Language of document : ECLI:EU:T:2015:387

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

16 ta’ Ġunju 2015 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali POLYTETRAFLON — Trade mark Komunitarja verbali preċedenti TEFLON — Assenza ta’ użu ġenwin tat-trade mark preċedenti — Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Prodott finali li jintegra komponent — Użu tat-trade mark preċedenti fir-rigward tal-prodotti finali ta’ terz — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑660/11,

Polytetra GmbH, stabbilita fi Mönchengladbach (il-Ġermanja), irrappreżentata minn R. Schiffer, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn P. Bullock, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija

EI du Pont de Nemours and Company, stabbilita f’Wilmington, Delaware (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn E. Armijo Chávarri, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI, tad-29 ta’ Settembru 2011 (Każ R 2005/2010‑1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn EI du Pont de Nemours and Company u Polytetra GmbH,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová u E. Buttigieg (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: I. Dragan, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Diċembru 2011,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ April 2012,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ April 2012,

wara li rat id-deċiżjoni tat-13 ta’ Ġunju 2012 li tirrifjuta li tawtorizza l-preżentata tar-replika,

wara l-modifika tal-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali,

wara l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-28 ta’ Lulju 2014,

wara l-assenza ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta ppreżentata mill-partijiet fit-terminu ta’ xahar li jibda jiddekorri min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u billi ddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tisma’ lill-partijiet waqt is-seduta,

wara s-seduta tal-4 ta’ Novembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-24 ta’ Lulju 2007, ir-rikorrenti, Polytetra GmbH, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali POLYTETRAFLON.

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 1, 11, 17 u 40 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, mad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 1: “Kimiċi għall-użu fl-industrija, xjenza u fotografija, kif ukoll fl-agrikultura, ortikultura u fl-istudju tal-foresti; plastiks mhux ipproċessati; kompożizzjonijiet għat-tifi tan-nar; preparazzjonijiet għall-moderazzjoni u l-issaldjar; adeżivi użati fl-industrija”;

–        klassi 11: “Apparat għat-trasferiment tas-sħana minn medju għal ieħor, mhux partijiet minn magni; tagħmir li jsaħħan il-platti; radjaturi tubulari; apparat li jagħti d-dawl, għat-tisħin, li jiġġenera l-fwar, għat-tisjir, li jkessaħħ, għat-tnixxif, għall-ventilazzjoni, għall-provvista tal-ilma u apparat għal skopijiet sanitarji”;

–        klassi 17: “Plastik mogħti s-sura ta’ xi ħaġa, għall-użu fil-manifattura (nofsu maħdum), b’mod partikolari pajpijiet li jistgħu jinġibdu lura, għatta għal rombli, pajpijiet immewġa, għatta ta’ tubi tad-dawl, tessuti tal-fajberglas, faxex b’materjal assorbenti, boroż, ċineg li jittrasportaw il-merkanzija tal-fajberglas, tessuti tal-fajberglas-tessuti tax-xibka, pjanċi lamintati tal-fajberglas, ħjut, artikoli magħmula minn tessuti, imniefaħ, żennuni għal entraturi; ħjut tal-plastik għal welding; ħajt tal-welding u folji għal welding tal-plastik; kisjiet tal-plastik; siġilli għall-ġonot; kisjiet tal-plastik fluworexxenti; plastik mogħti s-sura ta’ xi ħaġa, għall-użu fil-manifattura; materjal użat għall-ippakkjar, għall-mili u bħala iżolatur; pajpijiet flessibbli, mhux tal-metall; lastku, guttaperka, gomma, majka u oġġetti magħmula minn dawn il-materjali u mhux inklużi fi klassijiet oħra; prodotti nofshom ipproċessati tal-plastik fluworexxenti, b’mod partikolari fi politetrafluworetilen, b’mod partikolari fil-forma ta’ pannelli, virgi, pajpijiet u folji”;

–        klassi 40: “Trattament ta’ materjali”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 9/2008, tal-25 ta’ Frar 2008.

5        Fit-23 ta’ Mejju 2008, EI du Pont de Nemours and Company għamlet oppożizzjoni skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009) għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark Komunitarja verbali preċedenti TEFLON, irreġistrata fis-7 ta’ April 1999, taħt in-numru 432120, imġedda fid-19 ta’ Novembru 2006, għal prodotti u servizzi b’mod partikolari fil-klassijiet 1, 11, 17 u 40 u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, mad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 1: “Kimiċi għall-użu fl-industrija, xjenza u fotografija, kif ukoll fl-agrikoltura, ortikultura u fl-istudju tal-foresti; raża artifiċjali mhux ipproċessati, plastiks mhux ipproċessati; demel; kompożizzjonijiet għat-tifi tan-nar; preparazzjonijiet għall-moderazzjoni u l-issaldjar; sustanzi kimiċi għall-preservazzjoni tal-ikel; sustanzi għall-ikkunzar; adeżivi użati fl-industrija”;

–        klassi 11: “Apparat li jagħti d-dawl, li jsaħħan, li jiġġenera l-fwar, li jsajjar, li jkessaħ, li jnixxef, li jagħti ventilazzjoni, li jipprovdi l-ilma u għal użu sanitarju”;

–        klassi 17: “Lastku, guttaperka, gomma, asbestos u majka u oġġetti magħmula minn dawn il-materjali u mhux inklużi fi klassijiet oħra; plastik mogħti s-sura ta’ xi ħaġa, għall-użu fil-manifattura; materjal użat għall-ippakkjar, għall-mili u bħala iżolatur; pajpijiet flessibli, mhux tal-metall”;

–        klassi 40: “Trattament ta’ materjali”.

7        Il-motivi invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b), l-Artikolu 8(2)(ċ) u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b), l-Artikolu 8(2)(c) u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009].

8        Fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, l-intervenjenti pproduċiet diversi dokumenti bħala prova tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti għal uħud mill-prodotti msemmija minn din it-trade mark.

9        Ir-rikorrenti ppreżentat, matul il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, talba għal prova tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti invokata insostenn tal-oppożizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009).

10      Bħala tweġiba għat-talba għal prova tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti, l-intervenjenti rreferiet għad-dokumenti li jirrigwardaw ir-reputazzjoni ta’ din it-trade mark u pproduċiet provi oħra sabiex turi li kien sar użu ġenwin ta’ din it-trade mark.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Settembru 2010, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni. Hija qieset li l-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade marks kunfliġġenti kienu identiċi. Min-naħa l-oħra, hija kkunsidrat li kien jeżisti xebh żgħir ħafna bejn is-sinjali inkwistjoni fuq il-livell viżiv u fonetiku u li dawn is-sinjali kienu differenti fuq il-livell kunċettwali. Konsegwentement, hija eskludiet kwalunkwe probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti. Minbarra dan, hija qieset li l-elementi pprovduti mill-intervenjenti kienu jagħtu prova ta’ reputazzjoni tat-trade mark preċedenti għal parti mill-prodotti koperti minnha, iżda li l-oppożizzjoni ma setgħetx tintlaqa’ skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li x-xebh bejn dawn is-sinjali, li huwa kundizzjoni ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, huwa nieqes. Sa fejn ċaħdet l-oppożizzjoni, hija qieset li ma kienx neċessarju li tiġi eżaminata l-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti.

12      Fil-15 ta’ Ottubru 2010, l-intervenjenti ppreżentat rikors quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

13      B’deċiżjoni tad-29 ta’ Settembru 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ l-appell, annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u, filwaqt li laqa’ l-oppożizzjoni, ċaħad l-applikazzjoni għal trade mark għall-prodotti u s-servizzi kkonċernati kollha. Dan qies li l-intervenjenti kienet ipprovat l-użu tat-trade mark preċedenti għal ċerti prodotti fil-klassijiet 1, 11 u 17, b’mod partikolari fir-rigward tal-fatt li l-materjal li ma jwaħħalx ikkummerċjalizzat mill-intervenjenti taħt din it-trade mark kien intuża minn diversi impriżi fit-territorju tal-Unjoni Ewropea għall-produzzjoni ta’ sensiela wiesgħa ta’ prodotti u li din it-trade mark kienet ġiet esposta fil-brochures u reklami ta’ dawn il-prodotti b’mod prominenti. Min-naħa l-oħra, dan qies li l-użu tat-trade mark preċedenti ma kienx ġie pprovat għas-servizzi fil-klassi 40. Minbarra dan, huwa rrikonoxxa, bħal fil-każ tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, li t-trade mark preċedenti kienet tgawdi minn reputazzjoni eċċezzjonali fuq skala dinjija, b’mod partikolari fit-territorju tal-Unjoni, għal numru ta’ prodotti li għalihom kienet ġiet irreġistrata. Dan ikkunsidra li l-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienu parzjalment identiċi u parzjalment jixbhu ħafna l-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti li għalihom kien ġie stabbilit l-użu ġenwin u li, kuntrarjament għal dak li ġie kkunsidrat mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, is-sinjali inkwistjoni kienu jixxiebhu. Konsegwentement, fil-fehma tiegħu, kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li ċerti differenzi fuq il-livell viżiv u fonetiku bejn is-sinjali inkwistjoni kienu kkumpensati mill-identiċità jew mil-livell għoli ta’ xebh bejn il-prodotti kkonċernati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa ma qiesx neċessarju li jeżamina l-oppożizzjoni sa fejn kienet ibbażata fuq l-Artikolu 8(2)(c) u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

 It-talbiet tal-partijiet

14      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

15      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

16      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u, it-tieni nett, fuq ksur tal-Artikolu 42(2) u (3) u tal-Artikolu 15(1) tal-istess regolament.

17      Qabel ma teżamina l-motivi mqajma mir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali tqis neċessarju li teżamina ex officio jekk l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienx ġie osservat f’dan il-każ.

 Fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni

18      Hemm lok li jitfakkar li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, id-deċiżjonijiet tal-UASI għandhom ikunu mmotivati. Skont il-ġurisprudenza, dan l-obbligu għandu l-istess portata bħal dik stabbilita skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u l-għan tiegħu huwa li jippermetti, minn naħa, lill-persuni kkonċernati li jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura li ttieħdet sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom, u min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni [ara s-sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2012, Storck vs UASI, C‑96/11 P, EU:C:2012:537, punt 86, u tad-9 ta’ Lulju 2008, Reber vs UASI – Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (Mozart), T‑304/06, Ġabra, EU:T:2008:268, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata].

19      F’dan il-każ, minkejja li r-rikorrenti tikkontesta li l-użu ġenwin, fis-sens tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009, kien intwera għat-trade mark preċedenti “hekk kif użata fis-suq” u tiddubita mill-fatt li r-“raża omopolimeri u kopolimeri, folji u rfinituri” li għalihom l-intervenjenti jekk xejn ipprovat l-użu, għandhom jitqiesu li jagħmlu parti mill-klassi 1, hija ma qajmitx formalment il-motiv ibbażat fuq nuqqas jew fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni. Madankollu, nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jaqa’ taħt il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, u jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, anzi għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni [sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑89/08 P, Ġabra, EU:C:2009:742, punt 34, u tas-27 ta’ Marzu 2014, Intesa Sanpaolo vs UASI – equinet Bank (EQUITER), T‑47/12, Ġabra, EU:T:2014:159, punt 22].

20      Wara li l-partijiet instemgħu, waqt is-seduta, fuq in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna l-konnessjoni bejn, minn naħa, il-prodotti li għalihom il-Bord tal-Appell invoka l-provi prodotti mill-intervenjenti li abbażi tagħhom hija kienet qieset li użu ġenwin tat-trade mark preċedenti kien intwera u, min-naħa l-oħra, dawk li għalihom din it-trade mark kienet ġiet irreġistrata u li fuqhom l-oppożizzjoni kienet fondata, hemm lok li dan il-motiv jitqajjem ex officio. Fil-fatt, jekk id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix il-motivi suffiċjenti f’dan ir-rigward, ikun impossibbli għall-Qorti Ġenerali li tistħarreġ il-legalità tal-konklużjoni tiegħu fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti f’dak li jikkonċerna kull wieħed mill-prodotti li għalihom l-użu ġenwin ġie rrikonoxxut (ara l-punt 26 iktar ’il fuq).

21      Mistoqsi fuq dan il-punt waqt is-seduta, l-UASI wieġeb li l-Bord tal-Appell kien fil-prinċipju obbligat li jivverifika jekk il-prodotti u s-servizzi li għalihom sar użu tat-trade mark jaqgħux tassew taħt kategoriji ta’ prodotti u ta’ servizzi li għalihom din it-trade mark kienet ġiet irreġistrata, hekk kif kien jipprevedi r-Regolament Nru 207/2009 u d-direttivi dwar l-eżami pprattikat mill-Uffiċċju f’dak li jikkonċerna l-prova tal-użu ġenwin.

22      L-UASI jammetti li, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix motivazzjoni ddettaljata u ma tinkludix analiżi “ta’ kull kategorija” ta’ kull wieħed mill-prodotti li għalihom l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti kien ġie rrikonoxxut. Madankollu, fil-fehma tiegħu, minkejja li l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata hija pjuttost konċiża f’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell wettaq evalwazzjoni approfondita tal-provi kollha prodotti mill-intervenjenti, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata.

23      Għandu madankollu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li hija vvizzjata minn insuffiċjenza ta’ motivazzjoni deċiżjoni li, minn naħa, tikkonkludi li kien sar użu ġenwin ta’ trade mark preċedenti fis-sens tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u, min-naħa l-oħra, ma tippreċiżax sa fejn il-provi prodotti jsostnu din il-konklużjoni fir-rigward ta’ kull wieħed mill-prodotti jew mis-servizzi jew kull waħda mill-kategoriji ta’ prodotti jew ta’ servizzi li għalihom dan l-użu ġie rrikonoxxut. It-tieni nett, għandu wkoll jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni timponi fuq il-Bord tal-Appell li jistabbilixxi l-konnessjoni bejn il-prodotti jew servizzi li għalihom iqis li ntwera użu ġenwin u t-totalità jew parti mill-prodotti jew servizzi li għalihom l-imsemmija trade mark hija rreġistrata, sabiex jagħmel possibbli l-evalwazzjoni ulterjuri ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza EQUITER, punt 19 iktar ’il fuq, EU:T:2014:159, punt 27).

24      Nuqqas ta’ preċiżjoni f’dan ir-rigward f’deċiżjoni tal-UASI jagħmel b’mod partikolari impossibbli l-istħarriġ tal-applikazzjoni mill-Bord tal-Appell tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009, li tipprovdi, “[j]ekk it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun intużat f’konnessjoni ma’ parti biss mill-prodotti jew servizzi li għalihom tkun reġistrata, hija għandha, għall-finijiet tal-eżaminazzjoni tal-oppożizzjoni, titqies li hija reġistrata biss f’konnessjoni ma’ dik il-parti tal-prodotti jew servizzi”. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta mill-Artikolu 42(2) u (3) ta’ dan ir-regolament li, jekk trade mark ġiet irreġistrata għal kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi suffiċjentement wiesgħa li fiha jistgħu jiġu identifikati diversi sottokategoriji li jistgħu jiġu kkunsidrati b’mod awtonomu, il-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark għal parti minn dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi twassal biss għall-protezzjoni, fi proċedimenti ta’ oppożizzjoni, għal dik jew dawk is-sottokategoriji li l-prodotti jew servizzi li għalihom it-trade mark ġiet effettivament użata jaqgħu taħthom. Min-naħa l-oħra, jekk trade mark ġiet irreġistrata għal prodotti jew għal servizzi ddefiniti b’mod tant preċiż u dejjaq li ma huwiex possibbli li jsiru diviżjonijiet sinjifikattivi fil-kategorija kkonċernata, il-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark għall-imsemmija prodotti jew servizzi tkopri neċessarjament din il-kategorija kollha għall-finijiet tal-oppożizzjoni [sentenzi tal-14 ta’ Lulju 2005, Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN), T‑126/03, Ġabra EU:T:2005:288, punt 45, u tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI Altana Pharma (RESPICUR), T‑256/04, Ġabra, EU:T:2007:46, punt 23].

25      Għalhekk, huwa l-Bord tal-Appell li għandu jevalwa, fil-każ li l-prova tal-użu hija prodotta biss għal parti mill-prodotti jew mis-servizzi li jaqgħu taħt kategorija li għaliha t-trade mark preċedenti hija rreġistrata u li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni, jekk din il-kategorija tinkludix sottokategoriji awtonomi li taħthom jaqgħu l-prodotti u s-servizzi li għalihom jintwera l-użu, b’mod li għandu jitqies li l-imsemmija prova ġiet prodotta biss għal din is-sottokategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi jew, min-naħa l-oħra, jekk tali sottokategoriji ma humiex konċepibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza EQUITER, punt 19 iktar ’il fuq, EU:T:2014:159, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ikkonkluda, fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti kien ġie stabbilit għall-“kimiċi għall-użu fl-industrija u xjenza; raża artifiċjali mhux ipproċessati, plastiks mhux ipproċessati, adeżivi użati fl-industrija” fil-klassi 1, l-“apparat li jagħti d-dawl, għat-tisħin, li jiġġenera l-fwar, għat-tisjir, li jkessaħħ, għat-tnixxif, għall-ventilazzjoni, għall-provvista tal-ilma u apparat għal skopijiet sanitarji” fil-klassi 11 u l-“plastik mogħti s-sura ta’ xi ħaġa, għall-użu fil-manifattura; materjal użat għall-ippakkjar, għall-mili u bħala iżolatur; pajpijiet flessibli, mhux tal-metall” fil-klassi 17, li fuqhom l-oppożizzjoni kienet ibbażata.

27      Sabiex jimmotiva l-konklużjoni tiegħu, il-Bord tal-Appell ikkonstata, fil-punti 22 sa 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-politetrafluworetilen (PTFW) prodott mill-intervenjenti kien użat, abbażi ta’ liċenzji, bħala kisja f’ċertu numru ta’ prodotti finali ta’ terz. Dan sussegwentement ċaħad, fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, l-argument tar-rikorrenti li l-użu ta’ din it-trade mark ma kienx ġie pprovat għall-prodotti finali ta’ terzi inkwantu tali, minħabba li l-kisja li toriġina mill-intervenjenti kienet tikkostitwixxi parti integrali mill-kompożizzjoni u mill-istruttura ta’ dawn il-prodotti u li din it-trade mark kienet ġiet esposta b’mod prominenti fil-materjal pubbliċitarju li jikkonċerna dawn il-prodotti.

28      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tar-raġunament tiegħu dwar il-provi tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti, il-Bord tal-Appell illimita ruħu sabiex jinvoka, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li l-intervenjenti kienet tipprovdi l-PTFE taħt forom differenti, b’mod partikolari bħala raża, forma ta’ raża miksuba permezz ta’ kompressjoni mrammla, trab abjad jew tixrid ta’ fluworopolimeru. Madankollu dawn il-prodotti ma jidhrux, inkwantu tali, fost il-prodotti li għalihom it-trade mark preċedenti ġiet irreġistrata.

