Language of document : ECLI:EU:T:2007:382

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

12 ta’ Diċembru 2007 (*)

“Fondi Strutturali – Kofinanzjament – Regolamenti (KE) Nru 1260/1999 u Nru 448/2004 – Kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà ta’ ħlasijiet akkont magħmula minn korpi nazzjonali fil-kuntest ta’ skemi ta’ għajnuna mill-Istat jew b’relazzjoni ma’ l-għoti ta’ għajnuna – Prova ta’ l-użu tal-fondi mid-destinatarji finali – Rikors għal annullament – Att li jista’ jiġi kkontestat”

Fil-kawża T‑308/05,

Ir-Repubblika Taljana, inizjalment irrappreżentata minn A. Cingolo, u sussegwentement minn P. Gentili, avvocati dello Stato,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn L. Flynn u M. Velardo, bħala aġenti, assistiti minn G. Faedo, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet li allegatament jinsabu fl-ittri tal-Kummissjoni Nru 5272, tas-7 ta’ Ġunju 2005, Nru 5453, tat-8 ta’ Ġunju 2005, Nri 5726 u 5728, tas-17 ta’ Ġunju 2005, u Nru 5952, tat-23 ta’ Ġunju 2005,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn A. W. H. Meij, Aġent President, N. J. Forwood u I. Pelikánová, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ April 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Skond l-Artikolu 159 KE, il-Komunità Ewropea għandha tappoġġa t-twettiq ta’ l-għanijiet ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali, li jinkludu l-iżvilupp reġjonali, bl-azzjoni li hija tieħu permezz tal-Fondi Strutturali [il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija, sezzjoni “Gwida”; il-Fond Soċjali Ewropew; il-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew (aktar’il quddiem, “il-Fondi Strutturali” jew “il-Fondi”)].

2        Skond l-Artikolu 161 KE, il-Kunsill għandu jiddefinixxi, b’mod partikolari, il-kompiti, l-għanijiet prioritarji u l-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali, kif ukoll ir-regoli ġenerali applikabbli għal dawn il-Fondi.

3        Abbażi ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, il-Kunsill adotta ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU L 161, p. 1) (aktar’il quddiem “ir-Regolament ġenerali”), li jirregola l-għanijiet, l-organizzazzjoni, il-funzjonament u l-implementazzjoni tal-Fondi Strutturali, kif ukoll ir-rwol u l-kompetenzi tal-Kummissjoni u ta’ l-Istati Membri f’dan ir-rigward.

 Dispożizzjonijiet relattivi għall-eligibbiltà ta’ l-infiq għall-kontribuzzjoni mill-Fondi

4        L-Artikolu 30 tar-Regolament ġenerali jispeċifika l-kundizzjonijiet għall-“[e]liġibiltà” ta’ l-infiq għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fondi. Skond il-paragrafu 3 tiegħu, ir-“regoli nazzjonali relevanti għandhom japplikaw għall-ispiża eliġibbli ħlief fejn, kif meħtieġ, il-Kummissjoni tistabbilixxi regoli komuni dwar l-eliġibiltà ta’ l-ispiża b’mod konformi mal-proċedura msemmija f’Artikolu 53(2).”

5        B’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 30(3) u ta’ l-Artikolu 53(2) tar-Regolament ġenerali, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 1685/2000 tat-28 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament ġenerali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-eliġibbiltà ta’ l-infiq ta’ operazzjonijiet kofinanzjati mill-Fondi Strutturali (ĠU L 193, p. 39). Dan ir-Regolament daħal fis-seħħ fil-5 ta’ Awwissu 2000. Sussegwentement ġie emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1145/2003 tas-27 ta’ Ġunju 2003 (ĠU L 160, p. 48), b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu inkwantu jirrigwarda d-dispożizzjonijiet relatati ma’ din il-kawża. Sussegwentement, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 448/2004 ta’ l-10 ta’ Marzu 2004 (ĠU L 72, p.66), li jħassar ir-Regolament Nru 1145/2003 u jemenda l-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000, billi jissostitwih bit-test li jinsab fl-Anness ta’ dan ir-Regolament (aktar’il quddiem l-“Anness tar-Regolament Nru 448/2004”). Ir-Regolament Nru 448/2004 daħal fis-seħħ fil-11 ta’ Marzu 2004. Skond l-Artikolu 3 tiegħu, huwa japplika, b’effett retroattiv, mill-5 ta’ Lulju 2003, li hija d-data li fiha daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 1145/2003, ħlief għal dak li għandu x’jaqsam, b’mod partikolari, mal-punti 1.3, 2.1, 2.2, u 2.3 tar-Regola 1 ta’ l-Anness tiegħu, li applikaw mill-5 ta’ Awwissu 2000, li hija d-data li fiha daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 1685/2000.

6        Ir-Regola 1 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 448/2004, li tirrigwarda l-“[i]nfiq attwalment imħallas”, tispeċifika x’għandha tfisser il-frażi “[ħ]lasijiet magħmula minn benefiċjarji finali”. Skond il-punt 1.2 ta’ din ir-Regola:

“Fil-każ ta’ skemi ta’ għajnuna skond l-Artikolu 87 tat-Trattat u għajnuna mogħtija minn korpi nominati mill-Istati Membri, ‘ħlasijiet magħmula minn benefiċjarji finali’ tfisser għajnuna mħallsa lil riċevituri individwali minn għand korpi li jagħtu l-għajnuna. [Ħlasijiet ta’ għajnuna magħmula minn benefiċjarji finali għandhom ikunu ġustifikati b’referenza għall-kundizzjonijiet u għall-għanijiet ta’ l-għajnuna.]”

7        Skond il-punt 1.4 ta’ din l-istess Regola:

“F’każi għajr dawk imsemmija fil-punt 1,2, ‘ħlasijiet magħmula minn benefiċjarji finali’ tfisser ħlasijiet magħmula minn korpi jew minn ditti pubbliċi jew privati tat-tip definiti f’dak li jkompli mal-programm [fil-komplement tal-programm] skond l-Artikolu 18(3)(b) tar-Regola[ment] ġenerali u li jkunu direttament responsabbli għall-kummissjunar ta’ l-operazzjoni speċifika.”

8        Minbarra dan, ir-Regola 1 tispeċifika kif issir il-“[p]rova ta’ l-infiq”. Skond il-punt 2.1 tagħha:

“Bħala regola ġenerali, ħlasijiet minn benefiċjarji finali, dikjarati bħala ħlasijiet interim u ħlasijiet tal-bilanċ finali, għandhom ikunu sostnuti b’fatturi b’riċevuta. Meta dan ma jistax isir, ħlasijiet għandhom ikunu sostnuti b’dokumenti ta’ kontijiet [ta’ kontabbiltà] ta’ valur probatorju ekwivalenti.”

9        Il-punt 2.3 tar-Regola 1 jipprovdi:

“Barra dan, meta jitwettqu operazzjonijiet fil-qafas ta’ proċeduri dwar provvisti pubbliċi ħlasijiet minn be[ne]fiċjarji finali, dikjarati bħala ħlasijiet interim u ħlasijiet tal-bilanċ finali, għandhom ikunu sostnuti b’fatturi b’riċevuti maħruġa skond id-disposizzjonijiet tal-kuntratti ffirmati. Fil-każi l-oħra kollha, inklużi l-għotjiet ta’ għajnuniet pubbliċi, ħlasijiet minn benefiċjarji finali, dikjarati bħala ħlasijiet interim u ħlasijiet tal-bilanċ finali, iridu jkunu ġustifikati b’infiq li jkun attwalment sar (inkluż l-infiq imsemmi fil-punt 1.5) [jiġifieri d-deprezzament, il-kontribuzzjonijiet mhux f’għamla ta’ flus u l-ispejjeż ġenerali] mill-korpi jew ditti pubbliċi jew privati konċernati fl-implimentazzjoni ta’ l-operazzjoni.”

 Diżpożizzjonijiet relattivi għall-ħlas tal-kontribuzzjoni mill-fondi

10      L-Artikolu 32 tar-Regolament ġenerali jirregola l-“[ħ]lasijiet” tal-kontribuzzjoni mill-Fondi. Skond it-tielet u r-raba’ subparagrafi ta’ l-Artikolu 32(1):

“Il-ħlasijiet jistgħu jsiru f’forma ta’ pagamenti akkont, pagamenti provisorji [interim] jew pagamenti tal-bilanċ finali. Il-ħlasjiet provisorji [interim] jew il-ħlasijiet tal-bilanċ għandhom ikunu relatati ma’ l-ispiża attwalment imħallsa [l-infiq li attwalment sar], li għandha tikkorrispondi mal-ħlasijiet li jsiru mill-benefiċjarji finali, sostanzjati b’riċevuti ta’ kontijiet jew dokumenti ta’ kontabilità ta’ valur probattiv [probatorju ekwivalenti].

Skond jekk ikunx hemm fondi disponibbli, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħlasijiet provisorji [interim] matul [fi żmien] mhux aktar minn xahrejn minn meta tirċievi applikazzjoni aċċetabbli […]”

11      Skond l-Artikolu 32(2) tar-Regolament ġenerali:

“Meta jsir l-ewwel obbligu, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħlas akkont lill-awtorità li tħallas. Dan il-ħlas akkont għandu jkun ta’ 7 % tal-kontribuzzjoni mill-Fondi għall-għajnuna in kwistjoni […]”

12      L-Artikolu 32(3) tar-Regolament ġenerali jipprovdi, b’mod partikolari, li:

“Il-ħlasijiet provisorji [interim] għandhom isiru mill-Kummissjoni sabiex tirrifondi [jirrifondu] n-nefqa attwalment imħallsa taħt il-Fondi kif ċertifikat mill-awtorità li tħallas [...] Huma għandhom ikunu soġġetti [għal ċerti] kundizzjonijiet [...] L-Istat Membru u l-awtorità li tħallas għandhom ikunu informati immedjatament mill-Kummissjoni jekk waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx seħħet [sodisfatta] u għalhekk l-applikazzjoni għall-ħlas ma tkunx aċċettabbli u dawn għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jirrimedjaw is-sitwazzjoni.”

13      Skond l-Artikolu 32(4) tar-Regolament ġenerali:

“Il-bilanċ finali ta’ l-għajnuna għandu jitħallas jekk:

a)       l-awtorità li tħallas tissottometti lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mill-għeluq taż-żmien għall-ħlas stabbilit fid-deċiżjoni dwar l-għotja tal-kontribuzzjoni mill-Fondi, prospett attestat tan-nefqa attwalment imħallsa;

[…]”

 Dispożizzjonijiet dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ l-infiq

14      B’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 53(2) tar-Regolament ġenerali, u sabiex jiġu armonizzati l-istandards għaċ-ċertifikazzjoni ta’ l-infiq li għalih jintalab li jsiru ħlasijiet interim jew ħlasijiet tal-bilanċ finali mill-Fondi, il-Kummissjoni adottat, fil-kuntest tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 438/2001 tat-2 ta’ Marzu 2001 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament ġenerali fir-rigward tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għal għajnuna mogħtija taħt il-Fondi Strutturali (ĠU L 63, p. 21), regoli li jispeċifikaw il-kontenut ta’ ċertifikati dwar id-dikjarazzjonijiet ta’ nfiq interim u finali u li jispeċifikaw in-natura u l-kwalità ta’ l-informazzjoni li fuqha huma jkunu bbażati.

 Dispożizzjonijiet dwar il-kontroll finanzjarju

15      Il-kontroll finanzjarju huwa rregolat mill-Artikoli 38 u 39 tar-Regolament ġenerali, kif ukoll mir-regoli dettaljati għall-implementazzjoni tagħhom li jinsabu fir-Regolament Nru 438/2001.

16      L-Artikolu 38(1) tar-Regolament ġenerali jipprovdi li fil-kuntest tal-kontroll finanzjarju li għalih għandhom jerfgħu ir-responsabbilità, fl-ewwel lok, l-Istati Membri, dawn għandhom “jikkoperaw mal-Kummissjoni biex jiżguraw li l-Fondi Komunitarji jintużaw skond il-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja serja [tajba]”.

17      Fost id-dispożizzjonijiet dwar “[i]s-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll”, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 438/2001 jipprovdi:

“1. Is-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll ta’ l-Istati Membri għandhom jipprovdu sekwenza ta’ transazzjonijiet adekwat[a].

2. Sekwenza ta’ transazzjonijiet għandha titqies adegwata fejn din tippermetti:

(a) rikonċiljazzjoni ta’ l-ammonti sommarji ċċertifikati lill-Kummissjoni bir-[mar-]records ta’ infiq individwali u bid-[mad-]dokumenti ta’ appoġġ [sostenn] miżmuma fil-varji livelli amministrattivi u mill-benefiċċjarji finali nklużi, fejn dawn ta’ l-aħħar mhumiex ir-reċipjenti [id-destinatarji] finali tal-fondi, il-korpi jew ditti li jwettqu l-ħidmiet [l-operazzjonijiet] [...]”

18      Fil-parti li tirrigwarda ċ-“Ċertifikazzjoni ta’ nfiq”, l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 438/2001 jipprovdi:

“Iċ-ċertifikati tad-dikjarazzjonjiet ta’ nfiq interim u finali li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 32(3) u (4) tar-Regolament [ġenerali] għandhom jiġu stabbiliti fil-forma preskritta fl-Anness II minn persuna jew dipartiment fi ħdan l-awtorità ta’ ħlas li hija indipendenti funzjonalment minn kwalunkwe servizzi ta’ approvazzjoni tat-talbiet.”

