Language of document : ECLI:EU:T:2020:514

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

28 ta’ Ottubru 2020 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija – Miżuri meħuda kontra persuni responsabbli għal miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u kontra persuni u entitajiet assoċjati – Lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi – Żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni – Bażi fattwali suffiċjenti – Termini għall-preżentata ta’ rikors – Għajnuna legali – Effett sospensiv – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet”

Fil-Kawża T‑151/18,

Slim Ben Tijani Ben Haj Hamda Ben Ali, residenti f’Verneuil-l’Étang (Franza), irrappreżentat minn K. Lara, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Lejeune, A. Jaume u V. Piessevaux, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/141 tad‑29 ta’ Jannar 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2011/72/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija (ĠU 2018, L 25, p. 38), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/135 tat‑28 ta’ Jannar 2019 li temenda d-Deċiżjoni 2011/72/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija (ĠU 2019, L 25, p. 23), u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/117 tas‑27 ta’ Jannar 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2011/72/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija (ĠU 2017, L 22, p. 31), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrent,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),

komposta minn M. J. Costeira, President tal-Awla, D. Gratsias (Relatur), M. Kancheva, B. Berke u T. Perišin, Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑22 ta’ Ġunju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-kuntest fattwali

1        Fil‑31 ta’ Jannar 2011, wara l-avvenimenti politiċi li seħħew fit-Tuneżija matul ix-xhur ta’ Diċembru 2010 u Jannar 2011, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, adotta d-Deċiżjoni 2011/72/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija (ĠU 2011, L 28, p. 62).

2        Il-premessi 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2011/72 jindikaw:

“(1)      Fil‑31 ta’ Jannar 2011, il-Kunsill afferma mill-ġdid is-solidarjetà ma’ u l-appoġġ għat-Tuneżija u l-poplu tagħha fl-isforzi tagħhom biex jistabbilixxu demokrazija stabbli, l-istat tad-dritt, pluraliżmu demokratiku u rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

(2)      Barra minn hekk, il-Kunsill iddeċieda li jadotta miżuri restrittivi kontra persuni responsabbli għal misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat Tuneżin u li b’hekk qed icaħħdu l-poplu Tuneżin mill-benefiċċji tal-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija u s-soċjetà tagħhom u jxekklu l-iżvilupp tad-demokrazija fil-pajjiż.”

3        L-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/72 jipprovdi:

“Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta, miżmuma jew ikkontrollati minn persuni responsabbli għal misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat Tuneżin, u persuni jew entitajiet fiżiċi jew ġuridiċi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.”

4        L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2011/72 jipprovdi:

“1.      Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta minn Stat Membru jew ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, għandu jistabbilixxi u jemenda l-lista li tinsab fl-Anness.

2.      Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna jew l-entità kkonċernata, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, u b’hekk tali persuna jew entità jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

3.      Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna jew entità skont il-każ.”

5        L-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2011/72 jipprovdi:

“L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar ta’ persuni u entitajiet.”

6        L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2011/72, fil-verżjoni inizjali tiegħu, kien jipprovdi:

“Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal perijodu ta’ 12‑il xahar. Għandha tinżamm taħt reviżjoni kostanti. Għandha tiġġedded, jew tiġi emendata kif adatt, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma ntlaħqux.”

7        Il-lista annessa inizjalment mad-Deċiżjoni 2011/72 kienet issemmi biss isem l-ex President tar-Repubblika tat-Tuneżija, fil-kariga meta seħħew l-avvenimenti msemmija fil-punt 1 iktar ’il fuq, u isem martu.

8        Fl‑4 ta’ Frar 2011, abbażi tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2011/72 u tal-Artikolu 31(2) TUE, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/79/PESK tal-4 ta’ Frar 2011 li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/72/PESK (ĠU 2011, L 31, p. 40). L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kien jipprevedi li l-Anness għad-Deċiżjoni 2011/72 kellu jiġi ssostitwit bit-test li kien jinsab fl-anness tagħha. Dan kien isemmi isem 48 persuna fiżika, fosthom, b’mod partikolari, fl-ewwel u fit-tieni linja, isem iż-żewġ persuni msemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq u, fis-seba’ u erbgħin linja, isem ir-rikorrent, Slim Ben Tijani Ben Haj Hamda Ben Ali. Dejjem fis-seba’ u erbgħin linja ta’ dan l-anness, kien hemm “[i]nformazzjoni identifikattiva” relatata man-nazzjonalità Tuneżina ta’ dan tal-aħħar, l-istat ċivili tiegħu u r-residenza tiegħu fit-Tuneżija kif ukoll ir-raġunijiet taż-żieda tiegħu f’dan l-anness, ifformulati kif ġej:

“Il-persuna hija soġġetta għal investigazzjoni ġudizzjarja min-naħa tal-awtoritajiet Tuneżini fir-rigward tal-kisba ta’ proprjetà immobbli u mobbli, il-ftuħ ta’ kontijiet bankarji u ż-żamma ta’ assi f’diversi pajjiżi bħala parti minn operazzjonijiet ta’ ħasil tal-flus.”

9        Abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE u tad-Deċiżjoni 2011/72, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 101/2011 tal‑4 ta’ Frar 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija (ĠU 2011, L 31, p. 1, rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 53). Dan ir-regolament, essenzjalment, jirriproduċi d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2011/72 u l-lista li tinsab fl-Anness I tiegħu hija identika għal dik annessa għal din id-deċiżjoni, kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/79.

10      B’applikazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2011/72, il-Kunsill ġedded l-imsemmija deċiżjoni għal diversi drabi għal perijodu ta’ sena billi adotta, suċċessivament, id-Deċiżjoni 2012/50/PESK tas‑27 ta’ Jannar 2012 (ĠU 2012, L 27, p. 11), id-Deċiżjoni 2013/72/PESK tal‑31 ta’ Jannar 2013 (ĠU 2013, L 32, p. 20), id-Deċiżjoni 2014/49/PESK tat‑30 ta’ Jannar 2014 (ĠU 2014, L 28, p. 38), id-Deċiżjoni (PESK) 2015/157 tat‑30 ta’ Jannar 2015 (ĠU 2015, L 26, p. 29), id-Deċiżjoni (PESK) 2016/119 tat‑28 ta’ Jannar 2016 (ĠU 2016, L 23, p. 65), id-Deċiżjoni (PESK) 2017/153 tas‑27 ta’ Jannar 2017 (ĠU 2017, L 23, p. 19), id-Deċiżjoni (PESK) 2018/141 tad‑29 ta’ Jannar 2018 (ĠU 2018, L 25, p. 38), id-Deċiżjoni (PESK) 2019/135 tat‑28 ta’ Jannar 2019 (ĠU 2019, L 25, p. 23), u d-Deċiżjoni (PESK) 2020/117 tas‑27 ta’ Jannar 2020 (ĠU 2020, L 22, p. 31).

11      L-indikazzjoni tar-rikorrent fil-lista annessa għad-Deċiżjoni 2011/72 (iktar ’il quddiem il-“lista kontenzjuża”) kif ukoll, konsegwentement, fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 101/2011 inżammet matul dan it-tiġdid suċċessiv. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni 2016/119 ikkompletat l-informazzjoni identifikattiva relatata mar-rikorrent billi semmiet in-nazzjonalità Franċiża tiegħu u r-residenza tiegħu fi Franza.

12      Wara s-sentenzi tat‑28 ta’ Mejju 2013, Trabelsi et vs Il‑Kunsill (T‑187/11, EU:T:2013:273), tat‑28 ta’ Mejju 2013, Chiboub vs Il‑Kunsill (T‑188/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:274), u tat‑28 ta’ Mejju 2013, Al Matri vs Il‑Kunsill (T‑200/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:275), ir-raġunijiet għall-indikazzjoni tar-rikorrent ġew emendati bid-Deċiżjoni 2014/49 kif ġej:

“Persuna li hija soġġetta għal investigazzjonijiet ġudizzjarji mill-awtoritajiet Tuneżini għal kompliċità f’misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi minn detentur ta’ pożizzjoni pubblika, kompliċità fl-abbuż mill-kariga minn detentur ta’ pożizzjoni pubblika biex jagħti vantaġġ mhux ġustifikat lil persuna terza u jikkawża ħsara lill-amministrazzjoni, u kompliċità fl-eżerċitar ta’ influwenza ħażina fuq detentur ta’ pożizzjoni pubblika bil-ħsieb li jinkiseb vantaġġ direttament jew indirettament għal persuna oħra.”

13      Dawn ir-raġunijiet ġew emendati mill-ġdid bid-Deċiżjoni 2016/119 kif ġej:

“Persuna li hija soġġetta għal investigazzjonijiet ġudizzjarji mill-awtoritajiet Tuneżini għal kompliċità f’misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi minn detentur ta’ kariga pubblika, kompliċità fl-abbuż mill-kariga minn detentur ta’ kariga pubblika biex jagħti vantaġġ mhux ġustifikat lil persuna terza u jikkawża ħsara lill-amministrazzjoni, u l-eżerċitar ta’ influwenza ħażina fuq detentur ta’ kariga pubblika bil-ħsieb li jinkiseb vantaġġ direttament jew indirettament għal persuna oħra.”

14      Id-Deċiżjoni 2020/117 issostitwixxiet l-Anness tad-Deċiżjoni 2011/72 bit-test li jinsab fl-Anness tagħha, li jinkludi Parti A, relatata mal-lista ta’ persuni u entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/72, u Parti B, intitolata “Drittijiet tad-difiża u dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont il-liġi Tuneżina”. Fil-Parti A ta’ dan l-anness ġdid, ir-raġunijiet għall-indikazzjoni tar-rikorrent ġew emendati, għal darba oħra, kif ġej: “Persuna soġġetta għal proċedimenti ġudizzjarji, jew proċess ta’ rkupru tal-assi wara sentenza finali tal-qorti, mill-awtoritajiet Tuneżini għal kompliċità f’miżapproprijazzjoni ta’ fondi pubbliċi minn detentur ta’ kariga pubblika, kompliċità fl-abbuż mill-kariga minn detentur ta’ kariga pubblika biex jagħti vantaġġ mhux ġustifikat lil parti terza u jikkawża telf lill-amministrazzjoni, u l-eżerċitar ta’ influwenza ħażina fuq detentur ta’ kariga pubblika bil-ħsieb li jikseb vantaġġ direttament jew indirettament għal persuna oħra.” Fil-Parti B ta’ dan l-anness, huwa indikat, fir-rigward tar-rikorrent, dan li ġej:

“L-investigazzjoni jew il-proċess dwar il-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin. Il-Kunsill ma sab l-ebda indikazzjoni li d-drittijiet tad-difiża jew id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Slim Ben Tijani Ben Haj Hamda Ben Ali ma kinux irrispettati.”

15      L-istess emendi bħal dawk imsemmija fil-punti 11 sa 14 iktar ’il fuq ġew introdotti fl-Anness I tar-Regolament Nru 101/2011.

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrent ressaq talba għal awtorizzazzjoni biex jibbenefika mill-għajnuna legali. Il-Kunsill ippreżenta osservazzjonijiet fis‑26 ta’ April 2018. Permezz ta’ digrieti, rispettivament, tal‑14 ta’ Settembru 2018 u tat‑3 ta’ Mejju 2019, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali, minn naħa, laqa’ din it-talba u, min-naħa l-oħra, innomina avukat.

17      Fl‑24 ta’ Ġunju 2019, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors kif ukoll talba intiża sabiex il-Qorti Ġenerali taqta’ l-kawża permezz ta’ proċedura mħaffa, abbażi tal-Artikolu 151 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet din l-aħħar talba permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Lulju 2019.

18      Fl‑10 ta’ Settembru 2019, il-Kunsill ippreżenta r-risposta.

19      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, din il-kawża ġiet assenjata lid-Disa’ Awla permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Ottubru 2019.

20      Ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati fl‑24 ta’ Ottubru u fis‑6 ta’ Diċembru 2019, rispettivament.

21      Fit‑13 ta’ Diċembru 2019, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet jieħdu pożizzjoni dwar il-konsegwenzi eventwali li għandhom jinsiltu, għal din il-kawża, mis-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑530/17 P, EU:C:2018:1031, punti 29 u 30), tal‑11 ta’ Lulju 2019, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑416/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:602, punti 30 u 31), kif ukoll mid-digriet tat‑22 ta’ Ottubru 2019, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑58/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:890, punti 30, 31 u 44), u, b’mod partikolari, sabiex jindikaw, fid-dawl ta’ dawn is-sentenzi u ta’ dan id-digriet, jekk u sa fejn id-Deċiżjonijiet 2018/141 u 2019/135 jissodisfaw l-obbligu ta’ motivazzjoni. Ir-rikorrenti u l-Kunsill ippreżentaw it-tweġiba bil-miktub tagħhom fis‑27 ta’ Diċembru 2019 u fis‑16 ta’ Jannar 2020, rispettivament.

22      Fuq proposta tad-Disa’ Awla, fis‑7 ta’ Frar 2020 il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

23      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat‑28 ta’ Frar 2020, il-Qorti Ġenerali stiednet lir-rikorrent iwieġeb bil-miktub għal mistoqsija u lill-Kunsill jipproduċi ċerti dokumenti komplementari. Il-partijiet wieġbu għal dawn it-talbiet fid‑9 ta’ Marzu u fis‑16 ta’ Marzu 2020, rispettivament. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet jieħdu pożizzjoni, matul is-seduta, dwar jekk is-sospensjoni tat-termini għall-preżentata ta’ rikors, li tirriżulta mit-talba għal għajnuna legali tar-rikorrent, kinitx tapplika għad-Deċiżjoni 2019/135.

24      Is-seduta għas-sottomissjonijiet orali saret fit‑22 ta’ Ġunju 2020. Il-Kunsill, abbażi tal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, talab li jkun jista’ jipproduċi dokumenti relatati mal-komunikazzjoni tad-Deċiżjoni 2019/135.

25      Fl‑24 ta’ Ġunju 2020, ir-rikorrent ippreżenta nota ta’ adattament intiża sabiex it-talbiet u l-motivi tar-rikors jiġu estiżi għad-Deċiżjoni 2020/117, sa fejn din tikkonċernah.

26      Fil‑25 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill ipproduċa dokumenti relatati mal-komunikazzjoni tad-Deċiżjoni 2019/135. Ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar dawn id-dokumenti fit‑8 ta’ Lulju 2020.

27      Fl‑24 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill ippreżenta osservazzjonijiet dwar in-nota ta’ adattament.

28      Fit‑3 ta’ Awwissu 2020, ingħalqet il-fażi orali tal-proċedura.

29      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjonijiet 2018/141, 2019/135 u 2020/117, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

30      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors kollu kemm hu;

–        sussidjarjament, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, iżżomm l-effetti tagħhom fil-konfront tar-rikorrent sal-iskadenza tat-terminu tal-appell, jew, jekk jiġi ppreżentat appell, saċ-ċaħda tiegħu;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

A.      Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għall-annullament tad-Deċiżjonijiet 2019/135 u 2020/117

1.      Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għall-annullament tad-Deċiżjoni 2019/135

31      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kwistjoni dwar jekk rikors ġiex ippreżentat lil hinn mit-terminu previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE tikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku li għandha tiġi eżaminata ex officio mill-Qorti Ġenerali (ara d-digriet tal‑25 ta’ Novembru 2008, S.A.BA.R. vs Il‑Kummissjoni, C‑501/07 P, mhux ippubblikat, EU:C:2008:652, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Skont l-Artikolu 147(7) tar-Regoli tal-Proċedura, it-tressiq ta’ talba għal għajnuna legali jissospendi, fir-rigward tal-persuna li tkun ressqitha, it-terminu previst għall-preżentata tar-rikors sad-data tan-notifika tad-digriet li permezz tiegħu tittieħed id-deċiżjoni dwar din it-talba jew, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 148(6) ta’ dan ir-regolament, tad-digriet li jinnomina l-avukat inkarigat li jirrappreżenta lill-persuna li tkun ressqet it-talba. Skont dan l-Artikolu 148(6), bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4 tiegħu, li jipprevedi li d-digriet li permezz tiegħu tingħata l-għajnuna legali jista’ jinnomina avukat jekk dan l-avukat ikun ġie propost fit-talba għal għajnuna legali u jkun ta l-kunsens tiegħu li jirrappreżenta lill-persuna li tkun ressqet it-talba quddiem il-Qorti Ġenerali, l-avukat inkarigat li jirrappreżenta lill-persuna li tkun ressqet it-talba għandu jiġi nnominat permezz ta’ digriet fid-dawl, skont il-każ, tal-proposti tal-persuna kkonċernata jew tal-proposti mibgħuta mill-awtorità nazzjonali kompetenti.