29      Ċertament ir-“raża” tidher, bħala “raża artifiċjali mhux ipproċessati”, fost il-prodotti fil-klassi 1 li għalihom it-trade mark preċedenti hija rreġistrata. Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li r-raża artifiċjali inkwantu prodotti nofshom ipproċessati jaqgħu taħt il-klassi 17, hekk kif jirriżulta mill-Klassifikazzjoni ta’ Nice. Madankollu, il-Bord tal-Appell ma ppreċiżax jekk ir-raża li għalihom huwa għamel riferiment fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata kinux prodotti pproċessati li jaqgħu taħt il-klassi 1, bħal dawk indikati mit-trade mark preċedenti, jew prodotti nofshom ipproċessati li jaqgħu taħt il-klassi 17 u, f’din l-aħħar ipoteżi, għal liema prodotti dawn kienu jikkorrispondu fost dawk li jaqgħu f’din il-klassi li għalihom it-trade mark preċedenti kienet irreġistrata.

30      Madankollu, anki jekk jiġi preżuppost li l-Bord tal-Appell kien ikkunsidra li l-PTFE kien jikkorrispondi ma’ “raża artifiċjali mhux ipproċessati” fil-klassi 1 li għalihom it-trade mark preċedenti kienet ġiet irreġistrata, ma jirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata liema hija r-relazzjoni ta’ dan il-prodott ma’ prodotti oħra li jaqgħu taħt l-istess klassi li għalihom il-Bord tal-Appell qies li l-użu ġenwin kien ġie stabbilit.

31      Id-deċiżjoni kkontestata lanqas ma tippermetti li jiġi stabbilit jekk, billi għamel riferiment għall-PTFE taħt forom differenti u għall-kisjiet jew għal materja prima li jagħmlu parti mill-kompożizzjoni tal-prodotti differenti, il-Bord tal-Appell irreferiex għall-prodotti kollha jew għal parti minnhom li jaqgħu taħt il-klassi 1 jew għall-prodotti kollha jew għal parti minnhom li jaqgħu taħt il-klassi 17 li għalihom it-trade mark preċedenti ġiet irreġistrata.

32      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-konklużjoni li tinsab fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma identifikax b’mod ċar il-prodotti, fost dawk li għalihom it-trade mark preċedenti kienet ġiet irreġistrata u li fuqhom l-oppożizzjoni kienet fondata, li għalihom din il-konklużjoni kellha tiġi applikata. Minbarra dan, fil-punti 24 u 25 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa jagħmel riferiment għad-diversi prodotti finali ta’ terz li jinkludu materji li ma jwaħħlux li ġejjin mill-intervenjenti, jiġifieri ganċijiet reżistenti għat-tkissir għal-lampi u lampi fluworexxenti tal-ħġieġ ta’ protezzjoni, protezzjoni għaċ-ċangar tal-ġonna, sistemi ta’ cables reżistenti għal temperatura għolja għat-turbini tal-gass, lubrifikazzjoni miżjuda għar-roti u xama’ għal-karozzi, manek, anelli għar-rjus tar-rakketti tat-tenis, tejp tas-siġill għal-legaturi li jintużaw għal plumbing, sponoż għall-kċina, prodotti tal-plastik użati fil-microwaves, apparat domestiku u reċipjenti tat-tisjir. Issa, għandu jiġi kkonstatat li ebda wieħed minn dawn il-prodotti ma jidher, inkwantu tali, fost il-prodotti li għalihom it-trade mark preċedenti kienet ġiet irreġistrata u li fuqhom l-oppożizzjoni kienet ibbażata.

33      Minbarra dan, il-preċiżazzjonijiet miġjuba mill-intervenjenti waqt is-seduta, bħala tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġenerali, magħmula fir-rigward ta’ kwistjonijiet imqajma f’dan ir-rigward mir-rikorrenti, ma jirriżultawx minn motivi tad-deċiżjoni kkontestata. Ma jistax, b’mod partikolari, jiġi stabbilit, abbażi tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, jekk ir-“raża omopolimeri u kopolimeri, kisi b’riti u rfinituri”, li għalihom l-intervenjenti kienet ipproduċiet, inkwantu prova tal-użu ġenwin, dħul mill-bejgħ annwali li għalihom għamlet riferiment ir-rikorrenti, kinux jikkostitwixxu prodotti pproċessati li jaqgħu taħt il-klassi 1 jew prodotti nofshom ipproċessati li jaqgħu taħt il-klassi 17, u lanqas liema prodotti fost dawk li għalihom it-trade mark preċedenti kienet ġiet irreġistrata kienu prodotti u kkummerċjalizzati direttament mill-intervenjenti taħt it-trade mark preċedenti u liema kienu l-prodotti finali ta’ terz li għalihom l-użu ġenwin kien ġie pprovat mill-fatt li dawn kienu użaw din it-trade mark fir-rigward tal-prodotti tagħhom li l-kompożizzjoni u l-istruttura tagħhom jintegraw il-prodotti tal-intervenjenti.

34      Issa, fl-assenza ta’ raġunijiet suffiċjenti li jippermettu li tiġi eżaminata l-legalità tagħha, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha twettaq analiżi bbażata fuq il-motivi li ma jirriżultawx mid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, huwa l-UASI li għandu jinvestiga l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja u li jieħu deċiżjoni dwarha. Sussegwentement, hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżerċita, jekk ikun il-każ, stħarriġ ġudizzjarju tal-evalwazzjoni li l-Bord tal-Appell ikun wettaq fid-deċiżjoni adottata, abbażi tal-motivi invokati minnu u insostenn tal-konklużjoni tiegħu. Għall-kuntrarju, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tissostitwixxi lill-UASI fl-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lil dan tal-aħħar mir-Regolament Nru 207/2009 [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2006, Athinaiki Oikogeniaki Artopoiia vs UASI – Ferrero (FERRÓ), T‑35/04, Ġabra, EU:T:2006:82, punt 22].

35      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn motivazzjoni insuffiċjenti sa fejn hija ma tippermettix li jingħaraf sa fejn l-elementi prodotti mill-intervenjenti u invokati mill-Bord tal-Appell juru l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti għal kull wieħed mill-prodotti fost dawk li għalihom din it-trade mark kienet ġiet irreġistrata u li fuqhom l-oppożizzjoni kienet fondata, li għalihom dan l-użu kellu jitqies li huwa stabbilit.

36      Madankollu, din l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni li tivvizzja d-deċiżjoni kkontestata ma tikkonċernax, inkwantu tali, il-konstatazzjoni fundamentali li tidher fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata u msemmija fl-ewwel parti tat-tieni motiv, li l-użu tat-trade mark preċedenti ntwera għall-prodotti finali minħabba li l-kisjiet tal-intervenjenti jagħmlu parti integrali mill-kompożizzjoni u mill-istruttura tal-prodotti finali ta’ terz, b’mod li r-rikorrenti kienet fil-pożizzjoni li tifformula, fl-ewwel parti tat-tieni motiv, l-ilmenti fir-rigward ta’ din il-konklużjoni u tiddefendi d-drittijiet tagħha. Hija lanqas ma tikkonċerna l-evalwazzjoni tan-natura probatorja tal-provi relatati mal-użu tat-trade mark preċedenti għar-“raża omopolimeri u kopolimeri, kisi b’rita u rfinituri” msemmija fit-tieni parti tat-tieni motiv. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali hija fil-pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna dawn l-ilmenti.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 42(2) u (3) u tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009

37      Ir-rikorrenti l-ewwel nett issostni li l-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti, provi li ma jaqgħux taħt il-perijodu rilevanti.

38      L-argumenti l-oħra tar-rikorrenti huma artikolati f’żewġ partijiet.

39      Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-provi li jaqgħu taħt il-perijodu rilevanti jippruvaw, jekk xejn, l-użu tat-trade mark preċedenti għall-kisi b’rita, raża, rfinituri, omopolimeri u koplimeri użati mit-terzi bħala materji primi, ingredjenti jew komponenti tal-prodotti finali tagħhom, b’mod partikolari għall-wiċċ ta’ dawn il-prodotti, iżda mhux għal dawn il-prodotti finali.

40      Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti tikkontesta li l-intervenjenti kienet ipproduċiet provi suffiċjenti u xierqa sabiex tipprova l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti stess għall-filmijiet, raża, rfinituri, omopolimeri u kopolimeri. Skont ir-rikorrenti, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti, provi li ma għandhomx dati, u lanqas dawk li fuqhom it-trade mark preċedenti ma hijiex irrappreżentata “hekk kif użata fis-suq”.

41      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

42      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li jirriżulta mill-premessa 10 tar-Regolament Nru 207/2009 li l-leġiżlatur qies li l-protezzjoni tat-trade mark preċedenti ma kinitx iġġustifikata ħlief sa fejn din kienet effettivament intużat. L-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi li l-applikant għal trade mark Komunitarja jista’ jeħtieġ il-prova li kien sar użu ġenwin tat-trade mark preċedenti fit-territorju li fih hija protetta matul ħames snin li jippreċedu l-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark li saret oppożizzjoni fil-konfront tagħha [ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, La Mer Technology vs UASI – Laboratoires Goëmar (LA MER), T‑418/03, EU:T:2007:299, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata].

43      Skont ir-Regola 22(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), li jippreċiża d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, il-prova tal-użu għandha tinkludi l-post, it-tul ta’ żmien, l-importanza u n-natura tal-użu li sar tat-trade mark preċedenti (ara s-sentenza LA MER, punt 42 iktar ’il fuq, EU:T:2007:299, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Minkejja li l-kunċett ta’ użu ġenwin jipprekludi għalhekk kwalunkwe użu minimu u insuffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li trade mark hija realment u effettivament użata f’suq partikolari, xorta jibqa’ l-fatt li r-rekwiżit ta’ użu ġenwin ma huwiex intiż la sabiex jevalwa s-suċċess kummerċjali, u lanqas sabiex jikkontrolla l-istrateġija ekonomika ta’ impriża jew ukoll li jirriżerva l-protezzjoni tat-trade marks għall-operazzjonijiet kummerċjali kwantitattivament sinjifikattivi biss [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2004, Sunrider vs UASI – Espadafor Caba (VITAFRUIT), T‑203/02, Ġabra, EU:T:2004:225, punt 38, u tat-23 ta’ Frar 2006, Il Ponte Finanziaria vs UASI – Marine Enterprise Projects (BAINBRIDGE), T‑194/03, Ġabra, EU:T:2006:65, punt 32].

