Language of document : ECLI:EU:T:2009:116

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)

24 ta’ April 2009

Kawża T-492/07

Carlos Sanchez Ferriz et

vs

Il-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Proċedura ta’ promozzjoni 2005 – Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ uffiċjali promossi – Rati ta’ multiplikazzjoni ta’ referenza – Artikoli 6 u 10 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Interess li jiġi invokat aggravju”

Suġġett: Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tas-17 ta’ Ottubru 2007, Sanchez Ferriz et vs Il-Kummissjoni (F-115/06, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra), intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. C. Sanchez Ferriz u d-disa’ uffiċjali l-oħra tal-Kummissjoni li l-ismijiet tagħhom jinsabu fl-anness tas-sentenza għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Interess ġuridiku – Rikors kontra ċaħda ta’ promozzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Deċiżjoni li tistabbilixxi l-lista ta’ uffiċjali promossi – Deċiżjonijiet impliċiti li ma jagħtux promozzjoni lill-uffiċjali oħra barra r-rikorrent – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Sabiex uffiċjal jistabbilixxi l-interess tiegħu li jikseb l-annullament tad-deċiżjoni impliċita li ma tagħtihx promozzjoni skont il-proċedura ta’ promozzjoni inkwistjoni, peress li r-rata ta’ promozzjoni allegatament applikabbli għall-grad ikkonċernat ma ġietx osservata, huwa għandu juri li, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tiegħu u, b’mod partikolari, tan-numru totali ta’ punti ta’ promozzjoni li huwa akkumula, mhuwiex eskluż li huwa seta’ jilħaq il-kwota ta’ promozzjoni kieku ġiet applikata r-rata ta’ promozzjoni msemmija iktar ’il fuq.

(ara l-punt 34)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 22 ta’ Novembru 2006, Sanchez Ferriz vs Il-Kummissjoni, T‑436/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑277 u II‑A‑2‑1439, punti 33 sa 37 u 39; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 26 ta’ April 2007, Tebaldi et vs Il-Kummissjoni, T‑415/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 29 sa 32

2.      Għalkemm huwa minnu li d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tistabbilixxi l-lista ta’ uffiċjali promossi skont proċedura ta’ promozzjoni tibqa’ tipproduċi effetti wara tali proċedura, sa fejn uffiċjal jista’ jsib ruħu f’kompetizzjoni, matul proċeduri ta’ promozzjoni sussegwenti, ma’ ċertu numru ta’ uffiċjali li, skont il-każ, setgħu kienu diġà promossi skont l-imsemmija proċedura ta’ promozzjoni kieku l-Awtorità tal-Ħatra implementat rata ta’ promozzjoni ogħla, xorta jibqa’ l-fatt li d-deċiżjonijiet impliċiti li ma jagħtux promozzjoni lil dawn l-uffiċjali l-oħra skont l-imsemmija proċedura ta’ promozzjoni ma jistgħux jitqiesu li huma atti li jikkawżaw preġudizzju lil dan l-uffiċjal.

(ara l-punt 38)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 19 ta’ Ottubru 2006, Buendía Sierra vs Il‑Kummissjoni, T‑311/04, Ġabra p. II‑4137, punt 349