Language of document : ECLI:EU:C:2024:287

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

11 ta’ April 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Direttiva (UE) 2019/1023 – Proċeduri ta’ ristrutturazzjoni, ta’ insolvenza u ta’ ħelsien mid-dejn – Artikolu 20 – Possibbiltà ta’ ħelsien mid-dejn – Artikolu 20(1) – Ħelsien mid-dejn totali – Artikolu 23 – Derogi – Artikolu 23(4) – Esklużjoni ta’ klassijiet speċifiċi ta’ krediti mill-ħelsien mid-dejn – Esklużjoni ta’ krediti pubbliċi – Ġustifikazzjoni skont id-dritt nazzjonali – Effetti legali tad-direttivi – Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi”

Fil-Kawża C‑687/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Audiencia Provincial de Alicante (il-Qorti Provinċjali ta’ Alicante, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Ottubru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Novembru 2022, fil-proċedura

Julieta,

Rogelio

vs

Agencia Estatal de la Administración Tributaria,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen (Relatur), N. Wahl, J. Passer u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u J. L. Buendía Sierra, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Diċembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(4) tad-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (Direttiva dwar ir-ristrutturar l-insolvenza) (ĠU 2019, L 172, p. 18, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn żewġ persuni fiżiċi li saru insolventi (iktar ’il quddiem id-“debituri”) u l-Agencia Estatal de la Administración Tributaria (l-Amministrazzjoni Fiskali, Spanja) (iktar ’il quddiem l-“AEAT”) dwar talba għal ħelsien mid-dejn imressqa minn dawn id-debituri matul il-proċedura ta’ insolvenza li tikkonċernahom.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Skont il-premessi 1, 78 u 81 tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza:

“(1)      L-objettiv ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u t-tneħħija tal-ostakli għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali, bħall-moviment liberu tal-kapital u l-libertà ta’ stabbiliment, li jirriżultaw minn differenzi bejn il-liġijiet u l-proċeduri nazzjonali li jikkonċernaw ir-ristrutturar preventiv, l-insolvenza, il-ħelsien mid-dejn, u l-iskwalifiki. Mingħajr ma taffettwa d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-ħaddiema, din id-Direttiva timmira li tneħħi dawn l-ostakli billi tiżgura li: l-intrapriżi u l-imprendituri vijabbli li jkunu f’diffikultajiet finanzjarji jkollhom aċċess għal oqfsa nazzjonali ta’ ristrutturar preventiv effettivi li jippermettulhom jibqgħu joperaw; l-imprendituri onesti li jkunu insolventi jew li jkollhom dejn eċċessiv ikunu jistgħu jibbenefikaw minn ħelsien sħiħ mid-dejn wara li jkun għadda perjodu ta’ żmien raġonevoli, biex b’hekk jingħataw it-tieni opportunità; u li l-effettività tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn tiġi mtejba, b’mod partikolari bil-għan li titnaqqas id-durata tagħhom.

[…]

(78)      Il-ħelsien sħiħ mid-dejn jew it-tmiem tal-iskwalifiki wara perjodu ta’ mhux aktar minn tliet snin mhuwiex xieraq fiċ-ċirkostanzi kollha, u għalhekk jista’ jkun hemm il-ħtieġa li jiġu stabbiliti derogi minn din ir-regola, li huma debitament ġustifikati minħabba raġunijiet stipulati fil-liġi nazzjonali. […]

[…]

(81)      Fejn hemm raġuni debitament ġustifikata skont il-liġi nazzjonali, jista’ jkun xieraq li tiġi limitata l-possibbiltà ta’ ħelsien mid-dejn għal ċerti kategoriji ta’ dejn. Jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri jeskludu djun garantiti milli jkunu eliġibbli għall-ħelsien mid-dejn biss sal-valur tal-kollateral kif determinat mil-liġi nazzjonali, filwaqt li l-bqija tad-dejn jenħtieġ li jiġi ttrattat bħala dejn mhux garantit. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jeskludu kategoriji speċifiċi oħra ta’ dejn meta jkun debitament ġustifikat.”

4        L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar:

(a)      oqfsa ta’ ristrutturar preventiv disponibbli għad-debituri f’diffikultajiet finanzjara meta jkun hemm il-probabbiltà ta’ insolvenza, bil-ħsieb li tiġi evitata l-insolvenza u tiġi żgurata l-vijabbiltà tad-debitur;

(b)      proċeduri li jwasslu għall-ħelsien mid-dejn imġarrab imprendituri insolventi; u

(c)      miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn.”

5        L-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Aċċess għall-ħelsien mid-dejn”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li imprendituri insolventi jkollhom aċċess għal mill-inqas proċedura waħda li tista’ twassal għal ħelsien sħiħ mid-dejn f’konformità ma’ din id-Direttiva.

L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li jkun twaqqaf il-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni li magħha jkunu relatati d-djun ta’ imprenditur insolventi.