45      Isir użu ġenwin ta’ trade mark meta tiġi użata, konformement mal-funzjoni essenzjali tagħha, li hija li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm suq għal dawn il-prodotti jew servizzi, bl-esklużjoni ta’ użijiet ta’ natura simbolika li għandhom l-uniku skop li jżommu d-drittijiet mogħtija mit-trade mark. Minbarra dan, il-kundizzjoni dwar l-użu ġenwin tat-trade mark teżiġi li hija, kif protetta fit-territorju rilevanti, tiġi użata pubblikament u lejn l-estern (ara s-sentenza LA MER, punt 42 iktar ’il fuq, EU:T:2007:299, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      B’mod iktar preċiż, sabiex tiġi eżaminata, f’każ partikolari, in-natura ġenwina tal-użu tat-trade mark inkwistjoni, għandha titwettaq evalwazzjoni globali tal-atti ppreżentati fil-proċess, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-kawża. Tali evalwazzjoni tan-natura ġenwina mill-użu tat-trade mark għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha li jistgħu jistabbilixxu li din it-trade mark kienet verament użata kummerċjalment, b’mod partikolari, l-użijiet ikkunsidrati ġġustifikati fis-settur ekonomiku kkonċernat sabiex jinżammu jew jinħolqu partijiet mis-suq favur prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, il-portata u l-frekwenza tal-użu tat-trade mark (ara s-sentenza LA MER, punt 42 iktar ’il fuq, EU:T:2007:299, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Fl-aħħar nett, l-użu ġenwin ta’ trade mark ma jistax jintwera permezz ta’ probabbiltajiet jew ta’ preżunzjonijiet, iżda għandu jkun ibbażat fuq provi konkreti u oġġettivi li jippruvaw użu effettiv u suffiċjenti tat-trade mark fis-suq ikkonċernat (ara s-sentenza LA MER, punt 42 iktar ’il fuq, EU:T:2007:299, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Skont ir-Regola 22(4) tar-Regolament Nru 2868/95, il-provi għandhom prinċipalment ikunu limitati għall-produzzjoni ta’ dokumenti ta’ sostenn bħal imballaġġi, tikketti, listi ta’ prezzijiet, katalgi, fatturi, ritratti, reklami fil-gazzetti, kif ukoll stqarrijiet bil-miktub kif imsemmi fl-Artikolu 78(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 [sentenza tat-13 ta’ Mejju 2009, Schuhpark Fascies vs UASI – Leder & Schuh (jello SCHUHPARK), T‑183/08, EU:T:2009:156, punt 25].

49      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu li għandu jiġi eżaminat it-tieni motiv.

50      F’dan il-każ, jirriżulta mill-punti 6 u 7 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-analiżi tad-dokumentazzjoni li tinsab fil-proċess tal-UASI trażmess lill-Qorti Ġenerali li, bħala tweġiba għat-talba għal prova tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti, l-intervenjenti rreferiet għad-dokumenti ppreżentati sabiex tipproduċi prova tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti li tikkonsisti fi:

–        estratt minn sit tal-internet li jippreżenta l-karatteristiċi tal-PTFE;

–        xhieda li tippreżenta l-istorja tal-attivitajiet tagħha, il-prodotti u s-servizzi offerti mir-rikorrenti taħt it-trade mark TEFLON, id-dħul mill-bejgħ annwali li jikkonċerna l-materji li ma jwaħħlux ikkummerċjalizzati minnha taħt it-trade mark preċedenti fl-Ewropa għas-snin 1998 sa 2000 kif ukoll it-tariffi annwali għal liċenzji ta’ użu tal-kisjiet tagħha għas-snin 2003 sa 2006 u l-attivitajiet u spejjeż ta’ reklamar, b’mod partikolari għas-snin 2004 sa 2007;

–        estratti minn dizzjunarji ta’ lingwi differenti li jirreferu għat-terminu “teflon”;

–        stħarriġ tal-opinjoni u rapporti mwettqa fix-xhur ta’ Ġunju, ta’ Lulju u ta’ Novembru 2001 kif ukoll ta’ Lulju 2006 dwar l-għarfien mill-konsumaturi, b’mod partikolari fit-territorju tal-Istati Membri, tat-trade mark TEFLON, tal-karatteristiċi tal-prodotti li din it-trade mark kienet tindika u l-użijiet possibbli tagħhom;

–        lista tas-sussidjarji tagħha li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fid-dinja, b’mod partikolari fit-territorju tal-Unjoni;

–        linji gwida ta’ użu tat-trade mark TEFLON fuq il-bażi ta’ liċenzji, intitolati “TEFLON Trademark Licence, Trademark Usage Rules” (liċenzja tat-trade mark TEFLON, linji gwida dwar l-użu tat-trade mark), deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali tal-Istati Membri dwar kawżi li jikkonċernaw l-użu mhux awtorizzat ta’ din it-trade mark kif ukoll deċiżjonijiet tal-UASI fuq oppożizzjonijiet ibbażati fuq it-trade mark TEFLON;

–        indikazzjonijiet fuq il-mod li tiġi rrappreżentata t-trade mark TEFLON u t-ttikkettjar tal-prodotti li fuqhom tidher din it-trade mark;

–        materjal ta’ reklamar u artikoli minn rivisti.

51      L-intervenjenti pproduċiet ukoll quddiem l-UASI provi oħra sabiex turi li kien sar użu ġenwin tat-trade mark preċedenti. Dawn il-provi kienu jikkonsistu fi:

–        dħul mill-bejgħ imwettaq matul il-perijodu 2003-2008 fit-territorju tal-Istati Membri mill-bejgħ ta’ raża omopolimeri u kopolimeri, kisi b’rita u rfinituri, taħt it-trade mark TEFLON, kif ukoll spejjeż ta’ reklamar relatati ma’ dawn il-prodotti matul l-istess perijodu;

–        estratt minn sit tal-internet tagħha li jippreżenta l-forom u l-karatteristiċi differenti tal-prodotti mibjugħa taħt it-trade mark TEFLON kif ukoll l-użijiet possibbli tagħhom;

–        informazzjoni dwar l-istorja tal-fluworopolimeri, b’mod partikolari tal-PTFE, kif ikkummerċjalizzati taħt it-trade mark TEFLON, kif ukoll l-użijiet possibbli tagħhom f’setturi differenti tal-industrija;

–        brochures u materjal ta’ reklamar li jikkonċernaw il-prodotti li jużaw il-kisjiet u komponenti indikati mit-trade mark TEFLON;

–        informazzjoni li tikkonċerna l-“Licenced Applicator Program” (programm ta’ applikaturi awtorizzati) tal-prodotti koperti mit-trade mark TEFLON kif ukoll lista tal-applikaturi awtorizzati minnha flimkien mal-estratti mis-siti tal-internet tagħhom jew il-brochures li jikkonċernaw l-użu ta’ dawn il-prodotti indikati mit-trade mark TEFLON fil-prodotti l-oħra.

 Fuq il-perijodu rilevanti

52      F’dan il-każ, l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ppreżentata mir-rikorrenti kienet ġiet ippubblikata fil-25 ta’ Frar 2008. Għaldaqstant, il-perijodu ta’ ħames snin imsemmi fl-Artikolu 56(2) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 42(2) tal-istess regolament, jestendi, hekk kif jirriżulta mill-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, mill-25 ta’ Frar 2003 sal-24 ta’ Frar 2008 inkluż. Peress li t-trade mark preċedenti kienet trade mark Komunitarja, it-territorji li għalihom il-prova tal-użu hija mitluba huma dawk tal-Istati Membri tal-Unjoni.

53      Għandu jiġi kkonstatat li prova li fuqha l-Bord tal-Appell ibbaża l-konklużjoni tiegħu li l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti ġie pprovat ma taqax taħt il-perijodu rilevanti, hekk kif issostni r-rikorrenti. Dan huwa ġurnal Spanjol, li għalih isir riferiment fil-punti 22, 24 u 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li, peress li huwa tas-sena 2002, ma jistax, waħdu, iservi bħala prova tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti matul il-perijodu inkluż bejn il-25 ta’ Frar 2003 u l-24 ta’ Frar 2008 inkluż.

54      Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li, peress li t-tul ta’ ħajja kummerċjali ta’ prodott jestendi ġeneralment fuq perijodu speċifiku, u l-kontinwità tal-użu tagħmel parti minn indikazzjonijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit li l-użu kien oġġettivament iddestinat sabiex joħloq jew sabiex jikkonserva parti minn suq, għalkemm id-dokumenti ma jaqgħux taħt il-perijodu rilevanti, mhux talli huma ta’ interess, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni u jiġu evalwati flimkien mal-elementi l-oħra, peress li huma jistgħu jipproduċu l-prova ta’ operat kummerċjali reali u ġenwin tat-trade mark [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ April 2011, Bodegas y Viñedos Puerta de Labastida vs UASI – Unión de Cosecheros de Labastida (PUERTA DE LABASTIDA), T‑345/09, EU:T:2011:173, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Novembru 2011, Buffalo Milke Automotive Polishing Products vs UASI – Werner & Mertz (BUFFALO MILKE Automotive Polishing Products), T‑308/06, Ġabra, EU:T:2011:675, punt 65].

