Language of document : ECLI:EU:T:2022:281

Kawża T151/20

Ir-Repubblika Ċeka

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tal-11 ta’ Mejju 2022

“Riżorsi proprji tal-Unjoni – Responsabbiltà finanzjarja ta’ Stat Membru – Dazji fuq l-importazzjoni – Ħlas lill-Kummissjoni tal-ammonti li jikkorrispondu għal riżorsi proprji mhux irkuprati – Rikors ibbażat fuq arrikkiment indebitu tal-Unjoni – Obbligi ta’ Stat Membru fil-qasam tar-riżorsi proprji – Obbligu ta’ garanzija – Eżenzjoni milli jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ammonti li jikkorrispondu għad-dazji kkonstatati ddikjarati irrekuperabbli”

1.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Prinċipju ta’ projbizzjoni tal-arrikkiment indebitu tal-Unjoni – Rimedju ġudizzjarju – Rikors għad-danni – Kundizzjoni – Arrikkiment mingħajr bażi legali tal-Unjoni u ftaqir korrispondenti tar-rikorrent

(Artikolu 268 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

(ara l-punti 40, 41)

2.      Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea – Konstatazzjoni u tqegħid għad-dispożizzjoni mill-Istati Membri –Tqegħid għad-dispożizzjoni taħt riżervi varji – Rikors ibbażat fuq l-arrikkiment indebitu tal-Unjoni – Rikors ippreżentat kontra ittra tal-Kummissjoni li tistieden lil Stat Membru jqiegħed riżorsi proprji għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni – Skop tar-rikors – Oneru tal-prova

(Artikolu 268 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41; Regolament tal-Kunsill Nru 1150/2000)

(ara l-punti 42 sa 48, 87, 88)

3.      Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea – Konstatazzjoni u tqegħid għad-dispożizzjoni mill-Istati Membri – Eżenzjoni – Kundizzjonijiet – Raġunijiet ta’ forza maġġuri jew raġunijiet oħra li ma humiex imputabbli għal Stat Membru – Regolarità tad-dħul tad-dazji kkonstatati f’kont separat

(Regolament tal-Kunsill Nru 1150/2000, Artikoli 6(3)(b) u 17(2))

(ara l-punti 82 sa 84)

4.      Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Regolament Nru 515/97 – Assisstenza reċiproka bejn l-Istati membri u kollaborazzjoni bejniethom u l-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli – Missjonijiet Komunitarji ta’ kooperazzjoni u ta’ investigazzjoni amministrattivi f’pajjiżi terzi – Informazzjoni miksuba mill-aġenti tal-Istati Membri użata bħala prova fil-kuntest ta’ azzjonijiet amministrttivi jew ġudizzjarji mibdija għan-nuqqas ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni doganali – Ammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 515/97, Artikoli 1, 20(2), 21(2) u 45(1),(2) u (3))

(ara l-punti 113 sa 118)

5.      Unjoni doganali – Dikjarazzjonijiet doganali – Proċedura u kontroll – Tnissil ta’ dejn doganali – Rekwiżit tal-kostituzzjoni ta’ garanzija – Marġni ta’ evalwazzjoni tal-awtoritajiet doganali – Limiti – Prinċipju ta’ effettività – Portata

(Artikolu 325(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu 74(1); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, Artikolu 248(1))

(ara l-punti 151 sa 153)

6.      Unjoni doganali – Dikjarazzjonijiet doganali – Proċedura u kontroll – Tnissil ta’ dejn doganali – Indizji li jistgħu jwasslu għad-determinazzjoni ta’ ammont ta’ dazji ogħla minn dak li jirriżulta mid-dikjarazzjoni doganali – Eżistenza ta’ suspett raġonevoli ta’ evażjoni tal-leġiżlazzjoni doganali – Obbligu tal-awtoritajiet doganali li jikkostitwixxu garanzija

(Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu 74(1); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, Artikolu 248(1))

(ara l-punti 181 sa 187)

Sunt

Il-Qorti Ġenerali tilqa’ parzjalment ir-rikors tar-Repubblika Ċeka bbażat fuq arrikkiment indebitu tal-Kummissjoni sa fejn dan jirrigwarda l-ħlas lura ta’ ammont ekwivalenti għal madwar EUR 726 000 li dan l-Istat Membru kellu jħallas lil din l-istituzzjoni fil-kuntest tal-irkupru tad-dazji antidumping. Fil-fatt, il-waqfien tal-attività tal-importatur seta’, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, jikkostitwixxi raġuni mhux imputabbli lir-Repubblika Ċeka li tista’ legalment teżentaha milli tqiegħed dan l-ammont għad-dispożizzjoni tal-Unjoni.

