Language of document : ECLI:EU:C:2018:918

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fil‑15 ta’ Novembru 2018 (1)

Kawża C393/17

Openbaar Ministerie

vs

Freddy Lucien Magdalena Kirschstein

Thierry Frans Adeline Kirschstein

fil-preżenza ta’

Vlaamse Gemeenschap

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof Van Beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Suq intern — Direttiva dwar is-servizzi — Kamp ta’ applikazzjoni — Definizzjoni ta’ servizzi skont id-dritt tal-Unjoni — Servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali — Edukazzjoni ogħla ffinanzjata mill-privat — Prattiki Kummerċjali Żleali — Projbizzjoni għal istituzzjonijiet mhux akkreditati milli joħorġu lawrji ta’ master — Sanzjonijiet kriminali”






I.      Introduzzjoni

1.        Skont id-dritt tal-Komunità Fjamminga, jistgħu jagħtu ċerti lawrji dawk l-istituzzjonijiet ta’ edukuzzjoni ogħla li kisbu akkreditazzjoni. Jekk dan isir mingħajr akkreditazzjoni jista’ jwassal għal prosekuzzjoni kriminali li twassal għal sentenza ta’ ħabs u/jew multa.

2.        Freddy u Thierry Kirschstein imexxu UIBS Belgium, kumpannija stabbilita fil-Belġju li tipprovdi servizzi ta’ edukazzjoni ogħla. L-aħwa Kirschstein tressqu l-qorti mill-awtoritajiet Fjammingi minħabba li ħarġu ċertifikati bid-deżinjazzjoni ta’ “master” mill-inqas f’żewġ okkażjonijiet bejn l-2006 u l-2010 mingħajr ma kisbu l-akkreditazzjoni meħtieġa.

3.        Id-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest fattwali speċifiku tal-kawża ineżami, jidhru li huma relattivament inekwivoki: il-projbizzjoni (u s-sanzjonijiet kriminali għall-ksur ta’ din il-projbizzjoni) fid-dritt nazzjonali, għal istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla mhux akkreditata milli tagħti lawrji ta’ master, hija kompatibbli mad-Direttiva dwar is-servizzi (2) u mad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali (3)?

4.        Madankollu, x’aktarx li d-domanda l-iżjed kumplessa f’din il-kawża hija dwar il-kwistjoni preliminari marbuta mal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae taż-żewġ atti leġiżlattivi invokati mill-qorti tar-rinviju: skont id-dritt tal-Unjoni, programmi ta’ studju ta’ edukazzjoni ogħla huma “servizzi”? Jekk dan huwa minnu, x’tip ta’ servizzi huma? Jistgħu jiġu kklassifikati bħala servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali, kategorija prevista mid-Direttiva dwar is-servizzi?

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva dwar is-servizzi

5.        Il-premessa 34 tad-Direttiva dwar is-servizzi taqra kif ġej: “Skond il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni ta’ jekk ċerti attivitajiet, b’mod partikolari attivitajiet li huma ffinanzjati pubblikament jew ipprovduti minn entitajiet pubbliċi, jikkostitwixxux “servizz” jew le għandha titwettaq fuq bazi ta’ każ b’każ fid-dawl tal-karatteristiċi tagħhom kollha, b’mod partikolari l-mod ta’ kif inhuma pprovduti, organizzati u ffinanzjati fl-Istat Membru kkonċernat. Il-Qorti tal-Ġustizzja stqarret li l-karatteristika essenzjali tar-rimunerazzjoni tinsab fil-fatt li din tkun magħmula minn konsiderazzjoni għas-servizzi in kwistjoni u rrikonoxxiet li l-karatteristika ta’ remunerazzjoni hija assenti fil-każ ta’ l-attivitajiet li twettqu, għall-ebda kunsiderazzjoni, mill-Istat jew f’isem l-Istat fil-kuntest tad-doveri tiegħu fl-oqsma soċjali, kulturali, edukattivi u ġudizzjarja, bħal korsijiet ipprovduti taħt is-sistema nazzjonali edukattiva, jew il-ġestjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali li mhumiex marbuta ma’ attività ekonomika. Il-pagament ta’ miżata mir-riċevituri, pereżempju miżata għat-tagħlim jew ta’ reġistrazzjoni mħallsa mill-istudenti sabiex jagħmlu ċerta kontribuzzjoni għall-ispejjeż operattivi ta’ sistema, fiha nnifisha ma titqiesx bħala remunerazzjoni billi s-serviżż għadu essenzjalement iffinanzjat minn fondi pubbliċi. Dawn l-attivitajiet għalhekk, mhumiex koperti bid-definizzjoni ta’ servizz fl-Artikolu 50 tat-Trattat u għalhekk ma jaqgħux fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva”.

6.        L-Artikolu 1 jipprovdi li:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali li jħaffu l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment għall-fornituri tas-servizzi u l-moviment liberu tas-servizzi, filwaqt li tinżamm kwalità għolja tas-servizzi.

