Language of document : ECLI:EU:T:2019:228

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

9 ta’ April 2019 (*)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Provvista ta’ servizzi tal-informatika lill-Parlament kif ukoll lill-istituzzjonijiet u korpi oħrajn tal-Unjoni – Esklużjoni tal-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratt – Kunflitt ta’ interessi potenzjali – Ommissjoni ta’ provvista ta’ informazzjoni meħtieġa mill-awtorità kontraenti – Artikolu 107(1)(b) tar-regolament finanzjarju – Trasparenza – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament – Artikolu 102(1) tar-regolament finanzjarju”

Fil-Kawża T‑182/15,

Sopra Steria Group SA stabbilita f’Annecy-le-Vieux (Franza), irrappreżentata minn A. Verlinden, R. Martens u J. Joossen, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn B. Simon u L. Tapper Brandberg, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

CGI Luxembourg SA, stabbilita f’Bertrange (il-Lussemburgu),

u

Intrasoft International SA, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu),

irrappreżentati minn N. Korogiannakis, avukat,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Parlament, meħudin fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti PE/ITEC-ITS14 dwar il-provvista ta’ servizzi tal-informatika fil-Parlament kif ukoll f’istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni Ewropea, li jirrifjutaw l-offerti tal-konsorzji IBI IUS u STEEL, li kienet tagħmel parti minnhom ir-rikorrenti, għal-Lottijiet Nri 2 u 3,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

komposta minn H. Kanninen, President, L. Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín u I. Reine (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Ottubru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-3 ta’ April 2014, il-Parlament Ewropew, li jaġixxi f’ismu stess u għan-nom ta’ istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni Ewropea, nieda stedina għal sottomissjoni għal sejħa għall-offerti PE/ITEC-ITS14, dwar provvista ta’ servizzi esterni tal-informatika (iktar ’il quddiem is- “sejħa għal offerti”).

2        Is-sejħa għall-offerti kienet maqsuma fi tmien lottijiet. L-iskopijiet tal-Lottijiet Nri 2 sa 4 kienu ddefiniti kif ġej:

–        Lott Nru 2: L-iżvilupp u l-manutenzjoni tas-sistemi ta’ xandir tal-informazzjoni;

–        Lott Nru 3: Żvilupp u manutenzjoni tas-sistemi ta’ produzzjoni tal-informazzjoni;

–        Lott Nru 4: Test tal-iżviluppi.

3        L-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt għall-proċedura tas-sejħa għal offerti (iktar ’il quddiem l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt”) ipprevedew l-għoti ta’ kuntratti qafas multipli għal kull lott u mekkaniżmu ta’ kaskata għall-eżekuzzjoni tal-imsemmija kuntratti qafas.

4        L-Artikolu 1.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kien jipprevedi:

“Il-persuni li jagħmlu l-offerta jistgħu jissottomettu offerta għal lott wieħed jew iktar, bl-eċċezzjoni ta’ inkompatibbiltajiet debitament imsemmija fid-deskrizzjoni ta’ kull lott. L-offerti ppreżentati għal lottijiet inkompatibbli suġġetti għal ordni ta’ preferenza għandhom jiġu miċħuda.”

5        L-Artikolu 1.4 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kien jipprovdi:

“L-operaturi ekonomiċi ma jistgħux jagħmlu parti minn iktar minn konsorzju li qed jippreżenta offerta, lanqas jiġu proposti bħala sottokuntratturi b’iktar minn offerent għall-istess lottijiet jew għal-lottijiet esklużivi.”

6        L-Anness II tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kien jipprevedi li l-preżentazzjoni ta’ offerta għal-Lott Nru 2 jew il-Lott Nru 3 kienet tinvolvi projbizzjoni għall-offerent li jissottometti, bħala kuntrattur wieħed, membru ta’ konsorzju jew sottokuntrattur, għal-Lott Nru 4 jew Lott Nru 6. Għal dak li jikkonċerna l-Lott Nru 4, l-istess projbizzjoni kienet prevista fir-rigward tal-Lottijiet Nri 2, 3 u 6.

7        Permezz ta’ stqarrija għall-istampa tat-8 ta’ April 2014, tħabbar li kienet prevista l-akkwist minn Sopra Group SA ta’ Groupe Steria SA.

8        Fit-22 ta’ Mejju 2014, il-konsorzji IBI IUS u STEEL, inklużi iż-żewġ Sopra Group, rispettivament issottomettew offerti għal-Lott Nru 2 u l-Lott Nru 3. Fl-istess jum, il-konsorzju TEPting, inkluż Steria Benelux SA, sussidjarja ta’ Groupe Steria, ippreżenta offerta għal-Lott Nru 4.

9        Barra minn hekk, fit-22 ta’ Mejju 2014, il-konsorzju CGI-Intrasoft International, magħmul mill-intervenjenti, CGI Luxembourg SA, u Intrasoft International SA, ressaq ukoll offerta għal-Lot Nru 3.

10      Kif jirriżulta mill-proċess, ir-rikorrenti, Sopra Steria Group SA, hija maħluqa mill-amalgamazzjoni ta’ Sopra Group ma’ entitajiet oħra, jiġifieri Groupe Steria, is-sussidjarja tagħha Steria SA u s-sussidjarja ta’ din tal-aħħar, Steria Benelux. Wara din l-amalgamazzjoni, Steria Benelux b’hekk saret sussidjarja indiretta ta’ Sopra Steria Group.

11      Fis-26 ta’ Ġunju 2014, Sopra Group bdiet l-akkwist ta’ Groupe Steria.

12      Fl-14 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li ma topponix għal skambju pubbliku ta’ azzjonijiet bejn Sopra Group u Groupe Steria.

13      Fis-6 ta’ Awwissu 2014, Sopra Group ħabbar li l-kriterju ta’ proporzjon minimu ta’ ishma skambjati kien issodisfat u li 79.69 % tal-ishma suġġetti għat-tranżazzjoni kienu ġew akkwistati.

14      Fil-5 ta’ Settembru 2014, Sopra Group akkwista 90.52 % tal-kapital u 89.41 % tad-drittijiet tal-vot ta’ Groupe Steria. Fl-istess jum, Sopra Group ingħata l-isem ġdid ta’ Sopra Steria Group.

15      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Settembru 2014, il-Parlament informa lill-konsorzju STEEL li l-offerta tiegħu kienet ġiet ikklassifikata fl-ewwel pożizzjoni għal-Lott Nru 3 u li dan kien wieħed mill-offerenti rebbieħa ta’ dan il-kuntratt.

16      Permezz ta’ ittra tal-istess jum, il-Parlament informa lill-konsorzju CGI-Intrasoft International li l-offerta tiegħu kienet ġiet ikklassifikata fit-tieni pożizzjoni għal-Lott Nru 3 u li dan kien wieħed mill-offerenti rebbieħa ta’ dan il-kuntratt.

17      Fit-30 ta’ Ottubru 2014, il-Parlament informa lill-konsorzju IBI IUS li l-offerta tiegħu kienet ġiet ikklassifikata fit-tieni pożizzjoni għal-Lott Nru 2 u li dan kien wieħed mill-offerenti rebbieħa ta’ dan il-kuntratt. Huwa informa wkoll lill-konsorzju TEPting li l-offerta tiegħu kienet ġiet ikklassifikata fit-tieni pożizzjoni għal-Lott Nru 4 u li dan kien wieħed mill-offerenti rebbieħa ta’ dan il-kuntratt.

18      Fl-10 u t-12 ta’ Novembru 2014, il-konsorzji IBI IUS u TEPting rċevew iktar informazzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-offerti għal lottijiet li għalihom kienu ssottomettew talba għal informazzjoni.

19      Il-Parlament ġie infurmat dwar il-proċess ta’ rikonċiljazzjoni bejn Sopra Steria Group u Groupe Steria, fit-12 ta’ Novembru 2014, permezz tal-ittra tal-intervenjenti.

20      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Novembru 2014 u rreġistrat bin-numru tal-Kawża T-769/14, l-intervenjenti, li jaġixxu fil-kapaċità tagħhom stess u f’isem u għan-nom tal-konsorzju CGI-Intrasoft International, ippreżentaw rikors intiż għall-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni tal-Parlament li tikklassifika l-offerta tagħhom fit-tieni pożizzjoni għal-Lott Nru 3 u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni tal-Parlament li tikklassifika l-offerta tal-konsorzju STEEL fl-ewwel pożizzjoni għal dak il-lott u jagħtih il-kuntratt bħala l-offerent rebbieħ tal-ewwel grad fil-mekkaniżmu ta’ kaskata kif ukoll il-kundanna tal-Parlament għall-ħlas tad-danni.