2.      L-Istati Membri li fihom il-ħelsien sħiħ mid-dejn ikun soġġett għall-kondizzjoni li d-dejn jitħallas parzjalment mill-imprenditur għandhom jiżguraw li l-obbligu ta’ ħlas lura relatat ikun ibbażat fuq is-sitwazzjoni individwali tal-imprenditur u, b’mod partikolari, huwa proporzjonat għad-dħul u l-assi li jistgħu jiġu sekwestrati jew dawk disponibbli tal-imprenditur waqt il-perjodu tal-ħelsien mid-dejn, u jqis l-interess ekwitabbli tal-kredituri.

[…]”

6        L-Artikolu 23 tal-istess direttiva, intitolat “Derogi”, jipprevedi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jeskludu kategoriji speċifiċi ta’ dejn, mill-ħelsien mid-dejn, jew jirrestrinġu l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn jew jistabbilixxu perjodu itwal tal-ħelsien mid-dejn jekk tali esklużjonijiet, restrizzjonijiet jew perjodi itwal huma debitament iġġustifikati, bħal fil-każ ta’:

(a)      dejn garantit;

(b)      dejn li jirriżulta minn jew b’rabta ma’ pieni kriminali;

(c)      dejn li jirriżulta minn responsabbiltà għad-danni;

(d)      dejn rigward obbligi ta’ manteniment li jirriżultaw minn relazzjonijiet tal-familja, ta’ filjazzjoni, ta’ żwieġ jew ta’ affinità;

(e)      dejn imġarrab mill-applikazzjoni għal jew il-ftuħ ta’ proċedura li twassal għal ħelsien mid-dejn; u

(f)      dejn li jirriżulta mill-obbligu li titħallas l-ispiża tal-proċedura li twassal għal ħelsien mid-dejn.”

7        L-Artikolu 34(1) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza jiddisponi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sas‑17 ta’ Lulju 2021 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikunu f’konformità ma’ din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet neċessarji għall-konformità mal-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 28, li għandhom jiġu adottati u ppubblikati sas‑17 ta’ Lulju 2024 u d-dispożizzjonijiet neċessarji għall-konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 28, li għandhom jiġu adottati u ppubblikati sas‑17 ta’ Lulju 2026. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni [Ewropea].

Huma għandhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikunu f'konformità ma’ din id-Direttiva mis‑17 ta’ Lulju 2021, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet neċessarji għall-konformità mal-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 28, li għandhom japplikaw mis‑17 ta’ Lulju 2024 u tad-dispożizzjonijiet neċessarji għall-konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 28, li għandhom japplikaw mis‑17 ta’ Lulju 2026.”

8        Skont l-Artikolu 35 ta’ din id-direttiva, li jipprevedi li din hija għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, l-imsemmija direttiva daħlet fis-seħħ fis‑16 ta’ Lulju 2019.

 Iddritt Spanjol

9        Ir-Real Decreto-ley 1/2015 de mecanismo de segunda oportunidad, reducción de carga financiera y otras medidas de orden social (id-Digriet Liġi Irjali 1/2015 dwar il-Mekkaniżmu tat-Tieni Opportunità, it-Tnaqqis tal-Piżijiet Finanzjarji u ta’ Miżuri Soċjali Oħra), tas‑27 ta’ Frar 2015 (BOE Nru 51, tat‑28 ta’ Frar 2015, p. 19058), li ġie kkonvertit mingħajr emendi fil-Liġi 25/2015 tat‑28 ta’Lulju 2015, emenda l-Ley 22/2003 concursal (il-Liġi 22/2003 dwar l-Insolvenza), tad‑9 ta’ Lulju 2003 (BOE Nru 164, tal‑10 ta’ Lulju 2003, p. 26905), billi introduċa fiha Artikolu 178a ġdid sabiex jirregola l-benefiċċju ta’ ħelsien mid-dejn. Dan l-Artikolu 178a stabbilixxa sistema li tippermetti lid-debitur ikkonċernat jagħżel jew ħelsien mid-dejn immedjat (il-punt 4 tal-Artikolu 178a(3)), jew ħelsien mid-dejn differit suġġett għal pjan ta’ ħlas (il-punt 5 tal-Artikolu 178a(3)). Fir-rigward ta’ din tal-aħħar, l-imsemmi punt 1 tal-Artikolu 178a(5) kien jipprevedi:

“Il-benefiċċju tal-ħelsien mid-djun mogħti lid-debituri msemmija fil-punt 5 tal-paragrafu 3 għandu jinkludi l-parti li ma tkunx issodisfatta mill-krediti li ġejjin:

1°      Dejn mhux garantit u krediti subordinati pendenti fid-data tal-għeluq tal-proċedimenti kollettivi, anki jekk ma jkunux ġew ikkomunikati, bl-eċċezzjoni ta’ krediti skont id-dritt pubbliku u krediti ta’ manteniment.

