Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Diċembru 2023 – BPCE et vs CRU

(Kawża T-385/21) 1

(“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi tal-investiment (SRM) – Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-sena 2021 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Limitazzjoni tal-effetti tas-sentenza ratione temporis”)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: BPCE (Pariġi, Franza) u l-44 rikorrenti l-oħra li isimhom jinsab fl-anness tas-sentenza (rappreżentanti: A. Gosset-Grainville u M. Trabucchi, avukati)

Konvenut: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (rappreżentanti: J. Kerlin, C. De Falco u C. Flynn, aġenti, assistiti minn H.-G. Kamann, F. Louis, P. Gey u V. Del Pozo Espinosa de los Monteros, avukati)

Intervenjenti insostenn tal-kovenut: Il-Parlament Ewropew (rappreżentanti: J. Etienne, O. Denkov u M. Menegatti, aġenti), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: E. d’Ursel, A. Westerhof Löfflerová u J. Bauerschmidt, aġenti), il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: D. Triantafyllou, A. Nijenhuis u A. Steiblytė, aġenti)

Suġġett

Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni SRB/ES/2021/22 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tal-14 ta’ April 2021 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-sena 2021 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, sa fejn din tikkonċerna lilhom.

Dispożittiv

Id-Deċiżjoni SRB/ES/2021/22 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tal-14 ta’ April 2021 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-sena 2021 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni hija annullata sa fejn din tikkonċerna lil BPCE u lir-rikorrenti l-oħra li isimhom jinsab fl-anness.

L-effetti tad-Deċiżjoni SRB/ES/2021/22, sa fejn din tikkonċerna lil BPCE u lir-rikorrenti l-oħra li isimhom jinsab fl-anness, huma miżmuma fis-seħħ sakemm tidħol fis-seħħ, fi żmien raġonevoli li ma għandux jaqbeż is-sitt xhur mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, ta’ deċiżjoni ġdida tas-SRB li tiffissa l-kontribuzzjoni ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni ta’ dawn l-istituzzjonijiet għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021.

Is-SRB għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti minn BPCE u mir-rikorrenti l-oħra li isimhom jinsab fl-anness.

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea għandhom isostnu l-ispejjeż tagħhom stess.

____________

1     ĠU C 338, 23.8.2021.