21      Permezz tal-ittri tal-Parlament tad-19 ta’ Novembru 2014, il-konsorzji IBI IUS, STEEL u TEPting ġew informati dwar is-sospensjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal-Lottijiet Nri 2 sa 4. L-imsemmija ittri spjegaw ir-raġuni għas-sospensjoni bil-mod segwenti: “[l]-għan ta’ din is-sospensjoni huwa li jiġi ddeterminat jekk l-informazzjoni addizzjonali riċevuta mill-Parlament [...] hija fondata u li tista’ taffettwa d-deċiżjoni ta’ għoti”.

22      Fil-21 ta’ Novembru 2014, il-konsorzji IBI IUS u STEEL informaw lill-Parlament dwar il-proċess ta’ akkwist ta’ Groupe Steria minn Sopra Steria Group. Steria Benelux pprovdiet l-istess informazzjoni lill-Parlament, billi pproponiet li “tirtira mill-kuntratt” għal-Lott Nru 4.

23      Fil-15 ta’ Diċembru 2014, il-konsorzju TEPting li minnu kienet tifforma parti Steria Benelux, informa lill-Parlament dwar l-irtirar tal-offerta tiegħu ppreżentata fil-kuntest tal-Lott Nru 4. Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Frar 2015, il-Parlament aċċetta l-irtirar tal-offerta tal-imsemmi konsorzju għal dak il-lott.

24      Fil-31 ta’ Diċembru 2014, peress li l-amalgamazzjoni bejn Sopra Steria Group u Groupe Steria ġiet kompletata, Sopra Steria Group żamm lil Steria Benelux għal 99.99 %.

25      Permezz ta’ ittri tal-15 u l-20 ta’ Jannar 2015, il-Parlament talab għal informazzjoni addizzjonali lill-konsorzji IBI IUS STEEL u TEPting kif ukoll lil Steria Benelux. Fil-fatt, huwa talab informazzjoni b’mod partikolari dwar is-sħubija ekonomika ta’ Steria Benelux għal Sopra Group fid-dawl tal-proċess ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ projbizzjoni ta’ offerti għal lottijiet inkompatibbli, li seta’ joħloq sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi.

26      B’ittra tat-22 ta’ Jannar 2015, il-konsorzji IBI IUS u STEEL irrispondew għal din it-talba. B’ittri tat-23 ta’ Jannar 2015, Sopra Steria Groupe u Steria Benelux pprovdew ukoll l-informazzjoni mitluba. F’dawn l-ittri, dawn l-erba’ entitajiet ċaħdu l-eżistenza ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ interessi u, konsegwentement, ta’ ostakolu fir-rigward tagħhom għas-sottomissjoni ta’ offerti għal lottijiet inkompatibbli. Barra minn hekk, huma sostnew li l-informazzjoni kollha rilevanti kienet ġiet sottomessa fil-ħin.

27      Permezz ta’ żewġ ittri tat-13 ta’ Frar 2015, il-Parlament informa lill-konsorzji IBI IUS u STEEL bid-deċiżjonijiet tiegħu li jiċħad l-offerti tagħhom rispettivament għal-Lott Nru 2 u l-Lott Nru 3 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”). Fis-16 ta’ Frar 2015, il-Parlament bagħat lir-rikorrenti dawn id-deċiżjonijiet.

28      Id-deċiżjonijiet ikkontestati huma bbażati, kull waħda minnhom, fuq l-istess żewġ motivi distinti.

29      Fl-ewwel lok, is-sottomissjoni fl-istess waqt tal-offerti tal-konsorzji IBI IUS, STEEL u TEPting għal-lottijiet inkompatibbli kisret l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 158(3) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2012, L 362, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Delega”), u l-Artikolu I.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. B’mod partikolari, il-Parlament ikkunsidra li, minħabba r-rikonċiljazzjoni bejn Sopra Group u Groupe Steria, ir-rikorrenti u Steria Benelux kienu saru l-istess operatur ekonomiku. Konsegwentement, il-konsorzji IBI IUS u STEEL, li r-rikorrenti kienet tagħmel parti minnhom, u TEPting li minnu Steria Benelux kienet tagħmel parti, kienu tefgħu l-offerti għal-lottijiet inkompatibbli, jiġifieri għal-Lottijiet Nri 2 u 3, minn naħa, u għal-Lott Nru 4, min-naħa l-oħra, minkejja l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu I.3 tal-ispeċifikazzjoni tal-kuntratt. F’dan ir-rigward, sabiex jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti u Steria Benelux kienu jifformaw l-istess operatur ekonomiku, mill-5 ta’ Settembru 2014, il-Parlament għamel applikazzjoni ta’ preżunzjoni konfutabbli, li r-rikorrenti ma kinitx waqqgħet, li tipprovdi li ż-żamma minn kumpannija ta’ kważi 100 % tal-ishma ta’ kumpannija oħra, bħal f’dan il-każ, tippermetti għall-ewwel kumpannija li teżerċita influwenza deċiżiva fuq it-tieni.

30      It-tieni nett, l-akkwiżizzjoni tal-kapital ta’ Groupe Steria minn Sopra Group ħolqot sitwazzjoni li tista’ tagħti lok għal kunflitt ta’ interessi li għandha tinġab għall-konjizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 107(1)(b) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”). Fil-fatt, skont il-Parlament, peress li l-offerent rebbieħ għal-Lott Nru 4 kien mitlub sabiex jevalwa s-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-Lottijiet Nri 2 u 3, iż-żamma indiretta, fil-5 ta’ Settembru 2014, mir-rikorrenti, membru tal-konsorzji IBI IUS u STEEL, ta’ 90.51 % tal-ishma ta’ Steria Benelux, membru tal-konsorzju TEPting, setgħet toħloq riskju ta’ parzjalità fl-eżekuzzjoni tal-Lott Nru 4 minn din tal-aħħar. L-irtirar tal-konsorzju TEPting minn dan tal-aħħar lott, fil-15 ta’ Diċembru 2014, ma jerġax iqiegħed inkwistjoni din il-konstatazzjoni. Konsegwentement, il-Parlament ikkonkluda li r-rikorrenti kienet inżammet informata dwar it-tranżazzjoni ta’ amalgamazzjoni sa mhux iktar tard mill-5 ta’ Settembru 2014. Għaldaqstant, huwa qies li r-rikorrenti, billi naqset milli tinformaha dwarha, kisret l-Artikolu 107(1)(b) tar-Regolament Finanzjarju. Għalhekk, huwa ddeċieda li kien meħtieġ jerġa’ jeżamina l-offerti tal-konsorzji IBI IUS u STEEL mingħajr ma kkunsidra lir-rikorrenti bħala membru tal-imsemmi konsorzji. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa qies li l-offerti ta’ dawn il-konsorzji ma kinux jissodisfaw iktar ir-rekwiżiti ta’ kapaċitajiet tekniċi previsti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

31      Il-Parlament bagħat ukoll, fit-13 ta’ Frar 2015, ittra li tinforma lill-konsorzju CGI-Intrasoft International li d-deċiżjoni tiegħu li jikklassifika l-offerta tiegħu fit-tieni pożizzjoni għal-Lott Nru 3 u d-deċiżjoni tiegħu li jattribwixxi dan il-lott lill-konsorzju STEEL bħala l-offerent rebbieħ tal-ewwel grad fil-mekkaniżmu ta’ kaskata kienu ġew annullati u ssostitwiti b’deċiżjoni ġdida li tikklassifika l-offerta tal-konsorzju CGI-Intrasoft International fl-ewwel pożizzjoni għal dak il-lott. Fis-6 ta’ Marzu 2015, dan il-konsorzju tal-aħħar ffirma l-kuntratt qafas bħala l-offerent rebbieħ tal-ewwel grad fil-mekkaniżmu ta’ kaskata għall-istess lott.

32      B’digriet tas-7 ta’ Lulju 2015, CGI Luxembourg u Intrasoft International vs Il-Parlament (T-769/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:540), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors fil-kawża li tat lok għal dan id-digriet.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

33      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ April 2015, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

34      Il-Parlament ippreżenta risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Lulju 2015.

35      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Settembru 2015, l-intervenjenti talbu, għan-nom tagħhom stess kif ukoll għal dak tal-Konsorzju CGI-Intrasoft International, li jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Parlament.

