Language of document : ECLI:EU:C:2018:955

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA

ippreżentati fit‑27 ta’ Novembru 2018 (1)

Kawża C545/17

Mariusz Pawlak

vs

Prezes Kasy Rolniczego Ubezpieczenia Społecznego

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja))

“Rinviju għal domanda preliminari — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Żvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Unjoni u titjib tal-kwalità tas-servizz — Kunsinna ta’ atti proċedurali fil-kuntest ta’ proċedura ċivili — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi effetti proċedurali biss fil-każ ta’ kunsinni mill-uffiċċju tal-posta ta’ operatur innominat”






1.        Il-preżentata tal-atti tal-partijiet f’kawża quddiem il-qrati normalment tkun suġġetta għal termini, li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom twassal għat-tardività tagħhom. L-att kellu jiġi ddepożitat, preċiżament fis-sede tal-qorti, mhux iktar tard mill-aħħar ġurnata tat-terminu, anki jekk ċerti Stati Membri jirrikonoxxu li l-kunsinna f’uffiċċju tal-posta hija effettiva, fir-rigward tad-data, daqs dik imwettqa f’tali qorti.

2.        Sabiex l-atti proċedurali hekk mibgħuta jkunu ammissibbli, dawn għandhom jinkludu l-ġurnata eżatta li fiha ġew affrankati għand l-operatur postali. Għaldaqstant, f’xi ordinamenti ġuridiċi nazzjonali jintalab li jintbagħtu b’posta rreġistrata, kunsinna inkluża fis-servizz universali.

3.        Fil-kawża li wasslet għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, qorti Pollakka ċaħdet appell ippreżentat bil-posta bħala tardiv. Konsegwentement, fil-qosor, qiegħed jiġi diskuss jekk il-leġiżlazzjoni proċedurali nazzjonali li l-qorti bbażat ruħha fuqha hijiex kompatibbli mad-Direttiva 97/67/KE (2) u x’għandha tkun l-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 97/67

4.        Skont il-premessa 20 tagħha:

“Billi, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u sigurtà pubblika, l-Istati Membri jista’ jkollhom interess leġittimu li jikkonferixxu fuq entità waħda jew aktar nominati minnhom id-dritt li jqiegħdu fuq l-awtostrada pubblika kaxxi ta’ l-ittri intenzjonati biex jirċievu oġġetti postali; billi, għall-istess raġunijiet, għandhom ikunu intitolati li jaħtru entità jew entitajiet responsabbli għall-ħruġ ta’ bolli postali li jidentifikaw il-pajjiż ta’ oriġini u dawk responsabbli li jipprovdu s-servizz tal-posta reġistrat użat matul il-proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi mal-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom […]”.

5.        L-Artikolu 7 jistabbilixxi li:

“1.      L-Istati Membri m’għandhomx jagħtu jew iżommu fis-seħħ id-drittijiet esklussivi jew speċjali għall-istabbiliment u l-forniment ta’ servizzi postali. L-Istati Membri jistgħu jiffinanzjaw il-forniment ta’ servizz universali skond wieħed jew aktar mill-modi previsti fil-paragrafi 2, 3 u 4, jew skond kwalunkwe mezz ieħor kompatibbli mat-Trattat.

2.      L-Istati Membri jistgħu jiżguraw il-forniment ta’ servizzi universali billi jakkwistaw dawn is-servizzi skond ir-regoli u r-regolamenti applikabbli dwar l-akkwist pubbliku, inkluż, kif previst mid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [(3)].”

6.        L-Artikolu 8 jipprovdi li:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ l-Istati Membri li jorganizzaw it-tqegħid tal-kaxxi ta’ l-ittri fuq awtostrada pubblika, il-ħruġ ta’ bolli postali u s-servizz ta’ posta reġistrata użat matul proċeduri ġudizzjali jew amministrattivi skond il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom.”

2.      Id-Direttiva 2006/111/KE (4)

7.        Skont l-Artikolu 2 tagħha:

“Għall-fini ta’ din id-Direttiva:

[…]

(f)      ‘drittijiet esklużivi’ tfisser drittijiet mogħtija minn Stat Membru lil impriża waħda b’kull strument leġiżlattiv, regolatorju jew amministrattiv, u li jirriżervalha d-dritt li tipprovdi servizz jew twettaq attività f’erja ġeografika partikolari;

(g)      ‘drittijiet speċjali’ tfisser drittijiet li jingħataw minn Stat Membru lil għadd limitat ta’ impriżi, bi kwalunkwe strument leġiżlattiv, regolatorju jew amministrativ, li, f’ċerta erja ġeografika partikolari:

(i)      jillimita għal tnejn jew iżjed l-għadd ta’ tali impriżi, awtorizzati li jipprovdu servizz jew iwettqu attività, għajr skont kriterji oġġettivi, proporzjonali u mhux diskriminatorji; jew

[…]

(iii)      jagħti lil xi impriża jew impriżi, għajr skont dawn il-kriterji, xi vantaġġi legali jew regolatorji li jaffetwaw sostanzjalment l-abbiltà li xi impriża oħra tipprovdi l-istess servizz jew topera l-istess attività fl-istess erja ġeografika taħt kundizzjonijiet sostanzjalment ekwivalenti.”

B.      Id-dritt Pollakk

8.        L-Artikolu 165(2) tal-Ustawa z dnia 17 listopada 1964 r. - Kodeks postępowania cywilnego (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) (5) jistabbilixxi:

“Il-preżentata ta’ att proċedurali fl-uffiċċju tal-posta Pollakk ta’ operatur postali nnominat fis-sens tal-[Liġi Postali], jew fl-uffiċċju tal-posta ta’ fornitur li jiżgura s-servizz postali universali fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni, hija ekwivalenti għall-preżentata tiegħu quddiem il-qorti”.

9.        L-Artikolu 3(13) tal-Liġi Postali tgħid li l-“operatur innominat” huwa l-operatur postali “inkarigat” li jiżgura s-servizz postali universali. Madankollu, l-operaturi l-oħrajn huma “awtorizzati” (iżda mhux “obbligati”) sabiex iwettqu attivitajiet postali fis-settur li jagħżlu.

10.      B’deċiżjoni tal-Prezesa Urzędu Komunikacji Elektronicznej (il-President tal-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni Elettronika) tat‑30 ta’ Ġunju 2015, Poczta Polska S.A. iżżomm il-kwalità ta’ operatur innominat għall-provvista tas-servizz postali universali għal għaxar snin.

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domandi preliminari

11.      Mariusz Pawlak, professjonist fil-qasam tal-agrikoltura, kellu inċident fuq il-post tax-xogħol, li għalih talab kumpens lil Kasa Rolniczego Ubezpieczenia Społecznego (il-Fond ta’ Previdenza Soċjali Agrikola; iktar ’il quddiem il-“FPSA”). Iddiżappuntat bir-risposta li rċieva, M. Pawlak ikkontesta d-deċiżjoni tal-President tal-FPSA quddiem is-Sad Rejonowy w Poznan‑Grundwald (il-Qorti Distrettwali ta’ Poznan‑Grundwald, il-Polonja), li tat raġun lir-rikorrent.

12.      Il-President tal-FPSA kkontesta d-deċiżjoni tal-Ewwel Istanza quddiem is-Sad Okregowy w Pozaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznan, il-Polonja), iżda din il-qorti ddikjarat dan l-appell inammissibbli, inkwantu tardiv, minħabba li dan wasal għand tali qorti fit‑22 ta’ Ġunju 2016, meta t-terminu kien jiskadi fl‑20.

13.      Skont il-qorti tal-appell, għalkemm it-timbru tal-oġġett postali, li ġie ddepożitat għand operatur (In Post S.A.) differenti mill-operatur innominat, kellu l-20 ta’ Ġunju 2016 bħala data, li hija l-aħħar ġurnata tat-terminu sabiex wieħed jappella, din iċ-ċirkustanza kienet irrilevanti. L-Artikolu 165(2) tal-KPĊ iqis ekwivalenti għall-preżentata ta’ att proċedurali quddiem il-qorti dik biss li titwettaq mill-operatur innominat, anki jekk titwettaq permezz tal-posta ordinarja.

14.      Il-President tal-FPSA ppreżenta appell quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) kontra d-deċiżjoni tal-qorti tal-appell. B’mod partikolari, huwa allega l-ksur tal-Artikolu 165(2) tal-KPĊ, minħabba li l-att tiegħu ġie ddepożitat fit-terminu, peress li l-kunsinna fl-uffiċċju tal-posta ta’ operatur postali differenti minn dak innominat hija valida.

