Language of document : ECLI:EU:C:2019:260

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

27 ta’ Marzu 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tas-servizzi postali – Direttivi 97/67/KE u 2008/6/KE – Artikolu 7(1) – Kunċett ta’ ‘drittijiet esklużivi jew speċjali għall-istabbiliment u l-provvista ta’ servizzi postali’ – Artikolu 8 – Dritt tal-Istati Membri li jorganizzaw is-servizz ta’ posta rreġistrata użat fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji – Terminu għall-preżentata – Skadenza għat-tressiq ta’ att proċedurali quddiem qorti – Interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni – Limiti – Effett dirett invokat minn emanazzjoni ta’ Stat Membru fil-kuntest ta’ tilwima kontra individwu”

Fil-Kawża C‑545/17

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Lulju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Settembru 2017, fil-proċedura

Mariusz Pawlak

vs

Prezes Kasy Rolniczego Ubezpieczenia Społecznego,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tas-Seba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Juhász u C. Vajda (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: K. Malacek, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑18 ta’ Settembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, S. Żyrek u K. Rudzińska, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Costa de Oliveira, L. Nicolae u S. L. Kalėda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑27 ta’ Novembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71), kif emendata bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Frar 2008 ĠU 2008, L 52, p. 3, rettifika fil-ĠU 2015, L 225, p. 49) (iktar ’il quddiem id-“direttiva emendata”), moqrija flimkien mal-Artikolu 8 ta’ din u l-Artikolu 4(3) TUE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Mariusz Pawlak u l-Prezes Kasy Rolniczego Ubezpieczenia Społecznego (il-President tal-Fond ta’ Previdenza Soċjali Agrikola, il-Polonja) (iktar ’il quddiem il-“President tal-FPSA”) dwar il-kumpens ta’ M. Pawlak insegwitu għal inċident fuq il-post tax-xogħol, fil-qasam tal-agrikoltura, li huwa kien vittma tiegħu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 97/67

3        Id-Direttiva 97/67 tat bidu għall-proċess tal-liberalizzazzjoni gradwali tas-suq tas-servizzi postali. Skont il-premessa 2 tad-Direttiva 2002/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Ġunju 2002 li temenda d-Direttiva 97/67/KE fir-rigward tal-ftuħ ulterjuri għal kompetizzjoni tas-servizzi postali Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 316), id-Direttiva 97/67 “stabbiliet qafas regolatorju għas-settur postali f’livell Komunitarju, inklużi miżuri biex jiġi garantit servizz universali u jiġu stabbiliti limiti massimi għas-servizzi postali li Stati Membri jistgħu jirriservaw għall-provditur(i) tas-servizz universali tagħhom bl-iskop li jinżamm is-servizz universali, u skeda biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-ftuħ ulterjuri tas-suq għall-kompetizzjoni, għall-iskopijiet li jiġi kkreat suq singolu f’servizzi postali”.

4        Il-premessi 16 u 20 tad-Direttiva 97/67 jistabbilixxu:

“(16)      […] ż-żamma ta’ firxa ta’ dawk is-servizzi li tista’ tiġi riżervata, b’konformità mar-regoli tat-Trattat [KE] u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, tidher ġustifikata fuq il-bażi li jiġi żgurat it-tħaddim ta’ servizz universali taħt kondizzjonijiet finanzjarjament bilanċjati […]

[…]

(20)      […] għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u sigurtà pubblika, l-Istati Membri jista’ jkollhom interess leġittimu li jikkonferixxu fuq entità waħda jew aktar nominati minnhom id-dritt li jqiegħdu fuq l-awtostrada pubblika kaxxi ta’ l-ittri intenzjonati biex jirċievu oġġetti postali; […] għall-istess raġunijiet, għandhom ikunu intitolati li jaħtru entità jew entitajiet responsabbli għall-ħruġ ta’ bolli postali li jidentifikaw il-pajjiż ta’ oriġini u dawk responsabbli li jipprovdu s-servizz tal-posta reġistrat użat matul il-proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi mal-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom […]”

5        Skont l-Artikolu 3(4) u (5) tad-Direttiva 97/67, li jinsab fil-Kapitolu 2 ta’ din, intitolat “Servizz universali”:

“4.      Kull Stat Membru għandu jaddotta l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li s-servizz universali jinkludi l-faċilitajiet minimi li ġejjin:

–        l-ikklerjar, l-issortjar, it-trasport u t-tqassim ta’ oġġetti postali sa żewġ kilogrammi,

–        l-ikklerjar, l-issortjar, it-trasport u t-tqassim ta’ oġġetti postali sa 10 kilogrammi,

–        servizzi għall-oġġetti reġistrati u oġġetti assigurati.

5.      L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jistgħu jżidu l-limitu tal-piż ta’ servizz universali li jkopri pakketti postali sa piż li ma jeċċedix l-20 kilogramma u jistgħu jniżżlu arranġamenti speċjali għat-twassim bieb b’bieb ta’ dawk il-pakketti.

Minkejja l-kopertura tal-limitu tal-piż ta’ servizz universali għall-pakketti postali stabbilit f’xi Stat Membru partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pakketti postali li jirċievu minn Stati Membri oħra u li jiżnu sa 20 kilogramma jitwasslu fit-territorji tagħhom.”

6        Il-Kapitolu 3 tad-Direttiva 97/67, intitolat “Armonizzazzjoni tas-servizzi li jistgħu jiġu riżervati”, jinkludi l-Artikoli 7 u 8 ta’ din id-direttiva.

7        L-Artikolu 7(1) u (2) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      Sal-limitu meħtieġ biex tiġi żgurata ż-żamma ta’ servizz universali, is-servizzi li jistgħu jiġu riżervati minn kull Stat Membru għall-fornitur/i ta’ servizz universali għandhom ikunu l-ikklerjar, l-issortjar, it-trasport u l-kunsinna ta’ oġġetti ta’ korrispondenza domestika, kemm b’kunsinna mgħaġġla u kemm jekk le, li l-prezz tagħhom ikun anqas minn ħames darbiet it-tariffa pubblika għal oġġett ta’ korrispondenza fl-ewwel kategorija ta’ piż tal-kategorija standard l-aktar mgħaġġla fejn teżisti dik il-kategorija, kemm-il darba jkunu jiżnu anqas minn 350 gramma. Fil-każ tas-servizz postali b’xejn għall-persuni għomja u neqsin mid-dawl, eċċezzjonijiet għall-piż u restrizzjonijiet fil-prezz jistgħu jkunu permessi.

2.      Sal-limitu meħtieġ biex tiġi żgurata ż-żamma ta’ servizz universali, posta bejn fruntiera u oħrau posta diretta tista’ tkompli tiġi riżervata fil-limiti tal-prezz u l-piż stabbiliti fil-paragrafu 1.”

8        L-Artikolu 8 tal-istess direttiva jipprevedi:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ l-Istati Membri li jorganizzaw it-tqegħid tal-kaxxi ta’ l-ittri fuq awtostrada pubblika, il-ħruġ ta’ bolli postali u s-servizz ta’ posta reġistrata użat matul proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi skond il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom.”

 Id-Direttiva 2002/39

9        Id-Direttiva 2002/39 emendat sostanzjalment id-Direttiva 97/67. Hija kompliet il-liberalizzazzjoni tas-suq tas-servizzi postali u stabbilixxiet, fil-premessi 14 u 24 tagħha, skeda għall-ftuħ gradwali u kkontrollat tas-suq postali għall-kompetizzjoni, billi tindika d-data ipotetika tal‑2009 għall-ikkompletar tas-suq intern tas-servizzi postali.