55      Isegwi li, sa fejn il-Bord tal-Appell ma bbażax l-evalwazzjoni tiegħu tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti unikament fuq il-ġurnal Spanjol imsemmi fil-punt 53 iktar ’il fuq, iżda ħa dan l-element inkunsiderazzjoni flimkien ma’ elementi oħra sabiex jikkonkludi li l-użu ġenwin ta’ din it-trade mark kien ġie pprovat, dan ma wettaqx żball f’dak li jikkonċerna l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni.

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, dwar l-użu tat-trade mark preċedenti għall-prodotti oħra barra r-“raża omopolimeri u kopolimeri, kisi b’rita u rfinituri”

56      Ir-rikorrenti ssostni li l-provi li jaqgħu taħt il-perijodu rilevanti jipprovaw, jekk xejn, l-użu tat-trade mark preċedenti għall-filmijiet, raża omopolimei u kopolimeri u rfinituri, li jaqgħu “probabbilment” fil-klassi 1, użati mit-terzi bħala materji primi, ingredjenti jew komponenti tal-prodotti tagħhom, b’mod partikolari għall-wiċċ tagħhom, iżda mhux għal dawn il-prodotti inkwantu tali. Hija tafferma li t-trade mark preċedenti hija mwaħħla fuq il-prodotti finali ta’ terz inkwantu indikazzjoni ta’ wieħed mill-komponenti tagħhom, li jikkontribwixxi għalhekk għall-promozzjoni tagħhom b’riferiment għall-kwalità tal-materja prima identifikata mit-trade mark TEFLON, iżda li l-prodotti stess huma dejjem identifikati u mibjugħa taħt it-trade mark proprja tal-produttur. Għalhekk, l-użu tat-trade mark preċedenti minn dawn it-terzi ma jikkostitwixxix, skont ir-rikorrenti “użu għall-prodott finali [tat-terzi]” iżda tassew għall-prodotti maħduma mill-intervenjenti, jiġifieri l-kisi b’rita, raża u kisjiet. Minbarra dan, hija ssostni li, peress li l-kwistjoni ta’ eventwali xebh bejn materja prima użata inkwantu ingredjenti jew komponenti ta’ prodott u l-prodott stess hija diskutibbli, l-użu ta’ trade mark għal tali prodott ma jistax jiġi dedott mill-prova tal-użu tagħha għall-materja prima, eventwalment li tixxiebah, li tikkomponih.

57      Konsegwentement, skont ir-rikorrenti, l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti ma kienx ġie pprovat għall-prodotti fil-klassijiet 11 u 17, kuntrarjament għal dak meqjus mill-Bord tal-Appell.

58      L-UASI josserva li ma huwiex rari u li jista’ jitqies li huwa fatt magħruf sew li żewġ trade marks jintużaw fir-rigward tal-istess prodott, fejn waħda hija t-trade mark tal-produttur li tidentifika dan il-prodott, u l-oħra hija t-trade mark li tidentifika komponent tiegħu li l-preżenza tagħha tista’ tinfluwenza l-għażla tal-konsumaturi u tkun anki deċiżiva f’dan ir-rigward. Dan il-fenomenu huwa magħruf fil-letteratura tal-marketing bħala l-“immarkar ta’ ingredjent” jew “sottospeċi tal-immarkar konġunt”.

59      L-UASI jsostni li l-Bord tal-Appell eżamina fil-fond il-provi prodotti mill-intervenjenti li minnhom jirriżulta li t-trade mark TEFLON, inkwantu tidentifika kisi, tintuża fir-rigward ta’ prodotti differenti prodotti minn terzi li jintegraw dan il-kisi fil-kompożizzjoni tagħhom u fl-istruttura tagħhom, b’mod li għandu jiġi kkonfermat li l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti ġie pprovat għal dawn il-prodotti. Konsegwentement, l-UASI jqis li, fid-dawl tal-ispeċifiċità tas-settur li fih l-“immarkar konġunt” huwa pprattikat u, minħabba dan il-fatt, l-eżistenza ta’ sottosegment tas-suq kompost minn prodotti li jikkompetu ma’ xulxin fuq il-bażi tat-tip ta’ kisi li huwa applikat għalihom, il-Bord tal-Appell ikkunsidra korrettament li t-trade mark preċedenti, li tindika “letteralment” tip partikolari ta’ kisi, saret minbarra dan “trade mark konġunta” tal-prodotti finali.

60      L-intervenjenti ssostni li l-użu tat-trade mark ġie pprovat għall-prodotti kollha msemmija fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata. Hija ssostni li, peress li r-raża, plastik, adeżivi, prodotti kimiċi jew kisjiet magħmula minnha jagħmlu parti integrali mill-kompożizzjoni u mill-istruttura tal-prodotti finali ta’ terz, li jinbiegħu taħt it-trade mark preċedenti, l-użu tagħha tista’ tiġi invokata wkoll abbażi ta’ dan il-bejgħ. Hija ssostni li, fl-argument tagħha, ir-rikorrenti tfixkel żewġ kunċetti differenti, minn naħa, dak tal-produzzjoni u, min-naħa l-oħra, dak tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti. Issa, fil-fehma tagħha, fl-evalwazzjoni tal-użu ta’ trade mark, għandu jiġi stabbilit jekk prodott jinbiegħx taħt it-trade mark inkwistjoni, indipendentement mill-kwistjoni jekk il-proprjetarju tat-trade mark jipproduċix parti (b’mod partikolari raża u kisjiet) jew dan il-prodott kollu kemm hu, jew jekk il-prodott jinbiegħx taħt trade mark waħda jew iktar. Il-fatt li prodott jista’ jiġi identifikat minn diversi trade marks kien ġie kkonfermat mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali.

61      F’dan il-każ, fir-rigward tal-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti, il-Bord tal-Appell irrileva, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-intervenjenti pprovdiet il-PTFE, taħt forom differenti. Huwa afferma li l-intervenjenti kienet topera permezz tal-“Licenced Applicator Program”, fejn il-parteċipanti tiegħu kienu magħżula minħabba l-konoxxenzi, l-esperjenzi u kwalitajiet ta’ xogħol tagħhom fl-applikazzjoni tal-kisjiet tat-trade mark TEFLON. Fil-punti 24 sa 26 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva, billi għamel riferiment għall-provi differenti prodotti mill-intervenjenti, li diversi impriżi tal-Unjoni kienu użaw il-prodott tal-intervenjenti inkwantu komponent jew kisi tal-prodotti differenti tagħhom “mir-reċipjenti tat-tisjir sal-ajruspazjali, mill-karozza sal-ipproċessar tas-semikondutturi, minn cables idddestinati għall-komunikazzjoni għal tessuti”.

62      Minbarra dan, jirriżulta mill-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, li fih isir riferiment għall-“utenti li joperaw abbażi ta’ liċenzja” mill-atti tal-proċedimenti quddiem l-UASI, trażmessi lill-Qorti Ġenerali, u mit-tweġiba tal-intervenjenti għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li l-intervenjenti tagħti liċenzji ta’ użu tat-trade mark TEFLON lit-terzi li jintegraw il-materji primi tagħha jew il-kisjiet tagħha fil-prodotti tagħhom. Għalhekk, il-benefiċjarju ta’ tali liċenzja huwa awtorizzat li jikkummerċjalizza l-prodott tiegħu billi jesponi, minbarra t-trade mark tiegħu stess, it-trade mark TEFLON tal-intervenjenti. Minbarra dan, dawn il-fatti ġew ikkonfermati mill-intervenjenti waqt is-seduta bħala tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali.

63      Billi rrileva, fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kisjiet prodotti mill-intervenjenti kienu jikkostitwixxu parti integrali mill-kompożizzjoni u mill-istruttura tal-prodotti finali ta’ terz u li t-trade mark preċedenti kienet ġiet esposta fil-brochures u fir-reklamar li jikkonċernaw dawn il-prodotti, il-Bord tal-Appell ċaħad l-argument tar-rikorrenti li “l-prova tal-użu ma kinitx ġiet prodotta f’dak li jikkonċerna l-prodotti finali”.

64      Konsegwentement, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li l-użu tat-trade mark preċedenti fit-territorju tal-Unjoni kien ġie stabbilit, f’dak li jikkonċerna l-perijodu rilevanti, għall-prodotti msemmija fil-punt 26 iktar ’il fuq.

65      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li r-ratio legis tar-rekwiżit li għandu jkun sar użu ġenwin ta’ trade mark sabiex tkun protetta skont id-dritt tal-Unjoni jinsab fil-fatt li r-reġistru tal-UASI ma jistax jitqies li huwa maħżen strateġiku u statiku li jagħti lil detentur inattiv monopolju legali għal żmien indeterminat. Għall-kuntrarju, u skont il-premessa 10 tar-Regolament Nru 207/2009, l-imsemmi reġistru għandu jirrifletti b’mod preċiż l-indikazzjonijiet li l-kumpanniji effettivament jużaw fis-suq sabiex jiddistingwu l-prodotti u s-servizzi tagħhom fil-ħajja ekonomika [sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, centrotherm Clean Solutions vs UASI – Centrotherm Systemtechnik (CENTROTHERM), T‑427/09, Ġabra, EU:T:2011:480, punt 24].