15.      Is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), f’awla ordinarja, ikkonstatat li l-ġurisprudenza tagħha dwar l-Artikolu 165(2) tal-KPĊ ma hijiex univoka u tqajjem xi dubji, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, ippreżentat il-kwistjoni ta’ liġi għal sentenza mill-awla estiża tagħha, li ddeċidiet li tagħmel tliet domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja li ser jiġu ppreżentati sussegwentement.

16.      Id-digriet tar-rinviju juri d-diverġenza bejn iż-żewġ pożizzjonijiet opposti fir-rigward tal-effetti legali tal-preżentata ta’ att proċedurali, fl-uffiċċju Pollakk ta’ operatur postali differenti mill-operatur innominat: a) pożizzjoni ta’ maġġoranza, li skontha l-att iddepożitat taħt dawn il-kundizzjonijiet, jekk jasal għand il-qorti ladarba jkun għadda t-terminu għat-twettiq ta’ att proċedurali, huwa tardiv; u (b) pożizzjoni ta’ minoranza, li skontha l-preżentata tal-att fit-terminu, f’uffiċċju tal-posta Pollakk, għandha l-istess effetti legali (jiġifieri, hija ekwivalenti għall-preżentata tiegħu quddiem il-qorti), kemm jekk l-uffiċċju huwa tal-operatur innominat, kif ukoll jekk huwa ta’ kwalunkwe operatur postali ieħor.

17.      Skont il-qorti tar-rinviju:

–      L-ewwel linja ta’ ġurisprudenza ma tevalwax il-kuntest tad-dritt tal-Unjoni, minħabba li huwa kkunsidrat li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 97/67 ma jinkludix il-leġiżlazzjoni relatata mal-Artikolu 165(2) tal-KPĊ (6).

–      Min-naħa l-oħra, it-tieni linja (f’minoranza) tippromwovi interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni, anki jekk il-kawżi (7) li tirriżulta minnhom ma jinkludux argument ċar, la dwar il-portata tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67, u lanqas dwar il-mod ta’ kif l-applikazzjoni tal-Artikolu 165(2) tal-KPĊ għandha tiġi adattata għad-dritt tal-Unjoni.

18.      Quddiem din is-sitwazzjoni ta’ dubju, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67/KE […] moqrija flimkien mal-Artikolu 8 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tikkostitwixxi dritt speċjali l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar id-dritt proċedurali prevista fl-Artikolu 165(2) tal-Liġi Pollakka tas‑17 ta’ Novembru 1964 li tistabbilixxi [l-KPĊ], li jipprevedi li huwa biss id-depożitu ta’ att proċedurali fl-uffiċċju tal-posta tal-operatur innominat, jiġifieri l-operatur inkarigat sabiex jiżgura s-servizz postali universali, li huwa ekwivalenti għall-preżentata ta’ dan l-att proċedurali quddiem il-qorti, filwaqt li jeskludi dan l-effett fil-każ li l-att proċedurali jiġi ppreżentat f’uffiċċju tal-posta nazzjonali ta’ operatur postali ieħor li jipprovdi servizz postali universali iżda li ma jkunx l-operatur innominat?

2)      Jekk l-ewwel domanda teħtieġ risposta fl-affermattiv, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, għandha tiġi interpretata fis-sens li għandhom jiġu estiżi għall-operaturi postali l-oħra l-vantaġġi li jirriżultaw mill-għoti lill-operatur innominat ta’ dritt speċjali bi ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67, b’tali mod li d-depożitu ta’ att proċedurali f’uffiċċju tal-posta nazzjonali jew fl-uffiċċju tal-posta ta’ fornitur ta’ servizz postali universali li ma huwiex l-operatur innominat għandu jitqies ukoll li huwa ekwivalenti għall-preżentata ta’ dan l-att proċedurali quddiem il-qorti, fuq il-bażi ta’ prinċipji simili għal dawk li joħorġu mis-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2007, Jonkman et (C‑231/06 sa C‑233/06)?

3)      Jekk it-tieni domanda teħtieġ risposta fl-affermattiv, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, għandha tiġi interpretata fis-sens li parti fil-proċedura li tkun emanazzjoni ta’ Stat Membru tista’ tinvoka n-nuqqas ta’ konformità mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67 ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħalma huwa l-Artikolu 165(2) tal-Liġi Pollakka li tistabbilixxi Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.      Id-digriet tar-rinviju ġie rreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Settembru 2017.

20.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni, li r-rappreżentanti tagħhom attendew is-seduta li nżammet fit‑18 ta’ Settembru 2018.

IV.    L-analiżi ġuridika

A.      L-ewwel domanda preliminari: l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67

1.      L-osservazzjonijiet tal-partijiet

21.      Il-Gvern Pollakk iqis li dispożizzjoni bħall-Artikolu 165(2) tal-KPĊ ma tagħmilx parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 97/67, iżda tikkorrispondi għal dispożizzjonijiet tad-dritt proċedurali, li din tal-aħħar ma għandhiex l-għan li tarmonizza.

22.      F’dan is-sens, huwa tal-opinjoni li d-Direttiva 97/67 ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 95 TFUE, li l-għan tiegħu huwa s-suq uniku. Min-naħa l-oħra, l-armonizzazzjoni tar-regoli proċedurali kienet teħtieġ l-Artikolu 81 TFUE bħala bażi legali. Barra minn hekk, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 97/67, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni, jelenka l-oqsma kollha armonizzati minnu, fosthom dawk li ma humiex relatati mal-proċedura ċivili (8).

23.      Għalkemm jirrikonoxxi li d-dispożizzjoni legali nazzjonali tista’ taffettwa l-qasam ekonomiku li fih joperaw l-operaturi postali, dan it-tip ta’ effetti lanqas ma jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 97/67. L-Artikolu 7(1) jikkonferma dan minħabba li jipprojbixxi l-għoti jew iż-żamma ta’ drittijiet speċjali “għall-istabbiliment u l-forniment ta’ servizzi postali”. Soluzzjoni opposta tkun sorprendenti, minħabba li lanqas ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 (9) ma kien jirregola l-effetti tal-preżentata ta’ atti proċedurali (10).

24.      Sussidjarjament, il-Gvern Pollakk jgħid li, fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 165(2) tal-KPĊ ma jagħti l-ebda “dritt speċjali” fis-sens tal-Artikoli 7(1) u 8 tad-Direttiva 97/67, kunċett li għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 4(2). Dan jenfasizza s-sitwazzjoni differenti li jinsabu fiha l-operatur tas-servizz universali, minn naħa, u l-operaturi l-oħrajn, min-naħa l-oħra, fatt li jidher kemm fit-tip ta’ obbligi li għandhom jiġu ssodisfatti, kif ukoll fil-mod ta’ finanzjament tagħhom. Għalkemm bis-saħħa tas-servizz pubbliku jingħataw ċerti drittijiet lill-operatur innominat, ma jfissirx li dan dejjem jirrigwarda drittijiet speċjali.

25.      Skont il-Gvern Pollakk, ma hijiex pertinenti għal din il-kawża l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkluża s-sentenza SOA Nazionale Costruttori (11), minħabba li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 97/67 jeskludi li s-servizzi tal-posta rreġistrata jikkostitwixxu dritt speċjali. Għaldaqstant, huwa dritt marbut mal-provvista tas-servizz universali.

26.      Dan jargumenta wkoll li, fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar possibbiltà ta’ għajnuna mill-istat, b’rabta mal-kumpens mogħti lil Poczta Polska mill-provvista tas-servizz universali fis-snin 2013 sal‑2015, il-Kummissjoni kienet diġà vvalidat id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni (12).

27.      Fir-rigward tad-“drittijiet speċjali”, il-Kummissjoni tgħid li l-eżistenza tagħhom titlob, skont il-ġurisprudenza: a) att tal-Istat; b) l-għoti ta’ privileġġ lil impriża jew diversi impriżi; u ċ) l-effett sostanzjali fuq il-kapaċità tal-operaturi l-oħrajn li jwettqu l-attività ekonomika tagħhom taħt kundizzjonijiet ekwivalenti (13). Din titlob li jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn il-fatturi u tqis li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67 ikopri l-atti ġuridiċi kollha li jikkonferixxu tali vantaġġi. Barra minn hekk, tfakkar li din id-dispożizzjoni tfisser bidla ta’ paradigma fis-settur postali, minħabba li tirrappreżenta l-aħħar stadju tal-ftuħ tas-suq ta’ servizzi postali, permezz tat-tneħħija tad-drittijiet speċjali kollha fis-seħħ u ostakoli oħrajn għal-libertà li jiġu pprovduti tali servizzi (14).