10      L-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 97/67, kif emendata bid-Direttiva 2002/39, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Sa fejn neċessarju sabiex jiġi assigurat il-manteniment ta’ servizz universali, Stati Membri jistgħu ikomplu jirriżervaw servizzi għall-provditur(i) tas-servizz universali. Dawk is-servizzi għandhom ikunu llimitati għal clearance, organizzazzjoni, trasport u kunsinna ta’ oġġetti ta’ korrispondenza domestika u korrispondenza għal ġewwa trans fruntiera, kemm b’kunsinn aaċċelerata u kemm jekk le, fil-limiti ta’ kemm il-piż u kemm il-prezz li ġejjin. Il-limitu tal-piż għandu jkun 100 gramma mill‑1 ta’ Jannar 2003 u 50 gramma mill‑1 ta’ Jannar 2006. Dawn il-limiti tal-piż m’għandhomx japplikaw mill‑1 ta’ Jannar 2003 jekk il-prezz huwa ugwali għal, jew iktar minn, tliet darbiet it-tariffa pubblika għal oġġett ta’ korrispondenza fl-ewwel livell tal-piż tal-kategorija l-iktar mgħaġġla, u, mill‑1 ta’ Jannar 2006, jekk il-prezz huwa ugwali għal, jew iktar minn, darbtejn u nofs din it-tariffa.

Fil-każ tas-servizz postali b’xejn għall-persuni neqsin mid-dawl u persuni b’vista parzjali, jistgħu jitħallew eċċezzjonijiet għar-restrizzjonijiet tal-piż u tal-prezz.

Sa fejn neċessarju sabiex tiġi assigurata provvista ta’ servizz universali, posta diretta tista’ tibqa’ tiġi rriżervata fl-istess limiti tal-piż u tal-prezz.

Sa fejn neċessarju sabiex tiġi assigurata provvista ta’ serviz uiversali, per eżempju meta ċerti setturi ta’ attività postali diġà ġew liberalizzati jew minħabba l-karatteristiċi speċifiċi partikolari għas-servizzi postali fi Stat Membru, posta għal barra transfruntiera tista’ tibqa’ tiġi rriżervata fl-istess limiti ta’ piż u ta’ prezz.

2.      L-iskambju ta’ dokumenti ma jista’ jiġi riżervat.”

 Id-Direttiva 2008/6

11      Id-Direttiva 2008/6, mill-ġdid, emendat sostanzjalment id-Direttiva 97/67 u kkompletat il-proċess ta’ liberalizzazzjoni tas-suq intern tas-servizzi postali.

12      Il-premessi 13, 16, 25, 26, 56 u 59 tad-Direttiva 2008/6 jistabbilixxu:

“(13)      L-istudju prospettiv juri li ż-żona riżervata ma għandhiex tkun aktar is-soluzzjoni ppreferuta għall-finanzjament tas-servizz universali. Din il-valutazzjoni tieħu kont ta’ l-interess tal-Komunità u l-Istati Membri tagħha fit-tlestija tas-suq intern u l-potenzjal tagħha biex tipprovdi tkabbir u impjiegi u, kif ukoll tiżgura d-disponibbiltà ta’ servizz effiċjenti ta’ interess ekonomiku ġenerali għall-utenti kollha. Għaldaqstant, jixraq li tkun ikkonfermata d-data finali għat-tlestija tas-suq intern tas-servizzi postali.

[…]

(16)      Il-ftuħ komplet tas-suq jgħin l-espansjoni tad-daqs globali tas-swieq postali; huwa jikkontribwixxi ulterjorament biex l-impjiegi jibqgħu sostenibbli u ta’ kwalità fi ħdan il-fornituri ta’ servizz universali kif ukoll jiffaċilita l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda f’operaturi oħrajn, f’dawk li daħlu fis-suq għall-ewwel darba u f’setturi ekonomiċi assoċjati. […]

[…]

(25)      Fid-dawl ta’ l-istudji mwettqin u bil-ħsieb li jinfetaħ il-potenzjal sħiħ tas-suq intern għas-servizzi postali, jixraq li jintemm l-użu taż-żoni riżervati u d-drittijiet speċjali bħala mod kif jiġi żgurat il-finanzjament tas-servizz universali.

(26)      Il-finanzjament estern ta’ l-ispejjeż netti residwi tas-servizz universali għad jista’ jkun meħtieġ għal xi Stati Membri. Għalhekk, jixraq li l-alternattivi disponibbli jkunu kkjarifikati espliċitament billi il-finanzjament tas-servizz universali jkun żgurat, safejn dan hu meħtieġ u adegwatament iġġustifikat, filwaqt li lill-Istati Membri jkollhom l-għażla tal-mekkaniżmi finanzjarji li għandhom jintużaw. […] L-Istati Membri jistgħu jużaw mezzi oħrajn ta’ finanzjament permessi mid-Dritt Komunitarju, per eżempju billi jiddeċiedu, fejn u jekk ikun meħtieġ, li l-profitti magħmulin minn attivitajiet oħrajn tal-fornitur(i) ta’ servizz universali barra mill-ambitu tas-servizzi universali għandhom jiġu assenjati, totalment jew parzjalment, għall-finanzjament ta’ l-ispejjeż netti tas-servizz universali, dejjem sakemm dan ikun konformi mat-Trattat [KE]. […]

[…]

(56)      Peress li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, notevolment il-kisba ta’ suq intern għas-servizzi postali, l-iżgurar ta’ livell komuni ta’ servizzi universali għall-utenti kollha u l-istabbiliment ta’ prinċipji armonizzati għar-regolamentazzjoni tas-servizzi postali, ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, għar-raġunijiet ta’ skala u effetti, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat [KE]. […]

[…]

(59)      Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat [KE] dwar il-kompetizzjoni u dwar il-libertà għall-forniment ta’ servizzi. Safejn il-mekkaniżmi ta’ finanzjament tas-servizz universali jinvolvu għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-għajnuna ta’ l-istat, fi kwalunkwe forma skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) [KE], din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu ta’ l-Istati Membri biex jirrispettaw ir-regoli ta’ l-għajnuna mill-Istat li jinsabu fit-Trattat [KE].”

13      Skont l-Artikolu 1 tad-direttiva emendata:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni dwar:

–        il-kondizzjonijiet li jirregolaw il-forniment ta’ servizzi postali,

–        il-forniment ta’ servizz postali universali fil-Komunità,

–        il-finanzjament ta’ servizzi universali taħt kondizzjonijiet li jiggarantixxu l-forniment permanenti ta’ tali servizzi,

–        prinċipji dwar tariffi u t-trasparenza ta’ kontabilità għall-forniment ta’ servizz universali,

–        l-istabbiliment ta’ standards ta’ kwalità għall-forniment ta’ servizz universali,

–        l-armonizzazzjoni ta’ standards tekniċi,

–        il-ħolqien ta’ awtorijiet regolatorji nazzjonali indipendenti.”

14      Il-punti 1 u 6 tal-Artikolu 2 tad-direttiva emendata huwa fformulat kif ġej:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, it-tifsiriet li ġejjin għandhom japplikaw:

(1)      servizzi postali: servizzi li jinvolvu l-clearance, l-issortjar, it-trasport u t-tqassim ta’ oġġetti postali;

[…]

(6)      oġġett postali: oġġett indirizzat fil-forma finali li fiha ser jinġarr minn fornitur ta’ servizz postali. Minbarra l-oġġetti ta’ korrispondenza, dawk l-oġġetti jinkludu wkoll, per eżempju, kotba, katalogi, gazzetti, perjodiċi u pakketti postali li jkun fihom merkanzija b’valur kummerċjali jew mingħajru”.