66      Fid-dawl tal-argumenti tal-partijiet, il-kwistjoni jekk il-prova tal-użu tat-trade mark preċedenti fir-rigward tal-prodotti finali ta’ terz li jintegraw il-komponent li ġej mill-intervenjenti, konkomitanti ma’ trade marks oħra ta’ dawn il-prodotti, tistax tikkostitwixxi l-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti għall-prodotti finali li għalihom din l-aħħar trade mark ġiet irreġistrata ser tiġi evalwata taħt żewġ aspetti. Minn naħa, għandu jiġi eżaminat jekk komponent u l-prodott li jintegrah jistgħux jitqiesu li jaqgħu taħt l-istess grupp ta’ prodotti, b’mod li l-prova tal-użu tat-trade mark preċedenti fir-rigward tal-prodotti finali ta’ terz li jintegraw dan il-komponent tikkostitwixxi l-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti għall-prodotti finali li għalihom din tal-aħħar ġiet irreġistrata. Min-naħa l-oħra, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-funzjoni essenzjali ta’ trade mark li hija li tindika l-oriġini kummerċjali tal-prodott li hija tiddeżinja.

–       Fuq l-appartenenza ta’ komponent u ta’ prodott li jintegrah fl-istess grupp ta’ prodotti

67      Skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat bħala li huwa intiż sabiex jevita li trade mark li tintuża b’mod parzjali tgawdi minn protezzjoni wiesgħa għar-raġuni biss li ġiet irreġistrata għal firxa kbira ta’ prodotti jew servizzi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huma biss il-prodotti li ma humiex essenzjalment differenti minn dawk li għalihom il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti seta’ jipprova użu ġenwin u li ma jaqgħu taħt l-istess grupp li ma jistax jinqasam b’mod differenti ħlief b’mod arbitrarju li huma koperti minn tali trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ALADIN, punt 24 iktar ’il fuq, EU:T:2005:288, punti 44 u 46).

68      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-materji li ma jwaħħlux li l-intervenjenti tipprovdi lill-klijenti tagħha huma suġġetti għal proċess ta’ trasformazzjoni, kemm minn dawn tal-aħħar, kemm minn impriżi awtorizzati mill-intervenjenti, li jagħti bħala riżultat prodotti ddestinati sabiex jinbiegħu lill-konsumatur finali sabiex jintużaw inkwantu tali. F’tali ċirkustanzi, anki fl-ipoteżi fejn il-prodotti finali ta’ terz jinkorporaw il-materji li ma jwaħħlux tal-intervenjenti jew jekk il-kisi tagħhom huwa prodott minn dawn il-materji, dawn huma, kemm min-natura tagħhom kif ukoll mill-iskop tagħhom u mid-destinazzjoni tagħhom, essenzjalment differenti minn materji li ma jwaħħlux u ma jaqgħux taħt l-istess grupp bħal dawk, li ma jistax jinqasam b’mod differenti ħlief b’mod arbitrarju fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 67 iktar ’il fuq [ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2012, Conceria Kara vs UASI – Dima (KARRA), T‑270/10, EU:T:2012:212, punt 53].

69      Isegwi li, f’dan il-każ, il-prova tal-użu tat-trade mark preċedenti fir-rigward tal-prodotti finali ta’ terz li jintegraw komponent li ġej mill-intervenjenti ma tippermettix li jiġi konkluż li jsir użu minnha għall-prodotti finali li għalihom din tal-aħħar ġiet irreġistrata. Il-Bord tal-Appell ma sostna l-konklużjoni fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata minn ebda argument li jikkontesta din il-konstatazzjoni. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ikkunsidra b’mod żbaljat li l-użu ġenwin tat-trade mark TEFLON kien ġie stabbilit għall-prodotti finali fid-dawl ta’ dan.

–       Fuq il-funzjoni essenzjali ssodisfatta tat-trade mark preċedenti

70      Jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 45 iktar ’li fuq li l-użu ġenwin ta’ trade mark jista’ jiġi kkonstatat biss meta din it-trade mark tintuża sabiex tiggarantixxi l-identità ta’ oriġini tal-prodott jew tas-servizzi li għalihom hija kienet ġiet irreġistrata. Issa, li tiġi segwita l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata jkun ekwivalenti li jiġi kkunsidrat li l-intervenjenti hija, flimkien mal-klijenti tagħha, fl-oriġini ta’ dawn il-prodotti finali, filwaqt li hija ma ssostnix tali realtà tal-operat kummerċjali tagħha u li din lanqas ma tirriżulta mill-proċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza KARRA, punt 68 iktar ’il fuq, EU:T:2012:212, punt 54).

71      Bil-kontra, jirriżulta mill-proċess li t-trade mark TEFLON tintuża mit-terzi sabiex tindika l-preżenza tal-materja prima jew ta’ kisi li l-intervenjenti hija fl-oriġini, hekk kif issostni wkoll ir-rikorrenti, u mhux sabiex din it-trade mark tikkostitwixxi rabta ta’ oriġini kemm bejn l-intervenjenti u l-prodott ta’ terz, kemm bejn dan it-terz u l-prodott tiegħu.

72      Fil-fatt, l-ewwel nett, l-intervenjenti indikat, bħala tweġiba għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li l-użu tat-trade mark TEFLON mit-terzi kien suġġett għal diversi kundizzjonijiet li essenzjalment huma intiżi sabiex dawn tal-aħħar jiffornixxu ruħhom f’materji primi li ġejjin mill-intervenjenti kemm mingħand l-intervenjenti stess, kemm mingħand applikaturi awtorizzati ta’ din tal-aħħar, li huma jressqu l-prodotti tagħhom maħduma b’dawn il-materji għall-approvazzjoni tal-intervenjenti jew ta’ applikatur awtorizzat u li huma jiffirmaw kuntratt ta’ liċenzja li jirrigwarda din it-trade mark. Minbarra dan jirriżulta minn dokument anness ma’ din it-tweġiba intitolat “Trademark usage guidelines” (linji gwida dwar l-użu tat-trade mark) li l-benefiċjarju tal-liċenzja għandu juża r-riferiment li ġej waqt il-bejgħ tal-prodott tiegħu “[P]rodott u mqassam [mill-benefiċjarju tal-liċenzja] li jieħu r-responsabbiltà tal-produzzjoni ta’ dan il-prodott”.

73      It-tieni nett, l-eżempji jikkonċernaw il-mod kif tintuża t-trade mark preċedenti, mogħtija mill-intervenjenti fil-linji gwida dwar l-użu tat-trade mark TEFLON abbażi ta’ liċenzji, intitolati “TEFLON Trademark Licence, Trademark Usage Rules” kemm dawk li jidhru fil-proċess tal-UASI, trażmess lill-Qorti Ġenerali, kif ukoll dawk prodotti bħala tweġiba għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li juru wkoll il-fatt li l-intervenjenti għandha l-intenzjoni li tidentifika permezz ta’ din it-trade mark il-kisjiet, ir-raża jew materji primi oħra jew komponenti oħra u mhux li tindika l-oriġini kummerċjali tal-prodotti finali ta’ terz li jintegraw dawn il-materji. Fil-fatt, huwa ppreċiżat, bħala eżempju, li l-użu tat-trade mark preċedenti, meqjus korrett mill-intervenjenti, jimplika l-użu fir-rigward tal-prodott finali tat-terz ta’ wieħed mir-riferimenti li ġejjin “Valves coated with TEFLON non-stick resin” (valvi miksija b’raża li ma twaħħalx TEFLON), “TEFLON brand resin” (raża ta’ trade mark TEFLON), “Wear resistance with TEFLON fluoropolymer” (reżistenza milli jitherra permezz ta’ TEFLON fluworopolimeru), “Valves lined with TEFLON industrial coatings” (valvi infurrati b’kisijiet industrijali TEFLON) jew “I cook with pans that have TEFLON coating” (insajjar b’taġnijiet li għandhom kisi TEFLON).

74      Minbarra dan, għandu jiġi rrilevat li l-UASI jammetti li t-trademark TEFLON tindika “letteralment” tip partikolari ta’ kisi (ara l-punt 59 iktar ’il fuq).

75      It-tielet nett, jirriżulta mill-provi prodotti mill-intervenjenti quddiem l-UASI li t-trade mark preċedenti tintuża b’riferiment għall-prodotti finali ta’ terz flimkien mat-trade mark proprja tal-produttur tagħha. L-UASI u l-intervenjenti jikkunsidraw li dan huwa każ ta’ “trade marks konġunti” ta’ dawn il-prodotti finali.

76      Huwa veru, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza invokata mill-intervenjenti, li ma teżisti l-ebda regola fil-qasam tat-trade mark Komunitarja li tobbliga lill-persuna li tkun qed topponi t-trade mark sabiex tipproduċi prova tal-użu tat-trade mark preċedenti b’mod iżolat, indipendentement minn kull trade mark oħra [sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2005, Castellblanch vs UASI – Champagne Roederer (CRISTAL CASTELLBLANCH), T‑29/04, Ġabra, EU:T:2005:438, punti 33 u 34; tal-21 ta’ Settembru 2010, Villa Almè vs UASI – Marqués de Murrieta (i GAI), T‑546/08, EU:T:2010:404, punt 20, u tal-14 ta’ Diċembru 2011, Völkl vs UASI – Marker Völkl (VÖLKL), T‑504/09, Ġabra, EU:T:2011:739, punt 100].

77      Madankollu, fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi ċċitati fil-punt 76 iktar ’il fuq, peress li t-trade marks li jkopru l-istess prodott kienu jidentifikaw l-istess oriġini kummerċjali tiegħu, dawn jistgħu jissodisfaw għalhekk, kull waħda b’mod indipendenti, il-funzjoni essenzjali fir-rigward tiegħu. Issa, f’dan il-każ, hekk kif ġie rrilevat iktar ’il fuq, it-trade mark preċedenti hija mwaħħla fuq il-prodotti finali ta’ terz inkwantu indikazzjoni tal-preżenza ta’ komponent li ġej mill-intervenjenti, iżda l-prodotti stess huma dejjem identifikati minn, u jinbiegħu taħt, it-trade mark proprja tal-produttur, li tindika l-oriġini kummerċjali ta’ dan il-prodott.

