Language of document :

Appell ippreżentat fil-21 ta' Diċembru 2009 minn Luigi Marcuccio mid-digriet mogħti fis-7 ta' Ottubru 2009 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-3/08, Marcuccio vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-515/09 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellant: Luigi Marcuccio (Tricase, l-Italja) (rappreżentant: G. Cipressa, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellant

fi kwalunkwe każ, tannulla d-digriet ikkontestat fl-intier tiegħu u mingħajr l-ebda eċċezzjoni;

tiddikjara li r-rikors tal-ewwel istanza, li wassal għad-digriet ikkontestat, kien perfettament ammissibbli fl-intier tiegħu u mingħajr l-ebda eċċezzjoni;

prinċipalment, tilqa' fl-intier tagħha u mingħajr l-ebda eċċezzjoni t-talba tal-appellant li tinsab fir-rikors tal-ewwel istanza;

tikkundanna lill-appellata tirrimborsa lill-appellant l-ispejjeż, id-drittijiet u l-onorarji kollha li dan tal-aħħar sofra fl-istanzi kollha tal-kawża inkwistjoni;

sussidjarjament, tibgħat il-kawża inkwistjoni quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, kompost b'mod differenti, sabiex jiddeċiedi mill-ġdid il-mertu tagħha;

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell preżenti huwa dirett kontra d-digriet mogħti fis-7 ta' Ottubru 2009 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-3/08. Dan id-digriet ċaħad bħala manifestament infondat rikors li kellu bħala suġġett l-annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni rrifjutat li tibgħat lill-appellant traduzzjoni bil-lingwa Taljana ta' deċiżjoni preċedenti, kif ukoll il-kundanna tal-appellata għall-kumpens għad-danni li huwa kien sofra minħabba din iċ-ċaħda. Id-digriet ikkontestat ikkundanna wkoll lill-appellant, skont l-Artikolu 94(a) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, irodd lit-Tribunal l-ammont ta' EUR 1000.

Insostenn tal-argumenti tiegħu, l-appellant isostni l-aggravji segwenti:

nuqqas assolut ta' motivazzjoni, anki minħabba deformazzjoni u żnaturament tal-fatti, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku dwar il-possibbiltà għall-appellant li jifhem il-kontenut tal-ittra inkwistjoni, fil-verżjoni lingwistika li biha ġiet innotifikata lilu;

ksur tad-dispożizzjonijiet legali fir-rigward tad-dritt ta' kull individwu li jikkomunika ma' istituzzjoni Komunitarja billi juża lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li tkun tal-għażla tiegħu u tad-dritt tiegħu li jirċievi r-risposta fl-istess lingwa;

interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

____________