2.      Din id-Direttiva ma tkoprix il-liberalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, riżervata għall-entitajiet pubbliċi jew privati, lanqas mil-privatizzazzjoni ta’ entitajiet pubbliċi li jipprovdu servizzi. […]

3.      Din id-Direttiva ma taffettwax il-libertà ta’ l-Istati Membri li jiddefinixxu, bi qbil mal-liġi Komunitarja, x’jikkunsidraw bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, kif dawn is-servizzi għandhom jiġu organizzati u ffinanzjati, skond ir-regoli ta’ l-għajnuna mill-Istat, u liema obbligi speċifiċi għandhom ikunu soġġetti għalihom.

[…]

5.      Din id-Direttiva ma taffettwax ir-regoli tal-liġi kriminali ta’ l-Istati Membri. Madankollu, l-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu l-libertà fil-provvista ta’ servizzi billi japplikaw dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali li jirregolaw jew jaffettwaw speċifikament l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz b’elużjoni tar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva.”

7.        Skont l-Artikolu 2:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru.

2.      Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn l-attivitajiet:

(a)      servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali;

[…]

(i)      attivitajiet li huma konnessi ma’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità uffiċjali kif stipulat fl-Artikolu 45 tat-Trattat; […]”.

8.        L-Artikolu 4(1) jiddefinixxi “servizz” bħala “attività ekonomika mhux imħallsa [minn persuna li taħdem għal rasha], normalment magħmula għal remunerazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 50 tat-Trattat; […]”.

9.        Skont l-Artikolu 4(6), it-terminu “skema ta’ awtorizzazzjoni” jinkludi “kull proċedura li fiha kull fornitur jew riċevitur hu tabilħaqq meħtieġ jieħu passi sabiex jikseb deċiżjoni formali minn awtorità kompetenti, jew deċiżjoni impliċita, rigward l-aċċess għal attività ta’ servizz jew għall-eżerċizzju tagħha”.

10.      L-Artikolu 9, li jagħmel parti mill-Kapitolu 3 dwar il-libertà ta’ stabbiliment ta’ fornituri, huwa ddedikat għall-iskemi ta’ awtorizzazzjoni. Dan jipprovdi li:

“1.      L-Istati Membri m’għandhomx jissoġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha għal skema ta’ awtorizzazzjoni ħlief jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a)      l-iskema ta’ awtorizzazzjoni ma tiddiskriminax kontra l-fornitur ikkonċernat;

(b)      il-ħtieġa għal skema ta’ awtorizzazzjoni hi ġġustifikata minn raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

(ċ)      l-objettiv segwit ma jistax jinkiseb b’mezzi inqas ristrettivi, b’mod partikolari peress li spezzjoni a posteriori isseħħ tard wisq biex tkun ġenwinament effettiv;

[…]”.

11.      Skont l-Artikolu 13(1), “[i]l-proċeduri u l-formalitajiet ta’ awtorizzazzjoni għandhom jkunu ċari, ikunu disponibbli għall-pubbliku minn qabel u jkunu tali li jipprovdu lill-applikanti b’garanzija li l-applikazzjoni tagħhom tkun indirizzata b’mod oġġettiv u imparzjali”.

2.      Id-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali

12.      L-Artikolu 1 tad-Direttiva PKŻ jipprovdi li “[l]-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi”.

13.      L-Artikolu 2 jistabbilixxi d-definizzjonijiet rilevanti:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)      ‘konsumatur’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika li, fil-kuntest ta’ prattiċi kummerċjali koperti minn din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet li huma barra mill-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha;

(b)      ‘kummerċjant’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, fi prattiċi kummerċjali koperti minn din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha u kull min jaġixxi f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant;

(ċ)      ‘prodott’ tfisser kwalunkwe merkanzija jew servizz inkluża proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi;

(d)      ‘prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur’ (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘prattiċi kummerċjali’) tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi;

(e)      ‘il-ħolqien ta’ distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika ta’ konsumaturi’ tfisser l-użu ta’ prattika kummerċjali sabiex tiġi mfixkla b’mod apprezzabbli l-kapaċità tal-konsumatur li jagħmel deċiżjoni infurmata, jew imġiegħel jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra; […]”

14.      L-Artikolu 3 jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.

[…]

8.      Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe kondizzjonijiet ta’ stabbiliment jew reġimi ta’ awtorizzazzjoni, jew għall-kodiċijiet deontoloġiċi ta’ kondotta jew regoli speċifiċi oħra li jiggvernaw professjonijiet regolati sabiex jinżammu livelli għolja ta’ integrità min-naħa tal-professjonisti, li l-Istati Membri jistgħu, konformement mal-liġi Komunitarja, jimponu fuq il-professjonisti.”

15.      Skont l-Artikolu 5:

“1.      Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.

2.      Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:

(a)      hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali,

u

(b)      toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi.

[…]

5.      Fl-Anness I hemm lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva.”

16.      Fil-punt 2 tal-Anness I prattika kummerċjali li hija meqjusa bħala żleali fiċ-ċirkustanzi kollha hija meta jkun hemm “[i]l-wiri mill-kummerċjant ta’ marka ta’ fiduċja, marka ta’ kwalità jew ekwivalenti mingħajr ma jkun kiseb l-awtorizzazzjoni meħtieġa”. Barra minn hekk, il-punt 4 jinkludi fost tali prattiki li “[f]ejn il-kummerċjant isostni li huwa […] jew xi prodott ġie approvat, appoġġat jew awtorizzat minn korp pubbliku jew privat ieħor meta huwa/dan ma kienx […]”.

