Language of document : ECLI:EU:F:2013:56

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

7 ta’ Mejju 2013

Kawża F‑86/11

Robert McCoy

vs

Il-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjoni tal-invalidità – Il-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal – Rifjut li jiġi rrikonoxxut li l-invalidità kienet ikkaġunata mix-xogħol”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEFA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu R. McCoy jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea, tal-10 ta’ Settembru 2011, inkwantu l-Bureau tal-Kumitat tar-Reġjuni rrifjuta li jirrikonoxxi li l-marda li minnha tirriżulta l-invalidità tar-rikorrenti fis-sens tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) kienet ikkaġunata mix-xogħol, u li l-Kumitat tar-Reġjuni jiġi kkundannat iħallas is-somma ta’ EUR 10 000 għad-danni morali li r-rikorrent iqis li sofra u għar-rimbors tal-ispejjeż kollha marbuta mal-proċedura tal-invalidità.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-Bureau tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea, tal-10 ta’ Settembru 2010, li tirrifjuta li tirrikonoxxi li l-marda li minnha tirriżulta l-invalidità ta’ R. McCoy fis-sens tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal kienet ikkaġunata mix-xogħol, hija annullata. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż imġarrba minn R. McCoy.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment – Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Invalidità – Kumitat tal-Invalidità – Natura kolleġjali tax-xogħlijiet – Portata – Redazzjoni ta’ minuti – Kundizzjonijiet mhux essenzjali

(Regolamenti tal-Persunal, Anness II, Artikolu 7)

3.      Uffiċjali – Invalidità – Kumitat tal-Invalidità – Osservanza tas-sigriet tax-xogħlijiet – Portata – Rapport mediku sommarju – Obbligu ta’ komunikazzjoni lill-Awtorità tal-Ħatra u direttament lill-uffiċjal ikkonċernat – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 26a u l-ħames paragrafu tal-Artikolu 78; Anness II, Artikolu 9)

4.      Uffiċjali – Invalidità – Kumitat tal-Invalidità – L-għan tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 78; Anness II, Artikolu 9)

5.      Uffiċjali – Invalidità – Kumitat tal-Invalidità – Konklużjoni li ma taqbilx ma dik tal-Kumitat Mediku kif ukoll mar-rapporti mediċi preċedenti – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata – Uffiċjal f’sitwazzjoni ta’ konflitt professjonali mal-ġerarkija tiegħu

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 73 u 78)

6.      Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Determinazzjoni li l-marda u l-invalidità huma kkaġunati mix-xogħol – Proċeduri distinti – Fatti li jikkonċernaw il-kawża tal-marda neċessarjament jagħmlu parti mill-fatti li jikkonċernaw il-kawża tal-eventwali invalidità

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 73 u 78)

7.      Pensjonijiet – Pensjoni tal-invalidità – Determinazzjoni li l-mard huwa kkaġunat mix-xogħol – Kompetenzi tal-Kumitat tal-Invalidità – Portata – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 78)

1.      Talbiet għal annullament formalment diretti kontra d-deċiżjoni li tiċħad ilment għandhom, fil-każ fejn din id-deċiżjoni tkun nieqsa minn kontenut awtonomu, l-effett li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiġi adit bl-att li kontra tiegħu jkun sar l-ilment.

F’dan ir-rigward, meta d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tikkonferma l-att oriġinali filwaqt li tispeċifika r-raġunijiet li abbażi tagħhom ġie adottat dan, hija l-legalità tal-att oriġinali li jikkawża l-preġudizzju li għandha tiġi eżaminata, billi tiġi kkunsidrata l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, liema motivazzjoni suppost tkun tikkoinċidi ma’ dak l-att.

Konsegwentement, it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ma humiex awtonomi u r-rikors għandu jitqies bħala intiż kontra l-att oriġinali li l-motivazzjoni tiegħu hija speċifikata fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment.

(ara l-punti 55 sa 57)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, punt 8

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ Ġunju 2004, Eveillard vs Il‑Kummissjoni, T‑258/01, punti 31 u 32

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 18 ta’ April 2012, Buxton vs Il-Parlament, F‑50/11, punt 21, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Il-Kumitat tal-Invalidità għandu jwettaq il-ħidma tiegħu b’mod kulleġġjali, u kull wieħed mill-membri tiegħu għandu jingħata l-possibbiltà li jagħti l-opinjoni tiegħu b’mod effettiv.