[…]”

10      Ir-Real Decreto Legislativo 1/2020 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley Concursal (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/2020 li Japprova t-Test ta’ Riformulazzjoni tal-Liġi dwar l-Insolvenza), tal‑5 ta’ Mejju 2020 (BOE Nru 127, tas‑7 ta’ Mejju 2020, p. 31518, iktar ’il quddiem it-“TRLC”), emenda għal darba oħra l-Liġi 22/2003 dwar l-Insolvenza billi ssostitwixxa l-Artikolu 178a ta’ din il-liġi b’kapitolu ġdid u billi eskluda li l-krediti pubbliċi jistgħu jkunu suġġetti għal ħelsien mid-dejn, kemm jekk ikun immedjat jew differit.

11      L-Artikolu 491(1) tat-TRLC kien jipprovdi:

“Jekk il-krediti fuq il-massa u l-krediti pprivileġġati jkunu ġew kompletament issodisfatti u jekk id-debitur li jissodisfa l-kundizzjonijiet għal dan l-għan ikun ipprova jilħaq ftehim ekstraġudizzjarju minn qabel ta’ ħlas, il-benefiċċju tal-ħelsien mid-djun jiġi estiż għad-djun kollha mhux issodisfatti, bl-eċċezzjoni tal-krediti tad-dritt pubbliku u tal-krediti ta’ manteniment.”

12      L-Artikolu 497(1) tat-TRLC kien jiddisponi:

“Il-benefiċċju tal-ħelsien mid-djun mogħti lid-debituri li jkunu aċċettaw li jissottomettu ruħhom għall-pjan ta’ ħlas huwa estiż għall-parti tal-krediti segwenti li tibqa’ mhux issodisfatta fil-kuntest tal-pjan:

1°      Id-djun mhux iggarantit u l-krediti subordinati pendenti fid-data tal-għeluq tal-proċedimenti ta’ insolvenza, anki jekk ma jkunux ġew iddikjarati, bl-eċċezzjoni ta’ krediti tad-dritt pubbliku u ta’ manteniment.

[…]”

13      Il-Ley 16/2022 de reforma del texto refundido de la Ley Concursal, aprobado por el Real Decreto Legislativo 1/2020, para la transposición de la Directiva (UE) 2019/1023 (il-Liġi 16/2022 li Tirriforma t-Test ta’ Riformulazzjoni tal-Liġi dwar l-Insolvenza, approvat bid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/2020, fid-dawl tat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1023), tal‑5 ta’ Settembru 2022 (BOE Nru 214, tas‑6 ta’ Settembru 2022, p. 123682, iktar ’il quddiem il-“Liġi 16/2022”), ikkonfermat l-approċċ adottat mit-TRLC billi eskludiet ukoll li l-krediti rregolati mid-dritt pubbliku jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ħelsien mid-dejn, kemm immedjat kif ukoll differit.

14      Il-preambolu tal-Liġi 16/2022 jipprevedi, fit-Taqsima IV tiegħu:

“[…]

Id-[Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza] tobbliga lill-Istati Membri kollha jistabbilixxu mekkaniżmu tat-tieni opportunità sabiex jiġi evitat li d-debituri jkollhom it-tentazzjoni li jirrilokaw ruħhom f’pajjiżi oħra li diġà jipprevedu dawn il-mekkaniżmi, bl-ispiża li dan jimplika kemm għad-debitur kif ukoll għall-kredituri tiegħu. Fl-istess ħin, l-omoġenizzazzjoni f’dan ir-rigward titqies bħala essenzjali għall-funzjonament tas-suq uniku Ewropew.

[…]

Hemm żewġ metodi ta’ ħelsien mid-djun: il-ħelsien mid-djun bil-likwidazzjoni tal-massa attiva u dak flimkien ma’ pjan ta’ ħlas […]

[…]

Il-ħelsien mid-djun huwa estiż għall-krediti kollha fil-kuntest tal-proċedura kollettiva u ta’ krediti fuq il-massa. L-eċċezzjonijiet huma bbażati, f’ċerti każijiet, fuq l-importanza partikolari tas-sodisfazzjon tagħhom għal soċjetà ġusta u in solidum ibbażata fuq l-Istat tad-dritt (bħad-dejn ta’ manteniment, id-dejn li jirriżulta minn krediti rregolati mid-dritt pubbliku, id-djun li jirriżultaw minn reati jew ukoll djun li jirriżultaw minn responsabbiltà delittwali). B’hekk, il-ħelsien mid-djun għad-djun irregolati mid-dritt pubbliku huwa suġġett għal ċerti limiti u jista’ jseħħ biss waqt l-ewwel ħelsien d-dejn, u mhux matul is-segwenti. […]

[…]”

15      L-Artikolu 489 tat-TRLC kif emendat bil-Liġi 16/2022 huwa fformulat kif ġej:

“1.      Il-ħelsien mid-djun jestendi għad-djun kollha li ma ġewx issodisfatti, bl-eċċezzjoni ta’ dawn li ġejjin:

[…]

