Language of document :

Rikors imressaq fil-5 ta' Ġunju 2007 - Marcuccio vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-84/06)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Luigi Marcuccio (Tricase, l-Italja) (rappreżentant: G. Cipressa, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni li permezz tagħha ġiet miċħuda t-talba ta' l-20 ta' Ġunju 2005, mibgħuta mir-rikorrent fil-21 ta' Ġunju 2005, lill-Uffiċċju inkarigat mill-Iskema Konġunta ta' l-Assigurazzjoni kontra l-Mard tal-Komunità Ewropea;

tannulla, sa fejn huwa neċessarju, il-lista tar-rimburżar tat-18 ta' Lulju 2005;

tannulla, sa fejn huwa neċessarju, id-deċiżjoni impliċita ta' l-Awtorità tal-Ħatra li għandha s-setgħa tan-nomina li permezz tagħha ġiet miċħuda t-talba tar-rikorrent tat-23 ta' Diċembru 2005;

tordna lill-konvenuta tħallas favur ir-rikorrent, bħala rimburżar tal-bqija ta' 100% ta' l-ispejjeż mediċi li huwa ħallas u li tagħhom talab ir-rimburżar mill-Iskema Konġunta fl-20 ta' Ġunju 2005, bħala kumpens tad-dannu li rriżulta mill-aġir illegali tal-konvenuta kontra l-attur, tad-differenza bejn dak li diġà tħallas lir-rikorrent bħala rimburżar ta' l-ispejjeż mediċi u l-100% ta' l-ispejjeż mediċi, jiġifieri s-somma ta' EUR 89,56 jew dik is-somma li l-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra bħala ġusta għal kwalunkwe dritt jew għaż-żewġ drittijiet;

tordna lill-konvenuta l-ħlas favur ir-rikorrent ta' l-interessi għad-dewmien, bir-rata ta' 10% kull sena, b'kapitalizzazzjoni annwali mill-21 ta' Ġunju 2005 u sal-ħlas effettiv, jiġifieri bil-kapitalizzazzjoni u b'dies a quo li l-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra ġusti, fuq is-somma ta' EUR 89.56 jew dik is-somma li l-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra ġusta bħala rimburżar tal-bqija ta' 100% ta' l-ispejjeż mediċi;

tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-attur jistabbilixxi, in sostenn ta' l-argument tiegħu, it-tliet motivi segwenti ta' rikors:

1) nuqqas assolut ta' motivazzjoni, anki minħabba n-nuqqas assolut ta' investigazzjoni, peress li mhux mifhum għaliex il-Komunità ma rrikonoxxietx lir-rikorrent ir-rimburżar ta' l-ispejjeż mediċi ta' dawn għal 100%, iżda biss parzjalment. Huwa wkoll evidenti li l-amministrazzjoni ma kinitx eżaminat b'mod it-talba tar-rikorrenti ta' l-20 ta' Ġunju 2005 b'mod xieraq, f'dan il-każ b'kunsiderazzjoni ta' l-elementi kollha li huwa kien ipprovda;

2) ksur tal-liġi, peress li l-istat patoloġiku tar-rikorrent huwa ta' natura li, skond l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa għandu dritt għar-rimburżar ta' 100% ta' l-ispejjeż mediċi;

3) ksur ta' l-obbligu ta' premura u dak ta' l-amministrazzjoni tajba, peress li jirriżulta minn dak kollu li ġara f'dan il-każ li l-konvenuta kienet naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni ta' l-interessi ta' l-attur u kienet wettqet numru ta' atti u fatti konnessi li, minħabba l-illegittimità gravi tagħhom u l-mgħoddija kunsiderevoli taż-żmien li fih kienu twettqu, jammontaw għal ksur ta' l-obbligi imsemmija, fejn it-tieni wieħed fosthom huwa wkoll previst fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Dirittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

____________