15      Il-Kapitolu 3 tad-direttiva emendata huwa intitolat “Finanzjament ta’ servizzi universali”.

16      L-Artikolu 7 tad-direttiva emendata jiddisponi:

“1.      L-Istati Membri m’għandhomx jagħtu jew iżommu fis-seħħ id-drittijiet esklussivi jew speċjali għall-istabbiliment u l-forniment ta’ servizzi postali. L-Istati Membri jistgħu jiffinanzjaw il-forniment ta’ servizz universali skond wieħed jew aktar mill-modi previsti fil-paragrafi 2, 3 u 4, jew skond kwalunkwe mezz ieħor kompatibbli mat-Trattat [KE].

2.      L-Istati Membri jistgħu jiżguraw il-forniment ta’ servizzi universali billi jakkwistaw dawn is-servizzi skond ir-regoli u r-regolamenti applikabbli dwar l-akkwist pubbliku, inkluż, kif previst mid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132)], il-proċeduri kompetittivi ta’ djalogu jew dawk innegozjati bil-pubblikazzjoni ta’ notifika ta’ kuntratt jew mingħajrha.

3.      Jekk Stat Membru jqis li l-obbligi ta’ servizz universali, kif previsti minn din id-Direttiva, jinvolvu spiża netta, ikkalkolata b’kont meħud ta’ l-Anness I, u jirrappreżentaw piż finanzjarju inġust għall-fornitur(i) ta’ servizz universali huwa jista’ jintroduċi:

(a)      mekkaniżmu maħsub biex jikkumpensa lill-impriża/i konċernata/i mill-fondi pubbliċi; jew

(b)      mekkaniżmu għall-kondiviżjoni ta’ l-ispiża netta ta’ l-obbligi ta’ servizz universali bejn il-fornituri tas-servizzi u/jew l-utenti.

4.      Jekk l-ispiża netta tinqasam skond il-paragrafu 3(b), l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu fond ta’ kumpens li jista’ jiġi ffinanzjat mill-fornituri tas-servizz u/jew mill-miżati ta’ l-utenti, u li jkun amministrat għal din il-fini minn korp indipendenti tal-benefiċjarju jew il-benefiċjarji. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet lill-fornituri tas-servizz skond l-Artikolu 9(2) suġġett għall-obbligu li tingħata kontribuzzjoni finanzjarja lil dak il-fond jew li tikkonforma ma’ l-obbligi ta’ servizz universali. L-obbligi ta’ servizz universali tal-fornitur(i) ta’ servizz universali mniżżla fl-Artikolu 3 jistgħu jiġu ffinanzjati b’dan il-mod.

5.      L-Istat Membru għandu jiżgura li l-prinċipji tat-trasparenza, in-non-diskriminazzjoni u l-proporzjonalità jiġu rispettati meta jiġi stabbilit il-fond ta’ kumpens u meta jiġi ffissat il-livell tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji msemmija fil-paragrafi 3 u 4. Id-deċiżjonijiet meħudin skond il-paragrafi 3 u 4 għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi u verifikabbli u jkunu pubbliċi.”

 Id-dritt Pollakk

17      Skont l-Artikolu 165(2) tal-ustawa – Kodeks postępowania cywilnego (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), tas‑17 ta’ Novembru 1964 (Dz. U. Nru 43, pożizzjoni 296), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“KPĊ”):

“Il-preżentata ta’ att proċedurali fl-uffiċċju tal-posta Pollakk ta’ operatur postali nnominat fis-sens [tal-ustawa – Prawo pocztowe (il-Liġi Postali) tat‑23 ta’ Novembru 2012 (Dz. U. 2012, pożizzjoni 1529], jew fl-uffiċċju tal-posta ta’ fornitur li jiżgura s-servizz postali universali fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni, hija ekwivalenti għall-preżentata tiegħu quddiem il-qorti”.

18      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont il-punt 13 tal-Artikolu 3 tal-Liġi Postali, l-“operatur innominat” huwa l-operatur postali “inkarigat” li jiżgura s-servizz postali universali. L-operaturi l-oħrajn huma “awtorizzati” sabiex iwettqu attivitajiet postali fis-settur li jagħżlu, mingħajr obbligu f’dan ir-rigward.

19      Permezz ta’ deċiżjoni tal-Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej (il-President tal-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni Elettronika, il-Polonja) tat‑30 ta’ Ġunju 2015, Poczta Polska S.A. kisbet, għal tul ta’ għaxar snin, skont il-Liġi Postali, l-istatus ta’ operatur innominat sabiex jiżgura s-servizzi postali universali.

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

20      M. Pawlak, ħaddiem fil-qasam tal-agrikoltura, kien vittma ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol, li għalih talab kumpens lil Kasa Rolniczego Ubezpieczenia Społecznego (il-Fond ta’ Previdenza Soċjali Agrikola, il-Polonja). Mhux sodisfatt bid-deċiżjoni tal-President tal-FPSA, li rċieva b’risposta għat-talba tiegħu, M. Pawlak ressaq rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem is-Sąd Rejonowy Poznań-Grunwald (il-Qorti Distrettwali ta’ Poznań-Grunwald, il-Polonja), li laqgħet dan ir-rikors.

21      Il-President tal-FPSA appella d-deċiżjoni adottata minn din il-qorti quddiem is-Sąd Okręgowy w Poznaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznań, il-Polonja), li ċaħdet l-appell bħala inammissibbli minħabba li dan wasal għand din il-qorti fit‑22 ta’ Ġunju 2016 meta t-terminu previst għall-preżentata ta’ dan l-appell skada fl‑20 ta’ Ġunju 2016.

22      Is-Sąd Okręgowy w Poznaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznań) iddeċidiet li ma kienx rilevanti l-fatt li t-timbru tal-oġġett postali, iddepożitat għand operatur differenti mill-operatur innominat, jindika l‑20 ta’ Ġunju 2016, li hija l-aħħar ġurnata tat-terminu sabiex wieħed jappella, peress li l-Artikolu 165(2) tal-KPĊ iqis li hija biss il-preżentata ta’ att proċedurali għand l-operatur innominat, anki jekk titwettaq permezz tal-posta ordinarja, li hija ekwivalenti għall-preżentata ta’ dan l-att proċedurali quddiem il-qorti kkonċernata.

23      Il-President tal-FPSA ippreżenta appell, quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), kontra s-sentenza mogħtija mis-Sąd Okręgowy w Poznaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznań). Huwa jsostni li din il-qorti kisret l-Artikolu 165(2) tal-KPĊ u jsostni li l-appell ippreżentat quddiemha ġie ppreżentat fit-terminu stabbilit fl-uffiċċju tal-posta ta’ operatur postali.

24      Is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tirrileva li l-ġurisprudenza tagħha relatata mal-Artikolu 165(2) tal-KPĊ ma hijiex univoka u li din id-dispożizzjoni tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni.