36      Ir-rikorrenti ippreżentat ir-replika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Settembru 2015.

37      Fid-9 ta’ Novembru 2015, il-Parlament wera l-kunsens tiegħu fuq it-talba għal intervent tal-intervenjenti.

38      Fl-10 ta’ Novembru 2015, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar it-talba għal intervent billi opponiet għal dan. Fl-osservazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti stiednet lill-Qorti Ġenerali sabiex titlob lill-Parlament jikkomunikalha l-ittri tal-20 u tas-26 ta’ Novembru 2014, imsemmija fl-Anness 4.D. tat-talba għal intervent, li dan kien indirizza lill-intervenjenti kif ukoll l-ittra tal-25 ta’ Novembru 2014 tal-Parlament, kif imsemmi fl-Anness 4.C tat-talba għal intervent.

39      Il-Parlament ippreżenta il-kontroreplika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Diċembru 2015.

40      B’digriet tas-7 ta’ Marzu 2016, Sopra Steria Group vs Il-Parlament (T-182/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:165), l-intervenjenti ġew ammessi li jintervjenu f’din il-kawża.

41      Fil-21 ta’ April 2016, l-intervenjenti ppreżentaw fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali n-nota ta’ intervent.

42      Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Ġunju 2016 tal-President tal-Qorti Ġenerali, minħabba t-tiġdid parzjali tal-Qorti Ġenerali, din il-kawża ġiet attribwita lil Imħallef Relatur ġdid.

43      Fis-17 ta’ Ġunju 2016, il-Parlament informa lill-Qorti Ġenerali li kien qed jirrinunzja d-dritt tiegħu li jippreżenta osservazzjonijiet dwar in-nota ta’ intervent.

44      Fl-24 ta’ Ġunju 2016, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq in-noti ta’ intervent.

45      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla, u din il-kawża ġiet, konsegwentement, assenjata lilha.

46      Fis-26 ta’ Lulju 2017, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet domandi bil-miktub lill-Parlament għal risposta waqt is-seduta. Barra minn hekk, l-ittri tal-20 u tas-26 ta’ Novembru 2014 li diġà jinsabu fil-proċess tal-kawża bħala l-Annessi 4.B u 4.C tat-talba għal intervent, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Parlament biex jipprovdi l-ittra tal-25 ta’ Novembru 2014. Il-Parlament irrisponda fit-terminu stabbilit.

47      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-3 ta’ Ottubru 2017.

48      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–        tiddikjara li minħabba dawn id-deċiżjonijiet kkontestati, il-kuntratt(i) konklużi mal-offerenti l-oħra huwa (huma) null(i) u bla effett;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż tal-proċeduri, inklużi dawk sostnuti mir-rikorrenti.

49      Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

50      L-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tiddeċiedi fuq l-ispejjeż skont ir-Regoli tal-Proċedura.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti

51      Permezz tat-tieni kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali li tiddikjara li kwalunkwe kuntratt konkluż mal-offerenti oħra fuq il-bażi tad-deċiżjonijiet ikkontestati huwa null u bla effett.

52      Għandu jiġi osservat li, billi talbet lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq il-konsegwenzi tal-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, billi tiddikjara li l-kuntratti konklużi ma’ offerenti oħra fuq il-bażi ta’ dawn id-deċiżjonijiet huma nulli u bla effett, ir-rikorrenti tfittex li tikseb dikjarazzjoni fuq l-effetti tas-sentenza preżenti, li tkun tikkostitwixxi wkoll ordni magħmula lill-Parlament fir-rigward tal-eżekuzzjoni tagħha. Issa, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, li tagħmel dikjarazzjonijiet fid-dritt (ara, b’analoġija, id-digriet tal-5 ta’ Lulju 2017, EEB vs Il-Kummissjoni, T-448/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:503, punt 40). Minbarra dan, minn ġurisprudenza stabbilita sew, il-Qorti Ġenerali ma tistax tindirizza ordni lill-istituzzjonijiet jew tissostitwixxi lil dawn tal-aħħar fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE. Din il-limitazzjoni tal-istħarriġ ta’ legalità hija applikabbli fil-kontenzjuż kollu li l-Qorti Ġenerali tista’ tieħu konjizzjoni tiegħu (ara s-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2017, Bay vs Il-Parlament, T-302/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:390, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digrieti tat-12 ta’ Novembru 1996, SDDDA vs Il-Kummissjoni, T-47/96, EU:T:1996:164, punt 45, u tas-6 ta’ Mejju 2013, Ethniko kai Kapodistriako Panepistimio Athinon vs ECDC, T-577/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:229, punt 12). Fil-fatt, skont l-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti Ġenerali tista’ biss tannulla l-att ikkontestat. Hija mbagħad l-istituzzjoni kkonċernata li għandha, skont l-Artikolu 266 TFUE, tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T-345/03, EU:T:2008:67, punt 46).

53      It-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti għandu għaldaqstant jiġi ddikjarat inammissibbli.

 Fuq il-mertu

54      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed biss, maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq ksur tal-kriterji ta’ esklużjoni previsti fl-Artikolu 107(1)(a) u (b) tar-Regolament Finanzjarju, ksur tal-Artikolu 158(3) tar-Regolament ta’ Delega kif ukoll il-ksur mill-Parlament tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. It-tieni parti hija bbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif imsemmi fl-Artikolu 102(1) tar-Regolament Finanzjarju.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-kriterji ta’ esklużjoni previsti fl-Artikolu 107(1)(a) u (b) tar-Regolament Finanzjarju, fuq il-ksur tal-Artikolu 158(3) tar-Regolament ta’ Delega kif ukoll fuq il-ksur mill-Parlament tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt

55      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma konsegwenza tal-konklużjoni żbaljata tal-Parlament li Steria Benelux u hija kellhom jitqiesu bħala l-istess operatur ekonomiku, jew bħala parti mill-istess operatur ekonomiku, fid-dawl tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kompatibbiltà tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, fatt li wassal għal kunflitt ta’ interessi potenzjali bejn dawn l-entitajiet u li, konsegwentement, il-konsorzji IBI IUS u STEEL, li kienet tagħmel parti minnhom ir-rikorrenti, kisru l-projbizzjoni ta’ offerti għal lottijiet inkompatibbli.

56      B’mod partikolari, minn naħa, ir-rikorrenti tallega li ma kien jeżisti ebda kunflitt ta’ interessi potenzjali waqt it-tnedija tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti u lanqas fil-mument tal-preżentazzjoni tal-offerti.

57      Skont ir-rikorrenti, fit-22 ta’ Mejju 2014, jiġifieri fil-mument tal-preżentazzjoni tal-offerti, Steria Benelux, bħala membru tal-konsorzju TEPting u Sopra Group, bħala membru tal-konsorzji STEEL u IBI IUS, kienu entitajiet legali distinti mingħajr l-ebda rabta jew konnessjoni kummerċjali bejniethom. Hija ssostni li, f’dak il-mument, ma kien hemm l-ebda ċertezza dwar l-eżitu tal-proċess ta’ amalgamazzjoni, filwaqt li tfakkar li huwa biss fl-14 ta’ Lulju 2014 li l-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix skambju pubbliku ta’ azzjonijiet mniedi minn Sopra Group dwar l-azzjonijiet ta’ Groupe Steria.

58      F’dak li jikkonċerna l-perijodu wara t-22 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrenti ssostni li l-Parlament għamel interpretazzjoni żbaljata tal-kriterji ta’ esklużjoni awtomatika previsti fl-Artikolu 107(1)(a) u (b) tar-Regolament Finanzjarju, fl-Artikolu 158(3) tar-Regolament ta’ Delega u mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt billi applikat il-projbizzjoni dwar il-preżentazzjoni tal-offerti għal lottijiet inkompatibbli l-ħin kollu matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

59      Ir-rikorrenti ssostni li, fi kwalunkwe każ, ma kienx hemm kunflitt ta’ interessi potenzjali waqt il-fażi ta’ evalwazzjoni tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti u wara n-notifika tad-deċiżjonijiet ta’ għoti rispettivament fit-18 ta’ Settembru 2014 għal-Lott Nru 3 u fit-30 ta’ Ottubru 2014 għal-Lottijiet Nri 2 u 4. L-istadji tal-amalgamazzjoni, li lanqas ma kienu għadhom tlestew fil-mument tad-deċiżjoni ta’ għoti, ma setgħu jinfluwenzaw bl-ebda mod il-preżentazzjoni tal-offerti, il-klassifikazzjoni tagħhom jew id-deċiżjoni ta’ għoti u, konsegwentement, bl-ebda mod ma setgħu joħolqu kunflitt ta’ interessi. L-ebda informazzjoni ma ġiet skambjata bejn il-kumpaniji, peress li dawn kienu jibqgħu kompetituri diretti sakemm l-akkwist ikun komplut, u dan huwa kkonfermat minn struzzjonijiet f’dan is-sens mibgħuta internament fit-23 ta’ April 2014 minn Sopra Group u Groupe Steria lill-impjegati tagħhom rispettivi.