33      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal għajnuna legali tar-rikorrent, imressqa fil‑5 ta’ Marzu 2018, kienet intiża biss għad-Deċiżjoni 2018/141. Fil-fatt, f’din id-data, kienet din id-deċiżjoni li kienet fis-seħħ, filwaqt li d-Deċiżjoni 2019/135, li ħarġet warajha, ġiet adottata biss fit‑28 ta’ Jannar 2019 u daħlet fis-seħħ biss fit‑30 ta’ Jannar 2019, konformement mal-Artikolu 2 tagħha. Issa, f’dan ir-rikors, ippreżentat fl‑24 ta’ Ġunju 2019, ir-rikorrent talab l-annullament ta’ dawn iż-żewġ deċiżjonijiet.

34      Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk, għall-evalwazzjoni tal-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, għandux jiġi kkunsidrat jew le jekk it-talba għal għajnuna legali ssospendietx dan it-terminu mhux biss fil-konfront tad-Deċiżjoni 2018/141, iżda wkoll fil-konfront tad-Deċiżjoni 2019/135. Peress li l-partijiet ma ttrattawx huma nnifishom din il-kwistjoni matul il-proċedura bil-miktub, il-Qorti Ġenerali stednithom jieħdu pożizzjoni dwar dan is-suġġett matul is-seduta.

35      Fis-seduta, ir-rikorrent sostna li t-talba għal għajnuna legali ssospendiet it-termini għall-preżentata ta’ rikors kontra d-Deċiżjoni 2019/135. Fil-fatt, l-ewwel nett, huwa sostna li kienet teżisti identità tas-suġġett, tal-partijiet u tar-raġunijiet bejn id-Deċiżjoni 2018/141 u din id-deċiżjoni sussegwenti. It-tieni nett, fil-fehma tiegħu, il-motivi mqajma fil-konfront ta’ dawn iż-żewġ deċiżjonijiet kienu identiċi wkoll, b’tali mod li, fit-talba għall-annullament tat-tieni waħda, huwa kien jillimita ruħu li jadatta r-rikors tiegħu inizjalment intiż kontra l-ewwel waħda. It-tielet nett, fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, l-aċċess tar-rikorrent għall-qorti tal-Unjoni Ewropea ma għandux jiġi akkumpanjat minn rekwiżiti proċedurali eċċessivi, fir-rigward, b’mod partikolari, tas-sitwazzjoni tiegħu bħala benefiċjarju tal-għajnuna legali u tat-tul sinjifikattiv tal-proċedura relatata ma’ dan.

36      Min-naħa tiegħu, il-Kunsill sostna li, sa fejn id-Deċiżjoni 2019/135 ma kinitx imsemmija fit-talba għal għajnuna legali, din ma jistax ikollha l-effett li tissospendi t-termini għall-preżentata ta’ rikors fil-konfront tad-deċiżjoni inkwistjoni. Huwa jirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Ipatau vs Il‑Kunsill (C‑535/14 P, EU:C:2015:407), b’mod partikolari għall-punti 15 sa 18 tagħha. Barra minn hekk, huwa afferma li kellu dokumenti li jistabbilixxu li d-Deċiżjoni 2019/135 kienet ġiet innotifikata lir-rikorrent fl‑4 ta’ Frar 2019, b’tali mod li r-rikors huwa tardiv, u talab lill-Qorti Ġenerali taċċetta l-produzzjoni ta’ dawn il-provi abbażi tal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura. Huwa żied li, fid-dawl tal-ġurisprudenza, l-applikazzjoni tat-termini għall-preżentata ta’ rikors kellha natura stretta. Huwa enfasizza li r-rikorrent kien familjari mal-mekkaniżmu ta’ tiġdid tal-miżuri restrittivi u li huwa kellu l-possibbiltà li jressaq talba ġdida għal għajnuna legali jew li jindika fil-qosor, f’dik li kien ressaq, li kellu l-intenzjoni wkoll li jikkontesta t-tiġdid ulterjuri tad-deċiżjoni msemmija f’din it-talba. Għalhekk, fil-fehma tiegħu, f’dan il-każ ma kienx hemm każ ta’ forza maġġuri. Barra minn hekk, fil‑25 ta’ Ġunju 2020, abbażi tal-Artikolu 85(3) tal-imsemmi regolament, huwa pproduċa dokumenti relatati mad-data ta’ komunikazzjoni tad-Deċiżjoni 2019/135 lir-rikorrent.

37      Fir-rigward tad-dokumenti prodotti mill-Kunsill, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, f’każijiet eċċezzjonali, il-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda anki qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard.

38      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li d-dokumenti inkwistjoni huma intiżi li jipprovdu kjarifiki lill-Qorti Ġenerali wara l-istedina minn din tal-aħħar lill-partijiet sabiex jittrattaw, matul is-seduta, il-kwistjoni tas-sospensjoni tat-termini għall-preżentata ta’ rikors fil-konfront tad-Deċiżjoni 2019/135. Minn dan jirriżulta li d-dewmien fil-produzzjoni ta’ dawn id-dokumenti għandu jitqies bħala ġġustifikat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, Epsilon International vs Il‑Kummissjoni, T‑477/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:714, punt 57).

39      F’dan il-każ, dawn id-dokumenti jinkludu, minn naħa, estratt tal-intraċċar onlajn ta’ ittra, li jindika l-kunsinna tal-imsemmi ittra lir-rikorrent fl‑4 ta’ Frar 2019, u, min-naħa l-oħra, konferma ta’ rċevuta dwar ittra mibgħuta mill-Kunsill lir-rikorrent fit‑30 ta’ Jannar 2019 u li waslet fil‑5 ta’ Frar ta’ wara. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jikkontesta l-fatt li l-Kunsill ipproduċa l-prova tal-komunikazzjoni tad-Deċiżjoni 2019/135, minħabba li l-konferma ta’ rċevuta tindika indirizz li ma huwiex tiegħu. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm huwa veru li t-tieni dokument isemmi indirizz li ma huwiex dak indikat mir-rikorrent fir-rikors tiegħu, peress li l-kaxxa dwar l-indikazzjoni “destinatarju mhux magħruf f’dan l-indirizz” hija, barra minn hekk, immarkata, huwa ma jikkontestax l-indikazzjonijiet tal-ewwel dokument, li jirreferi b’mod ċar għall-indirizz indikat minnu fir-rikors tiegħu u li jindika kunsinna fl‑4 ta’ Frar 2019. Għalhekk hemm lok li jiġi kkunsidrat li huwa kien jaf bl-ittra tal-Kunsill f’din l-aħħar data.

40      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-talba għal għajnuna legali tar-rikorrent setgħetx tapplika għar-rikors kontra d-Deċiżjoni 2019/135 u kellhiex l-effett li tissospendi t-termini f’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 147(4) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, meta t-talba għal għajnuna legali titressaq qabel il-preżentata tar-rikors, il-persuna li tressaqha għandha tinkludi espożizzjoni fil-qosor tas-suġġett tar-rikors li tkun qiegħda tikkunsidra li tippreżenta, tal-fatti inkwistjoni u tal-argumenti insostenn tar-rikors.

41      Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 147(4) tar-Regoli tal-Proċedura, u b’mod partikolari mill-espressjoni “suġġett tar-rikors li tkun qiegħda tikkunsidra li tippreżenta”, għandu jiġi dedott li, f’dan il-każ, huwa r-rikorrent li għandu jindika l-att li għandu l-intenzjoni li jitlob l-annullament tiegħu fil-kuntest tar-rikors futur tiegħu. Madankollu, l-imsemmi att kellu neċessarjament ikun diġà ġie adottat, peress li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti Ġenerali tista’ tiġi adita validament biss b’rikors intiż għall-annullament ta’ att li jeżisti u li jikkawża preġudizzju u ma tistax tipproċedi għall-istħarriġ spekulattiv tal-legalità ta’ atti ipotetiċi li għadhom ma ġewx adottati (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2017, Ben Ali vs Il‑Kunsill, T‑149/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:693, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, konformement mal-Artikolu 146(2) tal-imsemmi regolament, talba għall-għajnuna legali li tindika tali att ipotetiku, skont is-suġġett tar-rikors li tkun qiegħda tikkunsidra li tippreżenta, tkun tista’ biss tiġi miċħuda, peress li dan ir-rikors ikun jidher manifestament inammissibbli.

42      Dan huwa b’mod speċjali l-każ, f’dan il-każ, peress li, kif jirriżulta mill-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2011/72, fil-verżjoni inizjali tagħha (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), il-Kunsill jeżamina kull tnax‑il xahar jekk hemmx lok jew le li din id-deċiżjoni tiġġedded, jew tiġi emendata. Konsegwentement, fid-data li fiha r-rikorrent ressaq it-talba tiegħu għal għajnuna legali, ma kien hemm xejn li jippermetti li jiġi preżunt li d-Deċiżjoni 2018/141 kienet ser tiġi segwita minn deċiżjoni ġdida li ġġedded id-Deċiżjoni 2011/72 għal sena supplimentari. Għalhekk huwa ma jistax jiġi kkritikat li ma semmiex, b’antiċipazzjoni, din id-deċiżjoni ġdida fit-talba tiegħu għal għajnuna legali.

43      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 147(4) tar-Regoli tal-Proċedura ma jistax jeskludi l-possibbiltà, għar-rikorrent, skont l-Artikolu 86(1) ta’ dawn ir-regoli, li jadatta r-rikors, fil-każ fejn id-deċiżjoni li tikkostitwixxi s-“suġġett tar-rikors li [j]kun qiegħ[e]d [j]ikkunsidra li [j]ippreżenta” tkun ġiet issostitwita jew emendata b’deċiżjoni oħra li jkollha l-istess suġġett.

44      Minn dan isegwi li, minkejja li, fid-data li fiha r-rikorrent ippreżenta t-talba għal għajnuna legali, huwa ma setax, mid-definizzjoni, jindika d-deċiżjoni li tissostitwixxi jew temenda d-Deċiżjoni 2018/141, li kienet għadha ma teżistix, dan il-fatt ma setax jostakolah milli, ladarba jippreżenta r-rikors kontra l-imsemmija Deċiżjoni 2018/141, jadatta, sussegwentement, dan tal-aħħar sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2019/135. Fil-fatt, bħalma indika r-rikorrent fis-seduta, it-talbiet imressqa kontra d-Deċiżjonijiet 2018/141 u 2019/135 għandhom, essenzjalment, l-istess suġġett, peress li dawn huma intiżi għall-annullament tal-indikazzjoni tar-rikorrent fil-lista kontenzjuża, u huma msejsa fuq l-istess motivi. Barra minn hekk, tali adattament tar-rikors ma jistax ikun jinvolvi l-obbligu li r-rikorrent iressaq talba ġdida għal għajnuna legali, peress li din titressaq permezz ta’ nota ta’ adattament ippreżentata, konformement mal-Artikolu 86(1) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-kuntest tar-rikors li għalih huwa kiseb l-imsemmija għajnuna, u mhux fil-kuntest ta’ rikors separat.

45      B’kunsiderazzjoni ta’ dan, fl-ipoteżi partikolari inkwistjoni f’dan il-każ, l-att li jissostitwixxi jew jemenda d-deċiżjoni kkonċernata mit-talba għal għajnuna legali kien ġie adottat qabel ma kienet intemmet il-proċedura relatata mat-trattament ta’ din it-talba u qabel ma r-rikorrent ma seta’ jippreżenta r-rikors promotur. Issa, f’tali sitwazzjoni, ir-rikorrent, kif sostna, essenzjalment, fis-seduta, ma kellux għażla oħra ħlief li “jadatta” s-suġġett tar-rikors inizjali billi jressaq, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors stess, talbiet għall-annullament kemm tad-Deċiżjoni 2018/141 kif ukoll tad-Deċiżjoni 2019/135.

46      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura dwar l-għajnuna legali għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li tipprevedi b’mod espliċitu, fit-tielet paragrafu tagħha, l-għoti ta’ tali għajnuna fil-każ fejn din hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja. B’mod partikolari, għandu jiġi żgurat li l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma tikkostitwixxix limitazzjoni sproporzjonata tad-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja, li jippreġudika s-sustanza ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C‑279/09, EU:C:2010:811, punt 60).

47      F’dan ir-rigward, ċertament, it-termini għall-preżentata ta’ rikors japplikaw b’mod strett (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Al-Ghabra vs Il‑Kummissjoni, T‑248/13, EU:T:2016:721, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 147 tar-Regoli tal-Proċedura, u b’mod partikolari tal-paragrafu 7 tiegħu, dwar is-sospensjoni ta’ dawn it-termini, ma għandhiex twassal sabiex ir-rikorrent jingħata trattament inqas favorevoli minn dak li jingħata lil benefiċjarju ieħor tal-għajnuna legali, li kien ikun, b’mod partikolari, f’pożizzjoni li jippreżenta r-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni msemmija fit-talba għal għajnuna legali qabel ma jiġi adottat l-att li jissostitwixxi jew jemenda din id-deċiżjoni.

48      Fit-tielet lok, għandha tiġi kkonstatata n-natura partikolari taċ-ċirkustanzi li fihom ir-rikorrent ippreżenta, fl‑24 ta’ Ġunju 2019, ir-rikors promotur.

49      L-ewwel nett, kif jirriżulta mid-dokumenti prodotti insostenn tat-talba għal għajnuna legali tar-rikorrent, dan tal-aħħar irċieva l-ittra tal-Kunsill li kkomunikatlu d-Deċiżjoni 2018/141 fl‑10 ta’ Frar 2018. Huwa ressaq din it-talba fil‑5 ta’ Marzu 2018. Barra minn hekk, mill-kontenut ta’din it-talba jirriżulta li r-rikorrent ma nnominax avukat. Għalhekk, minn dan jirriżulta, konformement mal-Artikolu 147(7) tar-Regoli tal-Proċedura, li t-terminu previst għall-preżentata tar-rikors kien sospiż mill‑5 ta’ Marzu 2018 san-notifika tad-digriet li jinnomina l-avukat inkarigat li jirrappreżenta lill-persuna li ressqet it-talba, jiġifieri, kif jirriżulta mill-annessi tal-proċess, sad‑29 ta’ Mejju 2019. Il-preżentata tar-rikors, li saret fl‑24 ta’ Ġunju ta’ wara, hija għalhekk konformi mad-dispożizzjonijiet tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u tal-Artikolu 60 tal-imsemmija regoli, sa fejn dan jirrigwarda d-Deċiżjoni 2018/141, u dan, barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat mill-Kunsill.

