Language of document : ECLI:EU:T:2007:382

Kawża T-308/05

Ir-Repubblika Taljana

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Fondi Strutturali — Kofinanzjament — Regolamenti (KE) Nru 1260/1999 u Nru 448/2004 — Kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà ta’ ħlasijiet akkont magħmula minn korpi nazzjonali fil-kuntest ta’ skemi ta’ għajnuna mill-Istat jew b’relazzjoni ma’ l-għoti ta’ għajnuna — Prova ta’ l-użu tal-fondi mid-destinatarji finali — Rikors għal annullament — Att li jista’ jiġi kkontestat”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati

(Artikoli 230 KE u 233 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1260/1999, ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 32(1) u Artikolu 32(3))

2.      Proċedura — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 44(1))

3.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati

(Artikolu 230 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1260/1999)

4.      Koeżjoni ekonomika u soċjali — Għajnuna strutturali — Finanzjament Komunitarju — Eliġibbiltà ta’ l-infiq magħmul mill-korpi nazzjonali

(Regolament tal-Kunsill Nru 1260/1999, Artikolu 32; Regolament tal-Kummissjoni Nru 448/2004, Anness, Regola Nru 1, punti 1 u 2)

5.      Baġit tal-Komunitajiet Ewropej — Għajnuna finanzjarja Komunitarja — Kontroll finanzjarju ta’ l-għajnuna

(Artikoli 10 KE u 274 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1260/1999, it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(1) u Artikolu 38(1)(g)); Regolament tal-Kummissjoni Nru 438/2001, Artikoli 2(1) u 7(2))

6.      Atti ta’ l-istituzzjonijiet — Għażla tal-bażi legali — Leġiżlazzjoni Komunitarja — Ħtieġa ta’ ċarezza u ta’ prevedibbiltà

7.      Koeżjoni ekonomika u soċjali — Għajnuna strutturali — Finanzjament Komunitarju — Eliġibbiltà ta’ l-infiq magħmul mill-korpi nazzjonali

(Regolament tal-Kunsill Nru 1260/1999, it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(1))

8.      Koeżjoni ekonomika u soċjali — Għajnuna strutturali — Finanzjament Komunitarju — Eliġibbiltà ta’ l-infiq magħmul mill-korpi nazzjonali

(Regolament tal-Kunsill Nru 1260/1999, it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(1); Regolament tal-Kummissjoni Nru 448/2004, Anness, Regola Nru 1, punt 1.3)

1.      Jista’ jitressaq rikors għal annullament fis-sens ta’ l-Artikolu 230 KE fir-rigward tal-miżuri kollha meħuda mill-istituzzjonijiet li huma intiżi biex jipproduċu effetti ġuridiċi, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħhom.

F’dan ir-rigward, meta titressqilha talba għall-ħlas tal-kontribuzzjoni mill-Fondi Strutturali fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna li hija aċċettabbli fis-sens ta’ l-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali, il-Kummissjoni mhijiex awtorizzata li tonqos milli tieħu azzjoni għal żmien twil. Dment li jkun hemm fondi disponibbli, hija għandha effettivament tagħmel il-ħlasijiet interim li jikkorrispondu għal din it-talba fi żmien mhux aktar minn xahrejn minn meta tirċievi din it-talba, skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 32(1) ta’ l-imsemmi regolament. Għalhekk jekk f’dan il-każ il-Kummissjoni kisret dan l-obbligu li tieħu azzjoni, l-Istat Membru kkonċernat imissu ressaq rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni sabiex jikkontesta din is-sitwazzjoni. Fl-ipoteżi li dan ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni jkun ġie ddikjarat fondat, il-Kummissjoni kien ikollha l-obbligu, skond l-Artikolu 233 KE, li tieħu l-miżuri neċessarji biex tikkonforma ruħha mas-sentenza. Konsegwentement, ittra tal-Kummissjoni, safejn din tinforma lil Stat Membru bir-rifjut tagħha li tieħu azzjoni fir-rigward tat-talbiet għal ħlas qabel ma tiġi rċevuta informazzjoni relattiva għall-ħlasijiet akkont, ma tipproduċi ebda effett legali li jista’ jiġi kkontestat fil-kuntest ta’ rikors għal annullament imressaq abbażi ta’ l-Artikolu 230 KE.