60      Ir-rikorrenti ssostni, barra minn hekk, li għandu jitqies l-irtirar tal-offerta tal-konsorzju TEPting għal-lott Nru 4, propost fil-15 ta’ Diċembru 2014 u aċċettat mill-Parlament fit-13 ta’ Frar 2015. Fil-fehma tagħha, dan l-irtirar juri b’mod ċar li l-konsorzji, li fosthom ir-rikorrenti u Steria Benelux kienu jagħmlu parti, ma kellhom l-ebda intenzjoni li jippreġudikaw il-kompetizzjoni jew jiksru l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u ssaħħaħ l-argument tagħha fuq in-nuqqas ta’ kunflitt ta’ interessi, filwaqt li tfakkar li kunflitt ta’ interess ipotetiku qatt ma seta’ jieħu l-forma ta’ kunflitt ta’ interess reali, għax kien jidher ċar li TEPting ma kinitx ser teżegwixxi l-imsemmi lott.

61      Skont ir-rikorrenti, l-okkorrenza ta’ amalgamazzjoni għandha tingħad mill-1 ta’ Jannar 2015 mingħajr l-ebda ċertezza dwar is-suċċess tagħha ma kienet eżistiet qabel dik id-data.

62      Ir-rikorrenti tqis li n-nuqqas ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ interess huwa muri wkoll mit-tnedija, fis-27 ta’ Jannar 2015 mill-Parlament, tal-proċedura nnegozjata PE/ITEC-NPE-15.8. L-għan ta’ din il-proċedura kien jikkoinċidi manifestament mas-servizzi koperti mil-Lott Nru 3. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ebda klawżola ta’ inkompatibbiltà ma kienet ġiet prevista. Barra minn hekk, il-Parlament kien stieden jipparteċipa fil-proċedura inkwistjoni offerenti diġà inkarigati bit-twettiq tas-servizzi marbuta mal-lottijiet għal sejħa għal offerti oħra, jiġifieri s-sejħa għall-offerti PE/ITEC-ITS08, li l-kuntratt kien diġà alloka. Issa, l-eżekuzzjoni tal-imsemmija provvisti hija inkompatibbli, billi ssegwi l-loġika tad-deċiżjonijiet ikkontestati, mal-eżekuzzjoni tal-kuntratt fil-proċedura nnegozjata.

63      Ir-rikorrenti tikkritika lill-Parlament talli kkonkluda, mingħajr ma ddefinixxa l-kunċett ta’ “operatur ekonomiku” jew stabbilixxa li ġestjoni konġunta kienet ġiet implementata, li, mis-6 ta’ Awwissu 2014 u, l-iktar tard, fil-5 ta’ Settembru 2014, hija kienet tifforma parti mill-istess operatur ekonomiku ma’ Steria Benelux.

64      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tallega li l-kunċett ta’ “impriża” ma jistax jiġi interpretat kif użat fid-dritt tal-kompetizzjoni, peress li dan il-kunċett fid-dritt tal-kompetizzjoni, ifittex għanijiet differenti minn dawk previsti mil-liġi tal-kuntratti pubbliċi.

65      Skont ir-rikorrenti, fin-nuqqas li tintwera l-applikabbiltà tagħha f’dan il-każ, il-Parlament ma jistax jirrikorri għall-preżunzjoni konfutabbli tad-dritt tal-kompetizzjoni li tgħid li l-kumpannija parent kienet teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha. B’hekk, naqas mill-obbligu tiegħu li jinvestiga biex jistabbilixxi jekk kumpannija parent eżerċitat tali influwenza fuq is-sussidjarja tagħha.

66      Fi kwalunkwe każ, ma kien hemm l-ebda unità ekonomika waħda u Steria Benelux kienet aġixxiet b’mod indipendenti, mingħajr ma kien hemm unità fil-komportament. Barra minn hekk, amministrazzjoni konġunta ma tistax tiġi pprovata. F’dan ir-rigward, il-preżenza tal-istess persuna fi ħdan il-bordijiet ta’ diretturi ta’ Steria Benelux u ta’ Sopra Steria Group ma tistabbilixxix li influwenza determinanti jew kwalunkwe influwenza jew kienet eżerċitata awtomatikament jew setgħet tiġi preżunta. Konsegwentement, ir-rikorrenti u Steria tal-Benelux għandhom jitqiesu bħala entitajiet legali u operaturi ekonomiċi distinti.

67      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li ebda kunflitt ta’ interessi potenzjali ma kienet teżisti u li, fi kwalunkwe każ, il-Parlament ġie debitament infurmat dwar il-proċess ta’ amalgamazzjoni. Hija tippreċiża li l-istedina għas-sottomissjoni għall-proċedura ta’ sejħa għal offerti kienet tipprojbixxi kwalunkwe kuntatt mal-Parlament matul il-proċedura, ħlief f’każijiet eċċezzjonali u taħt ċerti kundizzjonijiet imniżżla. Issa, fil-fehma tagħha, in-notifika ta’ intenzjoni ta’ amalgamazzjoni jew ta’ amalgamazzjoni imminenti ma kinitx tifforma parti minnhom. Barra minn hekk, hija ssostni li huwa biss matul ix-xhur ta’ Ottubru u Novembru 2014 li hija ħadet konjizzjoni dwar il-fatt li Steria Benelux kienet ipparteċipat fil-proċedura relattiva għal-Lott Nru 4. B’ittri tal-21 ta’ Novembru 2014, il-konsorzji IBI IUS u STEEL kienu debitament informaw lill-Parlament dwar l-amalgamazzjoni imminenti wara li dan kien ikkuntattjahom, fid-19 ta’ Novembru 2014, dwar is-sospensjoni tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Fl-aħħar nett, fil-fehma tagħha, l-ewwel idea tal-amalgamazzjoni kienet ġiet mħabbra fi stqarrija għall-istampa tat-8 ta’ April 2014. Għaldaqstant, skont l-obbligu tiegħu li jevalwa fid-dettall l-offerti u l-offerenti, il-Parlament kellu konjizzjoni tal-proċess ta’ rikonċiljazzjoni bejn Sopra Group u Groupe Steria.

68      Il-Parlament u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Osservazzjonijiet preliminari

69      F’dan il-każ, kif ġie indikat fil-punti 28 sa 30 iktar ’il fuq, id-deċiżjonijiet ikkontestati huma bbażati fuq żewġ motivi distinti.

70      F’dan ir-rigward, kif ġie indikat fil-punt 29 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-ewwel motiv tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Parlament ikkunsidra li l-konsorzji IBI IUS u STEEL, li kienet tagħmel parti minnhom r-rikorrenti, u TEPting, li minnu Steria Benelux kienet tifforma parti, kienu tefgħu l-offerti għal-lottijiet inkompatibbli, bi ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 158(3) tar-Regolament ta’ Delega u għall-Artikolu I.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Issa, hekk kif jirriżulta mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, il-ksur tagħha jwassal għaċ-ċaħda tal-offerti, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi stabbilit ksur ieħor simultanjament. Konsegwentement, dan l-ewwel motiv, jekk jirriżulta, huwa biżżejjed sabiex jiġu miċħuda l-offerti tal-konsorzji IBI IUS u STEEL, li kienet tagħmel parti minnu r-rikorrenti, għal-Lottijiet Nri 2 u 3.

71      F’dak li jirrigwarda t-tieni motiv tad-deċiżjonijiet ikkontestati, kif espost fil-punt 30 iktar ’il fuq, ibbażat fuq in-nuqqas li tiġi pprovduta l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 107(1)(b) tar-Regolament Finanzjarju, għandu jiġi osservat li dan il-motiv per se jwassal, skont il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għall-esklużjoni tal-offerent li żbalja l-għoti tal-kuntratt, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi stabbilit li hemm irregolaritajiet oħra. F’dan il-każ, kif ġie indikat fil-punt 30 iktar ’il fuq, il-Parlament ikkunsidra li kien hemm lok li r-rikorrenti tiġi eskluża mill-għoti tal-kuntratt minħabba ksur ta’ din id-dispożizzjoni tar-Regolament Finanzjarju u ma tibqax titqies fl-evalwazzjoni tal-offerti tal-konsorzji IBI IUS u STEEL, u li, minħabba dan il-fatt, ma kinux għadhom jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kapaċitajiet tekniċi previsti mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u, konsegwentement, kellhom jiġu miċħuda.

72      Għaldaqstant, kull wieħed miż-żewġ motivi invokati mill-Parlament fid-deċiżjonijiet ikkontestati jiġġustifika, waħdu, li jiġu miċħuda l-offerti tal-konsorzji IBI IUS u STEEL, li kienet tagħmel parti minnhom ir-rikorrenti, għal-Lottijiet Nri 2 u 3.