19      L-Artikolu 9(2)(b)(i) tar-Regolament Nru 438/2001 jipprovdi li l-awtorità tal-ħlas għandha, qabel ma tiċċertifika dikjarazzjoni ta’ nfiq partikolari, l-awtorità tal-ħlas għandha tiżgura, b’mod partikolari, li d-dikjarazzjoni ta’ nfiq tinkludi biss l-infiq “magħmul [...] fil-forma ta’ nfiq mill-benefiċċjarji finali, fi ħdan it-tifsira tal-paragrafi 1.2, 1.3 u 2 tar-Regola Nru 1 ta’ l-Anness għar-Regolament [...] Nru 1685/2000, li jista’ jiġi sostnut b’fatturi jew b’dokumenti ta’ żamma ta’ kontijiet [ta’ kontabbiltà] ta’ valur probatorju ekwivalenti”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

20      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Settembru 2001, il-Kummissjoni bagħtet nota lir-Repubblika Taljana li kien fiha interpretazzjoni tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(1) tar-Regolament ġenerali (aktar’il quddiem “in-nota ta’ interpretazzjoni”). Skond l-ittra li akkompanjat in-nota ta’ interpretazzjoni, in-nota ta’ interpretazzjoni kellha “l-għan li tiċċara ċerti domandi magħmula lill-Kummissjoni dwar il-kunċetti ta’ ‘l-ispiża attwalment imħallsa [l-infiq li attwalment sar]’ u ta’ ‘ħlasijiet li jsiru mill-benefiċjarji finali’”. F’dan il-kuntest, il-punt 8 tan-nota ta’ interpretazzjoni pprovda, fir-rigward ta’ l-Artikolu ċċitat aktar’il fuq, il-kundizzjonijiet għall-eleġibbiltà għal kofinanzjament mill-Fondi Strutturali tal-ħlasijiet akkont magħmula minn korpi nazzjonali (aktar’il quddiem il-“benefiċjarji finali”) fil-kuntest ta’ skemi ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87 KE jew b’relazzjoni ma’ l-għoti ta’ għajnuna (aktar’il quddiem il-“ħlasijiet akkont”): “Fil-każ li l-benefiċjarju finali mhuwiex id-destinatarju finali tal-fondi Komunitarji, per eżempju għall-iskemi ta’ għajnuna, il-ħlasijiet akkont tas-sussidji jitħallsu lid-destinatarji finali mill-benefiċjarji finali. Madankollu, l-infiq iddikjarat mill-benefiċjarju finali lill-awtorità ta’ ġestjoni jew tal-ħlas jew lill-korp intermedjarju għandu jirreferi għall-infiq effettiv tad-destinatarju finali, sostnut permezz ta’ fatturi mħallsa jew permezz ta’ dokumenti ta’ valur probatorju ekwivalenti. Huwa minhabba f’hekk li l-ħlasijiet akkont mill-benefiċjarju finali ma jistgħux ikunu inklużi fl-infiq iddikjarat lill-Kummissjoni, ħlief jekk l-imsemmi benefiċjarju seta’ jistabbilixxi li d-destinatarju finali uża dan il-ħlas akkont biex ikopri nfiq effettiv”. Għalhekk, skond in-nota ta’ interpretazzjoni, il-ħlasijiet akkont li ma kinux akkompanjati b’dokumenti ta’ sostenn li juru li dawn intużaw mid-destinatarji finali (aktar’il quddiem “il-ħlasijiet akkont mhux sostnuti”) ma kinux eliġibbli għall-kontribuzzjoni mill-Fondi (aktar’il quddiem “ir-regola ġenerali in kwistjoni”).

21      Permezz ta’ ittra ta’ l-20 ta’ Jannar 2003, waqt li kienet qiegħda tikkunsidra talba għal ħlas magħmula mir-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni informat lil din ta’ l-aħħar li kienet sejra tnaqqas l-ammont li jikkorrispondi għall-ħlasijiet akkont mhux sostnuti. Hija stiednet lir-Repubblika Taljana tinformaha bl-imsemmi ammont, u fil-frattemp il-kunsiderazzjoni tat-talba tagħha għal ħlas ġiet sospiża.

22      Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Marzu 2003, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Taljana li hija kienet ordnat il-ħlas ta’ somma inferjuri għal dik mitluba, wara li naqqset ammont li jikkorrispondi għall-ħlasijiet akkont mhux sostnuti.

23      Fis-27 ta’ Marzu 2003, ir-Repubblika Taljana ressqet rikors għall-annullament taż-żewġ ittri msemmija aktar’il fuq (kawża C-138/03).

24      Parallelament għal dawn il-ġrajjiet, kienet għaddejja proċedura ta’ konsultazzjoni fi ħdan il-Kumitat dwar l-Iżvilupp u l-Konverżjoni tar-Reġjuni (iktar’il quddiem “il-Kumitat”), bil-għan li tiddefinixxi l-modalitajiet ta’ simplifikazzjoni tal-ġestjoni tal-Fondi Strutturali. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni kienet talbet lill-Kumitat biex jeżamina l-possibbiltà li l-ħlasijiet akkont ikunu eliġibbli għall-kontribuzzjoni mill-Fondi u l-kundizzjonijiet ta’ tali eliġibbiltà. Peress li ma seta’ jitlaħaq l-ebda ftehim waqt it-tlieta u sebgħin laqgħa tal-Kumitat fid-19 ta’ Frar 2003, il-Kummissjoni finalment irrinunzjat milli tieħu kwalunkwe inizjattiva oħra fuq dan is-suġġett.

25      Permezz ta’ ittra ta’ l-14 ta’ Mejju 2003, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Taljana bl-għeluq tad-dibattitu li kien għaddej fi ħdan il-Kumitat. Hija indikat li, għalhekk, il-pożizzjoni tagħha dwar l-eliġibbiltà tal-ħlasijiet akkont baqgħet dik espressa fin-nota ta’ interpretazzjoni. Madankollu, b’referenza għad-dubji li setgħu tqanqlu fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ u sabiex ma tiddiżappuntax l-aspettattivi li seta’ legalment joħloq id-dibattitu fi ħdan il-Kumitat, il-Kummissjoni ddeċidiet li tikkunsidra bħala eliġibbli l-ħlasijiet akkont mhux sostnuti relattivi għal għajnuna li fir-rigward tagħha d-deċiżjoni finali ta’ għoti ġiet adottata, l-aktar tard, fid-19 ta’ Frar 2003, jew dawk relattivi għal għajnuna mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti li spiċċat, l-aktar tard, f’din l-istess data. Minbarra dan, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Taljana li l-ammont tal-ħlasijiet akkont kellu jiġi speċifikat, skond ir-regoli hekk indikati, fid-dikjarazzjonijiet ta’ nfiq li jakkompanjaw it-talbiet għal ħlas li hija kienet għamlitilha. Fl-24 ta’ Lulju 2003, ir-Repubblika Taljana ressqet rikors għall-annullament ta’ l-ittra ta’ l-14 ta’ Mejju 2003 (kawża C-324/03).

26      B’applikazzjoni tar-regoli fformulati fl-ittra ta’ l-14 ta’ Mejju 2003, l-awtoritajiet Taljani rċevew, fil-5 ta’ Ġunju 2003, il-ħlas ta’ l-ammonti msemmija fl-ittri ta’ l-20 ta’ Jannar u tat-3 ta’ Marzu 2003 li kienu ġew mitluba fil-kawża C-138/03.

27      B’ittra tad-29 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Taljani verżjoni ġdida ta’ l-ittra ta’ l-14 ta’ Mejju 2003, li kkoreġiet xi żbalji ta’ traduzzjoni li kien fiha din ta’ l-aħħar. Fid-9 ta’ Ottubru 2003, ir-Repubblika Taljana ressqet rikors għall-annullament ta’ l-ittra tad-29 ta’ Lulju 2003 (kawża C-431/03). Bħal fil-kuntest tal-kawża C-324/03, ir-Repubblika Taljana kkontestat l-ittra safejn din irrifjutat li tiddikjara l-eligibbiltà għal kontribuzzjoni mill-Fondi Strutturali tal-ħlasijiet akkont mhux sostnuti permezz ta’ provi dokumentali li juru li dawn intużaw mid-destinatarji finali fil-każ fejn id-deċiżjoni finali ta’ għoti ta’ l-għajnuna jew l-għeluq tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti seħħew wara d-19 ta’ Frar 2003 (aktar’il quddiem “il-ħlasijiet akkont in kwistjoni”).

28      Fil-25 ta’ Settembru 2003, ir-Repubblika Taljana ressqet rikors ukoll kontra r-Regolament Nru 1145/2003, li kien daħal fis-seħħ fil-5 ta’ Lulju 2003 (kawża C-401/03 li, wara li nbagħtet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, saret kawża T‑223/04).

29      Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Taljana li l-ammont tal-ħlasijiet akkont magħmula fil-kuntest ta’ skemi ta’ għajnuna għal kwalunkwe programm li jaqa’ taħt l-Objettivi 1 u 2 għandu jiġi speċifikat, fir-rigward ta’ kull miżura, fid-dikjarazzjonijiet ta’ nfiq tal-futur, kif ġie indikat fl-ittri ta’ l-14 ta’ Mejju u tad-29 ta’ Lulju 2003. Ir-Repubblika Taljana ressqet rikors kontra din l-ittra u, sussidjarjament, kontra r-Regolament Nru 448/2004, li kien daħal fis-seħħ fil-11 ta’ Marzu 2004 (kawża T-207/04).

30      Permezz ta’ ittra Nru 6311 ta’ l-1 ta’ Marzu 2005, ir-Repubblika Taljana għamlet talba lill-Kummissjoni għal ħlas interim fil-kuntest ta’ l-implementazzjoni tal-Programm Operazzjonali Reġjonali (aktar’il quddiem il-“POR”) taħt l-Objettiv 1, relattiv għar-reġjun ta’ Campania għall-perijodu 2000-2006.

31      Permezz ta’ ittra Nru 2772 tal-21 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Taljana biex tikkompleta d-dikjarazzjoni ta’ nfiq li takkompanja din it-talba għal ħlas, billi tindika b’mod ċar l-ammont tal-ħlasijiet akkont in kwistjoni magħmula.

32      Permezz ta’ ittra Nru 12827 tad-29 ta’ April 2005, ir-Repubblika Taljana bagħtet lill-Kummissjoni talba ġdida għal ħlas, għall-ammont ta’ EUR 17 341 776,84, fil-kuntest ta’ l-implementazzjoni ta’ l-istess POR.

33      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Mejju 2005, ir-Repubblika Taljana ressqet rikors intiż biex jikkontesta, b’mod partikolari, l-ittra Nru 2772 tal-21 ta’ Marzu 2005 (kawża T-212/05).

34      Permezz ta’ ittra Nru 5272 tas-7 ta’ Ġunju 2005 (aktar’il quddiem “l-ewwel ittra kkontestata”), il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Taljana tikkompleta d-dikjarazzjonijiet ta’ nfiq li jakkompanjaw it-talbiet għal ħlas li din ta’ l-aħħar kienet għamlitilha permezz ta’ l-ittri Nru 6311 ta’ l-1 ta’ Marzu 2005 u Nru 12827 tad-29 ta’ April 2005 (aktar’il quddiem id-“dikjarazzjonijiet ta’ nfiq in kwistjoni” u t-“talbiet għal ħlas in kwistjoni”) billi tispeċifika, fir-rigward ta’ kull miżura, l-ammont tal-ħlasijiet akkont in kwistjoni magħmula jew li setgħu saru. Hija speċifikat ukoll li l-proċeduri ta’ ħlas li jikkorrispondu għat-talbiet għal ħlas in kwistjoni kienu sejrin jiġu jew jibqgħu sospiżi sal-mument li tiġi rċevuta din l-informazzjoni. Din l-ittra waslet lill-awtoritajiet Taljani kkonċernati fit-8 ta’ Ġunju 2005.

35      Permezz ta’ ittri Nru 5453 tat-8 ta’ Ġunju 2005 (aktar’il quddiem “it-tieni ittra kkontestata”), Nru 5726 u Nru 5728 tas-17 ta’ Ġunju 2005 (aktar’il quddiem “it-tielet ittra kkontestata” u “r-raba ittra kkontestata”, rispettivament) u Nru 5952 tat-23 ta’ Ġunju 2005 (aktar’il quddiem “il-ħames ittra kkontestata”), il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Taljana li l-ħlasijiet magħmula kienu sejrin ikunu ta’ ammont differenti minn dak mitlub fil-kuntest ta’ l-implementazzjoni, minn naħa, tad-dokument ta’ programmar individwali taħt l-Objettiv 2 relattiv għar-reġjun ta’ Lazio għall-perijodu 2000-2006 u, min-naħa l-oħra, tal-POR taħt l-Objettiv 1 relattiv għar-reġjun ta’ Puglia għall-istess perijodu, minħabba t-tnaqqis ta’ l-ammonti li jikkorrispondu għall-ħlasijiet akkont in kwistjoni.

36      Permezz ta’ sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 2005, Italja vs Il-Kummissjoni (C-138/03, C-324/03 u C-431/03, Ġabra p. I-10043, aktar’il quddiem is-“sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 2005”), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kienx hemm lok li tiddeċiedi fuq ir-rikors fil-kawża C-138/03 u li r-rikorsi fil-kawżi C-324/03 u C-431/03 kellhom jiġu miċħuda bħala infondati u inammissibbli, rispettivament.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

37      Permezz ta’ rikors imressaq fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-10 ta’ Awwissu 2005, ir-Repubblika Taljana ressqet ir-rikors preżenti.

38      Permezz ta’ ittra ta’ l-10 ta’ Jannar 2006, ir-Reġistru stieden lill-partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-eventwali konsegwenzi tas-sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 2005, iċċitata aktar’il fuq fil-punt 36, fuq il-kawża preżenti. Il-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiiet tagħhom fit-terminu ta’ żmien stabbilit, filwaqt li sussegwentement, fit-2 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni bagħtet lir-Reġistru corrigendum intiż sabiex jikkoreġi żball klerikali fl-osservazzjonijiet tagħha.

39      Wara r-rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-Kummissjoni tirrispondi għal ċerti domandi u lir-Repubblika Taljana sabiex tipproduċi dokument. Il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma’ dawn it-talbiet.

40      Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Frar 2007, l-Imħallfin A. W. H. Meij u N. J. Forwood ġew innominati Aġent President ta’ l-Awla u Imħallef, biex jissostitwixxi lill-Imħallef J. Pirrung li ma setax joqgħod fil-kawża.

41      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu waqt is-seduta li saret fil-25 ta’ April 2007. Wara din is-seduta, ġiet organizzata laqgħa informali mar-rappreżentanti tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

42      Ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla l-ewwel ittra kkontestata, safejn din titlobha tikkompleta d-dikjarazzjonijiet ta’ nfiq li jakkompanjaw it-talbiet għal ħlas in kwistjoni billi tispeċifika, fir-rigward ta’ kull miżura, l-ammont tal-ħlasijiet akkont in kwistjoni magħmula jew li setgħu saru u safejn din tispeċifika li l-proċeduri ta’ ħlas jikkorrispondu għal dawn it-talbiet sejrin jiġu jew jibqgħu sospiżi sal-mument li tiġi rċevuta din l-informazzjoni;

–        tannulla t-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames ittri kkontestati, safejn dawn jinformawha li l-ħlasijiet magħmula sejrin ikunu ta’ ammont differenti minn dak mitlub, minħabba t-tnaqqis ta’ l-ammonti li jikkorrispondu għall-ħlasijiet akkont in kwistjoni;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

43      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew infondat;

–        tordna lir-Repubblika Taljana tbati l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

44      Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors imressaq kontra l-ewwel ittra kkontestata għar-raġuni li din ta’ l-aħħar ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens ta’ l-Artikolu 230 KE minħabba n-natura interpretattiva u, sussidjarjament, konfermattiva, tagħha.