(ara l-punti 56, 59, 62)

2.      L-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li r-rikors promotur għandu jinkludi sunt tar-raġunijiet imressqa. Huwa għalhekk għandu jispjega fiex jikkonsistu r-raġunijiet li fuqhom huwa bbażat ir-rikors, b’mod li ma jistax jillimita ruħu biss li jsemmihom b’mod astratt.

Barra minn hekk, dan is-sunt, anki jekk ikun fil-qosor, għandu jkun suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-konvenut li jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Prim’Istanza li tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra in sostenn tiegħu. Iċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jeżiġu, biex rikors jew, aktar speċifikament, biex motiv f’rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors stess.

(ara l-punti 71, 72)

3.      Ittra tal-Kummissjoni indirizzata lil Stat Membru li titlob lil dan ta’ l-aħħar jikkompleta d-dikjarazzjonijiet ta’ nfiq li jakkompanjaw it-talbiet għal ħlas tal-kontribuzzjoni mill-Fondi Strutturali li huwa kien għamlilha, safejn din tirreferi għal nota ta’ interpretazzjoni relattiva għat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 1260/1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali, li skondha, fil-kuntest ta’ l-iskemi ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87 KE jew b’relazzjoni ma’ l-għoti ta’ għajnuna, il-ħlasijiet akkont magħmula mill-korpi nazzjonali li ma kinux akkompanjati b’dokumenti ta’ sostenn li juru li dawn intużaw mid-destinatarji finali ma kinux eliġibbli għall-kontribuzzjoni mill-Fondi, ma biddlitx il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja u, f’dan ir-rigward, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens ta’ l-Artikolu 230 KE.

(ara l-punti 102, 114)

4.      Safejn ittra tal-Kummissjoni indirizzata lil Stat Membru hija bbażata fuq nota ta’ interpretazzjoni relattiva għat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 1260/1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali, li skondha, fil-kuntest ta’ l-iskemi ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87 KE jew b’relazzjoni ma’ l-għoti ta’ għajnuna, il-ħlasijiet akkont magħmula mill-korpi nazzjonali li ma kinux akkompanjati b’dokumenti ta’ sostenn li juru li dawn intużaw mid-destinatarji finali ma kinux eliġibbli għall-kontribuzzjoni mill-Fondi, biex tqiegħed a karigu tal-fondi l-ammonti li jikkorrispondu għal ħlasijiet akkont mhux sostnuti permezz ta’ provi dokumentali li juru li dawn intużaw mid-destinatarji finali, l-imsemmija ittra hija konformi ma’ l-Artikolu 32 ta’ l-imsemmi Regolament Nru 1260/1999 u mal-punti 1 u 2 tar-Regola 1 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 448/2004 li jemenda r-Regolament Nru 1685/2000 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1260/1999 dwar l-eliġibbiltà ta’ l-infiq fuq operazzjonijiet ko-finanzjati mill-Fondi Strutturali.

(ara l-punti 103, 148)

5.      Il-Kummissjoni teżerċita l-kompitu ta’ implementazzjoni tal-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea bis-saħħa ta’ l-Artikolu 274 KE. Peress li dan l-artikolu ma jagħmel ebda distinzjoni abbażi tal-metodu ta’ ġestjoni applikat, il-Kummissjoni tibqa’ teżerċita din ir-responsabbiltà ġenerali fil-kuntest tal-ġestjoni maqsuma tal-Fondi Strutturali. Minbarra dan, jirriżulta mill-Artikoli 10 KE u 274 KE li, fil-kuntest tal-ġestjoni maqsuma tal-Fondi Strutturali, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jiżguraw li l-fondi Komunitarji jintużaw b’mod konformi mal-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba. Ir-regoli ċċitati aktar’il fuq huma mfakkra fl-Artikolu 38(1)(g) tar-Regolament Nru 1260/1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali, li jirrigwarda l-kontroll finanzjarju ta’ l-għajnuna.