5º      Id-djun li jirriżultaw minn krediti rregolati mid-dritt pubbliku. Madankollu, id-djun li għalihom il-ġestjoni tal-irkupru taqa’ taħt il-kompetenza tal-[AEAT] jistgħu jitnaqqsu sal-limitu tal-ammont massimu ta’ EUR 10 000 għal kull debitur; għall-ewwel EUR 5 000 ta’ dejn, il-ħelsien għandu jkun totali u, minn dan l-ammont, il-ħelsien jilħaq 50 % tad-dejn sal-massimu indikat. Bl-istess mod, id-dejn tas-sigurtà soċjali jista’ jinħeles għall-istess ammont u taħt l-istess kundizzjonijiet. L-ammont mogħti, sal-limitu massimu msemmi iktar ’il fuq, huwa applikat fl-ordni inversa tal-ordni ta’ prijorità legalment stabbilita minn din il-liġi u, fi ħdan kull klassi, skont l-anzjanità tiegħu.

[…]”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

16      Fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza miftuħa fir-rigward tad-debituri, dawn ippreżentaw talba għall-ħelsien mid-dejn totali fit‑3 ta’ Marzu 2021. L-AEAT opponiet din it-talba fir-rigward tal-inklużjoni, fil-ħelsien mid-dejn, ta’ dejn fl-ammont ta’ EUR 192 366.21, li din l-aġenzija kienet kreditriċi tiegħu u li kien jikkostitwixxi dejn pubbliku pprivileġġat.

17      Permezz ta’ digriet tat‑30 ta’ Lulju 2021, il-Juzgado de Primera Instancia n.o 1 de Denia (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 1 ta’ Dénia, Spanja) iddikjarat l-għeluq ta’ din il-proċedura ta’ insolvenza u tat ħelsien mid-dejn lid-debituri, bl-eċċezzjoni tal-krediti rregolati mid-dritt pubbliku u tal-krediti ta’ manteniment.

18      Id-debituri appellaw minn dan id-digriet quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex jiksbu l-inklużjoni tal-kreditu pubbliku dovut lill-AEAT f’dan il-ħelsien mid-dejn.

19      Fid-dawl tad-data tat-talba għall-ħelsien mid-dejn tad-debituri, il-qorti tar-rinviju tqis li l-verżjoni tal-Liġi 22/2003 dwar l-Insolvenza li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni ma hijiex dik li tirriżulta mil-Liġi 16/2022, li ttrasponiet id-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza, iżda dik li tirriżulta mit-TRLC approvat mid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/2020, li ġie ppubblikat wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, u qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha. Madankollu, hija tippreċiża li dawn iż-żewġ testi nazzjonali jipprevedu l-esklużjoni tal-krediti pubbliċi minn ħelsien mid-dejn.

20      Dik il-qorti ssemmi l-eżistenza ta’ ġurisprudenza nazzjonali kontradittorja dwar il-validità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu din l-esklużjoni u tindika li għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza.

21      Minn naħa, hija tistaqsi jekk limsemmija esklużjoni prevista mid-dritt Spanjol hijiex debitament iġġustifikata. Hija tispjega li l-Artikolu 23 tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza jippermetti deroga mir-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 20(1) ta’ din id-direttiva, li tipprevedi li l-ħelsien mid-dejn huwa totali. B’mod partikolari, l-Artikolu 23(4) tal-imsemmija direttiva joffri lill-Istati Membri l-possibbiltà li jeskludu mill-ħelsien mid-dejn klassijiet speċifiċi ta’ krediti, bil-kundizzjoni li tali esklużjoni tkun “debitament ġustifikat[a]”.

22      Issa, kuntrarjament għal-Liġi 16/2022, li fil-preambolu tagħha l-leġiżlatur nazzjonali pprovda ċerta ġustifikazzjoni, jiġifieri li l-eċċezzjonijiet għall-ħelsien mid-dejn “huma bbażati, f’ċerti każijiet, fuq l-importanza partikolari tas-sodisfazzjon tagħhom għal soċjetà ġusta u in solidum ibbażata fuq l-Istat tad-dritt”, it-TRLC approvat bid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/2020 ma fih l-ebda ġustifikazzjoni dwar l-esklużjoni tal-krediti pubbliċi mill-ħelsien mid-dejn.

23      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-lista ta’ klassijiet speċifiċi ta’ krediti li jistgħu jiġu esklużi mill-ħelsien mid-dejn li tinsab fl-Artikolu 23(4) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza tikkostitwixxix lista eżawrjenti, peress li, jekk dan kien il-każ, il-Liġi 22/2003 dwar l-Insolvenza, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mit-TRLC approvat bid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/2020, tmur kontra din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, jekk din il-lista kellha biss natura illustrattiva, din il-liġi tkun konformi mal-imsemmija dispożizzjoni.

