Language of document : ECLI:EU:T:2015:695

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

25 ta’ Settembru 2015 (*)

“REACH – Inklużjoni tat-triossidu tal-kromju fil-lista ta’ sustanzi sottomessi għal awtorizzazzjoni – Użi jew kategoriji ta’ użi eżenti mir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni – Kunċett ta’ ‘leġiżlazzjoni speċifika Komunitarja eżistenti li timponi rekwiżiti minimi dwar il-protezzjoni tas-saħħa jew ta’ l-ambjent għall-użu ta’ sustanza’ – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Proporzjonalità – Drittijiet tad-difiża – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba”

Fil-Kawża T‑360/13,

Verein zur Wahrung von Einsatz und Nutzung von Chromtrioxid und anderen Chrom-VI-Verbindungen in der Oberflächentechnik eV (VECCO), stabbilita f’Memmingen (il‑Ġermanja), u r-rikorrenti li isimhom jinsab fl-Anness I, irrappreżentati minn C. Mereu, K. Van Maldegem, avukati, u J. Beck, solicitor,

rikorrenti,

sostnuti minn

Assogalvanica, stabbilita f’Padova (l-Italja), u l-intervenjenti l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness II, irrappreżentati minn Mereu u Van Maldegem, u M. Beck,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Talabér-Ritz u J. Tomkin, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), irrappreżentata minn W. Broere, M. Heikkilä u T. Zbihlej, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 348/2013, tas-17 ta’ April 2013, li jemenda l-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (“REACH”) (ĠU L 108, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn A. Dittrich (Relatur), President, J. Schwarcz u V. Tomljenović, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Frar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        L-ewwel rikorrenti, Verein zur Wahrung von Einsatz und Nutzung von Chromtrioxid und anderen Chrom-VI-Verbindungen in der Oberflächentechnik eV (VECCO), hija assoċjazzjoni rregolata mid-dritt Ġermaniż li tirrappreżenta lill-utenti downstream tat-triossidu tal-kromju.

2        Il-185 rikorrenti li isimhom jinsab fl-Anness I jistgħu jiġu kklassifikati fi tliet gruppi. L-ewwel grupp jinkludi lil dawk li jużaw it-triossidu tal-kromju f’soluzzjoni abbażi tal-ilma għat-trattament tas-superfiċji. It-tieni grupp huwa fformat minn dawk involuti fil-provvista tat-taħlitiet li fihom it-triossidu tal-kromju intiżi għall-kisi tas-superfiċji. It-tielet grupp huwa kompost minn dawk li huma klijenti industrijali li jużaw kisi tas-superfiċji tal-kromju għall-prodotti primarji tagħhom, b’mod partikolari fil-kwalità tagħhom ta’ fornituri jew ta’ manifatturi ta’ parts mekkaniċi, ta’ magni u ta’ prodotti oħra.

3        F’Awwissu 2010, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bagħtet lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) fajl (iktar ’il quddiem il-“fajl konformi mar-rekwiżiti tal-Anness XV”), żviluppat għall-finijiet tal-identifikazzjoni tat-triossidu tal-kromju bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il‑valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1). F’dan il-fajl, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja pproponiet li t-triossidu tal-kromju jiġi identifikat bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna minħabba li kien ikklassifikat fost is-sustanzi karċinoġeni tal-kategorija 1 u s-sustanzi mutaġeni tal-kategorija 2 fl‑Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, p. 1), u minħabba li din is-sustanza kienet tissodisfa, abbażi ta’ dan, il-kriterji msemmija fl-Artikolu 57(a) u (b) tar-Regolament Nru 1907/2006. L-imsemmi fajl jrreferi, fost oħrajn, għal żewġ rapporti, jiġifieri rapport ta’ analiżi ta’ riskji ppreparat mir-Renju Unit fl-2005, intitolat “European Union Risk Assessment Report, 3rd Priority List, Volume 53” (Rapport ta’ evalwazzjoni tar-riskji tal-Unjoni Ewropea, it-tielet lista ta’ priorità, Volum Nru 53), u rapport stabbilit mill-Istitut għas-saħħa u għas-sigurtà fuq ix-xogħol tal-assigurazzjoni soċjali Ġermaniża kontra l-inċidenti u mard fuq ix-xogħol, intitolat “MEGA-Auswertungen zur Erstellung von REACH-Expositionsszenarien für Chrom (VI) – Verbindungen (2000 bis 2009) in Deutschland” [Rapport ta’ analiżi MEGA għall-identifikazzjoni ta’ każi ta’ espożizzjoni REACH dwar ir-riskji marbuta mal-espożizzjoni għall-komposti tal-kromju (VI) (2000 sa 2009) fil-Ġermanja] (iktar ’il quddiem ir-“rapport MEGA”).

4        Skont l-Artikolu 59(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, il-fajl konformi mar-rekwiżiti tal-Anness XV ġie ppubblikat fit-30 ta’ Awwissu 2010 u ngħata terminu sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, li skada fl-14 ta’ Ottubru 2010. Ladarba dawn l-osservazzjonijiet ġew ippreżentati, dan il-fajl intbagħat lill-Kumitat tal-Istati Membri tal-ECHA, skont l-Artikolu 59(7) tal-imsemmi regolament. Dan il-Kumitat aċċetta l-proposta tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Permezz tad-deċiżjoni tiegħu tal-14 ta’ Diċembru 2010, l-ECHA inkludiet, sussegwentement, u konformement mal-Artikolu 59(8) ta’ dan ir-regolament, it-triossidu tal-kromju fil-lista ta’ sustanzi identifikati sabiex eventwalment jiġu inklużi fl-Anness XIV ta’ dan ir-regolament (iktar ’il quddiem il-“lista ta’ sustanzi kandidati”), li verżjoni aġġornata tagħha ġiet ippubblikata fuq is-sit tal-internet tal-ECHA fil-15 ta’ Diċembru 2010.

5        Skont l-Artikolu 58(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-ECHA ppubblikat, fil-15 ta’ Ġunju 2011, abbozz ta’ rakkomandazzjoni ta’ sustanzi li għandhom jiġu inklużi fl-Anness XIV tal-istess regolament, li jinkludi lista ta’ sustanzi sottomessi għal awtorizzazzjoni, u stiednet lill-partijiet ikkonċernati sabiex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom qabel l-14 ta’ Settembru 2011. Fil-kuntest ta’ dawn l-osservazzjonijiet sottomessi għall-attenzjoni tal-ECHA waqt din il-konsultazzjoni pubblika, l-ewwel rikorrenti pproponiet li tiġi prevista eżenzjoni fis-sens tal-Artikolu 58(1)(e), moqri flimkien mal-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, għall-użu tat-triossidu tal-kromju bħala sustanza katalista attiva. L-osservazzjonijiet sottomessi mill-partijiet ikkonċernati, fosthom b’mod partikolari l-ewwel rikorrenti ġew sussegwentement ippubblikati.

6        Fid-19 ta’ Diċembru 2011, il-Kumitat tal-Istati Membri tal-ECHA adotta l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni msemmi fil-punt 5 iktar ’il fuq.

7        Fl-20 ta’ Diċembru 2011, l-ECHA ppreżentat ir-rakkomandazzjoni tagħha ta’ sustanzi li għandhom jiġu inklużi fl-Anness XIV tar-Regolament Nru 1907/2006. F’din ir-rakkomandazzjoni, l-ECHA pproponiet li ma tingħata eżenzjoni lil ebda użu tat-triossidu tal-kromju.

8        Skont l-Artikolu 131 u l-proċedura prevista fl-Artikolu 133(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, il-Kummissjoni Ewropea adottat, fis-17 ta’ April 2013, ir-Regolament (UE) Nru 348/2013, li jemenda l-Anness XIV tar-Regolament Nru 1907/2006 (ĠU L 108, p. 1, iktar ’il quddiem l-“att ikkontestat”).

9        Permezz tal-att ikkontestat, it-triossidu tal-kromju ġie inkluż fl-Anness XIV tar-Regolament Nru 1907/2006. Ma ngħatat ebda eżenzjoni skont l-Artikolu 58(2) tal-imsemmi regolament lil ċerti użi tat-triossidu tal-kromju.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

10      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Lulju 2013, ir-rikorrenti bdew din l-azzjoni.

11      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Ottubru 2013, Assogalvanica u 93 persuna fiżika u ġuridika oħra talbu sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Wara li nstemgħu l-partijiet, intlaqgħu t-talbiet ta’ Assogalvanica u tal-intervenjenti l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness II, permezz ta’ digriet tal-4 ta’ Marzu 2014, VECCO et vs Il‑Kummissjoni (T‑360/13, EU:T:2014:130).

12      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Ottubru 2013, l-ECHA talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Din it-talba ntlaqgħat, wara li nstemgħu l-partijiet, permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Novembru 2013.

13      Fit-22 ta’ Jannar 2014, l-ECHA ssottomettiet in-nota ta’ intervent tagħha.

14      Fil-11 ta’ Marzu 2014, ir-rikorrenti ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom fuq in-nota ta’ intervent ippreżentata mill-ECHA.

15      Fl-24 ta’ April 2014, Assogalvanica u l-intervenjenti l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness II issottomettew in-nota ta’ intervent tagħhom. Fit-18 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom rigward din in-nota.

16      Fir-rikors, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

–        tiddikjara li l-att ikkontestat huwa parzjalment illegali sa fejn huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u sa fejn jikser l-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u d-drittijiet tad-difiża (fosthom il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ eċċellenza tal-pariri xjentifiċi);

–        tannulla parzjalment l-att ikkontestat sa fejn, fil-ħames kolonna tal-linja 16 tal-anness tiegħu, taħt it-titolu “Użi (kategoriji ta’ użi) eżenti”, huwa ma jipprevedix l-eżenzjoni li ġejja: “l-użu tat-triossidu tal-kromju għall-finijiet tal-produzzjoni f’soluzzjoni abbażi tal-ilma, li jirrispetta b’hekk il-valur tal-espożizzjoni massima ta’ 5µg/m3 (jew 0.005 mg/m3) ”, jew terminoloġija simili intiża sabiex teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-att ikkontestat l-“użu tat-triossidu tal-kromju fil-proċessi ta’ kisi tal-metall bl-elettrolisi, ta’ inċiżjoni, ta’ illixxar tal-metall b’banju elettrolitiku jew proċessi oħra u teknoloġiji ta’ trattament ta’ superfiċji kif ukoll ta’ taħlietˮ, jew termini użati f’dan is-sens;

–        tordna lill-Kummissjoni temenda l-att ikkontestat sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

17      Matul is-seduta, ir-rikorrenti rtiraw it-tieni u r-raba’ kap tat-talbiet tagħhom.

18      Il-Kummissjoni u l-ECHA jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti kif ukoll lil Assogalvanica u l-intervenjenti l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness II għall-ispejjeż.

19      Assogalvanica u l-intervenjenti l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness II jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara li l-att ikkontestat huwa parzjalment illegali sa fejn huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u sa fejn jikser l-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u d-drittijiet tad‑difiża (fosthom il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ eċċellenza tal-pariri xjentifiċi);

–        tannulla parzjalment l-att ikkontestat sa fejn, fil-ħames kolonna tal-linja 16 tal-anness tiegħu, taħt it-titolu “Użi (kategoriji ta’ użi) eżenti”, huwa ma jipprevedix l-eżenzjoni li ġejja: “l-użu tat-triossidu tal-kromju għall-finijiet tal-produzzjoni f’soluzzjoni abbażi tal-ilma, li jirrispetta b’hekk il-valur tal-espożizzjoni massima ta’ 5µg/m3 (jew 0.005 mg/m3) ”, jew terminoloġija simili intiża sabiex teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-att ikkontestat l-“użu tat-triossidu tal-kromju fil-proċessi ta’ kisi tal-metall bl-elettrolisi, ta’ inċiżjoni, ta’ illixxar tal-metall b’banju elettrolitiku jew proċessi oħra u teknoloġiji ta’ trattament ta’ superfiċji kif ukoll ta’ taħlietˮ jew kwalunkwe formulazzjoni oħra tali li teżenta l-użu tat-triossidu tal-kromju fl-industrija tal-kisi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-att ikkontestat;

–        tordna lill-Kummissjoni temenda l-att ikkontestat sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

20      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti talbu li l-fażi orali tal-proċedura tinfetaħ mill-ġdid filwaqt li ppreżentaw analiżi xjentifika ġdida li tirrigwarda d-data tar-rapport MEGA. Alternattivament, ir-rikorrenti jitolbu li l-imsemmija perizja tiddaħħal fil-proċess u li l-partijiet jintalbu, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jieħdu pożizzjoni fuq l-impatt tagħha fuq is-soluzzjoni tat-tilwima.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel u tat-tielet kap tat-talbiet ta’ Assogalvanica u tal-intervenjenti l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness II

21      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, it-talbiet fir-rikors għal intervent jista’ jkollhom biss bħala suġġett is-sostenn tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet. Għaldaqstant, l-intervenjent ma jistax imur lil hinn mit-talbiet tal-parti li insostenn tagħhom huwa jintervjeni (sentenza tal-10 ta’ Mejju 2001, Kaufring et vs Il‑Kummissjoni, T‑186/97, T‑187/97, T‑190/97 sa T‑192/97, T‑210/97, T‑211/97, T‑216/97 sa T‑218/97, T‑279/97, T‑280/97, T‑293/97 u T‑147/99, Ġabra, EU:T:2001:133, punt 137).