45      Prinċipalment, il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel ittra kkontestata ma tipproduċi, minnha nfisha, ebda effett legali, iżda hija ta’ natura purament interpretattiva.

46      L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda r-regola ġenerali in kwistjoni, l-ewwel ittra sempliċement tfakkar l-interpretazzjoni tat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 32(1) tar-Regolament ġenerali magħmula mill-Kummissjoni u, minnha nfisha, ma tipproduċi ebda effett ġuridiku fil-konfront tar-Repubblika Taljana.

47      It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda t-talba biex tingħata informazzjoni relattiva għall-ħlasijiet akkont, din it-talba mhija xejn ħlief modalità ta’ applikazzjoni u spjegazzjoni prattika tal-leġiżlazzjoni dwar l-eliġibbiltà ta’ l-infiq u, b’mod partikolari, tar-regoli ta’ prova ta’ l-infiq stabbiliti mir-Regolament Nru 448/2004.

48      Fit-tielet u l-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni li, sal-mument li tingħata l-informazzjoni relattiva għall-ħlasijiet akkont, il-proċeduri ta’ ħlas in kwistjoni kienu sejrin jiġu jew jibqgħu sospiżi, din tikkorrispondi għall-obbligu tal-Kummissjoni, skond il-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba, li ma taċċettax talbiet għal ħlas irregolari jew inkompleti jew li ma jirripettawx ir-regoli ta’ prova ta’ l-infiq. Hija tirrifletti l-fatt li, fin-nuqqas ta’ l-informazzjoni meħtieġa, il-Kummissjoni ma tistax tagħmel il-ħlasijiet mitluba mingħajr, madankollu, ma tesprimi l-pożizzjoni tagħha fuq il-fondatezza tat-talbiet għal ħlas in kwistjoni.

49      B’risposta għall-argumenti tar-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni ssostni li, skond il-ġurisprudenza, il-fatt li l-ewwel ittra kkontestata tista’ tiġi kkontestata ma jistax jiġi dedott mill-eventwali illegalità tar-regola ġenerali in kwistjoni li għaliha hija tirreferi, u lanqas mill-eventwalità li l-Kummissjoni eċċediet is-setgħat tagħha meta adottat din ir-regola.

50      Sussidjarjament, il-Kummissjoni tallega li l-ewwel ittra kkontestata hija ta’ natura purament konfermattiva. Din l-ittra tikkonferma r-regola ġenerali in kwistjoni esposta fl-ittri ta’ l-14 ta’ Mejju u tad-29 ta’ Lulju 2003 u, qabel l-adozzjoni ta’ l-imsemmija ittri, fin-nota ta’ interpretazzjoni. Dawn l-ittri għalqu definittivament id-dibattitu istituzzjonali dwar il-kwistjoni ta’ l-eliġibbiltà tal-ħlasijiet akkont. Fil-punti 36 u 37 tas-sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 2005, iċċitata aktar’il fuq fil-punt 36, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-ittra ta’ l-14 ta’ Mejju 2003 kienet tikkostitwixxi eżami mill-ġdid ta’ din il-kwistjoni.

51      Finalment, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Taljana ma tista’ tikseb ebda vantaġġ reali minn eventwali annullament ta’ l-ewwel ittra kkontestata billi hija kienet ser tibqa’ tapplika, fi kwalunkwe każ, il-kriterji stabbiliti fin-nota ta’ interpretazzjoni sabiex teżamina t-talbiet għal ħlas in kwistjoni.

52      Ir-Repubblika Taljana ssostni li r-rikors imressaq kontra l-ewwel ittra kkontestata huwa ammissibbli. Din l-ittra, minnha stess, tipproduċi effetti ġuridiċi u tista’ tbiddel b’mod dirett il-pożizzjoni ġuridika tagħha, bir-riżultat li tikkostitwixxi, skond ġurisprudenza stabbilita, att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens ta’ l-Artikolu 230.

53      Minn naħa, l-ewwel ittra kkontestata tinkludi, konformement mal-kontenut ta’ l-ittri tad-29 ta’ Lulju 2003 u tal-25 ta’ Marzu 2004, ordni biex tiġi inkluża, fid-dikjarazzjonijiet ta’ nfiq in kwistjoni, informazzjoni relattiva għall-ħlasijiet akkont. L-obbligu ta’ dikjarazzjoni hekk impost fuqha ma jirriżultax mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 438/2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għaċ-ċertifikazzjoni ta’ l-infiq, iżda mir-regola ġenerali in kwistjoni, li hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ġenerali u tar-Regolament Nru 448/2004 dwar l-eliġibbiltà ta’ l-infiq.

54      Min-naħa l-oħra, l-ewwel ittra żżid element ġdid mar-regoli dwar l-eligibbiltà tal-ħlasijiet u ċ-ċertifikazzjoni tagħhom u ma’ l-ittri preċedenti tal-Kummissjoni, peress li hija żżid sanzjoni ma’ l-ordni biex tingħata l-informazzjoni relattiva għall-ħlasijiet akkont. Fil-fatt, l-ittra tispeċifika li t-talbiet għal ħlas in kwistjoni ma kinux sejrin jiġu kkunsidrati sakemm l-informazzjoni relattiva għall-ħlasijiet akkont ma tkunx intbagħtet. Għalhekk, bi ksur tal-leġiżlazzjoni applikabbli, l-ewwel ittra kkontestata tintroduċi raġuni ġdida ta’ natura purament proċedurali li għaliha jistgħu jiġi miċħuda t-talbiet għal ħlas.

55      Finalment, ir-Repubblika Taljana tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li l-ewwel ittra kkontestata hija att purament konfermattiv. Fil-fatt, wara li r-regola ġenerali in kwistjoni msemmija fin-nota ta’ interpretazzjoni ġiet kkontestata, hija ġiet eżaminata mill-ġdid b’mod dettaljat fil-kuntest tad-dibattitu istituzzjonali dwar l-emenda tar-Regolament Nru 1685/2000, u l-ewwel ittra kkontestata, adottata ftit wara r-Regolament Nru 448/2004, tirrifletti l-eżitu ta’ dan id-dibattitu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

56      Skond ġurisprudenza stabbilita, jista’ jitressaq rikors għal annullament fis-sens ta’ l-Artikolu 230 KE fir-rigward tal-miżuri kollha meħuda mill-istituzzjonijiet li huma intiżi biex jipproduċu effetti ġuridiċi, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħhom (ara s-sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 2005, iċċitata aktar’il fuq fil-punt 36, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Biex jiġi evalwat jekk l-ewwel ittra kkontestata tipproduċix effetti ġuridiċi fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar’il fuq safejn titlob lir-Repubblika Taljana tikkompleta d-dikjarazzjonijiet ta’ nfiq in kwistjoni billi tispeċifika, fir-rigward ta’ kull miżura, l-ammont tal-ħlasijiet akkont in kwistjoni magħmula jew li setgħu saru u safejn tispeċifika li l-proċeduri miftuħa dwar it-talbiet għal ħlas in kwistjoni sejrin jiġu jew jibqgħu sospiżi sal-mument li tiġi rċevuta l-imsemmija informazzjoni, għandhom jiġu eżaminati kemm is-sustanza ta’ l-ittra kif ukoll il-kuntest li fih ġiet adottata (ara d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Ġunju 1991, Sunzest vs Il-Kummissjoni, C-50/90, Ġabra p. I-2917, punt 13).

58      L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-allegazzjoni tar-Repubblika Taljana li l-ewwel ittra kkontestata timponi sanzjoni fuqha peress li tindika li t-talbiet għal ħlas in kwistjoni ma kinux sejrin jiġu kkunsidrati qabel ma tiġi rċevuta l-informazzjoni relattiva għall-ħlasijiet akkont, għandu jiġi kkonstatat li din l-allegazzjoni hija ekwivalenti, essenzjalment, għal akkuża li l-Kummissjoni naqset milli tieħu azzjoni għal żmien twil. Kif ammettiet ir-Repubblika Taljana waqt is-seduta, hija tikkunsidra li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet marbuta li tagħmel il-ħlasijiet li jikkorrispondu għat-talbiet għal ħlas in kwistjoni fit-terminu ta’ xahrejn previst fir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 32(1) tar-Regolament ġenerali.

59      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, meta titressqilha talba għall-ħlas li hija aċċettabbli fis-sens ta’ l-Artikolu 32(3) tar-Regolament ġenerali, il-Kummissjoni mhijiex awtorizzata li tonqos milli tieħu azzjoni għal żmien twil. Dment li jkun hemm fondi disponibbli, hija għandha effettivament tagħmel il-ħlasijiet interim li jikkorrispondu għal din it-talba fi żmien mhux aktar minn xahrejn minn meta tirċievi din it-talba, skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 32(1) tar-Regolament ġenerali. Għalhekk jekk f’dan il-każ il-Kummissjoni kisret dan l-obbligu li tieħu azzjoni, kif issostni r-Repubblika Taljana, din ta’ l-aħħar imissha ressqet rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni sabiex tikkontesta din is-sitwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Mejju 1982, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, 44/81, Ġabra p. 1855, punt 6, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T-314/04 u T-414/04, Ġabra p. II-103, punt 48). Fl-ipoteżi li dan ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni jkun ġie ddikjarat fondat, il-Kummissjoni kien ikollha l-obbligu, skond l-Artikolu 233 KE, li tieħu l-miżuri neċessarji biex tikkonforma ruħha mas-sentenza (sentenza ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar’il fuq, punt 48).

60      Din is-soluzzjoni ma tistax titqiegħed fid-dubju minħabba l-fatt lir-Repubblika Taljana ġiet espressament informata, permezz ta’ l-ewwel ittra kkontestata, bir-rifjut tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni. Fil-fatt, rifjut li tittieħed azzjoni, ikun kemm ikun espliċitu, jista’ effettivament jinġieb quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi ta’ l-Artikolu 232 KE, peress li dan ma jġibx fit-tmiem in-nuqqas li tittieħed azzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Settembru 1988, Il-Parlament vs Il-Kunsill, 302/87, Ġabra p. 5615, punt 17).

61      Fi kwalunkwe każ, kif ikkonfermat il-Kummissjoni waqt is-seduta, mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt mir-Repubblika Taljana, in-nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni żvelat bl-ewwel ittra kkontestata kien biss temporanju u dan in-nuqqas ma tkompliex wara li r-raġunijiet li ġġustifikawh kienu spiċċaw, peress li l-Kummissjoni finalment adottat deċiżjoni fuq it-talbiet għal ħlas in kwistjoni. Din id-deċiżjoni finali ġiet ikkomunikata, permezz ta’ ittra Nru 8799 ta’ l-24 ta’ Awwissu 2005, lir-Repubblika Taljana, li ressqet rikors kontra din l-ittra (kawża T-402/05).

62      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-ewwel ittra kkontestata, safejn din informat lir-Repubblika Taljana bir-rifjut tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni fir-rigward tat-talbiet għal ħlas in kwistjoni, ma pproduċiet ebda effett legali li jista’ jiġi kkontestat fil-kuntest ta’ rikors għal annullament imressaq abbażi ta’ l-Artikolu 230 KE.

63      It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni li r-Repubblika Taljana kellha tikkommunika lill-Kummissjoni l-informazzjoni relattiva għall-ħlasijiet akkont, għandu jiġi speċifikat li l-ewwel ittra kkontestata qiegħda, b’dan il-mod, tagħmel referenza għal obbligu ta’ dikjarazzjoni li jirriżulta, għal dan l-Istat Membru, mill-applikazzjoni kkombinata tar-regola ġenerali in kwistjoni u tad-deċiżjoni li tinsab fl-ittra ta’ l-14 ta’ Mejju 2003 (ara l-punt 25 aktar’il fuq) li minnha jirriżulta li kienu biss il-ħlasijiet akkont mhux sostnuti relattivi għal għajnuna li fir-rigward tagħha d-deċiżjoni finali ta’ għoti ġiet adottata, l-aktar tard, fid-19 ta’ Frar 2003, jew dawk relattivi għal għajnuna mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti li spiċċat, l-aktar tard, f’din l-istess data, li kienu eliġibbli għall-kofinanzjament mill-Fondi. Fil-fatt, l-ewwel ittra kkontestata tirreferi espliċitament għall-ittra Nru 2772 tal-21 ta’ Marzu 2005 (ara l-punt 31 aktar’il fuq) li, hi stess, tirreferi għall-ittra tad-29 ta’ Lulju 2003, li tikkoreġi l-ittra ta’ l-14 ta’ Mejju 2003 (ara l-punt 27 aktar’il fuq).

64      Għalhekk jirriżulta mill-kontenut stess ta’ l-ewwel ittra kkontestata li din kienet intiża biex tfakkar lir-Repubblika Taljana, meta t-talbiet għal ħlas in kwistjoni kienu qegħdin jiġu kkunsidrati, bl-obbligu ta’ dikjarazzjoni li kien impost fuqha mil-leġiżlazzjoni dwar l-eliġibbiltà ta’ l-infiq u, b’mod partikolari, mir-regola ġenerali in kwistjoni.

65      Sabiex jiġi vverifikat jekk l-ewwel ittra kkontesta effettivament tillimitax ruħha biex tfakkar lir-Repubblika Taljana bl-obbligi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni Komunitarja mingħajr ma tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, jew jekk, għall-kuntrarju, hija tistax toħloq effetti ġuridiċi, għandhom jiġu deċiżi ċerti kwistjonijiet fil-mertu mqajma fil-kawża preżenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Marzu 1997, Franza vs Il-Kummissjoni, C-57/95, Ġabra p. I-1627, punti 9 u 10, u s-sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 2005, iċċitata aktar’il fuq fil-punt 36, punti 33 sa 35).

 Fuq il-mertu

66      In sostenn tat-talba tagħha għall-anullament ta’ l-ewwel, tat-tieni, tat-tielet, tar-raba’ u tal-ħames ittri kkontestati (aktar’il quddiem, meħuda flimkien, “l-ittri kkontestati”), ir-Repubblika Taljana tqajjem disa’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali u fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kontroll finanzjarju. It-tieni motiv huwa bbażat fuq nuqqas assolut ta’ motivazzjoni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-inosservanza tal-proċeduri għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u fuq il-ksur tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 32 tar-Regolament ġenerali u tal-punti 1 u 2 tar-Regola 1 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 448/2004. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet relattivi għall-eliġibbiltà ta’ l-infiq. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u fuq użu ħażin ta’ poter. Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tar-Regolament Nru 448/2004, tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ ċertezza legali kif ukoll fuq in-natura kontradittorja ta’ l-ittri kkontestati. It-tmien motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 438/2001. Finalment, id-disa’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ simplifikazzjoni.