24      B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tibqa’ dubjuża dwar in-natura mhux eżawrjenti tal-imsemmija lista, anki wara l-pubblikazzjoni tar-rettifika dwar il-verżjoni bil-lingwa Spanjola ta’ dan l-Artikolu 23(4) (ĠU 2022, L 43, p. 94), li tiċċara, f’din il-lingwa, li l-possibbiltà prevista f’din id-dispożizzjoni tapplika “b’mod partikolari” għall-klassijiet ta’ kreditu stabbiliti fiha. Fil-fatt, dik il-qorti tistaqsi dwar l-interess ta’ tali lista jekk il-leġiżlatur nazzjonali kien kompletament liberu li jistabbilixxi l-klassijiet ta’ krediti li huwa jixtieq jeskludi mill-ħelsien mid-dejn, bil-kundizzjoni li tali esklużjoni tkun debitament iġġustifikata. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tosserva li l-klassijiet ta’ krediti stabbiliti f’din id-dispożizzjoni għandhom ċerta koerenza li tinkiser li kieku l-leġiżlatur nazzjonali kellu tali libertà. Il-fatt li l-krediti pubbliċi, li huma ta’ importanza straordinarja, ma jissemmewx fil-lista tal-klassijiet ta’ krediti li jinsabu fl-istess dispożizzjoni tista’ tkun indikazzjoni tan-natura eżawrjenti ta’ din il-lista. Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tqis li din il-libertà tista’ taffettwa l-funzjonament tas-suq intern.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Audiencia Provincial de Alicante (il-Qorti Provinċjali ta’ Alicante, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Huwa possibbli li jiġi applikat il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi għall-Artikolu 23(4) tad-[Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza] meta l-fatti (bħalma huma f’din il-kawża, meħud kont tad-data tat-talba għall-maħfra tad-dejn) seħħew fil-perijodu intermedju bejn id-dħul fis-seħħ tagħha u d-data ta’ skadenza ta’ traspożizzjoni, u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli [jiġifieri t-TRLC approvat bid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/2020] ma hijiex dik li tittrasponi [l-imsemmija direttiva (jiġifieri l-Liġi 16/22)]?

2)      Leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik Spanjola fit-termini previsti mit-[TRLC approvat bid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/2020], li ma toffri ebda ġustifikazzjoni għall-esklużjoni tad-dejn pubbliku mill-maħfra tad-djun, hija kompatibbli mal-Artikolu 23(4) tad-[Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza], u mal-prinċipji tagħha li ispiraw il-maħfra tad-djun? Din il-leġiżlazzjoni, sa fejn teskludi d-dejn pubbliku mill-maħfra tad-djun u hija nieqsa minn ġustifikazzjoni dovuta, tikkomprometti jew tippreġudika t-twettiq tal-għanijiet previsti minnha?

3)      L-Artikolu 23(4) tad-[Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza] jinkludi lista eżawrjenti u magħluqa ta’ kategoriji ta’ krediti li jistgħu jiġu esklużi mill-maħfra tad-djun, jew inkella, għall-kuntrarju, din il-lista sempliċement tipprovdi eżempju u l-leġiżlatur nazzjonali għandu l-libertà assoluta sabiex jistabbilixxi l-kategoriji ta’ krediti li jistgħu jiġu esklużi, sa fejn dawn huma debitament iġġustifikati skont id-dritt nazzjonali tiegħu?”

 Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

26      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura mħaffa għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn tat-talba tagħha, dik il-qorti tirrileva li t-tilwima li biha hija adita tikkonċerna potenzjalment numru kbir ta’ persuni peress li l-kriżi ekonomika li għadda minnha r-Renju ta’ Spanja tat lok għal numru kbir ta’ proċeduri ta’ insolvenza, li għadhom pendenti, li jinvolvu persuni fiżiċi u li fil-kuntest tagħhom it-talbiet għal ħelsien mid-dejn imressqa skont it-TRLC huma numerużi ħafna. Għalhekk, trattament rapidu ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jippermetti li jiġu riżolti b’mod għaqli u rapidu numru kbir ta’ kawżi li għandhom l-istess suġġett.

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, meta n-natura tal-kawża teżiġi li din tiġi ttrattata f’qasir żmien, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li jissuġġetta rinviju għal deċiżjoni preliminari għal proċedura mħaffa li tidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura.

28      F’dan il-każ, permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Diċembru 2022, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, ċaħad it-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex din il-kawża tiġi suġġetta għal tali proċedura mħaffa minħabba li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, in-numru kbir ta’ persuni jew ta’ sitwazzjonijiet legali potenzjalment ikkonċernati mid-deċiżjoni li qorti tar-rinviju għandha tagħti wara li tkun ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax, bħala tali, jikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali ta’ natura li tiġġustifika l-użu ta’ proċedura mħaffa (ara, b’mod partikolari, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑21 ta’ Settembru 2006, KÖGÁZ et, C‑283/06 u C‑312/06, mhux ippubblikat, EU:C:2006:602, punt 9, kif ukoll is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati), C‑584/19, EU:C:2020:1002, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-qorti insostenn tat-talba tagħha ma jippermetti li jiġi stabbilit li n-natura ta’ din il-kawża teżiġi li din tiġi ttrattata f’qasir żmien minħabba urġenza li tiġġustifika li tiġi suġġetta għal proċedura mħaffa.

