Language of document : ECLI:EU:C:2018:1018

Kawża C385/17

Torsten Hein

vs

Albert Holzkamm GmbH & Co. KG

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Arbeitsgericht Verden)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Dritt għal-leave annwali mħallas – Artikolu 7(1) – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni, permezz ta’ ftehim kollettiv, il-perijodi ta’ qgħad parzjali għall-finijiet tal-kalkolu tar-remunerazzjoni mħallsa għal-leave annwali – Effetti ratione temporis tas-sentenzi ta’ interpretazzjoni”

Werrej – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat‑13 ta’ Diċembru 2018

1.        Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Dritt għal-leave annwali mħallas – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni, permezz ta’ ftehim kollettiv, il-perijodi ta’ qgħad parzjali għall-finijiet tal-kalkolu tar-remunerazzjoni mħallsa għal dan il-leave – Kumpens, għat-tul tal-leave annwali minimu, inqas mir-remunerazzjoni ordinarja li l-ħaddiem jirċievi matul il-perijodi ta’ xogħol – Inammissibbiltà – Obbligu ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali konformi mad-dritt tal-Unjoni – Limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza – Assenza – Supremazija tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fuq il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-persuni li jimpjegaw

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 31(2); Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Artikolu 7(1))

2.        Domandi preliminari – Interpretazzjoni – Effetti ratione temporis tas-sentenzi ta’ interpretazzjoni – Effett retroattiv – Limitazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja – Kundizzjonijiet

(Artikolu 267 TFUE)

1.      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, kif ukoll l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kumpens għal leave mħallas, tippermetti li jiġi previst permezz ta’ ftehim kollettiv it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tnaqqis fir-remunerazzjoni li jirriżulta mill-eżistenza, matul il-perijodu ta’ referenza, ta’ jiem fejn, minħabba qgħad parzjali, ebda xogħol effettiv ma jkun ġie pprovdut, bil-konsegwenza li l-impjegat jirċievi, għat-tul tal-leave annwali minimu li minnu jibbenefika skont l-Artikolu 7(1), kumpens għal leave mħallas li huwa inqas mir-remunerazzjoni ordinarja medja li huwa jirċievi matul il-perijodi ta’ xogħol. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test kif ukoll tal-għan tad-Direttiva 2003/88, b’mod li l-kumpens għal leave mħallas li jingħata lill-ħaddiema, għal-leave minimu previst fl-Artikolu 7(1), ma jkunx inqas mill-medja tar-remunerazzjoni ordinarja li huma jirċievu matul il-perijodi ta’ xogħol effettiv.

F’dan ir-rigward, żieda fid-drittijiet għal-leave annwali mħallas li tmur lil hinn mill-minimu rikjest fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 jew il-possibbiltà li jinkiseb dritt għal-leave annwali mħallas kontinwu huma miżuri favorevoli għall-ħaddiema li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi previsti f’din id-dispożizzjoni u, għalhekk, ma humiex regolati minnha. Dawn il-miżuri ma għandhomx jintużaw sabiex jikkumpensaw l-effett negattiv, għall-ħaddiem, ta’ tnaqqis fir-remunerazzjoni dovuta għal dan il-leave, taħt piena li jiġi mminat id-dritt għal-leave annwali mħallas taħt l-imsemmija dispożizzjoni, li parti integrali tiegħu hija d-dritt tal-ħaddiem li jgawdi, matul il-perijodu tiegħu ta’ mistrieħ u ta’ serħan, minn kundizzjonijiet ekonomiċi komparabbli għal dawk li jikkonċernaw it-twettiq tax-xogħol tiegħu.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ksib tar-remunerazzjoni ordinarja matul il-perijodu ta’ leave annwali mħallas huwa intiż li jippermetti lill-ħaddiem jieħu effettivament il-jiem ta’ leave li għalihom għandu dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 2006, Robinson-Steele et, C‑131/04 u C‑257/04, EU:C:2006:177, punt 49, kif ukoll tat‑22 ta’ Mejju 2014, Lock, C‑539/12, EU:C:2014:351, punt 20). Issa, meta r-remunerazzjoni mogħtija fir-rigward tad-dritt għal-leave annwali mħallas previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 hija, bħal fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inqas mir-remunerazzjoni ordinarja li l-ħaddiem jirċievi matul il-perijodi ta’ xogħol effettiv, hemm riskju li tali ħaddiem ikun inkoraġġit li ma jiħux il-leave annwali mħallas, għall-inqas matul il-perijodi ta’ dan ix-xogħol, sa fejn dan iwassal, matul dawn il-perijodi, għal tnaqqis fir-remunerazzjoni tiegħu.

Ma hemmx lok li jiġu llimitati ratione temporis l-effetti ta’ din is-sentenza u d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-qrati nazzjonali milli jipproteġu, abbażi tad-dritt nazzjonali, l-aspettattivi leġittimi tal-persuni li jimpjegaw fir-rigward taż-żamma tal-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali l-iktar għolja li tikkonferma l-legalità tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-leave mħallas tal-Ftehim Kollettiv dwar il-Kostruzzjoni.

(ara l-punti 43, 44, 53, 63, u d-dispożittivi 1, 2)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 56, 57)