50      It-tieni nett, mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 49 iktar ’il fuq jirriżulta li, fid-data li fiha d-Deċiżjoni 2019/135 kienet ġiet innotifikata lir-rikorrent, jiġifieri, skont l-informazzjoni tal-Kunsill, fl‑4 ta’ Frar 2019, it-terminu previst għall-preżentata tar-rikors kien sospiż sa fejn jikkonċerna d-Deċiżjoni 2018/141. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li dan it-terminu baqa’ sospiż sad-data li fiha, u mhux iktar tard minnha, ir-rikorrent kellu jippreżenta rikors kontra d-Deċiżjoni 2019/135, jiġifieri l-15 ta’ April 2019, fl-ipoteżi fejn it-talba tiegħu għal għajnuna legali ma kellhiex l-effett li tissospendi l-imsemmi terminu għall-preżentata ta’ rikors sa fejn jikkonċerna din it-tieni deċiżjoni. Minn dan isegwi, f’din l-ipoteżi, li r-rikorrent kellu biss il-possibbiltà li jressaq it-tieni talba għal għajnuna legali fir-rigward ta’ din it-tieni deċiżjoni sabiex ir-rikors tiegħu kontriha jibbenefika wkoll mis-sospensjoni tat-termini għall-preżentata ta’ rikors san-nomina tal-avukat tiegħu.

51      Issa, minn naħa, kif ġie rrilevat fil-punt 44 iktar ’il fuq, minn qari flimkien tal-Artikolu 147(4) u tal-Artikolu 86(1) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li benefiċjarju tal-għajnuna legali ma jistax ikun marbut iressaq it-tieni talba dwar tali għajnuna, bl-għan li jikkontesta, fil-kuntest ta’ nota ta’ adattament, l-att li jissostitwixxi jew jemenda l-att imsemmi inizjalment fir-rikors tiegħu. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma tistax tittratta lir-rikorrent b’mod inqas favorevoli billi tobbligah iressaq tali tieni talba. Fil-fatt, id-Deċiżjoni 2019/135 tikkostitwixxi att li jissostitwixxi d-Deċiżjoni 2018/141, li kien ikun ammissibbli li jiġi kkontestat fil-kuntest ta’ tali nota ta’ adattament, kieku r-rikors promotur seta’ jiġi ppreżentat qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni ġdida.

52      Min-naħa l-oħra, is-suġġett tat-tieni talba għal għajnuna legali kien ikun biss li jippermetti s-sospensjoni tat-termini għall-preżentata ta’ rikors fir-rigward tad-Deċiżjoni 2019/135. Fil-fatt, matul l-adozzjoni tagħha, ir-rikorrent kien diġà benefiċjarju tal-għajnuna legali u kien possibbli għalih li jitlob l-annullament ta’ din id-deċiżjoni fil-kuntest tal-adattament tar-rikors kontra d-Deċiżjoni 2018/141, li għaliha kien kiseb din l-għajnuna. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-obbligu li titressaq tali tieni domanda jikkostitwixxi formalità superfluwa, nieqsa minn rabta mal-għan tal-għajnuna legali, li huwa, skont l-Artikolu 146 tar-Regoli tal-Proċedura, li tippermetti li l-persuni li ma jkunux jistgħu jħallsu l-ispejjeż kollha tal-istanza jiġu rrappreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali u jkollhom għalhekk aċċess għall-qorti tal-Unjoni.

53      It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li, bejn id-digriet tal‑14 ta’ Settembru 2018 li jippermetti lir-rikorrent il-benefiċċju tal-għajnuna legali u d-digriet tat‑3 ta’ Mejju 2019 li jinnomina avukat, għadda perijodu ta’ kważi tmien xhur li matulu r-rikorrent ma setax jippreżenta r-rikors li għalih huwa kien ressaq talba għal għajnuna legali. Issa, mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta li, għall-parti l-kbira ta’ dan il-perijodu, dan it-terminu ma kienx attribwibbli lilu.

54      Fil-fatt, wara li ngħata d-digriet tal‑14 ta’ Settembru 2018, kien biss fl‑14 ta’ Novembru ta’ wara li r-rikorrent informa lill-Qorti Ġenerali li huwa ma setax jinnomina avukat sabiex jirrappreżentah u talabha tipproċedi hija stess għal din in-nomina. Madankollu, konformement mal-Artikolu 148(5) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, wara din l-ittra, bagħat, fit‑28 ta’ Novembru 2018, lill-awtorità nazzjonali kompetenti kopja tat-talba għal għajnuna legali tar-rikorrent u tad-digriet imsemmi iktar ’il fuq sabiex din l-awtorità tipproċedi għal din in-nomina. Issa, kien biss fit‑23 ta’ April 2019, jiġifieri kważi ħames xhur wara din it-trażmissjoni, li l-awtorità nazzjonali wieġbet lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali billi indikatlu l-isem ta’ diversi avukati li aċċettaw li jirrappreżentaw lir-rikorrent. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li huwa preċiżament matul dan l-aħħar perijodu ta’ kważi ħames xhur li d-Deċiżjoni 2019/135 kienet ġiet adottata u li t-terminu sabiex jiġi ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni, fl-ipoteżi fejn dan ma kienx sospiż, kien skada.

55      Minn dan isegwi li, fin-nuqqas ta’ sospensjoni tat-termini għall-preżentata ta’ rikors fir-rigward tad-Deċiżjoni 2019/135, l-ammissibbiltà tat-talbiet tar-rikorrent kontra din id-deċiżjoni titqiegħdu f’dubju, f’dan il-każ, minħabba t-tul tal-proċedura ta’ nomina ta’ avukat, filwaqt li dan it-tul taż-żmien, fil-parti l-kbira, ma kienx attribwibbli lilu. Issa, bħalma indika, essenzjalment, ir-rikorrent fis-seduta, ma jistax jiġi aċċettat, fid-dawl tal-għan tal-għajnuna legali kif stabbilit fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li t-termini għat-trattament tat-talba għal għajnuna legali tar-rikorrent, meħuda flimkien, għandhom l-effett li jċaħħduh mill-aċċess għall-qorti tal-Unjoni, jew mill-inqas li jirrestrinġu dan l-aċċess, meta s-sospensjoni tat-termini għall-preżentata ta’ rikors prevista mill-Artikolu 147(7) tar-Regoli tal-Proċedura għandha preċiżament l-għan li tevita dan.

56      Ċertament, fid-data tal-preżentata tar-rikors, ir-rikorrent kien għad kellu interess li jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni 2018/141 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punti 79 u 80). Madankollu, sa fejn, f’din id-data, l-indikazzjoni tiegħu fil-lista kontenzjuża nżammet abbażi tad-Deċiżjoni 2019/135, kienet din id-deċiżjoni tal-aħħar li ħolqot effetti fuq is-sitwazzjoni tiegħu u li kellha effett negattiv sinjifikattiv fuq il-libertajiet u d-drittijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2018, Ezz et vs Il‑Kunsill, T‑288/15, EU:T:2018:619, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, l-impossibbiltà li jsemmi din id-deċiżjoni fil-kuntest tar-rikors tiegħu kontra d-Deċiżjoni 2018/141 ittellef lil dan tal-aħħar, fid-data tal-preżentata tiegħu, parti sinjifikattiva mill-utilità tiegħu.

57      Fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, ir-rikorrent għalhekk għandu raġun isostni li s-sospensjoni tat-termini għall-preżentata ta’ rikors prevista mill-Artikolu 147(7) tar-Regoli tal-Proċedura tapplika għat-talbiet tar-rikors promotur imressqa kontra d-Deċiżjoni 2019/135, peress li, kif indika fis-seduta, it-talbiet imressqa kontra din id-deċiżjoni u dawk imressqa kontra d-Deċiżjoni 2018/141 għandhom, essenzjalment, l-istess suġġett u li t-tul tat-trattament tat-talba tiegħu għal għajnuna legali, ikkunsidrat globalment, ma jistax ikollu l-effett li jillimita eċċessivament l-aċċess tiegħu għall-qorti tal-Unjoni. Konsegwentement, ir-rikors li ġie ppreżentat fl‑24 ta’ Ġunju 2019 fl-osservanza tat-termini għall-preżentata ta’ rikors fir-rigward tad-Deċiżjoni 2018/141, b’kunsiderazzjoni tas-sospensjoni ta’ dawn it-termini mill‑5 ta’ Marzu 2018 sad‑29 ta’ Mejju 2019 (ara l-punt 49 iktar ’il fuq), dawn it-termini għandhom, konsegwentement, jiġu kkunsidrati bħala li ġew osservati wkoll fir-rigward tad-Deċiżjoni 2019/135. It-talbiet imressqa kontra dawn iż-żewġ deċiżjonijiet huma għalhekk ammissibbli.

58      L-argumenti tal-Kunsill ma jistgħux iqajmu dubju dwar din il-konklużjoni.

59      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċirkustanzi tal-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Ipatau vs Il‑Kunsill (C‑535/14 P, EU:C:2015:407), invokata mill-Kunsill, huma differenti minn dawk f’din il-kawża.

60      Fil-fatt, f’dik il-kawża, l-appellant sostna li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, minħabba li din ċaħdet ir-rikors tiegħu bħala inammissibbli sa fejn dan kien dirett kontra l-ittra tal-Kunsill tal‑14 ta’ Novembru 2011. Issa l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li kien mingħajr żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-imsemmija ittra ma kinitx ġiet imsemmija fit-talba għal għajnuna legali tal-appellant bħala att li għandu jkun kopert mir-rikors li għandu jiġi ppreżentat u għalhekk bħala li jagħmel parti mis-suġġett tar-rikors li jkun qiegħed jikkunsidra li jippreżenta. Għalhekk, b’differenza mid-Deċiżjoni 2019/135, f’dan il-każ, f’dik il-kawża, l-ittra inkwistjoni kienet inħarġet qabel it-tressiq tat-talba għal għajnuna legali u kienet issemmiet mill-appellant fil-kuntest tagħha. Madankollu, mill-analiżi mwettqa mill-Qorti Ġenerali tal-kliem, ċar u preċiż, ta’ dik it-talba jirriżulta li l-appellant ma kienx wera l-intenzjoni tiegħu li jitlob l-annullament ta’ din l-ittra, iżda pjuttost ta’ atti li kienu s-suġġett ta’ talba għal eżami mill-ġdid miċħuda minnha u tal-atti sussegwenti li kien fiha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Ipatau vs Il‑Kunsill, C‑535/14 P, EU:C:2015:407, punti 16 sa 20).

61      Għall-kuntrarju, f’dan il-każ, ir-rikorrent ma setax, mid-definizzjoni, jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jikkontesta d-Deċiżjoni 2019/135, li kienet għadha ma ġietx adottata, b’tali mod li l-estensjoni tas-suġġett tar-rikors għaliha ma setgħetx tiġi eskluża minn qabel. Is-sentenza ċċitata mill-Kunsill għalhekk ma hijiex rilevanti.

62      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tal-Kunsill mislut mill-applikazzjoni stretta tat-termini għall-preżentata ta’ rikors, fil-punt 47 iktar ’il fuq ġie kkonstatat li dan il-prinċipju, li huwa msejjes, barra minn hekk, fuq kunsiderazzjonijiet ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza bejn il-partijiet fil-kawża, ma jistax ikollu l-effett li jqiegħed lir-rikorrent f’sitwazzjoni inqas favorevoli minn dik ta’ benefiċjarju tal-għajnuna legali li kien ikun f’pożizzjoni li jippreżenta r-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni msemmija fit-talba għal għajnuna legali qabel ma jiġi adottat l-att li jissostitwixxi jew jemenda din id-deċiżjoni u li għalhekk kien ikun jista’ jressaq talbiet kontra din tal-aħħar fil-kuntest ta’ nota ta’ adattament.

63      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argumenti tal-Kunsill li jgħidu li r-rikorrent kien familjari mal-mekkaniżmu ta’ tiġdid tal-miżuri restrittivi u li kellu l-possibbiltà jressaq talba ġdida għal għajnuna legali jew jindika fil-qosor, f’dik li kien ressaq, li kellu l-intenzjoni wkoll li jikkontesta t-tiġdid ulterjuri ta’ din it-talba, huwa biżżejjed li jitfakkar li, għar-raġunijiet indikati fil-punti 41 u 42 iktar ’il fuq, ir-rikorrent ma setax jindika, fit-talba għal għajnuna legali, l-intenzjoni tiegħu li jikkontesta att li kien għadu ma ġiex adottat, b’mod speċjali meta ma kien hemm xejn li jippermetti li jiġi preżunt, fid-data tat-tressiq ta’ din it-talba, li ser isseħħ l-adozzjoni ta’ dan l-att.

64      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument tal-Kunsill mislut mill-assenza ta’ każ ta’ forza maġġuri, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ każ ta’ forza maġġuri tapplika biss fiċ-ċirkustanzi kompletament eċċezzjonali fejn tista’ ssir deroga mit-termini tal-proċedura (ara d-digriet tal‑11 ta’ Ġunju 2020, GMPO vs Il‑Kummissjoni, C‑575/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:448, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, f’dan il-każ, fil-punt 57 iktar ’il fuq ġie konkluż li s-sospensjoni tat-termini għall-preżentata ta’ rikors prevista mill-Artikolu 147(7) tar-Regoli tal-Proċedura kienet applikabbli għat-talbiet tar-rikors imressqa kontra d-Deċiżjoni 2019/135 u li, konsegwentement, dawn it-termini kienu ġew osservati. Għalhekk, il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq ma hijiex applikabbli, b’tali mod li dan l-argument ma huwiex rilevanti.

65      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikors huwa ammissibbli, sa fejn huwa dirett kontra d-Deċiżjoni 2019/135.

2.      Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għall-annullament tad-Deċiżjoni 2020/117

66      Ir-rikorrent isostni li l-ġurisprudenza tawtorizzah jippreżenta nota ta’ adattament fir-rigward tad-Deċiżjoni 2020/117, peress li hija relatata mal-motivi u mal-argumenti mressqa fil-kuntest tar-rikors. Huwa jafferma li din id-deċiżjoni ma kinitx ġiet ikkomunikata lilu kollha kemm hi u bl-indikazzjoni tar-rimedji u tat-termini għall-preżentata ta’ rikors.

67      Il-Kunsill isostni li, bħalma tikkonferma l-konferma ta’ rċevuta ffirmata mir-rikorrent, id-Deċiżjoni 2020/117 ġiet ikkomunikata lil dan tal-aħħar fl‑4 ta’ Frar 2020 u li, konsegwentement, it-talbiet kontra din id-deċiżjoni huma manifestament tardivi. Huwa kompla jafferma li din l-analiżi ma tistax titqiegħed f’dubju minħabba l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Finalment, huwa jsostni li l-intenzjoni tiegħu li jġedded il-miżuri restrittivi li jsemmu lir-rikorrent jirriżultaw b’mod espliċitu mill-ittra tiegħu tat‑28 ta’ Jannar 2020 u li d-Deċiżjoni 2020/117 hija identifikata preċiżament fiha.