25      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirreferi għal diverġenzi bejn żewġ pożizzjonijiet ta’ ġurisprudenza kontradittorji, f’dak li jirrigwarda l-effetti legali ta’ att proċedurali ppreżentat f’uffiċċju tal-posta Pollakka ta’ operatur postali li ma huwiex l-operatur innominat. Skont il-pożizzjoni ta’ maġġoranza, l-att proċedurali ppreżentat f’dawn iċ-ċirkustanzi huwa kkunsidrat bħala li ġie ppreżentat tardivament jekk il-qorti kkonċernata tirċevih ladarba jkun skada t-terminu legali li fih l-att proċedurali għandu jiġi ppreżentat. Skont il-pożizzjoni ta’ minoranza, il-preżentata, fit-terminu legali, tal-att proċedurali f’uffiċċju tal-posta Pollakka huwa ekwivalenti għall-preżentata tagħha quddiem il-qorti kkonċernata, kemm jekk ikun l-uffiċċju tal-operatur innominat jew ta’ kwalunkwe operatur postali ieħor.

26      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-ewwel pożizzjoni ta’ ġurisprudenza ma tiħux inkunsiderazzjoni l-kuntest tad-dritt tal-Unjoni fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 165(2) tal-KPĊ, billi impliċitament tqis li l-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 97/67. Skont din il-qorti, it-tieni pożizzjoni ta’ ġurisprudenza tibbaża ruħha, għall-kuntrarju, fuq interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni. Hija tenfasizza madankollu li, fid-deċiżjonijiet tagħha li segwew din it-tieni pożizzjoni, ma hemm l-ebda motivazzjoni rigward il-portata tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-direttiva emendata jew dwar il-mod ta’ kif l-applikazzjoni tal-Artikolu 165(2) tal-KPĊ għandha tiġi adattata għad-dritt tal-Unjoni.

27      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-[direttiva emendata], moqrija flimkien mal-Artikolu 8 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tikkostitwixxi dritt speċjali l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar id-dritt proċedurali prevista fl-Artikolu 165(2) tal-[KPĊ], li jipprevedi li huwa biss id-depożitu ta’ att proċedurali fl-uffiċċju tal-posta tal-operatur innominat, jiġifieri l-operatur inkarigat sabiex jiżgura s-servizz postali universali, li huwa ekwivalenti għall-preżentata ta’ dan l-att proċedurali quddiem il-qorti, filwaqt li jeskludi dan l-effett fil-każ li l-att proċedurali jiġi ppreżentat f’uffiċċju tal-posta nazzjonali ta’ operatur postali ieħor li jipprovdi servizz postali universali iżda li ma jkunx l-operatur innominat?

2)      Jekk l-ewwel domanda teħtieġ risposta fl-affermattiv, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-[direttiva emendata], moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, għandha tiġi interpretata fis-sens li għandhom jiġu estiżi għall-operaturi postali l-oħra l-vantaġġi li jirriżultaw mill-għoti lill-operatur innominat ta’ dritt speċjali bi ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-[direttiva emendata], b’tali mod li d-depożitu ta’ att proċedurali f’uffiċċju tal-posta nazzjonali jew fl-uffiċċju tal-posta ta’ fornitur ta’ servizz postali universali li ma huwiex l-operatur innominat għandu jitqies ukoll li huwa ekwivalenti għall-preżentata ta’ dan l-att proċedurali quddiem il-qorti, fuq il-bażi ta’ prinċipji simili għal dawk li joħorġu mis-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2007, Jonkman et (C‑231/06 sa C‑233/06 [EU:C:2007:373)])?

3)      Jekk it-tieni domanda teħtieġ risposta fl-affermattiv, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-[direttiva emendata], moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, għandha tiġi interpretata fis-sens li parti fil-proċedura li tkun emanazzjoni ta’ Stat Membru tista’ tinvoka n-nuqqas ta’ konformità mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-[direttiva emendata] ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħalma huwa l-Artikolu 165(2) tal-[KPĊ]?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

28      Il-Gvern Pollakk isostni li regola, bħal dik tal-Artikolu 165(2) tal-KPĊ, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva emendata, iżda tar-regoli tad-dritt proċedurali, li din id-direttiva ma għandhiex l-għan li tarmonizza. F’dan ir-rigward, huwa jirrileva li d-Direttiva 97/67 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 95 KE, li huwa l-bażi ġuridika għall-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern, filwaqt li l-bażi legali għall-armonizzazzjoni tar-regoli tal-proċedura ċivili kienet l-Artikolu 65 KE (li sar l-Artikolu 81 TFUE).

29      Barra minn hekk, dan il-gvern jippreċiża li l-Artikolu 1 tad-direttiva emendata, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jelenka l-materji li għalihom id-direttiva emendata tistabbilixxi regoli komuni, li fosthom ma hemmx il-proċedura ċivili.

30      Għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li d-Direttiva 2008/6, bħad-Direttiva 97/67 li ġiet emendata, ġiet adottata abbażi tal-Artikoli tat-Trattat KE li saru, wara emendi, l-Artikoli 53, 62 u 114 TFUE, li l-għan tagħhom huwa li jagħtu lil-leġiżlatur tal-Unjoni kompetenza speċifika sabiex jadotta miżuri intiżi sabiex itejbu t-tħaddim tas-suq intern (sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑376/98, EU:C:2000:544, punt 87).

31      Mill-aħħar emenda tad-Direttiva 97/67, permezz tad-Direttiva 2008/6, il-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li, skont il-premessi 13 u 16 ta’ din id-direttiva tal-aħħar, ilesti l-proċess ta’ liberalizzazzjoni tas-suq tas-servizzi postali u li tkun ikkonfermata d-data finali għat-tlestija tas-suq intern tas-servizzi postali, mhux biss billi jneħħi l-aħħar ostakoli għall-ftuħ sħiħ tas-suq għal ċerti fornituri ta’ servizzi postali, iżda wkoll l-ostakoli l-oħra kollha għall-provvista ta’ servizzi postali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2016, DHL Express (Austria), C‑2/15, EU:C:2016:880, punt 26). Il-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni, fl-istess ħin, li jiżgura livell komuni ta’ servizz universali għall-utenti kollha u l-istabbiliment ta’ prinċipji armonizzati għar-regolamentazzjoni tas-settur postali, konformement mal-premessa 56 tad-Direttiva 2008/6.

32      Issa, ma jistax jiġi dedott mill-fatt li l-Artikolu 1 tad-direttiva emendata ma ssemmix il-proċedura ċivili li din id-direttiva ma jista’ jkollha l-ebda effett fuq materji oħra li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali. Interpretazzjoni differenti, bħal dik proposta mill-Gvern Pollakk, tikkomprometti l-kisba tal-għan li d-direttiva emendata għandha, intiża għat-tlestija tas-suq intern tas-servizzi postali. Fil-fatt, hija tippermetti lill-Istati Membri jżommu miżuri li, permezz tal-effetti tagħhom, jistgħu jikkostitwixxu ostakoli għall-kompetizzjoni f’dan is-suq.

33      Barra minn hekk, l-Artikolu 8 tad-direttiva emendata jirreferi għas-servizz ta’ posta rreġistrata użata fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji.

34      Konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Gvern Pollakk li regola proċedurali ċivili nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 165(2) tal-KPĊ, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva emendata, minħabba s-suġġett tagħha u irrispettivament mill-impatt ta’ tali regola fuq il-materji armonizzati minn din id-direttiva.

 Fuq l-ewwel domanda

35      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-direttiva emendata, moqrija flimkien mal-Artikolu 8 tagħha, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi regola ta’ dritt nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrikonoxxi biss bħala ekwivalenti għall-preżentata ta’ att proċedurali quddiem il-qorti kkonċernata dik il-preżentata ta’ tali att f’uffiċċju tal-posta ta’ operatur innominat bħala l-fornitur tas-servizz postali universali.