F’Novembru 2007, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) wettaq missjoni ta’ spezzjoni fil-Laos li fiha pparteċipat rappreżentanta tal-awtoritajiet doganali Ċeki. L-investigazzjoni kienet tirrigwarda verifiki dwar l-importazzjoni, f’diversi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, ta’ lajters tal-but li joriġinaw mil-Laos bejn is-sena 2004 u 2007. Skont ir-rapport ta’ tmiem il-missjoni, Baide lighter Industry (LAO) Co., Ltd (iktar ’il quddiem il-“kumpannija BAIDE”) importat lajters tal-but li joriġinaw miċ-Ċina, iżda ppreżentati lid-dwana bħala li joriġinaw mil-Laos, u b’hekk evitat id-dazju antidumping applikabbli għall-lajters tal-but ta’ oriġini Ċiniża.

Abbażi tal-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport, li kien jirrigwarda b’mod partikolari 28 każ ta’ importazzjoni mill-kumpannija BAIDE ta’ lajters tal-but fir-Repubblika Ċeka mwettqa u rrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera bejn is-sena 2005 u 2007, l-uffiċċji doganali Ċeki kompetenti ħadu miżuri sabiex jipproċedu għall-aġġustament u għall-irkupru fiskali f’dawn il-każijiet. Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni Ewropea informat lir-Repubblika Ċeka, b’risposta għat-talba tagħha li tiġi eżentata mill-obbligu li tqiegħed għad-dispożizzjoni l-ammonti li jikkorrispondu għad-dazji kkonstatati li ma setgħux jiġu rkuprati, li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 (1) ma kienu issodisfatti fl-ebda wieħed mill-każijiet inkwistjoni. Il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Ċeki jadottaw, f’terminu partikolari, il-miżuri neċessarji sabiex il-kont tagħha jiġi kkreditat bl-ammont ta’ 53 976 340 koruna Ċeka (CZK).

Wara li ħallset 75 % ta’ dan l-ammont fil-kont tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-“somma kontenzjuża”), ir-Repubblika Ċeka ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata tirrimborsaha s-somma kontenzjuża minħabba arrikkiment indebitu tal-Unjoni.

Il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors sa fejn huwa intiż għall-ħlas lura mill-Kummissjoni tas-somma ta’ CZK 17 828 399.66 imħallsa bħala riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea. F’dan il-kuntest, hija tiffoka, b’mod partikolari, fuq il-kundizzjonijiet ta’ azzjoni bbażata fuq arrikkiment indebitu, fuq il-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-kuntest ta’ missjoni ta’ investigazzjoni f’pajjiż terz, kif ukoll fuq l-obbligu li tiġi kkostitwita garanzija għall-irkupru tar-riżorsi proprji.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Il-Qorti Ġenerali tqis, qabelxejn, li r-Repubblika Ċeka ma tistax tistabbilixxi l-fondatezza tal-pretensjonijiet tagħha, fil-kuntest ta’ azzjoni bbażata fuq arrikkiment indebitu tal-Kummissjoni, billi sempliċement tikkonfuta l-argumenti li jinsabu fl-ittra tal‑20 ta’ Jannar 2015. Bil-kontra, hija għandha turi, minn naħa, li l-arrikkiment tal-Kummissjoni, wara t-tqegħid għad-dispożizzjoni tas-somma kontenzjuża, ma huwiex iġġustifikat mill-obbligi imposti fuqha skont id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tar-riżorsi proprji u, min-naħa l-oħra, li l-ftaqir tagħha huwa marbut mal-imsemmi arrikkiment. L-obbligi tar-Repubblika Ċeka fil-qasam tar-riżorsi proprji ma jirriżultawx mill-ittra tal‑20 ta’ Jannar 2015, iżda huma imposti direttament bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni applikabbli f’dan il-qasam. B’hekk, din l-ittra ma tistax tikkostitwixxi l-kuntest tal-kawża sa fejn tillimita l-argumenti tal-Kummissjoni intiżi sabiex jikkontestaw l-eżistenza ta’ arrikkiment indebitu għal dawk li jinsabu fl-imsemmija ittra.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tqis li ma jistax jintalab mir-Repubblika Ċeka, fil-kuntest tal-azzjoni tagħha bbażata fuq arrikkiment indebitu, li tistabbilixxi li l-proċess kollu matul il-proċedura doganali, l-irkupru tal-kreditu u l-operazzjonijiet relatati mar-riżorsi proprji ġew eżegwiti konformement mar-regoli kollha, korrettament, fil-ħin u b’osservanza tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, iżda li tistabbilixxi biss, minbarra l-ftaqir tagħha u l-arrikkiment korrispondenti għalih, li dan kien nieqes minn kull ġustifikazzjoni.