67      Peress li l-Kummissjoni kkontestat l-ammissibbiltà tat-tielet motiv, hemm lok li l-imsemmi motiv jiġi eżaminat l-ewwel.

68      Għandu jiġi mfakkar ukoll li s-soluzzjoni għall-kwistjoni ta’ ammissibbiltà, imqajma fil-punt 65 aktar’il fuq, tiddependi mir-risposti li sejrin jingħataw għall-kwistjonijiet fil-mertu li jirrigwardaw, minn naħa, l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-eliġibbiltà ta’ l-infiq u, min-naħa l-oħra, il-konsegwenzi inevitabbli li jirriżultaw minn din il-leġiżlazzjoni fl-istadju tad-dikjarazzjoni u taċ-ċertifikazzjoni ta’ l-infiq. Peress li dawn il-kwistjonijiet fil-mertu ġew mqajma, minn naħa, mir-raba’ u mill-ħames motivi, u min-naħa l-oħra, mit-tmien u mid-disa’ motivi, hemm lok li sussegwentement jiġu eżaminati dawn ta’ l-aħħar.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-inosservanza tal-proċeduri għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u fuq il-ksur tar-Regoli tal-Proċedura tagħha

 L-argumenti tal-partijiet

69      Ir-Repubblika Taljana ssostni, essenzjalment, li meta bagħtitilha l-ittri kkontestati, il-Kummissjoni nnotifikatha b’deċiżjonijiet li apparentement ma ġewx adottati b’osservanza tal-proċedura prevista fir-Regoli tal-Proċedura tagħha.

70      Il-Kummissjoni titlob li t-tielet motiv jiġi miċħud bħala inammissibbli, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. L-argumenti in sostenn tal-motiv preżenti mhumiex ċari u preċiżi fir-rigward ta’ l-identifikazzjoni tar-regoli allegatament miksura.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

71      L-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li r-rikors għandu jinkludi sunt tar-raġunijiet imressqa. Dan ifisser li r-rikors għandu jispjega fiex jikkonsistu r-raġunijiet li fuqhom huwa bbażat ir-rikors u ma jistax jillimita ruħu biss li jsemmihom b’mod astratt (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Novembru 1992, Rendo et vs Il-Kummissjoni, T‑16/91, Ġabra p. II‑2417, punt 130, u tat-28 ta’ Marzu 2000, T. Port vs Il-Kummissjoni T‑251/97, Ġabra p. II‑1775, punt 90).

72      Barra minn hekk, is-sunt tar-raġunijiet imressqa, anki jekk dan ikun fil-qosor, għandu jkun suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-konvenut li jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Prim’Istanza li tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra in sostenn tiegħu. Iċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jeżiġu, biex rikors jew, aktar speċifikament, biex motiv f’rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors stess (ara, fir-rigward ta’ l-ammissibbiltà ta’ rikors, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Enso Española vs Il-Kummissjoni, T-348/94, Ġabra p. II-1875, punt 143, u T. Port vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar’il fuq fil-punt 71, punt 91).

73      F’dan il-każ, l-argumenti mressqa in sostenn tat-tielet motiv mhumiex ċari u preċiżi fir-rigward ta’ l-identifikazzjoni tar-regoli tar-Regoli tal-Proċedura li allegatament ġew miksura meta ġew adottati l-ittri kkontestati, u dan minkejja l-fatt li r-Regoli tal-Proċedura tal-Kummissjoni huma dokument ippubblikat, fil-lingwi kollha ta’ l-Unjoni Ewropea, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 308, 2000, p. 26).

74      Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha raġun issostni li s-sunt tal-motiv preżenti mogħti fir-rikors ma kienx suffiċjentement ċar u preċiż biżżejjed sabiex jippermettilha tipprepara d-difiża tagħha. Dan is-sunt lanqas jippermetti lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi dwar il-fondatezza tal-motiv preżenti.

75      Konsegwentement, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissbbli.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 32 tar-Regolament ġenerali u tal-punti 1 u 2 tar-Regola 1 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 448/2004, u fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet relattivi għall-eliġibbiltà ta’ l-infiq

 L-argumenti tal-partijiet

76      Ir-Repubblika Taljana tallega li l-ittri kkontestati jiksru l-Artikolu 32 tar-Regolament ġenerali u r-Regola 1 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 448/2004, safejn huma bbażati fuq ir-regola ġenerali in kwistjoni. Fl-ipoteżi li r-Regolament Nru 448/2004 jista’ jservi ta’ bażi għar-regola ġenerali in kwistjoni, hija ssostni li dan ta’ l-aħħar huwa illegali minħabba li jikser l-Artikolu 32 tar-Regolament ġenerali.

77      Ir-Repubblika Taljana ssostni li s-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 2005, iċċitata aktar’il fuq fil-punt 36, mhijiex applikabbli għal dan il-każ. Minn naħa, il-punt 2 tar-Regola 1 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000, li fuqha dik is-soluzzjoni hija bbażata, ġie sostanzjalment emendat mir-Regolament Nru 448/2004. Min-naħa l-oħra, il-kawża preżenti tikkonċerna biss l-Artikolu 30 tar-Regolament ġenerali u d-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 448/2004 li jirregolaw l-eliġibbiltà ta’ l-infiq magħmul mill-benefiċjarji finali, filwaqt li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta dispożizzjoni differenti, l-Artikolu 32 tar-Regolament ġenerali li jirregola l-ħlas mill-Kummissjoni tal-kontribuzzjoni mill-Fondi.

78      Minbarra dan, ir-Repubblika Taljana tikkontesta l-affermazzjoni li l-Artikolu 32 tar-Regolament ġenerali u r-Regola 1 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 448/2004 jistgħu jiġu interpretati f’sens li jikkorrispondi għar-regola ġenerali in kwistjoni.

79      L-ewwel nett, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ġenerali jew tar-Regolament Nru 448/2004 ma jippermettux li tittieħed in kunsiderazzjoni l-attività tad-destinatarji finali għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-eliġibbiltà tal-ħlasijiet akkont. Għall-kuntrarju, id-dispożizzjonijiet il-ġodda tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament ġenerali (ĠU L 210, p. 25), jikkonfermaw li, sa dak iż-żmien, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ta’ l-aħħar ma kinux jippermettu li ttittieħed in kunsiderazzjoni l-attività tad-destinatarji finali. Fil-fatt, hija l-bidla fil-kunċett ta’ “benefiċjarju”, introdotta permezz tar-Regolament Nru 1083/2006 li għamel tali teħid in kunsiderazzjoni possibbli.

80      It-tieni nett, il-punt 2.1 tar-Regola 1 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 448/2004 tikkonferma impliċitament l-eliġibbiltà tal-ħlasijiet akkont mhux sostnuti għall-għajnuna mill-Fondi Strutturali peress li tobbliga biss lill-benefiċjarji finali li jiġġustifikaw il-ħlasijiet li huma jagħmlu bħala “ħlasijiet interim u ħlasijiet tal-bilanċ finali”.

81      It-tielet nett, il-prinċipju ta’ ħtieġa ta’ l-għajnuna mill-Istat, li skondu għajnuna tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mad-dritt Komunitarju biss meta jibbenefikaw minnha impriżi li m’għandhomx riżorsi finanzjarji tagħhom stess li huma suffiċjenti għat-twettiq ta’ l-investiment mistenni, jipprekludi li l-eliġibbiltà tal-ħlasijiet akkont tkun suġġetta għall-produzzjoni ta’ dokumenti ta’ sostenn li juru li dawn intużaw mid-destinatarji finali. Skond dan il-prinċipju, it-twettiq ta’ ħlasijiet akkont għandu dejjem jippreċedi l-investiment imwettaq mill-impriżi. Bl-istess mod kif jiġġustifika li l-ħlasijiet magħmula ġo fondi ta’ kapital spekulattiv, ta’ self jew ta’ garanzija jiġu kkunsidrati bħala spejjeż eliġibbli, kif previst fil-punt 1.3 tar-Regola 1 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 448/2004, hekk ukoll il-prinċipju ta’ ħtieġa ta’ l-għajnuna mill-Istat jimplika r-rikonoxximent ta’ l-eliġibbiltà tal-ħlasijiet akkont mhux sostnuti.

82      Fl-aħħar nett, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 448/2004 dwar id-deprezzament, il-kontribuzzjonijiet mhux f’għamla ta’ flus u l-ispejjeż ġenerali juru li n-natura partikolari ta’ ċerti spejjeż tista’ tiġġustifika li l-eliġibbiltà tagħhom ma tkunx suġġetta għall-produzzjoni ta’ dokumenti ta’ sostenn li juru li dawn intużaw.

83      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha mressqa mir-Repubblika Taljana. Hija ssostni li l-ittri kkontestati, inkwantu jirreferu għar-regola ġenerali in kwistjoni jew japplikawha, huma konformi ma’ l-ittra u ma’ l-ispirtu ta’ l-Artikolu 32 tar-Regolament ġenerali u tar-Regola 1 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 448/2004. Konsegwentement, hija titlob li r-raba’ u l-ħames motivi jiġu miċħuda. F’dak li jirrigwarda l-eċċezzjoni ta’ l-illegalità tar-Regolament Nru 448/2004 fid-dawl ta’ l-Artikolu 32 tar-Regolament ġenerali, il-Kummissjoni ssostni li din hija inammissibbli minħabba li ġiet imqajma tardivament u li, fi kwalunkwe każ, l-imsemmi Regolament huwa konformi mar-Regolament ġenerali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

84      Permezz tar-raba’ u l-ħames motivi, ir-Repubblika Taljana ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni interpretat l-Artikolu 32 tar-Regolament ġenerali u r-Regola 1 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 448/2004 b’mod żbaljat meta ddeduċiet ir-regola ġenerali in kwistjoni minn dawn id-dispożizzjonijiet.

85      Qabel xejn, għandu jiġi rrilevat li fis-sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 2005, iċċitata aktar’il fuq fil-punt 36, il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet, abbażi ta’ l-Artikolu 32 tar-Regolament ġenerali u tar-Regola 1 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000, għad-domanda jekk, u jekk ikun il-każ taħt liema kundizzjonijiet, il-ħlasijiet akkont kienu eliġibbli għall-kontribuzzjoni mill-Fondi.

86      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel nett enfasizzat li wieħed mill-għanijiet tar-Regolament ġenerali, imfakkar fil-premessa 43 tiegħu, kien li tiġi ggarantita amministrazzjoni finanzjarja tajba billi jiġi żgurat li l-infiq ikun iġġustifikat u ċċertifikat (sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 2005, iċċitata aktar’il fuq fil-punt 36, punt 44). Dan l-għan jispjega għaliex is-sistema stabbilita mill-Artikolu 32 tar-Regolament ġenerali u mir-Regola 1 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000 hija bbażata fuq il-prinċipju tal-ħlas lura ta’ l-infiq (sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 2005, iċċitata aktar’il fuq fil-punt 36, punt 45). Dan jimplika li, fil-prinċipju, l-eliġibbiltà ta’ l-infiq magħmul mill-korpi nazzjonali hija suġġetta għall-produzzjoni, lis-servizzi tal-Kummissjoni, tal-prova ta’ l-użu tiegħu għall-proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, liema prova tista’ tikkonsisti f’irċevuti ta’ kontijiet imħallsa jew, jekk dan ma jkunx possibbli, f’dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti (sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 2005, iċċitata aktar’il fuq fil-punt 36, punt 46). Għalkemm, meta l-Kummissjoni tħallas lill-awtoritajiet nazzjonali, fil-forma ta’ ħlas akkont previst fl-Artikolu 32(2) tar-Regolament ġenerali, ammont li jirrappreżenta 7 % tal-kontribuzzjoni mill-Fondi Strutturali għall-għajnuna in kwistjoni huma mhumiex obbligati jipproduċu, f’dak l-istadju bikri, dokumenti li jiġġustifikaw l-inqif li sar (sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 2005, iċċitata aktar’il fuq fil-punt 36, punt 47), jibqa’ l-fatt li dawn id-dokumenti jridu jiġi prodotti meta jsiru ħlasijiet interim u ħlasijiet tal-bilanċ finali (sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 2005, iċċitata aktar’il fuq fil-punt 36, punt 49).

87      Bħala konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regola li skondha ħlasijiet akkont magħmula mill-Istati Membri fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna, u ddikjarati minn dawn ta’ l-aħħar bħala ħlasijiet interim u ħlasijiet tal-bilanċ finali, mhumiex eliġibbli għall-kontribuzzjoni mill-Fondi Strutturali sakemm ma jiġux ippreżentati dokumenti ta’ sostenn li juru li dawn intużaw mid-destinatarji finali, kienet konformi ma’ l-Artikolu 32 tar-Regolament ġenerali, kif ukoll mal-punti 1 u 2 tar-Regola 1 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000 (sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 2005, iċċitata aktar’il fuq fil-punt 36, punt 50).

88      Ebda ċirkustanza invokata mir-Repubblika Taljana ma timpedixxi li s-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 2004, iċċitata aktar’il fuq fil-punt 36, tiġi trasposta għall-każ preżenti biex tiġi kkonstatata l-konformità tar-regola ġenerali in kwistjoni ma’ l-Artikolu 32 tar-Regolament ġenerali u mal-punti 1 u 2 tar-Regola 1 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 448/2004.

89      L-argumenti bbażati fuq id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 448/2004 għandhom jiġu miċħuda. Minn naħa, ir-Regolament Nru 448/2004 la biddel it-tifsira u lanqas il-portata ta’ l-Artikolu 32 tar-Regolament ġenerali, u kulma jagħmel huwa li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tiegħu, kif previst fl-Artikolu 53(2) tar-Regolament ġenerali. Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-punt 2 tar-Regola 1 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000, ir-referenza miżjuda mir-Regolament Nru 448/2004 għall-ħtieġa li jiġu ġġustifikati, “bħala ħlasijiet interim u ħlasijiet tal-bilanċ finali”, il-ħlasijiet magħmula mill-benefiċjarji finali tidher, fid-dawl tal-kuntest leġiżlattiv li tinsab fih, li hija sempliċi spjegazzjoni tar-regola preċedentement applikabbli u mhux emenda għaliha. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, abbażi tal-punti 1 u 2 tar-Regola 1 tar-Regolamet Nru 1685/2000, li l-prinċipju ta’ ħlas lura ta’ l-infiq japplika biss għall-ħlasijiet tal-Kummissjoni fil-forma ta’ ħlas interim jew ħlas tal-bilanċ finali, fis-sens tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(1) tar-Regolament ġenerali (sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 2005, iċċitata aktar’il fuq fil-punt 36, punti 48 u 49).