Meta s-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll ta’ l-Istati Membri huma affidabbli u jipprovdu “sekwenza ta’ transazzjonijiet adekwat[a]” fis-sens ta’ l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 438/2001 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni ta’ l-imsemmi Regolament Nru 1260/1999 fir-rigward tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għal għajnuna mogħtija taħt il-Fondi Strutturali, iċ-ċertifikazzjoni, mill-Istat Membru kkonċernat, ta’ l-infiq iddikjarat tipprovdi, bħala regola, assigurazzjoni adegwata lill-Kummissjoni tal-korrettezza, tar-regolarità u ta’ l-eliġibbiltà tat-talbiet għal għajnuna Komunitarja, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) ta’ l-imsemmi Regolament Nru 438/2001.

Madankollu, f’każ fejn il-Kummissjoni u Stat Membru jadottaw interpretazzjonijiet diverġenti ta’ test li jiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà ta’ ċertu nfiq, l-affidabbiltà tas-sistema nazzjonali ta’ ġestjoni u ta’ kontroll ma tibqax tassigura lill-Kummissjoni li l-ispejjeż iddikjarati minn dan l-Istat Membru jikkorrispondu, kollha kemm huma, għal infiq eliġibbli fis-sens tal-leġiżlazzjoni applikabbli. Għalhekk, huwa d-dmir ta’ l-Istat Membru kkonċernat, fl-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tiegħu fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni ta’ l-infiq u fil-kuntest ta’ kooperazzjoni leali ma’ l-istituzzjonijiet Komunitarji, li jqiegħed lill-Kummissjoni f’pożizzjoni li timplementa l-baġit taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, billi jipprovdilha l-elementi ta’ informazzjoni kollha li hija tikkunsidra neċessarji biex tkun tista’ tagħmel ħlasijiet li jkunu konformi mat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(1) ta’ l-imsemmi Regolament Nru 1260/1999. Kwalunkwe soluzzjoni oħra tippreġudika l-effett utli ta’ l-Artikolu 38(1) ta’ dan ir-regolament ta’ l-aħħar u, b’mod aktar wiesa’, ta’ l-Artikoli 10 KE u 274 KE.

(ara l-punti 109, 111, 112)

6.      Il-leġiżlazzjoni Komunitarja għandha tkun ċara u l-applikazzjoni tagħha prevedibbli għal dawk kollha li huma kkonċernati. Il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jeħtieġ li l-forza vinkolanti ta’ kull att intiż li joħloq effetti legali toħroġ minn dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, għandha tkun espressament indikata bħala l-bażi legali ta’ l-att, u tippreskrivi l-forma legali li għandu jkollu dan l-att. Madankollu, l-ommissjoni ta’ referenza għall-bażi legali preċiża ta’ att tista’ ma tikkostitwixxix neċessarjament ksur ta’ ħtieġa proċedurali essenzjali meta l-bażi legali tista’ tiġi identifikata minn elementi oħra ta’ l-att. Madankollu, referenza espliċita hija indispensabbli meta n-nuqqas ta’ din ir-referenza tħalli lill-partijiet ikkonċernati u lill-qorti Komunitarja kompetenti fl-inċertezza dwar il-bażi legali preċiża.

(ara l-punti 123, 124)

7.      It-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 1260/1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali, u r-regoli dettaljati għall-implementazzjoni tiegħu ma jagħtu ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà tal-ħlasijiet akkont. Meta f’ittra indirizzata lil Stat Membru, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-ħlasijiet akkont magħmula mill-korpi nazzjonali li ma kinux akkompanjati b’dokumenti ta’ sostenn li juru li dawn intużaw mid-destinatarji finali u ddikjarati minn dan l-Istat bħala ħlasijiet interim ma kinux eliġibbli għall-kontribuzzjoni mill-Fondi, hija ma setgħetx tmur kontra l-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ trattament ugwali jew ta’ ċertezza legali.