28.      Konsegwentement, skont il-Kummissjoni, il-karatteristiċi tal-Artikolu 165(2) tal-KPĊ jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv l-attività tas-servizzi ta’ trażmissjoni ta’ atti proċedurali fil-qrati nazzjonali, sa fejn għandhom impatt fuq il-kundizzjonijiet li taħthom jiġu pprovduti mill-operaturi postali l-oħrajn.

29.      Il-Kummissjoni taqbel mal-qorti tar-rinviju li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 97/67 ma jippermettix li l-kunsinna ta’ atti proċedurali tkun irriżervata għal operatur wieħed, iżda jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jeżiġu li ssir permezz ta’ posta rreġistrata. F’dan ir-rigward, tinnota li l-Artikolu 165(2) tal-KPĊ ma huwiex limitat għall-posta rreġistrata u li d-digriet tar-rinviju ma jispeċifikax li huwa bbażat fuq raġunijiet ta’ ordni u ta’ sigurtà pubbliċi, kif tippreskrivi l-premessa 20 tad-Direttiva 97/67.

2.      L-evalwazzjoni legali

a)      “Dritt speċjali” skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1)

30.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk is-sistema ta’ preżentata ta’ atti proċedurali, li l-Artikolu 165(2) tal-KPĊ jirrikonoxxi biss lill-operatur innominat, tippreżumix l-eżistenza ta’ dritt speċjali, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67 (15).

31.      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67 tinkludi projbizzjoni ċara u espressa tal-għoti jew iż-żamma ta’ drittijiet speċjali jew esklużivi għall-istabbiliment u l-forniment ta’ servizzi postali. Madankollu, la din id-dispożizzjoni u l-ebda waħda oħra tal-istess direttiva, ma jiddefinixxu l-espressjoni “drittijiet speċjali” u “drittijiet esklussivi”, b’mod li l-interpretazzjoni tagħhom hija diffiċli.

32.      Madankollu, minn perspettiva sistematika, għandu jiġi enfasizzat li tali projbizzjoni tirriproduċi kważi eżattament dik tal-Artikolu 106(1) TFUE, dwar l-impriżi pubbliċi u l-impriżi li jgawdu dawn it-tipi ta’ drittijiet, anki jekk din hija adattata għall-kuntest tas-settur postali li d-Direttiva 97/67 hija intiża li tirregola. Fil-fatt, din tixbah ukoll lid-definizzjoni li tidher fl-Avviż dwar is-servizzi postali (16).

33.      Minħabba dawn l-affinitajiet, u peress li l-bażi ġuridika tagħha hija l-Artikolu 106(3) TFUE, li jippermetti lill-Kummissjoni tindirizza direttivi lill-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-Artikolu 106 TFUE fl-intier tiegħu, id-definizzjoni tad-drittijiet speċjali u esklużivi mogħtija fl-Artikolu 2(f) u (g)(iii) tad-Direttiva 2006/111 tista’ tiġi aċċettata. Barra minn hekk, Poczta Polska hija impriża b’kapital kompletament pubbliku (17).

34.      Fir-realtà, jeżistu għażliet oħrajn sabiex wieħed ikun jaf it-tifsira ta’ dawn l-espressjonijiet f’leġiżlazzjonijiet relattivament simili għad-Direttiva 97/67, minħabba li jirrigwardaw il-liberalizzazzjoni ta’ ċerti setturi (18). Madankollu, minħabba n-natura trasversali tad-Direttiva 2006/111, inqis li hija iktar xierqa għall-għanijiet imfittxa f’dan il-każ. Barra minn hekk, il-kontenut ta’ dawn il-leġiżlazzjonijiet oħrajn ma huwiex essenzjalment differenti minn dak tad-Direttiva 2006/111.

35.      Fuq il-bażi ta’ dawn il-premessi, naħseb li l-kategorija ta’ “drittijiet speċjali jew esklussivi”, tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67, moqri flimkien mal-Artikolu 2(f) u (g) tad-Direttiva 2006/111, hija applikabbli għal din il-kawża. Hemm diversi motivi li wassluni għal din id-dikjarazzjoni.

36.      L-ewwel nett, dan jirrigwarda vantaġġ mogħti legalment, minħabba li:

–      Jidher f’dispożizzjoni tal-KPĊ, kodiċi stabbilit bħala liġi formali.

–      Huwa kkonkretizzat fi prerogattiva mogħtija lill-operatur innominat (Poczta Polska), li s-servizzi tiegħu jippreferuhom il-persuni li qegħdin jibagħtu l-atti proċedurali, preċiżament minħabba l-preżunzjoni ta’ konformità mat-terminu għall-kunsinna tagħhom u l-valur tad-dokument uffiċjali (19) li jkollu rċevuta bħala prova għad-depożitu tiegħu. Il-bqija tal-operaturi ma jgawdux minn dan il-benefiċċju (20).

37.      It-tieni nett, id-dritt li tirċievi u tittrażmetti atti proċedurali, bil-privileġġ li d-depożitu tagħhom għand l-operatur innominat ikun ekwivalenti għall-kunsinna għand is-sede tal-qorti (jiġifieri, definittivament, dak li jikkonsisti f’vantaġġ), ikun irriżervat għal impriża pubblika waħda skont sistema ta’ esklużività.

38.      It-tielet nett, il-vantaġġ jirriżulta fi dħul ogħla għall-operatur innominat li, alternattivament, jinqasam bejn l-operaturi postali l-oħrajn (21). Konsegwentement, dan jaffettwa l-kapaċità ta’ kwalunkwe impriża oħra sabiex tipprovdi l-istess servizz jew twettaq l-istess attività (22) taħt kundizzjonijiet ekwivalenti. L-ekwivalenza ma tibqax teżisti mill-mument li fih l-ebda kompetitur ma jkun jista’ jiżgura li att proċedurali, li jingħatalu fl-aħħar ġranet ta’ terminu stabbiliti legalment (kif normalment ikun il-każ), jasal għand il-qorti destinatarja qabel l-aħħar ġurnata ta’ dan it-terminu.

39.      Ir-raba’ nett, l-għoti ta’ vantaġġ, bħala tali, ma jitwettaqx permezz ta’ sejħa għal offerti jew b’xi mod simili, konformement mar-regoli ta’ kuntratti pubbliċi tal-Unjoni (23). Fil-prinċipju, bħalma ddikjara l-Gvern Pollakk, is-selezzjoni ta’ operatur postali nnominat sabiex jipprovdi s-servizz universali ssir permezz ta’ sejħa għal offerti bejn l-impriżi inkwistjoni (24), skont regoli interni konformi mal-prinċipji ta’ oġġettività, ta’ proporzjonalità, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza. Madankollu, mir-risposta bil-miktub tiegħu għal domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġi dedott li la l-kriterji ta’ selezzjoni u lanqas dawk ta’ attribuzzjoni ma jirreferu għall-affidabbiltà tal-kunsinna ta’ posta rreġistrata, lil hinn mill-obbligu li l-kunsinnatur jingħata rċevuta bħala konferma tal-oġġett postali (25), kriterju li ma jirreferux għalih l-atti proċedurali.

40.      Għaldaqstant, il-vantaġġ inkwistjoni ma huwiex inerenti għall-attribuzzjoni tas-servizz universali, iżda jseħħ permezz tal-Artikolu 165(2) tal-KPĊ, ladarba ssir il-ħatra tal-operatur innominat.

41.      Fid-dawl ta’ dak li ser ngħid sussegwentement dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 97/67, ma huwiex importanti, għar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari, li vantaġġ mogħti f’dawn it-termini jikkwalifika bħala dritt esklużiv (favur impriża waħda) jew dritt speċjali. Dak li huwa importanti, fir-rigward ta’ kwalunkwe wieħed minn dawn il-każijiet, huwa r-rabta tiegħu mad-deroga li tissemma fl-imsemmi Artikolu 8.

b)      Id-deroga mill-projbizzjoni tal-għoti ta’ drittijiet speċjali: l-Artikolu 8 tad-Direttiva 97/67

1)      Ir-rabta bejn l-Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva 97/67

42.      Fid-dawl tal-ewwel kliem tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 97/67, iż-żewġ dispożizzjonijiet jinsabu f’relazzjoni ta’ prinċipju/deroga. Is-sentenza “[i]d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju [(26)] għad-drittijiet ta’ l-Istati Membri […]” (27) huwa suffiċjentement ċar f’dan ir-rigward.

