkordanza bejn ir-rikors u l-ilment tista’ tippermetti lil rikorrent jinvoka, għall-ewwel darba quddiem il-qorti tal-Unjoni, motiv li ma jkollu ebda rabta ma’ dawk invokati fl-ilment, peress li dawn il-motivi, ikkunsidrati flimkien, jikkonċernaw il-legalità interna jew il-legalità esterna tal-att inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Awtorità tal-Ħatra tkun taf biss, fil-kuntest tal-ilment, parti mill-ilmenti li tressqu kontra l-amministrazzjoni. B’hekk, peress li ma tkunx f’pożizzjoni li ssir taf bi preċiżjoni biżżejjed l-ilmenti jew ix-xewqat tal-persuna interessata, l-awtorità msemmija ma tkunx tista’ tipprova tilħaq ftehim bonarju.

Barra minn hekk, il-fatt li xi motivi, li jinsabu fir-rikors u fl-ilment, huma intiżi biex jikkontestaw il-legalità interna jew, alternattivament, il-legalità esterna ta’ att, ma jippermettix li jiġi stabbilit, waħdu, li dawn il-motivi jistgħu jitqiesu li jippreżentaw rabta kawżali stretta bejniethom. Il-kunċetti ta’ legalità interna u ta’ legalità esterna huma fil-fatt wisq wesgħin u astratti, fir-rigward tas-suġġett preċiż tal-kap ta’ kontestazzjoni inkwistjoni, biex jiżguraw li tkun tista’ teżisti tali rabta bejn motivi li jidħlu esklużivament fil-kuntest ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn il-kunċetti.

(ara l-punti 73, 75, 78 u 79)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 23 ta’ Ottubru 1986, Schwiering vs Il‑Qorti tal-Awdituri, 142/85, Ġabra p. 3177, punt 11; 20 ta’ Mejju 1987, Geist vs Il‑Kummissjoni, 242/85, Ġabra p. 2181, punt 9; 26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il‑Kummissjoni, 224/87, Ġabra p. 99, punt 10; 14 ta’ Marzu 1989, Del Amo Martinez vs Il‑Parlament, 133/88, Ġabra p. 689, punt 10

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 12 ta’ Marzu 1996, Weir vs Il‑Kummissjoni, T‑361/94, ĠabraSP p. I‑A‑121 u II‑381, punt 27

6.      L-implementazzjoni tar-regola ta’ konkordanza bejn ir-rikors u l-ilment kif ukoll l-istħarriġ tagħha mill-qorti tal-Unjoni għandhom jiżguraw l-osservanza sħiħa simultanja, minn naħa, tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, espress fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sabiex il-persuna interessata tkun tista’ tkun f’pożizzjoni li tikkontesta b’mod validu deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tikkawżalha preġudizzju, u, min-naħa l-oħra, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, sabiex l-awtorità msemmija tkun f’pożizzjoni li tkun taf, sa mill-istadju tal-ilment, il-kritika li l-persuna interessata tifformula kontra d-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, għalkemm in-natura immutabbli tas-suġġett u tar-raġuni tat-tilwima bejn l-ilment u r-rikors hija neċessarja biex tippermetti ftehim bonarju tal-kontroversji, billi l-Awtorità tal-Ħatra tiġi informata, sa mill-istadju tal-ilment, bil-kritika tal-persuna interessata, l-interpretazzjoni ta’ dawn il-kunċetti ma tistax twassal għar-restrizzjoni tal-possibbiltajiet għall-persuna interessata li tikkontesta b’mod utli deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju. Din hija r-raġuni għalfejn il-kunċett ta’ suġġett tat-tilwima, li jikkorrispondi għall-pretensjonijiet tal-persuna interessata, kif ukoll dak tar-raġuni tat-tilwima, li jikkorrispondi għall-bażi, legali u fattwali, ta’ dawn il-pretensjonijiet, ma għandhomx jiġu interpretati b’mod restrittiv.

F’dan il-kuntest, is-sempliċi bidla fil-bażi legali ta’ kontestazzjoni ma hijiex biżżejjed biex tikkaratterizza r-raġuni tagħha bħala waħda ġdida. Huwa għalhekk li diversi bażijiet legali jistgħu jsostnu pretensjoni waħda u identika u, għalhekk, raġuni waħda u identika. Fi kliem ieħor, il-fatt li jiġi invokat il-ksur ta’ dispożizzjoni speċifika fir-rikors, li ma kienx invokat fl-ilment, mhux neċessarjament jimplika li r-raġuni tat-tilwima ġiet, minħabba f’hekk, emendata. Fil-fatt għandha tiġi evalwata s-sustanza tar-raġuni msemmija u mhux biss il-kliem tal-bażijiet legali tagħha, filwaqt li l-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika jekk teżistix rabta stretta bejn il-bażijiet tagħha u jekk dawn humiex sostanzjalment konnessi mal-istess pretensjonijiet.

(ara l-punti 82 sa 85)

7.      Fil-kuntest ta’ rikors ta’ uffiċjal, fil-każ fejn min iressaq l-ilment ikun jaf bil-motivazzjoni tal-att li jikkawżalu preġudizzju permezz tar-risposta għall-ilment tiegħu jew fil-każ fejn il-motivazzjoni tar-risposta msemmija temenda, jew tikkompleta, sostanzjalment il-motivazzjoni li tinsab fl-att imsemmi, kull motiv imressaq għall-ewwel darba fl-istadju tar-rikors u intiż biex jikkontesta l-fondatezza tal-motivazzjoni esposta fir-risposta għall-ilment għandu jitqies li huwa ammissibbli. Fil-fatt, f’tali każijiet, il-persuna interessata ma tkunx tpoġġiet f’pożizzjoni li ssir taf bi preċiżjoni u b’mod definittiv il-motivi li jsostnu l-att li jikkawżalha preġudizzju.

(ara l-punt 86)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 99)