Barra minn hekk, it-tobba ta’ kumitat ta’ invalidità faċilment jistgħu jaslu għal konklużjonijiet wara d-diskussjonijiet kulleġġjali orali tagħhom u jirrediġu r-rapport tagħhom, jekk ikun il-każ, sussegwentement, peress li dan ma huwiex kundizzjoni essenzjali għall-validità tad-deliberazzjonijiet ta’ tali kumitat.

(ara l-punti 61 u 64)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 10 ta’ Diċembru 1987, Jänsch vs Il‑Kummissjoni, 277/84; 19 ta’ Ġunju 1992, V. vs Il-Parlament, C‑18/91 P, punt 20

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 22 ta’ Novembru 1990, V. vs Il-Parlament, T‑54/89, punt 34; 27 ta’ Frar 2003, Camacho-Fernandes vs Il-Kummissjoni, T‑20/00, punti 45 et seq

3.      Il-Kumitat tal-Invalidità, ikkostitwit fil-kuntest ta’ proċedura intiża, bis-saħħa tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, għar-rikonoxximent li l-invalidità li minnha jsofri l-uffiċjal ikkonċernat hija kkaġunata mix-xogħol, ma huwiex obbligat jirrediġi, għall-attenzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra u qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni amministrattiva ta’ din tal-aħħar, rapport mediku sommarju li jirreferi għax-xogħol tiegħu, peress li l-Awtorità tal-Ħatra, fi kwalunkwe każ, ma jistax ikollha aċċess għall-imsemmi rapport li fil-fatt jaqa’ taħt is-sigriet tax-xogħol tal-Kumitat tal-Invalidità.

Fil-fatt, ir-rapport mediku sommarju li l-Kumitat tal-Invalidità jipprepara insostenn tal-konklużjonijiet tiegħu jaqa’ taħt ix-xogħol tiegħu, li huwa sigriet, minħabba n-natura tiegħu, il-kontenut u l-implikazzjonijiet tal-kawża medika, u ma għandux jintbagħat la lill-Awtorità tal-Ħatra u lanqas lill-uffiċjal ikkonċernat. Dan ir-rapport mediku jinsab fil-fajl mediku tal-uffiċjal ikkonċernat, li għalih dan tal-aħħar għandu aċċess skont l-Artikolu 26a tar-Regolamenti tal-Persunal.

Għaldaqstant, hemm lok li ssir distinzjoni bejn il-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Invalidità, li għandhom neċessarjament jiġu kkomunikati lill-Awtorità tal-Ħatra qabel ma din tal-aħħar tadotta deċiżjoni, u analiżi u kunsiderazzjonijiet mediċi, li jinsabu, jekk ikun il-każ, fir-rapport jew rapporti mediċi sommarji tal-Kumitat tal-Invalidità jew ta’ xi membri tiegħu, li jinsabu fil-fajl mediku tal-uffiċjal ikkonċernat iżda li ma jintbagħtux lill-Awtorità tal-Ħatra.

(ara l-punti 65 sa 67)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 3 ta’ Ġunju 1997, H vs Il-Kummissjoni, T‑196/95, punt 95;

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 6 ta’ Novembru 2012, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F‑41/06 RENV, punt 151, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑20/13 P

4.      L-għan li għandu jintlaħaq mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-Kumitat tal-Invalidità huwa dak li jagħti lil esperti mediċi l-evalwazzjoni finali ta’ kull kwistjoni medika, li l-ebda Awtorità tal-Ħatra, permezz tal-kompożizzjoni amministrattiva interna tagħha, ma tista’ tagħmel.