Barra minn hekk, wara li rrilevat li l-kollaborazzjoni tal-Istati Membri mal-Kummissjoni hija kundizzjoni essenzjali għall-osservanza tal-eżekuzzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali fi ħdan l-Unjoni, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, għal dan il-għan, missjonijiet Komunitarji ta’ kooperazzjoni u ta’ investigazzjoniji amministrattivi jitwettqu f’pajjiżi terzi, li għalihom jipparteċipaw aġenti maħtura mill-Istati Membri  (2).. L-informazzjoni miksuba fil-kuntest ta’ dawn il-missjonijiet tista’ tintuża sabiex tippermetti l-prosekuzzjoni ta’ operazzjonijiet li jmorru kontra r-regoli doganali kif ukoll fil-kuntest ta’ azzjonijiet ġudizzjarji jew proċeduri mibdija sussegwentement. B’mod partikolari, din tista’ tiġi invokata bħala prova mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri (3).

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rappreżentanta tal-amministrazzjoni doganali Ċeka fi ħdan il-missjoni ta’ spezzjoni kienet kompletament awtorizzata titlob lill-OLAF il-provi annessi mal-minuti u li tikkomunikahom lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika Ċeka sabiex dawn jużawhom bħala provi kontra l-kumpannija BAIDE fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru tad-dejn doganali dovut minn din il-kumpannija. Issa, f’dan il-każ, l-OLAF, li kien intrabat li jikkomunika lir-Repubblika Ċeka l-provi miġbura waqt il-missjoni ta’ spezzjoni sa mill-bidu tas-sena 2008, kien dam biex jikkomunika r-rapport tiegħu, li miegħu kienu mehmuża tali provi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika Ċeka ma setgħetx tiġi kkritikata talli ma kinitx fil-pussess tal-provi neċessarji għall-konstatazzjoni tad-dazji antidumping dovuti mill-kumpannija BAIDE fuq it-28 każ ta’ importazzjoni kontenzjuża mar-ritorn tal-missjoni ta’ spezzjoni u li stenniet il-komunikazzjoni tar-rapport tal-OLAF sabiex tikkonstata d-dazji dovuti minn din il-kumpannija.

Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-obbligu li tiġi kkostitwita garanzija għall-irkupru tar-riżorsi propji, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, jekk l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jsiqu li l-verifika tad-dikjarazzjoni doganali tista’ tagħti lok għal ammont pagabbli ta’ dazji fuq l-importazzjoni ogħla minn dak li jirriżulta mid-dettalji tad-dikjarazzjoni doganali, ir-rilaxx tagħha jkun awtorizzat wara li tiġi kkostitwita garanzija suffiċjenti sabiex tkopri d-differenza ta’ dawn l-ammonti (4). Il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom, meta jiddeċiedu dwar il-ħtieġa li tintalab garanzija, huwa limitat mill-prinċipju ta’ effettività (5), li bis-saħħa tiegħu għandha tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra kwalunkwe frodi jew kwalunkwe attività illegali oħra li x’aktarx tagħmel ħsara lil dawn l-interessi. Il-portata tal-prinċipju ta’ effettività, sa fejn dan tal-aħħar japplika għall-obbligu speċifiku impost fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu l-ġbir effettiv u sħiħ tar-riżorsi proprji tal-Unjoni li jikkostitwixxu d-dazji doganali, ma tistax tiġi ddeterminata b’mod astratt u statiku peress li tiddependi mill-karatteristiċi tal-frodi jew mill-attività illegali kkonċernati, li jistgħu wkoll jevolvu fiż-żmien.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li r-Repubblika Ċeka kienet obbligata tikkostitwixxi garanzija għall-irkupru tad-dazji antidumping li jistgħu jkunu dovuti mill-kumpannija BAIDE mill-adozzjoni tal-profil ta’ riskju, li minnu jirriżulta, b’mod partikolari, li kien jeżisti “suspett raġonevoli” ta’ evażjoni tal-leġiżlazzjoni doganali, jiġifieri mit-22 ta’ Marzu 2006. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li sostniet ir-Repubblika Ċeka, il-kostituzzjoni ta’ garanzija għall-irkupru tas-somma kontenzjuża ma kinitx teżiġi, waqt ir-rilaxx tal-merkanzija inkwistjoni, iċ-ċertezza li l-oriġini tagħha kienet differenti minn dik iddikjarata, iżda biss il-preżenza ta’ indizji li jistgħu jwasslu, waqt il-kontroll ta’ din il-merkanzija, għad-determinazzjoni ta’ ammont ta’ dazji ogħla minn dak li jirriżulta mid-dettalji tad-dikjarazzjoni doganali. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li l-awtoritajiet Laosjani kkonfermaw l-awtentiċità taċ-ċertifikati ta’ oriġini mehmuża mill-kumpannija BAIDE f’tnejn mit-28 każ ta’ importazzjoni kontenzjuża ma setax, fi kwalunkwe każ, ikun biżżejjed sabiex jitneħħew id-dubji li r-Repubblika Ċeka stess kellha fuq il-bażi tal-informazzjoni kkomunikata mill-OLAF fir-rigward tal-importazzjonijiet kollha tal-kumpannija BAIDE mwettqa mil-Laos.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tqis li l-waqfien tal-attività tal-kumpannija BAIDE, qabel l-għoti tar-rapport tal-OLAF, li effettivament ippermetta li jiġu kkonstatati d-dazji doganali dovuti mill-kumpannija BAIDE, seta’ jikkostitwixxi raġuni mhux imputabbli lir-Repubblika Ċeka (6) li setgħet legalment teżentaha milli tqiegħed is-somma kontenzjuża għad-dispożizzjoni tal-Unjoni. Madankollu, sa fejn din tal-aħħar kienet obbligata tagħti garanzija fuq is-somom li għandhom jiġu rkuprati bħala dazji antidumping dovuti mill-kumpannija BAIDE mit-22 ta’ Marzu 2006, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li kien jeżisti arrikkiment indebitu tal-Unjoni sal-ammont tas-somma kontenzjuża li tikkorrispondi għad-dazji antidumping dovuti mill-kumpannija BAIDE fuq l-ewwel tnax-il importazzjoni ta’ lajters tal-but, imwettqa qabel din id-data.


1      L-Artikolu 17(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tat‑22 ta’ Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 169), jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jinħelsu mill-obbligu li jpoġġu għad-disposizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu għal drittijiet stabbiliti li jirriżultaw irrekuperabbli minħabba: (a) raġunijiet ta’ force majeure; jew (b) raġunijiet oħra li ma jistgħux jiġu attribwiti lilhom. […]”


2      Konformement mal-Artikolu 20(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat‑13 ta’ Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn ta’ l-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 8, p. 217).


3      Konformement mal-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 515/97.


4      Ara l-ewwel sentenza tal-Artikolu 74(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), moqri flimkien mal-Artikolu 248 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat‑2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3).


5      Il-prinċipju ta’ effettività huwa stabbilit fl-Artikolu 325(1) TFUE.


6      Konformement mal-Artikolu 17(2)(b) tar-Regolament Nru 1150/2000.