Language of document : ECLI:EU:C:2021:813

Kawża C-35/20

Syyttäjä

vs

A

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Korkein oikeus)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2021

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqalqu liberament fit-territorju tal-Istati Membri – Artikolu 21 TFUE – Direttiva 2004/38/KE – Artikoli 4 u 5 – Obbligu li wieħed ikollu karta tal-identità jew passaport – Regolament (KE) Nru 562/2006 (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) – Anness VI – Qsim tal-fruntiera marittima ta’ Stat Membru fuq dgħajsa ta’ rikreazzjoni – Reġim ta’ sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ moviment bejn Stati Membri mingħajr karta tal-identità jew passaport – Sistema penali ta’ multi – Kalkolu tal-multa abbażi tad-dħul fix-xahar medju tal-awtur tar-reat – Proporzjonalità – Severità tal-piena fir-rigward tal-ksur”

1.        Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Vjaġġ imwettaq lejn Stat Membru ieħor – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq iċċittadini tagħha, taħt piena ta' sanzjonijiet kriminali, l-obbligu li jżommu fuqhom karta talidentità jew passaport – Ammissibbiltà – Kundizzjoni – Osservanza tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni – Mezz ta’ trasport u rotta – Assenza ta’ effett

(Artikolu 21 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali, Artikolu 49(3); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 562/2006, Artikolu 20; Direttiva 2004/38, premessa 7 u Artikoli 3(1) u 4(1) u (3))

(ara l-punti 52 - 55, 57 - 61, 64, 65, u d-dispożittiv 1)

2.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Kodiċi Komunitarju dwar il-qsim tal-fruntieri – Tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni – Kontrolli ġewwa t-territorju – Possibbiltà għall-Istati Membri li jwettqu kontrolli ta’ identità ġewwa t-territorju u li jipprevedu l-obbligu ta’ żamma u ta’ pussess ta’ titoli u ta’ dokumenti – Ammissibbiltà

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 562/2006, Artikolu 21)

(ara l-punt 62)

3.        Ċittadinanza tal-Unjoni – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Ċittadin tal-Unjoni li jirritorna fl-Istat Membru tannazzjonalità tiegħu minn Stat Membru ieħor – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq iċċittadini tagħha, taħt piena ta' sanzjonijiet kriminali, l-obbligu li jżommu fuqhom karta talidentità jew passaport – Possibbiltà li tintalab il-preżentazzjoni ta’ karta tal-identità jew ta’ passaport filkaż ta’ vjaġġ li jitwettaq abbord dgħajsa ta’ rikreazzjoni u waqt il-passaġġ f’żona marittima internazzjonali – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Obbligu li ma jikkundizzjonax id-dritt ta’ dħul – Osservanza tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni

(Artikolu 21(1) TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 562/2006, punti 3.2.5 u 3.2.7)

(ara l-punti 70, 73 - 76, 78, 79, u d-dispożittiv 2)

4.        Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Reġim ta’ sanzjonijiet kriminali applikabbli fil-każ ta’ moviment bejn l-Istati Membri mingħajr karta tal-identità jew passaport – Kalkolu tal-multa abbażi tad-dħul fix-xahar medju talawtur tar-reat – Multa li tammonta għal 20 % ta’ dan id-dħul – Inammissibbiltà – Proporzjonalità – Assenza

(Artikolu 21(1) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali, Artikolu 49(3); Direttiva 2004/38, Artikoli 4 u 36)

(ara l-punti 86 - 92, u d-dispożittiv 3)

Sunt

Stat Membru jista’ jobbliga, taħt piena ta’ sanzjonijiet, liċ-ċittadini tiegħu jżommu fuqhom karta tal-identità jew passaport validu meta jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor, indipendentement mill-mezz ta’ trasport użat u mir-rotta.

Għalkemm id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li s-sanzjoni imposta tkun ta’ natura kriminali, huwa jipprekludi, min-naħa l-oħra, sanzjonijiet sproporzjonati, bħal multa li tammonta għal 20 % tal-ammont tad-dħul fix-xahar medju nett tal-persuna li tkun wettqet il-ksur.

Fil-25 ta’ Awwissu 2015, A, ċittadin Finlandiż, wettaq vjaġġ bir-ritorn bejn il-Finlandja u l‑Estonja abbord dgħajsa ta’ rikreazzjoni. Matul dan il-vjaġġ, A qasam iż-żona marittima internazzjonali li tinsab bejn il-Finlandja u l-Estonja. Madankollu, filwaqt li kellu passaport Finlandiż validu, ma kienx qed iżommu fuqu waqt dan il-vjaġġ. Konsegwentement, matul kontroll fil-fruntieri mwettaq f’Ħelsinki fil-mument tar-ritorn tiegħu, A ma kienx f’pożizzjoni li jippreżenta dan il-passaport u lanqas xi dokument ieħor tal-ivvjaġġar, iżda l-identità tiegħu setgħet tiġi stabbilita fuq il-bażi tal-liċenzja tas-sewqan tiegħu.

Is-Ssyyttäjä (il-Prosekutur, il-Finlandja) beda proċeduri kriminali kontra A għal ksur minuri fir-rigward tal-fruntieri. Fil-fatt, skont il-leġiżlazzjoni Finlandiża, iċ-ċittadini Finlandiżi għandhom, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali, iżommu fuqhom karta tal-identità jew passaport validu meta jwettqu, bi kwalunkwe mezz u rotta, vjaġġ lejn Stat Membru ieħor jew meta jidħlu fit-territorju tal-Finlandja minn Stat Membru ieħor.

