Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Ottubru 2021 – Zegers vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-663/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Tanja Zegers (Hoeilaart, il-Belġju) (rappreżentant: C. Bernard-Glanz, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta tat-3 ta’ Diċembru 2020, li tiċħad it-talba tar-rikorrenti għat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni u, inkwantu neċessarju, id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni, fuq ksur tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, u fuq ksur tal-prinċipju nemo auditur propriam turpitudinem allegans, inkwantu:

billi tafferma li d-drittijiet għall-pensjoni li hija talbet it-trasferiment tagħhom ikunu nkisbu wara d-dħul tagħha fis-servizz tal-Unjoni, għaliex il-parteċipazzjoni tagħha mal-Algemeen Burgerlijk Pensioen-Fonds (iktar ’il quddiem l-“ABP”) intemmet fil-31 ta’ Jannar 2015, mingħajr ma tagħmel distinzjoni bejn il-perijodi mill-1 ta’ Lulju 1992 sal-31 ta’ Diċembru 2010 u mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni injorat perijodu ta’ tmintax-il sena u sitt xhur ta’ drittijiet għall-pensjoni li jistgħu jiġu ttrasferiti, u b’hekk wettqet żball fl-evalwazzjoni tal-fatti u ksur tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal;

billi tonqos milli tiżgura li l-ABP, jew il-korp ta’ superviżjoni tiegħu fi ħdan l-Istat tal-Pajjiżi l-Baxxi, jipprovdi l-kalkolu meħtieġ, il-Kummissjoni ma tistax leġittimament tiċħad it-talba tar-rikorrenti għat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni, għaliex dan jammonta għall-kisba ta’ vantaġġ min-nuqqas tagħha stess, bi ksur tal-prinċipju ta’ nemo auditur propriam turpitudinem allegans.

____________