22      F’dan il-każ, ir-rikorrenti rtiraw it-tieni u r-raba’ kap tat-talbiet tagħhom. Għaldaqstant, l-ewwel u t-tielet kap tat-talbiet ta’ Assogalvanica u tal-intervenjenti l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness II ma għadhomx ifformulati insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti u, konsegwentement, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq il-mertu

23      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jqajmu erba’ motivi li huma bbażati, l-ewwel nett, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, it-tieni nett fuq ksur tal-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, it-tielet nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u r-raba’ nett, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ “eċċellenza tal-pariri xjentifiċi”.

24      L-ewwel nett għandu jiġi eżaminat it-tieni motiv.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006

25      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006 inkwantu ma eżentatx mir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni l-użu inkwistjoni tat-triossidu tal-kromju. Fil-fehma tagħhom, ir-riskju li jirriżulta min dan l-użu huwa kkontrollat sew. Teżisti leġiżlazzjoni Komunitarja speċifika li timponi miżuri minimi li l-persuni li jimpjegaw għandhom bilfors jadottaw sabiex jikkontrollaw ir-riskji li jirriżultaw mill-użu tat-triossidu tal-kromju, b’mod partikolari, id-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE, tas-7 ta’ April 1998, dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x’jaqsmu mal-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (l-erbatax-il Direttiva individwali fit-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 279), u d-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-esposizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (Sitt Direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 35). Dawn id-direttivi huma “speċifiċi” anki għas-sustanzi li huma ma jsemmux espressament, sakemm dawn is-sustanzi jidħlu f’waħda mill-kategoriji ta’ sustanzi msemmija minn dawn id-direttivi. Il-fatt li dawn id-direttivi ma jinkludux valur ta’ limitu ta’ espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol għat-triossidu tal-kromju ma jeskludix li dawn huma suffiċjentement “speċifiċi” u jipprevedu “rekwiżiti minimi” fis-sens tal-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1906/2006. Jekk jiġu imposti valuri ta’ limitu ta’ espożizzjoni dan iwassal sabiex jiġu stabbiliti rekwiżiti massimi li jeċċedi l-portata tal-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, li jirreferi biss għal rekwiżiti minimi. Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju u l-istrateġiji għat-tnaqqis tar-riskju għas-sustanzi: triossidu tal-kromju, dikromat tal-ammonju, dikromat tal-potassju (ĠU 2008, C 152, p. 1), il-Kummissjoni qieset, barra minn hekk, li l-miżuri għat-tnaqqis tar-riskju, li huma diġà applikati, huma suffiċjenti. Fil-“Pjan ta’ azzjoni dwar is-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna” ippubblikat fi Frar 2013 mill-Kummissjoni, din tal-aħħar irrikonoxxiet li r-riskji jistgħu jiġu kkontrollati anki “barra” mir-Regolament Nru 1907/2006. Barra minn hekk, ma hemm ebda riskju ta’ kanċer speċifiku kkawżat mis-settur tal-kisi tal-metall bl-elettrolisi, li huwa dovut għall-effettività tal-miżuri għat-tnaqqis tar-riskji adottati mill-persuni li jimpjegaw. Barra minn hekk l-utenti tat-triossidu tal-kromju huma suġġetti għal dispożizzjonijiet leġiżlattivi oħra intiżi għall-protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent, bħad-Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Lulju 2012, dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttiva tal‑Kunsill 96/82/KE (ĠU L 197, p. 1), id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑24 ta’ Novembru 2010, dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, p. 17), u dispożizzjonijiet ta’ diversi sistemi legali nazzjonali. Livell suffiċjenti tal-kontroll tar-riskji marbuta mal-użu tat-triossidu tal-kromju inkwistjoni huwa, barra minn hekk, żgurat minn sensiela sħiħa ta’ regoli nazzjonali u jista’ jintlaħaq ukoll permezz tal-applikazzjoni volontarja tal-valuri ta’ limitu ta’ espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol. Fl-aħħar nett, l-obbligu li tiġi evalwata l-possibbiltà ta’ eżenzjoni u l-oneru tal-prova relatat magħha huma, skont l-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, tal-Kummissjoni u mhux tal-operaturi ekonomiċi.

26      Assogalvanica u l-intervenjenti l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness II essenzjalment jaqblu mal-argumenti tar-rikorrenti, filwaqt li jenfasizzaw li l-Kummissjoni u l-ECHA kien messhom ivverifikaw b’mod serju u ddettaljat l-effettività tal-miżuri li huma diġà fis-seħħ, u dan jirriżulta mill-kelma “adegwatament” li tinsab fl-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006 u anki mill-għan ifformulat fl-Artikolu 55 tal-imsemmi regolament, li jipprovdi li l-Kummissjoni u l-ECHA għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-funzjonament korrett tas-suq tal-Unjoni. L-Artikolu 58(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi, barra minn hekk, rekwiżiti minimi biss, b’tali mod li jmur kontra l-prinċipju ta’ sussidjarjetà li l-Kummissjoni timponi b’mod unilaterali rekwiżiti iktar stretti. L-evalwazzjoni abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar kienet teħtieġ analiżi iktar iddettaljata mhux biss tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti, iżda wkoll tal-leġiżlazzjoni sottostanti, tal-applikazzjoni prattika tagħha u ta’ data fattwali miġbura f’dan il-kuntest sabiex jiġi evalwat jekk ir-rekwiżiti minimi jippermettux li r-riskji jiġu kkontrollati adegwatament.

27      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-ECHA, tikkontesta dawn l-argumenti.

28      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, permezz tar-Regolament Nru 1907/2006, il-leġiżlatur stabbilixxa sistema għar-reġistrazzjoni, l-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni tas-sustanzi kimiċi, kif ukoll ir-restrizzjonijiet applikabbli għal dawn is-sustanzi, li skont il-premessa 1 tar-Regolament Nru 1907/2006 huma b’mod partikolari intiżi sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent kif ukoll il-moviment liberu ta’ sustanzi fis-suq intern filwaqt li tittejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni. B’mod partikolari, l-imsemmi regolament jipprevedi, fit-Titolu VII tiegħu, proċedura ta’ awtorizzazzjoni. L-għan ta’ din il-proċedura huwa, skont l-Artikolu 55 ta’ dan ir-regolament, li jiżgura l-funzjonament korrett tas-suq intern filwaqt li jiżgura li r-riskji li jirriżultaw mis-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna jiġu kontrollati adegwatament u li dawn is-sustanzi eventwalment jiġu ssostitwiti progressivament minn sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti fejn dawn ikunu ekonomikament u teknikament vijabbli. Il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tapplika għas-sustanzi kollha li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 ta’ dan ir-regolament.

29      L-ewwel fażi tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tikkonsisti fl-eżami min-naħa tal-ECHA tal-kwistjoni dwar jekk sustanza tissodisfax il-kriterji msemmija mill-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006 fuq il-bażi, b’mod partikolari, ta’ fajl konformi mar-rekwiżiti tal-Anness XV tal-istess regolament. Dan il-fajl jiġi ppreparat, jew fuq it-talba tal-Kummissjoni, mill-ECHA, jew minn Stat Membru. Fi tmiem l-imsemmija fażi, l-ECHA tidentifika din is-sustanza bħala li tissodisfa dawn il-kriterji u tinkludi l-imsemmija sustanza fil-lista tas-sustanzi kandidati.

30      It-tieni fażi tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tikkonċerna l-inklużjoni ta’ sustanza li tinsab fil-lista tas-sustanzi kandidati fl-Anness XIV tar-Regolament Nru 1907/2006, skont l-Artikolu 58 ta’ dan ir-regolament. Ladarba l-imsemmija sustanza tiġi inkluża f’dan l-anness u li l-kundizzjonijiet tal-projbizzjoni tagħha kif stabbiliti fl-Artikolu 56 tal-imsemmi regolament jiġu ssodisfatti, hija ma tistax iktar tintuża jew titqiegħed fis-suq ħlief fil-każ li, fil-kuntest tat-tielet fażi tal-imsemmija proċedura, tingħata awtorizzazzjoni għal użu speċifiku abbażi tal-Artikolu 60 tal-istess regolament. Id-deċiżjoni li din is-sustanza tiġi inkluża fl-imsemmi anness hija adottata mill-Kummissjoni fuq rakkomandazzjoni mogħtija mill-ECHA li tieħu inkunsiderazzjoni l-opinjoni mogħtija minn qabel mill-Kumitat tal-Istati Membri tagħha u osservazzjonijiet, b’mod partikolari dwar l-użu li għandu jiġi eżenti mir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 58(2) tar-regolament inkwistjoni, ipprovduti mill-partijiet ikkonċernati fl-ambitu ta’ konsultazzjoni pubblika prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 58(4) tar-regolament inkwistjoni.

31      Id-deċiżjoni li sustanza msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006 tiġi inkluża fl-Anness XIV tal-imsemmi regolament għandha, skont l-Artikolu 58(1)(e) ta’ dan ir-regolament, tindika b’mod partikolari l-użu jew il-kategoriji eżenti, jekk ikun il-każ, mir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni u l-kundizzjonijiet possibbli għal tali eżenzjonijiet. L-għoti tal-imsemmija eżenzjonijiet huwa rregolat mill-Artikolu 58(2) tal-istess regolament, li jipprovdi li użu jew kategoriji ta’ użu jistgħu jiġu eżentati mir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni, bil-kundizzjoni li, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni Komunitarja speċifika eżistenti, li timponi rekwiżiti minimi f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent fil-każ ta’ użu tas-sustanza, ir-riskju għandu jkun ikkontrollat adegwatament.

32      Peress li r-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006 kienu ssodisfatti u li l-Kummissjoni kellha tagħti eżenzjoni abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni, għandu l-ewwel nett jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, teżistix “leġiżlazzjoni speċifika Komunitarja eżistenti li timponi rekwiżiti minimi dwar il-protezzjoni tas-saħħa jew ta’ l-ambjent għall-użu [triossidu tal-kromju]”. Jekk dan ikun il-każ, għandu jiġi analizzat sussegwentement, jekk “abbażi tal-[imsemmija] leġiżlazzjoni speċifika Komunitarja [...] ir-riskju [kienx] [ik]kontrollat adegwatament”. Fl-aħħar nett, jekk dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni, li “tista’” tagħti eżenzjoni u li, għaldaqstant għandha marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward, wettqitx żball fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

33      L-ewwel nett għandu jiġi enfasizzat li “leġiżlazzjoni Komunitarja” fis-sens tal-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006 hija regola tad-dritt adottata minn entità fi ħdan l-Unjoni bl-intenzjoni li tipproduċi effetti vinkolanti. Isegwi, kif ir-rikorrenti fil-fatt irrikonoxxew matul is-seduta, li regoli li jagħmlu parti minn diversi sistemi legali nazzjonali kif ukoll prattiki volontarji ma jistgħux jissodisfaw l-ewwel kundizzjoni prevista fl-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, sa fejn huma ma jikkostitwixxux “leġiżlazzjoni speċifika Komunitarja eżistenti li timponi rekwiżiti minimi dwar il-protezzjoni tas-saħħa jew ta’ l-ambjent għall-użu ta’ sustanza”. Għaldaqstant, la hemm lok li jiġu eżaminati r-regoli nazzjonali invokati mir-rikorrenti u lanqas il-prattiki volontarji li għalihom irreferew.