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

30      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi japplikax għal sitwazzjoni li fiha l-fatti seħħew wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza, iżda qabel dik tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva.

31      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi li tirreferi għalih il-qorti tar-rinviju jirrigwarda d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt nazzjonali, kemm preċedenti kif ukoll sussegwenti għad-direttiva inkwistjoni (sentenza tat‑23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 197 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u li, jekk din hija dispożizzjoni legali tad-dritt nazzjonali adottata wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, ftit jimporta jekk din id-dispożizzjoni legali tirrigwardax jew le t-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 121 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-obbligu ġenerali, impost fuq il-qrati nazzjonali, li jinterpretaw id-dritt intern b’mod konformi ma’ direttiva jeżisti biss mill-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 115, kif ukoll tat‑23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 201).

33      Minn dan isegwi li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-fatti seħħew qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-direttiva kkonċernata, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi għadu ma jorbotx lil qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi dwar dawn il-fatti.

34      Fir-rigward tal-obbligu, għall-Istati Membri, matul it-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva, li jastjenu milli jadottaw dispożizzjonijiet ta’ natura li jikkompromettu serjament il-kisba tar-riżultat previst minnha (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 121 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), għandu jiġi kkonstatat li dan l-obbligu għandu jiġi eżaminat fil-kuntest tar-risposta għat-tieni domanda.

35      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi ma japplikax għal sitwazzjoni li fiha l-fatti seħħew wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza, iżda qabel dik tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva u tat-traspożizzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali.

 Fuq ittielet domanda

36      Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza għandux jiġi interpretat fis-sens li l-lista ta’ klassijiet speċifiċi ta’ krediti li tinsab fih hijiex eżawrjenti jew le u jekk, fin-negattiv, l-Istati Membri għandhomx il-possibbiltà li jeskludu klassijiet speċifiċi ta’ krediti minbarra dawk elenkati f’din id-dispożizzjoni mill-ħelsien mid-dejn, sakemm tali esklużjoni tkun debitament iġġustifikata bis-saħħa tad-dritt nazzjonali.

37      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-punt dwar jekk din il-lista hijiex ta’ natura eżawrjenti jew le, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija lista hija introdotta bil-kliem “bħal fil-każ ta’” u li l-kliem li għandhom l-istess tifsira huma użati fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ta’ dan l-Artikolu 23(4), inkluż fil-verżjoni bil-lingwa Spanjola ta’ din id-dispożizzjoni wara l-pubblikazzjoni tar-rettifika msemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza. Minn dan isegwi li mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li l-klassijiet speċifiċi ta’ krediti elenkati fiha ma humiex elenkati b’mod eżawrjenti.

38      L-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 23(4) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza li tgħid li l-lista li tinsab f’din id-dispożizzjoni ma hijiex ta’ natura eżawrjenti, iżda illustrattiva, hija kkorroborata, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-premessa 81 ta’ din id-direttiva, li minnha jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea qies li l-Istati Membri “[għandhom] [i]kunu jistgħu jeskludu kategoriji speċifiċi oħra ta’ dejn meta jkun debitament ġustifikat”.

39      Minn dan isegwi li dan l-Artikolu 23(4) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-lista ta’ klassijiet speċifiċi ta’ krediti li tinsab fih ma hijiex eżawrjenti u li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jeskludu klassijiet speċifiċi ta’ krediti minbarra dawk elenkati f’din id-dispożizzjoni mill-ħelsien mid-dejn, f’każijiet debitament iġġustifikati.

40      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-marġni ta’ evalwazzjoni li għandhom l-Istati Membri fl-eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà, għandu jiġi kkonstatat li, kif wera l-Avukat Ġenerali fil-punti 39 sa 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, la d-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza u lanqas ix-xogħol preparatorju għall-adozzjoni tagħha ma jinkludu elementi li jistgħu jikkorroboraw l-argument imressaq, b’mod partikolari, mill-qorti tar-rinviju, li, fid-dawl tal-koerenza interna tal-klassijiet ta’ krediti espressament imsemmija fl-Artikolu 23(4) ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jillimita l-marġni ta’ evalwazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-esklużjoni ta’ klassijiet ta’ krediti minbarra dawk elenkati f’din id-dispożizzjoni, bħall-krediti pubbliċi, mill-ħelsien mid-dejn. Għall-kuntrarju, minn dan ix-xogħol preparatorju jirriżulta b’mod iktar partikolari li dan il-leġiżlatur kellu impenn iddikjarat li jħalli lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ evalwazzjoni sabiex dawn ikunu jistgħu, waqt it-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva fid-dritt nazzjonali tagħhom, jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika u l-istrutturi legali nazzjonali.