43.      Għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ġeneralment titlob l-interpretazzjoni stretta tad-dispożizzjonijiet li jinkludu deroga (28), osservazzjoni fid-dettall tal-oriġini tal-Artikoli 7 u 8 tippermetti li ma jsirux konklużjonijiet mgħaġġla dwar il-portata tal-marġni ta’ kontroll mogħtija lill-Istati Membri mit-tieni wieħed minn dawn l-artikoli.

2)      Oriġini u evoluzzjoni taż-żewġ dispożizzjonijiet

44.      Mill-qari tal-atti preparatorji jirriżulta li ż-żewġ dispożizzjonijiet oriġinaw mir-relazzjoni ta’ prinċipju/deroga msemmija (29). Għalhekk, fil-proposta għal direttiva, l-Artikolu 7 attwali kien jinkludi serje ta’ oqsma tas-suq postali li l-Istati Membri setgħu jinkludu fis-servizz universali u jirriżervawhom għall-fornitur ta’ dan is-servizz (b’mod ġenerali, il-ġbir, it-trasport, il-klassifikazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ oġġetti ta’ korrispondenza b’piż ta’ inqas minn 350 gramma). Ir-riżerva kienet iġġustifikata mill-ħtieġa li jiġi permess il-funzjonament tas-servizz universali taħt kundizzjonijiet ta’ bilanċ finanzjarju (30).

45.      Dawn l-ideat ġew inkorporati mingħajr differenzi notevoli fit-test finali tal-Artikolu 7 u tal-premessa 16 tad-Direttiva 97/67 fil-verżjoni oriġinali tagħha. Barra minn hekk, il-premessa 19 tagħha tagħmilha ċara li, fil-proċess ta’ liberalizzazzjoni progressiva tas-suq postali, id-dispożizzjonijiet, fost l-oħrajn, tas-setturi rriżervati kellhom jiġu rriveduti sa Jannar tas-sena 2000, b’tali mod li jingħata żmien għall-adattament għall-fornituri tas-servizz universali (li kienu, dak iż-żmien, l-operaturi storiċi tal-Istati Membri).

46.      Fir-rigward tal-Artikolu 8, il-proċess leġiżlattiv tiegħu jiżvela li l-proposta għal direttiva sempliċiment tiddikjara biss is-setgħa tal-Istati Membri sabiex jinnominaw l-entità jew l-entitajiet awtorizzati sabiex iqiegħdu l-kaxxi tal-ittri f’toroq pubbliċi u joħorġu bolli postali (31).

47.      Id-dritt tal-entitajiet innominati sabiex “jiżguraw is-servizz tal-oġġetti rreġistrati”, flimkien ma’ dak relatat mal-kaxxi tal-ittri u l-bolli postali huwa riżultat tal-emenda Nru 41 tal-Parlament Ewropew (32). Għalkemm il-Kummissjoni ċaħdet tali rettifika, billi allegat li “xejn ma jiġġustifika r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-servizzi tal-posta rreġistrata, lil hinn mil-limiti ta’ tariffi u piżijiet tas-settur irriżervat” (33), il-Kunsill kompla mal-formulazzjoni tal-emenda, fejn żied l-inċiż “użat matul il-proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi” (34), li finalment ġie inkorporat fil-kontenut tal-Artikolu 8. Għalhekk, ġiet estiża s-setgħa li jiġu nnominati l-operaturi ta’ dawn is-servizzi, fejn l-Istati Membru ġew irrikonoxxuti d-dritt li jorganizzawhom.

48.      Id-Direttiva 2008/6 ġabet fi tmiemhom is-setturi rriżervati tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 97/67: fid-dawl tal-iżvilupp tas-suq postali, tali riżerva ma għandhiex titqies bħala s-soluzzjoni preferenzjali għall-finanzjament tas-servizz universali (35). L-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 2008/6 introduċa l-formulazzjoni attwali tal-Artikolu 7, bil-projbizzjoni taż-żamma jew tal-għoti ta’ drittijiet esklużivi u speċjali u l-modi differenti sabiex jiġi ssussidjat il-finanzjament tas-servizz universali, b’tali mod li rriżulta fil-bidla ta’ paradigma fis-settur postali tal-Unjoni (36).

49.      Madankollu, dawn il-bidliet ma affettwawx il-formulazzjoni tal-Artikolu 8, li baqa’ ma ġiex affettwat. Għaldaqstant, id-dispożizzjoni tirrappreżenta, linja ta’ demarkazzjoni fir-rigward tal-projbizzjoni tal-għoti ta’ drittijiet esklużivi u speċjali msemmija fl-Artikolu 7. F’dan il-punt għandha tiġi ddeterminata l-portata tiegħu.

3)      Il-portata tad-deroga tal-Artikolu 8

50.      B’mod partikolari, għandu jiġi investigat is-sens tas-setgħa mogħtija lill-Istati Membri sabiex jorganizzaw is-servizz tal-posta rreġistrata fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji. Skont il-Kummissjoni u l-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 97/67 ma jawtorizzax lill-Istati Membri sabiex jirriżervaw il-kunsinna tal-atti proċedurali għal operatur uniku, iżda sempliċement sabiex jeżiġu li jintbagħtu permezz ta’ posta rreġistrata.

51.      Ma naqbilx ma’ dan ir-raġunament. Pjuttost naqbel mal-Gvern Pollakk fir-rigward li l-oġġetti rreġistrati huma parti mill-provvisti minimi li, skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 97/67, huma inklużi fis-servizz universali. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2) ta’ dan l-istess test regolamentari jawtorizza n-nomina ta’ impriża unika bħala fornitur tas-servizz universali. Barra minn hekk u fuq kollox, ma hemm l-ebda oġġezzjoni li, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 97/67, id-dritt intern jorganizza s-sistema partikolari tal-oġġetti rreġistrati indirizzati lill-qrati sabiex jingħataw lill-fornitur tas-servizz universali.

52.      Fir-rigward tat-tifsira tal-espressjoni “servizz ta’ posta rreġistrata użat matul il-proċeduri ġudizzjarji”, mill-osservazzjonijiet tagħha nikkonkludi li l-Kummissjoni ma għadhiex tiddefendi l-perspettiva li tidher fl-Avviż dwar is-servizzi postali (37). Fih jidher li kienet qiegħda tillimita l-portata tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tal-Artikolu 56 TFUE, b’rabta mal-Artikoli 51 TFUE u 62 TFUE, għan-notifiki ġudizzjarji bħala espressjoni tal-eżerċizzju tas-setgħa pubblika. Li wieħed jittrasferixxi tali interpretazzjoni għall-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 97/67 kien ikun qiegħed jissimplifikaha wisq, minħabba li l-Artikolu 8 ma jagħmilx distinzjoni bejn att proċedurali mibgħut minn individwu u notifika li saret mill-qrati.

53.      Il-problema ta’ din il-kawża hija li, kif enfasizzat il-Kummissjoni, l-Artikolu 165(2) tal-KPĊ ma jsemmix esklużivament il-posta rreġistrata, fatt li jimplika li l-vantaġġ jestendi għall-kunsinni kollha (jiġifieri anki dawk mhux irreġistrati) imwettqa permezz tal-operatur innominat, għall-kuntrarju tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 97/67.

54.      Il-fatt li l-Artikolu 165(2) tal-KPĊ ma huwiex limitat għall-oġġetti rreġistrati (ma jsemmihomx espressament) ma jfissirx li ma jinkludihomx. Għall-kuntrarju, il-ġeneralità tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, billi ma tagħmilx distinzjoni bejn xi modalitajiet u oħrajn, timplika l-applikazzjoni tagħha għalihom kollha, inkluża l-posta rreġistrata.

55.      Għaldaqstant, naħseb li huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn tliet verżjonijiet matul l-analiżi tal-applikabbiltà tad-deroga tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 97/67, li skontha jiġu applikati: a) il-posta ordinarja; b) il-posta rreġistrata; u ċ) il-posta rreġistrata li tgawdi l-vantaġġ komplementari tal-Artikolu 165(2) tal-KPĊ.

56.      Għalhekk, fir-rigward tal-ewwel verżjoni, l-estensjoni tal-portata tal-vantaġġ esklużiv għall-atti ordinarji (jiġifieri, mhux irreġistrati) indirizzati lill-qorti u jiġu ppreżentati fl-uffiċċji tal-operatur innominat tmur kontra l-għan tad-Direttiva 97/67. Kif diġà għidt, l-ewwel nett, din id-direttiva kienet tfittex li ssir liberalizzazzjoni bil-mod (premessa 8) u, sussegwentement, kienet intiża għat-tlestija kompleta tas-suq intern (38).