68      B’mod preliminari, huwa importanti li jitfakkar li, kif ġie diġà rrilevat fil-punti 47 u 56 iktar ’il fuq, it-termini għall-preżentata ta’ rikors japplikaw b’mod strett, u dan jissodisfa r-rekwiżit ta’ ċertezza legali u n-neċessità li tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni jew kwalunkwe trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

69      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra att li jimponi miżuri restrittivi jibda jiddekorri biss mid-data tal-komunikazzjoni ta’ dan l-att lill-persuna kkonċernata, sakemm l-indirizz tagħha jkun magħruf, u mhux mid-data tal-pubblikazzjoni tal-att, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li dan jixbah lil serje ta’ deċiżjonijiet individwali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2017, Ben Ali vs Il‑Kunsill, T‑149/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:693, punti 44 u 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-ġurisprudenza tapplika għal nota ta’ adattament ippreżentata fil-konfront tat-tiġdid ta’ dawn il-miżuri restrittivi ulterjuri għall-att ikkontestat fir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2016, Sina Bank vs Il‑Kunsill, T‑418/14, EU:T:2016:619, punti 51, 56 u 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, b’differenza mit-terminu għall-preżentata ta’ rikors dwar id-Deċiżjonijiet 2018/141 u 2019/135, dak dwar id-Deċiżjoni 2020/117 ma kienx ġie sospiż, b’mod partikolari, minħabba t-tressiq ta’ talba għal għajnuna legali. Għalhekk għandu jiġi ddeterminat, minn naħa, jekk il-komunikazzjoni ta’ din l-aħħar deċiżjoni fil-konfront tar-rikorrent kinitx ta’ natura li tibda d-dekorrenza ta’ dan it-terminu u, min-naħa l-oħra, jekk in-nota ta’ adattament ġietx ippreżentata fl-osservanza tiegħu, li, konformement mas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u mal-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura, skada fi tmiem il-perijodu ta’ xahrejn u għaxart ijiem.

71      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-komunikazzjoni magħmula mill-Kunsill fil-konfront tar-rikorrent bdietx id-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra d-Deċiżjoni 2020/117, mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta li l-ittra tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2020 ingħatat lir-rikorrent fl‑1 ta’ Frar 2020. Ir-rikorrent ma jikkontestax il-fatt li din il-komunikazzjoni saret, iżda jikkontesta pjuttost ir-regolarità tagħha, minħabba li l-imsemmija deċiżjoni ma ġietx ikkomunikata lilu kollha kemm hi u l-ittra tal-Kunsill inkwistjoni ma ssemmix rimedji u termini għall-preżentata ta’ rikors.

72      Fir-rigward tal-ilment tar-rikorrent li jgħid li d-Deċiżjoni 2020/117 ma kinitx ġiet ikkomunikata kollha kemm hija, għandu jiġi rrilevat li, kif indika l-Kunsill, l-ittra tiegħu tat‑28 ta’ Jannar 2020 issemmi b’mod espliċitu l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u ż-żamma tal-miżuri restrittivi fil-konfront tar-rikorrent minħabba din l-adozzjoni. Barra minn hekk, din l-ittra tipprovdi r-referenzi ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tal-indirizz fuq l-Internet fejn id-deċiżjoni inkwistjoni hija aċċessibbli. L-imsemmija ittra tispjega, barra minn hekk, ir-raġunijiet għaliex il-Kunsill iddeċieda li jżomm dawn il-miżuri fil-konfront tiegħu. Konsegwentement, għalkemm il-Kunsill ma kkomunikax, fl-istess ħin tal-ittra inkwistjoni, kopja tad-deċiżjoni inkwistjoni, huwa madankollu pprovda biżżejjed informazzjoni sabiex ir-rikorrent ikun jaf b’din tal-aħħar kollha kemm hija kif ukoll ir-raġunijiet li hija bbażata fuqhom. Konsegwentement, minkejja l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ tali kopja, din id-deċiżjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li ma ġietx ikkomunikata validament lir-rikorrent. Dan il-fatt għalhekk ma huwiex ta’ natura li jxekkel it-termini għall-preżentata ta’ rikors kontra din id-deċiżjoni milli jibdew jiddekorru.

73      Fir-rigward tal-ilment tar-rikorrent mislut mill-assenza ta’ indikazzjoni tar-rimedji u tat-termini għall-preżentata ta’ rikors, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk din l-assenza hijiex ta’ natura li tivvizzja r-regolarità tal-komunikazzjoni tad-Deċiżjoni 2020/117, ir-rikorrent, li, barra minn hekk, fid-data tal-komunikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, kien irrappreżentat minn avukat, ma setax ma jkunx jaf x’inhuma r-rimedji u t-termini għall-preżentata ta’ rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni, peress li huwa kien diġà ppreżenta tali rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra deċiżjonijiet analogi preċedenti. Konsegwentement, tali assenza ma tistax, fi kwalunkwe każ, tkun raġuni li tostakola l-fatt li t-termini għall-preżentata ta’ rikors jibdew jiddekorru u ma tistax tkun ta’ natura li twassal, min-naħa tar-rikorrent, għal żball skużabbli, fis-sens tal-ġurisprudenza, li jista’ jiġġustifika deroga minn dawn it-termini (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tal‑10 ta’ Diċembru 2015, NICO vs Il‑Kunsill, C‑153/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2015:811, punti 55 sa 61).

74      Għandu jiżdied li l-allegazzjonijiet tar-rikorrent dwar il-komunikazzjoni, mill-Kunsill, tad-Deċiżjoni 2020/117 lil indirizz żbaljat, magħmula fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tiegħu tat‑8 ta’ Lulju 2020, ma jistgħux jirnexxu, peress li mid-dokumenti prodotti minn din l-istituzzjoni jirriżulta li hija kkomunikat din id-deċiżjoni lill-istess indirizz li huwa msemmi bħala l-indirizz tar-residenza tiegħu fl-atti proċedurali kollha li ppreżenta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, inkluż fl-imsemmija osservazzjonijiet.

75      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li t-termini għall-preżentata ta’ rikors kontra d-Deċiżjoni 2020/117 bdew jiddekorru fil-konfront tar-rikorrent mill-komunikazzjoni, mill-Kunsill, ta’ din id-deċiżjoni, li saret fl‑1 ta’ Frar 2020.

76      Fir-rigward tal-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, għandu jiġi rrilevat li dan it-terminu ta’ xahrejn u għaxart ijiem skada fit‑13 ta’ April 2020. Konsegwentement, il-preżentata tan-nota ta’ adattament kontra d-Deċiżjoni 2020/117, fl‑24 ta’ Ġunju 2020, hija tardiva u t-talbiet kontra din id-deċiżjoni huma għalhekk inammissibbli. Minn dan jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud sa fejn huwa dirett kontra l-imsemmija deċiżjoni.

B.      Fuq il-mertu

77      Insostenn tat-talbiet tiegħu għal annullament kontra d-Deċiżjonijiet 2018/141 u 2019/135, ir-rikorrent iqajjem formalment tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil‑31 ta’ Ottubru 2003 f’New York. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żbalji “manifesti” ta’ evalwazzjonijiet u jinkludi tliet partijiet, relatati, fl-ewwel lok, mal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fit-tieni lok, mal-ksur tad-dritt tar-rikorrent li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli mill-awtoritajiet Tuneżini u, fit-tielet lok, mal-ommissjoni, min-naħa tal-Kunsill, li jipproċedi għal verifiki supplimentari. It-tielet motiv huwa bbażat fuq użu ħażin ta’ poter, sa fejn il-proċedura kriminali li fuqha hija bbażata ż-żamma tal-indikazzjonijiet tiegħu fil-lista kontenzjuża, fir-realtà, għandha l-għan li tiġġustifika a posteriori s-sekwestru tal-beni u tal-assi tiegħu fit-Tuneżija.

78      Huwa xieraq li t-tieni motiv jiġi eżaminat l-ewwel.

1.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji “manifesti” ta’ evalwazzjonijiet

a)      Kunsiderazzjonijiet preliminari

79      B’mod preliminari, minn naħa hemm lok li jiġi rrilevat li dan il-motiv, minkejja l-varjazzjonijiet ta’ formazzjoni li għalihom huwa suġġett fir-rikors u fir-replika, għandu jiġi kkunsidrat, fir-rigward tat-tieni u t-tielet partijiet tiegħu, bħala bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni, u mhux fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, il-Kunsill ma kellu l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddetermina jekk kellux elementi suffiċjenti sabiex jevalwa r-rispett, mill-awtoritajiet Tuneżini, tad-dritt tar-rikorrent li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli u jekk dawn l-elementi kinux ta’ natura li jqajjmu dubji leġittimi dwar ir-rispett ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2018, Ezz et vs Il‑Kunsill, T‑288/15, EU:T:2018:619, punt 215).

80      Min-naħa l-oħra, jidher neċessarju, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, li wieħed jistaqsi dwar il-konsegwenzi eventwali li għandhom jinsiltu mis-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑530/17 P, EU:C:2018:1031), u tal‑11 ta’ Lulju 2019, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑416/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:602), kif ukoll mid-digriet tat‑22 ta’ Ottubru 2019, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑58/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:890). Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat‑13 ta’ Diċembru 2019, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din il-kwistjoni u, b’mod partikolari, jindikaw jekk u sa fejn huma kienu jikkunsidraw li d-Deċiżjonijiet 2018/141 u 2019/135 jissodisfaw l-obbligu ta’ motivazzjoni, fid-dawl, b’mod partikolari, ta’ dawn is-sentenzi u ta’ dan id-digriet.

81      Fit-tweġiba bil-miktub tiegħu tas‑27 ta’ Diċembru 2019, ir-rikorrent indika, essenzjalment, li r-rekwiżiti ddefiniti fis-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑530/17 P, EU:C:2018:1031), u tal‑11 ta’ Lulju 2019, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑416/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:602), kif ukoll fid-digriet tat‑22 ta’ Ottubru 2019, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑58/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:890), kienu applikabbli f’dan il-każ. Huwa sostna li dawn ir-rekwiżiti kienu marbuta mal-obbligu, għall-Kunsill, li jwettaq verifiki li jikkonċernaw l-elementi pprovduti mill-awtoritajiet Tuneżini, li huwa kien enfasizza fil-kuntest tal-motivi fuq il-mertu li kien qajjem. Huwa sostna li d-Deċiżjonijiet 2018/141 u 2019/135 ma kien fihom l-ebda motivazzjoni relatata mar-raġunijiet li għalihom il-Kunsill ikkunsidra li d-deċiżjoni tal-Istat Tuneżin li fuqha kienu bbażati dawn id-deċiżjonijiet kienet ġiet adottata fir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Huwa kkonkluda, sussidjarjament, li l-motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ tali motivazzjoni kellu jwassal għall-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

82      Fit-tweġiba bil-miktub tiegħu tas‑16 ta’ Jannar 2020, fl-ewwel lok, il-Kunsill sostna li minn qari konġunt, minn naħa, tas-sentenzi tat‑18 ta’ Frar 2016, Il‑Kunsill vs Bank Mellat (C‑176/13 P, EU:C:2016:96), u tal‑21 ta’ April 2016, Il‑Kunsill vs Bank Saderat Iran (C‑200/13 P, EU:C:2016:284), u, min-naħa l-oħra, mis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑530/17 P, EU:C:2018:1031), kien jirriżulta li huwa seta’ xi drabi jkun suġġett għal obbligu li jivverifika jekk id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kinux ġew irrispettati u għal obbligu korollarju li jsemmi dan fil-motivazzjoni tal-atti inkwistjoni u xi drabi oħra ma jkunx suġġett għal tali obbligi. Fil-fehma tiegħu, id-differenza bejn il-Kawżi C‑176/13 P u C‑200/13 P, minn naħa u l-Kawża C‑530/17 P, min-naħa l-oħra, kienet tinsab fil-fatt li, fil-kuntest tal-ewwel żewġ kawżi, l-entitajiet ikkonċernati ma kinux ippreżentaw osservazzjonijiet f’dan ir-rigward lill-Kunsill, filwaqt li, fil-kuntest tat-tielet waħda, il-persuna inkwistjoni kienet invokat, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-obbligi msemmija iktar ’il fuq. Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrent ma ppreżentax tali osservazzjonijiet. Fit-tieni lok, il-Kunsill sostna li l-motivazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2018/141 u 2019/135 kien fiha informazzjoni suffiċjenti li tippermetti li tiġi vverifikata l-fondatezza tagħhom u li tippermetti li l-qorti tal-Unjoni tistħarreġ il-legalità ta’ dawn id-deċiżjonijiet, konformement mal-ġurisprudenza. Barra minn hekk, dawn id-deċiżjonijiet saru f’kuntest magħruf mir-rikorrent. Fit-tielet lok, il-Kunsill isostni li l-Artikoli 27, 29 u 108 tal-Kostituzzjoni Tuneżina u l-Artikoli 13, 47, 50, 59, 66 u 175 tal-Kodiċi Kriminali Tuneżin kienu jipprovdu garanziji relatati mad-dritt tar-rikorrent għal smigħ xieraq f’terminu raġonevoli u fir-rispett tad-drittijiet tiegħu tad-difiża. Dawn id-dispożizzjonijiet juru li r-Repubblika Tuneżina għandha kuntest ġuridiku li jipproteġi dawn id-drittijiet u jagħmlu parti mill-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet, fis-sens li l-imsemmija dispożizzjonijiet jaqgħu taħt kuntest magħruf mir-rikorrent jew, mill-inqas, li huwa ma setax ma jkunx jaf bih.

83      Qabel kollox, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ appell minn sentenza tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi dwar il-legalità taż-żamma tal-inklużjoni ta’ entità fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 tas‑27 ta’ Diċembru 2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 207), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kien obbligu tal-Kunsill, qabel ma jibbaża ruħu fuq deċiżjoni ta’ awtorità ta’ Stat terz, li jivverifika jekk din id-deċiżjoni kinitx ġiet adottata filwaqt li kienu rrispettati d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 24).

84      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li hija kienet qieset ripetutament li l-Kunsill kien obbligat, meta jadotta miżuri restrittivi, li jirrispetta d-drittijiet fundamentali li jifformaw parti sħiħa mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li fosthom hemm, b’mod partikolari, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, barra minn hekk, li n-neċessità li titwettaq tali verifika kienet tirriżulta, b’mod partikolari, mill-fatt li l-għan ta’ protezzjoni tal-persuni jew tal-entitajiet ikkonċernati, billi jiġi żgurat li l-inklużjoni inizjali tagħhom fil-lista inkwistjoni saret biss fuq bażi fattwali suffiċjentement solida, seta’ jintlaħaq biss jekk id-deċiżjonijiet tal-Istati terzi li fuqhom il-Kunsill ibbaża l-imsemmija inklużjonijiet inizjali kienu ġew adottati filwaqt li ġew irrispettati d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l-garanzija li d-deċiżjoni tal-Istat terz kienet ġiet adottata filwaqt li ġew irrispettati d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva kellha importanza essenzjali fl-istruttura tal-imsemmija inklużjoni u tad-deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi sussegwenti u li, konsegwentement, il-Kunsill kien obbligat li jipproduċi, fl-espożizzjonijiet tal-motivi marbuta ma’ dawn id-deċiżjonijiet, l-indikazzjonijiet li jippermettu li jitqies li huwa kien ivverifika r-rispett ta’ dawn id-drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 31).

87      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja wieġbet għall-argument tal-Kunsill li kien isostni li, sa fejn l-Istat terz jista’ jqis li kummentarju, fl-espożizzjoni tal-motivi tad-deċiżjonijiet ta’ ffriżar tal-assi inkwistjoni, marbuta mar-rispett, jew man-nuqqas ta’ rispett, tiegħu tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jikkostitwixxi interferenza fl-affarijiet interni tiegħu, il-motivazzjoni rikjesta mill-Qorti Ġenerali tipprekludi lill-Kunsill milli jibbaża ruħu fuq deċiżjonijiet ta’ Stati terzi. F’dan ir-rigward, hija indikat li għal dan l-għan, kien suffiċjenti li l-Kunsill jirreferi, fil-qosor, fl-espożizzjoni tal-motivi marbuta ma’ deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi, għar-raġunijiet li abbażi tagħhom huwa qies li d-deċiżjoni tal-Istat terz li fuqha huwa kellu l-intenzjoni li jibbaża ruħu kienet ġiet adottata filwaqt li kienu irrispettati dawn id-drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punti 20, 32 u 33).