90      Għaldaqstant, ir-Repubblika Taljana m’għandhiex raġun meta tallega li r-Regolament Nru 448/2004 biddel it-tifsira tal-punti 1 u 2 tar-Regola 1 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000. Minbarra dan, f’dan ir-rigward, hija tikkontradixxi lilha nfisha meta, fl-atti ppreżentati minnha, targumenta, diversi drabi, li d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1685/2000, qabel u wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 448/2004, huma essenzjalment identiċi. Il-fatt li dawn huma identiċi jiġġustifika, fil-kawża preżenti, applikazzjoni b’analoġija tas-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 2005, iċċitata aktar’il fuq fil-punt 36.

91      Bl-istess mod, għandu jiġi miċħud l-argument li skondu d-differenza bejn ir-regoli eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 2005, iċċitata aktar’il fuq fil-punt 36, u dawk in kwistjoni fil-kawża preżenti, tipprekludi din l-applikazzjoni b’analoġija. Fil-fatt, jirriżulta ċar mill-atti ppreżentati mir-Repubblika Taljana stess u, b’mod partikolari, mir-raba’ u mill-ħames motivi mqajma fir-rikors, li l-kawża preżenti tqajjem il-kwistjoni jekk il-ħlasijiet akkont humiex eliġibbli fid-dawl ta’ l-Artikolu 32 tar-Regolament ġenerali u tar-regoli dettaljati għall-implementazzjoni tiegħu li jinsabu fir-Regolament Nru 448/2004, jiġifieri kwistjoni analoga għal dik eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 2005 (ara punti 85 u 87 aktar’il fuq).

92      Għaldaqstant, għall-istess raġunijiet li ġew esposti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha, u li ġew imfakkra fil-punti 86 u 87 aktar’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li r-regola ġenerali in kwistjoni hija konformi kemm ma’ l-Artikolu 32 tar-Regolament ġenerali kif ukoll mal-punti 1 u 2 tar-Regola 1 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 448/2004. Għaldaqstant, mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi deċiża l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Kummissjoni, l-eċċezzjoni ta’ l-illegalità tar-Regolament Nru 448/2004 imqajma mir-Repubblika Taljana għandha tiġi miċħuda.

93      Minbarra dan, ebda argument invokat mir-Repubblika Taljana ma jippermetti li titqiegħed fid-dubju l-konformità tar-regola ġenerali in kwistjoni mal-leġiżlazzjoni li tirregola l-eliġibbiltà ta’ l-ispejjeż.

94      L-ewwel nett, għandu jiġi miċħud l-argument li l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tippermettix li tittieħed in kunsiderazzjoni l-attività tad-destinatarji finali sabiex tiġi evalwata l-eliġibbiltà tal-ħlasijiet akkont. Dan l-argument, li diġà ġie ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi ta’ l-Artikolu 32 tar-Regolament ġenerali u tar-Regola 1 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000, kien ġie miċħud minn din ta’ l-aħħar (sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 2005, iċċitata aktar’il fuq fil-punt 36, punti 39, 40 u 44 sa 50). Dan l-argument lanqas ma jista’ jiġi aċċettat wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 448/2004, li la biddel it-tifsira u lanqas il-portata tar-regoli rilevanti applikabbli (ara punt 90 aktar’il fuq).

95      Jirriżulta mill-punt 2.1 tar-Regola 1 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 448/2004, relattiv għall-prova ta’ l-infiq, li l-ħlasijiet magħmula mill-benefiċjarji finali, bħala ħlasijiet interim jew ħlasijiet tal-bilanċ finali, għandhom jkunu akkompanjati minn dokumenti ta’ sostenn. Fid-dawl tal-loġika tagħha, din ir-regola tapplika b’mod ġenerali għall-ħlasijiet magħmula mill-benefiċjarji finali, kemm fil-kuntest ta’ l-operazzjonijiet li jwettqu huma stess, kif ukoll fil-kuntest ta’ l-għajnuna li huma jagħtu, b’mod partikolari permezz ta’ skemi ta’ għajnuna. Madankollu, f’dak li jirrigwarda din l-aħħar forma ta’ ħlas, il-punt 2.3 tar-Regola 1 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 448/2004 jispeċifika li d-dokumenti ta’ sostenn għandhom jikkorrispondu għall-infiq li jkun attwalment sar mid-destinatarji finali fil-kuntest ta’ l-implementazzjoni ta’ l-operazzjoni.

96      Kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni, il-produzzjoni ta’ dokumenti ta’ sostenn li juru li l-ħlasijiet akkont intużaw mid-destinatarji finali fil-kuntest ta’ l-implementazzjoni ta’ operazzjonijiet hija wkoll prevista mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 438/200, li jipprovdi li s-sekwenza ta’ tranżazzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jipprovdu fil-kuntest tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tagħhom, għandha tippermetti r-rikonċiljazzjoni ta’ l-ammonti sommarji ċċertifikati lill-Kummissjoni mar-records ta’ nfiq individwali u mad-dokumenti ta’ sostenn, inklużi, fil-każ ta’ skemi ta’ għajnuna mill-Istat jew ta’ l-għoti ta’ għajnuna, dawk miżmuma mid-destinatarji finali.

97      Minbarra dan, jirriżulta mill-konstatazzjonijiet preċedenti li l-argument oppost li r-Repubblika Taljana tipprova tislet mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1083/2006, applikabbli għal programmi għall-perijodu 2007-2013, għandu jiġi miċħud. Inċidentalment, kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni waqt is-seduta, l-Artikolu 78(2) tar-Regolament Nru 1083/2006, mhux talli ma jmurx kontra r-regola ġenerali in kwistjoni, iżda jikkonferma li r-rikonoxximent ta’ l-eliġibbiltà tal-ħlasijiet akkont jimplika intervent min-naħa tal-leġiżlatur Komunitarju. B’mod partikolari, dan ta’ l-aħħar għandu jippermetti li jiġu definiti l-kundizzjonijiet ta’ tali rikonoxximent b’osservanza tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba, b’dan li għandu jiġi mfakkar li ebda ftehim ma seta’ jintlaħaq fuq dan il-punt fil-kuntest tal-programm għall-perijodu 2000-2006 (ara punt 24 aktar’il fuq).

98      L-argument testwali bbażat fuq il-punt 2.1 tar-Regola 1 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 448/2004 huwa wkoll infondat għal kollox. Għandu jiġi mfakkar li din id-dispożizzjoni tirregola l-prova ta’ l-infiq iddikjarat lill-Kummissjoni sabiex jinkisbu mingħandha “ħlasijiet provisorji [interim] jew ħlasijiet tal-bilanċ finali” fis-sens tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(1) tar-Regolament ġenerali. F’dan il-kuntest, ir-referenza għall-imsemmija “ħlasijiet provisorji [interim] jew ħlasijiet tal-bilanċ finali” tista’ tiġi spjegata bil-fatt li fil-każ ta’ ħlas magħmul mill-Kummissjoni, fil-forma ta’ ħlas akkont, ta’ ammont ta’ 7 % tal-kontribuzzjoni mill-Fondi għall-għajnuna in kwistjoni, previst fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(2) tar-Regolament ġenerali, l-awtoritajiet nazzjonali mhumiex obbligati jipproduċu, f’dak l-istadju bikri, dokumenti li jippruvaw li l-infiq li sar (sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 2005, iċċitata aktar’il fuq fil-punt 36, punt 47). Konsegwentement, it-termini “ħlasijiet provisorji [interim] jew ħlasijiet tal-bilanċ finali” li jinsabu fil-punt 2.1 tar-Regola 1 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 448/2004 ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li l-ħlasijiet akkont mhumiex koperti mill-prinċipju ta’ ħlas lura ta’ l-infiq.

99      Minbarra dan, l-argumenti bbażati fuq “prinċipju ta’ ħtieġa” ta’ l-għajnuna mill-Istat għandhom jiġu miċħuda minħabba li huma irrilevanti. Ir-Repubblika Taljana ma spjegatx kif il-“prinċipju ta’ ħtieġa” li hija tinvoka, anki jekk jitqies li dan jeżisti, jirrikjedi li l-prinċipju ta’ ħlas lura ta’ l-infiq, applikabbli għal talbiet għal ħlasijiet interim jew għal ħlasijiet tal-bilanċ finali bis-saħħa ta’ l-Artikolu 32 tar-Regolament ġenerali, għandu jitwarrab. Il-fatt li, fil-kuntest ta’ skemi ta’ għajnuna, l-Istati Membri jagħmlu ħlasijiet akkont lil impriżi li m’għandhomx riżorsi tagħhom stess li huma suffiċjenti, ma jirrikjedix li l-Kummissjoni tħallas lura l-imsemmija ħlasijiet akkont, bħala ħlasijiet interim u ħlasijiet tal-bilanċ finali, minkejja li dawn ma jikkorrispondux għal infiq li attwalment sar fis-sens ta’ l-Artikolu 32 tar-Regolament ġenerali.

100    F’dan ir-rigward, ma jista’ jinsilet ebda argument mill-punt 1.3 tar-Regola 1 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 448/2004, peress li din id-dispożizzjoni tipprovdi espressament li l-ħlasijiet magħmula ġo fondi ta’ kapital spekulattiv, ta’ self jew ta’ garanzija (inklużi venture capital holding funds) li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament għandhom jiġu kkunsidrati bħala nfiq li attwalment sar fis-sens tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(1) tar-Regolament ġenerali. L-eliġibbiltà ta’ ħlasijiet akkont għall-kontribuzzjoni mill-Fondi ma tistax tiġi effettivament dedotta minn test ta’ implementazzjoni speċjali li jirregola biss il-ħlasijiet magħmula mill-Istati Membri ġo fondi ta’ kapital spekulattiv, ta’ self jew ta’ garanzija.

101    Finalment, l-argumenti bbażati fuq id-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 448/2004 dwar id-deprezzament, il-kontribuzzjonijiet mhux f’għamla ta’ flus u l-ispejjeż ġenerali ma jistgħux jiġu milqugħa. Anki jekk jitqies li l-eliġibbiltà ta’ dan l-infiq mhijex suġġetta għall-produzzjoni ta’ dokumenti ta’ sostenn, tali konstatazzjoni hija irrilevanti għall-finijiet li tiġi evalwata l-eliġibbiltà tal-ħlasijiet akkont. Fi kwalunkwe każ, jirriżulta mill-punti 2.1 u 2.3 tar-Regola 1 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 448/2004 li d-deprezzament, il-kontribuzzjonijiet mhux f’għamla ta’ flus u l-ispejjeż ġenerali għandhom jiġu ġġustifikati bil-produzzjoni ta’ dokumenti ta’ kontabbiltà li għandhom valur probatorju.

102    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li safejn l-ewwel ittra kkontestata tirreferi għar-regola ġenerali in kwistjoni, hija ma biddlitx il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja u, f’dan ir-rigward, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens ta’ l-Artikolu 230 KE.

103    Barra minn hekk, minn dan isegwi li t-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames ittri kkontestati, safejn jibbażaw ruħhom fuq ir-regola ġenerali in kwistjoni biex jirrifjutaw li jqiegħdu a karigu tal-fondi l-ammonti li jikkorrispondu għall-ħlasijiet akkont in kwistjoni, huma konformi ma’ l-Artikolu 32 tar-Regolament ġenerali u mal-punti 1 u 2 tar-Regola 1 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 448/2004.

104    Għaldaqstant, ir-raba’ u l-ħames motivi għandhom jiġu miċħuda bħala infondati inkwantu jirreferu għat-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames ittri kkontestati.

 Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 438/2001, u fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ simplifikazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

105    Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-ittri kkontestati jiksru r-regoli ta’ ċertifikazzjoni ta’ l-infiq stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 438/2001, inkwantu jimponu jew jippresupponu li, fid-dikjarazzjonijiet ta’ nfiq tagħhom, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jispeċifikaw, għal kull miżura, l-ammont tal-ħlasijiet akkont in kwistjoni magħmula jew li setgħu saru. Ir-regoli dettaljati għaċ-ċertifikazzjoni ta’ l-infiq huma kompletament irregolati minn dan l-Artikolu, li jipprovdi li d-dikjarazzjonijiet iċċertifikati ta’ nfiq previsti fl-Artikolu 32(3) u (4) tar-Regolament ġenerali għandhom jiġu stabbiliti skond il-mudell ta’ ċertifikat li jinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 438/2001. Meta jeċċedi ċertu ammont, l-infiq għandu jiġi ddikjarat biss f’dan iċ-ċertifikat, billi jiġi identifikat, għal kull miżura, is-sors ta’ l-iffinanzjar ikkonċernat, (“Pubbliku Komunitarju”, “Pubbliku ieħor” u “Privat” [traduzzjoni mhux uffiċjali]) u s-sena li matulha sar l-infiq. B’hekk, meta obbligat lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jikkompletaw id-dikjarazzjonijiet ta’ nfiq tagħhom b’informazzjoni dwar l-ammont ta’ ħlasijiet akkont magħmula, il-Kummissjoni imponiet fuq dawn ta’ l-aħħar obbligi ta’ dikjarazzjoni li ma kinux previsti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

106    Minbarra dan, ir-Repubblika Taljana ssostni li, meta imponiet regoli għaċ-ċertifikazzjoni ta’ nfiq aktar eżiġenti u aktar restrittivi minn dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 438/2001, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ simplifikazzjoni tal-ġestjoni tal-Fondi Strutturali. L-eżistenza ta’ tali prinċipju tista’ tiġi dedotta mill-premessa 42 tar-Regolament ġenerali, mill-affermazzjonijiet orali tal-Kummissjoni, kif ukoll mill-proposti mressqa minn din ta’ l-aħħar lill-Kumitat.

107    Il-Kummissjoni titlob li l-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 438/2001 jiġi miċħud bħala infondat. L-informazzjoni relattiva għall-ħlasijiet akkont in kwistjoni magħmula kienet indispensabbli sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-ħlasijiet akkont li kellhom ikunu a karigu tal-baġit Komunitarju. Konsegwentement, il-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni kienet tikorrispondi, għall-awtoritajiet nazzjonali, għat-twettiq ta’ l-obbligu tagħhom ta’ ċertifikazzjoni ta’ l-ispejjeż skond l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 438/2001.