17.      Skont l-Artikolu 6(1), “[p]rattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa jekk ikun fiha tagħrif falz u għalhekk ma tkunx tikkorrispondi għall-verità, jew li b’xi mod, anki bil-preżentazzjoni totali tagħha, tqarraq bil-konsumatur medju, anke jekk it-tagħrif ikun korrett fattwalment, fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-elementi li ġejjin, u li f’kull każ iġġiegħlu jew x’aktarx iġġiegħlu jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra:

(a)      l-eżistenza jew in-natura tal-prodott;

(b)      il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, [bħal...], ir-riżultati li wieħed jistenna mill-użu tiegħu […]”.

B.      Id-dritt Belġjan

18.      Skont l-Artikolu 127(1)(2) tal-Kostituzzjoni Belġjana, huwa kompitu tal-komunitajiet li jirregolaw l-edukazzjoni, għajr id-determinazzjoni tal-bidu u tat-tmiem tal-iskola obbligatorja, l-istandards minimi għall-għoti ta’ diplomi u l-attribuzzjoni tal-pensjonijiet. Skont l-Artikolu 24(5), l-organizzazzjoni, ir-rikonoxximent u l-issussidjar tal-edukazzjoni mill-komunitajiet huma rregolati minn liġi jew digriet.

19.      Fi Flanders, l-edukazzjoni ogħla kienet irregolata bid-Decreet van 4 April 2003 betreffende de herstructurering van het hoger onderwijs in Vlaanderen (id-Digriet tal‑4 ta’ April 2003 dwar ir-Ristrutturazzjoni tal-Edukazzjoni Ogħla) (iktar ’il quddiem id-“Digriet tal‑4 ta’ April 2003”). L-Artikolu 25(7) jipprovdi dan li ġej: “Kull minn jagħti, mingħajr ebda kompetenza li jagħmel dan, il-lawrji ta’ baċellerat jew ta’ master, bi jew mingħajr speċjalizzazzjoni, ta’ dottorat (dottorat fil-filosofija, imqassra bħala PhD jew Dr) jew il-lawrji u t-titoli stabbiliti fil-punti 2, 3, 4, 5 u 5a, għandhom jiġu kkastigati b’sentenza ta’ ħabs ta’ bejn tmint ijiem jew tliet xhur u multa ta’ bejn EUR 125 u EUR 500 jew waħda minn dawn bil-penali msemmija” (4).

20.      Id-Digriet tal‑4 ta’ April 2003 kien tħassar u inkorporat fil-Codex Hoger Onderwijs (il-Kodiċi dwar l-Edukazzjoni Ogħla) li kien ġie adottat mill-Gvern Fjamming fil‑11 ta’ Ottubru 2013 (5). It-test tal-Artikolu 25(7) tad-Digriet tal‑4 ta’ April 2003 ġie mdaħħal fl-Artikolu II.75(6) ta’ dan il-kodiċi.

III. Il-fatti, il-proċedura legali u d-domandi preliminari

21.      BVBA United International Business Schools of Belgium (iktar ’il quddiem “UIBS Belgium”) hija istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla li ma hijiex akkreditata mill-awtoritajiet Fjammingi kompetenti. UIBS Belgium hija affiljata mal-kumpannija Svizzera Global Education Services Switzerland AG (iktar ’il quddiem “GES Switzerland”) u ma’ Global Education Services Spain SA (iktar ’il quddiem “GES Spain”). Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, UIBS Belgium aġixxiet fir-rwol ta’ appoġġ għal dawn l-aħħar żewġ kumpanniji billi, inter alia, ipprovdiet appoġġ lokali fil-Belġju għal korsijiet li huma kkoordinati minn GES Switzerland fuq bażi globali. Diversi programmi tal-edukazzjoni huma offruti fuq il-kampusijiet ta’ UIBS Belgium, b’mod partikolari f’Antwerp u Ghent. Malli jlestu dawn il-programmi b’suċċess, l-istudenti jirċievu diploma bit-titolu ta’ “master”.

22.      Freddy Kirschstein u Thierry Kirschstein (iktar ’il quddiem il-“konvenuti”) huma t-tnejn involuti f’UIBS Belgium. Fl‑14 ta’ Diċembru 2015, ir-Rechtbank van eerste aanleg (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Antwerp, il-Belġju) ikkundannat lill-konvenuti jħallsu multa ta’ EUR 300 kull wieħed (bħala sanzjoni tad-dritt kriminali) talli kisru l-Artikolu 25(7) tad-Digriet tal‑4 ta’ April 2003 dwar ir-Ristrutturazzjoni tal-Edukazzjoni Ogħla fi Flanders, billi taw lawrji ta’ master lill-istudenti tal-fergħa ta’ UIBS Belgium f’Antwerp, mill-inqas f’żewġ okkażjonijiet bejn l-2006 u l-2010, minkejja li ma kinux intitolati li jagħmlu dan. Il-konvenuti kienu wkoll ikkundannati jħallsu bħala danni, is-somma nominali ta’ EUR 1 lill-Komunità Fjamminga fir-rigward tal-azzjoni ċivili ta’ din tal-aħħar, u biex ibatu l-ispejjeż ta’ tali azzjoni.