78      Tali prattika kummerċjali tirrifletti r-rieda tal-produtturi tal-prodotti finali li jindikaw lill-konsumaturi li huma jinsabu fl-oriġini tal-ipproċessar tal-materji primi indikati mit-trade mark TEFLON u sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jidentifikaw min fundamentalment ħoloq dawn il-prodotti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza KARRA, punt 68 iktar ’il fuq, EU:T:2012:212, punt 55).

79      Ir-raba’ nett, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-għan tal-funzjoni essenzjali ta’ trade mark fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-użu tagħha, jiġifieri dak li tidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz, huwa li jippermetti lill-konsumatur li jakkwista l-prodott jew is-servizz li jagħmel l-istess għażla, matul akkwist sussegwenti, jekk l-esperjenza tirriżulta pożittiva jew li jagħmel għażla oħra jekk tirriżulta negattiva [sentenza tas-27 ta’ Frar 2002, REWE-Zentral vs OHMI (LITE), T‑79/00, Ġabra, EU:T:2002:42, punt 26].

80      F’dan il-każ, l-użu tat-trade mark TEFLON fir-rigward tal-prodotti finali ta’ terz ma jippermettix li tiġi żgurata l-funzjoni essenzjali ta’ din it-trade mark fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 79 iktar ’il fuq fir-rigward ta’ dawn il-prodotti finali. Fil-fatt, iċ-ċirkustanzi tal-każ irrilevati fil-punti 70 sa 78 iktar ’il fuq jippermettu li jiġi konkluż li l-konsumatur huwa fil-pożizzjoni li faċilment jiddistingwi l-oriġini kummerċjali, minn naħa, tal-materja li ma twaħħalx indikata mit-trade mark TEFLON u, min-naħa l-oħra, tal-prodott finali indikat mit-trade mark tal-produttur. Jekk l-esperjenza tal-konsumatur tirriżulta pożittiva f’dak li jikkonċerna l-kisi jew komponent ieħor tal-prodott finali ta’ terz, identifikat permezz tat-trade mark TEFLON, dan ifittex prodott korrispondenti li jinkludi l-komponent indikat minn din it-trade mark. Għalhekk, il-preżenza tat-trade mark TEFLON fuq il-prodotti finali ta’ terz tiggwida l-għażla tal-konsumatur lejn il-prodott skont l-esperjenza pożittiva li tikkonċerna l-kisi jew ċerti karatteristiċi funzjonali tal-prodott dovuti għall-preżenza tal-materja prima indikata minn din it-trade mark u mhux f’dak li jikkonċerna l-prodott finali inkwantu tali. Min-naħa l-oħra, jekk l-esperjenza tal-konsumatur jew tal-utent finali tal-prodott inkwantu tali tirriżulta pożittiva, dan ifittex mill-ġdid l-istess prodott skont it-trade mark ta’ oriġini tal-produttur li tidentifika dan il-prodott.

81      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li t-trade mark TEFLON, użata mit-terzi fir-rigward tal-prodotti finali tagħhom, ma tissodisfax il-funzjoni essenzjali li tiggarantixxi l-oriġini ta’ dawn il-prodotti. Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li l-Bord tal-Appell ikkonkluda fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, tali użu tat-trade mark preċedenti ma jistax jitqies li huwa użu għal dawn il-prodotti fis-sens tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009.

82      Il-konklużjonijiet fil-punti 69 u 81 iktar ’il fuq ma jistgħux jiġu kkontestati mill-argumenti tal-UASI u lanqas minn dawk tal-intervenjenti.

83      L-ewwel nett, ma jistax jiġi aċċettat l-argument tal-UASI, li jagħmel riferiment għal karatteristiċi speċifiċi tal-prodotti finali kkonċernati u għal kundizzjonijiet partikolari tas-suq ta’ dawn il-prodotti, li l-użu ġenwin tat-trade mark TEFLON li tidentifika l-komponent għandu jiġi aċċettat ukoll għall-prodotti finali ta’ terz li dan il-komponent jagħmel parti minnhom, sa fejn il-prodotti inkwistjoni kienu jikkompetu ma’ xulxin skont il-kisi tagħhom jew tal-materja prima li tikkomponihom.

84      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li jirriżulta, ċertament, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 46 iktar ’il fuq li l-karatteristiċi tal-prodotti, kif ukoll dawk tas-suq ikkonċernat, li għandhom influwenza fuq l-istrateġija kummerċjali tal-proprjetarju tat-trade mark, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-użu ġenwin ta’ trade mark. Madankollu, minkejja li l-għażla tal-konsumatur, f’dak li jikkonċerna prodott finali, tista’ tiġi influwenzata mill-karatteristiċi li dan jikseb mill-fatt tal-preżenza ta’ materja prima jew ta’ komponent u li, konsegwentement, is-suq għal dan il-prodott jista’ jinħoloq skont komponent li jinsab fih, bħal, f’dan il-każ, il-kisjiet identifikati mit-trade mark preċedenti, dan ma jimplikax li trade mark li tidentifika dan il-komponent u l-oriġini kummerċjali tiegħu tista’ titqies li tidentifika l-oriġini kummerċjali ta’ dan il-prodott.

85      Fil-fatt, il-preżenza tat-trade mark preċedenti, li tidentifika komponent tal-prodott, fir-reklami, fil-brochures anki fil-prodott stess, irrilevata mill-Bord tal-Appell fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, tikkostitwixxi strateġija kummerċjali tal-produttur tal-prodott finali u tindika ċerti karatteristiċi funzjonali ta’ dan il-prodott dovuti għall-preżenza ta’ komponent identifikat mit-trade mark TEFLON.

86      L-użu tat-trade mark TEFLON fir-rigward tal-prodotti finali ta’ terz jista’ għalhekk ikollu bħala konsegwenza li din tissodisfa funzjoni ta’ reklamar jew funzjoni ta’ komunikazzjoni intiża sabiex tinforma jew sabiex tipperswadi l-konsumatur (ara, f’dak li jikkonċerna l-funzjonijiet ta’ reklamar u ta’ komunikazzjoni ta’ trade mark, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et, C‑487/07, Ġabra, EU:C:2009:378, punt 58, u tat-23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google, C‑236/08 sa C‑238/08, Ġabra, EU:C:2010:159, punti 75, 77 u 91). Madankollu, din ma tissodisfax, minħabba dan il-fatt, il-funzjoni essenzjali ta’ garanzija ta’ oriġini tal-prodott finali, l-unika rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-użu ġenwin ta’ trade mark fis-sens tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009.

87      It-tieni nett, huwa veru li, hekk kif tirrileva l-intervenjenti, l-użu ġenwin ta’ trade mark għall-prodotti li għalihom hija rreġistrata ma jippreżupponix neċessarjament li l-proprjetarju li jinvoka l-użu tat-trade mark tagħha għal dawn il-prodotti jkun il-produttur. B’mod partikolari, jirriżulta mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 207/2009 li l-proprjetarju ta’ trade mark għandu d-dritt li jinvoka l-użu tagħha ta’ terz bil-kunsens tiegħu. Issa, it-terz jista’ juża t-trade mark għall-prodotti li huwa stess jipproduċi u jikkummerċjalizza. Minbarra dan, ma huwiex rari li proprjetarju ta’ trade mark jikkummerċjalizza taħtha prodotti li huwa kien ordna l-produzzjoni tagħhom minn entità oħra.

88      Madankollu, ebda waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi ma ġiet stabbilita u lanqas invokata f’dan il-każ f’dak li jikkonċerna l-użu tat-trade mark TEFLON fir-rigward tal-prodotti finali ta’ terz. L-intervenjenti ma pproduċietx provi li minnhom jirriżulta li t-trade mark TEFLON tintuża mit-terzi fir-rigward tal-prodotti finali sabiex tindika l-oriġini kummerċjali ta’ dawn il-prodotti bħala li ġejjin kemm mill-intervenjenti, kif ukoll mit-terz, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 70 et seq iktar ’il fuq.

89      It-tielet nett, fir-rigward tal-argument li l-intervenjenti tibbaża ruħha fuqu mis-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul (C‑40/01, Ġabra, EU:C:2003:145, punt 41), li hija invokat waqt is-seduta, għandu jiġi rrilevat li ċertament ġie ammess mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza li, fil-każ tal-biċċiet separati li jagħmlu parti integrali mill-prodotti u li kienu mibjugħa taħt l-istess trade mark, użu ġenwin tat-trade mark għal dawn il-biċċiet għandu jiġi analizzat bħala li jirrigwarda l-prodotti diġà kkummerċjalizzati stess u bħala li huma ta’ natura li jżommu d-drittijiet tal-proprjetarju fuq dawn il-prodotti. Madankollu, anki jekk jiġi preżuppost li s-sitwazzjoni tal-biċċiet separati tkun paragunabbli ma’ dik ta’ komponent li jifforma parti integrali minn prodott finali li ma jistax, bħala prinċipju, jiġi ssostitwit matul il-ħajja tal-prodott, għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċirkustanzi tal-każ huma differenti minn dawk li taw lok għas-sentenza Ansul, iċċitata iktar ’il fuq (EU:C:2003:145). Fil-fatt, jirriżulta minn din l-aħħar kawża li l-oriġini kummerċjali tal-biċċiet separati kkonċernati u tal-prodott li għalih dawn il-biċċiet separati kellhom jintużaw kienet l-istess. Issa, f’dan il-każ, il-prodotti finali ta’ terz għandhom oriġini kummerċjali differenti minn dik tal-komponent identifikat mit-trade mark TEFLON li ġej mill-intervenjenti.