108    Minbarra dan, il-Kummissjoni tiċħad il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ simplifikazzjoni. L-għan tas-simplifikazzjoni tal-ġestjoni tal-Fondi ma jistax jiġġustifika li jiġu ppreġudikati, f’dan il-każ, ir-regoli ta’ dikjarazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni ta’ l-infiq li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

109    Il-Kummissjoni teżerċita l-kompitu ta’ implementazzjoni tal-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea bis-saħħa ta’ l-Artikolu 274 KE. Peress li dan l-artikolu ma jagħmel ebda distinzjoni abbażi tal-metodu ta’ ġestjoni applikat, il-Kummissjoni tibqa’ teżerċita din ir-responsabbiltà ġenerali fil-kuntest tal-ġestjoni maqsuma tal-Fondi Strutturali. Minbarra dan, jirriżulta mill-Artikoli 10 KE u 274 KE li, fil-kuntest tal-ġestjoni maqsuma tal-Fondi Strutturali, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jiżguraw li l-fondi Komunitarji jintużaw b’mod konformi mal-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba. Ir-regoli ċċitati aktar’il fuq huma mfakkra fl-Artikolu 38(1)(g) tar-Regolament ġenerali, li jirrigwarda l-kontroll finanzjarju ta’ l-għajnuna.

110    Fil-kuntest ta’ dan il-kontroll finanzjarju, l-Istat Membru jerfa’ r-responsabbiltà fl-ewwel lok, billi jiċċertifika lill-Kummissjoni, b’mod partikolari, li l-infiq iddikjarat b’referenza għat-talbiet għal ħlasijiet interim jew tal-bilanċ finali jikkorrispondi ma’ l-infiq attwalment magħmul fis-sens tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(1) tar-Regolament ġenerali u tal-punti 1 u 2 tar-Regola 1 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 448/2004. Il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni relattiva għal dawn it-talbiet għal ħlas billi tistabbilixxi, fl-eżerċizzju tar-responsabbiltà ġenerali li hija għandha għall-implementazzjoni tal-baġit, l-ammont ta’ l-infiq iddikjarat u ċertifikat mill-Istat Membru li għandu jkun a karigu tal-baġit Komunitarju.

111    Meta s-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll ta’ l-Istati Membri huma affidabbli u jipprovdu “sekwenza ta’ transazzjonijiet adekwat[a]” fis-sens ta’ l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 438/2001, iċ-ċertifikazzjoni ta’ l-infiq iddikjarat tipprovdi, bħala regola, assigurazzjoni adegwata lill-Kummissjoni tal-korrettezza, tar-regolarità u ta’ l-eliġibbiltà tat-talbiet għal għajnuna Komunitarja, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 438/2001.

112    Madankollu, f’każ fejn, bħal fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni u Stat Membru jadottaw interpretazzjonijiet divergenti ta’ test li jiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà ta’ ċertu nfiq, l-affidabbiltà tas-sistema nazzjonali ta’ ġestjoni u ta’ kontroll ma tibqax tassigura lill-Kummissjoni li l-ispejjeż iddikjarati minn dan l-Istat Membru jikkorrispondu, kollha kemm huma, għal infiq eliġibbli fis-sens tal-leġiżlazzjoni applikabbli. Għalhekk, huwa d-dmir ta’ l-Istat Membru kkonċernat, fl-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tiegħu fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni ta’ l-infiq u fil-kuntest ta’ kooperazzjoni leali ma’ l-istituzzjonijiet Komunitarji, li jqiegħed lill-Kummissjoni f’pożizzjoni li timplementa l-baġit taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, billi jipprovdilha l-elementi ta’ informazzjoni kollha li hija tikkunsidra neċessarji biex tkun tista’ tagħmel ħlasijiet li jkunu konformi mat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(1) tar-Regolament ġenerali. Kwalunkwe soluzzjoni oħra tippreġudika l-effett utli ta’ l-Artikolu 38(1) tar-Regolament ġenerali u, b’mod aktar wiesa’, ta’ l-Artikoli 10 KE u 274 KE.

113    Kemm ir-regola ġenerali in kwistjoni li, kif ġie kkonstatat, hija konformi mat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(1) tar-Regolament ġenerali u mal-punti 1 u 2 tar-Regola 1 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 448/2004, kif ukoll ir-regola speċjali dwar l-eliġibbiltà tal-ħlasijiet akkont mhux sostnuti magħmula sad-19 ta’ Frar 2003, li tirriżulta minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma ġietx ikkontestata fil-kuntest tal-kawżi C-324/03 u C-431/03, setgħu jiġu invokati kontra r-Repubblika Taljana peress li preċedentement hija kienet ġiet informata b’dawn ir-regoli (ara punti 25 u 27 aktar’il fuq). Issa kif jirriżulta mill-punt 112 aktar’il fuq, l-applikazzjoni kkombinata ta’ dawn ir-regoli kienet tobbliga inevitabbilment lir-Repubblika Taljana li tikkomunika, flimkien mat-talbiet għal ħlas u mad-dikjarazzjonijiet ta’ nfiq tagħha, l-informazzjoni fil-pussess tagħha li kienet meħtieġa mill-Kummissjoni sabiex din tkun tista’ tiddetermina l-ammont ta’ ħlasijiet akkont in kwistjoni magħmula jew li setgħu saru. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament issostni li f’dan il-każ, l-obbligu formali ta’ dikjarazzjoni in kwistjoni kien biss modalità ta’ applikazzjoni u konsegwenza prattika inevitabbli ta’ l-obbligu ta’ ċertifikazzjoni ta’ l-infiq li kien impost fuq ir-Repubblika Taljana skond l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 438/2001.

114    Għalhekk, meta stiednet lill-awtoritajiet Taljani biex jikkompletaw id-dikjarazzjonijiet ta’ nfiq in kwistjoni, billi jispeċifikaw, fir-rigward ta’ kull miżura, l-ammont tal-ħlasijiet akkont in kwistjoni magħmula jew li setgħu saru, l-ewwel ittra kkontestata sempliċement ġibditilhom l-attenzjoni għal obbligu ta’ dikjarazzjoni li kien jirriżulta inevitabbilment, għalihom, mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, mingħajr ma biddlet il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, kif ukoll ta’ dawk espressi fil-punt 102 aktar’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-ewwel ittra kkontestata ma pproduċiet ebda wieħed mill-effetti legali kkontestati mir-Repubblika Taljana u, f’dan ir-rigward, ma tistax tikkostitwixxi att ġuridiku li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 56 aktar’il fuq. Għaldaqstant, sakemm huwa indirizzat kontra l-ewwel ittra kkontestata, ir-rikors preżenti għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Konsegwentement, l-eżami ta’ l-imsemmi rikors għandu jitkompla biss inkwantu dan ir-rikors huwa indirizzat kontra t-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames ittri kkontestati.

115    F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Taljana m’għandhiex raġun issostni li t-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames ittri kkontestati jiksru l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 438/2001 jew prinċipju ġenerali ta’ simplifikazzjoni minħabba li huma jippresupponu li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jikkonformaw ruħhom ma’ l-obbligu formali ta’ dikjarazzjoni in kwistjoni.

116    Fil-punt 113 aktar’il fuq, diġà ġie kkonstatat li l-imsemmi obbligu formali kien modalità ta’ applikazzjoni u konsegwenza prattika inevitabbli ta’ l-obbligu ta’ ċertifikazzjoni ta’ l-infiq li kien impost fuq ir-Repubblika Taljana skond l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 438/2001.

117    Minbarra dan, il-legalità ta’ l-obbligu formali ta’ dikjarazzjoni in kwistjoni ma jistax jitqiegħed fid-dubju abbażi tal-prinċipju ta’ simplifikazzjoni invokat mir-Repubblika Taljana. Għalkemm huwa minnu li r-Regolament ġenerali jwieġeb għal ċerti preokkupazzjonijiet marbuta mas-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ obbligu u ta’ ħlas, u għalkemm f’dan il-kuntest il-Kummissjoni tipprova tneħħi l-komplikazzjonijiet amministrattivi inutli, jibqa’ l-fatt li fis-sistema tal-Fondi Strutturali mhemmx prinċipju li skondu l-proċeduri ta’ obbligu u ta’ ħlas għandhom jiġu ssimplifikati irrispettivament mill-konsegwenzi li jirriżultaw għall-funzjonament xieraq u għall-amministrazzjoni finanzjarja tajba tal-Fondi. Kif diġà ġie rrilevat fil-punti 112 u 113 aktar’il fuq, ix-xewqa li l-proċeduri jkunu simplifikati, espressa fir-Regolament ġenerali, ma tistax, fil-kawża preżenti, twassal biex jitqiegħed fid-dubju obbligu formali ta’ dikjarazzjoni li jirriżulta minn implementazzjoni tas-sistema tal-Fondi Strutturali b’mod konformi mal-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba previsti fl-Artikolu 274 KE.

118    Konsegwentement, it-tmien u d-disa’ motivi invokati in sostenn tat-talba għall-annullament tat-tieni, tat-tielet, tar-raba’ u tal-ħames ittri kkontestati ma jistgħux jiġu milqugħa.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali u fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kontroll finanzjarju

 L-argumenti tal-partijiet

119    Ir-Repubblika Taljana tilmenta mill-fatt li l-ittri kkontestati ma jindikawx id-dispożizzjoni li ppermettiet li jiġu adottati, kif madankollu huwa meħtieġ mill-prinċipju ta’ ċertezza legali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ġunju 1993, Franza vs Il-Kummissjoni, C-325/91, Ġabra, p. I 3283, punt 26). Is-sempliċi referenza impliċita għall-ittra tad-29 ta’ Lulju 2003 ma tistax tikkostitwixxi bażi legali leġittima u adegwata, peress li r-regola ġenerali in kwistjoni, li tinsab f’din l-ittra, tmur kontra d-dispożizzjonijiet tar-Regolament ġenerali u tar-Regolament Nru 448/2004.

120    Ir-Repubblika Taljana tilmenta wkoll mill-fatt li, meta adottat l-ittri kkontestati, il-Kummissjoni użurpat kompetenza li, skond l-Artikoli 38 u 39 tar-Regolament ġenerali u tar-regoli dettaljati għall-implementazzjoni tagħhom li jinsabu fir-Regolament Nru 438/2001, tappartjeni esklużivament lill-Istati Membri. Fil-fatt, minn dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2004, dwar ir-responsabbiltajiet rispettivi ta’ l-Istati Membri u tal-Kummissjoni fil-ġestjoni maqsuma tal-Fondi Strutturali u tal-Fondi ta’ Koeżjoni [COM (2004) 580 finali] [traduzzjoni mhux uffiċjali], jirriżulta li huma l-Istati Membri li għandhom jerfgħu, fl-ewwel lok, ir-responsabbiltà għall-kontroll finanzjarju tal-kontribuzzjonijiet mill-Fondi u li għandhom jivverifikaw u jiċċertifikaw lill-Kummissjoni l-eliġibbiltà ta’ l-infiq li huma jiddikjaraw bħala ħlasijiet interim u ħlasijiet tal-bilanċ finali. Il-Kummissjoni għandha biss is-setgħa li tikontrolla “is-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll” implementati mill-Istati Membri.

121    Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel ilment, ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali, jiġi miċħud. L-ittri kkontestati jifformaw parti minn kuntest leġiżlattiv li huwa definit b’mod ċar u li ilu magħruf mir-Repubblika Taljana. Fil-fatt, huma jirreferu għall-ittra tad-29 ta’ Lulju 2003, li hija stess tirreferi għan-nota ta’ interpretazzjoni, u għaldaqstant, permezz ta’ din ir-referenza, huma jista’ jkollhom bħala l-bażi legali tagħhom ir-regola ġenerali in kwistjoni msemmija f’dawn ta’ l-aħħar.

122    F’dak li jirrigwarda t-tieni lment ibbażat fuq l-allegat ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kontroll finanzjarju, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-argumenti tar-Repubblika Taljana għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. Ir-responsabbbiltà għall-kontroll finanzjarju ta’ l-għajnuna mill-Fondi, li jaqa’, fl-ewwel lok, fuq l-Istati Membri, hija irrilevanti għall-finijiet ta’ l-eliġibbiltà tal-ħlasijiet akkont. Il-Kummissjoni terġa’ ssostni li r-regola ġenerali in kwistjoni hija konformi mal-prinċipju ta’ ħlas lura ta’ l-infiq, li fuqu hija bbażata l-leġiżlazzjoni applikabbli f’dan il-qasam.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

123    F’dak li jirrigwarda l-ewwel ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali, għandu jiġi mfakkar li, skond ġusrisprudenza stabbilita, il-leġiżlazzjoni Komunitarja għandha tkun ċara u l-applikazzjoni tagħha prevedibbli għal dawk kollha li huma kkonċernati. Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, li l-Qorti tal-Prim’Istanza tassigura li jiġu rispettati. Huwa jeħtieġ li l-forza vinkolanti ta’ kull att intiż li joħloq effetti legali toħroġ minn dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, li għandha tkun espressament indikata bħala l-bażi legali ta’ l-att, u tippreskrivi l-forma legali li għandu jkollu dan l-att (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1993, Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar’il fuq fil-punt 119, punti 26 u 30).

124    Madankollu, jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li l-ommissjoni ta’ referenza għall-bażi legali preċiża ta’ att tista’ ma tikkostitwixxix neċessarjament ksur ta’ ħtieġa proċedurali essenzjali meta l-bażi legali tista’ tiġi identifikata minn elementi oħra ta’ l-att. Madankollu, referenza espliċita hija indispensabbli meta n-nuqqas ta’ din ir-referenza tħalli lill-partijiet ikkonċernati u lill-qorti Komunitarja kompetenti fl-inċertezza dwar il-bażi legali preċiża (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Marzu 1987, Kummissjoni vs Il-Kunsill, 45/86, Ġabra p.1493, punt 9, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Settembru 2003, Alpharma vs Il-Kunsill, T-70/99, Ġabra p. II-3495, punt 112).

125    It-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames ittri kkontestati jinkludu deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tħallas ammont differenti minn dak mitlub mir-Repubblika Taljana. Dawn id-deċiżjonijiet huma bbażati espressament fuq ir-rifjut, min-naħa ta’ l-istituzzjoni Komunitarja, li tqiegħed a karigu tal-baġit l-ispejjeż iddikjarati mir-Repubblika Taljana li jikkorrispondu għall-ħlasijiet akkont in kwistjoni. Huma ma jsemmux espliċitament id-dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li tagħtihom il-forza vinkolanti tagħhom u li tippreskrivi l-forma legali li għandhom jieħdu.

