Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili (Malta) fl-14 ta’ Lulju 2023 – FB vs European Lotto and Betting Ltd u Deutsche Lotto-und Sportwetten ltd.

(Kawża C-440/23, European Lotto and Betting u Deutsche Lotto- und Sportwetten)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: FB

Konvenuti: European Lotto and Betting Ltd u Deutsche Lotto-und Sportwetten ltd.

Domandi preliminari

1.     L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat bħala li l-ksur tal-libertà ta’ servizzi permezz ta’ projbizzjoni ġenerali ta’ slots online fl-Istat Membru tal-konsumatur (l-Istat ta’ destinazzjoni) lejn operaturi tal-każinò online li huma liċenzjati u rregolati fl-Istat ta’ oriġini tagħhom (Malta) ma jistax ikun ġġustifikat b’raġunijiet imperattivi tal-ġid komuni,

-    jekk l-Istat Membru ta’ destinazzjoni fl-istess ħin qiegħed jippermetti logħob tal-ażżard simili, liema logħob huwa pprovdut fi stabbilimenti fiżiċi kullimkien bi slots liċenzjati misjuba fi swali tal-logħob diġitali u ristoranti għal operaturi privati, logħob tal-ażżard iktar intensiv f’każinòs li jinsabu fi stabbilimenti fiżiċi, operazzjonijiet liċenzjati tal-lotterija nazzjonali operati mil-lotteriji tal-Istat f’iktar minn 20,000 ħanut aġent li jindirizzaw lill-pubbliku, u

-    li jippermetti operazzjonijiet liċenzjati ta’ logħob tal-azzard online għal operaturi privati ta’ attività ta’ imħatri sportivi u imħatri marbuta mat-tiġrijiet taż-żwiemel u għal brokers privati tal-lotterija online li jbiegħu l-prodotti tal-lotteriji proprjetà tal-Istat u ta’ lotteriji liċenzjati oħrajn,

filwaqt li l-istess Stat Membru – kuntrarju għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fi C-148/15 1 Deutsche Parkinson (punt 35), C-316/07 2 Markus Stoß u C-42/02 3 Lindman – apparentement ma pprovdiex prova xjentifika li turi li hemm perikoli speċifiċi f’dawn il-logħob li jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-kisba tal-għanijiet mfittxija mir-regolamenti tiegħu, b’mod partikolari l-prevenzjoni ta’ attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard problematiku,

u li fid-dawl ta’ dawn il-perikoli, li l-projbizzjoni tiġi ristretta għal slots online – b’kuntrast għall-offerti kollha tal-logħob tal-ażżard li huma permessi għal slots online u slots pprovduti fi stabbilimenti fiżiċi – tista’ titqies xierqa, obbligatorja u proporzjonata sabiex jintlaħqu l-għanijiet regolatorji.

2.    L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ projbizzjoni totali ta’ attività tal-każinò online inkluża fil-paragrafu 4(1) u (4) tat-Trattat Inter-Statali Ġermaniż dwar il-Logħob tal-Ażżard (iktar ’il quddiem il-“GlüStV”) jekk ir-regolament Ġermaniż dwar il-logħob tal-ażżard (it-Trattat Statali dwar il-Logħob tal-Ażżard, iktar ’il quddiem il-“GlüStV”), skont il-punt 1 tiegħu, ma għandux l-iskop ta’ projbizzjoni totali tal-logħob tal-ażżard, iżda li “jmexxi l-istint naturali tal-attività tal-logħob tal-ażżard tal-popolazzjoni lejn sistemi ordnati u sistemi ta’ superviżjoni kif ukoll li jikkontrobilanċja l-iżvilupp u l-firxa tal-attività ta’ logħob tal-ażżard mhux awtorizzata fi swieq illegali” u talba kunsiderevoli minn ġugaturi ta’ slots online teżisti?