41      B’mod intermedju, hemm lok, għaldaqstant, li jiġi konkluż li l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jillimitax il-marġni ta’ evalwazzjoni li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tal-għażla tal-klassijiet ta’ krediti minbarra dawk elenkati f’din id-dispożizzjoni li huma għandhom l-intenzjoni li jeskludu mill-ħelsien mid-dejn.

42      Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ssuġġetta espressament l-eżerċizzju tal-possibbiltà hekk mogħtija lill-Istati Membri f’dan l-Artikolu 23(4) għall-kundizzjoni li tali esklużjonijiet ikunu “debitament ġustifikat[i]”. Minn dan isegwi li, meta l-leġiżlatur nazzjonali jadotta tali derogi, ir-raġunijiet għal dawn id-derogi għandhom jirriżultaw mid-dritt nazzjonali jew mill-proċedura li tkun wasslet għalihom u li dawn ir-raġunijiet għandhom isegwu interess pubbliku leġittimu.

43      F’dan ir-rigward, kemm il-premessa 78 tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza, li tirreferi għad-derogi “li huma debitament ġustifikati minħabba raġunijiet stipulati fil-liġi nazzjonali”, kif ukoll il-premessa 81 ta’ din id-direttiva, li tirreferi għal raġuni “debitament ġustifikata skont il-liġi nazzjonali”, jippermettu li jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li kien suffiċjenti li l-modalitajiet previsti għal dan l-għan fid-drittijiet nazzjonali differenti kienu ġew osservati.

44      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza għandu jiġi interpretat fis-sens li l-lista ta’ klassijiet speċifiċi ta’ krediti li tinsab fih ma hijiex eżawrjenti u li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jeskludu klassijiet speċifiċi ta’ krediti minbarra dawk elenkati f’din id-dispożizzjoni mill-ħelsien mid-dejn, sakemm tali esklużjoni tkun debitament iġġustifikata bis-saħħa tad-dritt nazzjonali.

 Fuq ittieni domanda

45      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk interpretazzjoni, mill-qrati nazzjonali, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għal fatti li seħħew wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza, iżda qabel dik tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha, li tipprovdi li l-esklużjoni tal-krediti pubbliċi mill-ħelsien mid-dejn ma hijiex debitament iġġustifikata f’din il-leġiżlazzjoni hijiex ta’ natura li tikkomprometti serjament, wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, it-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq minn din id-direttiva.

46      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, mid-data li fiha direttiva tkun daħlet fis-seħħ, l-Istati Membri ma għandhomx jadottaw dispożizzjonijiet li serjament jikkompromettu, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, it-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq minnha.

47      Peress li l-awtoritajiet kollha tal-imsemmija Stati Membri huma suġġetti għall-obbligu li jiggarantixxu l-effett sħiħ tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, l-obbligu ta’ astensjoni stabbilit fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza japplika bl-istess mod għall-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, EU:C:2006:443, punti 121 u 122 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48      Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li, mid-data li fiha direttiva tkun daħlet fis-seħħ, il-qrati tal-Istati Membri għandhom jastjenu sa fejn huwa possibbli milli jinterpretaw id-dritt intern b’mod li huwa ta’ natura li jikkomprometti serjament, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, it-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq minnha (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 123).

49      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza, din tistabbilixxi regoli dwar, l-ewwel nett, l-oqfsa ta’ ristrutturazzjoni preventiva aċċessibbli għad-debituri f’diffikultà finanzjarja meta jkun hemm probabbiltà ta’ insolvenza, it-tieni nett, il-proċeduri li jippermettu l-ħelsien mid-dejn ikkuntrattat minn imprendituri insolventi u, it-tielet nett, il-miżuri intiżi sabiex tiżdied l-effettività tal-proċeduri fil-qasam tar-ristrutturazzjoni, tal-insolvenza u tal-ħelsien mid-dejn. F’dak li jirrigwarda b’mod iktar preċiż il-proċedura ta’ ħelsien mid-dejn, l-għan ta’ din id-direttiva huwa, kif jirriżulta mill-Artikolu 20(1) tagħha, moqri flimkien mal-premessa 1 tagħha, li l-imprendituri onesti u insolventi jew b’dejn eċċessiv ikollhom aċċess għal mill-inqas proċedura waħda li tista’ twassal għal ħelsien totali mid-dejn skont l-imsemmija direttiva, li toffrilhom opportunità oħra.

50      Madankollu, minn naħa, kif ġie espost fil-punti 37 sa 44 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 23(4) tal-istess direttiva jippermetti lill-Istati Membri jeskludu klassijiet speċifiċi ta’ krediti mill-ħelsien mid-dejn sakemm tali esklużjoni tkun debitament iġġustifikata. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 46 sa 48 ta’ din is-sentenza, mid-data li fiha direttiva tkun daħlet fis-seħħ, il-qrati tal-Istati Membri għandhom jastjenu, sa fejn huwa possibbli, milli jinterpretaw id-dritt intern b’mod li huwa ta’ natura li jikkomprometti serjament, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, it-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq minnha.

