Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Marzu 2020 – Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-151/20)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Ċeka (rappreżentanti: M. Smolek, J. Vláčil u O. Serdula, aġenti)

Konvenuta: L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tordna lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, sabiex tirrestitwixxi lir-Repubblika Ċeka l-pagament mhux dovut li jikkorrispondi għal CZK 40 482 255, li fis-17 ta’ Marzu 2015 ġie mħallas indebitament, b’mod kundizzjonali, favur il-kont tal-Kummissjoni Ewropea;

tordna lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, sabiex tirrestitwixxi lir-Repubblika Ċeka l-pagament mhux dovut li jikkorrispondi għal CZK 2 698 817, li fit-22 ta’ Diċembru 2016 ġie mħallas indebitament favur il-kont tal-Kummissjoni Ewropea;

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed.

Ir-rikorrenti ssostni li l-ammont kontenzjuż jikkorrispondi għad-dazji doganali mhux miġbura fuq l-importazzjoni minn Laos ta’ lajters biż-żnied għall-ammont ta’ CZK 53 976 340 wara t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-ġbir. Fis-17 ta’ Marzu 2015 ġie mħallas favur il-kont tal-Kummissjoni, b’mod kundizzjonali, l-ammont ta’ CZK 40 482 255 (75 % tad-dazji doganali mhux miġbura), u dan fuq talba mill-Kummissjoni tal-21 ta’ Jannar 2015. Fit-22 ta’ Diċembru 2016 ġie mħallas favur il-kont tal-Kummissjoni l-ammont ta’ CZK 2 698 817 (5 % tad-dazji doganali mhux miġbura), skont it-talba tal-Kummissjoni għall-ħlas tad-differenza korrispondenti għaż-żieda tas-sehem fil-baġit tal-Unjoni għal 80 %.

Il-ħlas ta’ dan l-ammont favur il-kont tal-Kummissjoni kien indebitu, għaliex id-dazju doganali inkwistjoni ma setax jinġabar għal raġunijiet li ma jistgħux jiġu attribwiti lir-Repubblika Ċeka. Skont l-Artikolu 17(2)(b) tar-Regolament Nru 1150/2000 tat-22 ta’ Mejju 2000 1 , ir-Repubblika Ċeka għaldaqstant ma kinitx obbligata tagħti l-ammont kontenzjuż lill-Kummissjoni.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tat-22 ta’ Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 169).