36      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, hemm lok li jiġu interpretati suċċessivament dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

 Fuq l-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-direttiva emendata

37      Għandu jitfakkar li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-direttiva emendata, tipprojbixxi lill-Istati Membri li jagħtu jew iżommu fis-seħħ id-drittijiet esklużivi jew speċjali għall-istabbiliment u l-provvista ta’ servizzi postali.

38      Jirriżulta mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, li tiddelimita l-portata tal-projbizzjoni li tinsab fiha “għall-istabbiliment u l-forniment ta’ servizzi postali”, li l-għoti jew iż-żamma ta’ dritt esklużiv jew speċjali huma pprojbiti sakemm tali dritt huwa dwar is-servizzi postali.

39      Il-kunċett ta’ “servizzi postali” huwa ddefinit fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-direttiva emendata u jindika servizzi li jinvolvu l-clearance, l-issortjar, it-trasport u t-tqassim ta’ oġġetti postali. Il-kunċett ta’ “oġġett postali” huwa, min-naħa tiegħu, iddefinit fil-punt 6 tal-Artikolu 2 tad-direttiva emendata u jfisser oġġett indirizzat fil-forma finali li fiha ser jinġarr minn fornitur ta’ servizz postali u jinkludi barra minn hekk dawk l-oġġetti ta’ korrispondenza bħal pereżempju, kotba, katalogi, gazzetti, perjodiċi u pakketti postali li jkun fihom merkanzija b’valur kummerċjali jew mingħajru.

40      Għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li l-atti proċedurali jintbagħtu bil-posta lill-qrati jikkostitwixxi b’mod ċar oġġett postali, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 2 tad-direttiva emendata u, għaldaqstant, is-servizz relatat jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “servizzi postali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva. Din il-kunsiderazzjoni hija kkonfermata mir-referenza espliċita magħmula għal dan is-servizz fl-Artikolu 8 ta’ dik id-direttiva u fil-premessa 20 tad-Direttiva 97/67, li jsemmu is-servizz ta’ posta rreġistrata użat fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji. Minn dan isegwi li l-għoti ta’ dritt esklużiv jew speċjali għas-servizz ta’ posta tal-atti proċedurali lill-qrati jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(1) tad-direttiva emendata.

41      Fir-rigward tat-termini “drittijiet esklussivi jew speċjali” imsemmija fl-Artikolu 7(1), għandu jiġi kkonstatat li la din id-dispożizzjoni u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tad-direttiva emendata ma tinkludi definizzjoni ta’ dawn it-termini.

42      Madankollu, dawn it-termini jikkorrispondu għall-kliem identiċi użati fl-Artikolu 106(1) TFUE li jiddisponi li “[d]war impriżi pubbliċi u impriżi li lilhom jagħtu drittijiet speċjali jew esklusivi, l-Istati Membri ma għandhom la jiddekretaw u lanqas iżommu fis-seħħ miżuri kuntrarji għar-regoli fit-Trattati, b’mod partikolari, għal dawk li hemm fl-Artikolu 18 u fl-Artikoli 101 sa 109 inklużi”.

43      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżura statali tista’ titqies bħala li tagħti dritt esklużiv jew speċjali, fis-sens tal-Artikolu 106(1) TFUE, meta din tagħti protezzjoni lil numru limitat ta’ impriżi u meta din tkun ta’ natura li taffettwa b’mod sostanzjali l-kapaċità tal-impriżi l-oħra sabiex jeżerċitaw l-attività ekonomika inkwistjoni fl-istess territorju, f’kundizzjonijiet essenzjalment ekwivalenti (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, SOA Nazionale Costruttori, C‑327/12, EU:C:2013:827, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 106(1) TFUE, li ma għandux portata awtonoma, jipprekludi r-riferiment li huwa jagħmel għal Artikoli oħra tat-Trattat FUE, li l-Istati Membri, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-impriżi li lilhom jagħtu drittijiet speċjali jew esklużivi, jadottaw u jżommu fis-seħħ leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra, b’mod partikolari, tal-Artikoli 49 u 59 TFUE kif ukoll tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti mit-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2007, United Pan-Europe Communications Belgium et, C‑250/06, EU:C:2007:783, punti 14, 15 u 17 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata u tas‑17 ta’ Lulju 2008, ASM Brescia, C‑347/06, EU:C:2008:416, punt 61).

45      Għalhekk, l-għanijiet tal-Artikolu 106(1) TFUE u l-għanijiet tad-Direttiva 2008/6, imfakkra fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, u, b’mod partikolari, dawk li jissuġġettaw is-settur postali, li huwa suġġett għall-obbligi ta’ servizz pubbliku, għar-regoli tal-kompetizzjoni previsti mit-Trattat FUE kif ukoll li jneħħu l-ostakoli għall-ikkompletar tas-suq intern tas-servizzi postali, huma konverġenti ħafna. Għalhekk, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “dritt esklużiv jew speċjali” fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 43 ta’ din is-sentenza tista’ tiġi trasposta għall-kuntest speċifiku tad-Direttiva 97/67.

46      Ċertament, l-Artikolu 106(1) TFUE ma jipprojbixxix, fih innifsu, l-għoti jew iż-żamma ta’ dritt esklużiv jew speċjali lil impriża, iżda jinsisti li dan l-għoti jew iż-żamma josservaw id-dispożizzjonijiet sostantivi oħra tat-Trattat FUE, filwaqt li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-direttiva emendata tipprojbixxi l-għoti jew iż-żamma ta’ dritt esklużiv jew speċjali lil impriża għall-istabbiliment u l-provvista ta’ servizzi postali.

47      Madankollu, tali differenza fil-konsegwenzi li għandhom jintrabtu mal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ dritt esklużiv jew speċjali, skont dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma tipprekludix it-traspożizzjoni, fil-kuntest tad-direttiva emendata, tal-kunċett ta’ “dritt esklużiv jew speċjali” fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 43 ta’ din is-sentenza. Hekk kif il-Kummissjoni Ewropea ġustament ippreċiżat matul is-seduta, din id-differenza twassal biss sabiex, fil-każ ta’ dritt esklużiv jew speċjali mogħti minn Stat Membru lil impriża, l-osservanza tal-Artikolu 7(1) tad-direttiva emendata tkun is-suġġett ta’ eżami awtonomu minn dak li jirrigwarda l-konformità mal-Artikolu 106(1) TFUE. Issa, din il-konklużjoni tirriżulta wkoll mill-premessa 59 tad-Direttiva 2008/6 li tgħid li din id-direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni u dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

48      Fir-rigward tal-portata tal-projbizzjoni tal-għoti jew iż-żamma fis-seħħ tad-drittijiet esklużivi jew speċjali previsti fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-direttiva emendata, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din il-projbizzjoni hija, bħala prinċipju, ġenerali.

49      Dan huwa kkonfermat mill-iskop u l-oriġini tal-Artikolu 7 tad-direttiva emendata. Għaldaqstant, skont it-tieni sentenza tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, l-Istati Membri jistgħu jiffinanzjaw il-provvista ta’ servizz universali permezz ta’ mezzi previsti fil-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-istess artikolu, jew skont kwalunkwe mezz ieħor kompatibbli mat-Trattat.

50      F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-premessi 25 u 26 tad-Direttiva 2008/6 li, skont l-Artikolu 7 tad-direttiva emendata, il-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li jwaqqaf iż-żamma ta’ settur irriżervat u ta’ drittijiet speċjali bħala mod kif jiġi ggarantit il-finanzjament tas-servizz universali, filwaqt li jippermetti lill-Istati Membri li jużaw mezzi oħra ta’ finanzjament estern tas-servizz universali inqas ta’ preġudizzju għall-kompetizzjoni.