34      Għal dak li jikkonċerna l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 24 iktar ’il fuq li għaliha jirreferu r-rikorrenti, għandu jiġi osservat li din tinkludi informazzjoni dwar l-evalwazzjoni tar-riskji u tal-istrateġiji għat-tnaqqis tagħhom, li jikkonċernaw b’mod partikolari lit-triossidu tal-kromju. Min-naħa l-oħra, il-kontenut tagħha ma huwiex vinkolanti u hija ma tikkjarifika ebda dispożizzjoni oħra, iżda sempliċement, minn naħa, tagħti informazzjoni dwar ir-riżultati tal-evalwazzjoni, b’mod partikolari tar-riskji li jirriżultaw mill-użu tat-triossidu tal-kromju, u min-naħa l-oħra, tindika li l-Kummissjoni adottat ir-Rakkomandazzjoni tagħha, tat-30 ta’ Mejju 2008, dwar miżuri għat-tnaqqis tar-riskju għas-sustanzi: triossidu tal-kromju, dikromat tal-ammonju, dikromat tal-potassju (ĠU L 158, p. 65), li għaliha l-imsemmija komunikazzjoni tirreferi. Fl-assenza ta’ kwalunkwe natura normattiva, din il-komunikazzjoni ma tistax, kif ir-rikorrenti fil-fatt irrikonoxxew matul is-seduta, titqies li hija “leġiżlazzjoni Komunitarja” fis-sens tal-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006.

35      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat biss jekk id-direttivi invokati mir-rikorrenti, jiġifieri d-Direttivi 98/24, 2004/37, 2010/75 u 2012/18, jikkostitwixxux “leġiżlazzjoni speċifika Komunitarja eżistenti li timponi rekwiżiti minimi dwar il-protezzjoni tas-saħħa jew ta’ l-ambjent għall-użu ta’ sustanza” fis-sens tal-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006.

36      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti kif ukoll Assogalvanica u l-intervenjenti l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness II jinvokaw żewġ direttivi li jagħmlu parti mill-kuntest tal-protezzjoni tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, jiġifieri d-Direttivi 98/24 u 2004/37.

37      Għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 98/24, ir-rikorrenti kif ukoll Assogalvanica u l-intervenjenti l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness II jirreferu b’mod partikolari għall-Artikolu 1, għall-Artikolu 4(1) u (2) u għall-Artikolu 5(2), għall-Artikolu 6(2) u (3), għall-Artikoli 8 u 10 tal-imsemmija direttiva. Skont l-Artikolu 1 tagħha, din id-direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi “l-ħtiġijiet minimi għall-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji għas-sigurtà u s-saħħa tagħhom li jinħolqu, jew li x’aktarx jinħolqu, mill-effetti ta’ l-aġenti kimiċi li jkunu preżenti fil-post tax-xogħol jew bħala riżultat ta’ kull attività ta’ xogħol li tinvolvi l-aġenti kimiċi.” L-istess direttiva tipprevedi prinċipalment miżuri li għandhom jiġu adottati mill-persuni li jimpjegaw sabiex jiġu evitati jew imnaqqsa r-riskji li jirriżultaw mill-espożizzjoni tal-ħaddiema għas-sustanzi msemmija. Dawn il-miżuri jinkludu, b’mod partikolari, obbligi li jikkonċernaw l-evalwazzjoni tar-riskji li għalihom huma esposti l-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol (Artikolu 4), is-sostituzzjoni ta’ sustanzi perikolużi b’sustanzi inqas perikolużi (Artikolu 6), it-tnaqqis tal-kwantità ta’ tali sustanzi (Artikolu 6), il-protezzjoni individwali (Artikolu 6), is-sorveljanza kontinwa tas-saħħa tal-ħaddiema kkonċernati (Artikolu 10) u, fl-aħħar nett, l-informazzjoni li tikkonċerna l-ħaddiema u l-awtoritajiet kompetenti [Artikolu 9(3)]. Għaldaqstant, id-direttiva inkwistjoni tistabbilixxi firxa ta’ miżuri. Qabel kollox, l-espożizzjoni tal-ħaddiem għas-sustanza perikoluża għandha tiġi evitata, preferibbilment billi s-sustanza perikoluża tiġi ssostitwita b’sustanza inqas perikoluża u, jekk dan ma jkunx possibbli, billi tiġi implementata sistema ta’ produzzjoni fil-magħluq. Jekk l-ebda waħda minn dawn il-miżuri ma tkun possibbli, l-espożizzjoni tal-ħaddiema għandha titnaqqas kemm jista’ jkun permezz ta’ miżuri ta’ protezzjoni kollettiva bħat-titjib tas-sistemi ta’ ventilazzjoni u tal-metodi ta’ ħidma. Fl-aħħar nett, jekk dawn il-miżuri ma jkunux suffiċjenti sabiex tiġi evitata l-espożizzjoni tal-ħaddiema, il-persuna li timpjega għandha, fit-tielet lok, tipprevedi miżuri ta’ protezzjoni individwali bħat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ tagħmir ta’ protezzjoni adegwata.

38      Id-Direttiva 98/24 tapplika, b’mod ġenerali, għall-aġenti kimiċi kollha. Il-portata tagħha hija ġenerali. Hija għandha l-għan li tistabbilixxi, b’mod partikolari, obbligi li għandhom jiġu osservati mill-persuni li jimpjegaw, li għandhom jiggarantixxu livell ta’ sigurtà adegwat għall-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li hija tipprevedi valuri ta’ limitu vinkolanti ta’ espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol għas-sustanzi inklużi fl-Anness I tagħha fejn attwalment jinsabu biss iċ-ċomb metalliku u l-komposti tiegħu. Għas-sustanzi l-oħra, l-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi l-iffissar ta’ “valuri tal-limitu indikattivi ta’ l-esposizzjoni minħabba x-xogħol iffissati fil-livell Komunitarju”, li “[d]awn il-valuri tal-limitu għandhom jiġu stabbiliti, filwaqt li titqies id-disponibbiltà tal-metodi tat-teknika tal-kejl, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 89/391/KEE” u li “[l]-Istati Membri għandhom iżommu lill-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem imgħarrfa bil-valuri tal-limitu indikattivi ta’ l-esposizzjoni minħabba x-xogħol iffissati fil-livell Komunitarju”. Skont l-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva, “[g]ħal kull aġent kimiku li għalih valur indikattiv tal-limitu ta’ l-esposizzjoni minħabba x-xogħol huwa stabbilit fil-livell Komunitarju, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu valur nazzjonali tal-limitu ta’ l-esposizzjoni minħabba x-xogħol, filwaqt li jqisu l-valur tal-limitu Komunitarju, li jistabbilixxi n-natura tiegħu skond il-leġislazzjoni u l-prattiċi nazzjonali”. Skont l-Artikolu 3(4) tal-istess direttiva, “valuri tal-limitu ta’ l-esposizzjoni minħabba x-xogħol li jorbtu fuq il-livell Komunitarju u, b’żieda ma’ dan il-fatturi kkunsidrati meta jiġu stabbiliti l-valuri tal-limitu indikattivi ta’ l-esposizzjoni minħabba x-xogħol, għandhom jirriflettu l-fatturi dwar kemm huma possibbli filwaqt li jżommu l-għan li tiġi żgurata s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol.”

39      Għal dak li jikkonċerna r-relazzjoni bejn id-Direttiva 98/24 u r-Regolament Nru 1907/2006, dan tal-aħħar jipprevedi, fil-premessa 5 tiegħu, li “għandu japplika mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni Komunitarja dwar il-post tax-xogħol u l-ambjent” u fil-premessa 12 tiegħu li “ma jolqotx l-applikazzjoni ta’ Direttivi dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema u l-ambjent, speċjalment id-Direttiva [2004/37] u d-Direttiva [98/24] li taħthom min iħaddem huwa obbligat jelimina s-sustanzi perikolużi, kull meta dan ikun teknikament possibbli, jew li jissostitwixxi s-sustanzi perikolużi b’sustanzi anqas perikolużi”. L-Artikolu 2(4)(a) tal-imsemmi regolament jipprevedi li dan ir-regolament huwa applikabbli “mingħajr preġudizzju għal [...] il-leġislazzjoni Komunitarja dwar il-post tax-xogħol u l-ambjent, inklużi d-Direttiva [...] 89/391/KEE [...], id-Direttiva [...] 96/61/KE [...], id-Direttiva [98/24], id-Direttiva 2000/60/KE [...] u d-Direttiva [2004/37]”.

40      Fid-dawl ta’ dak li ntqal għandu jiġi rrikonoxxut li, sa fejn id-Direttiva 98/24 ma tirreferix għal sustanza partikolari, bħalma huwa l-każ għas-sustanzi msemmija li jinsabu fl-Anness I ta’ din id-direttiva, hija ma tistax titqies li hija speċifika, peress li tapplika b’mod ġenerali għas-sustanzi kimiċi kollha u lanqas bħala li timponi rekwiżiti minimi, peress li hija tistabbilixxi biss qafas ġenerali għall-obbligi li għandhom il-persuni li jimpjegaw li jesponu lill-ħaddiema tagħhom għal riskji li jirriżultaw mill-użu ta’ sustanzi kimiċi. In-natura ġenerali tal-imsemmija direttiva hija ċarament enfasizzata mill-fatt li l-leġiżlatur ikkunsidra, fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, l-iffissar ta’ valuri ta’ limitu bħala element li jagħmel parti integrali mill-mekkaniżmu ta’ protezzjoni tal-ħaddiema u li dan l-iffissar għadu jrid jintlaħaq għas-sustanzi li għalihom tali valuri ma jeżistux. Bil-kontra ta’ dak li jiddikjaraw Assogalvanica u l-intervenjenti l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness II, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li kisret l-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006 billi eżiġiet valuri ta’ limitu ta’ espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol, peress li r-rekwiżit ta’ dawn il-valuri ta’ limitu jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 3 tal-istess direttiva. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma żiditx minn jeddha rekwiżiti speċifiċi, iżda bil-kontra hija ġustament qieset li, fl-assenza ta’ valuri ta’ limitu, id-direttiva inkwistjoni ma tikkostitwixxix “leġiżlazzjoni speċifika Komunitarja eżistenti li timponi rekwiżiti minimi dwar il-protezzjoni tas-saħħa jew ta’ l-ambjent għall-użu ta’ sustanza” fis-sens tal-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006.

41      Fl-aħħar nett, kieku kellu jittieħed l-approċċ issuġġerit mir-rikorrenti, li jipprovdi li d-Direttiva 98/24 għandha titqies li hija leġiżlazzjoni speċifika mingħajr kunsiderazzjoni dwar il-kwistjoni jekk timponix valuri ta’ limitu ta’ espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol, kieku l-aġenti kimiċi kollha għandhom jitqiesu li huma rregolati minn “leġiżlazzjoni speċifika Komunitarja eżistenti li timponi rekwiżiti minimi”. F’tali ipoteżi, prattikament ikun dejjem possibbli li tingħata l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 58(2) tal-imsemmi regolament minkejja l-fatt li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi eċċezzjoni stretta għall-prinċipju kkonfermat mill-Artikolu 57 ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-premessa 69 tal-istess regolament li jipprovdi li s-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna għandhom, fil-prinċipju, jiġu inklużi fl-Anness XIV tar-regolament inkwistjoni u suġġetti għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 60 tal-istess regolament. Isegwi li l-approċċ issuġġerit mir-rikorrenti jista’ jqiegħed serjament fil-perikolu l-finalità u l-funzjonament stabbiliti mir-regolament inkwistjoni u li, għaldaqstant, dan ma jistax jintlaqa’.