51      Issa, il-fatt li, qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza, leġiżlatur nazzjonali ma ġġustifikax debitament l-esklużjoni ta’ klassi ta’ krediti, bħall-krediti pubbliċi, mill-ħelsien mid-dejn ma jistax, bħala tali, jikkomprometti serjament it-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq minn din id-direttiva. Fil-fatt, minn naħa, minkejja l-għan tagħha li l-imprendituri onesti insolventi jew li għandhom dejn eċċessiv jingħataw opportunità oħra billi jiġu offruti aċċess għal proċedura li tista’ twassal għal ħelsien totali mid-dejn, l-imsemmija direttiva tippermetti lill-Istati Membri jeskludu klassijiet ta’ krediti, bħalma huma l-krediti pubbliċi, mill-ħelsien mid-dejn. Min-naħa l-oħra, tali assenza ta’ ġustifikazzjoni, mil-leġiżlatur nazzjonali, għall-esklużjoni tal-krediti pubbliċi mill-proċeduri ta’ ħelsien mid-dejn ma taffettwax il-possibbiltà, għal dan il-leġiżlatur, li jipprovdi ġustifikazzjoni xierqa għal din l-esklużjoni jekk huwa jżommha wara t-terminu għat-traspożizzjoni tal-istess direttiva.

52      Għalkemm fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, fil-kawża prinċipali u b’teħid inkunsiderazzjoni l-elementi kollha ta’ din il-kawża, it-TRLC approvat bid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/2020 huwiex ta’ natura li jikkomprometti serjament, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza, it-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq minn din id-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, abbażi tal-elementi li jinsabu fil-proċess li hija għandha quddiemha, tipprovdi indikazzjonijiet utli lil dik il-qorti sabiex twettaq din l-evalwazzjoni.

53      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tal-esklużjoni tal-krediti pubbliċi mill-ħelsien mid-dejn skont id-dritt nazzjonali, minn naħa, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-leġiżlatur Spanjol, fil-preambolu tal-Liġi 16/2022, li huwa intiż sabiex jiżgura t-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, iġġustifika din l-esklużjoni. Għaldaqstant, jidher li, wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tal-istess direttiva, il-leġiżlatur Spanjol osserva l-obbligu, previst fl-Artikolu 23(4) tagħha, li jiġġustifika l-imsemmija esklużjoni.

54      Min-naħa l-oħra, kif speċifikat il-qorti tar-rinviju, konformement mal-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), il-preamboli u l-espożizzjonijiet tal-motivi ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi Spanjoli huma parti integrali minn dawn tal-aħħar u huma rilevanti sabiex dawn jiġu interpretati peress li l-korp li minnu huma joriġinaw jispjega r-raison d’être tagħhom (ratio legis). Sa fejn huwa stabbilit li l-leġiżlatur Spanjol iġġustifika l-esklużjoni tal-krediti pubbliċi mill-ħelsien mid-dejn fil-preambolu tal-Liġi 16/2022, jidher, a priori, li dan il-leġiżlatur ipprovda ġustifikazzjoni skont id-dritt nazzjonali u li l-assenza ta’ kwalunkwe ġustifikazzjoni, b’mod partikolari, fil-verżjoni tat-TRLC applikabbli għall-kawża prinċipali, ma jistax ikollha l-effett li tikkomprometti serjament, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza, it-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq minn din id-direttiva.

55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li interpretazzjoni, mill-qrati nazzjonali, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għal fatti li seħħew wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar ir-ristrutturazzjoni u l-insolvenza, iżda qabel dik tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tagħha, li tipprovdi li l-esklużjoni tal-krediti pubbliċi mill-ħelsien mid-dejn ma hijiex debitament iġġustifikata f’din il-leġiżlazzjoni ma hijiex ta’ natura li tikkomprometti serjament, wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, it-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq minn din id-direttiva.

 Fuq lispejjeż

56      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi ma japplikax għal sitwazzjoni li fiha l-fatti seħħew wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (Direttiva dwar ir-ristrutturar l-insolvenza), iżda qabel dik tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva u tat-traspożizzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali.

2)      L-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023

għandu jiġu interpretati fis-sens li:

il-lista ta’ klassijiet speċifiċi ta’ krediti li tinsab fih ma hijiex eżawrjenti u li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jeskludu klassijiet speċifiċi ta’ krediti minbarra dawk elenkati f’din id-dispożizzjoni mill-ħelsien mid-dejn, sakemm tali esklużjoni tkun debitament iġġustifikata bis-saħħa tad-dritt nazzjonali.

3)      Interpretazzjoni, mill-qrati nazzjonali, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għal fatti li seħħew wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2019/1023, iżda qabel dik tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tagħha, li tipprovdi li l-esklużjoni tal-krediti pubbliċi mill-ħelsien mid-dejn ma hijiex debitament iġġustifikata f’din il-leġiżlazzjoni ma hijiex ta’ natura li tikkomprometti serjament, wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, it-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq minn din id-direttiva.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.