57.      Preċiżament għal dan l-iskop, id-Direttiva 97/67 illimitat is-servizzi possibbli, li r-regolament tagħhom tħalla liberament f’idejn l-Istati, mingħajr ir-restrizzjonijiet tal-Artikolu 7, għal dawk indikati speċifikament fl-Artikolu 8, mingħajr il-possibbiltà li jiżdiedu oħrajn. Fosthom hemm is-servizz ta’ posta rreġistrata għall-proċeduri ġudizzjarji, iżda mhux is-servizz ta’ posta ordinarja.

58.      Jekk, fir-rigward ta’ din tal-aħħar (il-posta ordinarja), l-operatur innominat fil-Polonja jingħata l-istess vantaġġ li diġà jgħodd għall-posta rreġistrata, ikun qiegħed jingħata esklużività li tmur kontra l-għan tad-Direttiva 97/67.

59.      Fir-rigward tat-tieni verżjoni, dik relatata mas-servizzi ta’ posta rreġistrata ta’ atti intiżi għall-qrati, il-marġni ta’ manuvra li jingħata lill-Istati sabiex jorganizzaw is-sistema tagħhom (li eventwalment ma jiġux sottomessi għall-kompetizzjoni u jingħataw lil kumpannija waħda) tiġi ġġustifikata għal “raġunijiet ta’ ordni pubbliku u sigurtà pubblika”, kif tafferma espressament il-premessa 20 tad-Direttiva 97/67. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja saħqet ripetutament li t-termini tal-proċeduri ġudizzjarji huma ta’ ordni pubbliku u ma jikkostitwixxux element diskrezzjonali la għall-partijiet u lanqas għall-qorti, minħabba li dawn ġew stabbiliti sabiex jiżguraw l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, iċ-ċarezza kif ukoll iċ-ċertezza ta’ sitwazzjonijiet legali (39).

60.      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(9) tad-Direttiva 97/67, oġġett irreġistrat jikkorrispondi għal “servizz li jipprovdi garanzija b’rata fissa kontra riskji ta’ telf, serq jew ħsara u li tagħti lill-mittenti, meta approprjat fuq talba, b’xiehda ta’ l-għoti ta’ l-oġġett postali u/jew tal-kunsinna tiegħu lill-indirizzat”. Huwa mifhum sew li, minħabba l-karatteristiċi tagħha, il-posta rreġistrata tissodisfa, fil-proċeduri ġudizzjarji, dawn il-ħtiġijiet u tikkontribwixxi, bl-istess mod, għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Ir-rekwiżiti ta’ kwalità u sigurtà tal-oġġetti rreġistrati skont id-Direttiva 97/67, kif ukoll l-effiċjenza probatorja indiskutibbli tagħhom, jiġġustifikaw l-inklużjoni tagħhom mas-servizz universali u għaliex għandhom ċerti konsegwenzi proċedurali li jagħmluhom differenti mill-posta ordinarja (40).

61.      Konsegwentement, meta dispożizzjoni legali nazzjonali taċċetta biss l-atti proċedurali li l-kunsinna tagħhom tkun saret bil-posta rreġistrata, permezz tal-operatur innominat sabiex jipprovdi s-servizz universali, bħala ppreżentati fit-terminu, hija koperta mid-deroga tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 97/67. Il-libertà leġiżlattiva tal-Istat Membru sabiex jorganizza dan is-servizz tinkludi dik li jassenjah lill-fornitur tas-servizz universali b’mod esklużiv.

62.      Baqa’ t-tielet verżjoni x’tiġi analizzata, jiġifieri, meta tiġi aċċettata l-kunsinna rreġistrata ta’ atti proċedurali indirizzati lill-qrati, permezz ta’ operaturi differenti minn dak innominat, iżda ma jingħatalhomx il-benefiċċju proċedurali tal-Artikolu 165(2) tal-KPĊ (41). F’dan il-kuntest, jitqajjem id-dubju ta’ jekk l-Artikolu 8 tad-Direttiva 97/67 ikoprix din l-inugwaljanza fit-trattament.

63.      Għall-ewwel, jista’ jkun li wieħed jaħseb li ma hemmx motivi sabiex tiġi ġġustifikata tali diskriminazzjoni, minħabba li, mill-perspettiva ekonomika, is-servizzi tal-operaturi jistgħu ma jurux differenzi sinjifikattivi fir-rigward tal-kwalità u tal-affidabbiltà tagħhom.

64.      Madankollu, naħseb li Stat Membru jista’ jorganizza s-sistema ta’ rċevuta ta’ oġġetti rreġistrati indirizzati lill-qrati, billi jafda biss operatur wieħed (dak li jkopri l-maġġoranza tat-territorju jew li joffri l-iktar garanziji) bl-effett proċedurali rilevanti li l-atti mibgħuta minnu jiġu rrikonoxxuti bħala ppreżentati quddiem tali qrati f’din l-istess data.

65.      Ir-raġunijiet ta’ ċertezza legali jiġġustifikaw din ir-restrizzjoni, li hija koperta mill-marġni ta’ diskrezzjoni u ta’ organizzazzjoni tas-servizzi postali li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 97/67 jagħti lill-Istati Membri fir-rigward, preċiżament, tal-posta rreġistrata użata fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji. F’dan il-kuntest, in-nomina ta’ operatur bħala responsabbli għas-servizz universali, “billi jittieħed kont tar-rwol importanti li dan għandu fil-koeżjoni soċjali u territorjali” (42), tista’ jkollha rabta, jekk hekk jiddeċiedi l-Istat Membru fil-marġni ta’ diskrezzjoni msemmi, mal-ogħla sigurtà tat-traffiku tal-atti proċedurali.

66.      Fil-qosor, bħala risposta għall-ewwel domanda preliminari, nissuġġerixxi li l-Artikoli 7(1) u (8) tad-Direttiva 97/67 jippermettu lil Stat Membru jorganizza s-servizz ta’ posta użat fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji, b’tali mod li huwa biss id-depożitu tal-oġġetti rreġistrati fl-uffiċċji tal-operatur innominat sabiex joffri servizz universali li huwa rikonoxxut bħala ekwivalenti għall-preżentata ta’ tali oġġetti quddiem il-qrati.

B.      It-tieni domanda preliminari: konsegwenzi ta’ inkompatibbiltà eventwali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-Direttiva 97/67

1.      L-osservazzjonijiet tal-partijiet

67.      Il-Gvern Pollakk ma ppreżentax osservazzjonijiet dwar din id-domanda.

68.      Il-Kummissjoni tipproponi li ssir distinzjoni bejn l-obbligi proprji tal-leġiżlatur nazzjonali sabiex jiġi riżolt il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u dawk li jaqgħu fuq il-qorti tar-rinviju sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67.

69.      Fir-rigward tal-leġiżlatur nazzjonali, dan igawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jiġu eliminati l-konsegwenzi tal-ksur, u għalhekk ikun jista’: a) jestendi l-vantaġġ tal-operatur innominat għall-fornituri ta’ servizzi l-oħrajn; b) iħassar id-dispożizzjoni inkwistjoni; u ċ) jadotta soluzzjoni oħra li tieħu inkunsiderazzjoni l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-operaturi.

70.      Fir-rigward tal-qorti tar-rinviju, il-Kummissjoni tikkonkludi, mill-ġurisprudenza dwar l-obbligu ta’ li tiġi ggarantita l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (43) li tali qorti għandha tindika l-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni (44).

71.      Skont il-Kummissjoni, għandu jiġi estiż id-dritt li jiġi pprovdut is-servizz inkwistjoni, fl-istess kundizzjonijiet, għal kwalunkwe operatur b’diffikultajiet sabiex ikollu aċċess għas-suq (45). Madankollu, minħabba li din il-kawża ma tittrattax operatur li qiegħed jaffaċċja dan it-tip ta’ diffikultajiet, għandhom jiġu osservati wkoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari, dak taċ-ċertezza legali fir-rigward tat-termini.

2.      L-evalwazzjoni ġuridika

72.      Fil-qosor, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk il-vantaġġ li jgawdi minnu l-operatur innominat, mogħti bi ksur tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67, għandux jiġi estiż għall-operaturi postali l-oħrajn, sabiex tiġi evitata d-diskriminazzjoni ta’ dawn tal-aħħar (46). Madankollu, inqis li d-domanda għandha tkun iffokata fuq jekk id-Direttiva 97/67 tmurx kontra l-applikazzjoni attwali tal-Artikolu 165(2) tal-KPĊ, li tinkludi l-posta ordinarja mibgħuta mill-operatur innominat.