73      Sa fejn ir-rikorrenti ma tikkontestax il-konklużjonijiet li ħa l-Parlament fil-kuntest tat-tieni motiv, fir-rigward tal-kriterju tal-kapaċitajiet tekniċi, huwa biżżejjed li l-applikazzjoni, minn dan tal-aħħar, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 158(3) tar-Regolament ta’ Delega jew, alternattivament, l-Artikolu 107(1)(b) tar-Regolament Finanzjarju tkun ħielsa minn żball biex l-ewwel parti tal-motiv uniku tkun miċħuda.

74      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis opportun li teżamina, fl-ewwel lok, it-tieni motiv li fuqu huma bbażati d-deċiżjonijiet ikkontestati, jiġifieri l-ksur tal-Artikolu 107(1)(b) tar-Regolament Finanzjarju.

75      Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tat-tieni motiv tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Parlament ma jallegax li kienet teżisti sitwazzjoni reali ta’ kunflitt ta’ interessi jew ksur tal-Artikolu 107(1)(a) tar-Regolament Finanzjarju. Kif jirriżulta mill-punti 31 sa 34 tal-imsemmija deċiżjonijiet, huwa jikkritika lir-rikorrenti biss talli ma infurmatux dwar sitwazzjoni li tista’ tagħti lok għal kunflitt ta’ interessi bi ksur tal-Artikolu 107(1) tal-imsemmi regolament.

76      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 107(1) tar-Regolament Finanzjarju, huma esklużi mill-għoti ta’ kuntratt il-kandidati jew l-offerenti li, matul il-proċedura ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt, ma pprovdewx l-informazzjoni mitluba mill-awtorità kontraenti.

77      Għalhekk, sabiex tiġi evalwata l-legalità tat-tieni motiv tad-deċiżjonijiet ikkontestati, fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat jekk kinuxx jeżisti, f’dan il-każ, elementi li jistgħu joħolqu sitwazzjoni li tista’ tagħti lok għal kunflitt ta’ interessi, anki fid-dawl tal-projbizzjoni prevista fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li ma jiġux issottomessi offerti għal lottijiet inkompatibbli. Fit-tieni lok, fl-affermattiv, ikun meħtieġ li jiġi eżaminat jekk, u jekk ikun il-każ, f’liema mument, ir-rikorrenti kienet obbligata tinforma lill-Parlament skont l-Artikolu 107(1)(b) tar-Regolament Finanzjarju.

–       Fuq l-eżistenza ta’ elementi li jistgħu joħolqu sitwazzjoni li tista’ tagħti lok għal kunflitt ta’ interessi

78      Skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 107 tar-Regolament Finanzjarju, peress li għandu l-għan li jipprevjeni l-kunflitti ta’ interess, huwa intiż li jiggarantixxi l-indipendenza usa’ tal-offerenti fir-rigward ta’ intervenjenti oħra potenzjali, kemm minn perspettiva strutturali jew funzjonali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2006, TEA-CEGOS et vs Il-Kummissjoni, T-376/05 u T-383/05, EU:T:2006:47, punti 53, 58 u 59).

79      Hemm lok, barra minn hekk, li jiġi kkunsidrat li l-projbizzjoni ta’ offerti lill-istess operatur ekonomiku, direttament jew indirettament, għal-lottijiet inkompatibbli huwa intiż sabiex jiġi evitat li l-kompetizzjoni tkun distorta u jiġi implimentat il-kunċett ta’ sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess fis-sens tal-Artikolu 107 tar-Regolament Finanzjarju (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-20 ta’ April 2007, TEA-CEGOS u STG vs Il-Kummissjoni, C-189/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:242, punt 28).

80      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-Formola Nru 4(g) magħquda mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, kunflitt ta’ interessi jista’ jkun ġej minn rabtiet ekonomiċi jew rabtiet oħra relevanti jew interessi komuni. Għandu jiġi rrilevat ukoll li, taħt it-taqsima dwar il-mezzi ta’ prova għall-kriterji ta’ esklużjoni ta’ l-Artikolu I.13.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, kien obbligatorju għal kull offerent li jiffirma u jibgħat din il-formola.

81      Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tas-sejħa għal offerti, il-kompiti tal-offerent rebbieħ tal-Lott Nru 4 jikkonsistu fl-evalwazzjoni tas-servizzi pprovduti għall-eżekuzzjoni tal-Lottijiet Nri 2 u 3. Il-projbizzjoni ta’ offerta għal lottijiet inkompatibbli, jiġifieri, minn naħa, għal-Lottijiet Nri 2 u 3 u, min-naħa l-oħra, għal-Lott Nru 4, li jirriżulta mill-Artikolu I.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt moqri flimkien mal-Anness II tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, tinsab f’dan il-kuntest.

82      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fil-5 ta’ Settembru 2014, ir-rikorrenti kellha 90.52 % tal-kapital u 89.41 % tad-drittijiet tal-vot ta’ Groupe Steria u li, f’dak il-mument, Steria Benelux kienet kumpannija sussidjarja miżmuma 99.99 % minn Steria, hija stess miżmuma 100 % ta’ Groupe Steria.

83      Għalhekk, fil-każ fejn, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tas-servizzi li jaqgħu taħt il-
Lott Nru 4, Steria Benelux kienet tasal sabiex tevalwa, bħala membru tal-konsorzju TEPting, is-servizzi pprovduti mir-rikorrenti b’eżekuzzjoni tal-Lottijiet Nri 2 u 3, l-eżekuzzjoni korretta tagħhom setgħet tiġi kompromessa, sa fejn hija setgħet kellha interess li tivvaluta b’mod parzjali s-servizzi pprovduti mir-rikorrenti minħabba r-rabtiet strutturali u interessi kondiviżi tagħhom.

84      Barra minn hekk, elementi oħra li jikkorroboraw l-eżistenza ta’ rabtiet rilevanti bejn ir-rikorrenti u l-kumpannija parent ta’ Steria Benelux jew ta’ interessi kondiviżi, skont il-Formola Nru 4 (g) mehmuża mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

85      L-ewwel nett, kif josserva l-Parlament, l-istqarrijiet għall-istampa tat-8 ta’ April u tas-6 ta’ Awwissu 2014 ġew ippubblikati taħt iż-żewġ ismijiet ta’ Sopra Group u Groupe Steria billi ssemmi żewġ kuntatti separati, filwaqt li l-istqarrija għall-istampa tal-5 ta’ Settembru 2014 kienet issemmi biss l-uniku kuntatt u li l-istqarrija għall-istampa tat-3 ta’ Diċembru 2014 kienet ippubblikata biss taħt l-isem wieħed ta’ Sopra Steria u semmiet biss kuntatt wieħed.

86      It-tieni nett, fil-5 ta’ Settembru 2014, Sopra Group ingħatat l-isem ġdid ta’ Sopra Steria Group, skont l-impenji meħuda waqt l-assemblea ġenerali tar-rikorrenti tas-27 ta’ Ġunju 2014, li tibni fuq il-proċess ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ ħolqien ta’ interessi komuni bejn iż-żewġ entitajiet ekonomiċi.

87      It-tielet nett, fil-5 ta’ Settembru 2014, il-mandat ta’ amministratur ta’ Sopra Steria Group tal-President-Direttur Ġenerali ta’ Steria Benelux ħa effett, skont l-impenji meħuda waqt l-assemblea ġenerali tar-rikorrenti, u dan jikkostitwixxi indizju li jissuġġerixxi rabtiet rilevanti bejn ir-rikorrenti u Steria Benelux jew interessi komuni.

88      Minn dak li ntqal jirriżulta li kien hemm biżżejjed elementi li jistgħu joħolqu sitwazzjoni li tista’ tagħti lok għal kunflitt ta’ interessi fis-sens tal-Formola Nru 4(g), mehmuża mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kif ukoll il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 78 iktar ’il fuq, li kellhom jiġu kkunsidrati mill-Parlament fl-istadju tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, anki jekk dan ir-riskju finalment ma seħħx minħabba l-irtirar tal-konsorzju TEPting tal-Lott Nru 4 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ April 2007, Deloitte Business Advisory vs Il-Kummissjoni, T-195/05, EU:T:2007:107, punti 67 u 75).

89      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-projbizzjoni li jiġu sottomessi offerti għal lottijiet inkompatibbli japplika biss fil-mument preċiż tas-sottomissjoni tal-offerti.