88      Sussegwentement, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑530/17 P, EU:C:2018:1031), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar kwistjoni analoga fil-kuntest ta’ appell minn sentenza tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi dwar il-legalità taż-żamma tal-inklużjoni ta’ persuna fiżika fil-listi li jinsabu, rispettivament, fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK tal‑5 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 66, p. 26, rettifika fil-ĠU 2014, L 70, p. 35 u fil-ĠU 2014, L 350, p. 15), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/143 tad‑29 ta’ Jannar 2015 (ĠU 2015, L 24, p. 16), u l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 208/2014 tal‑5 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 66, p. 1, rettifika fil-ĠU 2014, L 350, p. 15, fil-ĠU 2014, L 294, p. 62 u fil-ĠU 2014, L 70, p. 36), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/138 tad‑29 ta’ Jannar 2015 (ĠU 2015, L 24, p. 1).

89      Fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑530/17 P, EU:C:2018:1031), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-prinċipji mfakkra fil-punti 83 sa 87 iktar ’il fuq kienu applikabbli fis-sitwazzjoni tal-appellant fil-kawża inkwistjoni, peress li l-miżuri restrittivi meħuda kontrih kienu bbażati fuq id-deċiżjoni ta’ awtorità ta’ Stat terz, kompetenti f’dan ir-rigward, li tibda u tmexxi proċedura ta’ investigazzjoni kriminali dwar reat ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Hija rrilevat, f’dan ir-rigward, li kien irrilevanti l-fatt, irrilevat fis-sentenza appellata, li l-eżistenza ta’ tali deċiżjoni ma kinitx tikkostitwixxi l-kriterju ta’ inklużjoni stabbilit fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119, iżda l-bażi fattwali li kienu bbażati fuqha l-miżuri restrittivi inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill, C‑530/17 P, EU:C:2018:1031, punti 25 sa 30).

90      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li r-raġunament li fuqu kienet ibbażat ruħha l-Qorti Ġenerali sabiex tikkunsidra li l-approċċ adottat fis-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill (T‑208/11 u T 508/11, EU:T:2014:885), ma kienx trasponibbli għall-każ inkwistjoni, kien ivvizzjat bi żball ta’ liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill, C‑530/17 P, EU:C:2018:1031, punti 31 sa 33).

91      B’mod partikolari, minn naħa, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kunsill seta’ jikkunsidra li deċiżjoni ta’ inklużjoni kienet ibbażata fuq bażi fattwali solida biżżejjed biss wara li jkun ivverifika huwa stess li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kienu ġew irrispettati fl-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Istat terz ikkonċernat li fuqha huwa kellu l-intenzjoni li jibbaża l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill, C‑530/17 P, EU:C:2018:1031, punt 34).

92      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-differenzi fil-formulazzjoni, fl-istruttura u fl-għan identifikati mill-Qorti Ġenerali bejn, minn naħa, il-mudell tal-miżuri restrittivi previsti fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u, min-naħa l-oħra, il-mudell tal-miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukraina ma setax ikollhom l-effett li jillimitaw l-applikazzjoni tal-garanziji li jirriżultaw mill-approċċ adottat fis-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill (T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885), biss għall-miżuri restrittivi adottati fil-kuntest tal-ewwel wieħed minn dawn il-mudelli, bl-esklużjoni ta’ dawk li jiġu adottati fil-kuntest ta’ kooperazzjoni ma’ Stat terz deċiża mill-Kunsill wara għażla politika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill, C‑530/17 P, EU:C:2018:1031, punt 37).

93      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑530/17 P, EU:C:2018:1031), imfakkra fil-punti 89 sa 92 iktar ’il fuq, jistgħu jiġu ttrasposti għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, minkejja d-differenzi fil-kuntest. Fil-fatt, il-mudell ta’ miżuri restrittivi stabbiliti fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija għandu bla dubju analoġiji ma’ dak ta’ miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukraina. Għalhekk, l-iffriżar tal-assi tal-persuni indikati fil-lista kontenzjuża, b’mod partikolari r-rikorrent, huwa bbażat ukoll fuq id-deċiżjoni tal-awtoritajiet ta’ Stat terz kompetenti f’dan ir-rigward, f’dan il-każ l-awtoritajiet tar-Repubblika tat-Tuneżija, li tinbeda u titmexxa proċedura ta’ investigazzjoni ġudizzjarja dwar reat li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi.

94      Konsegwentement, f’dan il-każ, għandha tiġi dedotta l-eżistenza, fil-konfront tal-Kunsill, minn naħa, ta’ obbligu li jivverifika li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent ġew irrispettati fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji fil-konfront tiegħu fit-Tuneżija u, min-naħa l-oħra, ta’ obbligu li tingħata motivazzjoni għar-raġunijiet għalfejn huwa kkunsidra li dawn id-drittijiet ġew irrispettati.

95      Barra minn hekk, tali obbligi jidhru iktar u iktar imperattivi meta, kif jirriżulta mill-premessa 1 tad-Deċiżjoni 2011/72, din id-deċiżjoni u d-deċiżjonijiet sussegwenti ġew adottati fil-kuntest ta’ politika ta’ sostenn tat-Tuneżija bbażata, b’mod partikolari, fuq l-għanijiet ta’ promozzjoni tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt imsemmija fl-Artikolu 21(2)(b) TUE. Konsegwentement, l-għan ta’ dawn id-deċiżjonijiet, li huwa li tiġi ffaċilitata l-konstatazzjoni mill-awtoritajiet Tuneżini tal-miżapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi mwettqa u li tinżamm il-possibbiltà, għal dawn l-awtoritajiet, li jirkupraw il-prodott ta’ dawn il-miżapproprjazzjonijiet, ma jkunx rilevanti fir-rigward tal-imsemmija għanijiet jekk din il-konstatazzjoni tkun ivvizzjata b’ċaħda ta’ ġustizzja, jew saħansitra b’natura arbitrarja (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2017, Mabrouk vs Il‑Kunsill, T‑175/15, EU:T:2017:694, punt 64, u tas‑27 ta’ Settembru 2018, Ezz et vs Il‑Kunsill, T‑288/15, EU:T:2018:619, punt 68).

96      Huwa veru li, fil-punti 65 u 72 tas-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2017, Mabrouk vs Il‑Kunsill (T‑175/15, EU:T:2017:694), li kienet tirrigwarda tilwima dwar iż-żamma tal-indikazzjoni ta’ persuna fil-lista kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali rrilevat, b’mod partikolari, li, sabiex jipproċedi għal tali żamma, il-Kunsill kien obbligat biss li jiġbor provi tal-eżistenza ta’ proċedura ġudizzjarja pendenti kontra r-rikorrent għal fatti kwalifikabbli bħala miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u li kien biss meta jkun hemm elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u konkordanti li jistgħu jqanqlu mistoqsijiet leġittimi dwar ir-rispett tad-dritt tar-rikorrent għal terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni ġudizzjarja pendenti kontrih u li sservi bħala l-bażi għall-iffriżar tal-assi tiegħu fl-Unjoni li l-Kunsill kien obbligat iwettaq il-verifiki neċessarji f’dan ir-rigward.

97      Il-Qorti Ġenerali applikat raġunament analogu fir-rigward tal-verifika tar-rispett tad-dritt għal smigħ xieraq u għall-protezzjoni tal-preżunzjoni tal-innoċenza, mill-awtoritajiet Eġizzjani, ta’ persuni li l-indikazzjoni tagħhom fil-lista li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/172/PESK tal‑21 ta’ Marzu 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu (ĠU 2011, L 76, p. 63), kienet inżammet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2018, Ezz et vs Il‑Kunsill, T‑288/15, EU:T:2018:619, punti 70, 214 u 215).

98      Madankollu, meta ngħataw is-sentenzi ċċitati fil-punti 96 u 97 iktar ’il fuq, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑530/17 P, EU:C:2018:1031), kienet għadha ma ġietx deċiża. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk kienet għadha ma ddeċidietx dwar il-kwistjoni dwar jekk l-approċċ adottat fis-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill (T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885), setax jiġi traspost bħala tali għal mudell ta’ miżuri restrittivi adottati fil-kuntest tal-kooperazzjoni ma’ Stat terz li għandha l-għan li tassisti lil dan l-Istat fil-ġlieda kontra l-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u fid-dawl tal-eżistenza ta’ proċeduri ġudizzjarji mibdija mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat b’rabta ma’ reat li jista’ jirċievi tali klassifikazzjoni.

99      Barra minn hekk, fis-sentenzi ċċitati fil-punti 96 u 97 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali eżaminat motivi jew ilmenti li kienu bbażati fuq allegata ommissjoni tal-Kunsill li jwettaq verifiki komplementari wara li r-rikorrenti kienu bagħtulu elementi li huma kienu jikkunsidraw bħala ta’ natura li jiżvelaw ksur tad-drittijiet protetti mill-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta. Għalhekk, dawn il-motivi jew l-ilmenti ma kinux iqajmu, bħala tali, il-kwistjoni dwar jekk il-Kunsill kellux, ex officio, iwettaq verifiki f’dan ir-rigward, mingħajr ma jistenna li l-persuni kkonċernati jippreżentaw osservazzjonijiet li jistgħu jiġġustifikawhom, u lanqas, a fortiori, il-kwistjoni dwar jekk huwa kellux jimmotiva b’mod espliċitu l-konklużjonijiet li kien jislet minn dawn il-verifiki.

100    Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jitqiegħdu f’dubju mill-analiżi tal-ġurisprudenza magħmula mill-Kunsill fit-tweġiba bil-miktub tiegħu tas‑16 ta’ Jannar 2020.

101    Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-paragun magħmul mill-Kunsill bejn il-ġurisprudenza sanċita fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑530/17 P, EU:C:2018:1031), u l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tat‑18 ta’ Frar 2016, Il‑Kunsill vs Bank Mellat (C‑176/13 P, EU:C:2016:96), u tal‑21 ta’ April 2016, Il‑Kunsill vs Bank Saderat Iran (C‑200/13 P, EU:C:2016:284), ma huwiex konvinċenti.

102    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, minn naħa, li l-punti 88 sa 91 tas-sentenza tat‑18 ta’ Frar 2016, Il‑Kunsill vs Bank Mellat (C‑176/13 P, EU:C:2016:96), u l-punti 81 sa 84 tas-sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Il‑Kunsill vs Bank Saderat Iran (C‑200/13 P, EU:C:2016:284), invokati mill-Kunsill, jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk huwiex obbligat jivverifika r-rilevanza u l-fondatezza tal-elementi li jikkonċernaw lill-entità kkonċernata qabel ma jadotta l-atti li jistabbilixxu miżuri restrittivi fil-konfront tagħha u jindika, fir-raġunijiet ta’ dawn l-atti, li huwa wettaq dawn il-verifiki. Min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju tal-punti 25 sa 37 tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑530/17 P, EU:C:2018:1031), dawn il-punti ma humiex relatati mal-kwistjoni tal-eżistenza ta’ obbligu, għall-Kunsill, li jivverifika, qabel ma jadotta tali atti, jekk id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent ġewx irrispettati fil-kuntest tal-proċeduri li fuqhom huma bbażati l-atti u, b’mod korollarju, li jindika r-riżultat ta’ dawn il-verifiki fir-raġunijiet tal-imsemmija atti. B’mod simetriku, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑530/17 P, EU:C:2018:1031), il-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma qieset li l-Kunsill kien obbligat, qabel ma jadotta l-atti inkwistjoni, li jivverifika sistematikament ir-rilevanza u l-fondatezza tal-proċeduri mibdija mill-pajjiżi terzi li fuqhom huwa bbaża ruħu u li jsemmih dan fir-raġunijiet ta’ dawn l-atti.

103    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi tat‑18 ta’ Frar 2016, Il‑Kunsill vs Bank Mellat (C‑176/13 P, EU:C:2016:96), u tal‑21 ta’ April 2016, Il‑Kunsill vs Bank Saderat Iran (C‑200/13 P, EU:C:2016:284), il-miżuri restrittivi li l-legalità tagħhom kienet ġiet eżaminata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi li kienu s-suġġett tal-appelli inkwistjoni, kienu ibbażati fuq elementi prodotti mill-Istati Membri li kienu jikkonċernaw l-appoġġ tal-entitajiet ikkonċernati għall-attivitajiet nukleari tal-Iran li kienu joħolqu riskju ta’ proliferazzjoni, li kienu maħsuba sabiex jissostanzjaw il-proposta tagħhom ta’ inklużjoni ta’ dawn l-entitajiet fil-lista tal-persuni, l-entitajiet jew il-korpi ikkonċernati minn dawn il-miżuri. Għalhekk, l-imsemmija miżuri ma kinux ibbażati fuq deċiżjonijiet ta’ natura amministrattiva jew ġudizzjarja, bħat-tnedija ta’ proċeduri kriminali, għall-kuntrarju ta’ dak li kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑530/17 P, EU:C:2018:1031).

104    Fit-tieni lok, għall-kuntarju ta’ dak li sostna l-Kunsill, mis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑530/17 P, EU:C:2018:1031), ma jirriżultax li l-obbligu li jiġi vverifikat jekk id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-persuna kkonċernata ġewx irrispettati fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja mibdija fil-konfront tagħha f’pajjiż terz jeżisti biss fil-preżenza ta’ osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrent qabel l-adozzjoni ta’ miżuri kontenzjużi. Pjuttost, mill-punti 25 sa 37 ta’ din is-sentenza, miġbura fil-qosor fil-punti 89 sa 92 iktar ’il fuq, jiġi dedott li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni li tagħti lil tali obbligu natura inkundizzjonata. Fil-fatt, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punt 28 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, essenzjalment, li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji li jservu ta’ bażi għall-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill kienu jikkostitwixxu komponent tal-bażi fattwali ta’ dawn il-miżuri. Issa, minn ġurisprudenza stabbilita, imfakkra f’dan l-istess punt, jirriżulta li l-Kunsill għandu jivverifika sistematikament, minn qabel, in-natura suffiċjentement solida ta’ din il-bażi fattwali.

105    Din l-interpretazzjoni tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑530/17 P, EU:C:2018:1031), ma hijiex ikkonfutata mill-punt 39, iċċitat mill-Kunsill, li jfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li, hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, fil-każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi meqjusa kontra l-persuna kkonċernata, u mhux din tal-aħħar li għandha tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza ta’ dawn il-motivi (sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 121, u tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C‑280/12 P, EU:C:2013:775, punt 66).

106    Fil-fatt, minn naħa, il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 39 tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑530/17 P, EU:C:2018:1031), jistabbilixxu motiv supplimentari, iżda ma jippreżentawx natura determinanti fir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-kuntrarju tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 25 sa 37 ta’ din is-sentenza. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-prinċipju mfakkar, f’dan il-każ, mill-Qorti tal-Ġustizzja kien ġie stabbilit, għall-ewwel darba, f’kuntest fejn, fil-preżenza ta’ kontestazzjoni tal-persuna kkonċernata minn miżuri restrittivi fil-kuntest tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li kien il-Kunsill li kellu jipproduċi informazzjoni jew provi sabiex jippermetti li l-Qorti Ġenerali teżamina jekk il-motivi sottostanti għal dawn il-miżuri kinux issostanzjati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 119 u 120). Għalhekk minn din il-ġurisprudenza ma jistax jiġi dedott li l-prinċipju ddefinit b’dan il-mod, relatat mal-oneru u mal-produzzjoni tal-provi quddiem il-qorti tal-Unjoni, japplika biss meta, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, ir-rikorrent ikun ippreżenta osservazzjonijiet intiżi sabiex jikkontesta l-bażi fattwali tal-miżuri li huwa jikkontesta, qabel ma dawn jiġu adottati.