51      Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 97/67, kif emendata bid-Direttiva 2002/39, u mill-premessa 16 tad-Direttiva 97/67, sa fejn neċessarju sabiex jiġi żgurat il-manteniment ta’ servizz universali f’kundizzjonijiet ta’ bilanċ finanzjarju, l-Istati Membri kellhom il-possibbiltà li jirriżervaw servizzi differenti, li l-portata tagħhom hija ddefinita fl-imsemmi Artikolu 7, lil fornitur jew fornituri tas-servizz universali. Min-naħa l-oħra, tali possibbiltà ma kinitx prevista mid-Direttiva 2002/39 f’dak li jikkonċerna s-servizzi mhux irriżervati skont l-imsemmi Artikolu 7, kemm jekk dawn jaqgħu taħt is-servizz universali jew le.

52      Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Istati Membri ma għandhomx il-fakultà li jwessgħu s-servizzi rriżervati għall-fornituri tas-servizz postali universali skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 97/67, kif emendata bid-Direttiva 2002/39, peress li tali estensjoni tmur kontra l-għan tad-Direttiva 97/67 kif emendata li kienet intiża biex tistabbilixxi l-liberalizzazzjoni gradwali u kkontrollata tas-settur postali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Asociación Profesional de Empresas de Reparto y Manipulado de Correspondencia, C‑220/06, EU:C:2007:815, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53      Permezz tad-Direttiva 2008/6, il-leġiżlatur Komunitarju introduċa l-formulazzjoni attwali tal-Artikolu 7(1) tad-direttiva emendata, mingħajr ma tissemma l-liberalizzazzjoni milħuqa sa dak iż-żmien fis-settur mhux riżervat. Minn dan jirriżulta li, wara din l-emenda tal-imsemmi Artikolu 7(1), il-fatt li Stat Membru jirriżerva servizz postali, li jaqa’ fl-ambitu tas-servizz universali jew le, lil fornitur jew fornituri ta’ servizz universali, jikkostitwixxi mezz ipprojbit ta’ kif jiġi ggarantit il-finanzjament tas-servizz universali.

54      Għaldaqstant, bla ħsara għad-deroga prevista fl-Artikolu 8 tad-direttiva emendata, l-għoti jew iż-żamma fis-seħħ ta’ drittijiet esklużivi jew speċjali għall-istabbiliment u l-provvista ta’ servizzi postali, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-direttiva emendata, huwa pprojbit.

55      F’dan ir-rigward, bil-kontra ta’ dak li sostna l-Gvern Pollakk waqt is-seduta, ma hemmx lok li ssir distinzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din il-projbizzjoni, abbażi tal-fatt li dritt esklużiv jew speċjali għall-istabbiliment u l-provvista ta’ servizzi postali huwa mogħti lil fornitur tas-servizz universali fir-rispett jew le tal-prinċipji ta’ oġġettività, ta’ proporzjonalità, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza għal fornitur tas-servizz universali.

56      Fil-fatt, mhux biss tali interpretazzjoni ma hija bbażata fuq l-ebda element testwali tad-Direttiva 2008/6, iżda li, li kieku kellha tiġi segwita, din twassal sabiex tillimita l-portata tal-projbizzjoni prevista mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-direttiva emendata u, għaldaqstant, tikkomprometti t-twettiq tal-għan imfittex minn din id-direttiva għall-ikkompletar tas-suq intern tas-servizzi postali.

57      F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, skont l-Artikolu 165(2) tal-KPĊ, il-preżentata ta’ att proċedurali f’uffiċċju tal-posta Pollakka tal-operatur innominat, fis-sens tal-liġi postali, jew f’uffiċċju tal-posta ta’ fornitur li joffri servizz universali fi Stat Membru ieħor huwa ekwivalenti għall-preżentata ta’ dan l-att quddiem il-qorti kkonċernata.

58      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jidhru fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, tali regola tad-dritt nazzjonali, peress li tirrigwarda s-servizz ta’ posta tal-atti proċedurali lill-qrati, għandha tiġi kkunsidrata bħala provvista ta’ servizzi postali, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-direttiva emendata, moqrija flimkien mal-punti 1 u 6 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

59      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, b’regola tad-dritt nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Istat Membru kkonċernat jagħtix “drittijiet esklussivi jew speċjali” għall-iżvilupp ta’ servizzi postali, huwa stabbilit, l-ewwel nett, li din id-dispożizzjoni, li hija kklassifikata bħala “liġi” fid-deċiżjoni tar-rinviju, hija miżura leġiżlattiva fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 106(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 1991, GB-Inno-BM, C‑18/88, EU:C:1991:474, punt 20).

60      It-tieni nett, fir-rigward tal-punt dwar jekk tali miżura leġiżlattiva tagħti protezzjoni lil numru limitat ta’ impriżi, fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, SOA Nazionale Costruttori (C‑327/12, EU:C:2013:827, punt 41), il-qorti tar-rinviju tippreċiża li huwa biss l-operatur innominat, fis-sens tal-Liġi Postali, sabiex jiġi żgurat is-servizz universali li jista’ jibbenefika mir-regola li tidher fl-Artikolu 165(2) tal-KPĊ li tinvolvi effett ġuridiku favorevoli għall-kunsinna, permezz ta’ dan l-operatur jew dan il-fornitur, ta’ att proċedurali lil qorti.

61      Fil-fatt, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, konformement mal-Artikolu 165(2) tal-KPĊ, it-termini legali għall-preżentata ta’ atti proċedurali quddiem il-qrati għandhom jitqiesu li jkunu osservati f’każ ta’ preżentata, f’dawn it-termini legali, ta’ att proċedurali f’uffiċċju tal-posta tal-operatur innominat jew ta’ fornitur imsemmi f’din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, meta tali kunsinna ssir permezz ta’ fornitur ieħor ta’ servizzi postali, din il-kunsinna għandha tkun ġiet mgħoddija mill-fornitur lill-qorti qabel l-iskadenza tat-terminu legali, sabiex jitqies li tkun ippreżentata f’dan it-terminu.

62      Għaldaqstant, regola tad-dritt nazzjonali, bħall-Artikolu 165(2) tal-KPĊ, tidher li tagħti vantaġġ lil numru limitat ta’ impriżi, peress li hija tirriżerva lill-operatur innominat jew lil fornitur ieħor li jiżgura s-servizz universali fi Stat Membru ieħor, is-servizz ta’ kunsinna ta’ atti proċedurali lill-qrati kif ukoll il-privileġġ li jiġi kkunsidrat li l-att proċedurali ppreżentat għand dan l-operatur jew għand fornitur ieħor huwa bħal att ippreżentat quddiem il-qorti.

63      It-tielet nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tali regola hija ta’ natura li taffettwa b’mod sostanzjali l-kapaċità tal-impriżi l-oħra li jeżerċitaw l-attività ekonomika kkonċernata fl-istess territorju, taħt kundizzjonijiet sostanzjalment ekwivalenti, fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, SOA Nazionale Costruttori (C‑327/12, EU:C:2013:827, punt 41), għandu jiġi osservat, fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari, li dan huwa l-każ f’din il-kawża.