73.      Fil-fatt, fl-analiżi preċedenti tiegħi sostnejt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali hija koperta mid-deroga tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 97/67 fir-rigward tal-oġġetti rreġistrati indirizzati lill-qrati permezz ta’ Poczta Polska, iżda mhux fir-rigward tal-posta ordinarja.

74.      Minn din il-premessa jirriżultaw żewġ punti: a) li ma hemm bżonn l-ebda interpretazzjoni konformi mal-Artikolu 165(2) tal-KPĊ, b’rabta mal-atti ta’ proċeduri ġudizzjarji mibgħuta b’posta rreġistrata, sa fejn tali leġiżlazzjoni nazzjonali tosserva d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 97/67, u b) li d-dispożizzjoni inkwistjoni tirrikonoxxi lill-operatur innominat vantaġġ li jmur kontra d-Direttiva 97/67, jekk dan jiġi interpretat fis-sens li jikkonferixxi lil dan l-operatur l-esklużività li jirċievi oġġetti postali ordinarji, indirizzati lill-qrati, li l-preżentata tagħhom hija ekwivalenti għal meta ssir quddiem dawn tal-aħħar. Għaldaqstant, dan it-tieni aspett biss jeħtieġ analiżi għar-risposta tat-tieni domanda preliminari.

75.      Barra minn hekk, minkejja li ma għandiex l-intenzjoni li nissostitwixxi l-interpretazzjoni tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tad-dritt intern, li għalih din biss hija kompetenti, naħseb li xejn ma għandu jostakola li l-Artikolu 165(2) tal-KPĊ jinqara konformement mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 97/67 (47). Għaldaqstant, wieħed biżżejjed jifhem li l-kliem “preżentata ta’ att proċedurali fl-uffiċċju tal-posta [tal-operatur innominat]” jirreferu biss għall-każijiet fejn tintuża l-posta rreġistrata, mhux dik ordinarja, minħabba li din hija l-unika sistema li, preċiżament sabiex tiżgura b’mod uffiċjali d-data tal-affrankament, tipprovdi ċ-ċertezza legali li jeżiġu d-dispożizzjonijiet legali tal-proċedura ċivili (48).

76.      Jekk din l-interpretazzjoni tirnexxi, l-operatur innominat ikun fl-istess livell mal-bqija tal-operaturi postali, fir-rigward tal-oġġetti postali ordinarji indirizzati lill-qrati. Madankollu, wieħed ma jistax imur lil hinn minn dan, minħabba li d-Direttiva 97/67 ma tidħolx fil-kamp proċedurali, għalhekk tippermetti lill-Istati Membri, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, jiddeċiedu kif għandha tiġi organizzata l-irċevuta tal-atti li jkunu sejrin għand il-qrati. Fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-leġiżlatur nazzjonali jew il-qrati tiegħu li għandhom jistabbilixxuhom jew jinterpretaw dawk eżistenti, rispettivament, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni (49).

77.      Jekk, għall-kuntrarju, l-interpretazzjoni li nirrakkomanda ma tkunx possibbli, skont id-dritt intern, kif tipprevedi l-qorti tar-rinviju, u l-leġiżlatur Pollakk ma jkunx ikkoreġa l-kontenut tal-Artikolu 165(2) tal-KPĊ, il-qrati jistgħu jkunu obbligati, skont il-ġurisprudenza stabbilita (50), li ma japplikawx id-dispożizzjoni legali nazzjonali fir-rigward tal-parti inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Nirrepeti li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni legali inkwistjoni taffettwa biss l-esklużività mogħtija lill-operatur innominat, fir-rigward tal-ekwivalenza fil-preżentata (quddiem l-uffiċċji tal-posta jew quddiem il-qorti) tal-oġġetti postali ordinarji indirizzati lill-qrati.

78.      Barra minn hekk, sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’, f’kawża bħal din, ma tapplikax id-dispożizzjoni legali interna li tmur kontra dispożizzjoni tad-Direttiva 97/67, wara li tkun ġiet ikkonstatata l-impossibbiltà li tiġi interpretata konformement mad-dritt tal-Unjoni, għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet: a) li din id-dispożizzjoni tkun tista’ jkollha effett dirett (li l-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għalih fit-tieni domanda preliminari); u b) li individwu jirreferi għal dan l-effett dirett kontra l-Istat li stabbilixxa din id-dispożizzjoni legali nazzjonali (li hija s-suġġett tat-tielet domanda preliminari).

79.      Il-ġurisprudenza tattribwixxi l-effett dirett lid-dispożizzjonijiet ta’ direttiva meta, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, ma jkunu suġġetti għall-ebda kundizzjoni u jkunu suffiċjentement preċiżi. F’dan il-każ, l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat, kemm meta dan ikun naqas milli jadatta d-dritt nazzjonali għad-direttiva fit-terminu stabbilit, jew anki meta jkun għamel dan b’mod żbaljat (51).

80.      F’dan il-kuntest, jista’ jiġi aċċettat, tal-inqas minn perspettiva ipotetika, li dispożizzjoni bħall-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67, fir-rigward tal-fatt li tinkludi projbizzjoni taż-żamma u l-għoti ta’ drittijiet speċjali u esklużivi, jidher li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ preċiżjoni u inkundizzjonalità. Fiha nnifisha, din il-projbizzjoni ma tiddependi mill-ebda żvilupp posterjuri, pereżempju, min-naħa tal-leġiżlatur nazzjonali.

81.      Skont din il-premessa, u skont ġurisprudenza stabbilita (52), il-qorti tar-rinviju hija obbligata, bħala korp ta’ Stat Membru, li tipproteġi d-drittijiet li r-regoli tal-Unjoni jikkonferixxu lill-individwi, billi ma tapplikax id-dispożizzjoni li tmur kontra d-Direttiva 97/67.

82.      In-nuqqas ta’ applikazzjoni parzjali tal-Artikolu 165(2) tal-KPĊ twassal sabiex il-kunsinna b’posta ordinarja ta’ atti proċedurali, fdata lil Poczta Polska, tiġi ttrattata bl-istess mod bħal dak tal-bqija tal-operaturi postali, fir-rigward tad-dekorrenza tat-termini. F’dawn it-termini, in-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni legali nazzjonali inkwistjoni jerġa’ jistabbilixxi l-ugwaljanza bejn l-operaturi postali li talludi għaliha l-qorti tar-rinviju.

C.      It-tielet domanda preliminari: invokazzjoni, minn awtorità tal-Istat fil-konfront ta’ individwu, tan-nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjoni legali nazzjonali mad-Direttiva 97/67

1.      L-osservazzjonijiet tal-partijiet

83.      Il-Gvern Pollakk ma ppreżenta osservazzjonijiet lanqas dwar din id-domanda.

84.      Il-Kummissjoni tfakkar li l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi jorbot lill-qrati. Dawn għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni s-sett tar-regoli tad-dritt intern tagħhom u jinterpretawhom, kemm jista’ jkun, skont il-kontenut u l-għan tad-direttiva, sabiex jinkiseb riżultat li jikkorrispondi għall-għan imfittex, li jinkludi l-emenda eventwali tal-ġurisprudenza tagħhom (53).

85.      Tali obbligu huwa llimitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt, kif ukoll mill-impossibbiltà kemm li tintalab interpretazzjoni contra legem (54), kif ukoll li jiġu imposti ċerti obbligi fuq individwu (55) jew li dan jiċċaħħad mid-drittijiet tiegħu (56). Il-qorti tar-rinviju għandha tara jekk l-Artikolu 165(2) tal-KPĊ jistax jinftiehem fis-sens li jiżgura l-ugwaljanza tal-opportunitajiet bejn l-operaturi postali.

86.      Madankollu, minħabba d-dubji serji li qajmet il-qorti tar-rinviju, il-Kummissjoni tqis li, skont il-ġurisprudenza ċċitata, organu pubbliku ma jistax jinvoka l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67 sabiex jevita l-effetti sfavorevoli tal-applikazzjoni ta’ regola proċedurali, meta l-parti l-oħra tal-proċedura tkun individwu. Dan ifisser li jsir ksur tal-prinċipju nemo auditur propriam turpitudinem allegans, minħabba li tali organu, inkwantu emanazzjoni tal-Istat, jieħu vantaġġ mit-traspożizzjoni żbaljata.

87.      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni dwar il-possibbiltà kemm tal-applikazzjoni diretta tal-Artikoli 49 TFUE u 106(1) TFUE, jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 97/67 ikun iktar ristrett minn dak tad-dispożizzjonijiet ta’ dritt primarju li timplimenta (57), kif ukoll li jiġi aċċettat l-effett inċidentali għall-individwu, dak li jwassal, madankollu, għar-reviżjoni tal-ġurisprudenza dwar in-nuqqas ta’ effett oppost vertikali dirett (58).