42      Għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 2004/37, ir-rikorrenti kif ukoll Assogalvanica u l-intervenjenti l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness II jinvokaw b’mod partikolari l-Artikolu 1, l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 4, l-Artikolu 5(1), (3) u (5) u l-Artikoli 6 u 14 tal-imsemmija direttiva. L-għan ta’ din id-direttiva huwa, skont l-Artikolu 1 tagħha, “[i]l-protezzjoni tal-ħaddiema kontra riskji għas-saħħa u sigurtà tagħhom, inkluż il-prevenzjoni ta’ dawn ir-riskji, li jinqalgħu jew li jistgħu jinqalgħu minn esposizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol”. L-istess direttiva tiffissa “ħtieġijiet minimi partikolari f’dan il-qasam, inklużi valuri limitu”. Għaldaqstant, id-direttiva inkwistjoni tipprevedi, l-istess bħad-Direttiva 98/24, firxa ta’ miżuri li jinkludu, b’mod partikolari, obbligi li jikkonċernaw l-evalwazzjoni tar-riskji li għalihom huma esposti l-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol [Artikolu 3(2) sa (4)], is-sostituzzjoni ta’ sustanzi perikolużi b’sustanzi inqas perikolużi (Artikolu 4), it-tnaqqis tal-kwantità ta’ tali sustanzi (Artikolu 5), il-protezzjoni individwali (Artikoli 8 u 10), is-sorveljanza kontinwa tas-saħħa tal-ħaddiema kkonċernati (Artikolu 14) u fl-aħħar nett, l-informazzjoni li tikkonċerna l-ħaddiema u l-awtoritajiet kompetenti (Artikoli 11, 12 u 19).

43      Id-Direttiva 2004/37 tapplika għall-karċinoġeni jew mutaġeni kollha. Madankollu, hija tipprevedi valuri ta’ limitu vinkolanti ta’ espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol għall-benżin, għall-monomeru tal-vinil klorur u għat-trabijiet tal-injam iebes (Anness III). L-Artikolu 16(1) tagħha jipprevedi li, “[i]l-Kunsill għandu, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 137(2) tat-Trattat [KE, li sar l-Artikolu 153(2) tat-Trattat TFUE], [jiddikjara] valuri limitu fid-Direttivi fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni għad-disposizzjoni, inkluż data xjentifka u teknika, li dwarha dawk il-karċinoġeni jew mutaġeni kollha għal liema dan huwa possibbli, u, fejn neċessarju, disposizzjonijiet relatati oħra”. Il-premessa 13 tagħha tippreċiża f’dan ir-rigward li “[i]l-valuri limitu ta’ l-esposizzjoni professjonali [fuq il-post tax-xogħol] għandhom jiġu meqjusa bħala komponent importanti ta’ l-arranġamenti ġenerali għall-protezzjoni tal-ħaddiema. Dawn il-valuri limitu għandhom jiġu riveduti kull meta dan isir neċessarju fid-dawl ta’ data xjentifika iktar reċenti”.

44      Kif ingħad għal dak li jikkonċerna d-Direttiva 98/24, ir-Regolament Nru 1907/2006 ma għandu l-ebda impatt fuq l-applikazzjoni tad-direttiva dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema, inkluża d-Direttiva 2004/37, li għaliha japplika l-istess raġunament kif espost fil-punt 39 iktar ’il fuq. Sa fejn din id-direttiva tal-aħħar ma tirreferi għal ebda sustanza oħra ħlief il-benżin, il-monomeru tal-vinil klorur u t-trabijiet tal-injam iebes li għalihom tistabbilixxi valuri massimi ta’ espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol, hija la tista’ titqies li hija “speċifika” u lanqas li timponi rekwiżiti minimi. Barra minn hekk, l-istess bħalma għamel għad-Direttiva 98/24, il-leġiżlatur indika b’mod ċar fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/37 li l-iffissar tal-valuri ta’ limitu jagħmel parti integrali mill-mekkaniżmu ta’ protezzjoni tal-ħaddiema u li dan l-iffissar għadu jrid jintlaħaq għas-sustanzi li għalihom tali valuri ma jeżistux. Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-Artikolu 57(a) u (b) tar-Regolament Nru 1907/2006, li jinkludi s-sustanzi karċinoġeni u mutaġeni fil-mekkaniżmu ta’ awtorizzazzjoni rregolat mit-Titolu VII ta’ dan ir-regolament, il-finalità u l-funzjonament tas-sistema ta’ kontroll u ta’ protezzjoni stabbilita mill-imsemmi regolament jistgħu jitqiegħdu serjament fil-perikolu, kieku jkollu jitqies li d-Direttiva 2004/37 hija leġiżlazzjoni speċifika Komunitarja eżistenti li timponi rekwiżiti minimi dwar il-protezzjoni tas-saħħa jew ta’ l-ambjent għall-użu ta’ sustanza fis-sens tal-Artikolu 58(2) tal-imsemmi regolament għal kwalunkwe sustanza karċinoġena jew mutaġena. L-istess raġunament bħal dak espost fil-punt 40 iktar ’il fuq japplika għal dak li jikkonċerna d-Direttiva 2004/37.

45      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li, għal dak li jikkonċerna t-triossidu tal-kromju, la d-Direttiva 98/24 u lanqas id-Direttiva 2004/37 ma jikkostitwixxu “leġiżlazzjoni speċifika Komunitarja eżistenti li timponi rekwiżiti minimi dwar il-protezzjoni tas-saħħa jew ta’ l-ambjent għall-użu ta’ sustanza” fis-sens tal-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006.

46      Din il-konklużjoni ma hijiex imminata mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti kif ukoll ta’ Assogalvanica u tal-intervenjenti l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness II.

47      L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li billi imponiet, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, valuri ta’ limitu ta’ espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol, fir-realtà l-Kummissjoni ma riditx timponi rekwiżiti minimi iżda rekwiżiti massimi. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kriterju meħud ta’ “rekwiżiti minimi” ma għandux jitqies li jfisser kwalunkwe miżura prevista minn att ta’ portata leġiżlattiva tal-Unjoni. Il-kunċett ta’ rekwiżit minimu għandu jinftiehem fis-sens, minn naħa, li huwa jikkostitwixxi standard minimu fl-interess tal-ħaddiema jew ta’ persuni kkonċernati oħra u, min-naħa l-oħra, li huwa jippermetti li jiġu adottati jew imposti miżuri saħansitra iktar stretti fil-livell nazzjonali fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni iktar severa minn dik li, fil-livell tal-Unjoni, jimponi r-rekwiżit minimu. Is-sempliċi fatt li jiġu imposti valuri ta’ limitu ta’ espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol ma jimplikax, għaldaqstant, l-applikazzjoni ta’ rekwiżit massimu, iżda jikkostitwixxi rekwiżit minimu possibbli fis-sens tal-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006.

48      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jiddikjaraw li, huwa suffiċjenti sabiex leġiżlazzjoni tkun “speċifika” fis-sens tal-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, li hija tirreferi għal kategorija ta’ sustanzi, u, b’mod partikolari, għall-kriterji ta’ klassifikazzjoni. L-ewwel rikorrenti tiċċita dokument tal-ECHA intitolat “Preparation of draft Annex XIV entries for the third recommandation of substances to be included in Annex XIV – General Approach” (Preparazzjoni ta’ abbozzi ta’ inklużjoni tas-sustanzi fl-Anness XIV – Approċċ Ġenerali) li minnu jirriżulta li l-fatt li sustanza tagħmel parti minn kategoriji bħal “sustanzi karċinoġeni” jew “sustanzi mutaġeni” huwa biżżejjed sabiex leġiżlazzjoni li tirrigwarda waħda minn dawn il-kategoriji titqies li hija speċifika.

49      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

50      L-ewwel nett, id-dokument iċċitat mir-rikorrenti huwa biss sempliċi komunikazzjoni tal-ECHA li jinforma lill-partijiet ikkonċernati dwar l-approċċ meħud minn din tal-aħħar għall-finijiet tal-evalwazzjoni, b’mod partikolari, tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006. Dan id-dokument ma għandu ebda valur legali u ma huwiex rilevanti għall-interpretazzjoni tal-imsemmi artikolu mill-qorti tal-Unjoni.

51      It-tieni nett, ma jistax jiġi dedott mill-kliem tat-tieni paragrafu tal-punt 5.1 tad-dokument iċċitat mir-rikorrenti li kwalunkwe kriterju ta’ klassifikazzjoni huwa suffiċjenti sabiex leġiżlazzjoni dwar kategorija ta’ sustanzi li jagħmlu parti minn dan il-kriterju titqies li hija speċifika.

52      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li t-tieni paragrafu tal-punt 5.1 tad-dokument iċċitat mir-rikorrenti jirreferi għall-kontroll adegwat tar-riskji. Għaldaqstant, il-fatt li l-ECHA riedet, permezz tal-imsemmi paragrafu, tippreċiża liema huma l-kriterji li fil-fehma tagħha jippermettu li leġiżlazzjoni titqies li hija speċifika, huwa diskutibbli.

53      Barra minn hekk, fid-dokument iċċitat mir-rikorrenti, l-ECHA tippreċiża li, “bħala regola ġenerali, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni għandha tirreferi għas-sustanza speċifika li għandha tiġi inkluża fl-Anness XIV [tar-Regolament Nru 1907/2006] jew billi ssemmiha, jew billi tirreferi għall-grupp li minnu tagħmel parti din is-sustanza, pereżempju, billi ssemmi l-kriterji ta’ klassifikazzjoni jew il-kriterji tal-Anness XIII [tal-imsemmi regolament]”. Anki jekk jiġi preżunt li l-ECHA kellha l-intenzjoni tippreċiża l-kriterji li, fil-fehma tagħha, jippermettu li leġiżlazzjoni titqies li hija speċifika, jista’ jiġi dedott biss mis-silta inkwistjoni li, qabel kollox, is-sustanza għandha tissemma bħala tali mil-leġiżlazzjoni u li, jekk dan ma jkunx il-każ, ikun possibbli wkoll li kategorija ta’ sustanzi titqies li hija s-suġġett ta’ leġiżlazzjoni speċifika, jekk madankollu din il-leġiżlazzjoni ssemmi kategorija distinta sew minn sustanzi oħra. In-natura speċifika ta’ leġiżlazzjoni li ssemmi kategorija ta’ sustanzi għandha għaldaqstant tkun paragunabbli man-natura speċifika ta’ leġiżlazzjoni li ssemmi biss sustanza waħda. Isegwi li sempliċi riferiment għal sustanzi karċinoġeni, mutaġeni jew kimiċi huwa wisq ġenerali.

54      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ direttivi li jagħmlu parti mill-kuntest tal-protezzjoni tal-ambjent, jiġifieri d-Direttivi 2010/75 u 2012/18, mingħajr madankollu ma jippreċiżaw sa fejn dawn id-direttivi jikkostitwixxu “leġiżlazzjoni speċifika Komunitarja eżistenti li timponi rekwiżiti minimi dwar il-protezzjoni tas-saħħa jew ta’ l-ambjent għall-użu ta’ sustanza” fis-sens tal-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006. Insostenn tal-argument tagħhom, huma jirreferu sempliċement għall-Anness A.22 tar-rikors li, mingħajr ma jindikaw l-awtur u lanqas is-sors ta’ rapport intitolat “Environmental Risk Reduction Strategy and Analysis of Advantages and Drawbacks for Hexavalent Chromium” (Strateġija għat-tnaqqis tar-riskji ambjentali u analiżi tal-vantaġġi u żvantaġġi tal-użu tat-triossidu tal-kromju), jirriproduċi t-Taqsima 4 ta’ dan ir-rapport u fih iktar minn 40 paġna. Fil-fehma tagħhom, id-Direttiva 2010/75 kif ukoll id-dokument bl-isem “BREF”, jiġifieri dokument ta’ gwida dwar l-aħjar tekniki disponibbli għat-trattament ta’ superfiċji ta’ metalli jew ta’ materjali tal-plastik bid-data ta’ Awwissu 2006, jiggarantixxu l-użu tal-aħjar tekniki disponibbli, jiġifieri tal-metodi ta’ funzjonament li huma l-iktar effikaċi, l-iktar avvanzati u l-iktar faċli li jiġu implementati sabiex jiġu evitati jew imnaqqsa l-emissjonijiet u l-impatt tagħhom fuq l-ambjent.