90      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif indikat mill-Parlament, il-projbizzjoni msemmija fil-punt 89 iktar ’il fuq, li l-ġustifikazzjoni tagħhom hija wkoll ispirata mill-għan li jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interessi, kienet intiża li tipprekludi li offerent, bi ksur ta’ din il-projbizzjoni, isir kontraenti, jew membru tal-konsorzji kontraenti simultanjament għal-Lottijiet Nri 2 jew 3, minn naħa, u għal-Lott Nru 4, min-naħa l-oħra.

91      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni msemmija fil-punt 89 iktar ’il fuq biss fil-mument preċiż tas-sottomissjoni tal-offerti kienet iċċaħdu mill-effett utli tiegħu sa fejn dan l-għan jista’ jiġi evitat u għall-eżekuzzjoni tajba tal-kuntratt kompromessa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Novembru 2002, Scan Office Design vs Il-Kummissjoni, T-40/01, EU:T:2002:288, punt 87, u tal-26 ta’ Settembru 2014, B & S Europe vs Il-Kummissjoni, T-222/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:837, punt 85). Fil-fatt, l-effett utli ta’ din il-projbizzjoni huwa assigurat biss jekk tkun applikabbli matul il-proċedura kollha bil-għan li wieħed jifhem kwalunkwe avveniment, anki wara s-sottomissjoni ta’ offerti li jwassal li operatur jingħata l-eżekuzzjoni tal-lottijiet inkompatibbli.

92      Għalhekk hemm lok li jiġi konkluż li l-projbizzjoni msemmija fil-punt 89 iktar ’il fuq hija applikabbli matul il-proċedura kollha ta’ għoti ta’ kuntratt.

93      Konsegwentement, huwa irrilevanti li r-rabtiet strutturali bejn ir-rikorrenti u Steria Benelux jew li l-interessi kondiviżi tagħhom jinħolqu wara l-mument tas-sottomissjoni tal-offerti. Dan jgħodd ukoll f’dak li jirrigwarda l-fatt li l-amalgamazzjoni bejn Sopra Group u Groupe Steria tlestiet biss fl-1 ta’ Jannar 2015, sa fejn ġie stabbilit li r-rabtiet rilevanti bejn dawn l-entitajiet jistgħu joħolqu sitwazzjoni li tista’ tagħti lok għal kunflitt ta’ interessi li kienu jeżistu preċedentement.

94      Għandu jiġi rrilevat ukoll li r-rikorrenti ma wrietx li l-istruzzjonijiet mibgħuta internament fit-23 ta’ April 2014 minn Sopra Group u Groupe Steria lill-impjegati tagħhom rispettivi kienu għadhom applikabbli wara l-akkwiżizzjoni ta’ 90.52 % tal-ishma ta’ din tal-aħħar fil-5 ta’ Settembru 2014.

95      Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li l-Parlament ma wettaqx żball meta kkunsidra li, mill-5 ta’ Settembru 2014, kien hemm elementi li jistgħu joħolqu sitwazzjoni li tista’ tagħti lok għal kunflitt ta’ interessi.

96      Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk, u, jekk ikun il-każ, minn liema mument, ir-rikorrenti kienet obbligata tinforma lill-Parlament skont l-Artikolu 107(1) (b) tar-Regolament Finanzjarju.

–       Fuq l-obbligu li tingħata l-informazzjoni meħtieġa mill-awtorità kontraenti

97      Kif tfakkar fil-punt 76 iktar ’il fuq, jirriżulta mill-Artikolu 107(1) (b) tar-Regolament Finanzjarju li ma jistax jingħata kuntratt lil kandidati jew offerenti li, matul il-perijodu ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt, ma pprovdewx l-informazzjoni mitluba mill-awtorità kontraenti.

98      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont il-Formola Nru 4(h) mehmuża mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, l-offerenti huma impenjati biex jinformaw lill-awtorità kontraenti bi kwalunkwe sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi jew li tista’ tagħti lok għal dan. Kif indikat fil-paragrafu 80 iktar ’il fuq, l-offerenti kienu obbligati jiffirmaw u jibagħtu l-imsemmija formula.

99      Minn dan jirriżulta li l-obbligu ta’ informazzjoni inkwistjoni li jaqa’ fuq l-offerenti fil-kuntest tas-sejħa għal offerti jirrigwarda b’mod partikolari r-riskji li wieħed mill-membri tagħhom jinsab f’sitwazzjoni li tista’ tagħti lok għal kunflitt ta’ interessi.

100    Konsegwentement, fid-dawl tal-konklużjoni li saret fil-punt 95 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, l-informazzjoni dwar il-proċedura ta’ rikonċiljazzjoni bejn l-appellanti u Groupe Steria, li tagħha Sopra Benelux kienet sussidjarja, għandha titqies bħala “informazzjoni meħtieġa mill-awtorità kontraenti bħala kundizzjoni għall-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ akkwist” fis-sens tal-Artikolu 107(1)(b) tar-Regolament Finanzjarju.

101    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li, skont l-Artikolu 107(1)(b) tar-Regolament Finanzjarju, u kif jirriżulta wkoll mill-Formola Nru 4(h), mehmuża mal-ispeċifikazzjoni tal-kuntratt, kienet ir-rikorrenti li kellha, direttament jew permezz tal-konsorzji li kienet parti minnhom, li turi diliġenza u tinforma lill-Parlament fuq inizjattiva tagħha stess u mingħajr terminu mill-akkwist minn Sopra Group tal-ishma ta’ Groupe Steria, li tagħha Steria Benelux kienet sussidjarja, li sar fil-5 ta’ Settembru 2014, sabiex tkun tista’ jkollha l-elementi kollha neċessarji sabiex tevalwa s-sitwazzjoni tar-rikorrenti u li tieħu miżuri xierqa, jekk ikun meħtieġ. Madankollu, il-Parlament ma ġiex infurmat mill-konsorzji IBI IUS u STEEL, li kienet tagħmel parti minnhom ir-rikorrenti, bil-proċess ta’ akkwist ta’ Groupe Steria minn Sopra Group, għall-ewwel darba, ħlief fil-21 ta’ Novembru 2014, wara l-aħbar tal-Parlament, fid-19 ta’ Novembru 2014, tas-sospensjoni tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt. Id-dewmien li bih dawn l-elementi ġew ipprovduti lill-Parlament, li huwa nieqes minn kull ġustifikazzjoni xierqa, ma jistax jiġi ammess, minkejja l-argumenti mressqa minnha quddiem il-Qorti Ġenerali.

102    L-ewwel nett, din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata permezz tal-proposta tal-konsorzju TEPting, fil-15 ta’ Diċembru 2014, li tirtira l-offerta tagħha għal-Lott Nru 4, sa fejn ir-rikorrenti kellha tipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-awtorità kontraenti mhux iktar tard mill-5 ta’ Settembru 2014, fil-mument fejn hija kellha 90.52 % tal-kapital u 89.41 % tad-drittijiet ta’ vot ta’ Groupe Steria. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-elementi fir-rigward ta’ membru ta’ konsorzju li jistgħu joħolqu sitwazzjoni li tista’ tagħti lok għal kunflitt ta’ interessi li ma ngħatawx minkejja li kienu meħtieġa mill-awtorità kontraenti, din tal-aħħar hija obbligata teskludi tali membru mill-għoti tal-kuntratt meta hija tikkonstata n-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-imsemmija informazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2014, Flying Holding et vs Il-Kummissjoni, T-91/12 u T-280/12, EU:T:2014:832, punt 75).

103    It-tieni nett, fir-rigward tal-projbizzjoni li jiġi kkuntattjat il-Parlament matul il-proċedura li tinsab fl-istedina għall-offerti għall-proċedura ta’ sejħa għal offerti, huwa minnu li sar kuntatt bejn l-offerenti u l-Parlament huwa pprojbit ħlief f’każijiet eċċezzjonali elenkati f’din l-istedina. Madankollu, din il-projbizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod raġonevoli. L-għan ewlieni tiegħu huwa li jiġi evitat l-eżerċizzju ta’ kwalunkwe influwenza matul l-evalwazzjoni tal-offerti u l-emenda tal-offerti. Din il-konstatazzjoni tirriżulta mill-fatt li kull kuntatt għall-inizjattiva tal-offerenti wara l-ftuħ tal-offerti huwa projbit, filwaqt li dan ma huwiex il-każ tal-kuntatti mibdija mill-Parlament.