64      Fil-fatt, fornitur ta’ servizzi postali, minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 165(2) tal-KPĊ jista’ jipprovdi servizz ta’ kunsinna ta’ atti proċedurali lill-qrati peress li jibbenefika mill-privileġġ li dawn iqisu dawn l-atti proċedurali bħala li ġew ippreżentati quddiem il-qrati kkonċernati, bħal fil-każ tal-atti proċedurali ppreżentati għand operatur innominat jew fornitur ieħor imsemmi f’din id-dispożizzjoni, li għandha l-effett li teskludi l-imsemmi servizz mill-kompetizzjoni ħielsa fis-suq intern tas-servizzi postali.

65      Għaldaqstant, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, regola tad-dritt nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tagħti dritt esklużiv jew speċjali għall-istabbiliment u l-provvista ta’ servizzi postali, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-direttiva emendata.

 Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tad-direttiva emendata

66      Skont l-Artikolu 8 tad-direttiva emendata, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva ma humiex ta’ preġudizzju għad-drittijiet tal-Istati Membri li jorganizzaw, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, it-tqegħid tal-kaxxi tal-ittri fit-toroq, il-ħruġ ta’ bolli postali u s-servizz ta’ posta rreġistrata użat matul proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi.

67      Fid-dawl tal-formulazzjoni u l-kuntest tiegħu, l-Artikolu 8 tad-direttiva emendata huwa ta’ interpretazzjoni stretta peress li jinkludi eċċezzjoni għar-regola ġenerali li tinsab fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, li issa tistipula l-abolizzjoni tad-drittijiet esklużivi u speċjali bil-għan li jikkompletaw is-suq intern tas-servizzi postali, li huwa l-għan prinċipali segwit mid-Direttiva 2008/6.

68      Minn dan isegwi, peress li l-formulazzjoni tal-Artikolu 8 tad-direttiva emendata jirreferi għall-organizzazzjoni tas-servizz ta’ kunsinni użat matul proċeduri ġudizzjarji fir-rigward biss ta’ “posta reġistrata”, id-deroga prevista f’dan l-artikolu ma tistax tiġi interpretata b’mod estensiv minħabba fl-applikazzjoni tagħha għas-servizz ta’ posta ordinarja użat fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji.

69      Issa, f’dan il-każ, l-Artikolu 165(2) tal-KPĊ ma jagħmilx distinzjoni, għall-finijiet tal-benefiċċju ta’ vantaġġ li huwa jipprevedi, skont il-kunsinna, permezz ta’ posta ordinarja jew posta rreġistrata, tal-att proċedurali lil qorti. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 67 u 68 ta’ din is-sentenza, din ir-regola ta’ dritt nazzjonali tista’ biss taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8 tad-direttiva emendata sa fejn din tirrigwarda s-servizz ta’ kunsinna bil-posta rreġistrata tal-atti proċedurali lill-qrati.

70      Fir-rigward tal-portata tad-deroga prevista fl-Artikolu 8 tad-direttiva emendata, il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-Kummissjoni jqisu li peress li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett, huwa ma jawtorizzax lill-Istati Membri jillimitaw dan is-servizz lil operatur wieħed, u lanqas ma jawtorizzahom jintroduċu privileġġ bħal dak li jirriżulta mir-regola nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iżda sempliċement tippermetti lill-Istati Membri l-obbligu sabiex il-partijiet f’tilwima jibagħtu bil-posta rreġistrata l-atti proċedurali lil qorti.

71      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, skont l-indikazzjonijiet li jidhru fit-talba għal deċiżjoni preliminari, li ma humiex kontradetti minn provi oħra fil-fajl, l-Artikolu 165(2) tal-KPĊ joħloq vantaġġ favur operatur f’suq kompetittiv, li operaturi alternattivi ma għandhomx, sa fejn il-preżentata tal-atti proċedurali għand dan l-operatur huwa ekwivalenti għall-preżentata quddiem qorti, li għandu bħala effett li terminu proċedurali jista’ jiġi rrispettat anki meta tali att jilħaq lil din il-qorti wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu. Minn dan isegwi li l-kwistjoni rilevanti f’dan il-każ hija dik dwar jekk Stat Membru jistax jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 8 tad-direttiva emendata sabiex jintroduċi jew iżomm privileġġ bħal dak li jirriżulta mir-regola nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

72      Fir-rigward tal-għan tal-Artikolu 8 tad-direttiva emendata, dan huwa stabbilit fil-premessa 20 tad-Direttiva 97/67 li tgħid li “għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u sigurtà pubblika, l-Istati Membri jista’ jkollhom interess leġittimu li jikkonferixxu fuq entità waħda jew aktar nominati minnhom id-dritt li jqiegħdu fuq […] kaxxi ta’ l-ittri intenzjonati biex jirċievu oġġetti postali; […] għall-istess raġunijiet, għandhom ikunu intitolati li jaħtru entità jew entitajiet responsabbli għall-ħruġ ta’ bolli postali [u] li jipprovdu s-servizz tal-posta reġistrat użat matul il-proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi mal-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom”. Minn dan jirriżulta li l-imsemmi Artikolu 8, li baqa’ ma nbidilx minkejja l-emendi suċċessivi tad-Direttiva 97/67, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa intiż li jippermetti lill-Istati Membri, fir-rigward tas-servizz ta’ posta rreġistrata użata matul proċeduri ġudizzjarji, li ssir deroga mir-regola ġenerali prevista fl-Artikolu 7 tad-direttiva emendata għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika u fil-każ ta’ interess leġittimu.

73      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 8 tad-direttiva emendata, moqri fid-dawl tal-premessa 20 tad-Direttiva 97/67, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru, sabiex japplika d-deroga li jipprevedi dan l-artikolu, għandu juri interess pubbliku.

74      Tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha l-imsemmi Artikolu 8. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi 25 u 56 tad-Direttiva 2008/6, din għandha bħala għan li toħloq is-suq intern tas-servizzi postali kif ukoll li jintemm l-użu ta’ setturi rriżervati u drittijiet speċjali bħala mod kif jiġi żgurat il-finanzjament tas-servizz universali. Issa, li tippermetti lil Stat Membru jagħti dritt esklużiv jew speċjali f’suq liberalizzat, fl-assenza ta’ kwalunkwe ġustifikazzjoni oġġettiva, imur kontra dawn l-għanijiet.

75      F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 165(2) tal-KPĊ, il-Kummissjoni ssostni li la d-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas is-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Gvern Pollakk ma jirreferu għal ġustifikazzjoni oġġettiva għall-għoti tal-vantaġġ mogħti minnu.

76      F’dan ir-rigward, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Pollakk ippreċiża li, fil-Polonja, il-kopertura territorjali tas-servizz ta’ posta rreġistrata proposta mill-operaturi differenti hija differenti ħafna u li għaldaqstant hemm interess li l-kunsinni kollha tal-atti proċedurali lill-qrati jibbenefikaw mill-istess livell ta’ garanzija fir-rigward tas-sigurtà ta’ kunsinna u t-termini li fihom dawn il-kunsinni ser jintbagħtu lill-qrati. Din hija r-raġuni li għaliha l-operatur responsabbli mis-servizz universali, li jopera fuq it-territorju nazzjonali kollu, ingħata l-privileġġ inkwistjoni.