55      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa inammissibbli, sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li d-Direttivi 2010/75 u 2012/18 jikkostitwixxu “leġiżlazzjoni speċifika Komunitarja eżistenti li timponi rekwiżiti minimi dwar il-protezzjoni tas-saħħa jew ta’ l-ambjent għall-użu ta’ sustanza” fis-sens tal-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, peress li ma huwiex l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li tagħmel xogħol ir-rikorrenti u tirriċerka u tidentifika hija stess, fl-Anness 22 tar-rikors li huwa voluminuż u li għalih jirreferu globalment, l-elementi li jistgħu jitqiesu li jsostnu l-argument tagħhom (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-29 ta’ Novembru 1993, Koelman vs Il-Kummissjoni, T‑56/92, Ġabra, EU:T:1993:105, punt 23). Sa fejn dan l-argument jirreferi biss għall-kontroll tar-riskji, huwa wkoll inammissibbli, peress li s-sempliċi riferiment globali għall-anness mingħajr ebda preċiżjoni rigward is-siltiet jew paragrafi rilevanti lanqas ma jippermetti li jinftiehem għaliex ir-riskju għandu jitqies li huwa kkontrollat. Għal dak li jirrigwarda d-dokument imsejjaħ “BREF”, l-istess raġunament japplika. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi dokument ma tqegħidx għad-dispożizzjoni tal-Qorti Ġenerali li, għaldaqstant, ma tistax teżaminah.

56      It-tieni nett, anki jekk jiġi preżunt li l-argument tar-rikorrenti dwar id-Direttiva 2012/18 huwa ammissibbli, l-imsemmija direttiva ma tista’ bl-ebda mod titqies li hija “leġiżlazzjoni speċifika Komunitarja eżistenti li timponi rekwiżiti minimi dwar il-protezzjoni tas-saħħa jew ta’ l-ambjent għall-użu ta’ sustanza” fis-sens tal-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, u dan minkejja l-fatt li din id-direttiva hija applikabbli għat-triossidu tal-kromju bis-saħħa tal-Parti 1 tal-Anness I tiegħu moqri flimkien man-Numru tal-indiċi 024‑001‑00‑0, tat-Tabella 3.1 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1272/2008.

57      Fil-fatt, mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2012/18 jirriżulta li din id-direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni ta’ “inċidenti kbar” li jinvolvu sustanzi perikolużi, u għal-limitazzjoni tal-konsegwenzi tagħhom għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, sabiex jiġu żgurati livelli għoljin ta’ protezzjoni fl-Unjoni kollha b’mod konsistenti u effettiv. Fl-Artikolu 5(1) tagħha, l-imsemmija direttiva tipprevedi obbligi ġenerali għall-operaturi ekonomiċi li għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiġu evitati inċidenti kbar u sabiex jiġu limitati l-konsegwenzi tagħhom għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Il-punt (b) tal-Anness III tal-istess direttiva jispeċifika l-punti li għandhom jiġu indirizzati fil-kuntest tas-sistema ta’ ġestjoni tas-sigurtà li l-operaturi ekonomiċi għandhom l-obbligu li jimplementaw fl-installazzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 8 tad-direttiva inkwistjoni, jiġifieri, b’mod partikolari, it-taħriġ u s-sensibilizzazzjoni tal-persunal, l-identifikazzjoni u l-evalwazzjoni tal-perikoli kbar, il-kontroll tal-installazzjonijiet industrijali, il-ġestjoni tal-bdil li għandu jsir fl-installazzjonijiet, proċessi jew żoni ta’ ħażna, l-ippjanar ta’ sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, is-sorveljanza kontinwa tal-prestazzjoni, l-irrappurtar tal-inċidenti u kontroll u eżami mill-ġdid regolari.

58      L-Anness I tad-Direttiva 2012/18 jistabbilixxi, barra minn hekk, kwantitajiet ta’ limitu għall-preżenza ta’ sustanza perikoluża fi ħdan impriża (f’tunnellati) sabiex b’hekk jiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva. Għaldaqstant, din id-direttiva ma tapplikax għall-impriżi li fihom huma preżenti sustanzi perikolużi fi kwantitajiet inferjuri għal dawk indikati fil-kolonna 2 tal-Parti 1 jew Parti 2 tal-Anness I tagħha. Min-naħa l-oħra, huma koperti mill-imsemmija direttiva l-impriżi li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha bħala “stabbilimenti tal-livelli aktar baxxi” fis-sens tal-Artikolu 3(2) tagħha jew bħala “stabbiliment tal-livelli ogħla” fis-sens tal-Artikolu 3(3). L-Anness I tal-istess direttiva la jistabbilixxi, għaldaqstant, valuri ta’ limitu ta’ espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol u lanqas valuri ta’ limitu ta’ emissjonijiet għal impriża.

59      Għaldaqstant, l-għan tad-Direttiva 2012/18 huwa li tiżgura s-sigurtà tal-installazzjonijiet sabiex jiġu evitati inċidenti “kbar”. Hija la ssemmi l-użi speċifiċi ta’ sustanzi perikolużi fil-kuntest tal-attivitajiet industrijali normali ta’ impriża bħala tali u lanqas il-protezzjoni tal-bnedmin kontra espożizzjoni għolja ħafna għas-sustanzi perikolużi fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Konsegwentement, hija ma tistax titqies li hija “leġiżlazzjoni speċifika Komunitarja eżistenti li timponi rekwiżiti minimi” fis-sens tal-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006.

60      It-tielet nett, anki jekk jiġi preżunt li l-argument tar-rikorrenti dwar id-Direttiva 2010/75 huma ammissibbli, għandu jiġi osservat li l-imsemmija direttiva ma tistax titqies li hija “leġiżlazzjoni speċifika Komunitarja eżistenti li timponi rekwiżiti minimi dwar il-protezzjoni tas-saħħa jew ta’ l-ambjent għall-użu ta’ sustanza” fis-sens tal-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006.

61      Skont l-Artikolu 1, id-Direttiva 2010/75 tinkludi “regoli dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati ta’ tniġġis li jinħoloq mill-attivitajiet industrijali”. Hija tipprevedi wkoll regoli maħsuba għall-prevenzjoni jew, meta dan ma jkunx prattiku, għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet fl-arja, fl-ilma u fl-art u għall-prevenzjoni tal-ġenerazzjoni tal-iskart, sabiex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent kollu kemm hu. Skont l-Artikolu 2 tagħha, hija tapplika għall-attivitajiet industrijali li jagħtu lok għat-tniġġis imsemmija fil-Kapitoli II sa VI. Hija ma tapplikax għal attivitajiet ta’ riċerka, attivitajiet ta’ żvilupp jew l-ittestjar ta’ prodotti u proċessi ġodda. Skont l-Anness I tagħha, hija tapplika, b’mod partikolari, għall-attività ta’ “[t]rattament tal-wiċċ ta’ metalli jew materjali tal-plastik bl-użu ta’ proċess elettrolitiku jew kimiku fejn il-volum tal-btieti tat-trattament jeċċedi t-30 m³”. L-Artikolu 14(1)(a) tagħha, jeżiġi li l-Istati Membri jadottaw il-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw l-osservanza tal-Artikoli 11 u 18 tagħha, u, b’mod partikolari, li jiffissaw valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet għal sustanzi li jniġġsu elenkati fl-Anness II, u għas-sustanzi l-oħra li jniġġsu, li x’aktarx joħorġu mill-installazzjoni kkonċernata fi kwantitajiet sinjifikattivi, wara li jkunu kkunsidrati n-natura u l-potenzjal tagħhom li jittrasferixxu t-tniġġis minn element ambjentali għal ieħor. Dan l-anness jelenka serje ta’ sustanzi u, b’mod partikolari, sustanzi u preparazzjonijiet li ġew ipprovati li fihom proprjetajiet karċinoġeni jew mutaġeni jew proprjetajiet li jistgħu jaffettwaw ir-riproduzzjoni permezz tal-arja jew permezz tal-ambjent akkwatiku jew permezz tal-arja jew l-ilma.

62      Għalkemm ma hemm ebda dubju li d-Direttiva 2010/75 tista’ tapplika, b’mod ġenerali, għall-emissjonijiet industrijali li jirriżultaw mill-użu ta’ triossidu tal-kromju, għandu jiġi kkonstatat madankollu li din id-direttiva ma tinkludi ebda dispożizzjoni speċifika dwar din is-sustanza. Hija tapplika għat-trattament tas-superfiċji ta’ metalli jew materjali tal-plastik bl-użu ta’ proċess elettrolitiku jew kimiku fejn il-volum tal-btieti tat-trattament jeċċedi t-30 m³. Hija tirreferi, għaldaqstant, għal proċess industrijali konkret li ma jeċċedix ċertu limitu ta’ volum għoli u mhux sustanza partikolari f’dan il-proċess u hija ma tapplikax għal kull tip ta’ dan il-proċess, b’mod partikolari għall-proċessi li ma jeċċedux il-limitu indikat.

63      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikorrenti kif ukoll Assogalvanica u l-intervenjenti l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness II ma wrewx, għal dak li jikkonċerna t-triossidu tal-kromju, l-eżistenza ta’ “leġiżlazzjoni speċifika Komunitarja eżistenti li timponi rekwiżiti minimi dwar il-protezzjoni tas-saħħa jew ta’ l-ambjent għall-użu ta’ sustanza” fis-sens tal-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006.

64      Għal dak li jirrigwarda t-tieni kundizzjoni prevista mill-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, jiġifieri riskju kkontrollat adegwatament abbażi tal-leġiżlazzjoni speċifika Komunitarja eżistenti li timponi rekwiżiti minimi dwar il-protezzjoni tas-saħħa jew tal-ambjent għall-użu ta’ sustanza, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif ġie espost fil-punt 31 iktar ’il fuq, eżenzjoni ma tistax tingħata ħlief jekk il-kundizzjonijiet kollha msemmija f’din id-dispożizzjoni huma ssodisfatti. Meta ma tkunx teżisti leġiżlazzjoni speċifika Komunitarja eżistenti li timponi rekwiżiti minimi dwar il-protezzjoni tas-saħħa jew tal-ambjent għall-użu ta’ sustanza, ma jkunx neċessarju li tiġi eżaminata t-tieni kundizzjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-espressjoni “compte tenu” li tinsab fil-verżjoni Franċiża tal-imsemmija dispożizzjoni u tal-espressjonijiet użati f’verżjonijiet lingwistiċi oħrajn ta’ din id-dispożizzjoni bħall-espressjoni Ġermaniża “auf der Grundlage” u Ingliża “on the basis of”, il-kontroll tar-riskju għandu jkun ibbażat fuq l-imsemmija leġiżlazzjoni speċifika Komunitarja eżistenti. Issa, fl-assenza ta’ tali leġiżlazzjoni, huwa impossibbli li kwalunkwe kontroll tar-riskju, jekk jiġi preżunt bħala stabbilit, jista’ jirriżulta minn dik il-leġiżlazzjoni, motiv li fih innifsu huwa diġà suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat li t-tieni kundizzjoni ma hijiex issodisfatta f’dan il-każ. L-argumenti mressqa mir-rikorrenti intiżi sabiex juru li, fir-realtà, ir-riskji li jirriżultaw mid-diversi użi tat-triossidu tal-kromju huma, għal raġunijiet oħra, prattikament ineżistenti, saħansitra negliġibbli jew ikkontrollati, ma jistabbilixxux rabta bejn l-allegat kontroll tar-riskji u leġiżlazzjoni speċifika Komunitarja eżistenti u huma, konsegwentement, ineffettivi.

65      Peress li l-kundizzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma kinux issodisfatti, il-Kummissjoni ma kellhiex marġni ta’ diskrezzjoni f’dan il-każ għal dak li jikkonċerna l-għoti ta’ eżenzjoni taħt l-imsemmi artikolu. Il-Qorti Ġenerali tosserva, madankollu, li kieku l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 31 iktar ’il fuq kienu ssodisfatti, is-setgħa diskrezzjonali li kien ikollha l-Kummissjoni ma kinitx tkun mingħajr limitu u ma kinitx ittiha d-dritt li tadotta miżuri arbitrarji. Madankollu, anki f’din l-ipoteżi, l-argument tar-rikorrenti kif ukoll ta’ Assogalvanica u tal-intervenjenti l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness II ma setax jintlaqa’ peress li l-elementi mressqa ma jippermettux li jitqies li l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni kien tant imnaqqas li hija kellha l-obbligu li tagħti l-eżenzjoni mitluba.

66      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006 billi ma tatx l-eżenzjoni mitluba mir-rikorrenti. Għaldaqstant, it-tieni motiv ibbażat fuq ksur ta’ dan l-artikolu għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

67      Ir-rikorrenti essenzjalment jikkontestaw il-bażi xjentifika tal-att ikkontestat u l-argument prinċipali tagħhom huwa li l-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod adegwat il-kwistjoni dwar jekk ir-riskji li jirriżultaw mid-diversi użi tal-industrija tal-kisi tal-metall bil-kromju kinux ikkontrollati.