23.      Fid‑29 ta’ Diċembru 2015, il-konvenuti appellaw id-deċiżjoni tar-Rechtbank van eerste aanleg (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Antwerp, il-Belġju). Fl-istess ġurnata, l-Openbaar Ministerie (iktar ’il quddiem l-“appellant”) ippreżenta appell inċidentali għall-parti ta’ dik id-deċiżjoni li tikkonċerna s-sanzjoni kriminali.

24.      Fl-appell, is-suġġett tat-tilwima kkonkretizza l-mistoqsija dwar jekk istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla li tipprovdi programmi ta’ edukazzjoni tistax tikkonferixxi lawrji ta’ master fi Flanders permezz tad-diplomi mogħtija, anki jekk din ma tkunx akkreditata mill-Komunità Fjamminga. Il-Komunità Fjamminga tqis dan bħala kwistjoni ta’ ordni pubbliku li għalih hija xierqa dispożizzjoni ta’ eżekuzzjoni għal sentenza kriminali biex jiġi protett dan l-interess. Din targumenta li l-projbizzjoni għal istituzzjonijiet mhux akkreditati milli jagħtu lawrji ta’ master u baċellerat u titoli ta’ dottorat hija miżura xierqa li tiżgura li tiġi riflessa l-kwalità inerenti f’dawn it-titoli. Il-Komunità Fjamminga tafferma wkoll li l-prattiki tal-konvenuti jwasslu għal kompetizzjoni żleali fis-suq tax-xogħol sa fejn id-diplomi u l-lawrji korrispondenti li ngħataw joffru dħul fis-suq tax-xogħol mingħajr ma jkun hemm il-possibbiltà li jiġi ggarantit li dawn l-istudenti kisbu ċertu standard ta’ edukazzjoni.

25.      Huwa f’dan il-kuntest fattwali u legali li l-Hof van beroep te Antwerpen (Il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerp, il-Belġju) iddeċieda li jissospendi l-proċedura u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi segwenti:

“1.      1) Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern għandha tiġi interpretata bħala li tipprekludi d-dispożizzjoni fl-Artikolu II.75(6) tal-Kodiċi għal Edukazzjoni Ogħla tal‑11 ta’ Ottubru 2013 li timponi projbizzjoni ġenerali fuq istituzzjonijiet edukattivi mhux akkreditati li jużaw it-titolu “master” fid-diplomi li jagħtu, meta dik il-projbizzjoni tkun intiża għas-salvagwardja ta’ kwistjoni ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-ħtieġa li jiġi żgurat livell għoli ta’ edukazzjoni fejn ikun possibbli li jiġi vverifikat jekk ir-rekwiżiti ta’ kwalità ddefiniti minn qabel ikunux ġew effettivament sodisfatti?

2.      Id-Direttiva 2006/123/KE Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern għandha tiġi interpretata bħala li tipprekludi d-dispożizzjoni fl-Artikolu II.75(6) tal-Kodiċi għal Edukazzjoni Ogħla tal‑11 ta’ Ottubru 2013 li timponi projbizzjoni ġenerali fuq istituzzjonijiet edukattivi mhux akkreditati li jużaw it-titolu “master” fid-diplomi li jagħtu, meta dik il-projbizzjoni tkun intiża għas-salvagwardja ta’ kwistjoni ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-protezzjoni tad-destinatarji tas-servizzi?

3.      Id-dispożizzjoni kriminali applikabbli għal istituzzjonijiet edukattivi mhux irrikonoxxuti mill-Gvern Fjamming li jagħtu diplomi ta’ “masters”, jgħaddu mit-test ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikoli 9(1)(ċ) u 10(2)(ċ) Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern?”

26.      Sottomissjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-konvenuti, il-Komunità Fjamminga, il-Gvern Belġjan, Ġermaniż, Taljan, Olandiż, Pollakk, Svediż u Norveġiż u l-Kummissjoni Ewropea. Il-konvenuti, il-Komunità Fjamminga, il-Gvern Belġjan, Svediż u Norveġiż u l-Kummissjoni ppreżentaw argumenti orali fis-seduta li nżammet fil‑11 ta’ Lulju 2018.

IV.    Evalwazzjoni

27.      Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati kif ġej. Ser nibda billi l-ewwel nagħmel diversi rimarki preliminari dwar il-fatti ta’ din il-kawża u d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli (Taqsima A). Sussegwentement ser nittratta l-kwistjoni dwar jekk, u sa fejn, programmi ta’ studju ta’ edukazzjoni ogħla jistgħux jinftiehmu bħala “servizzi” għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni (Taqsima B). Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ser nindirizza d-domandi speċifiċi magħmula mill-qorti tar-rinviju: L-ewwel ser nittratta l-kwistjoni dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-Direttiva dwar is-servizzi, li tittratta t-tieni u t-tielet domanda flimkien (Taqsima C), qabel ma nevalwa l-ewwel domanda dwar id-Direttiva PKŻ (Taqsima D).

