Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Awwissu 2021 – BNetzA vs ACER

(Kawża T-485/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen (BNetzA) (il-Ġermanja) (rappreżentanti: U. Karpenstein u K. Reiter, avukati)

Konvenut: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni Nru A-001-2021 (ikkonsolidata) mogħtija fit-28 ta’ Mejju 2021 mill-Bord tal-Appelli tal-konvenuta (deċiżjoni kkontestata);

sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali ma tannullax id-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha, tannulla din id-deċiżjoni sa fejn tikkonferma l-partijiet u d-dispożizzjonijiet li ġejjin tad-Deċiżjoni Nru 30/2020 tal-konvenuta tat-30 ta’ Novembru 2020:

it-tieni sentenza tal-Artikolu 1(1), l-Artikolu 2(2)(j) u l-Artikolu 3 tal-Anness I;

l-Artikolu 7 tal-Anness I;

l-Artikolu 12(2) tal-Anness I;

il-partijiet u d-dispożizzjonijiet kollha li jirreferu espressament għad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti (i) sa (iii) iktar ’il fuq.

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi segwenti.

L-ewwel motiv: l-estensjoni tal-metodoloġija ta’ kondiviżjoni tal-ispejjeż għall-elementi tas-sistema li ma humiex l-elementi tas-sistema bejn iż-żoni hija inkompatibbli mar-rekwiżiti tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament (UE) 2019/943 1 u tal-Artikolu 74 tar-Regolament (UE) 2015/1222 2 . Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti tqis li l-bażi legali meħtieġa hija nieqsa. Tal-inqas, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija ta’ kondiviżjoni tal-ispejjeż ġie dedott b’mod żbaljat fid-dritt mir-rekwiżiti tas-sigurtà operattiva u tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas.

It-tieni motiv: il-projbizzjoni tal-kumpens tikser b’mod partikolari l-Artikolu 16(11) u (13) tar-Regolament (UE) 2019/943, u tirrendi l-metodoloġija ta’ kondiviżjoni tal-ispejjeż kontradittorja.

It-tielet motiv: id-determinazzjoni, mill-konvenuta, fuq il-bażi ta’ kriterji tagħha stess, ta’ livell ta’ tolleranza provviżorju għall-flussi ta’ enerġija paralleli (loop flows) leġittimi, tikser formalment u materjalment id-dritt tal-Unjoni. Ir-rikorrenti tqis li, minn perspettiva formali, il-konvenuta ma tosservax il-kompetenza tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni u tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għall-istabbiliment tal-livell ta’ tolleranza. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkritika lill-konvenuta li stabbilixxiet livell ta’ tolleranza provviżorju meta l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni ma kinux wettqu l-analiżi tal-livell tal-flussi ta’ enerġija paralleli leġittimi meħtieġa mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament (UE) 2019/943. Minn perspettiva materjali, ir-rikorrenti ssostni li l-metodoloġija ta’ kondiviżjoni tal-ispejjeż tikser ir-rekwiżit previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament (UE) 2019/943 li jiġu stabbiliti livelli ta’ tolleranza individwali għal “kull konfini taż-żona tal-offerti” billi jiġi stabbilit livell ta’ tolleranza uniformi kondiviż b’mod ugwali bejn iż-żoni tal-offerti li ħolqu l-flussi ta’ enerġija paralleli. Ir-rikorrenti tqis tal-inqas li l-livell ta’ tolleranza provviżorju stabbilit ma għandux il-bażi legali meħtieġa.

Ir-raba’ motiv: il-prijoritizzazzjoni tal-flussi ta’ enerġija paralleli (loop flows) b’paragun mal-flussi interni li fuqha hija bbażata l-metodoloġija ta’ kondiviżjoni tal-ispejjeż fid-determinazzjoni tal-kawżi tal-konġestjoni tas-sistema tikser l-Artikolu 16(13) tar-Regolament (UE) 2019/943. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li din toħloq inċentivi li jagħtu lok għal effetti perversi u li din hija inkompatibbli mal-prinċipji ta’ ekwità u ta’ nondiskriminazzjoni.

Il-ħames motiv: il-metodoloġija ta’ kondiviżjoni tal-ispejjeż tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, tal-inqas skont l-evalwazzjoni globali meħtieġa. Skont ir-rikorrenti, il-kamp ta’ applikazzjoni estiż, il-projbizzjoni tal-kumpens, il-livell ta’ tolleranza żbaljat u l-prijoritizzazzjoni tal-flussi ta’ eneriġija paralleli (loop flows) b’paragun mal-flussi interni huma relatati ma’ xulxin u jsaħħu lil xulxin. Hija tqis, għalhekk, li tal-inqas meta dawn jitqiesu flimkien, dawn joħolqu ksur tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni u tar-rekwiżit ta’ ekwità. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li l-metodoloġija ta’ kondiviżjoni tal-ispejjeż, tal-inqas fir-rigward tal-effett globali tagħha, hija inkompatibbli mal-għan tal-Unjoni li jiżdied il-proporzjon tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli. Skont ir-rikorrenti, il-metodoloġija ta’ kondiviżjoni tal-ispejjeż hija globalment sproporzjonata u, fi kwalunkwe każ, ma għandhiex il-bażi legali meħtieġa.

Is-sitt motiv: l-obbligu inkundizzjonat impost fuq l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, skont il-metodoloġija ta’ kondiviżjoni tal-ispejjeż, li jelaboraw u jissottomettu għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji proposti ta’ emenda f’terminu ta’ tnax-il xahar dekorribbli mill-implimentazzjoni tal-metodoloġija ta’ kondiviżjoni tal-ispejjeż jikser l-Artikolu 16(13) tar-Regolament (UE) 2019/943 u d-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 74(6)(b) u tal-Artikolu 9(13) tar-Regolament (UE) 2015/1222.

____________

1 Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU 2019, L 158, p. 54).

2 Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal-24 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni (ĠU 2015, L 197, p. 24).