68      Peress li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud minħabba li l-ewwel kundizzjoni prevista mill-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma kinitx issodisfatta, ma huwiex neċessarju, kif huwa espost fil-punt 62 iktar ’il fuq, li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk ir-riskji li jirriżultaw mid-diversi użi tal-industrija tal-kisi tal-metall bil-kromju humiex ikkontrollati jew le.

69      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, anki fl-ipoteżi li żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni ġew effettivament imwettqa mill-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tal-att ikkontestat, il-Qorti Ġenerali ma tistax tilqa’ t-talba tar-rikorrenti intiża sabiex jiksbu annullament parzjali tal-att ikkontestat sa fejn dan tal-aħħar ma jipprevedix l-għoti tal-eżenzjoni mitluba mir-rikorrenti.

70      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel motiv ma jistax jintlaqa’ u għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

71      Ir-rikorrenti, sostnuti minn Assogalvanica u l-intervenjenti l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness II isostnu li fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, kien sproporzjonat li tiġi adottata l-projbizzjoni de facto introdotta mill-att ikkontestat tal-użi kollha tat-triossidu tal-kromju. Għandu jittieħed b’mod partikolari inkunsiderazzjoni l-fatt li din is-sustanza tintuża, qabel kollox, fl-industrija tal-kisi tal-metall bil-kromju bħala sustanza intermedja fis-sens tal-Artikolu 3(15) tar-Regolament Nru 1907/2006.

72      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-ECHA, tikkontesta dawn l-argumenti.

73      Fid-dawl ta’ dak li ġie espost fil-kuntest tat-tieni motiv, għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-Kummissjoni ma kellhiex marġni ta’ diskrezzjoni f’dan il-każ għal dak li jikkonċerna l-għoti ta’ eżenzjoni abbażi tal-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, minħabba li l-kundizzjonijiet kollha previsti mill-imsemmi artikolu ma kinux issodisfatti, hija lanqas ma setgħet tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi tapplika dan l-artikolu bħalma dan jimponilha. Għaldaqstant, peress li l-Kummissjoni kienet marbuta tieħu d-deċiżjoni li ma tagħtix eżenzjoni, hija ma setgħatx minħabba f’hekk tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

74      L-argument imqajjem mir-rikorrenti jista’ jintlaqa’ biss – bħalma ġustament tosserva l-Kummissjoni – jekk jindirizza l-legalità tal-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006 bħala tali. Madankollu, kif ir-rikorrenti ppreċiżaw matul is-seduta, huma ma jinvokawx eċċezzjoni ta’ illegalità kontra dan l-artikolu.

75      Għal dak li jirrigwarda l-argument imqajjem minn Assogalvanica u l-intervenjenti l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness II li jipprovdi li t-triossidu tal-kromju bħala sustanza intermedja fis-sens tal-Artikolu 3(15) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma għandux jiġi suġġett għar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni fis-sens tat-Titolu VII tar-Regolament Nru 1907/2006, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn dawn l-intervenjenti jixtiequ jinvokaw permezz ta’ dan l-argument in-nuqqas ta’ applikabbiltà tat-Titolu VII skont l-Artikolu 2(8) tal-imsemmi regolament, dan huwa motiv li huwa tali li jbiddel is-suġġett tat-tilwima kif ġie ddefinit mill-partijiet il-prinċipali u li huwa, għaldaqstant, inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Diputación Foral de Vizcaya et vs Il‑Kummissjoni, C‑474/09 P sa C‑476/09 P, EU:C:2011:522, punt 111). Fi kwalunkwe każ, dan l-argument huwa wkoll infondat, peress li dawn l-intervenjenti ma jipproduċi ebda prova li turi li t-triossidu tal-kromju jista’ jitqies li huwa sustanza intermedja fis-sens tal-Artikolu 3(15) ta’ dan ir-regolament. Madankollu, huma jitolbu li l-Qorti Ġenerali nnifisha tevalwa “jekk it-trasformazzjoni tat-triossidu tal-kromju f’mettall miksi bil-kromju waqt il-proċess tal-kisi tal-kromju tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(8) tar-regolament [inkwistjoni] jew, sussidjarjament, għall-eżenzjoni tal-Artikolu 58(2) tal-[istess regolament], b’tali mod li l-inklużjoni stretta tat-triossidu tal-kromju fl-Anness XIV, mingħajr eżenzjoni, hija illegali”. Madankollu, ma huwiex l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li tikseb provi li l-partijiet ma pproduċewx.

76      Sa fejn, bħalma r-rikorrenti indikaw waqt is-seduta, dan l-argument jindirizza biss il-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni li ma tagħtix eżenzjoni fis-sens tal-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006 kinitx sproporzjonata, huwa ineffettiv għar-raġunijiet esposti fil-punt 72 iktar ’il fuq.

77      Bħala konklużjoni, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ “eċċellenza tal-pariri xjentifiċi”

78      Ir-rikorrenti jqajmu żewġ ilmenti. Fil-kuntest tal-ewwel ilment, huma jinvokaw ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom, filwaqt li jsostnu b’mod partikolari li, fl-assenza ta’ aċċess għad-data tar-rapport MEGA, huma ma setgħux jiġġustifikaw bis-sħiħ it-talba tagħhom għal eżenzjoni mir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni. Fil-kuntest tat-tieni lment, huma jinvokaw ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ “eċċellenza tal-pariri xjentifiċi” minħabba, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni u l-ECHA ma kinux fil-pussess tal-imsemmi rapport u għaldaqstant ma setgħux jeżaminaw id-data kollha disponibbli, u li d-data pprovduta mill-ewwel rikorrenti fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika ma kinitx ittieħdet inkunsiderazzjoni b’mod adegwat.

79      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-ECHA, tikkontesta dawn l-argumenti.

–       Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

80      Għal dak li jikkonċerna l-ewwel ilment, għandu jitfakkar li t-Titolu VII tar-Regolament Nru 1907/2006 ma jipprevedix l-eżistenza ta’ dritt li jintalab l-għoti ta’ eżenzjoni u li huwa biss fil-kuntest tal-Artikolu 58(4) tal-imsemmi regolament li r-rikorrenti intalbu jipprovdu, bħala partijiet ikkonċernati, “osservazzjonijiet dwar b’mod partikolari l-użi li għandhom jiġu eżenti mir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni”.

81      Issa, il-konsultazzjoni pubblika prevista mill-Artikolu 58(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma tagħtix lill-partijiet ikkonċernati drittijiet proċedurali speċifiċi, bħad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti li għandha l-ECHA għad-dispożizzjoni tagħha jew il-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ inklużjoni ta’ sustanzi fl-Anness XIV ta’ dan ir-regolament. L-imsemmi artikolu jipprevedi biss id-dritt li jiġu sottomessi osservazzjonijiet. Issa, ir-rikorrenti ma sostnewx li d-dritt tagħhom li jissottomettu osservazzjonijiet fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika msemmija iktar ’il fuq ma ġiex osservat mill-ECHA jew mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti li d-drittijiet tad-difiża tagħhom ġew miksura ma għandux jintlaqa’.

82      Din il-konklużjoni ma hijiex imminata mill-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti. Huwa minnu li l-punt 130 tas-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008, Bayer CropScience et vs Il-Kummissjoni (T‑75/06, Ġabra, EU:T:2008:317), tirreferi, b’mod partikolari, għall-osservanza tad-drittijiet tad-difiża “f’kull proċedura miftuħa kontra persuna”. Madankollu, f’din il-kawża, il-proċedura intiża għall-inklużjoni tat-triossidu tal-kromju fl-Anness XIV tar-Regolament Nru 1907/2006 ma tistax titqies li hija “proċedura miftuħa kontra” ir-rikorrenti. Barra minn hekk, il-fatt li l-Artikolu 58 tal-imsemmi regolament jipprevedi konsultazzjoni pubblika ma jimminax il-fatt li la l-ECHA u lanqas il-Kummissjoni ma huma obbligati, skont dan l-artikolu, li jisimgħu individwu li jista’ jkun ikkonċernat mill-l-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, u b’analoġija, id-digriet tat-12 ta’ Diċembru 2003, Bactria vs Il‑Kummissjoni, C‑258/02 P, Ġabra, EU:C:2003:675, punt 43). Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrenti jsemmgħu l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), għandu jiġi kkonstatat li dan tal-aħħar ma jistax ibiddel il-portata tal-Artikolu 58(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 u ma jistax, għaldaqstant, joħloq drittijiet proċedurali li dan ir-regolament tal-aħħar ma jipprevedix. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma sostnewx ksur tar-Regolament Nru 1049/2001.

83      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jeżisti ebda obbligu għall-Kummissjoni li tagħti aċċess, għas-sempliċi finijiet tal-konsultazzjoni pubblika, għad-dokumenti eżaminati matul il-proċedura pendenti, inkluż ir-rapport MEGA. Il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kinitx fil-pussess ta’ dan tal-aħħar u jekk hija kinitx f’pożizzjoni li tagħti aċċess għal dan id-dokument ma hijiex, għaldaqstant, rilevanti. Konsegwentement, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ “eċċellenza tal-pariri xjentifiċi”

84      Għal dak li jirrigwarda t-tieni lment, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel ilment tar-raba’ motiv, il-Kummissjoni u l-ECHA ma kisrux id-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti. Fl-aħħar nett, fil-kuntest tat-teħid tad-deċiżjoni dwar l-għoti ta’ eċċezzjoni, kien ukoll possibbli għall-Kummissjoni u l-ECHA li jirrinunzjaw li jevalwaw il-kwistjoni dwar jekk riskji li jirriżultaw minn ċerti użi tat-triossidu tal-kromju kinux ikkontrollati.

85      F’dawn iċ-ċirkustanzi għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk jiġi preżunt li, bħalma jsostnu r-rikorrenti, l-evalwazzjoni xjentifika mwettqa mill-ECHA u mill-Kummissjoni twettqet b’mod inadegwat, tali żbalji twettqu fi stadji li jiġu qabel il-proċedura, jiġifieri partikolarment waqt il-preparazzjoni tal-fajl konformi mar-rekwiżiti tal-Anness XV, u ma jistgħux jivvizzjaw id-deċiżjoni li ma tingħatax eżenzjoni abbażi tal-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006. Fil-fatt, din id-deċiżjoni kienet, l-istess bħar-rakkomandazzjoni tal-ECHA, ibbażata biss fuq l-assenza ta’ “leġiżlazzjoni speċifika Komunitarja eżistenti li timponi rekwiżiti minimi dwar il-protezzjoni tas-saħħa jew ta’ l-ambjent għall-użu ta’ sustanza” fis-sens tal-Artikolu 58(2) tal-imsemmi regolament, u mhux fuq il-kontroll tar-riskji. Għaldaqstant, eventwali żbalji rigward l-analiżi xjentifika tal-kontroll tar-riskji waqt fażijiet tal-proċedura preċedenti, jiġifieri partikolarment waqt il-preparazzjoni tal-fajl inkwistjoni, ma seta’ jkollhom ebda impatt fuq il-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

86      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali

87      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, lanqas ma għandha tintlaqa’ t-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali.

88      Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 113(2)(c) tar-Regoli tal-Proċedura kif ukoll mill-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali hija marbuta li tilqa’ talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali sabiex jinstemgħu fatti allegatament ġodda biss jekk il-parti kkonċernata tibbaża ruħha fuq fatti li jista’ jkollhom influwenza deċiżiva fuq is-soluzzjoni tat-tilwima li hija ma setgħetx issostni qabel it-tmiem tal-fażi orali tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2006, Roquette Frères vs Il-Kummissjoni, T-322/01, Ġabra, EU:T:2006:267, punt 323).

89      Issa, f’dan il-każ, il-fatti ġodda li ġew ippreżentati mir-rikorrenti jikkonċernaw esklużivament id-data tar-rapport MEGA u l-kwistjoni dwar jekk żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni twettqux mill-Kummissjoni u mill-ECHA fl-analiżi xjentifika tagħhom tal-kontroll tar-riskji matul il-fażijiet tal-proċedura preċedenti għal dik li kellha bħala suġġett id-deċiżjoni dwar l-għoti ta’ eżenzjoni skont l-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006.