77      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li, skont l-elementi mgħarrfa lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-leġiżlazzjoni Pollakka, l-operaturi l-oħra wkoll għandhom il-permessi li jiżguraw l-atti proċedurali għall-qrati u jistgħu, għaldaqstant, jiġu kkunsidrati bħala li għandhom mezzi organizzattivi u personali adegwati għal dan il-għan. Barra minn hekk, l-ispjegazzjonijiet mogħtija minn dan il-gvern ma jippermettux l-indikazzjoni ta’ kif differenza f’termini proċedurali skont l-operaturi tista’ tiffavorixxi ċ-ċertezza legali kif ukoll amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li dawn it-termini għandhom jikkontribwixxu għalihom. Madankollu, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-ammissibbiltà tar-rikors tiddependi fuq l-operatur innominat, il-kunsiderazzjonijiet ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jidhru li huma stess jopponu tali differenza f’termini proċedurali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi tippermetti termini differenti skont l-operatur innominat minn fost l-operaturi kompetituri li joperaw fl-istess suq, tirrispondi realment għall-ħtieġa li jintlaħaq għan ta’ ordni pubbliku, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

78      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidher li l-Artikolu 8 tad-direttiva emendata ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza t-tkomplija ta’ regola tad-dritt nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

79      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-direttiva emendata, moqrija flimkien mal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi regola ta’ dritt nazzjonali li tirrikonoxxi biss bħala ekwivalenti għall-preżentata ta’ att proċedurali quddiem il-qorti kkonċernata dik il-preżentata ta’ tali att f’uffiċċju tal-posta ta’ operatur innominat sabiex jipprovdi s-servizz postali universali, u dan mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva bbażata fuq raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda

80      Permezz tat-tieni u t-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-direttiva emendata, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-vantaġġ li minnu jibbenefika, skont regola ta’ dritt nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-operatur innominat sabiex jiżgura s-servizz universali, jekk jirriżulta li dan ikun ingħata bi ksur tal-imsemmija l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1), għandux jiġi estiż għal operaturi postali oħra, sabiex tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni. Hija tixtieq tkun taf ukoll jekk emanazzjoni ta’ Stat Membru tistax tinvoka l-effett dirett ta’ din l-aħħar dispożizzjoni fil-kuntest ta’ tilwima kontra individwu.

81      Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, ta’ eventwali inkompatibbiltà tal-Artikolu 165(2) tal-KPĊ mad-direttiva emendata.

82      Għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, skont il-qorti tar-rinviju, l-interpretazzjoni li tgħid li l-Artikolu 165(2) tal-KPĊ ikun konformi mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-direttiva emendata hija interpretazzjoni contra legem. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni teżiġi deroga tal-effetti ta’ interpretazzjoni litterali ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, li jikkostitwixxi prattika dubjuża fir-rigward ta’ regola proċedurali.

83      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, meta tapplika d-dritt nazzjonali, il-qorti nazzjonali mitluba li tinterpretah għandha tagħmel dan sakemm ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha u b’hekk tikkonforma mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE. Ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali huwa inerenti għas-sistema tat-Trattat sa fejn jippermetti lill-qorti nazzjonali tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha (sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci, C‑555/07, EU:C:2010:21, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Għandu jitfakkar ukoll li huma l-qrati nazzjonali li għandhom, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u fl-applikazzjoni tal-metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti minnu, jiddeċiedu jekk u sa fejn dispożizzjoni nazzjonali tista’ tiġi interpretata b’mod konformi mad-direttiva inkwistjoni mingħajr interpretazzjoni contra legem ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation, C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Tali interpretazzjoni konformi tirrigwarda d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt nazzjonali u hija limitata mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dak taċ-ċertezza legali, fis-sens li ma tistax tkun il-bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2009, Mono Car Styling, C‑12/08, EU:C:2009:466, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata ta’ dawn il-limiti fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali fejn tqum il-kwistjoni tal-konsegwenzi tal-eventwali nuqqas ta’ konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ regola tad-dritt nazzjonali dwar ir-rispett minn parti f’tilwima kkonċernata tat-terminu legali għall-preżentata ta’ rikors quddiem il-qorti nazzjonali kkonċernata.

87      Issa, fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-importanza, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tal-osservanza tat-termini proċedurali li huma intiżi sabiex jiggarantixxu ċ-ċertezza legali, billi jevitaw il-kontestazzjoni indefinita tal-atti tal-Unjoni li jkollhom effetti ta’ dritt, kif ukoll fuq ir-rekwiżiti tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u tal-ekonomija tal-proċedura (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C‑310/97 P, EU:C:1999:407, punt 61). L-istess kunsiderazzjonijiet isostnu l-ħtieġa tal-osservanza tat-termini tal-proċedura previsti fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri.

88      Minn dan jirriżulta li kemm il-fatt li interpretazzjoni konformi mal-Artikolu 165(2) tal-KPĊ mad-direttiva emendata iwassal għal interpretazzjoni contra legem ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll iċ-ċirkustanza li tali interpretazzjoni konformi tista’ tinterferixxi mal-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt nazzjonali dwar it-termini għall-preżentata ta’ rikors li huma intiżi sabiex jiżguraw iċ-ċertezza legali, f’dan il-każ, joħolqu limiti fuq ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni.

89      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-direttiva emendata tistax tiġi invokata minn emanazzjoni ta’ Stat Membru sabiex titwarrab, f’tilwima kontra individwu, dispożizzjoni ta’ dan l-Istat Membru li tikser id-direttiva emendata, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-fatt li jiġi aċċettat li emanazzjoni ta’ Stat Membru tkun tista’ tinvoka kontra individwu d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li dan l-Istat ma jkunx ittraspona korrettament fid-dritt nazzjonali jwassal sabiex dak l-Istat jieħu vantaġġ mill-ksur tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 1996, Arcaro, C‑168/95, EU:C:1996:363, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Portgás, C‑425/12, EU:C:2013:829, punti 24 u 25).

90      F’dan il-każ, skont l-indikazzjonijiet li jidhru fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-parti li tinvoka, fil-konfront ta’ individwu, l-inkompatibbiltà tal-Artikolu 165(2) tal-KPĊ mad-dispożizzjonijiet tad-direttiva emendata, huwa l-President tal-FPSA, jiġifieri awtorità pubblika li tikkwalifika bħala “emanazzjoni tal-Istat”. Issa, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti, awtorità pubblika, bħall-President tal-FPSA, ma jistax jinvoka d-direttiva emendata, bħala tali, kontra individwu.

91      Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, ma huwiex meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-vantaġġ li jgawdi operatur li jkun ġie innominat sabiex jiggarantixxi s-servizz universali skont l-Artikolu 165(2) tal-KPĊ, jekk wieħed jassumi li dan il-vantaġġ ingħata bi ksur tad-direttiva emendata, għandux jiġi estiż għal operaturi postali oħrajn.

92      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni u t-tielet domanda għandha tkun li awtorità pubblika, ikkunsidrata bħala emanazzjoni ta’ Stat Membru, ma tistax tinvoka d-direttiva emendata, bħala tali, kontra individwu.

 Fuq l-ispejjeż

93      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, kif emendata bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal20 ta’ Frar 2008, moqrija flimkien mal-Artikolu 8 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi regola ta’ dritt nazzjonali li tirrikonoxxi biss bħala ekwivalenti għall-preżentata ta’ att proċedurali quddiem il-qorti kkonċernata dik il-preżentata ta’ tali att f’uffiċċju tal-posta ta’ operatur innominat sabiex jipprovdi s-servizz postali universali, u dan mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva bbażata fuq raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika.

2)      Awtorità pubblika, ikkunsidrata bħala emanazzjoni ta’ Stat Membru, ma tistax tinvoka d-Direttiva 97/67, kif emendata bid-Direttiva 2008/6, bħala tali, kontra individwu.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.