Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Polonja) fil-25 ta’ Mejju 2023 – C.W. S.A. et vs Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji i Konsumentów

(Kawża C-326/23, Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji i Konsumentów)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Najwyższy

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: C.W. S.A. et

Konvenut: Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji i Konsumentów

Parti oħra fil-proċedura: L. S.A.

Domandi preliminari

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti adita tkun obbligata ma tiħux inkunsiderazzjoni att (talba) imressaq minn parti u intiż li jikkontesta, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni u tal-kostituzzjoni tal-Istat Membru, il-ħatra ta’ mħallef, li ma tkunx suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju la skont id-dritt nazzjonali u lanqas skont id-dritt tal-Unjoni, billi jdaħħal inkwistjoni l-kapaċità ta’ dan l-imħallef li jagħti deċiżjoni, fid-dawl tal-assenza ta’ rabta bejn iċ-ċirkustanzi li fihom tkun żvolġiet il-proċedura ta’ ħatra ta’ dan l-imħallef u ċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami u fid-dawl tal-assenza ta’ raġuni reali sabiex jiddaħħlu inkwistjoni l-imparzjalità u l-indipendenza ta’ dan l-imħallef abbażi ta’ ċirkustanzi għajr in-natura regolari tal-proċedura ta’ ħatra ta’ dan l-imħallef ikkontestata mill-parti, inkluż l-aġir ta’ dan l-imħallef wara l-ħatra tiegħu u l-permeabbiltà tiegħu għal influwenza mill-poter leġiżlattiv jew eżekuttiv, sitwazzjoni din li, fid-dawl tad-dritt nazzjonali, twassal sabiex tali azzjoni ta’ parti tkun ekwivalenti għal actio popularis inammissibbli u tikkostitwixxi abbuż flagranti u manifest tad-dritt proċedurali nazzjonali?

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi mekkaniżmu effikaċi u suffiċjenti sabiex jiġu ssodisfatti l-kriterji ta’ qorti stabbilita bil-liġi fis-sens tad-dritt tal-Unjoni l-fatt li d-dritt nazzjonali jirrikonoxxi lill-partijiet il-possibbiltà li jitolbu l-verifika tal-impatt taċ-ċirkustanzi kollha li fiha tkun żvolġiet il-proċedura ta’ ħatra u tal-aġir tal-imħallef wara l-ħatra tiegħu fuq l-imparzjalità u fuq l-indipendenza tiegħu fil-kawża ineżami fil-kuntest ta’ test imsejjaħ ta’ imparzjalità jew ta’ talba għar-rikuża tal-imħallef?

____________