3.    L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat b’tali mod li projbizzjoni ġenerali ta’ offerti ta’ każinò online ma tistax tiġi applikata jekk

-    gvernijiet fl-Istati Federali kollha ta’ dan l-Istat Membru diġà ftehmu li l-perikoli ta’ tali offerti ta’ logħob tal-ażżard online jistgħu jiġu miġġielda b’mod iktar effettiv permezz ta’ sistema ta’ approvazzjoni uffiċjali minn qabel milli permezz ta’ projbizzjoni totali

-    fasslu u ftehmu fuq il-qafas regolamentari futur permezz ta’ trattat statali korrispondenti li jissostitwixxi l-projbizzjoni totali b’sistema ta’ approvazzjoni minn qabel,

-    u b’antiċipazzjoni ta’ dan ir-regolament futur, jiddeċiedu li jaċċettaw offerti korrispondenti ta’ attività ta’ logħob tal-ażżard mingħajr permess Ġermaniż suġġett għall-osservanza ta’ ċerti rekwiżiti sakemm jinħarġu liċenzji Ġermaniżi,

għalkemm skont C-409/06 1 Winner Wetten, id-dritt tal-Unjoni Ewropea ma jistax jiġi temporanjament sospiż.

4.    L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat b’tali mod li Stat Membru (ta’ destinazzjoni) ma jistax jiġġustifika regolament nazzjonali b’raġunijiet imperattivi tal-ġid komuni, jekk

-    dak ir-regolament jipprojbixxi lill-konsumaturi milli jagħmlu imħatri transkonfinali liċenzjati fi Stat Membru ieħor (ta’ oriġini) f’lotteriji liċenzjati fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni li huma permessi u rregolati hemm u

-    jekk il-lotteriji huma liċenzjati fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni u r-regolament għandu l-għan li jipproteġi ġugaturi u minuri

-     u jekk ir-regolament tal-attività liċenzjata tal-imħatri fuq lotteriji fl-Istat Membru ta’ oriġini għandu l-għan ukoll li jipproteġi ġugaturi u minuri u jipprovdi l-istess livell ta’ protezzjoni bħar-regolament tal-lotteriji fl-Istat ta’ destinazzjoni?

5.    L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat b’tali mod li din ir-regola tipprekludi l-irkupru ta’ imħatri mitlufa matul il-parteċipazzjoni f’lotteriji (sekondarji) abbażi tal-affermata illegalità tat-tranżazzjonijiet minħabba n-nuqqas ta’ liċenzja fl-Istat Membru tal-konsumatur, jekk

-    tali liċenzja għal lotteriji (sekondarji) privati hija eskluża fil-liġi,

-    u dik l-esklużjoni hija ġġustifikata mill-qrati nazzjonali b’differenza affermata bejn imħatra magħmula mal-operatur statali fuq l-eżitu ta’ lotterija organizzata mill-Istat u imħatra magħmula ma’ organizzatur privat fuq l-eżitu ta’ lotterija statali?

6.    L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat b’tali mod li jipprekludi l-irkupru ta’ imħatri mitlufa matul parteċipazzjoni f’lotteriji (sekondarji) bbażati fuq l-affermata illegalità tat-tranżazzjonijiet minħabba n-nuqqas ta’ liċenzja fl-Istat Membru tal-konsumatur jekk

-    hemm esklużjoni ta’ tali liċenzja għal lotteriji (sekondarji) privati fil-liġi

-    u jekk dik l-esklużjoni favur l-organizzaturi tal-lotterija tal-Istat hija ġġustifikata mill-qrati nazzjonali b’differenza affermata bejn imħatra magħmula ma’ operatur statali fuq l-eżitu ta’ lotterija organizzata mill-Istat u imħatra magħmula ma’ organizzatur privat fuq l-eżitu tal-istess lotterija tal-istat?

7.    L-Artikolu 56 TFUE u l-projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt C-423/15 1 Niels Kratzer, għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu talba għal rimbors ta’ imħatri mitlufa bbażata fuq in-nuqqas ta’ permess Ġermaniż u arrikkiment indebitu fejn l-organizzatur huwa liċenzjat u jaqa’ taħt is-superviżjoni ta’ awtoritajiet fi Stat Membru ieħor u t-talbiet għall-assi u għall-ħlas tal-ġugatur huma ggarantiti mil-liġi tal-Istat Membru li fih l-organizzatur huwa stabbilit?

____________

1 EU:C:2016:776

1 EU:C:2010:504

1 EU:C:2003:613

1 EU:C:2010:503

1 EU:C:2016:604