107    F’dan il-każ, għalkemm ir-rikorrent ma jqajjimx motiv relatat ma’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-Deċiżjonijiet 2018/141 u 2019/135, min-naħa l-oħra, it-tieni u t-tielet partijiet tat-tieni motiv iqajmu l-kwistjoni, minn naħa, tal-evalwazzjoni, mill-Kunsill, tar-rispett tad-dritt tiegħu li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli, li huwa komponent tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, u l-kwistjoni, min-naħa l-oħra, tal-verifiki magħmula minn din l-istituzzjoni f’dan ir-rigward. Issa, dawn il-partijiet għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tal-prinċipji esposti fil-punti 83 sa 106 iktar ’il fuq.

b)      Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-iżball ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tar-rispett, mill-awtoritajiet Tuneżini, tad-dritt tar-rikorrent li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli

108    Ir-rikorrent isostni li, sa mill‑2011, ma saret l-ebda attività proċedurali fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja li tikkonċernah, filwaqt li r-residenza tiegħu kienet magħrufa mill-awtoritajiet Tuneżini u li huwa kien għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet. Huwa jafferma li qatt ma ġie mismugħ, imsejjaħ jew kien is-suġġett ta’ xi att ta’ investigazzjoni. Huwa jsostni, għalhekk, fid-dawl tal-punt 172 tas-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, CW vs Il‑Kunsill (T‑516/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:377) u tal-punti 64, 65, 71, 222 u 223 tas-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2017, Mabrouk vs Il‑Kunsill (T‑175/15, EU:T:2017:694), il-Qorti Ġenerali għandha tikkonstata l-iżball ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tar-rispett tad-dritt tiegħu li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli. Fir-replika, huwa jsostni, barra minn hekk, li l-veraċità u l-kredibbiltà tad-dokumenti mibgħuta mill-awtoritajiet Tuneżini lill-Kunsill fl‑1 ta’ Awwissu 2019 jistgħu jiġu kkontestati. Huwa jsostni, bħala konklużjoni, li l-Kunsill ma wettaqx il-verifiki neċessarji sa mill‑2011, minkejja li, min-naħa tiegħu, ippreżenta regolarment lil din l-istituzzjoni osservazzjonijiet biex iqajjem dubju dwar il-fondatezza tal-proċeduri ġudizzjarji li huwa kien is-suġġett tagħhom.

109    Il-Kunsill isostni li, fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet 2018/141 u 2019/135, ma kien jeżisti l-ebda element oġġettiv, affidabbli, preċiż u konkordanti li seta’ jqanqal mistoqsijiet leġittimi, fis-sens tal-punti 64 u 65 tas-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2017, Mabrouk vs Il‑Kunsill (T‑175/15, EU:T:2017:694), dwar ir-rispett tad-dritt tar-rikorrent li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli mill-awtoritajiet ġudizzjarji Tuneżini fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji li dawn kienu bdew fil-konfront tiegħu. B’mod partikolari, huwa jsostni li, qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet, ir-rikorrent ma pproduċa l-ebda tali element dwar assenza sħiħa ta’ attività proċedurali fil-kuntest tal-investigazzjoni ġudizzjarja li tikkonċernah. Barra minn hekk, huwa jafferma li l-argument tar-rikorrent dwar l-imsemmija assenza ta’ attività ma jistax, waħdu, jippermetti li jiġi konkluż li sar żball ta’ evalwazzjoni, min-naħa tiegħu, dwar ir-rispett, mill-awtoritajiet Tuneżini, tad-dritt tiegħu li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li jistgħu jiġġustifikaw it-tul tal-investigazzjoni, stabbiliti fil-punti 221 u 222 tas-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2017, Mabrouk vs Il‑Kunsill (T‑175/15, EU:T:2017:694), u fil-punt 52 tas-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, Mabrouk vs Il‑Kunsill (T‑216/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:779). Huwa jżid li r-rapport tal-attività tal‑1 ta’ Awwissu 2019 mibgħut mill-awtoritajiet Tuneżini jikkonferma li d-Digriet-Liġi Tuneżin Nru 2011-13, tal‑14 ta’ Marzu 2011, dwar is-sekwestru ta’ assi u ta’ proprjetà mobbli u immobbli għadu japplika għar-rikorrent u juri l-implikazzjoni tiegħu f’ċertu għadd ta’ reati.

110    Fil-kontroreplika, il-Kunsill iwieġeb għall-allegazzjonijiet tar-rikorrent dwar il-kredibbiltà tad-dokumenti pprovduti mill-awtoritajiet Tuneżini. Huwa jipproduċi, b’mod partikolari, f’anness, tabella tal-ittri rogatorji internazzjonali, sabiex juri l-kumplessità ta’ din il-proċedura, u jirrileva li, fid-dawl tat-tabella tal-kawżi pendenti, ukoll annessa, ir-rikorrent huwa kkunsidrat bħala maħrub.

111    B’mod preliminari, għandu jitfakkar li l-prinċipju tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni huwa komponent tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva li huwa protett mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u mid-dispożizzjonijiet ta’ diversi strumenti tad-dritt internazzjonali ġuridikament vinkolanti li jipproteġu d-dritt għal smigħ xieraq, li huwa sostanzjalment analogu. B’mod partikolari, dan huwa l-każ tal-Artikolu 14(3)(ċ) tal-Ftehim Internazzjonali fuq id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis‑16 ta’ Diċembru 1966, li għalih hija parti, b’mod partikolari, ir-Repubblika tat-Tuneżija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2017, Mabrouk vs Il‑Kunsill, T‑175/15, EU:T:2017:694, punt 64).

112    F’dan ir-rigward, hemm lok ukoll li jiġi ppreċiżat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ir-rispett tad-dritt għal terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni, kif sanċit fid-dritt internazzjonali, għandu jiġi eżaminat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, li jeħtieġu evalwazzjoni globali, abbażi b’mod partikolari tal-kriterji relatati mal-kumplessità tal-kawża, mal-aġir tar-rikorrent u mal-aġir tal-awtoritajiet kompetenti. Prinċipji analogi jiggwidaw l-eżami, fil-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni, tar-rispett tad-dritt għal terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni, kif sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2017, Mabrouk vs Il‑Kunsill, T‑175/15, EU:T:2017:694, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    Barra minn hekk, kif ġie kkonstatat fil-punt 104 iktar ’il fuq, il-punti 25 sa 37 tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑530/17 P, EU:C:2018:1031), li l-kontenut tagħhom huwa riprodott fil-punti 89 sa 92 iktar ’il fuq, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-obbligu li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent, fil-kuntest tal-investigazzjoni ġudizzjarja li huwa s-suġġett tagħha, għandu natura inkundizzjonata. Konsegwentement, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jġedded l-indikazzjoni ta’ persuna fil-lista kontenzjuża biss jekk seta’ jiżgura ruħu minn qabel dwar ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet u, b’mod partikolari, dwar ir-rispett tad-dritt li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli, inkluż ex officio u mingħajr ma jistenna li l-persuna kkonċernata tippreżentalu elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u konkordanti li jistgħu jqanqlu mistoqsijiet leġittimi dwar ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet.

114    Barra minn hekk, fir-rigward b’mod partikolari tal-verifika tar-rispett tad-dritt li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli, jista’ jiġi rrilevat li, iktar ma jiżdied it-tul tal-proċeduri ġudizzjarji li jservu ta’ bażi għal miżura restrittiva, iktar tista’ tkun neċessarja din il-verifika għall-Kunsill qabel ma jiddeċiedi jekk ikunx hemm lok li jġedded din il-miżura jew le għal darba oħra (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2019, Stavytskyi vs Il‑Kunsill, T‑290/17, EU:T:2019:37, punt 132).

115    B’mod partikolari, għandha titfakkar, f’dan il-każ, in-natura kawtelatorja tal-iffriżar tal-assi tar-rikorrent u l-għan tiegħu, jiġifieri li jiffaċilita l-konstatazzjoni mill-awtoritajiet Tuneżini tal-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi mwettqa, fi tmiem proċeduri ġudizzjarji mibdija, u li tiġi ppreżervata l-possibbiltà li dawn l-awtoritajiet jirkupraw, in fine, il-prodott ta’ dawn il-miżapproprjazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2017, Mabrouk vs Il‑Kunsill, T‑175/15, EU:T:2017:694, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, huwa l-Kunsill li għandu jevita li din il-miżura tiġi mġedda inutilment, għad-detriment tad-drittijiet u tal-libertajiet tar-rikorrent, li fuqhom din għandha effett negattiv sinjifikattiv, minħabba s-sempliċi fatt li l-proċedura ġudizzjarja li fuqha din hija bbażata tħalliet miftuħa b’mod indefinit mingħajr ġustifikazzjoni reali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2017, Mabrouk vs Il‑Kunsill, T‑175/15, EU:T:2017:694, punt 48, u tas‑27 ta’ Settembru 2018, Ezz et vs Il‑Kunsill, T‑288/15, EU:T:2018:619, punt 71).

116    Ċertament, il-Kunsill ma jistax ikun obbligat itemm l-iffriżar tal-assi tar-rikorrent għas-sempliċi raġuni li jeżistu elementi li jistgħu jqanqlu mistoqsijiet leġittimi dwar ir-rispett, mill-awtoritajiet Tuneżini, tad-dritt tiegħu li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli u, b’mod partikolari, elementi li jikkonċernaw in-natura ġġustifikata tat-tul tal-proċedura kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2017, Mabrouk vs Il‑Kunsill, T‑175/15, EU:T:2017:694, punti 67 sa 75). Madankollu, qabel ma jipproċedi għat-tiġdid tal-imsemmi ffriżar tal-assi, huwa għandu, mill-inqas, minn naħa, jiżgura ruħu li għandu elementi suffiċjenti li jikkonċernaw l-istat u l-progress ta’ din il-proċedura sabiex jevalwa r-riskju ta’ ksur ta’ dan id-dritt u, min-naħa l-oħra, jipproċedi għal tali evalwazzjoni bir-reqqa u b’imparzjalità, sabiex minnha jislet, jekk ikun il-każ, il-konsegwenzi xierqa (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 2018, Ezz et vs Il‑Kunsill, T‑288/15, EU:T:2018:619, punti 71 u 79).

117    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata din il-parti tat-tieni motiv.

118    Fl-ewwel lok, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li d-dokumenti li ġejjin mill-awtoritajiet Tuneżini li l-Kunsill hemeż mar-risposta u mal-kontroreplika ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali sabiex tevalwa jekk din l-istituzzjoni ssodisfatx l-obbligu ta’ verifika li hija għandha fir-rigward tar-rispett, mill-awtoritajiet Tuneżini, tad-dritt li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli.

119    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-legalità tal-att ikkontestat għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data tal-adozzjoni tal-att (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

120    F’dan il-każ, mill-annessi tal-proċess ma jirriżultax li l-Kunsill kien jaf bid-dokumenti inkwistjoni qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2018/141 jew tad-Deċiżjoni 2019/135.

121    Fil-fatt, minn naħa, fir-rigward tad-dokumenti mehmuża mar-risposta, mill-ittra tal-ambaxxata tar-Repubblika tat-Tuneżija fi Brussell (il-Belġju) bid-data tal‑10 ta’ Awwissu 2019 jirriżulta li huma kienu bagħtuhom f’anness ma’ din l-ittra. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dokumenti mehmuża mal-kontroreplika, mill-paġna ta’ ftuħ tagħhom jirriżulta li dawn intbagħtu mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) matul perijodu bejn Ottubru u Diċembru 2019.

122    Minn naħa oħra, il-Kunsill ma jsostnix li huwa kien konxju, anki jekk parzjalment, f’data preċedenti, mill-informazzjoni li tinsab f’dawn id-dokumenti.

123    F’dan ir-rigward, mit-tweġiba bil-miktub tal-Kunsill tas‑16 ta’ Marzu 2020 jirriżulta li dan tal-aħħar f’Ottubru 2017 u f’Ottubru 2018 kiseb informazzjoni, min-naħa tal-awtoritajiet Tuneżini, dwar l-istat tal-progress tal-kawża bin-numru ta’ referenza 19592/1, li hija relatata mal-investigazzjoni ġudizzjarja li tikkonċerna lir-rikorrent. Din l-informazzjoni kienet ippreżentata fil-forma ta’ skeda informattiva li tindika isem ir-rikorrent u li tinkludi tabella li telenka, b’mod partikolari, il-proċeduri u l-miżuri meħuda. Din kienet ikkompletata mir-rimarki li jippreċiżaw, b’mod partikolari, li kienu ntbagħtu diversi ittri rogatorji internazzjonali, li l-kawża kienet teħtieġ diversi miżuri li jikkonċernaw lill-akkużati l-oħra u li l-investigazzjonijiet kienu għadhom għaddejjin. Min-naħa l-oħra, għalkemm il-miżuri proċedurali msemmija f’dawn l-iskedi informattivi kienu relatati ma’ persuni oħra intiżi mill-istess investigazzjoni, l-ebda waħda ma kienet relatata speċifikament mar-rikorrent.

124    Barra minn hekk, fis-seduta, il-Kunsill ikkonferma li huwa sar konxju mill-informazzjoni relatata ma’ atti proċedurali li jikkonċernaw speċifikament lir-rikorrent biss fil-kuntest tad-dokumenti mibgħuta mill-awtoritajiet Tuneżini wara d-Deċiżjoni 2019/135, wara mistoqsijiet li sarulu f’dan ir-rigward.

125    Għaldaqstant, peress li l-Kunsill sar jaf bl-informazzjoni li tinsab f’dawn id-dokumenti wara l-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet 2018/141 u 2019/135, kemm l-argumenti tiegħu kif ukoll dawk tar-rikorrent dwar l-imsemmija dokumenti għandhom jiġu miċħuda.

126    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, insostenn ta’ din il-parti, ir-rikorrent isostni li, sa mill‑2011, ma saret l-ebda attività proċedurali fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja li tikkonċernah u li, b’mod partikolari, qatt ma nstema’ jew ġie msejjaħ u qatt ma kien is-suġġett ta’ xi att ta’ investigazzjoni.

127    Issa, il-Kunsill ma jikkontestax dawn l-allegazzjonijiet, iżda jillimita ruħu li jsostni li, matul l-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet 2018/141 u 2019/135, ma kien jeżisti l-ebda element oġġettiv, affidabbli, preċiż u konkordanti li seta’ jqanqal mistoqsijiet leġittimi dwar ir-rispett, mill-awtoritajiet Tuneżini, tad-dritt tar-rikorrent li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli, u dan tal-aħħar, f’dan ir-rigward, ma pprovda l-ebda element ta’ dan it-tip.

128    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 113 iktar ’il fuq, l-obbligu li l-Kunsill għandu li jiżgura r-rispett, mill-awtoritajiet Tuneżini, tad-dritt tar-rikorrent li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli qabel ma jġedded l-indikazzjoni tiegħu fil-lista kontenzjuża għandu natura inkundizzjonata u għandu jiġi implimentat, jekk ikun il-każ, ex officio, mingħajr ma jistenna li l-persuna kkonċernata tippreżenta elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u konkordanti li jistgħu jqanqlu mistoqsijiet leġittimi dwar ir-rispett ta’ dan id-dritt. Konsegwentement, il-Kunsill ma jistax jinvoka, bi tweġiba għall-allegazzjonijiet tar-rikorrent, il-fatt li dan tal-aħħar qatt ma ppreżentalu tali elementi qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet 2018/141 u 2019/135.

129    Min-naħa l-oħra, l-elementi li fuqhom ibbaża ruħu l-Kunsill sabiex iżomm l-indikazzjoni tar-rikorrent fil-lista kontenzjuża sa mill‑2011 ma kinux jippermettulu jeskludi kull riskju ta’ ksur tad-dritt tar-rikorrent li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli.