A.      Kjarifiki preliminari

1.      Kuntest fattwali tal-kawża prinċipali

28.      Hemm numru ta’ inċertezzi fattwali fid-deċiżjoni tar-rinviju li jista’ jkollhom effett fuq l-evalwazzjoni legali tal-kawża. Għal din ir-raġuni, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet kjarifika mill-qorti tar-rinviju (b’żieda mal-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha) fir-rigward ta’ (i) liema entità formalment tat id-diplomi inkwistjoni u (ii) il-funzjonijiet tal-konvenuti (fi ħdan UIBS Belgium) - jiġifieri, f’liema kapaċità issa qegħdin jiġu mħarrka.

29.      Ir-risposta tal-qorti tar-rinviju kienet li ma setgħetx tipprovdi tweġiba preċiża fir-rigward ta’ liema entità formalment tat il-lawrji ta’ master minħabba li dan l-element fattwali huwa kkontestat fil-kawża prinċipali. Għalhekk, din tenniet is-sottomissjonijiet tal-partijiet: Openbaar Ministerie jargumenta li UIBS Belgium (stabbilita fil-Belġju) tat il-lawrji ta’ master. Il-konvenuti jargumentaw li l-lawrji ta’ master ħarġu minn GES Switzerland (ibbażata fl-Isvizzera) u minn GES Spain (stabbilita fi Spanja). Il-qorti tar-rinviju kompliet tafferma li ż-żewġ entitajiet jidhru li huma marbutin ma’ UIBS Belgium peress li din tal-aħħar dejjem aġixxiet fi rwol ta’ appoġġ għal GES Switzerland u GES Spain.

30.      Bħala risposta għat-tieni kwistjoni l-qorti tar-rinviju affermat li, fiż-żmien tal-fatti rilevanti, Thierry Kirschstein kien l-amministratur ta’ UIBS Belgium u Freddy Kirschstein kien azzjonist ta’ UIBS Belgium. Dan tal-aħħar iffirma d-dokumenti fil-kapaċità ta’ “president” ta’ UIBS Belgium. Għalhekk, skont l-Artikolu 66 tal-Kodiċi Kriminali Belġjan, dawn huma meqjusa bħala responsabbli jew koresponsabbli għad-delitt inkwistjoni.

31.      Abbażi ta’ din l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, u fid-dawl tal-affermazzjonijiet magħmula mill-partijiet fis-seduta, ser nipproċedi abbażi tas-suppożizzjonijiet li ġejjin, filwaqt li nżomm f’moħħi li finalment hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi dawn il-fatti.

32.      L-ewwel nett, jidher li hemm struttura korporattiva kumplessa bejn UIBS Belgium, GES Switzerland u GES Spain. Fis-seduta l-konvenuti affermaw li t-tliet kumpanniji huma konnessi. Jidhru li għandhom azzjonisti komuni. Jekk wieħed iħares lejn l-attivitajiet rispettivi, jidher li t-tagħlim (inkluż l-impjegar ta’ persunal, il-kiri ta’ kmamar, u l-iżgurar tal-operazzjoni ta’ kuljum tal-programm) jitwassal u jiġi amministrat lokalment minn UIBS Belgium, filwaqt li d-diplomi fil-bidu kienu jinħarġu minn GES Spain u, sussegwentement, minn GES Switzerland.

33.      It-tieni nett, ma huwiex ikkontestat li dawn it-tliet kumpanniji qatt ma rċivew akkreditazzjoni għall-programmi ta’ studju tagħhom minn awtorità pubblika kompetenti la fi Flanders, u lanqas f’xi pajjiż ieħor fejn dawn joperaw.

34.      It-tielet nett, il-programm ta’ studju inkwistjoni huwa kompletament iffinanzjat mill-privat. Kien ġie kkonfermat fis-seduta li l-ebda entità pubblika ma pprovdiet xi finanzjament għalih.

2.      Dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli

35.      Għandhom isiru żewġ kjarifiki oħra fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis u ratione materiae tar-regoli inkwistjoni.

36.      L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju fformulat l-ewwel u t-tieni domandi fir-rigward tal-Artikolu II.75(6) tal-Kodiċi dwar l-Edukazzjoni Ogħla. It-tielet domanda tirreferi għad-“dispożizzjoni kriminali applikabbli għall-istituzzjonijiet edukattivi mhux irrikonoxxuti mill-Gvern Fjamming li jagħtu “diplomi ta’ ‘master’”, mingħajr speċifikazzjoni ulterjuri fir-rigward tan-natura eżatta u s-sors ta’ din id-dispożizzjoni. Minkejja dan, wieħed jista’ jassumi li qiegħed isir ukoll riferiment għall-Artikolu II.75(6) tal-Kodiċi dwar l-Edukazzjoni Ogħla.

37.      Madankollu, il-fatti tal-kawża kif ippreżentati fid-deċiżjoni tar-rinviju jissuġġerixxu li d-dispożizzjoni applikabbli tad-dritt nazzjonali hija l-Artikolu 25(7) tad-Digriet tal‑4 ta’ April 2003, u mhux l-Artikolu II.75(6) tal-Kodiċi dwar l-Edukazzjoni Ogħla.