90      Ir-raba’ nett, riskju ta’ aġir żleali min-naħa ta’ terz li jista’ jkun jixtieq jirreġistra trade mark identika jew li tixbah it-trade mark preċedenti għall-prodotti finali, jew il-kwistjoni ta’ eventwali reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, invokati mill-intervenjenti waqt is-seduta, huma irrilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti. Fi kwalunkwe każ, il-konklużjonijiet li jidhru fil-punti 69 u 81 iktar ’il fuq ma jċaħħdux it-trade mark minn kull protezzjoni fir-rigward ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark identika jew li tixxiebah għall-prodotti finali. Fil-fatt, xejn ma jipprekludi lill-intervenjenti milli ssostni, skont il-każ, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni lejn din it-trade mark tat-terz fir-rigward ta’ eventwali xebh tal-prodotti u tat-trade marks u, jekk jiġi preżuppost stabbilita, għall-karattru distintiv superjuri għan-normali minħabba l-għarfien li l-pubbliku għandu tat-trade mark preċedenti fis-suq. Lanqas ma huwa eskluż li tali probabbiltà ta’ konfużjoni tista’ tiġi invokata fir-rigward ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark li tixxiebah jew identika għat-trade mark preċedenti għall-prodotti li ma jixxiebhux jekk l-intervenjenti stabbilixxiet ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

91      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball ta’ liġi sa fejn il-Bord tal-Appell ikkonkluda, fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-intervenjenti kienet stabbilixxiet l-użu tat-trade mark preċedenti għall-prodotti finali mill-fatt li l-kisjiet prodotti mill-intervenjenti kienu jikkostitwixxu parti integrali mill-kompożizzjoni u mill-istruttura tal-prodotti finali ta’ terz, u li t-trade mark preċedenti kienet ġiet esposta fil-brochures u fir-reklamar ta’ dawn il-prodotti.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, dwar l-użu tat-trade mark preċedenti għar-“raża, omopolimeri u kopolimeri, kisi b’rita u rfinituri li probabbilment jaqgħu taħt il-klassi 1”

92      Ir-rikorrenti tikkontesta li l-intervenjenti pproduċiet provi suffiċjenti u xierqa sabiex tipprova l-użu ġenwin tat-trade preċedenti anki għar-“raża omopolimeri u kopolimeri, kisi b’rita u rfinituri”, li hija tikkunsidra li jaqgħu “probabbilment” fil-klassi 1. Fil-fehma tagħha, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti, provi li ma għandhomx dati, u lanqas dawk li fuqhom it-trade mark preċedenti ma hijiex irrappreżentata “hekk kif użata fis-suq”.

93      Waqt is-seduta, bħala tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ppreċiżat li, fil-kuntest ta’ dan l-argument, hija sostniet b’mod partikolari li, filwaqt li ppreżentat elementi dwar dħul mill-bejgħ annwali tal-prodotti bħar-“raża omopolimeri u kopolimeri, kisi b’rita u rfinituri”, l-intervenjenti kienet baqgħet ma pproduċietx provi li fuqhom it-trade mark preċedenti hija rrappreżentata fir-rigward ta’ dawn il-prodotti. Min-naħa l-oħra, il-provi li fuqhom kienet tidher it-trade mark TEFLON kienu jikkonċernaw biss, skont ir-rikorrenti, il-prodotti finali ta’ terz. Issa, għal dawn l-aħħar prodotti, l-intervenjenti ma kinitx ipproduċiet provi li jippermettu li jiġi stmat il-volum ta’ bejgħ.

94      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kwistjoni jekk sarx użu ġenwin ta’ trade mark għandha tiġi evalwata globalment billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi disponibbli kollha. Din l-evalwazzjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi kkunsidrati [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2004, MFE Marienfelde vs UASI – Vétoquinol (HIPOVITON), T‑334/01, Ġabra, EU:T:2004:223, punt 36, u VITAFRUIT, punt 44 iktar ’il fuq, EU:T:2004:225, punt 42]. Għalhekk din ma hijiex kwistjoni li tiġi analizzata kull waħda mill-provi b’mod iżolat, iżda li jiġu analizzati konġuntament, sabiex jiġi identifikat is-sens l-iktar probabbli u koerenti tagħhom. Fil-kuntest ta’ tali analiżi, ma jistax jiġi eskluż li sensiela ta’ provi tippermetti li jiġu stabbiliti l-fatti li għandhom jiġu ppreżentati, minkejja li kull wieħed minn dawn l-elementi, meħud waħdu, ma jkollux is-saħħa meħtieġa sabiex jipproduċi l-prova tal-eżattezza ta’ dawn il-fatti [sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2010, Epcos vs UASI – Epco Sistemas (EPCOS), T‑132/09, EU:T:2010:518, punt 28, u tad-29 ta’ Frar 2012, Certmedica International u Lehning entreprise vs UASI – Lehning entreprise u Certmedica International (L112), T‑77/10 u T‑78/10, EU:T:2012:95, punt 57].

95      F’dan il-każ, it-trade mark preċedenti tidher, b’mod partikolari, fuq il-brochures, ir-reklamar jew l-estratti tas-siti tal-internet relatati mal-prodotti finali ta’ terz, hekk kif tammetti r-rikorrenti. Ċertament, uħud minn dawn id-dokumenti ma għandhomx data, iżda, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali, dawn jistgħu madankollu jittieħdu inkunsiderazzjoni, flimkien ma’ provi oħra li jirreferu għall-perijodu rilevanti, sabiex jiġi stabbilit l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, J & F Participações vs UASI – Plusfood Wrexham (Friboi), T‑324/09, EU:T:2011:47, punt 33].

96      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li ċerti rivisti jew estratti minn siti tal-internet iċċitati mill-Bord tal-Appell effettivament għandhom data u jaqgħu taħt il-perijodu rilevanti.

97      Sussegwentement, hekk kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel parti tat-tieni motiv, it-trade mark preċedenti ntużat mit-terzi sabiex isir riferiment għal kisjiet u għal materji primi li ġejjin mill-intervenjenti. Dawn il-kisjiet u materji primi jikkorrispondu, fir-rigward tal-informazzjoni miġjuba mill-intervenjenti li tikkonċerna l-użijiet possibbli tal-prodotti li hija tipproduċi u tikkummerċjalizza taħt it-trade mark preċedenti, mal-prodotti mibjugħa mill-intervenjenti taħtha matul il-perijodu rilevanti, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari minn xhieda u mid-dokument li jikkonċerna d-dħul mill-bejgħ annwali mwettaq mill-bejgħ tar-“raża omopolimeri u kopolimeri, kisi b’rita u rfinituri” fit-territorju tal-Unjoni għas-snin 2003 sa 2008, li għalih ir-rikorrenti tagħmel riferiment. Ir-rikorrenti ma tipproduċi ebda element ta’ natura li juri l-ineżattezza ta’ dawn id-dħul mill-bejgħ annwali ppreżentati mill-intervenjenti u li jaqgħu taħt il-perijodu rilevanti. Hija lanqas ma kkontestat ir-rilevanza tal-informazzjoni li tidher f’dawn id-dokumenti.

98      Fl-aħħar nett, jirriżulta wkoll mill-proċess, u iktar partikolarment miż-żewġ dokumenti msemmija fil-punt 97 iktar ’il fuq, li l-kontenut tagħhom ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, li l-intervenjenti għamlet sforz pubbliċitarju sinjifikattiv matul il-perijodu rilevanti f’dak li jikkonċerna l-prodotti li hija kkummerċjalizzat taħt it-trade mark TEFLON. Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, l-użu ta’ trade mark jista’ jiġi kkunsidrat bħala ġenwin meta din it-trade mark tintuża sabiex tirbaħ klijentela, b’mod partikolari fil-kuntest tal-kampanji pubbliċitarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ansul, punt 89 iktar ’il fuq, EU:C:2003:145, punt 37]. Dan l-element jikkostitwixxi għalhekk indikazzjoni importanti oħra tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti matul il-perijodu rilevanti għall-materji li ma jwaħħlux tal-intervenjenti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Gagliardi vs UASI – Norma Lebensmittelfilialbetrieb (MANŪ MANU MANU), T‑392/04, EU:T:2006:400, punt 86].

99      Isegwi li l-provi li ma għandhomx data jew dawk li fihom it-trade mark preċedenti hija rrappreżentata f’relazzjoni mal-prodotti finali ta’ terz setgħu leġittimament jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-provi tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti għall-prodotti li ġejjin mill-intervenjenti. Għalhekk din il-parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

100    Jirriżulta minn dan kollu li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn hija vvizzjata, minn naħa, minn insuffiċjenza ta’ motivazzjoni f’dak li jikkonċerna l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, minn żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi eżaminat l-ewwel motiv invokat mir-rikorrenti u lanqas il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tad-dokumenti li hija pproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali insostenn ta’ dan il-motiv.

 Fuq l-ispejjeż

101    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l‑UASI tilef, hemm lok li jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti. Peress li r-rikorrenti ma talbitx il-kundanna tal-intervenjenti għall-ispejjeż, huwa suffiċjenti li jiġi deċiż li din għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tad-29 ta’ Settembru 2011 (Każ R 2005/2010‑1) hija annullata.

2)      L-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk sostnuti minn Polytetra GmbH.

3)      EI du Pont de Nemours and Company għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Ġunju 2015.

Firem


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 42(2) u (3) u tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009

Fuq il-perijodu rilevanti

Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, dwar l-użu tat-trade mark preċedenti għall-prodotti oħra barra r-“raża omopolimeri u kopolimeri, kisi b’rita u rfinituri”

– Fuq l-appartenenza ta’ komponent u ta’ prodott li jintegrah fl-istess grupp ta’ prodotti

– Fuq il-funzjoni essenzjali ssodisfatta tat-trade mark preċedenti

Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, dwar l-użu tat-trade mark preċedenti għar-“raża, omopolimeri u kopolimeri, kisi b’rita u rfinituri li probabbilment jaqgħu taħt il-klassi 1”

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.