104    Issa, informazzjoni bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, jiġifieri l-akkwist mir-rikorrenti ta’ ishma ta’ kumpannija li hija membru ta’ konsorzju li jkun għamel offerta għal lott inkompatibbli ma’ lottijiet oħra li għalihom l-konsorzji li kienet tagħmel parti minnhom kienu ssottomettew wkoll offerti, jirrilevaw kull evidenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ kuntatt mal-Parlament matul il-proċedura, iktar u iktar li l-imsemmija ċirkustanzi jikkonċernaw l-osservanza tal-kundizzjonijiet ewlenin previsti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Kif huwa indikat fil-punt 98 iktar ’il fuq, kien ġie previst b’mod ċar fil-Formola Nru 4 mehmuża mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li kull sitwazzjoni li tista’ toħloq kunflitt ta’ interessi kellha tiġi ddikjarata mingħajr dewmien mill-offerenti.

105    Għalhekk, kuntatt mal-Parlament li huwa intiż li jinformawh dwar l-eżistenza ta’ elementi li jistgħu joħolqu sitwazzjoni li tista’ tagħti lok għal riskju ta’ kunflitt ta’ interess li jikkonċerna membru ta’ diversi konsorzji ma kellhiex l-għan li tbiddel l-offerti sottomessi mill-imsemmija konsorzji għall-benefiċċju tagħhom u lanqas jinfluwenzaw il-Parlament fil-kuntest tal-evalwazzjoni konkreta tal-offerti. Għall-kuntrarju, din l-informazzjoni tippermetti ġustament lill-Parlament jevalwa, b’konjizzjoni tal-kwistjoni, jekk l-offerta tkun ikkonformat mar-rekwiżiti inklużi fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma tistax validament tallega li kien impossibbli li tikkuntattja lill-Parlament minħabba l-projbizzjoni ta’ kuntatt matul il-proċedura.

106    It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-konsorzji IBI IUS u STEEL li kienet tagħmel parti minnhom informaw lill-Parlament dwar is-sitwazzjoni fi żmien xieraq, għandu jiġi kkonstatat li huwa biss b’risposta għall-ittri tal-Parlament tad-19 ta’ Novembru 2014, dwar is-sospensjoni tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt, li dan kien ġie infurmat dwar il-proċess ta’ rikonċiljazzjoni bejn Sopra Group u Groupe Steria, permezz tal-ittri tal-21 ta’ Novembru 2014 tal-konsorzji IBI IUS STEEL u ta’ Steria Benelux. Barra minn hekk, l-ittri tal-21 ta’ Novembru 2014 jippreċiżaw li din l-informazzjoni ngħatat biss minħabba l-fatt li l-konsorzji IBI IUS u STEEL u Steria Benelux kienu ġew informati b’mod informali li din ir-rikonċiljazzjoni kienet possibbilment fl-oriġini tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni.

107    F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ma tistax validament issostni li l-konsorzji li kienet tagħmel parti minnhom aġixxew f’waqtu u fuq inizjattiva tagħhom stess sabiex jirrimedjaw in-nuqqas tagħhom li jipprovdu l-informazzjoni obbligatorja lill-Parlament fiż-żmien meħtieġ.

108    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li kien biss matul ix-xhur ta’ Ottubru u Novembru li hija ħadet konjizzjoni dwar il-fatt li Steria Benelux kienet ipparteċipat fil-proċedura relattiva għal-Lott Nru 4. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tistax tiġġustifika n-nuqqas tagħha li tipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-awtorità kontraenti minħabba n-nuqqas ta’ diliġenza meħtieġa min-naħa tiegħu. L-ommissjoni li tipprovdi din l-informazzjoni tirrigwarda kemm atti volontarji kif ukoll dawk li huma kommessi b’negliġenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2014, Flying Holding et vs Il-Kummissjoni, T-91/12 u T-280/12, EU:T:2014:832, punt 75).

109    Il-ħames nett, fir-rigward tal-istqarrija għall-istampa tat-8 ta’ April 2014 li ħabbret l-eventwali amalgamazzjoni bejn Sopra Group u Groupe Steria kif ukoll l-allegat ksur tal-Parlament tal-obbligu tiegħu li jevalwa fid-dettall l-offerti u l-offerenti, jirriżulta b’mod ċar mill-Formola Nru 4(h), mehmuża mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kif ukoll mill-kliem tal-Artikolu 107(1)(b) tar-Regolament Finanzjarju li kien il-kompitu tar-rikorrenti li tinforma lill-Parlament bir-rikonċiljazzjoni bejn Sopra Group u Groupe Steria. Issa, l-imsemmija stqarrija għall-istampa ma ġietx maħsuba u lanqas ikkomunikat lill-Parlament mir-rikorrenti jew minn dawk tal-konsorzji li hija kienet tifforma parti minnhom. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 106 iktar ’il fuq, dawn il-konsorzji informaw lill-Parlament bl-imsemmi rikonċiljazzjoni li biss fil-21 ta’ Novembru 2014, b’risposta għall-ittri tal-Parlament tad-19 ta’ Novembru 2014.

110    Għaldaqstant, dan l-ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

111    Is-sitt nett, ir-rikorrenti ssostni li l-assenza ta’ riskju ta’ kunflitt ta’ interessi ma għandux jiġi rrapportat lill-awtorità kontraenti kien muri wkoll mit-tnedija, mill-Parlament, tal-proċedura nnegozjata PE/ITEC-NPE-15.8. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-għan ta’ din il-proċedura kien parzjalment simili għal dak tas-sejħa għal offerti fir-rigward tas-servizzi koperti mil-Lott Nru 3. Issa, skont ir-rikorrenti, dik il-proċedura nnegozjata ma pprevediet l-ebda klawżola ta’ inkompatibbiltà.

112    F’dan il-kuntest, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għalkemm il-proċedura nnegozjata tista’ tinbeda biss mill-awtorità kontraenti fil-preżenza ta’ sitwazzjonijiet speċifiċi, bħal offerti irregolari jew mhux aċċettabbli ppreżentati b’risposta għal proċedura miftuħa u magħluqa qabel, previsti fl-Artikolu 135(1)(a) tar-Regolament ta’ Delega, jibqa’ l-fatt li din tikkostitwixxi proċedura awtonoma u distinta minn kull proċedura oħra ta’ għoti ta’ kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, Direct Way u Direct Way Worldwide vs Il-Parlament, T-126/13, EU:T:2015:819, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, skont il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, is-sejħa għal offerti u l-proċedura nnegozjata PE/ITEC-NPE-15.8 mhumiex marbuta. Minn dan isegwi li l-kundizzjonijiet previsti fil-kuntest ta’ din il-proċedura ma jistgħux jaffettwaw is-sejħa għall-offerti. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma tistax validament tinvoka din il-proċedura sabiex turi li ma kien hemm ebda riskju ta’ kunflitt ta’ interessi f’dan il-każ u li ma kienx neċessarju li tinnotifika dan lill-awtorità kontraenti.

113    Minn dan isegwi li l-Parlament ġustament eskluda lir-rikorrenti mill-għoti tal-kuntratt u, konsegwentement, ċaħad l-offerti tal-konsorzji IBI IUS u STEEL minħabba l-ksur tal-obbligu, bis-saħħa tal-Artikolu 107(1)(b) tar-Regolament Finanzjarju, biex jipprovdulu l-informazzjoni dwar l-elementi li jistgħu joħolqu sitwazzjoni li tista’ tagħti lok għal kunflitt ta’ interessi fir-rigward tar-rikorrenti.

114    Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel parti tal-motiv uniku għandha tiġi miċħuda mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat l-ewwel motiv invokat fid-deċiżjonijiet ikkontestati.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif imsemmi fl-Artikolu 102(1) tar-Regolament Finanzjarju

115    Skont ir-rikorrenti, il-Parlament kiser l-Artikolu 102(1) tar-Regolament Finanzjarju, li jirriżulta minn ċertu numru ta’ konstatazzjonijiet.

116    L-ewwel nett, skont ir-rikorrenti, motivazzjoni dettaljata u investigazzjoni bir-reqqa huma meħtieġa iktar f’dan il-każ, peress li la l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u lanqas ir-Regolament Finanzjarju ma kienu jipprevedu esklużjoni awtomatika f’każ ta’ eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi potenzjali. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 142 tar-Regolament ta’ Delega, il-Parlament kien obbligat li jivvaluta s-sitwazzjoni b’rispett għall-prinċipju ta’ proporzjonalità.

117    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-konsorzji IBI IUS u STEEL sabu, mehmuża mal-ittri indirizzati lilhom mill-Parlament, fit-18 ta’ Settembru 2014 u fit-30 ta’ Ottubru 2014 rispettivament, żewġ kopji tal-kuntratti biex jiffirmaw u jibagħtulu. Hija tqies li huma għamlu dan b’fiduċja li l-Parlament kien eżamina bir-reqqa l-offerti. Konsegwentement, fil-fehma tagħha, il-Parlament kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ bona fide.