38.      L-Artikolu II.75(6) tal-Kodiċi dwar l-Edukazzjoni Ogħla ma kienx applikabbli għaż-żmien ta’ meta seħħew il-fatti rilevanti. Il-konvenuti qegħdin jiġu mħarrka minħabba li taw illegalment lawrji ta’ master mill-inqas f’żewġ okkażjonijiet fl‑2009 u fl‑2010, u fi kwalunkwe każ, qabel l-2010 (6). Iżda l-Artikolu II.75(6) tal-Kodiċi tal-Edukazzjoni Ogħla daħal fis-seħħ fl‑2013. Qabel dan, kif indikat mill-ordni ta’ akkuża (imsemmija fid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju) (7), id-dispożizzjoni applikabbli kienet l-Artikolu 25(7) tad-Digriet tal‑4 ta’ April 2003. Huwa abbażi ta’ din id-dispożizzjoni li l-konvenuti ġew imħarrka.

39.      Il-fatt li ż-żewġ dispożizzjonijiet allegatament għandhom l-istess kontenut (8) ma jirrendix, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu II.75(6) tal-Kodiċi dwar l-Edukazzjoni Ogħla applikabbli għall-kawża fil-proċedura prinċipali.

40.      Għal dawn ir-raġunijiet, is-suġġeriment tiegħi lill-Qorti tal-Ġustizzja jkun li tipprova tagħti risposta lill-qorti nazzjonali b’teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 25(7) tad-Digriet tal‑4 ta’ April 2003.

41.      It-tieni nett, irrispettivament minn jekk id-dispożizzjoni rilevanti hijiex l-Artikolu II.75(6) tal-Kodiċi dwar l-Edukazzjoni Ogħla jew l-Artikolu 25(7) tad-Digriet tal‑4 ta’ April 2003, il-qorti tar-rinviju tiffoka fuq “dispożizzjoni tad-dritt kriminali” li tissanzjona l-għoti illegali ta’ ċerti lawrji. Din id-dispożizzjoni, li tikkostitwixxi l-bażi legali għall-azzjoni kriminali, hija l-qofol tat-tielet domanda. Madankollu, il-portata tal-ewwel u t-tieni domanda hija usa’. Ma humiex limitati għall-kwistjoni dwar sanzjonijiet kriminali potenzjali, iżda jittrattaw il-kwistjoni usa’ u kuntrarja dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-għoti ta’ lawrji (ta’ master) minn istituzzjonijiet mhux akkreditati mad-dritt tal-Unjoni.

42.      Dan il-qsim fi tnejn fir-rigward tar-regoli eżatti msemmija biex jiġu eżaminati fl-isfond tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae differenti taż-żewġ direttivi invokati fil-kawża ineżami wassal għal xi diskussjonijiet matul din il-proċedura fir-rigward ta’ liema għandu jkun is-suġġett tar-rinviju ineżami. Minn naħa waħda, ġie ssuġġerit li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tittratta l-kwistjoni tas-sanzjonijiet (it-tielet domanda), minħabba li tikkonċerna materji tad-dritt kriminali li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni applikabbli. Min-naħa l-oħra, ġie ssuġġerit ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tittratta l-kwistjoni tas-sanzjonijiet, iżda ma teżaminax il-proċess ta’ akkreditazzjoni sottostanti (l-ewwel u t-tieni domanda), minħabba li d-domandi u l-kawża għandhom x’jaqsmu biss ma’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi sanzjonijiet.

43.      Ċertament, l-għaxqa ta’ meta wieħed jiekol is-salami (normalment) tinvolvi l-libertà li wieħed jagħżel naħa miż-żewġ trufijiet fejn ser jaqta’. Madankollu, għall-finijiet tal-kawża ineżami, nissuġġerixxi biex wieħed iżomm mad-domandi kif ġew magħmula mill-qorti nazzjonali filwaqt li tiġi rrispettata l-loġika inerenti tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni. Il-fokus tad-domandi huwa fil-fatt fuq is-sanzjonijiet għall-ksur ta’ regola ta’ mġiba. Madankollu, dawn iż-żewġ elementi huma parti mill-istess norma legali: jekk wieħed qiegħed jagħti l-lawrja mingħajr akkreditazzjoni (ipoteżi), mela allura ser tirrużulta konsegwenza partikolari (sanzjoni). Għalhekk, il-proċess tal-akkreditazzjoni huwa sempliċement parti mill-ipoteżi tan-norma legali applikabbli għall-kawża ineżami. Huwa parti mill-istess pakkett. Livell għoli ta’ artifiċjalità (jew il-qtugħ tas-salami f’wieħed mit-trufijet) ikun meħtieġ biex jistabbilixxi li jew element tal-ipoteżi (l-akkreditazzjoni) jew is-sanzjoni (multa u/jew ħabs) ma humiex parti min-norma legali u għalhekk ma jaqgħux fil-portata tal-kawża ineżami.

44.      Għalhekk, għalkemm il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-proċedura nazzjonali ta’ akkreditazzjoni tal-edukazzjoni ogħla mad-dritt tal-Unjoni ma hijiex per se s-suġġett tal-kawża ineżami, dawn ir-regoli inevitabbilment ser jiġu ttrattati indirettament, filwaqt li jitwieġbu d-domandi preliminari tal-qorti nazzjonali li jikkonċernaw is-sanzjonijiet minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn ir-regoli.

