Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Lulju 2023 – Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-445/23)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrent: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: B. Majczyna, bħala aġent)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla, fl-intier tagħha, id-Deċiżjoni (UE) 2023/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2023 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 fir-rigward tal-għadd ta’ kwoti li għandhom jitqiegħdu fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq għas-sistema tal-Unjoni għan-negozjar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2030 1 ;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

1. Motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 192(2)(c) TFUE

Fil-fehma tal-Polonja, l-istituzzjonijiet konvenuti kisru l-Artikolu 192(2)(c) TFUE billi naqsu milli jadottaw id-deċiżjoni kkontestata abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat, li teħtieġ l-unanimità fil-Kunsill, minkejja l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata taffettwa b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu.

2. Motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ solidarjetà fil-qasam tal-enerġija stabbilit fl-Artikolu 194(1)(b) TFUE

Fil-fehma tal-Polonja, l-istituzzjonijiet konvenuti kisru l-Artikolu 194(1)(b) TFEU billi żammew, għas-snin 2024-2030, il-valuri indikati fl-Artikolu 1(5) tad-Deċiżjoni 2015/1814 – att li jhedded is-sigurtà tal-enerġija tal-Polonja – mingħajr ma qiesu l-interessi tal-Istati Membri individwali li jistgħu jiġu affettwati u mingħajr ma bbilanċjaw l-interessi tagħhom mal-interessi tal-Unjoni.

3. Motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 3(1) u (3) TUE permezz tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2023/852, li tnaqqas il-benesseri tal-popli tal-Unjoni u l-koeżjoni soċjali fost l-Istati Membri

Fil-fehma tal-Polonja, l-istituzzjonijiet konvenuti kisru l-Artikolu 3(1) u (3) TUE billi adottaw id-Deċiżjoni 2023/852, li tista’ twassal għal tnaqqis fl-impjiegi fil-minjieri u żieda fil-qgħad u, bħala riżultat, għal inugwaljanza soċjali ikbar bejn l-Istati Membri u żieda fl-esklużjoni soċjali.

4. Motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 13(2) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2015/1814, permezz ta’ evalwazzjoni tal-impatt inadegwata, kif ukoll fuq il-ksur allegat tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (l-Artikolu 5(4) TUE)

Fil-fehma tal-Polonja, l-istituzzjonijiet konvenuti kisru l-Artikolu 13(2) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2015/1814, billi adottaw id-Deċiżjoni 2023/852 abbażi ta’ evalwazzjoni tal-impatt mhux kompluta, skaduta u żbaljata li tħejjiet bl-użu ta’ data li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-attakk armat tar-Russja fuq l-Ukraina u l-kriżi tal-enerġija li rriżultat minn dan. L-istituzzjonijiet konvenuti aġixxew ukoll bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (l-Artikolu 5(4) TUE) billi żammew, għas-snin 2024-2030, il-valuri indikati fl-Artikolu 1(5) tad-Deċiżjoni 2015/1814, mingħajr ma wettqu analiżijiet affidabbli li jiġġustifikaw tali deċiżjoni.

____________

1     ĠU 2023, L 110, p. 21.