118    Ir-rikorrenti żżid li, skont l-Artikolu I.13 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u l-Artikolu 107(2) tar-Regolament Finanzjarju, il-Parlament kellu jevalwa jekk ċerti offerenti kellhom jiġu esklużi. Għaldaqstant, billi ta l-kuntratti lill-konsorzji IBI IUS u STEEL, il-Parlament ikkonferma l-assenza ta’ kull kunflitt ta’ interessi fid-dawl tal-obbligu li kien jaqa’ fuqu li jwettaq eżami bir-reqqa tas-sitwazzjoni. B’hekk, il-Parlament kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba li huwa kkonferma, fl-ewwel lok, in-nuqqas ta’ kwalunkwe raġuni għall-esklużjoni.

119    It-tielet nett, ir-rikorrenti tenfasizza li, fil-15 ta’ Diċembru 2014, il-konsorzju TEPting ppropona li jirtira l-offerta tiegħu għal-Lott Nru 4 u li l-Parlament, b’ittra tad-9 ta’ Frar 2015, talbu japprova estensjoni tal-perijodu ta’ validità ta’ din l-offerta sat-18 ta’ Frar 2015. Madankollu, fit-13 ta’ Frar 2015, il-Parlament aċċetta dan l-irtirar.

120    B’hekk, mhux biss il-Parlament aċċetta l-irtirar tal-offerta tal-konsorzju TEPting wara terminu eċċessivament twil, iżda wkoll adotta d-deċiżjonijiet ikkontestati billi jitħalla jgħaddi terminu eċċessivament twil wara n-notifika tad-deċiżjonijiet ta’ sospensjoni tad-19 ta’ Novembru 2014. Għaldaqstant, kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

121    Barra minn hekk, fl-ipoteżi fejn ikun hemm ksur tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il-Parlament kellu jieħu, bħal deċiżjonijiet dwar il-Lottijiet Nri 2 u 3, deċiżjoni dwar l-esklużjoni tal-konsorzju TEPting għal-Lott Nru 4 minflok ma jaċċetta l-proposta tiegħu ta’ rtirar tal-offerta li huwa kien issottometta għal dan il-lott tal-aħħar. Skont ir-rikorrenti, dawn huma deċiżjonijiet inkonsistenti liema fatt jikser il-prinċipju ta’ trasparenza.

122    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li, bit-tnedija tal-proċedura nnegozjata PE/ITEC-NPE-15.8, il-Parlament ħoloq b’mod attiv kunflitt ta’ interessi potenzjali, filwaqt li, fl-istess ħin, kien eskluda l-konsorzji IBI IUS u STEEL mill-għoti tal-kuntratt minħabba kunflitt ta’ interessi simili, u dan jikkostitwixxi ksur manifest tal-Artikolu 102(1) tar-Regolament Finanzjarju.

123    Il-Parlament u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

124    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 102(1) tar-Regolament Finanzjarju, il-kuntratti pubbliċi kollha li huma ffinanzjati totalment jew parzjalment mill-baġit għandhom jirrispettaw il-prinċipji tat-trasparenza, tal-proporzjonalità, tal-ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni u l-prinċipju ta’ trasparenza, li essenzjalment għandu l-għan li jiggarantixxi l-assenza ta’ riskju ta’ favoritiżmu u ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-awtorità kontraenti, jimplika li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet kollha tal-proċedura tal-għoti jkunu fformulati b’mod ċar, preċiż u inekwivoku fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (ara s-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2014, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T-498/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:831, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2011, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T-86/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:515, punt 63).

125    Barra minn hekk, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti tqajjem ċertu numru ta’ argumenti li diġà ġew invokati insostenn tal-ewwel parti tal-motiv uniku, b’mod partikolari l-argumenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ kunflitt ta’ interessi potenzjali, l-obbligu tal-Parlament li jevalwa bir-reqqa l-offerti u l-offerenti kif ukoll in-nuqqas ta’ kull kunflitt ta’ interessi minħabba t-tnedija, mill-Parlament, tal-proċedura nnegozjata PE/ITEC-NPE-15.8, u li ġew miċħuda bħala infondati fil-punti 95, 109 u 112 iktar ’il fuq. Dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda għall-istess raġunijiet.

126    It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-esklużjoni awtomatika tar-rikorrenti mill-għoti tal-kuntratt minħabba n-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni mitluba mill-awtorità kontraenti, għandu jiġi kkonstatat li, kif tfakkar fil-punt 102 iktar ’il fuq, il-Parlament ma kellu ebda għażla ħlief li jimplimenta l-Artikolu 107(1)(b) tar-Regolament Finanzjarju u li jeskludi l-membru tal-konsorzju li żbalja l-għoti tal-kuntratt, hekk kif ikkonstata in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-imsemmija informazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2014, Flying Holding et vs Il-Kummissjoni, T-91/12 u T-280/12, EU:T:2014:832, punt 75). Jekk il-Parlament ma kienx applika din il-miżura, huwa seta’ raġonevolment jiġi kkritikat bi trattament favorevoli għall-benefiċċju tal-konsorzji li kienet tagħmel parti minnhom r-rikorrenti.

127    It-tielet nett, ir-rikorrenti ma tistax issostni validament li, billi attribwixxa l-Lott Nru 2 lill-konsorzju IBI IUS u l-Lott Nru 3 lill-konsorzju STEEL, il-Parlament ikkonferma li l-ebda irregolarità ma ġiet kommessa. Fil-fatt, il-Parlament aġixxa abbażi tal-informazzjoni mhux kompluta pprovduta u ma biddilx id-deċiżjoni tiegħu biss fuq il-bażi ta’ informazzjoni addizzjonali sussegwenti li, kif huwa indikat fil-punt 101 hawn fuq, ir-rikorrenti kienet obbligata tipprovdi.

128    Ir-raba’ nett, f’dak li jikkonċerna n-nuqqas ta’ deċiżjoni dwar l-esklużjoni tal-konsorzju TEPting u l-ksur allegat tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan ippropona li jirtira l-offerta tiegħu għal-Lott Nru 4 u li din il-proposta ġiet aċċettata mill-Parlament. Għaldaqstant, dan l-argument ma għandux jiġi milqugħ.

129    Il-ħames nett, il-Parlament indika espliċitament fl-ittri tiegħu tad-19 ta’ Novembru 2014 li l-proċedura fil-kuntest tas-sejħa għall-offerti ġiet sospiża biex tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma tistax issostni li kellha l-impressjoni li l-proċedura kellha tkompli normalment.

130    Is-sitt nett, hija ma tistax tikkritika lill-Parlament talli ħalla terminu eċċessivament twil qabel ma adotta d-deċiżjonijiet ikkontestati. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Parlament irċieva l-informazzjoni rilevanti fit-12 ta’ Novembru 2014 min-naħa tal-intervenjenti u ssospenda l-proċedura sebat ijiem iktar tard. F’inqas minn tliet xhur mis-sospensjoni tal-proċedura, il-Parlament wettaq l-investigazzjoni li kienet tikkonċerna ċertu numru ta’ operaturi ekonomiċi u adotta l-imsemmija deċiżjonijiet. Barra minn hekk, f’dan il-każ, il-fatt li r-rikorrenti jew il-konsorzji IBI IUS u STEEL, li kienet tagħmel parti minnhom, ma pprovdewx l-informazzjoni meħtieġa fil-ħin utli taqqal il-kompitu tal-Parlament. Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

131    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tal-motiv uniku għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

132    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk tal-Parlament, skont it-talbiet ta’ dan tal-aħħar.

133    Barra minn hekk, mill-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li l-Qorti Ġenerali tista’ tordna li intervenjent, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess. F’dan il-każ, hemm lok li jiġi deċiż li l-intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Sopra Steria Group SA għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Parlament Ewropew.

3)      CGI Luxembourg SA u Intrasoft International SA għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Kanninen

Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín

Reine

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ April 2019.

Firem


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti

Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-kriterji ta’ esklużjoni previsti fl-Artikolu 107(1)(a) u (b) tar-Regolament Finanzjarju, fuq il-ksur tal-Artikolu 158(3) tar-Regolament ta’ Delega kif ukoll fuq il-ksur mill-Parlament tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt

– Osservazzjonijiet preliminari

– Fuq l-eżistenza ta’ elementi li jistgħu joħolqu sitwazzjoni li tista’ tagħti lok għal kunflitt ta’ interessi

– Fuq l-obbligu li tingħata l-informazzjoni meħtieġa mill-awtorità kontraenti

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif imsemmi fl-Artikolu 102(1) tar-Regolament Finanzjarju

Fuq l-ispejjeż



*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.