B.      Il-programmi ta’ studju tal-edukazzjoni ogħla huma “servizzi” skont id-dritt tal-Unjoni?

1.      In-natura tas-“servizz”: iċ-ċertifikat jew it-tagħlim?

45.      Parti mid-diskussjoni li żvolġiet kemm fil-proċedura bil-miktub u fis-seduta kellha l-għan li tidentifika l-qalba tal-attività li tista’ potenzjalment tirriżulta f’“servizz” fil-kawża ineżami: huwa l-għoti taċ-ċertifikat tal-lawrja ta’ master jew it-tagħlim li jwassal għalih? Ir-raġuni għad-diskussjoni estensiva ta’ dan il-punt ma kinitx l-applikabbiltà materjali tad-Direttiva dwar is-Servizzi, iżda wkoll l-applikabbiltà territorjali. Id-diversi entitajiet li kapaċi jagħtu l-lawrji inkwistjoni huma bbażati f’pajjiżi differenti, inkluż stat li ma huwiex membru tal-Unjoni (9).

46.      Skont il-Komunità Fjamminga u l-Gvern Belġjan, id-Direttiva dwar is-servizzi ma hijiex applikabbli. GES Switzerland, bħala l-entità li qiegħda tagħti l-lawrja, hija ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ din id-direttiva. Għal din ir-raġuni, it-tieni u t-tielet domanda huma inammissibbli.

47.      Il-Gvern Ġermaniż ukoll iqis l-għoti ta’ lawrji universitarji bħala l-element prinċipali, l-iktar minħabba li dan jiftaħ l-aċċess għal professjoni. Għal dan il-gvern, l-ammissjoni ta’ kandidati fi professjoni li teżiġi ċerti kompetenzi hija attività li hija marbuta mal-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali. Tali attivitajiet huma, madankollu, esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-servizzi skont l-Artikolu 2(2)(i). Skont il-Gvern Ġermaniż, l-għoti ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla, għalhekk, ma huwiex servizz skont id-dritt tal-Unjoni.

48.      Għall-kuntrarju, il-Gvern Svediż u l-Kummissjoni jiffukaw fuq l-attività tat-tagħlim imwettqa minn UIBS Belgium iktar milli l-għoti ta’ diploma minn GES Switzerland. Skonthom, l-għoti ta’ diploma ma huwiex servizz awtonomu iżda għandu jidher bħala wieħed anċillari fir-rigward tas-servizz ipprovdut minn UIBS Belgium, li huwa t-tagħlim.

49.      X’inhi l-attività prinċipali fil-każ tal-istudju ta’ edukazzjoni ogħla? Tista’ tkun jew: (i) l-għoti ta’ ċertifikat ta’ lawrja ta’ master (li għalih it-tagħlim huwa attività anċillari); jew (ii) l-attività tat-tagħlim (li għaliha l-għoti taċ-ċertifikat huwa anċillari). Biex wieħed jiddeċiedi bejn dawn iż-żewġ għażliet, it-test biex jiġi identifikat is-servizz potenzjali inkwistjoni ser ikun fid-determinazzjoni tal-komponent ewlieni ta’ tali pakkett (10).

50.      F’dan id-dawl, naqbel mal-Gvern Svediż u mal-Kummissjoni. Mingħajr ma ninstema’ idealistiku żżejjed, nispera li l-komponent prinċipali fl-edukazzjoni (ogħla) huwa t-tagħlim u l-edukazzjoni, u mhux (sempliċement) l-għoti ta’ diplomi. Lawrja tingħata bħala ċertifikat formali tal-kisba ta’ ċertu livell ta’ għarfien jew kompetenzi. Dan ikun ir-rikonoxximent uffiċjali li l-korsijiet meħtieġa kollha ġew segwiti u li l-eżamijiet kollha meħtieġa tlestew b’suċċess, biex b’hekk jiġi ċċertifikat il-perikolu li l-gradwat seta’ wkoll daħħal xi naqra melħ f’moħħu. Iżda ċ-ċertifikat innifsu bilkemm jista’ jidher bħala l-element prinċipali u predominanti tal-attività mwettqa fil-programmi ta’ studju ta’ edukazzjoni ogħla (11).

51.      Bħala riżultat, fil-kuntest tal-kawża ineżami, is-suġġeriment tiegħi jkun li l-attività prinċipali fil-kuntest ta’ programm ta’ studju ta’ edukazzjoni ogħla hija l-provvista tal-korsijiet (mid-dehra pprovduti minn UIBS Belgium), u mhux l-għoti formali ta’ ċertifikat (preżumibbilment minn GES Switzerland).

2.      Programmi ta’ studju ta’ edukazzjoni ogħla - huma “servizzi skont id-dritt tal-Unjoni?

a)      L-edukazzjoni bħala “servizz” skont it-Trattat

52.      Ma huwiex ikkontestat li d-dritt tal-Unjoni ma jaffettwax il-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward tal-kontenut tat-tagħlim u l-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom, jew il-kontenut u l-organizzazzjoni ta’ taħriġ professjonali. Madankollu, huwa ċar ukoll li fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza l-Istati Membru għandhom ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni, speċjalment id-dispożizzjonijiet dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. (12)

53.      Skont l-Artikolu 57 TFUE, attività għandha tiġi kkunsidrata bħala “servizz” meta hija “normalment mogħtija bi ħlas”. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-karatteristika essenzjali tar-remunerazzjoni hija li din tikkostitwixxi l-korrispettiv ekonomiku tas-servizz inkwistjoni u hija normalment miftiehma bejn il-fornitur u l-benefiċjarju tas-servizz (13).