2.      L-evalwazzjoni ġuridika

88.      F’din il-kawża, l-invokazzjoni tal-effett dirett (eventwali) tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67 ma titwettaqx minn individwu intiż li jieħu vantaġġ, fil-konfront tal-Istat, mid-drittijiet li tagħtih din id-direttiva. Pjuttost jiġri bil-kontra, kif jirriżulta mit-tielet domanda preliminari.

89.      Permezz tal-kontenut ta’ dan l-artikolu, il-projbizzjoni li jinkludi tista’, saħansitra, tiġi invokata minn operaturi oħrajn ta’ servizzi postali li huma kompetituri ta’ Poczta Polska. Min-naħa l-oħra, fl-opinjoni tiegħi, ma jinkludi l-ebda formulazzjoni li minnha jinftiehem li jirrikonoxxi dritt direttament invokabbli, quddiem il-qrati, mill-utenti tas-servizzi postali.

90.      Madankollu, anki jekk dan ma huwiex il-każ, f’din il-kawża dak li qiegħed jipprova jieħu vantaġġ mill-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni proċedurali interna, li tmur kontra d-Direttiva 97/67, ma huwiex individwu li qiegħed jieħu azzjoni kontra l-Istat, iżda hija entità pubblika (il-FPSA) li l-qorti tar-rinviju tikklassifika bħala “emanazzjoni ta’ Stat Membru”. Huwa preċiżament dan tal-aħħar, li ppreżenta l-appell, li eventwalment ibbenefika minn nuqqas regolatorju imputabbli lill-Istat stess.

91.      F’dan il-kuntest, entità b’mod inekwivoku statali ma tistax tistenna li qorti nazzjonali tirrikonoxxilha pożizzjoni ġuridika favorevoli (u, bl-istess mod, sfavorevoli għal individwu) kif jirriżulta mill-inkompatibbiltà tal-liġi interna, li ma għandhiex tiġi applikata, mad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva.

V.      Konklużjoni

92.      Fid-dawl tal-argumenti żviluppati, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) kif ġej:

“1)      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1), moqrija flimkien mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–      Stat Membru jista’ jorganizza s-servizz postali użat fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji, b’tali mod li huwa biss id-depożitu tal-oġġetti rreġistrati fl-uffiċċji tal-operatur innominat sabiex joffri servizz universali li huwa rikonoxxut bħala ekwivalenti għall-preżentata ta’ tali oġġetti quddiem il-qrati.

–      Jipprekludi li dispożizzjoni legali ta’ dritt nazzjonali tirrikonoxxi bħala data ta’ preżentata valida tal-atti proċedurali affrankati bħala posta ordinarja l-ġurnata tad-depożitu tagħhom f’uffiċċju tal-posta tal-fornitur ta’ servizz postali universali, bl-esklużjoni tal-operaturi postali l-oħra.

2)      Entità pubblika kklassifikata bħala ‘emanazzjoni tal-Istat’ ma tistax tistenna li qorti nazzjonali tirrikonoxxilha pożizzjoni ġuridika favorevoli, għad-dannu ta’ individwu, kif jirriżulta mill-inkompatibbiltà ta’ dispożizzjoni interna, li ma għandhiex tiġi applikata, mad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva.”


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71). Din ġiet emendata bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Frar 2008 (ĠU 2008, L 52, p. 3, rettifika fil-ĠU 2015, L 225, p. 49).


3      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132.


4      Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas16 ta’ Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (ĠU 2008, L 348M, p. 906, rettifika fil-ĠU 2009, L 84M, p. 555).


5      Dz.U. nr 43, poz. 296, kif emendat (Dz.U 2016, poz. 1822) (iktar ’il quddiem il-“KPĊ”). Skont id-digriet tar-rinviju, il-formulazzjoni attwali tal-Artikolu 165(2) tal-KPĊ daħlet fis-seħħ fis‑17 ta’ Awwissu 2013, konformement mal-Artikolu 1(1) tal-Ustawa z dnia 13 czerwca 2013 r. o zmianie ustawy - Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi tat‑13 ta’ Ġunju 2013, li temenda l-KPĊ); (Dz.U. 2013 r., poz. 880). F’din id-dispożizzjoni, ir-riferiment għall-kunċett ta’ “operatur innominat” ġie introdott mill‑1 ta’ Jannar 2013, skont l-Ustawa z dnia 23 listopada 2012 r. - Prawo pocztowe (il-Liġi Postali tat‑23 ta’ Novembru 2012; Dz.U. 2012 poz. 1529; iktar ’il quddiem il-“Liġi Postali”).


6      Skont id-digriet tar-rinviju, il-ġurisprudenza tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja) fir-rigward tal-Artikolu 83(3) tal-Liġi tat‑30 ta’ Awwissu 2002, li tistabbilixxi l-Ustawa z dnia 30 sierpnia 2002 r. - Prawo o postępowaniu przed sądami administracyjnymi; jednolity tekst (il-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva; Dz.U. z 2016 r., poz. 718 ze zm), li l-kontenut tiegħu jikkorrispondi għal dak tal-Artikolu 165(2) tal-KPĊ, jikkoinċidi mal-linja ta’ maġġoranza tal-ġurisprudenza ċivili. F’dan is-sens, jagħmel riferiment għad-digriet tad‑19 ta’ Ottubru 2015 (I OPS 1/15) li, madankollu, jinkludi vot partikolari favorevoli li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt tal-Unjoni.


7      Fid-deċiżjonijiet tat‑23 ta’ Ottubru 2015 (V CZ 40/15), tas‑17 ta’ Marzu 2016 (V CZ 7/16) u tas‑6 ta’ Lulju 2016 (II PZ 14/16), ġie sostnut li d-dispożizzjoni nazzjonali kienet tmur kontra l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67, minħabba li kienet tinkludi privileġġi li jiżguraw dħul addizzjonali lill-operatur innominat. F’digriet ieħor, tas‑16 ta’ Novembru 2016 (III PZP 5/16), ġie stabbilit li kien hemm dubji serji dwar il-konformità ta’ tali dispożizzjoni mad-dritt tal-Unjoni u ġiet proposta l-intervenzjoni meħtieġa tal-leġiżlatur.


8      Punti 10 u 11 tad-digriet tar-rinviju.


9      Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU 2007, L 324, p. 79, rettifika fil-ĠU 2015, L 68, p. 91)


10      Punti 16 sa 18 tad-digriet tar-rinviju.


11      Sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013 (C‑327/12, EU:C:2013:827).


12      Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) C(2015) 8236, tas‑26 ta’ Novembru 2015: Għajnuna mill-Istat SA.38869 (2014/N) — il-Polonja “Kumpens mogħti lil Poczta Polska għall-ispejjeż netti tal-obbligu ta’ servizz universali mwettaq fis-snin 2013 sal‑2015”), b’mod partikolari, il-punti 53 u 72 tagħha. Id-Deċiżjoni tal‑2015 bħalissa tinsab ikkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (kawżi T‑282/16 u T‑283/16).


13      Tagħmel riferiment għas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, SOA Nazionale Costruttori (C‑327/12, EU:C:2013:827), punt 42, kif ukoll il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón f’din l-istess kawża (EU:C:2013:530), punti 32 u 33, u tal-Avukat Ġenerali Jacobs ippreżentati fil-kawża Ambulanz Glöckner (C‑475/99 P, EU/C/2001:284), punt 86.


14      Tagħmel riferiment għas-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2016, DHL Express (Austria) (C‑2/15, EU:C:2016:880), punt 20, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi f’din il-kawża (EU:C:2016:168), punt 42.


15      Il-qorti tar-rinviju ma tistaqsix dwar l-inklużjoni eventwali ta’ dispożizzjoni legali nazzjonali fil-kategorija tad-drittijiet esklużivi.


16      Avviż mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ regoli tal-kompetizzjoni lis-settur postali u dwar l-istima ta’ ċerti miżuri statali dwar is-servizzi postali (98/K 39/02) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 174; iktar ’il quddiem “Avviż dwar is-servizzi postali”).


17      Paragrafu 3 tad-Deċiżjoni tal‑2015.


18      Jiġifieri: fl-Artikolu 1(6)(b) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77/KE tas‑16 ta’ Settembru 2002 dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 178); fl-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/63/KE tal‑20 ta’ Ġunju 2008 dwar il-kompetizzjoni fis-swieq ta’ tagħmir tat-terminals tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU 2008, L 162, p. 20); u l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243).