(ara l-punt 150)

8.      La l-prinċipju ta’ ħlas lura ta’ l-infiq, fil-forma ta’ ħlasijiet interim u ħlasijiet tal-bilanċ finali, li fuqu huma bbażati l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1260/1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali, u r-regoli dettaljati għall-implementazzjoni tiegħu, u lanqas nota ta’ interpretazzjoni tal-Kummissjoni relattiva għat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(1) ta’ l-imsemmi regolament, li skondha, fil-kuntest ta’ l-iskemi ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87 KE jew b’relazzjoni ma’ l-għoti ta’ għajnuna, il-ħlasijiet akkont magħmula mill-korpi nazzjonali li ma kinux akkompanjati b’dokumenti ta’ sostenn li juru li dawn intużaw mid-destinatarji finali ma kinux eliġibbli għall-kontribuzzjoni mill-Fondi, ma jiksru l-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ trattament ugwali jew ta’ ċertezza legali.

Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ proporzjonalità, fis-sistema stabbilita mill-Artikolu 32 ta’ l-imsemmi Regolament Nru 1260/1999, il-prinċipju ta’ ħlas lura ta’ l-infiq, fil-forma ta’ ħlasijiet interim jew ħlasijiet tal-bilanċ finali, jikkontribwixxi biex jiżgura li l-fondi Komunitarji jintużaw b’mod konformi mal-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba stabbiliti fl-Artikolu 274 KE. Huwa jippermetti li jiġi evitat li l-Komunità tagħti kontribuzzjonijiet finanzjarji sostanzjali li sussegwentement ma tkunx tista’ tirkupra, jew li tkun tista’ tirkupra biss b’diffikultajiet kbar, fl-ipoteżi li dawn ma jintużawx konformement ma’ l-użu intenzjonat tagħhom, billi jillimita r-riskju għall-baġit Komunitarju għal ammont li jirrapreżenta 7 % tal-kontribuzzjoni mill-Fondi għall-għajnuna in kwistjoni. Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ ħlas lura ta’ l-infiq, fil-forma ta’ ħlasijiet interim jew ħlasijiet tal-bilanċ finali, kif ukoll l-imsemmija nota ta’ interpretazzjoni li timplementa dan il-prinċipju, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala miżuri manifestament mhux xierqa.

F’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ trattament ugwali, il-punt 1.3 tar-Regola 1 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 448/2004 li jemenda r-Regolament Nru 1685/2000 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1260/1999 dwar l-eliġibbiltà ta’ l-infiq fuq operazzjonijiet ko-finanzjati mill-Fondi Strutturali, li jipprovdi li l-għajnuna mill-Istat mogħtija fil-forma ta’ ħlasijiet ġo fondi ta’ kapital spekulattiv, ta’ self jew ta’ garanzija għandha tiġi kkunsidrata bħala nfiq li attwalment sar fis-sens tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(1), iċċitat iktar’il fuq, sakemm il-fondi kkonċernati jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti bir-Regoli 8 u 9 ta’ l-imsemmi Anness, huwa applikazzjoni speċifika tal-prinċipju ta’ ħlas lura ta’ l-infiq, fil-forma ta’ ħlasijiet interim jew ħlasijiet tal-bilanċ finali, sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-finanzjament ta’ l-investimenti kapitali ta’ impriżi. Dan il-finanzjament jingħata lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju minn korpi ġuridiċi indipendenti li jaġixxu bħala intermedjarji. Kuntrarjament għall-ħlasijiet akkont, il-finanzjament ta’ l-investimenti kapitali jmur ġo fondi li l-għan tagħhom huwa li jiffaċilita l-aċċess tad-destinatarji finali għas-sorsi ta’ finanzjament. Hija minħabba din ir-raġuni speċifika, li mhijiex komparabbli ma’ dik tal-ħlasijiet akkont, li l-ħlasijiet magħmula ġo fondi ta’ kapital spekulattiv, ta’ self jew ta’ garanzija jistgħu jiġu kkunsidrati bħala nfiq li attwalment sar fis-sens ta’ dan l-istess tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(1).

Fl-aħħar nett, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-prinċipju ta’ ċertezza legali nkiser f’dan il-każ, peress li kemm il-prinċipju ta’ ħlas lura ta’ l-infiq, fil-forma ta’ ħlasijiet interim jew ħlasijiet tal-bilanċ finali, kif ukoll l-imsemmija nota ta’ interpretazzjoni, jikkostitwixxu applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

(ara l-punti 155-157, 159-162)