Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta' Jannar 2011 - Iran Insurance vs Il-Kunsill

(Kawża T-12/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Iran Insurance Company (Tehran, Iran), (rappreżentanti: D. Luff, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-paragrafu 21 tat-Taqsima B tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK, tal-25 ta' Ottubru 2010 1, kif ukoll il-paragrafu 21 tat-Taqsima B tal-Anness VIII tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta' Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran 2 u tannulla d-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tal-Kunsill riċevuta fit-23 ta' Novembru 2010;

tiddikjara l-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta' Lulju 2010 3, u l-Artikoli 16(2) u 26 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 961/2010 bħala inapplikabbli fil-konfront tar-rikorrenti; u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tat-talba tagħha, ir-rikorrenti titlob, bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE, l-annullament tal-paragrafu 21 tat-Taqsima B tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK, tal-25 ta' Ottubru 2010 u tal-paragrafu 21 tat-Taqsima B tal-Anness VIII tar-Regolament tal-Kunsill Nru 961/2010, tal-25 ta' Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, u l-annullament tal-Artikoli 16(2) u 26 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 961/2010, tal-25 ta' Ottubru 2010, inkwantu jirrigwardaw lir-rikorrenti u l-annullament tad-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tal-Kunsill lir-rikorrenti tat-28 ta' Ottubru 2010.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti iinvoka l-motivi tad-dritt segwenti:

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni illi l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-paragrafu 21 tat-Taqsima B tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK u l-paragrafu 21 tat-Taqsima B tal-Anness VIII tar-Regolament tal-Kunsill Nru 961/2010, u d-deċiżjoni tat-28 ta' Ottubru 2010, kif ukoll il-konformità tagħhom mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

Barra minn hekk, ir-raġunijiet speċifiċi tal-inklużjoni tar-rikorrenti fil-lista huma żbaljati u l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2010/413 u tal-Artikolu 16(2)(a) u (b) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 961/2010 ma humiex sodisfatti. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jitqiesu bħala inapplikabbli fil-konfront tar-rikorrenti. Il-Kunsill ikkommetta żball manifest ta' fatt u ta' liġi. Konsegwentement, il-paragrafu 21 tat-Taqsima B tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK, tal-25 ta' Ottubru 2010, u l-paragrafu 21 tat-Taqsima B tal-Anness VIII tar-Regolament tal-Kunsill Nru 961/2010, tal-25 ta' Ottubru 2010, għandhom jiġu annullati.

Insostenn ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti ssostni wkoll illi r-regolament tal-2010 u d-deċiżjoni tal-2010 jiksru d-drittijiet tad-difiża tagħha u, b'mod partikolari, id-dritt tagħha għal smigħ xieraq, peress illi hija ma rċeviet l-ebda prova jew dokument insostenn tal-allegazzjonijiet tal-Kunsill, u peress illi l-allegazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni u fir-regolament huma vagi ħafna, mhux ċari u mingħajr dubju jagħmluha impossibbli illi Iran Insurance Company tirribattihom. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ngħatatx aċċess għad-dokumentazzjoni u għad-dritt għal smigħ. Dan jikkostitwixxi wkoll nuqqas ta' motivazzjoni.

Barra minn hekk, l-Artikolu 24(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK jitlob lill-Kunsill sabiex jikkomunika u jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu, inkluż ir-raġunijiet tal-elenkar fuq il-lista, u l-Artikolu 24(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK jipprovdi illi l-Kunsill għandu jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu meta jiġu ppreżentati osservazzjonijiet. Il-Kunsill kiser iż-żewġ dispożizzjonijiet. Peress illi l-Artikoli 24(3) u 24(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK huma repetuti wkoll fl-Artikoli 36(3) u 36(4) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 961/2010, hemm ukoll ksur ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll illi l-Kunsill, fl-evalwazzjoni tiegħu tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti, kiser il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba.

Barra minn hekk, fl-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti, il-Kunsill kiser ukoll il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll illi l-Kunsill kiser id-dritt tal-proprjetà tagħha u l-prinċipju ta' proporzjonalità. L-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK u l-Artikolu 16(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 961/2010, għandhom jiġu ddikjarati bħala inapplikabbli fil-konfront tar-rikorrenti. Barra minn hekk, billi pprojbixxiet b'mod diskriminatorju kuntratti ta' assigurazzjoni jew ri-assigurazzjoni lill-entitajiet Iranjani kollha, l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK u l-Artikolu 26 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 961/2010 jiksru wkoll il-prinċipju ta' proporzjonalità. Konsegwentement, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu ddikjarati bħala inapplikabbli fil-konfront tar-rikorrenti.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni illi r-Regolament tal-Kunsill Nru 961/2010 jikser l-Artikolu 215(2) u (3) TFUE, bħala l-bażi legali tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 40 TUE.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni illi r-regolament tal-2010 u d-deċiżjoni tal-2010 ġew adottati bi ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali u nondiskriminazzjoni.

____________

1 - Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK, tal-25 ta' Ottubru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 281, p.81).

2 - Regolament tal-Kunsill Nru 961/201, tal-25 ta' Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, p.1).

3 - Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta' Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39).