19      Dan jikkonfermah il-Gvern Pollakk bħala risposta għat-talba ta’ informazzjoni indirizzata lilu mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja: “skont l-Artikolu 17 tal-[Liġi Postali], l-irċevuta bħala prova ta’ depożitu ta’ oġġett irreġistrat […], mibgħut minn uffiċċju tal-posta tal-operatur innominat, għandu l-valur ta’ dokument uffiċjali”.


20      Ara l-punt 53 tad-Deċiżjoni tal‑2015: “Granting official power only to confirmations issued by the USP is not only intended to guarantee certainty of postal operations in terms of registered letters, but also means that a delivery made within a legally prescribed time limit may affect the recipient’s legal situation. The indirect benefits on account of the official power of postal stamp become apparent when the sender of a registered item chooses the services of PP because of this aspect, while (s)he would choose another operator if all operators had this right. The benefit is estimated on the basis of market research for individual and institutional clients […]”.


21      Id-Deċiżjoni tal‑2015 (punt 72) ikkwantifikat dan id-dħul f’EUR x miljuni, ċifra li tneħħiet mill-verżjoni ppubblikata għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità.


22      Ħallejt barra l-element li jirrigwarda “fl-istess erja ġeografika”, li hawnhekk ma għandu l-ebda implikazzjoni, minħabba li jikkonċerna t-territorju nazzjonali kollu.


23      Direttiva 2014/25.


24      Ladarba jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Artikolu 71(2) u (3) tal-Liġi Postali.


25      Skont ir-risposta bil-miktub tal-Gvern Pollakk, dan jipprovdih l-Artikolu 3(1)(f) tar-rozporządzenie Ministra Administracji i Cyfryzacji z dnia 25 listopada 2013 r. w sprawie konkursu na operatora pocztowego wyznaczonego do świadczenia usług powszechnych (ir-Regolament tal-Ministru għall-Amministrazzjoni u d-Diġitalizzazzjoni tal‑25 ta’ Novembru 2013, dwar is-sejħa għal offerti għas-selezzjoni tal-operatur postali nnominat għall-provvista tas-servizz universali (Dz.U. 2013, poz. 1466; Regolament MAiC).


26      Mingħajr enfasi fil-verżjoni oriġinali.


27      Il-formulazzjoni tagħha hija kważi identika f’lingwi uffiċjali oħrajn: “ne portent pas atteinte au droit des États membres”, fil-Franċiż; “shall be without prejudice to Member States’ right to”, fl-Ingliż; “lasciano impregiudicato il diritto degli Stati membri”, fit-Taljan; “Artikel 7 berührt nicht das Recht der Mitgliedstaaten”, fil-Ġermaniż; u «O artigo 7.° não prejudica o direito de os Estados-membros”, fil-Portugiż.


28      Pereżempju, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn u Vrijheidsfonds (C‑201/13, EU:C:2014:2132), punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata.


29      Ara l-Artikoli 8 u 9, prekursuri tal-Artikoli 7 u 8 attwali tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-servizzi postali Komunitarji u t-titjib tal-kwalità tas-servizz (COM(95) 227 final; ĠU 1995, C 322, p. 22), pp. 27 u 28.


30      Premessa 15 tal-Proposta għal Direttiva.


31      Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-servizzi postali Komunitarji u t-titjib tal-kwalità tas-servizz (COM(95) 227 finali; p. 28 (dak li kien l-Artikolu 9).


32      Riżoluzzjoni leġiżlattiva li tinkludi l-opinjoni tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-servizzi postali Komunitarji u t-titjib tal-kwalità tas-servizz (COM(95) 227) (ĠU 1996, C 152, p. 20).


33      Proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji u t-titjib tal-kwalità tas-servizz (COM(96) 412 final) (ĠU 1996, C 300, p. 4).


34      Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 25/97 adottata mill-Kunsill fid‑29 ta’ April 1997 bil-għan li tiġi adottata d-Direttiva 97/.../KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta’... dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-servizzi postali Komunitarji u t-titjib tal-kwalità tas-servizz (ĠU 1997, C 188, p. 9), p. 23.


35      Ara l-premessa 11 tad-Direttiva 2008/6.


36      Kif preċiżament osserva l-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-konklużjonijiet tiegħu tal-kawża DHL Express (Austria) (C‑2/15, EU:C:2016:168), punt 42.


37      Avviż dwar is-servizzi postali, punt 5.2.


38      Skont il-premessi 11 sa 13 tad-Direttiva 2008/6.


39      Sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni (C‑469/11 P; EU:C:2012:705), punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata. Għalkemm dan jikkonċerna t-termini fis-sistema ta’ riżorsi tad-dritt tal-Unjoni, ma nara l-ebda inkonvenjent li dan il-ħsieb jiġi ttrasferit fis-sistemi tal-qrati nazzjonali, li t-tradizzjonijiet nazzjonali tagħhom bla dubju ispirawh.


40      L-oġġetti postali ordinarji ma jipprovdux l-istess garanziji (fosthom dik relatata mad-data li fiha ġew iddepożitati għand l-operatur) bħal ta’ dawk irreġistrati, li l-irċevuti tagħhom jitqiesu bħala dokument uffiċjali. Għalhekk, ma għandhomx il-ħila li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ ordni pubbliku relatati mal-proċeduri ġudizzjarji.


41      Fis-seduta, il-Gvern Pollakk ikkonferma li tali operaturi wkoll jistgħu jipprovdu s-servizz ta’ posta rreġistrata, iżda mingħajr ma jibbenefikaw mill-vantaġġ tal-Artikolu 165(2) tal-KPĊ.


42      Artikolu 4(2) tad-Direttiva 97/67, fil-verżjoni emendata bid-Direttiva 2008/6.


43      Sentenza tad‑9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49), punt 16.


44      Skont is-sentenza tal‑10 ta’ April 2008, Marks & Spencer (C‑309/06, EU:C:2008:211), punt 61.


45      Tagħmel riferiment għas-sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 1991, Merci convenzionali Porto di Genova (C‑179/90, EU:C:1991:464), punt 23; u tad‑19 ta’ Mejju 1993, Corbeau (C‑320/91, EU:C:1993:198), punti 16 sa 19.


46      Din l-estensjoni kellha bħala bażi, skont il-qorti tar-rinviju, “prinċipji simili għal dawk li jirriżultaw mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑21 ta’ Ġunju 2007, Jonkman et (C‑231/06 sa C‑233/06, EU:C:2007:373)”, jiġifieri, il-prinċipji dwar l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni.


47      Fil-punti 31 sa 33 tad-digriet tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tgħid kif, skont il-ġurisprudenza ta’ maġġoranza, ma huwiex possibbli “jiġi interpretat dan l-artikolu konformement mad-dritt tal-Unjoni”.


48      Bħala risposta għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Pollakk ikkonkluda li l-Liġi Postali (Artikolu 17) tagħti biss “valur ta’ dokument uffiċjali” dak li tirċievi bil-posta rreġistrata, mibgħut mill-operatur innominat, u li “l-użu tal-posta rreġistrata għandu jsir bil-mod stabbilit u attwali għall-kunsinna tal-atti proċedurali permezz tal-operatur innominat. Dan il-mod (għall-kuntrarju tal-posta ordinarja) jiżgura l-possibbiltà li jintwera li l-persuna li qiegħda tibgħathom osservat it-termini proċedurali”.


49      Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2018, Diallo (C‑246/17, EU:C:2018:499), punti 58 u 59 u l-ġurisprudenza ċċitata.


50      Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Philips Electronics UK (C‑18/11, EU:C:2012:532), punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata.


51      Sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2), punt 31.


52      Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Philips Electronics UK (C‑18/11, EU:C:2012:532), punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata.


53      Hija tagħmel riferiment għas-sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 1990, Marleasing (C‑106/89, EU:C:1990:395), punt 8; tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2), punt 38; u tad‑19 ta’ April 2016, DI (C‑441/14, EU:C:2016:278), punt 33.


54      B’riferiment għas-sentenzi tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2), punt 39 u tad‑19 ta’ April 2016, DI (C‑441/14, EU:C:2016:278), punt 32.


55      Sentenza tas‑26 ta’ Settembru 1996, Arcaro (C‑168/95, EU:C:1996:363), punt 42.


56      Sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2), punt 36.


57      Konformement mal-premessa 41 tad-Direttiva 97/67, li tiġi applikata mingħajr preġudizzju għar-regoli tat-Trattat.


58      Talludi, b’mod partikolari, għas-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2000, Unilever (C‑443/98; EU:C:2000:496), punt 51.