Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Mejju 2013 – L-Italja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-275/13)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: P. Gentili, avvocato dello Stato, G. Palmieri, aġent)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-avviż tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/249/13 sabiex jinħolqu żewġ listi ta’ riżerva, ta’ 37 u ta’ 27 post, sabiex ikopru l-pożizzjonijiet vakanti ta’ Amministraturi (AD 7) fl-oqsma tal-makroekonomija u tal-ekonomija finanzjarja.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa ppreżentat kontra l-avviż tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/249/13 sabiex jinħolqu żewġ listi ta’ riżerva, ta’ 37 u ta’ 27 post, sabiex ikopru l-pożizzjonijiet vakanti ta’ Amministraturi (AD 7) fl-oqsma tal-makroekonomija u tal-ekonomija finanzjarja.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 263, 264 u 266 TFUE.

Il-Kummissjoni kisret l-awtorità tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-566/10 P, li tiddikjara illegali l-avviżi li jillimitaw biss għall-Ingliż, għall-Franċiż u għall-Ġermaniż il-lingwi li l-kandidati tal-kompetizzjonijiet ġenerali tal-Unjoni jistgħu jindikaw bħala lingwa 2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 342 TFUE u 1 u 6 tar-Regolament Nru 1/58

F’dan ir-rigward huwa sostnut li, billi limitat għal tliet lingwi dawk eleġibbli bħala lingwa 2 mill-kandidati għall-kompetizzjonijiet ġenerali tal-Unjoni l-Kummissjoni fil-prattika stabbilixxiet regolament lingwistku ġdid tal-istituzzjonijiet, u b’hekk invadiet il-kompetenza esklużiva tal-Kunsill f’dan il-qasam.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 12 KE, li issa sar l-Artikolu 18 TFUE, tal-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni, tal-Artikolu 6(3) UE, tal-Artikoli 1(2) u 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikoli 1 u 6 tar-Regolament Nru 1/58 u tal-Artikoli 1d(1) u (6), 27(2) u 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal.

F’dan ir-rigward huwa sostnut li r-restrizzjoni lingwistika li l-Kummissjoni hija diskriminatorja għaliex ir-regoli ċċitati jipprojbixxu li jiġu imposti fuq iċ-ċittadini Ewropej u fuq l-uffiċjali stess tal-istituzzjonijiet restrizzjonjiet lingwistiċi la ma humiex previsti b’mod ġenerali u oġġettiv mir-regolamenti interni tal-istituzzjonijiet ikkontemplati fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1/58, u li sa issa għadhom ma humiex adottati, u jipprojbixxu li dawn ir-restrizzjonijiet jiġu introdotti fl-assenza ta’ interess tas-servizz speċifiku u motivat.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(3) UE fil-parti fejn jistabbiixxi l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi bħala dritt fundamentali li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri.

F’dan ir-rigward huwa sostnut li l-Kummissjoni kisret l-aspettattivi taċ-ċittadini fil-possibbiltà li jagħżlu bħala lingwa 2 lingwa kwalunkwe mil-lingwi tal-Unjoni, kif seħħ b’mod kostanti sal-2007 u kif imtenni b’mod awtorevoli mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-566/10 P.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter u fuq ksur tar-regoli sostanzjali inerenti għan-natura u għall-għan tal-avviżi ta’ kompetizzjoni.

F’dan ir-rigward huwa sostnut li, billi b’mod preventiv u b’mod iġġeneralizzat irrestrinġiet il-lingwi eleġibbli bħala lingwa 2 għal tlieta, il-Kummissjoni fil-fatt antiċipat il-verifika tal-għarfien linwistiku tal-kandidati għall-fażi tal-avviż u tar-rekwiżiti ta’ ammissjoni, li minflok għandha issir fil-kuntest tal-kompetizzjoni. B’dan il-mod, l-għarfien lingwistiku jsir kruċjali fir-rigward tal-għarfien professjonali.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 18 u 24(4) TFUE, tal-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/58, u tal-Artikolu 1d(1) u (6) tar-Regolamenti tal-Persunal.

F’dan ir-rigward huwa sostnut li, billi ġie previst li l-applikazzjonijiet għandhom bilfors isiru bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniz, u billi ġie previst li l-EPSO jibgħat lill-kandidati il-komunikazzjonjiet inereti għall-iżvolġiment tal-kompetizzjoni bl-istess lingwa, inkiser id-dritt taċ-ċittadini Ewropej li jikkomunikaw mal-istituzzjonijiet bil-lingwa tagħhom stess, u ġiet introdotta diskriminazzjoni ulterjuri għad-dannu ta’ min ma għandux għarfien tajjeb ħafna ta’ dawn it-tliet lingwi.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 1 u 6 tar-Regolament Nru 1/58, tal-Artikoli 1d(1) u (6) u 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikolu 1(1)(f) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, u tal-Artikolu 296(2) TFUE (nuqqas ta’ motivazzjoni), kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Żnaturament tal-fatti.

F’dan ir-rigward huwa sostnut li l-Kummissjoni motivat ir-restrizzjoni għat-tliet lingwi bil-ħtieġa li r-reklutati l-ġodda jkunu mill-ewwel kapaċi jikkomunikaw fi ħdan l-istituzzjonijiet. Din il-motivazzjoni tiżnatura l-fatti għaliex ma jirriżultax li t-tliet lingwi inkwistjoni huma l-iktar użati għall-komunikazzjoni bejn diversi gruppi lingwistiċi fi ħdan l-istituzzjonijiet; u hija sproprozjonata meta mqabbla mar-restrizzjoni ta’ dritt fundamentali bħal dak li wieħed ma jsofrix diskriminazzjonijiet lingwistiċi.