Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Arbeitsgericht Verden (il-Ġermanja) fis-26 ta’ Ġunju 2017 – Torsten Hein vs Albert Holzkamm GmbH & Co.

(Kawża C-385/17)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Arbeitsgericht Verden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Torsten Hein

Konvenuta: Albert Holzkamm GmbH & Co.

Domandi preliminari

L-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li tippermetti li jiġi previst permezz ta’ ftehim kollettiv li tnaqqis ta’ remunerazzjoni li jirriżulta matul il-perijodu ta’ referenza ta’ qgħad parzjali jittieħed inkunsiderazzjoni waqt il-kalkolu tal-kumpens legali għal leave imħallas, li għandu bħala konsegwenza li l-impjegat jirċievi, matul il-leave annwali minimu ta’ erba’ ġimgħat, kumpens għal leave imħallas – jew, f’każ ta’ waqfien tar-relazzjoni ta’ xogħol, kumpens finanzjarju għal leave mhux meħud – inqas minn dak li huwa kien jirċievi kieku l-kumpens għal leave imħallas kien ġie kkalkolat abbażi tar-remunerazzjoni medja li huwa kien jibbenefika minnha matul il-perijodu ta’ referenza mingħajr dan it-tnaqqis ta’ remunerazzjoni? Fl-affermattiv, liema jista’ jkun bħala massimu, bħala perċentwali tar-remunerazzjoni medja mingħajr tnaqqis, it-tnaqqis tal-kuumpens għal leave imħallas li jirriżulta minn qgħad parzjali matul il-perijodu ta’ referenza, sabiex jista’ jitqies li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li jiġi previst tali tnaqqis permezz ta’ ftehim kollettiv tkun ġiet interpretata b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni?

F’każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1: il-prinċipju ta’ ċertezza legali, prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività jimponu li tiġi limitata ratione temporis il-possibbiltà għall-persuni kkonċernati kollha li jibbażaw ruħhom fuq l-interpetazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti lis-sentenza preliminari tagħha tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, sa fejn il-qrati nazzjonali l-iktar għolja kienu preċedentement iddeċidew li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, ta’ oriġini leġiżlattiva u konvenzjonali, ma setgħux jiġu interpretati b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni? Fin-negattiv, huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jipproteġu, abbażi tad-dritt nazzjonali, l-aspettattivi leġittimi tal-persuni li jimpjegaw li kienu bbażaw ruħhom fuq iż-żamma tal-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali l-iktar għolja, jew il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi hija rriżervata lill-Qorti tal-Ġustizzja?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 38.