126    Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk elementi oħra tat-tieni, tat-tielet, tar-raba’ u tal-ħames ittri kkontestati jippermettux li titneħħa l-inċertezza relatata ma’ l-ommissjoni, f’dawn l-ittri, tal-bażi legali tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni.

127    Mill-fatti (ara punti 20 sa 35 aktar’il fuq) jirriżulta li l-ittri kkontestati jagħmlu parti minn skambju twil ta’ korrispondenza bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika Taljana dwar il-kwistjoni ta’ l-eliġibbiltà tal-ħlasijiet akkont. Permezz tan-nota ta’ interpretazzjoni, il-Kummissjoni kienet informat lir-Repubblika Taljana bir-regola ġenerali in kwistjoni, li skondha l-ħlasijiet akkont li ma kinux akkompanjati b’dokumenti ta’ sostenn li juru li dawn intużaw mid-destinatarji finali ma kinux eliġibbli għall-kontribuzzjoni mill-Fondi taħt it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 32(1) tar-Regolament ġenerali. Fl-ittri tagħha ta’ l-14 ta’ Mejju u tad-29 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni rreferiet mill-ġdid għar-regola ġenerali in kwistjoni. Hija informat ukoll lir-Repubblika Taljana bid-deċiżjoni tagħha li tikkunsidra bħala eleġibbli l-ħlasijiet akkont magħmula sad-19 ta’ Frar 2003, skond il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi.

128    Moqri f’dan il-kuntest, il-kontenut tat-tieni, tat-tielet, tar-raba’ u tal-ħames ittri kkontestati jippermetti lir-Repubblika Taljana u lill-Qorti tal-Prim’Istanza li jifhmu li dawn l-ittri japplikaw ir-regola ġenerali in kwistjoni f’kull każ in kwistjoni u li d-deċiżjonijiet li jinsabu fihom huma bbażati fuq l-interpretazzjoni tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(1) tar-Regolament ġenerali spjegata mill-Kummissjoni fin-nota ta’ interpretazzjoni u fl-ittri ta’ l-14 ta’ Mejju u tad-29 ta’ Lulju 2003 u tal-25 ta’ Marzu 2005.

129    Minbarra dan, il-leġittimità ta’ din il-bażi legali ma tistax titqiegħed fid-dubju mir-Repubblika Taljana b’referenza għar-Regolament ġenerali u għar-Regolament Nru 448/2004, għaliex, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 92 aktar’il fuq, ir-regola ġenerali in kwistjoni hija konformi kemm ma’ l-Artikolu 32 tar-Regolament ġenerali kif ukoll mar-regoli dettaljati għall-implementazzjoni tiegħu li jinsabu fil-punti 1 u 2 tar-Regola 1 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 448/2004.

130    Għalhekk, l-ewwel ilment, ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali, ma jistax jiġi milqugħ.

131    F’dak li jirrigwarda t-tieni lment, ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kontroll finanzjarju, għandu jiġi speċifikat li, permezz ta’ dan l-ilment, ir-Repubblika Taljana ssostni, essenzjalment li l-Kummissjoni ma kellhiex il-kompetenza biex tirrifjuta l-ħlas lura, permezz tal-kontribuzzjoni mill-Fondi, tal-ħlasijiet akkont in kwistjoni ddikjarati mill-awtoritajiet Taljani.

132    Madankollu, billi ġie stabbilit li r-rifjut li jsir ħlas lura huwa bbażat fuq l-obbligu tal-Kummissjoni, li jirriżulta mit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(l) tar-Regolament ġenerali u mir-regoli dettaljati għall-implementazzjoni tiegħu, li tagħmel biss ħlasijiet interim jew ħlasijiet tal-bilanċ finali li jikkorrispondu għal infiq li attwalment sar fis-sens ta’ dan l-Artikolu, l-argument tar-Repubblika Taljana għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, iċ-ċertifikazzjoni ta’ l-infiq magħmul mir-Repubblika Taljana ma tippreġudikax il-possibbiltà li, fil-kuntest tar-responsabbiltà ġenerali tal-Kummissjoni għall-implementazzjoni tal-baġit, hija teskludi mill-kofinanzjament Komunitarju l-infiq iddikjarat u ċċertifikat li, skond l-interpretazzjoni tagħha tal-leġiżlazzjoni applikabbli, ma jikkorrispondix għal infiq eliġibbli.

133    Għaldaqstant, f’dan każ, il-Kummissjoni aġġixxiet fl-eżerċizzju tal-kompetenza attribwita lilha fir-rigward ta’ l-implementazzjoni tal-baġit Komunitarju, mingħajr ma daħlet fuq il-kompetenzi riżervati lill-Istati Membri fir-rigward tal-kontroll finanzjarju ta’ l-għajnuna, kif jirriżultaw mill-Artikoli 38 u 39 tar-Regolament ġenerali u mir-regoli dettaljati għall-implementazzjoni ta’ dawn ta’ l-aħħar li jinsabu fir-Regolament Nru 438/2001.

134    Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud wkoll. Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas assolut ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

135    Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-ittri kkontestati jiskru l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ l-atti Komunitarji previst fl-Artikolu 253 KE, kif interpretat mill-ġurisprudenza Komunitarja, peress li ma fihom ebda element li jiġġustifika d-deċiżjonijiet meħuda fihom. Fil-każ preżenti, kienet il-Kummissjoni li kellha tiżviluppa r-raġunament tagħha b’mod espliċitu fl-ittri kkontestati, fid-dawl, minn naħa, ta’ l-emenda tal-qafas leġiżlattiv li seħħet ftit qabel l-adozzjoni tagħhom, b’riżultat tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 448/2004, u min-naħa l-oħra, tal-portata tad-deċiżjonijiet li jinsabu f’dawn l-ittri, li jmorru konsiderevolment aktar’il bogħod mid-deċiżjonijiet preċedenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 1975, Fabricants de papiers peints, 73/74, Ġabra p.149, punt 31).

136    Il-Kummissjoni titlob li t-tieni motiv jiġi miċħud għar-raġuni li l-ittri kkontestati huma motivati biżżejjed fid-dawl tal-kuntest tal-każ preżenti, kif ukoll fid-dawl tal-leġiżlazzjoni li tirregola l-eliġibbiltà ta’ l-infiq għall-kontribuzzjoni mill-Fondi Strutturali, li l-kontenut tagħha kien magħruf mir-Repubblika Taljana peress li hija kienet ġiet informata biha fin-nota ta’ interpretazzjoni u fl-ittra tad-29 ta’ Lulju 2003.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

137    Skond ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adegwata għan-natura ta’ l-att in kwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament ta’ l-istituzzjoni li adottat l-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet għall-adozzjoni tal-miżura u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Settembru 2003, L-Awstrija vs Il-Kunsill, C-445/00, Ġabra p. I-8549, punt 49; tad-9 ta’ Settembru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-304/01, Ġabra p. I-7655, punt 50; u s-sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 2005, iċċitata aktar’il fuq fil-punt 36, punt 54).

138    Dan l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat b’referenza għaċ-ċirkustanzi konkreti, b’mod partikolari l-kontenut ta’ l-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarju ta’ l-att jista’ jkollu li jirċievi spjegazzjonijiet. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, peress li l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tat-termini tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha huma li jirregolaw il-qasam in kwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C-17/99, Ġabra p. I-2481, punt 36; tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-310/99, Ġabra p. I-2289, punt 48; u s-sentenza ta’ l- 24 ta’ Novembru 2005, iċċitata aktar’il fuq fil-punt 36, punt 55).

139    Kif jirriżulta mill-punti 127 u 128 aktar’il fuq, it-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames ittri kkontestati applikaw, b’mod impliċitu, ir-regola ġenerali in kwistjoni msemmija fin-nota ta’ interpretazzjoni, fl-ittri ta’ l-14 ta’ Mejju u tad-29 ta’ Lulju 2003, kif ukoll f’dik tal-25 ta’ Marzu 2004. Għaldaqstant, l-iskambju ta’ korrispondenza li seħħ bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika Taljana ppermetta lil din ta’ l-aħħar li tifhem li r-rifjut li jsir ħlas lura kien ibbażat impliċitament, imma b’mod ċar u inekwivoku, fuq il-fatt li l-ħlasijiet akkont in kwistjoni ddikjarati mir-Repubblika Taljana ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala nfiq li attwalment sar fis-sens tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(1) tar-Regolament ġenerali u għalhekk ma kinux eliġibbli għall-kontribuzzjoni mill-Fondi.

140    Barra minn hekk, jirriżulta mill-argumenti mressqa mir-Repubblika Taljana fil-kuntest tar-rikors preżenti li din ta’ l-aħħar fehmet ir-raġunament li fuqu kienu bbażati d-deċiżjonijiet ta’ rifjut li jsir ħlas lura li jinsabu fit-tieni, fit-tielet, fir-raba’ u fil-ħames ittri kkontestati. Fil-fatt, it-talba tagħha għall-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet tistrieħ prinċipalment fuq kontestazzjoni tar-regola ġenerali in kwistjoni, li tikkostitwixxi l-bażi tagħhom.

141    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas assolut ta’ motivazzjoni, għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u fuq użu ħażin ta’ poter, u fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-Regolament Nru 448/2004, tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ ċertezza legali kif ukoll fuq in-natura kontradittorja ta’ l-ittri kkontestati

 L-argumenti tal-partijiet

142    Fil-kuntest tas-sitt motiv tagħha, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-ittri kkontestati jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li japplikaw prinċipju ġenerali u astratt ta’ ineliġibbiltà tal-ħlasijiet akkont, li huwa sproporzjonat għall-għan li jfittex li jilħaq. L-ewwel nett, dan il-prinċipju jistrieħ fuq il-premessa mhux ivverifikata li, fil-każ ta’ ħlasijiet akkont, ma jeżistux biżżejjed garanziji li l-ammonti mogħtija lid-destinatarji finali effettivament sejrin jintużaw biex jitwettqu l-għanijiet ta’ l-għajnuna. It-tieni nett, dan il-prinċipju ġie applikat mingħajr ma ġie kkunsidrat jekk kinux jeżistu miżuri oħra adegwati li kienu anqas restrittivi u, b’mod partikolari, mingħajr ma ġew ikkunsidrati l-garanziji li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Issa l-liġi Taljana toffri garanziji f’dak li jirrigwarda l-implementazzjoni, mid-destinatarji finali li jirċievu l-ħlasijiet akkont, ta’ l-operazzjonijiet kofinanzjati mill-Fondi. Finalment, il-prinċipju applikat mill-Kummissjoni jeskludi kwalunkwe analiżi min-naħa tas-servizzi tagħha fl-istadju ta’ l-eżami tat-talbiet għal ħlas magħmula mill-awtoritajiet nazzjonali.

143    Ir-Repubblika Taljana żżid li l-prinċipju ġenerali u astratt ta’ ineliġibbiltà tal-ħlasijiet akkont juri li seħħ użu ħażin ta’ poter, inkwantu jammonta sempliċement għal mezz li bih issir pressjoni diretta fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

144    Permezz tas-seba’ motiv tagħha, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-ittri kkontestati jiksru l-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali, kif definit fil-ġurisprudenza Komunitarja, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 448/2004, u huma vvizzjati b’kontradizzjoni flagranti inkwantu jidhru li qegħdin jintroduċu, mingħajr ebda ġustifikazzjoni legali, regolamentazzjoni doppja fil-każ ta’ l-iskemi ta’ għajnuna mill-Istat kofinanzjati mill-Fondi Strutturali. Fil-fatt, filwaqt li l-għajnuna li ġeneralment tingħata fil-forma ta’ ħlasijiet akkont mhijiex, fil-prinċipju, eliġibbli, is-sitwazzjoni hija differenti fil-każ ta’ l-għajnuna għall-investiment fl-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SME), mogħtija fil-forma ta’ ħlasijiet magħmula ġo fondi ta’ kapital spekulattiv, ta’ self jew ta’ garanzija (inklużi venture capital holding funds), skond il-punt 1.3 tar-Regola 1, u tal-punt 2.9 tar-Regola 8 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 448/2004. L-allegazzjoni li dan it-tip ta’ finanzjar huwa speċifiku ma tistax tiġġustifika tali differenza fit-trattament fid-dawl tal-prinċipju ta’ ħtieġa ta’ l-għajnuna mill-Istat, diġà msemmi fil-punt 81 aktar’il fuq.

145    Minbarra dan, ir-Repubblika Taljana tallega li l-ittri kkontestati jiskru l-prinċipju ta’ ċertezza ġuridika. Fil-fatt, huma jdaħħlu element ta’ inċertezza dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli, billi jagħtu’l wieħed x’jifhem li anki fil-każ partikolari ta’ għajnuna mogħtija fil-forma ta’ ħlasijiet ġo fondi ta’ kapital spekulattiv, ta’ self jew ta’ garanzija, il-produzzjoni ta’ dokumenti differenti minn dawk indikati fir-Regolament Nru 448/2004 tista’ tkun meħtiega għall-finijiet ta’ l-eliġibbiltà tagħhom.

146    Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjoni li l-ittri kkontestati jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Ir-Regolament ġenerali u r-regoli dettaljati għall-implementazzjoni tiegħu ma jipprojbixxux lill-benefiċjarji finali milli jagħmlu ħlasijiet akkont lid-destinatarji finali. Dawn il-ħlasijiet akkont jistgħu saħansitra jiġu kofinanzjati mill-Fondi, mingħajr ma tkun meħtiega ebda prova ta’ l-użu tagħhom, sal-limitu ta’ l-ammont ta’ 7 % tal-kontribuzzjoni mill-Fondi għall-għajnuna in kwistjoni, ammont li, skond l-Artikolu 32(2) tar-Regomanent ġenerali, jitħallas mill-Kummissjoni meta jsir l-ewwel obbligu.

147    Minbarra dan, il-Kummissjoni ssostni li l-ilmenti magħmula fil-kuntest tas-seba’ motiv huma infondati u għaldaqstant għandhom jiġu miċħuda. Ir-regoli ta’ eliġibbiltà relattivi għall-ħlasijiet magħmula ġo fondi ta’ kapital spekulattiv, ta’ self jew ta’ garanzija ġew stabbiliti minħabba l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dan it-tip ta’ finanzjament.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–       Fuq il-ksur tar-Regolament Nru 448/2004

148    Kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 103 aktar’il fuq, it-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames ittri kkontestati applikaw korrettament il-punti 1 u 2 tar-Regola 1 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 448/2004 meta rrifjutaw li jqiegħdu a karigu tal-baġit Komunitarju l-ammonti li jikkorrispondu għall-ħlasijiet akkont in kwistjoni. Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tar- Regolament Nru 448/2004 għandu jiġi miċħud mill-ewwel.