90      Kif ġie kkonstatat fil-punti 68 u 69 iktar ’il fuq, anki fl-ipotezi li l-Kummissjoni effettivament wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni qabel l-adozzjoni tal-att ikkontestat, il-Qorti Ġenerali ma tistax tilqa’ t-talba tar-rikorrenti intiża sabiex jinkiseb annullament parzjali tal-att ikkontestat inkwantu dan tal-aħħar ma jipprevedix l-għoti tal-eżenzjoni mitluba mir-rikorrenti.

91      Għaldaqstant, il-fatti ġodda ppreżentati mir-rikorrenti ma humiex tali li jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq is-soluzzjoni tat-tilwima.

92      Għall-istess motiv, lanqas ma hemm lok li l-partijiet jinstemgħu dwar l-impatt tal-perizja fuq is-soluzzjoni tat-tilwima.

 Fuq l-ispejjeż

93      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 138(1) tal-imsemmija regoli, l‑istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Skont l-Artikolu 138(3) ta’ dawn ir-regoli, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li parti intervenjenti minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-istess dispożizzjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

94      Peress li r-rikorrenti tilfu, għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni kif mitlub minnha.

95      L- intervenjenti u l-ECHA għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Verein zur Wahrung von Einsatz und Nutzung von Chromtrioxid und anderen Chrom-VI-Verbindungen in der Oberflächentechnik eV (VECCO) u r-rikorrenti li isimhom jinsab fl-Anness I għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom stess, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Assogalvanica u l-intervenjenti l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness II għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

4)      L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Dittrich

Schwarcz

Tomljenović

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Settembru 2015.

Firem

ANNESS I

Adolf Krämer GmbH & Co. KG, stabbilita f’Ulm (il‑Ġermanja),

AgO Argentum GmbH Oberflächenveredelung, stabbilita f’Nuremberg (il‑Ġermanja),

Alfred Kruse GmbH Metallveredelungen, stabbilita f’Langenfeld (il‑Ġermanja),

AL-Oberflächenveredelungsgesellschaft m.b.H, stabbilita f’Wuppertal (il‑Ġermanja),

Anke GmbH & Co. KG Oberflächentechnik, stabbilita f’Essen (il‑Ġermanja),

ATC Armoloy Technology Coatings GmbH & Co. KG, stabbilita f’Mosbach (il‑Ġermanja),

August Schröder GmbH & Co. KG Oberflächenveredelung, stabbilita f’Hemer (il‑Ġermanja),

August Sure KG, stabbilita f’Lüdenscheid (il‑Ġermanja),

Baaske Oberflächenveredelung GmbH, stabbilita f’Wuppertal (il‑Ġermanja),

Hartchrom Beck GmbH, stabbilita f’Güglingen (il‑Ġermanja),

Bredt GmbH, stabbilita f’Meschede (il‑Ġermanja),

Breidert Galvanic GmbH, stabbilita f’Darmstadt (il‑Ġermanja),

Chrom-Müller Metallveredelung GmbH, stabbilita f’Oberndorf a. N. (il‑Ġermanja),

Chrom-Schmitt GmbH & Co. KG, stabbilita f’Baden-Baden (il‑Ġermanja),

C. Hübner GmbH, stabbilita f’Marktoberdorf (il‑Ġermanja),

C. W. Albert GmbH & Co. KG, stabbilita f’Hemer-Bredenbruch (il‑Ġermanja),

Detlef Bingen Gesellschaft mit beschränkter Haftung, stabbilita f’Langenfeld (il‑Ġermanja),

Dittes Oberflächentechnik GmbH, stabbilita f’Keltern (il‑Ġermanja),

Duralloy Süd GmbH, stabbilita f’Villingen-Schwenningen (il‑Ġermanja),

Durochrom-Bogatzki, stabbilita f’Oberndorf a. N. (il‑Ġermanja),

Metallveredelung Emil Weiß GmbH & Co. KG, stabbilita f’Mitwitz (il‑Ġermanja),

Ewald Siodla Metallveredelungsgesellschaft mbH, stabbilita f’Witten (il‑Ġermanja),

Flügel CSS GmbH & Co. KG, stabbilita f’Solingen (il‑Ġermanja),

Fritz Zehnle Galvanische Anstalt, Inh. Gerd Joos e.K., stabbilita f’Triberg (il‑Ġermanja),

Galvanoform Gesellschaft für Galvanoplastik mbH, stabbilita f’Lahr (il‑Ġermanja),

Galvano Herbert Geske e.K. , stabbilita f’Solingen (il‑Ġermanja),

Galvanotechnik Friedrich Holst GmbH, stabbilita f’Hamburg (il‑Ġermanja),

Galvano Weis, Weis GmbH & Co., Galvanische Werkstätte KG, stabbilita f’Emmering (il‑Ġermanja),

gebr. böge Metallveredelungs GmbH, stabbilita f’Hamburg (il‑Ġermanja),

Hans Giesbert GmbH & Co. KG, stabbilita f’Mömbris (il‑Ġermanja),

Groz-Beckert KG, stabbilita f’Albstadt (il‑Ġermanja),

GTW GmbH, stabbilita f’Werl (il‑Ġermanja),

GWC Coating GmbH, stabbilita f’Villingen-Schwenningen (il‑Ġermanja),

Hartchrom Beuthel GmbH, stabbilita fi Schwelm (il‑Ġermanja),

Hartchrom Erb GmbH, stabbilita f’Weiterstadt (il‑Ġermanja),

Hartchrom GmbH, stabbilita f’Karlsruhe (il‑Ġermanja),

Hartchrom GmbH Werner Kreuz, stabbilita f’Blumberg (il‑Ġermanja),

Hartchrom Schoch GmbH, stabbilita fi Sternenfels (il‑Ġermanja),

Hartchrom Teikuro Automotive GmbH, stabbilita fi Sternenfels (il‑Ġermanja),

Heine Optotechnik GmbH & Co. KG, stabbilita f’Herrsching (il‑Ġermanja),

Heinrich Schnarr GmbH Metallveredelungswerk, stabbilita f’Mainaschaff (il‑Ġermanja),

Heinrich Schulte Söhne GmbH & Co. KG, stabbilita f’Arnsberg (il‑Ġermanja),

Heinz Daurer und Söhne GmbH & Co. KG Metall-Veredelung-Lampertheim, stabbilita f’Lampertheim (il‑Ġermanja),

Helmut Gossmann Metallveredelungs-GmbH, stabbilita f’Goldbach (il‑Ġermanja),

Henry Gevekoth GmbH, stabbilita f’Hamburg (il‑Ġermanja),

Heyer GmbH Oberflächentechnik, stabbilita f’Lübeck (il‑Ġermanja),

HFJ Galvano Kiel GmbH, stabbilita f’Kiel (il‑Ġermanja),

Hueck Engraving GmbH & Co. KG, stabbilita f’Viersen (il‑Ġermanja),

Imhof Hartchrom GmbH, stabbilita f’Karlstadt (il‑Ġermanja),

Johannes Jander GmbH & Co. KG Metalloberflächenveredelung, stabbilita f’Iserlohn (il‑Ġermanja),

Johann Maffei GmbH & Co. KG, stabbilita f’Iserlohn-Simmern (il‑Ġermanja),

Kesseböhmer Beschlagsysteme GmbH & Co. KG, stabbilita f’Bad Essen (il‑Ġermanja),

Knipex-Werk C. Gustav Putsch KG, stabbilita f’Wuppertal (il‑Ġermanja),

Kreft & Röhrig Gesellschaft mit beschränkter Haftung, stabbilita f’Troisdorf-Friedrich-Wilhelms Hütte (il‑Ġermanja),

Kriebel Metallveredelung GmbH, stabbilita f’Kirschfurt (il‑Ġermanja),

LKS Kronenberger GmbH Metallveredlungswerk, stabbilita f’Seligenstadt (il‑Ġermanja),

Kunststofftechnik Bernt GmbH, stabbilita f’Kaufbeuren (il‑Ġermanja),

L B - Oberflächentechnik GmbH, stabbilita f’Wuppertal (il‑Ġermanja),

Linder Metallveredelungsgesellschaft mit beschränkter Haftung, stabbilita f’Albstadt (il‑Ġermanja),

Metallisierwerk Peter Schreiber GmbH, stabbilita f’Düsseldorf (il‑Ġermanja),

Montanhydraulik GmbH, stabbilita f’Holzwickeden (il‑Ġermanja),

Morex SpA, stabbilita f’Crespano del Grappa (l-Italja),

Motoren-Sauer Instandsetzungs-GmbH, stabbilita f’Hösbach (il‑Ġermanja),

MSC/Copperflow Ltd, stabbilita f’Bolton, Greater Manchester (ir‑Renju Unit),

Neumeister Hydraulik GmbH, stabbilita f’Neuenstadt am Kocher (il‑Ġermanja),

Nießer Metallveredelung GmbH, stabbilita f’Röthenbach a. d. Pegnitz (il‑Ġermanja),

Norddeutsche Hartchrom GmbH & Co. KG, stabbilita f’Ganderkesee (il‑Ġermanja),

Oberflächenzentrum Elz GmbH, stabbilita f’Limburg (il‑Ġermanja),

OK Oberflächenveredelung GmbH & Co. KG, stabbilita f’Sundern (il‑Ġermanja),

OTH Oberflächentechnik Hagen GmbH & Co. KG, stabbilita f’Hagen (il‑Ġermanja),

OT Oberflächentechnik GmbH & Co. KG, stabbilita fi Schwerin (il‑Ġermanja),

Präzisionsgalvanik GmbH Wolfen, stabbilita f’Bitterfeld-Wolfen (il‑Ġermanja),

Rahrbach GmbH, stabbilita f’Heiligenhaus (il‑Ġermanja),

Rudolf Clauss GmbH & Co. KG Metallveredelung, stabbilita f’Mülheim a. d. Ruhr (il‑Ġermanja),

Rudolf Jatzke Galvanik-Hartchrom Günter Holthöfer GmbH & Co. KG, stabbilita f’Bielefeld (il‑Ġermanja),

Schaeffler Technologies AG & Co. KG, stabbilita f’Herzogenaurach (il‑Ġermanja),

Scherer GmbH, stabbilita f’Haslach im Kinzigtal (il‑Ġermanja),

Schmitz Hydraulikzylinder GmbH, stabbilita f’Büttelborn (il‑Ġermanja),

Schnarr Metallveredelung GmbH, stabbilita f’Waiblingen (il‑Ġermanja),

Schornberg Galvanik GmbH, stabbilita f’Lippstadt (il‑Ġermanja),

Robert Schrubstock GmbH & Co. KG, stabbilita f’Velbert (il‑Ġermanja),

Schulte Hartchrom GmbH, stabbilita f’Arnsberg (il‑Ġermanja),

Schwing GmbH, stabbilita f’Sankt Stefan im Lavanttal (l-Awstrija),

Silit-Werke GmbH & Co. KG, stabbilita f’Riedlingen (il‑Ġermanja),

Steinbach & Vollmann GmbH & Co. KG, stabbilita f’Heiligenhaus (il‑Ġermanja),

Strötzel Oberflächentechnik GmbH & Co. KG, stabbilita f’Hildesheim (il‑Ġermanja),

Süss Oberflächentechnik GmbH, stabbilita f’Wetzlar (il‑Ġermanja),

Thomas Metallveredelung GmbH, stabbilita f’Heimertingen (il‑Ġermanja),

Viemetall Viersener Metallveredlung Pottel GmbH & Co. KG, stabbilita f’Viersen (il‑Ġermanja),

Walzen-Service-Center GmbH, stabbilita f’Oberhausen (il‑Ġermanja),

Wavec GmbH, stabbilita f’Eisenhüttenstadt (il‑Ġermanja),

Wilhelm Bauer GmbH & Co. KG, stabbilita f’Hannover (il‑Ġermanja),

Willy Remscheid Galvanische Anstalt GmbH, stabbilita f’Solingen (il‑Ġermanja),

Willy Remscheid Kunststofftechnik GmbH, stabbilita f’Velbert (il‑Ġermanja),

Wiotec, Inhaber Udo Wilmes e.K., stabbilita f’Ense (il‑Ġermanja),

Wissing Hartchrom GmbH, stabbilita f’Lohmar (il‑Ġermanja),

alfi GmbH Isoliergefäße, Metall‑ und Haushaltswaren, stabbilita f’Wertheim (il‑Ġermanja),