130    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, sabiex iżomm lir-rikorrent fil-lista kontenzjuża, il-Kunsill ibbaża ruħu, essenzjalment, fuq id-dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet Tuneżini tal‑4 ta’ Novembru 2013, tad‑19 ta’ Diċembru 2014, tal‑20 ta’ Ottubru 2015, tat‑2 ta’ Settembru 2016, tat‑18 ta’ Ottubru 2017 u tat‑13 ta’ Settembru 2018, li huwa kkomunika lir-rikorrent fil-kuntest tal-adozzjoni suċċessiva tad-Deċiżjonijiet 2014/49, 2015/157, 2016/119, 2017/153, 2018/141 u 2019/135.

131    Issa, dawn id-dikjarazzjonijiet jillimitaw ruħhom li jiċċertifikaw li l-istruttorja tal-kawża bin-numru ta’ referenza 19592/1, li tikkonċerna lir-rikorrent, għadha għaddejja u li jelenkaw il-reati li ġie mħarrek għalihom. Din l-informazzjoni, evidentement, għalhekk ma hijiex suffiċjenti sabiex il-Kunsill ikun jista’ jevalwa r-riskju ta’ ksur tar-rispett tad-dritt tar-rikorrent li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli u, għaldaqstant, din ma tistax tissostanzja l-affermazzjoni ta’ din l-istituzzjoni li tgħid li ma jeżisti l-ebda element oġġettiv, affidabbli, preċiż u konkordanti li jista’ jqanqal mistoqsijiet leġittimi f’dan ir-rigward.

132    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, anki fil-każ fejn is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il-Kunsill (C‑530/17 P, EU:C:2018:1031), għandha tiġi interpretata fis-sens li l-obbligu, għall-Kunsill, li jiżgura r-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent ma huwiex inkundizzjonali, il-Kunsill kellu, fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet 2018/141 u 2019/135, elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u konkordanti li jistgħu jqanqlu mistoqsijiet leġittimi dwar in-natura ġġustifikata tat-tul tal-investigazzjoni ġudizzjarja li tikkonċerna lir-rikorrent fit-Tuneżija. Issa, it-tul tal-proċedura ġudizzjarja jikkostitwixxi element ċentrali, minkejja li ma huwiex l-uniku, għall-evalwazzjoni tar-rispett tad-dritt li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli.

133    F’dan ir-rigward, minn naħa, bħalma enfasizza r-rikorrent, barra minn hekk, fl-ittra tiegħu tal‑20 ta’ Diċembru 2018 indirizzata lill-Kunsill, l-investigazzjoni ġudizzjarja mwettqa mill-awtoritajiet Tuneżini fil-konfront tiegħu, li hija bbażata fuqha l-indikazzjoni tiegħu fil-lista kontenzjuża, ilha miftuħa mis-sena 2011 u sal-lum ma wasslet għall-ebda deċiżjoni ġudizzjarja. Issa, għandu jiġi kkonstatat li dan is-sempliċi fatt jikkostitwixxi element li jista’ jqanqal mistoqsijiet leġittimi dwar ir-raġunijiet għalfejn din l-investigazzjoni ma waslitx fi tmiemha, fir-rigward tar-rikorrent, wara perijodu ta’ seba’ jew tmien snin.

134    Min-naħa l-oħra, bħalma diġà ġie kkonstatat fil-punt 123 iktar ’il fuq, mit-tweġiba bil-miktub tal-Kunsill tas‑16 ta’ Marzu 2020 jirriżulta li dan tal-aħħar f’Ottubru 2017 u f’Ottubru 2018 kiseb informazzjoni, min-naħa tal-awtoritajiet Tuneżini, dwar l-istat tal-progress tal-kawża bin-numru ta’ referenza 19592/1, li hija relatata mal-investigazzjoni ġudizzjarja li tikkonċerna lir-rikorrent.

135    Madankollu, bħalma diġà ġie rrilevat fl-istess punt 123 iktar ’il fuq, għalkemm il-miżuri proċedurali msemmija fl-iskeda informattiva mibgħuta mill-awtoritajiet Tuneżini kienu relatati ma’ persuni oħra ikkonċernati mill-istess investigazzjoni, l-ebda waħda ma kienet relatata speċifikament mar-rikorrent. Din l-informazzjoni, li, skont id-dikjarazzjonijiet rispettivi tal-Kunsill, ma kinitx ġiet ikkomunikata lir-rikorrent, setgħet għalhekk tqanqal mistoqsijiet dwar jekk, mill‑2011, kinux twettqu atti proċedurali speċifikament fir-rigward tar-rikorrent u, jekk ikun il-każ, għal-liema raġunijiet dan ma kienx il-każ.

136    Konsegwentement, il-Kunsill, fi kwalunkwe każ, kellu għad-dispożizzjoni tiegħu elementi li jistgħu jqanqlu, min-naħa tiegħu, mistoqsijiet leġittimi dwar it-tul tal-investigazzjoni u l-eżistenza ta’ attività proċedurali effettiva tal-awtoritajiet Tuneżini speċifikament fir-rigward tar-rikorrent u, konsegwentement, ta’ natura li jiġġustifikaw li huwa jwettaq il-verifiki xierqa.

137    Fit-tielet lok, kif ġie mfakkar fil-punt 105 iktar ’il fuq, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-qasam tal-miżuri restrittivi, fil-każ ta’ kontestazzjoni, hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha l-oneru li tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuna kkonċernata, u ma hijiex din tal-aħħar li għandha tipproduċi prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza ta’ dawn il-motivi.

138    F’dan il-każ, ċertament, kif jafferma l-Kunsill, l-argument tar-rikorrent dwar l-assenza, sa mill‑2011, ta’ attività proċedurali li tikkonċernah, min-naħa tal-awtoritajiet ġudizzjarji Tuneżini, ma jistax, fih innifsu, jippermetti konklużjoni dwar ksur, minn dawn l-istess awtoritajiet, tad-dritt tiegħu li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli.

139    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li mill-ebda dokument relatat mal-istat tal-proċedura fit-Tuneżija li ġie kkomunikat lill-Kunsill qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet 2018/141 u 2019/135 ma tirriżulta l-eżistenza ta’ attività proċedurali relatata speċifikament mar-rikorrent. Issa, l-assenza ta’ tali attività matul perijodu ta’ seba’ jew tmien snin konsekuttivi jeħtieġ li tiġi ġġustifikata minn ċirkustanzi partikolari rispettivi għall-kawża fil-kuntest li fih huwa implikat ir-rikorrent, jew saħansitra rispettivi għar-rikorrent innifsu. B’mod partikolari, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk, bħalma jsostni r-rikorrent, huwa qatt ġiex mismugħ jew saħansitra msejjaħ jidher quddiem qorti u jekk qatt kienx is-suġġett ta’ xi att ta’ investigazzjoni u, jekk dan kien il-każ, għal-liema raġunijiet huwa qatt ma kien is-suġġett, sal-lum, ta’ tali miżuri. Fil-fatt, fl-assenza ta’ tali ġustifikazzjonijiet, din l-assenza ta’ progress tal-proċedura ġudizzjarja fir-rigward tar-rikorrent matul perijodu daqstant twil ma tistax, bħalma diġà ġie rrilevat fil-punt 133 iktar ’il fuq, ma tqanqalx mistoqsijiet leġittimi dwar ir-rispett tad-dritt tiegħu li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli.

140    Konsegwentement, fin-nuqqas, għall-Kunsill, li jipproduċi l-prova li, matul l-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet 2018/141 u 2019/135, huwa kellu informazzjoni tan-natura ta’ dik deskritta fil-punt 139 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkunsidrat li huwa ma setax jipproċedi għal evalwazzjoni korretta tar-rispett, mill-awtoritajiet Tuneżini, tad-dritt tar-rikorrent li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli. Konsegwentement, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li, fil-mument meta dawn id-deċiżjonijiet ġew adottati rispettivament, huwa ma kellu l-ebda element oġġettiv, affidabbli, preċiż u konkordanti li seta’ jqanqal mistoqsijiet leġittimi f’dan ir-rigward, il-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni li jista’ jwassal għall-annullament tal-imsemmija deċiżjonijiet.

141    Ċertament, fil-kuntest tat-tweġiba tiegħu għat-tielet parti tat-tieni motiv tar-rikors, il-Kunsill jirreferi għall-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 224 tas-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2017, Mabrouk vs Il‑Kunsill (T‑175/15, EU:T:2017:694), u fil-punt 55 tas-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, Mabrouk vs Il‑Kunsill (T‑216/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:779), ibbażati fuq dokumenti li jikkonċernaw l-istat u l-progress tal-proċedura ġudizzjarja fil-kawża bin-numru ta’ referenza 19592/1, li tikkonċerna lil numru kbir ta’ persuni, fosthom lir-rikorrent fil-kawżi li taw lok għal dawk is-sentenzi kif ukoll lir-rikorrent f’din il-kawża.

142    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-konstatazzjonijiet inkwistjoni, li jgħidu li l-Kunsill kien wettaq verifika fil-fond tal-istat tal-investigazzjoni ġudizzjarja li tikkonċerna lir-rikorrent f’dawn il-kawżi qabel ma ġedded l-indikazzjoni ta’ dan tal-aħħar fil-lista kontenzjuża, kienu bbażati, b’mod partikolari, fuq il-produzzjoni, minn din l-istituzzjoni, ta’ dokumenti li ġejjin mill-awtoritajiet Tuneżini li juru t-twettiq, minn dawn tal-aħħar, ta’ atti proċedurali relattivament reċenti, fid-dawl tad-data tad-deċiżjonijiet kontenzjużi f’dawn il-kawżi, u li jikkonċernaw speċifikament lil din il-persuna.

143    Għalhekk, fil-punt 204 tas-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2017, Mabrouk vs Il‑Kunsill (T‑175/15, EU:T:2017:694), il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-dokumenti li ġejjin mill-awtoritajiet Tuneżini kienu jsemmu interrogatorji tar-rikorrent f’din il-kawża, min-naħa tal-qorti istruttorja li kellha ġurisdizzjoni, bid-dati tal‑15 u l-21 ta’ Frar 2012 u tal‑14 ta’ Mejju 2014.

144    Bl-istess mod, fil-punt 54 tas-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, Mabrouk vs Il‑Kunsill (T‑216/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:779), il-Qorti Ġenerali kkonstatat li mid-dokumenti miżmuma mill-Kunsill qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi f’din il-kawża kien jirriżulta li r-rikorrent f’dan il-każ kien is-suġġett ta’ smiegħ li seħħ fis‑27 ta’ Settembru 2016 mill-maġistrat istruttur Tuneżin kompetenti, wara li l-awtoritajiet Franċiżi kienu bagħtu, fit‑23 ta’ Mejju 2016, atti proċedurali mwettqa minn dawn tal-aħħar fil-kuntest tal-ittri rogatorji, wara talbiet mill-awtoritajiet Tuneżini bid-data tad‑19 ta’ Jannar 2011 u l-10 ta’ Jannar 2012.

145    Madankollu, f’dan il-każ, il-Kunsill ma jsostnix li huwa sar jaf, qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet 2018/141 u 2019/135, b’dokumenti li jsemmu atti proċedurali analogi speċifikament fir-rigward tar-rikorrent. B’mod partikolari, kif ġie kkonstatat ripetutament (ara l-punti 123, 135 u 139 iktar ’il fuq), id-dokumenti mibgħuta mill-awtoritajiet Tuneżini f’Ottubru 2017 u f’Ottubru 2018, prodotti fil-proċess tal-kawża mill-Kunsill fil-kuntest tat-tweġiba bil-miktub tiegħu tas‑16 ta’ Marzu 2020, ma juru l-ebda attività proċedurali speċifika fir-rigward ta’ din il-persuna.

146    Huwa veru li l-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 224 tas-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2017, Mabrouk vs Il‑Kunsill (T‑175/15, EU:T:2017:694), u fil-punt 55 tas-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, Mabrouk vs Il‑Kunsill (T‑216/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:779), invokati mill-Kunsill, kienu bbażati wkoll fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-attività proċedurali mwettqa, b’mod ġenerali, fi ħdan l-investigazzjoni ġudizzjarja li tikkonċerna lir-rikorrent f’din il-kawża, li kienet tikkonċerna wkoll numru kbir ta’ persuni oħra, u mhux biss atti proċedurali relatati speċifikament mal-imsemmi rikorrent. Il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari kkonkludiet li d-dokumenti li ġew mgħarrfa lill-Kunsill mill-awtoritajiet Tuneżini kienu intiżi sabiex jenfasizzaw l-eżistenza ta’ attività proċedurali effettiva fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-kawża li fiha kien involut ir-rikorrent inkwistjoni kif ukoll il-kumplessità tagħha minħabba n-numru ta’ persuni kkonċernati u l-miżuri ta’ investigazzjoni meħtieġa, b’mod partikolari mill-ittri rogatorji internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2017, Mabrouk vs Il‑Kunsill, T‑175/15, EU:T:2017:694, punti 205 u 222, u tal‑15 ta’ Novembru 2018, Mabrouk vs Il‑Kunsill, T‑216/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:779, punt 52).

147    Dan espost, ma hijiex l-attività proċedurali mwettqa, b’mod ġenerali, mill-awtoritajiet Tuneżini li ppermettiet, waħedha, li l-Qorti Ġenerali tikkonkludi dwar l-eżistenza ta’ attività proċedurali effettiva, iżda wkoll l-atti proċedurali speċifiċi għar-rikorrent fil-kawżi inkwistjoni. Issa, għar-raġunijiet esposti ripetutament iktar ’il fuq, l-assenza ta’ riferiment għal tali atti proċedurali speċifiċi, f’dan il-każ, ma tippermettix li tinsilet konklużjoni analoga.

148    Għalhekk hemm lok li jiġi konkluż li l-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni relatat mal-kwistjoni dwar jekk id-dritt tar-rikorrent li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli kienx ġie rrispettat, ta’ natura li jwassal għall-annullament tad-Deċiżjonijiet 2018/141 u 2019/135. Madankollu, għandha tiġi eżaminata wkoll it-tielet parti tat-tieni motiv.

c)      Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ verifiki supplimentari magħmula mill-Kunsill

149    Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjonijiet suċċessivi ta’ tiġdid tal-indikazzjoni tiegħu fil-lista kontenzjuża huma bbażati fuq dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet Tuneżini li huma sommarji u inkompleti, u kultant mhux iffirmati. Huwa jsostni li, minkejja l-osservazzjonijiet tiegħu, li jgħidu li l-proċedura ġudizzjarja li tikkonċernah ma kinitx bdiet formalment, il-Kunsill sa mill‑2011 ma wettaq l-ebda verifika tal-istat tal-investigazzjoni u lanqas ma talab informazzjoni supplimentari. Issa, fil-fehma tiegħu, jeżisti riskju, f’tali sitwazzjoni, ta’ tiġdid indefinit tal-miżuri restrittivi. Barra minn hekk, ir-repetizzjoni, mill-awtoritajiet Tuneżini, tal-istess informazzjoni, kull sena, mingħajr element ġdid relatat mal-iżvolġiment tal-proċedura ġudizzjarja inkwistjoni, iddgħajjef l-affidabbiltà ta’ din l-informazzjoni. B’mod partikolari, skont ir-rikorrent, il-Kunsill kellu jitlob informazzjoni dwar ir-raġunijiet għas-sospensjoni tal-imsemmija proċedura u dwar it-tul ta’ din tal-aħħar. Huwa jikkonkludi li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qies li ma kienx obbligat iwettaq verifiki supplimentari. Fir-replika, huwa jibbaża ruħu fuq l-istess argumenti bħal dawk imressqa insostenn tat-tieni parti tat-tielet motiv.