–       Fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ trattament ugwali u ta’ ċertezza legali

149    L-ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ trattament ugwali u ta’ ċertezza legali jikkonċernaw, essenzjalment, il-mod kif ġiet applikata r-regola ġenerali in kwistjoni fit-tieni, fit-tielet, fir-raba’ u fil-ħames ittri kkontestati. Fil-fatt, kien abbażi ta’ din ir-regola li l-Kummissjoni rrifjutat li tqiegħed a karigu tal-baġit Komunitarju l-ammonti li jikkorrispondu għall-ħlasijiet akkont in kwistjoni dikjarati mill-awtoritajiet Taljani.

150    Għandu jiġi enfasizzat li t-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(1) tar-Regolament ġenerali u r-regoli dettaljati għall-implementazzjoni tiegħu ma jagħtu ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà tal-ħlasijiet akkont. Għaldaqstant, meta fit-tieni, fit-tielet, fir-raba’ u fil-ħames ittri kkontestati, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-ħlasijiet akkont in kwistjoni ddikjarati mir-Repubblika Taljana bħala ħlasijiet interim ma kinux eliġibbli, hija ma setgħatx tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-prinċipju ta’ trattament ugwali jew il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

151    Anki li kieku wieħed kellu jikkunsidra li fil-kawża preżenti r-Repubblika Taljana qiegħda teċċepixxi l-illegalità tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(1) tar-Regolament ġenerali u tar-regoli dettaljati għall-implementazzjoni tiegħu in sostenn tar-rikors li hija qed tressaq kontra d-deċizjonijiet individwali meħuda abbażi tagħhom, u anki li kieku wieħed kellu jaċċetta l-ammissibbiltà ta’ dawn l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità taħt l-Artikolu 241 KE, dawn ta’ l-aħħar ma jistgħux jiġu milqugħa fil-mertu.

152    Ir-regola ġenerali in kwistjoni hija biss applikazzjoni speċifika, fil-kuntest ta’ l-iskemi ta’ għajnuna jew ta’ l-għajnuna mogħtija minn korpi nazzjonali, tal-prinċipju ta’ ħlas lura ta’ l-infiq, fil-forma ta’ ħlasijiet interim jew ħlasijiet tal-bilanċ finali, li fuqu huma bbażati l-Artikolu 32 tar-Regolament ġenerali u r-regoli dettaljati għall-implementazzjoni tiegħu sabiex jiġi żgurat li l-fondi Komunitarji jintużaw b’mod konformi mal-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba previsti fl-Artikolu 274 KE (ara punt 86 aktar’il fuq). Għaldaqstant, f’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat l-allegat ksur, minn dan il-prinċipju, tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ trattament ugwali u ta’ ċertezza legali.

153    F’dak li jirrigwarda l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi mfakkar li dan il-prinċipju jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u li huwa jeħtieġ li l-atti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni; meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-anqas oneruża u l-iżvantaġġi li tista’ ġġib magħha m’għandhomx ikunu sproporzjonati għall-għanijiet li jkunu jridu jintlaħqu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1998, National Farmers’ Union et, C-157/96, Ġabra p. I-2211, punt 60, u tat-12 ta’ Marzu 2002, Omega Air et, C‑27/00 u C‑122/00, Ġabra p. I‑2569, punt 62; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Settembru 2002, Tideland Signal vs Il-Kummissjoni, T‑211/02, Ġabra p. II‑3781, punt 39, u tat-13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, T‑2/03, Ġabra p. II‑1121, punt 99).

154    Għall-finijiet ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet imsemmija aktar’il fuq, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-leġiżlatur Komunitarju għandu setgħa diskrezzjonali leġiżlattiva wiesgħa biex jiddefinixxi r-regoli ġenerali applikabbli għall-Fondi Strutturali, li tikkorrispondi għar-responsabiltajiet politiċi mogħtija lilu mill-Artikolu 161 KE. Konsegwentement, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura adottata f’dan il-qasam, meta mqabbla ma’ l-għan li l-istituzzjoni kompetenti tixtieq tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ miżura bħal din (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-politika agrikola komuni, is-sentenza National Farmers’ Union et, iċċitata aktar’il fuq fil-punt 153, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

155    Fis-sistema stabbilita mill-Artikolu 32 tar-Regolament ġenerali, il-prinċipju ta’ ħlas lura ta’ l-infiq, fil-forma ta’ ħlasijiet interim jew ħlasijiet tal-bilanċ finali, jikkontribwixxi biex jiżgura li l-fondi Komunitarji jintużaw b’mod konformi mal-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba stabbiliti fl-Artikolu 274 KE. Huwa jippermetti li jiġi evitat li l-Komunità tagħti kontribuzzjonijiet finanzjarji sostanzjali li sussegwentement ma tkunx tista’ tirkupra, jew li tkun tista’ tirkupra biss b’diffikultajiet kbar, fl-ipoteżi li dawn ma jintużawx konformement ma’ l-użu intenzjonat tagħhom, billi jillimita r-riskju għall-baġit Komunitarju għal ammont li jirrapreżenta 7 % tal-kontribuzzjoni mill-Fondi għall-għajnuna in kwistjoni (konkluzjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża li tat lok għas-sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 2005, iċċitata aktar’il fuq fil-punt 36, Ġabra p. I-10047, punti 77 u 80).

156    Din il-limitazzjoni tar-riskju għall-baġit Komunitarju li jġib miegħu użu mhux korrett tal-ħlasijiet akkont ma tistax tiġi kkontestata, f’dan il-każ, abbażi tal-garanziji li possibbilment toffri l-leġiżlazzjoni Taljana. Fil-fatt, billi l-garanziji previsti fuq livell nazzjonali huma pprovduti mid-destinatarju finali għall-benefiċċju tal-korpi nazzjonali li jagħmlu l-ħlasijiet akkont, ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa manifestament mhux xieraq li jkunu dawn ta’ l-aħħar, u mhux il-Kommunità, li jassumu r-riskju ta’ nuqqas min-naħa tad-destinatarji finali u li jieħdu fuqhom id-diffikultajiet marbuta ma’ eventwali talba għall-ħlas lura ta’ l-ammonti mħallsa indebitament.

157    Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ ħlas lura ta’ l-infiq, fil-forma ta’ ħlasijiet interim jew ħlasijiet tal-bilanċ finali, kif ukoll ir-regola ġenerali in kwistjoni li timplementa dan il-prinċipju, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala miżuri manifestament mhux xierqa. Għalhekk, il-prinċipju ta’ proporzjonalità ma nkisirx.

158    F’dak li jirrigwarda l-allegat ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ ċertezza ġuridika, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali jirrikjedi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux trattati b’mod differenti, ħlief meta trattament differenti jkun oġġettivament ġustifikat (ara, fil-qasam tas-servizz pubbliku, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Frar 2003, Drouvis vs Il-Kummissjoni, T-184/00, Ġabra SP p. I-A-51 u II-297, punt 39; ara wkoll, fil-qasam tal-kompetizjoni, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, T-45/98 u T 47/98, Ġabra p. II-3757, punt 237, u tas-6 ta’ Diċembru 2005, Brouwerij Haacht vs Il-Kummissjoni, T-48/02, Ġabra p. II-5259, punt 108), filwaqt li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jirrikjedi li r-regoli ġuridiċi jkunu ċari u preċiżi u għalhekk ifittex li jassigura li sitwazzjonijiet u relazzjonijiet ġuridiċi li jaqgħu taħt id-dritt Komunitarju jkunu prevedibbli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Frar 1996, Duff et, C-63/93, Ġabra p. I-569, punt 20, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Novembru 2002, Vela u Tecnagrind vs Il-Kummissjoni, T-141/99, T-142/99, T-150/99 u T-151/99, Ġabra p. II-4547, punt 391). Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jimplika li d-dispożizzjonijiet Komunitarji ma jkunux ifformulati f’termini kontradittorji.

159    Il-punt 1.3 tar-Regola 1 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 448/2004 jipprovdi li l-għajnuna mill-Istat mogħtija fil-forma ta’ ħlasijiet ġo fondi ta’ kapital spekulattiv, ta’ self jew ta’ garanzija għandha tiġi kkunsidrata bħala nfiq li attwalment sar fis-sens tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(1) tar-Regolament ġenerali sakemm il-fondi kkonċernati jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti bir-Regoli 8 u 9 ta’ l-imsemmi Anness. Kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, din ir-regola hija applikazzjoni speċifika tal-prinċipju ta’ ħlas lura ta’ l-infiq, fil-forma ta’ ħlasijiet interim jew ħlasijiet tal-bilanċ finali, sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-finanzjament ta’ l-investimenti kapitali ta’ impriżi. Dan il-finanzjament jingħata lill-SME minn korpi ġuridiċi indipendenti li jaġixxu bħala intermedjarji. Kuntrarjament għall-ħlasijiet akkont, li jitħallsu direttament mill-korpi nazzjonali lid-destinatarji finali, il-finanzjament ta’ l-investimenti kapitali jmur ġo fondi li l-għan tagħhom huwa li jiffaċilita l-aċċess tad-destinatarji finali għas-sorsi ta’ finanzjament. Hija minħabba din ir-raġuni speċifika, li mhijiex komparabbli ma’ dik tal-ħlasijiet akkont, li l-ħlasijiet magħmula ġo fondi ta’ kapital spekulattiv, ta’ self jew ta’ garanzija jistgħu jiġu kkunsidrati bħala nfiq li attwalment sar fis-sens tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(1) tar-Regolament ġenerali.

160    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 448/2004, li skondhom hija biss l-għajnuna mogħtija fil-forma ta’ ħlasijiet ġo fondi ta’ kapital spekulattiv, ta’ self jew ta’ garanzija li hija nfiq li attwalment sar fis-sens tat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 32(1) tar-Regolament ġenerali, ma jiksrux il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

161    Minbarra dan, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-prinċipju ta’ ċertezza legali nkiser f’dan il-każ, peress li kemm il-prinċipju ta’ ħlas lura ta’ l-infiq, fil-forma ta’ ħlasijiet interim jew ħlasijiet tal-bilanċ finali, kif ukoll ir-regola ġenerali in kwistjoni, jikkostitwixxu applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni applikabbli. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, permezz tan-nota ta’ interpretazzjoni, ta’ l-ittri ta’ l-14 ta’ Mejju u tad-29 ta’ Lulju 2003 u ta’ dik tal-25 ta’ Marzu 2004, kienet inġibdet l-attenzjoni tar-Repubblika Taljana dwar l-eżistenza tar-regola ġenerali in kwistjoni u l-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà tal-ħlasijiet akkont previsti mit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(1) tar-Regolament ġenerali. Minbarra dan, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 159 aktar’il fuq jirriżulta li r-Repubblika Taljana m’għandhiex raġun issostni li minħabba d-differenzi fir-regoli ta’ eliġibbiltà li jinsabu fil-punti 1.2 u 1.3 tar-Regola 1 u fir-Regola Nru 8 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 448/2004, hija kienet tħalliet fi stat ta’ inċertezza dwar il-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

162    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jidhirx li l-prinċipju ta’ ħlas lura ta’ l-infiq, fil-forma ta’ ħlasijiet interim u ħlasijiet tal-bilanċ finali, u r-regola ġenerali in kwistjoni, jiksru, fihom infushom jew fl-applikazzjoni konkreta tagħhom li saret fit-tieni, fit-tielet, fir-raba’ u fil-ħames ittri kkontestati, il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ trattament ugwali, u ta’ ċertezza legali.

163    Għaldaqstant, l-ilmenti bbażati fuq il-ksur ta’ dawn il-prinċipji għandhom jiġu miċħuda.

–       Fuq l-użu ħażin ta’ poter

164    Skond il-ġurisprudenza, deċiżjoni hija vvizzjata minn użu ħażin ta’ poter biss jekk din tidher, abbażi ta’ provi oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li ttieħdet bl-għan esklużiv, jew għall-inqas determinanti, li jintlaħqu finijiet differenti minn dawk iddikjarati (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 1990, Pitrone vs Il-Kummissjoni, T-46/98, Ġabra p. II-577, punt 71, u tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T-92/00 u T-103/00, Ġabra p. II-1385, punt 84).

165    Fil-kawża preżenti, ir-Repubblika Taljana ma ressqet ebda prova oġġettiva li tista’ twassal għal konklużjoni li l-Kummissjoni użat il-poteri tagħha ħażin fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha. Minn dan isegwi l-użu ħażin ta’ poter ma ġiex stabbilit.

166    Minn dan isegwi li s-sitt u s-seba’ motivi għandhom jiġu miċħuda u li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, in parti bħala inammissibbli, u, għall-bqija, bħala infondat.

 Fuq l-ispejjeż

167    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż.

Meij

Forwood

Pelikánová

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-12 ta’ Diċembru 2007.

E. Coulon

 

      A. W. H. Meij

Reġistratur

 

      L-Aġent President

Werrej

Il-kuntest ġuridiku

Dispożizzjonijiet relattivi għall-eligibbiltà ta’ l-infiq għall-kontribuzzjoni mill-Fondi

Diżpożizzjonijiet relattivi għall-ħlas tal-kontribuzzjoni mill-fondi

Dispożizzjonijiet dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ l-infiq

Dispożizzjonijiet dwar il-kontroll finanzjarju

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fuq l-ammissibbiltà

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-mertu

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-inosservanza tal-proċeduri għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u fuq il-ksur tar-Regoli tal-Proċedura tagħha

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 32 tar-Regolament ġenerali u tal-punti 1 u 2 tar-Regola 1 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 448/2004, u fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet relattivi għall-eliġibbiltà ta’ l-infiq

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 438/2001, u fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ simplifikazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali u fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kontroll finanzjarju

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas assolut ta’ motivazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u fuq użu ħażin ta’ poter, u fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-Regolament Nru 448/2004, tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ ċertezza legali kif ukoll fuq in-natura kontradittorja ta’ l-ittri kkontestati

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

– Fuq il-ksur tar-Regolament Nru 448/2004

– Fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ trattament ugwali u ta’ ċertezza legali

– Fuq l-użu ħażin ta’ poter

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.