(ara l-punt 78)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 27 ta’ Frar 1992, Plug vs Il-Kummissjoni, T‑165/89, punt 75; 23 ta’ Novembru 2004, O vs Il-Kummissjoni, T‑376/02, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata

5.      Meta l-Kumitat tal-Invalidità huwa adit bi kwistjonijiet mediċi kumplessi li għandhom rabta ta’ każwalità bejn l-invalidità li għandha l-persuna kkonċernata u l-eżerċizzju tal-attività professjonali fi ħdan istituzzjoni, huwa għandu, b’mod partikolari, jindika d-dokumenti fil-fajl li fuqhom huwa jistrieħ u jispeċifika, f’każ ta’ diverġenza sinjifikattiva, ir-raġunijiet li għalihom huwa jwarrab ċerti rapporti mediċi, preċedenti u rilevanti, iktar favorevoli għall-persuna kkonċernata.

Barra minn hekk, anki jekk Kumitat tal-Invalidità, adit bl-applikazzjoni tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, jista’ jasal għal konklużjonijiet differenti minn dawk adottati mill-kumitat mediku adit bis-saħħa tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, xorta jibqa’ l-fatt li, meta, il-Kumitat tal-Invalidità adit bil-każ tal-persuna kkonċernata jixtieq jilħaq ir-riżultat tal-proċedura li saret bis-saħħa tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu l-obbligu li jesponi r-raġunijiet li wassluh sabiex iwarrab l-evalwazzjonijiet li jinsabu fir-rapporti mediċi li kienu ppermettew ir-rikonoxximent li l-marda hija kkaġunata mix-xogħol skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u jindika l-imsemmija raġunijiet, b’mod ċar u komprensibbli, jew fil-konklużjonijiet tiegħu kkomunikati lill-Awtorità tal-Ħatra, jew fir-rapport mediku sommarju possibbilment stabbilit sussegwentement.

F’dan ir-rigward, fil-każ fejn ikun hemm riferiment għal kunflitt professjonali bejn il-persuna kkonċernata u s-superjuri tagħha kif ukoll ambjent tax-xogħol ostili għaliha, mhux biss fir-rapporti mediċi preċedenti iżda wkoll f’dokumenti uffiċjali oħra li jikkonċernaw lil din il-persuna - minkejja li ġeneralment huwa diffiċli li tipproduċi provi bil-miktub sabiex turi l-eżistenza ta’ trattament ħażin mingħand is-superjuri - huwa l-Kumitat tal-Invalidità li għandu jimmotiva b’mod ċar u preċiż id-deċiżjoni tiegħu li ma jikkunsidrax dawn il-provi.

(ara l-punti 85, 86 u 96)

Referenza:

Il‑Qorti tal-Prim’Istanza: 15 ta’ Diċembru 1999, Latino vs Il‑Kummissjoni, T‑300/97, punti 77 u 78

It‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 14 ta’ Settembru 2010, AE vs Il-Kummissjoni, F‑79/09, punti 66, 67 u 72; 11 ta’ Mejju 2011, J vs Il-Kummissjoni, F‑53/09, punti 56 sa 61 u 92, u l-ġurisprudenza ċċitata

6.      Għalkemm il-proċedura miftuħa skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u li għandha l-għan li tiddetermina li l-marda ta’ uffiċjal kienet ikkaġunata mix-xogħol hija legalment distinta mill-proċedura miftuħa skont l-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex tiddetermina li l-invalidità ta’ dan tal-aħħar kienet ikkaġunata mix-xogħol, xorta jibqa’ l-fatt li l-fatti li minnhom joriġinaw iż-żewġ proċeduri huma l-istess jew, fi kwalunkwe każ, dawk li jikkonċernaw il-kawża tal-marda neċessarjament jagħmlu parti mill-fatti li jikkonċernaw il-kawża tal-eventwali invalidità.

(ara l-punt 109)

7.      Huwa l-Kumitat tal-Invalidità, fil-kuntest tal-mandat tiegħu, li għandu jagħmel evalwazzjonijiet mediċi u mhux evalwazzjonijiet ta’ natura legali, dwar il-kwistjoni jekk ix-xogħol kienx il-kawża tal-invalidità. Għaldaqstant, huwa l-Kumitat tal-Invalidità li għandu jfittex jekk, mill-perspettiva medika, l-invalidità ta’ uffiċjal ikkonċernat tirriżultax jew le minn mard ikkaġunat mix-xogħol li l-kawża tiegħu kienet tinsab fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu.

(ara l-punt 119)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 21 ta’ Jannar 1987, Rienzi vs Il-Kummissjoni, 76/84, punti 9 u 12