Fl-ewwel istanza, ġie kkonstatat li A kien wettaq ksur billi qasam il-fruntiera Finlandiża mingħajr ma kellu fuqu dokument tal-ivvjaġġar. Madankollu, ma ġiet imposta fuqu ebda piena, peress li l-ksur kien minuri u l-ammont tal-multa li setgħet tiġi imposta fuqu skont ir‑reġim kriminali previst fid-dritt Finlandiż, skont id-dħul fix-xahar medju tiegħu, kien eċċessiv, peress li l-ammont totali tal-imsemmija multa kien jammonta għal EUR 95 250.

Peress li l-appell ippreżentat mill-prosekutur minn din id-deċiżjoni ma ntlaqax, huwa ressaq appell quddiem il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja). Din l-aħħar qorti sussegwentement iddeċidiet li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà mad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni għall-moviment liberu previst fl-Artikolu 21 TFUE (1), tal-leġiżlazzjoni Finlandiża inkwistjoni f’dan il-każ u b’mod partikolari tar-reġim ta’ sanzjonijiet kriminali li permezz tagħha l-qsim tal-fruntiera nazzjonali mingħajr karta tal-identità jew passaport validu jkun suġġett għal multa li tista’ jammonta għal 20 % tad-dħul nett fix-xahar tal‑persuna li tkun wettqet il-ksur.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fis-sentenza tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, qabelxejn, il-kundizzjonijiet li fihom obbligu li persuna żżomm fuqha karta tal-identità jew passaport jista’ jiġi impost, taħt piena ta’ sanzjonijiet, jekk ikun il-każ ta’ natura kriminali, waqt vjaġġi lejn Stat Membru differenti minn dak li tiegħu l-persuna kkonċernata jkollha n-nazzjonalità.

F’dan ir-rigward, hija tikkonstata, fl-ewwel lok, li l-kliem “li jkollu karta ta’ l-identità valida jew passaport validu” użat fid-Direttiva 2004/38 (2), li jippreċiża l-Artikolu 21 TFUE, ifisser li l-eżerċizzju, miċ-ċittadini ta’ Stat Membru, tad-dritt tagħhom li jmorru fi Stat Membru ieħor huwa suġġett għall-kundizzjoni li huma jżommu fuqhom wieħed minn dawn iż-żewġ dokumenti validi. Din il-formalità marbuta mal-moviment liberu (3) hija intiża li tiffaċilita l‑eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu billi tiggarantixxi li kull persuna li tibbenefika minn dan id-dritt tiġi identifikata faċilment bħala tali fil-kuntest ta’ kontroll eventwali. Konsegwentement, Stat Membru li jobbliga liċ-ċittadini tiegħu jżommu fuqhom wieħed mid‑dokumenti msemmija, meta jaqsmu l-fruntiera nazzjonali sabiex jiċċaqalqu lejn Stat Membru ieħor, jikkontribwixxi għall-osservanza ta’ din il-formalità.

Fir-rigward, fit-tieni lok, tas-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuq ċittadin tal-Unjoni li ma josservax l-imsemmija formalità, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, hija u tirreferi għall‑awtonomija tal-Istati Membri f’dan ir-rigward, li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu sanzjonijiet, jekk ikun il-każ ta’ natura kriminali, bil-kundizzjoni li dawn josservaw, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni.

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li d-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni għall‑moviment liberu ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha Stat Membru jobbliga, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali, liċ-ċittadini tiegħu jżommu karta tal‑identità valida jew passaport validu fuqhom meta jwettqu vjaġġ lejn Stat Membru ieħor, indipendentement mill-mezz ta’ trasport użat u mir-rotta. Madankollu, il-modalitajiet ta’ dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fosthom dawk ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tasal, barra minn hekk, għal din l-istess konklużjoni f’dak li jirrigwarda r-rekwiżit ta’ pussess ta’ karta tal-identità jew ta’ passaport mad-dħul ta’ ċittadin ta’ Stat Membru fit-territorju tiegħu meta jasal minn Stat Membru ieħor. Madankollu, hija tippreċiża li, għalkemm il-preżentazzjoni ta’ karta tal-identità jew ta’ passaport tista’ tintalab mar-ritorn taċ-ċittadin ta’ Stat Membru fit-territorju tiegħu, l-obbligu li wieħed iżomm fuqu tali dokument ma jistax jikkundizzjona d-dritt ta’ dħul.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 21(1) TFUE u d-Direttiva 2004/38, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-piena previst mill‑Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (4), jipprekludux reġim ta’ sanzjonijiet kriminali bħal dik prevista fid-dritt Finlandiż fil-kuntest tal-qsim tal-fruntiera nazzjonali mingħajr karta tal-identità jew passaport validi.

F’dan ir-rigward, hija tirrileva li, għalkemm l-Istati Membri jistgħu jimponu multa sabiex jissanzjonaw il-ksur ta’ rekwiżit formali dwar l-eżerċizzju ta’ dritt mogħti mid-dritt tal‑Unjoni, din is-sanzjoni għandha tkun proporzjonata mal-gravità tal-ksur. Issa, meta, bħal f’dan il-każ, l-obbligu li wieħed ikollu karta tal-identità valida jew passaport validu ma jiġix osservat minn benefiċjarju tad-dritt għal moviment liberu li jkunu id-detentur ta’ tali dokument iżda jkun naqas biss milli jżommu fuqu waqt il-vjaġġ tiegħu, ir-reat ikun ta’ gravità żgħira. Għaldaqstant, sanzjoni pekunjarja iebsa, bħal multa li tammonta għal 20 % tal‑ammont tad-dħul fix-xahar medju nett mill-persuna li tkun wettqet il-ksur, ma hijiex proporzjonata mal-gravità ta’ dan il-ksur.


1      Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet dwar il-qsim tal-fruntieri stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen).


2      Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/38?KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id‑drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit‑territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id‑Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).


3      Premessa 7 tad-Direttiva 2004/38.


4      Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.