BIA Kunststoff- und Galvanotechnik GmbH & Co. KG, stabbilita f’Solingen (il‑Ġermanja),

Siegfried Boner e.K., stabbilita f’Villingen-Schwenningen (il‑Ġermanja),

Bruchmühlbacher Galvanotechnik (BG) GmbH, stabbilita f’Bruchmühlbach-Miesau (il‑Ġermanja),

C+C Krug GmbH, stabbilita f’Velbert (il‑Ġermanja),

Collini GmbH, stabbilita f’Aperg (il‑Ġermanja),

Collini Gesellschaft m.b.H, stabbilita f’Hohenems (l-Awstrija),

Collini GmbH, stabbilita f’Marchtrenk (l-Awstrija),

Collini Wien GmbH, stabbilita fi Vjenna (l-Awstrija),

Federal-Mogul TP Europe GmbH & Co KG, stabbilita f’Burscheid (il‑Ġermanja),

Fischer GmbH & Co. surface technologies KG, stabbilita f’Katzenelnborgen (il‑Ġermanja),

Friederici Oberflächenveredlung GmbH, stabbilita f’Iserlohn (il‑Ġermanja),

Galvano Wittenstein GmbH, stabbilita f’Solingen (il‑Ġermanja),

Gedore-Werkzeugfabrik GmbH & Co. KG, stabbilita f’Remscheid (il‑Ġermanja),

Gerhardi Kunststofftechnik GmbH, stabbilita f’Lüdenscheid (il‑Ġermanja),

Gosma-Werkzeugfabrik und Metallveredelung Weber GmbH, stabbilita f’Gosheim (il‑Ġermanja),

Hartchrom-Meuter Ernst Meuter GmbH & Co. KG, stabbilita f’Solingen (il‑Ġermanja),

Hartchrom Spezialbeschichtung Winter GmbH, stabbilita f’Treuen (il‑Ġermanja),

Hasler AG, Aluminiumveredelung, stabbilita f’Turgi (l-Isvizzera),

Hartchrom Haslinger Oberflächentechnik GmbH, stabbilita f’Linz (l-Awstrija),

Hentschel Harteloxal GmbH & Co. KG, stabbilita f’Schorndorf (il‑Ġermanja),

Kammin Metallveredelung KG, stabbilita fi Friesenheim (il‑Ġermanja),

Karl-Heinz Bauer GmbH Galvanische Anstalt, stabbilita f’Ispringen (il‑Ġermanja),

Maschinenfabrik KBA‑Mödling AG, stabbilita f’Maria Enzersdorf (l‑Awstrija),

Albert Kißling Galvanische Werke GmbH, stabbilita f’Neusäß (il‑Ġermanja),

KME Germany GmbH & Co. KG, stabbilita f’Osnabrück (il‑Ġermanja),

Lahner KG, stabbilita fi Brunn am Gebirge (l-Awstrija),

Liebherr‑Aerospace Lindenberg GmbH, stabbilita f’Lindenberg (il‑Ġermanja),

MTU Aero Engines AG, stabbilita f’München (il‑Ġermanja),

MTU Maintenance Hannover GmbH, stabbilita f’Langenhagen (il‑Ġermanja),

Münze Österreich AG, stabbilita fi Vjenna (l-Awstrija),

Nehlsen‑BWB Flugzeug‑Galvanik Dresden GmbH & Co. KG, stabbilita fi Dresden (il‑Ġermanja),

Orbis Will GmbH & Co. KG, stabbilita f’Ahaus (il‑Ġermanja),

Riag Oberflächentechnik AG, stabbilita f’Wängi (l-Isvizzera),

Franz Rieger Metallveredlung, stabbilita fi Steinheim am Albuch (il‑Ġermanja),

Saxonia Galvanik GmbH, stabbilita f’Halsbrücke (il‑Ġermanja),

Schweizer Galvanotechnic GmbH & Co. KG, stabbilita f’Heilbronn (il‑Ġermanja),

G. Schwepper Beschlag GmbH & Co. KG, stabbilita f’Heiligenhaus (il‑Ġermanja),

R. Spitzke Oberflächen‑ und Galvanotechnik GmbH & Co. KG, stabbilita f’Barsbüttel (il‑Ġermanja),

Stahl Judenburg GmbH, stabbilita f’Judenburg (l-Awstrija),

VTK Veredelungstechnik Krieglach GmbH, stabbilita f’Krieglach (l‑Awstrija),

STI Surface Technologies International Holding AG, stabbilita fi Steinach (l‑Isvizzera),

Witech GmbH, stabbilita f’Remscheid (il‑Ġermanja),

Kurt Zecher GmbH, stabbilita f’Paderborn (il‑Ġermanja),

De Martin AG, Metallveredelung, stabbilita f’Wängi (l-Isvizzera),

Hattler & Sohn GmbH, stabbilita f’Villingen-Schwenningen (il‑Ġermanja),

Alfacrom 2000 Srl, stabbilita fi Fiume Veneto (l-Italja),

F.LLI Angelini Sud Srl, stabbilita f’Arzano (l-Italja),

Bertola Srl, stabbilita f’Marene (l-Italja),

Bugli Srl, stabbilita f’Scandicci (l-Italja),

Burello Srl, stabbilita f’Pavia di Udine (l-Italja),

Galvanica CMB Di Bittante Franco EC - Snc, stabbilita f’Scorzé (l‑Italja),

Casprini Gruppo Industriale SpA, stabbilita f’Cavrilia (l-Italja),

C.F.G. Rettifiche Srl, stabbilita f’Argenta (l-Italja),

CIL – Cromatura e Rettifica Srl, stabbilita f’Esine (l-Italja),

Cromatura Dura Srl, stabbilita f’Lozza (l-Italja),

Cromital Srl, stabbilita f’Parma (l-Italja),

Cromoflesch Di Bolletta Giuseppe & C. - Snc, stabbilita f’Scandicci (l‑Italja),

Cromagalante Srl, stabbilita f’Padova (l-Italja),

Cromotrevignia Srl, stabbilita f’Ponzano Veneto (l-Italja),

Elezinco Srl, stabbilita f’Castelfidardo (l-Italja),

Galvanica Nobili Srl, stabbilita f’Marano sul Panaro (l-Italja),

Galvanotecnica Vignati Srl, stabbilita f’Canegrate (l-Italja),

Galvitek Srl, stabbilita f’Verona (l-Italja),

Gilardoni Vittorio Srl, stabbilita f’Mandello del Lario (l-Italja),

Industria Galvanica Dalla Torre Ermanno e Figli Srl, stabbilita f’Villorba (l‑Italja),

La Galvanica Trentina Srl, stabbilita f’Rovereto (l-Italja),

Nicros Srl, stabbilita f’Conegliano (l-Italja),

O.C.M. Di Liboà Mauro & C. – Snc, stabbilita f’Mondovì (l-Italja),

Rubinetterie Zazzeri SpA, stabbilita f’Incisa Valdarno (l-Italja),

Silga SpA, stabbilita f’Castelfidarno (l-Italja),

Surcromo Di Suttora Marco, stabbilita f’Pieve Emanuele (l-Italja),

Tobaldini SpA, stabbilita f’Altavilla Vicentina (l-Italja),

Tre Albi SNC Di Trentin Silvano Bittante Mario & Albanese Giancarlo, stabbilita f’Vedelago (l-Italja),

Adolf Boos GmbH & Co. KG, stabbilita f’Iserlohn (il‑Ġermanja),

Henkel Beiz‑ und Elektropoliertechnik GmbH & Co. KG, stabbilita f’Waidhofen an der Thaya (l-Awstrija),

Saueressig GmbH & Co. KG, stabbilita fi Vreden (il‑Ġermanja),

Saueressig Polska sp. z o.o. , stabbilita fi Krucza (il-Polonja),

Wetzel GmbH, stabbilita f’Grenzach-Wyhlen (il‑Ġermanja),

Wetzel sp. z o.o., stabbilita f’Duchnów (il-Polonja),

Apex Cylinders Ltd, stabbilita f’Bristol (ir-Renju Unit),

Federal-Mogul Burscheid GmbH, stabbilita f’Burscheid (il‑Ġermanja),

Federal-Mogul Friedberg GmbH, stabbilita fi Friedberg (il‑Ġermanja),

Federal-Mogul Vermögensverwaltungs-GmbH, stabbilita f’Burscheid (il‑Ġermanja),

Federal-Mogul Operations Franza SAS, stabbilita f’Saint‑Jean‑de‑la‑Ruelle (Franza),

Dietmar Schrick GmbH, stabbilita f’Solingen (il‑Ġermanja),

Cromatura Dalla Torre Sergio Snc Di Dalla Torre Sergio EC, stabbilita fi Breda di Tiave (l-Italja),

Hartchromwerk Brunner AG, stabbilita f’Saint Galle (l-Isvizzera),

Schulz Hartchrom GmbH, stabbilita f’Hamburg (il‑Ġermanja).


ANNESS II

Ecometal, stabbilita fi Treviso (l-Italja),

Il-Kumitat Ewropew għat-trattament ta’ superfiċji (CETS), stabbilit f’Louvain (il-Belġju),

Österreichische Gesellschaft für Oberflächentechnik (AOT), stabbilita fi Vjenna (l-Awstrija),

Surface Engineering Association (SEA), stabbilita f’Birmingham (ir‑Renju Unit),

Zentralverband Oberflächentechnik e.V. (ZVO), stabbilita f’Hilden (il‑Ġermanja),

Eco-Chim Galvanotecnica di Antoniazzi G. & C. Snc, stabbilita f’Codognè (l‑Italja),

Heiche Oberflächentechnik GmbH, stabbilita f’Schwaigern (il‑Ġermanja),

Schwäbische Härtetechnik Ulm GmbH & Co. KG, stabbilita f’Ulm (il‑Ġermanja),

Trattamento superfici metalliche Srl (TSM), stabbilita fi Schio (l‑Italja),

Aros Hydraulik GmbH, stabbilita f’Memmingen (il‑Ġermanja),

Berndorf Band GmbH, stabbilita f’Berndorf (l-Awstrija),

Eberhard Derichs Maschinen- und Apparatebau GmbH, stabbilita f’Krefeld (il‑Ġermanja),

Friedrich Fausel Metalldrückerei, stabbilita f’Herrlingen (il‑Ġermanja),

Goldhofer AG, stabbilita f’Memmingen (il‑Ġermanja),

Heidelberger Druckmaschinen AG, stabbilita f’Heidelberg (il‑Ġermanja),

Huhtamaki Flexible Packaging il‑Ġermanja GmbH & Co. KG, stabbilita f’Ronsberg (il‑Ġermanja),

ITW Automotive Products GmbH, stabbilita f’Hodenhagen (il‑Ġermanja),

Josef Van Baal GmbH, stabbilita fi Krefeld (il‑Ġermanja),

Kleinvoigtsberger Elektrobauelemente GmbH, stabbilita f’Großschirma (il‑Ġermanja),

Kniggendorf & Kögler GmbH, stabbilita f’Laatzen (il‑Ġermanja),

Liebherr-Components Kirchdorf GmbH, stabbilita f’Kirchdorf (il‑Ġermanja),

Max Hilscher GmbH, stabbilita f’Dornstadt (il‑Ġermanja),

Mora Metrology GmbH, stabbilita f’Aschaffenburg (il‑Ġermanja),

Norsystec - Nohra-System-Technik - GmbH, stabbilita f’Nohra (il‑Ġermanja),

Otto Littmann Maschinenfabrik - Präzisionsmechanik GmbH, stabbilita f’Hamburg (il‑Ġermanja),

Provertha Connectors Cables & Solutions GmbH, stabbilita fi Pforzheim (il‑Ġermanja),

Roland Merz, residenti f’Ober-Ramstadt (il‑Ġermanja),

Schwing-Stetter Baumaschinen GmbH, stabbilita fi Vjenna (l‑Awstrija),

SML Maschinengesellschaft mbH, stabbilita f’Lenzing (l-Awstrija),

ThyssenKrupp Steel Europe AG, stabbilita f’Duisbourg (il‑Ġermanja),

Windmöller & Hölscher KG, stabbilita f’Lengerich (il‑Ġermanja).


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.