150    Il-Kunsill iqis li huwa wettaq il-verifiki meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżistenza ta’ investigazzjoni ġudizzjarja pendenti mibdija fil-konfront tar-rikorrent għall-fatti kwalifikabbli bħala miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi Tuneżini, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/72. Huwa jafferma li r-rikorrent ma jikkontestax l-eżistenza ta’ tali investigazzjoni. Barra minn hekk, huwa jsostni li, sabiex jadotta d-Deċiżjonijiet 2018/141 u 2019/135, huwa bbaża ruħu fuq dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet Tuneżini relatati ma’ tali investigazzjonijiet. Barra minn hekk, huwa jafferma li, fil-punt 224 tas-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2017, Mabrouk vs Il‑Kunsill (T‑175/15, EU:T:2017:694), u fil-punt 55 tas-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, Mabrouk vs Il‑Kunsill (T‑216/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:779), il-Qorti Ġenerali kkonstatat li huwa kien wettaq verifika fil-fond tal-istat tal-investigazzjoni fil-kawża bin-numru ta’ referenza 19592/1, li fiha r-rikorrent kien implikat ukoll. Finalment, huwa jtenni l-argumenti mressqa fil-kuntest tat-tweġiba tiegħu għat-tieni parti tat-tielet motiv.

151    B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm ir-rikorrent u l-Kunsill ittrattaw it-tieni parti tat-tielet motiv flimkien mat-tielet parti tal-istess motiv tar-rikors rispettivament fir-replika u fil-kontroreplika, dawn il-partijiet madankollu jirreferu għal żewġ żbalji ta’ evalwazzjoni separati, l-ewwel waħda relatata mal-evalwazzjoni tar-rispett, mill-awtoritajiet Tuneżini, tad-dritt tar-rikorrent li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli, u t-tieni relatata, essenzjalment, mal-kwistjoni dwar jekk il-Kunsill kellux, fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet 2018/141 u 2019/135, bażi fattwali suffiċjenti sabiex jipproċedi għaż-żamma tal-indikazzjoni tar-rikorrent.

152    B’kunsiderazzjoni ta’ dan, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 25 sa 30, 34 u 37 tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑530/17 P, EU:C:2018:1031), imfakkra fil-punt 113 iktar ’il fuq, dawn iż-żewġ kwistjonijiet huma marbuta mill-qrib u, għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punti 118 sa 147 iktar ’il fuq, din il-parti tat-tieni motiv hija fondata.

153    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, b’mod partikolari, mill-punt 28 tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑530/17 P, EU:C:2018:1031), jirriżulta li, sabiex jiżgura li ż-żamma tal-indikazzjoni tar-rikorrent fil-lista kontenzjuża hija bbażata fuq bażi fattwalment solida biżżejjed, il-Kunsill ma għandux jivverifika biss jekk teżistix proċedura ġudizzjarja pendenti li tikkonċerna lir-rikorrent għall-fatti kwalifikabbli bħala miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, iżda barra minn hekk jekk, fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, ġewx irrispettati d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent.

154    B’mod partikolari, fir-rigward tad-dritt li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli, ġie rrilevat fil-punt 116 iktar ’il fuq li huwa l-Kunsill li għandu jiżgura li kellu elementi suffiċjenti dwar l-istat u l-progress tal-proċedura ġudizzjarja li tikkonċerna lir-rikorrent sabiex jevalwa r-riskju ta’ ksur eventwali ta’ dan id-dritt.

155    Issa, fil-kuntest ta’ din il-parti tat-tieni motiv, ir-rikorrent jikkritika preċiżament lill-Kunsill talli ma wettaqx verifiki dwar l-istat u l-progress tal-proċedura ġudizzjarja li tikkonċernah, meta, fil-fehma tiegħu, din il-proċedura ma kinitx għaddejja fil-konfront tiegħu u li kienet ilha għaddejja sa mill-2011.

156    Konsegwentement, f’dan il-każ, il-Kunsill ma jistax jillimita ruħu li jsostni, bi tweġiba għall-allegazzjonijiet tar-rikorrent, li huwa biss obbligat li jivverifika l-eżistenza ta’ investigazzjoni ġudizzjarja pendenti li tikkonċernah għall-fatti kwalifikabbli bħala miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/72, u tali argument għandu jiġi miċħud mill-ewwel.

157    Fir-rigward tar-riferiment għall-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 224 tas-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2017, Mabrouk vs Il‑Kunsill (T‑175/15, EU:T:2017:694), u fil-punt 55 tas-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, Mabrouk vs Il‑Kunsill (T‑216/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:779), huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, għal raġunijiet simili għal dawk esposti fil-punti 142 sa 147 iktar ’il fuq, dan ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi li l-Kunsill wettaq verifiki suffiċjenti dwar l-istat u l-progress tal-proċedura ġudizzjarja li tikkonċerna lir-rikorrent.

158    Konsegwentement, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kunsill ma weriex li huwa kellu, fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet 2018/141 u 2019/135, bażi fattwali suffiċjenti sabiex jipproċedi għat-tiġdid tal-indikazzjoni tar-rikorrent, fl-assenza ta’ elementi relatati mal-istat u mal-progress tal-proċedura ġudizzjarja li tikkonċernah speċifikament. Għalhekk għandu jiġi konkluż li l-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta qies li ma kienx obbligat iwettaq verifiki supplimentari f’dan ir-rigward. It-tielet parti tat-tieni motiv hija għalhekk fondata.

159    L-eżami tat-tieni u t-tielet partijiet tat-tieni motiv tar-rikors iwasslu għall-konklużjoni li dawn il-partijiet huma fondati, fir-rigward kemm tad-Deċiżjoni 2018/141 kif ukoll tad-Deċiżjoni 2019/135. Konsegwentement, mingħajr il-bżonn li tiġi eżaminata l-ewwel parti tat-tieni motiv jew inkella l-ewwel u t-tielet motivi, jew li jiġi vverifikat, ex officio, fid-dawl tal-prinċipji esposti fil-punti 83 sa 106 iktar ’il fuq, jekk l-obbligu ta’ motivazzjoni ġiex irrispettat fir-rigward ta’ dawn id-deċiżjonijiet, hemm lok li dawn jiġu annullati sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrent.

160    Issa, għandha tiġi eżaminata t-talba tal-Kunsill intiża għaż-żamma tal-effetti tad-deċiżjonijiet ikkontestati, mill-inqas sa fejn din it-talba tikkonċerna d-Deċiżjonijiet 2018/141 u 2019/135, peress li l-imsemmija talba, barra minn hekk, ma għandhiex skop fir-rigward tad-Deċiżjoni 2020/117, peress li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 76 iktar ’il fuq, li kien hemm lok li r-rikors jiġi miċħud sa fejn dan kien dirett kontra din l-aħħar deċiżjoni.

2.      Fuq it-talba tal-Kunsill intiża sabiex il-Qorti Ġenerali żżomm l-effetti tad-deċiżjonijiet ikkontestati fil-konfront tar-rikorrent sal-iskadenza tat-terminu tal-appell jew, jekk jiġi ppreżentat appell, saċ-ċaħda tiegħu, sa fejn din it-talba tikkonċerna d-Deċiżjonijiet 2018/141 u 2019/135

161    Il-Kunsill isostni li, fil-każ ta’ annullament tad-Deċiżjonijiet 2018/141 u 2019/135, l-effett immedjat ta’ dan jirriskja li jippreġudika b’mod irriversibbli l-effikaċja ta’ kwalunkwe ffriżar ulterjuri possibbli tal-assi tar-rikorrent billi jippermetti lil dan tal-aħħar jittrasferixxi kompletament jew parzjalment l-assi tiegħu barra mill-Unjoni. Barra minn hekk huwa jqis li ma jistax jiġi eskluż li jkun iġġustifikat li jipproċedi mill-ġdid, fil-futur, għall-indikazzjoni tar-rikorrent fil-lista kontenzjuża. Fil-kontroreplika, huwa jsostni li jeżisti riskju ta’ preġudizzju taċ-ċertezza legali, minħabba differenza bejn id-data tal-annullament parzjali tad-Deċiżjonijiet 2018/141 u 2019/135 u dik tal-annullament parzjali tar-Regolament Nru 101/2011.

162    Ir-rikorrent jopponi l-fatt li l-Qorti Ġenerali tillimita l-effetti tal-annullament tad-Deċiżjonijiet 2018/141 u 2019/135 fis-sens mitlub mill-Kunsill. Huwa jsostni li huwa ilu jikkontesta l-iffriżar tal-assi tiegħu sa mill‑2011 u li talab proċedura mħaffa, fid-dawl tat-tul tagħha u tas-sitwazzjoni materjali prekarja tiegħu. Iż-żamma tal-effetti tal-imsemmija deċiżjonijiet, fil-każ ta’ annullament, jikkostitwixxu ksur tad-dritt tiegħu li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli u tiġdid mhux iġġustifikat tal-miżuri nnifishom mingħajr ġustifikazzjoni. Barra minn hekk, huwa jafferma li ma għandux assi x’jittrasferixxi u li huwa stess ma jistax joħroġ mill-Unjoni.

163    F’dan ir-rigward, tqum il-kwistjoni dwar jekk, kif isostni l-Kunsill, il-konsegwenzi tal-annullament tad-Deċiżjonijiet 2018/141 u 2019/135 humiex ta’ natura li jippreġudikaw b’mod irriversibbli l-effikaċja ta’ ffriżar ulterjuri possibbli tal-assi tar-rikorrent, fl-ipoteżi fejn din l-istituzzjoni tikkunsidra bħala ġġustifikat li terġa’ timplimenta tali miżura.

164    Għandu jitfakkar li s-sentenzi li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali tannulla deċiżjoni ta’ istituzzjoni jew ta’ korp tal-Unjoni jipproduċu, bħala prinċipju, effett immedjat, ħlief jekk, fuq il-bażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li żżomm b’mod provviżorju l-effetti tad-deċiżjoni annullata. Għalhekk, fl-assenza ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, id-deċiżjoni annullata tiġi eliminata b’mod retroattiv mill-ordinament ġuridiku u titqies daqslikieku qatt ma eżistiet (sentenza tat‑2 ta’ April 2014, Ben Ali vs Il‑Kunsill, T‑133/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:176, punt 83).

165    Madankollu, f’dan il-każ, huma biss id-Deċiżjonijiet 2018/141 u 2019/135 li għandhom jiġu annullati u, peress li r-rikors għandu jiġi miċħud sa fejn jirrigwarda d-Deċiżjoni 2020/117 għar-raġunijiet indikati fil-punti 68 sa 76 iktar ’il fuq, din tal-aħħar ser tibqa’ fis-seħħ wara l-qari ta’ din is-sentenza.

166    Issa, id-Deċiżjoni 2020/117 ma hijiex limitata għat-tiġdid tal-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista kontenzjuża, iżda ssostitwixxiet, bħalma huwa indikat fil-punt 14 iktar ’il fuq, l-Anness tad-Deċiżjoni 2011/72, u għalhekk, b’mod partikolari, l-imsemmija lista, b’anness ġdid. Għalhekk hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-annullament tad-Deċiżjonijiet 2018/141 u 2019/135 ma huwiex ser ikollu l-effett li jwassal, b’effett immedjat sa mill-qari tas-sentenza, għat-tħassir ta’ isem ir-rikorrent mil-lista tal-persuni u tal-entitajiet li jinsabu fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/72, inkluża fil-Parti A ta’ dan l-anness il-ġdid.

167    Ċertament, fid-dawl tal-motivi ta’ din is-sentenza li jikkostitwixxu l-appoġġ neċessarju tal-annullament tad-Deċiżjonijiet 2018/141 u 2019/135, previsti fil-punti 111 sa 158 iktar ’il fuq, fid-data tal-qari tagħha, il-Kunsill għandu, konformement mal-Artikolu 226 TFUE, jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza, jiġifieri, f’dan il-każ, jeżamina mill-ġdid l-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/72 fid-dawl ta’ dawn il-motivi. Għalhekk, il-Kunsill jista’, fi tmiem dan l-eżami mill-ġdid, iħassar din l-inklużjoni, fl-ipoteżi fejn ma jkunx diġà rrimedja għan-nuqqasijiet ikkonstatati mill-Qorti Ġenerali fl-imsemmija motivi.

168    Madankollu, minn naħa, tali tħassir ma jistax jirriżulta awtomatikament minn din is-sentenza u huwa l-Kunsill li għandu, jekk ikun il-każ, iwettaq dan it-tħassir. Min-naħa l-oħra, fl-ipoteżi fejn, qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2020/117, ikun diġà rrimedja għan-nuqqasijiet ikkonstatati minn din is-sentenza, il-Kunsill jista’, fi tmiem dan l-istess eżami mill-ġdid, jiddeċiedi li jżomm lir-rikorrent fil-lista li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/72. Huwa veru li tali deċiżjoni, li, barra minn hekk, huwa l-Kunsill li għandu jikkomunikaha lir-rikorrent u jimmotivaha suffiċjentement skont id-dritt, ma tikkostitwixxix att purament konfermattiv u għalhekk tista’ tiġi kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2017, Mabrouk vs Il‑Kunsill, T‑175/15, EU:T:2017:694, punt 155 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’kunsiderazzjoni ta’ dan, huwa biss fil-kuntest ta’ rikors ġdid eventwali kontra din id-deċiżjoni li l-inklużjoni tar-rikorrent fl-imsemmija lista tista’ tintemm.

169    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kunsill ma jurix li l-annullament tad-Deċiżjonijiet 2018/141 u 2019/135, b’effett immedjat, jista’ jippreġudika b’mod irriversibbli l-effikaċja tal-iffriżar tal-assi tar-rikorrent. Iż-żamma tal-effetti tal-imsemmija deċiżjonijiet għalhekk ma tidhirx iġġustifikata. Konsegwentement, ma hemmx lok li t-talba tal-Kunsill f’dan ir-rigward tintlaqa’.

 Fuq l-ispejjeż

170    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

171    F’dan il-każ, peress li l-Kunsill, essenzjalment, tilef, għalhekk hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet tar-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESC) 2018/141 tad29 ta’ Jannar 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2011/72/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/135 tat28 ta’ Jannar 2019 li temenda d-Deċiżjoni 2011/72/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija, huma annullati sa fejn dawn jikkonċernaw lil Slim Ben Tijani Ben Haj Hamda Ben Ali.

2)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

3)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, l-ispejjeż sostnuti minn S. Ben Ali.

Costeira

Gratsias

Kancheva

Berke

 

      Perišin

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑28 ta’ Ottubru 2020.

Ir-Reġistratur

 

Il-President

E. Coulon

 

M. J. Costeira


Werrej


I. Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-kuntest fattwali

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

III. Id-dritt

A. Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għall-annullament tad-Deċiżjonijiet 2019/135 u 2020/117

1. Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għall-annullament tad-Deċiżjoni 2019/135

2. Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għall-annullament tad-Deċiżjoni 2020/117

B. Fuq il-mertu

1. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji “manifesti” ta’ evalwazzjonijiet

a) Kunsiderazzjonijiet preliminari

b) Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-iżball ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tar-rispett, mill-awtoritajiet Tuneżini, tad-dritt tar-rikorrent li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli

c) Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ verifiki supplimentari magħmula mill-Kunsill

2. Fuq it-talba tal-Kunsill intiża sabiex il-Qorti Ġenerali żżomm l-effetti tad-deċiżjonijiet ikkontestati fil-konfront tar-rikorrent sal-iskadenza tat-terminu tal-appell jew, jekk jiġi ppreżentat appell, saċ-ċaħda tiegħu, sa fejn din it-talba tikkonċerna d-Deċiżjonijiet 2018/141 u 2019/135

Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.