54.      Fil-kuntest speċifiku tal-edukazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx servizz skont it-Trattati, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni ulterjuri fid-dawl ta’ liema entità tipprovdi dik l-edukazzjoni u l-mod li bih hija ffinanzjata. It-test kien ġie fformulat l-ewwel darba f’Humbel (14), u għalhekk ser nirreferi għalih bħala t-“test ta’ Humbel”.

55.      Il-kwistjoni f’Humbel kienet it-talba għal pagament li saret lil student Franċiż ta’ tariffa (iktar ’il quddiem il-“minerval”) għall-istudenti tal-edukazzjoni sekondarja fil-Belġju. It-talba għal pagament kienet diretta biss lil (il-ġenituri ta’) studenti barranin. Studenti li kienu Belġjani ma kinux obbligati li jħallsu l-minerval. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mistqosija dwar jekk il-kors ta’ skola sekondarja, li jifforma parti mis-sistema nazzjonali tal-edukazzjoni, jistax jikkwalifika bħala “provvista ta’ servizzi”, li jippermetti lill-ġenituri tal-istudent Franċiż joqogħdu fuq id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalità fl-aċċess għas-servizzi (15).

56.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont it-Trattat ma setgħetx tkun ta’ sostenn f’din il-kawża, peress li l-ebda remunerazzjoni fis-sens ta’ korrispettiv għas-servizzi ma ġiet ipprovduta. Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li dik “il-karattersitika hija […] assenti fil-każ tal-korsijiet ipprovduti skont is-sistema nazzjonali tal-edukazzjoni. L-ewwel nett, l-Istat, fl-istabbiliment u ż-żamma ta’ tali sistema, ma huwiex ifittex li jinvolvi ruħu f’attività ta’ gwadann iżda qiegħed jaqdi d-dmirijiet tiegħu lejn il-popolazzjoni tiegħu stess fl-oqsma soċjali, kulturali u edukattivi. It-tieni nett, is-sistema inkwistjoni hija, bħala regola ġenerali, iffinanzjata mill-fond pubbliku u mhux minn studenti jew il-ġenituri tagħhom” (16).

57.      Għalkemm Humbel innifisha kienet tikkonċerna l-edukazzjoni sekondarja, dan l-approċċ ġie gradwalment estiż għal forom oħra ta’ edukazzjoni, inkluż l-edukazzjoni ogħla (17).

58.      Għalhekk, f’enfasi mill-ġdid ġenerali iktar riċenti, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li ma hemm l-ebda remunerazzjoni u għalhekk ma hemm l-ebda “servizz” skont id-dritt tal-Unjoni fil-każ ta’ korsijiet offruti minn ċerti istituzzjonijiet  li jagħmlu parti minn sistema ta’ edukazzjoni pubblika u li huma ffinanzjati totalment jew prinċipalment, minn fondi pubbliċi, anki jekk it-tariffi tat-tagħlim jew ta’ reġistrazzjoni għandhom xi drabi jitħallsu bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-operazzjoni tas-sistema (18). Mill-banda l-oħra, korsijiet mogħtija minn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ffinanzjati, essenzjalment, minn fondi privati - mill-istudenti u l-ġenituri tagħhom - jikkostitwixxu servizzi fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, peress li l-għan ta’ dawn l-istituzzjonijiet huwa, fil-fatt, li joffru servizz għal remunerazzjoni (19).

59.      Jidher li hemm raġunament doppju li ġab id-distinzjoni bejn l-edukazzjoni ffinanzjata mill-pubbliku u dik iffinanzjata mill-privat. L-ewwel wieħed, l-“argument ta’ missjoni soċjali u kulturali”: fl-istabbiliment u ż-żamma ta’ sistema ta’ edukazzjoni pubblika prinċipalment iffinanzjata mill-fondi pubbliċi, l-istat ma jfittixx li jinvolvi ruħu f’attività ta’ gwadann iżda li jissodisfa d-dmirijiet tiegħu lejn il-popolazzjoni tiegħu fl-oqsma soċjali, kulturali u edukattivi (20). It-tieni wieħed, xi drabi marbut miegħu, u drabi oħra ttrattat separatament, huwa l-argument “mhux bi skop ta’ lukru”: L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni (pubbliċi) huma prinċipalment iffinanzjati permezz ta’ fondi pubbliċi biex iwettqu attivitajiet mingħajr skop ta’ lukru għall-interess ġenerali li huwa t-tixrid tal-għarfien u l-emanċipazzjoni taċ-ċittadini. F’dan is-sens, l-attività inkwistjoni ma hijiex ta’ natura ekonomika (21).

b)      Id-Direttiva dwar is-servizzi u s-servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali

60.      Id-Direttiva dwar is-servizzi rrendiet din l-istampa (ibbażata fuq it-Trattat) kemxejn iktar kumplessa. Minn naħa waħda, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar is-servizzi espliċitament stabbilixxa li d-definizzjoni tat-Trattat ta’ x’jikkostitwixxi servizz, inżammet. Għalhekk, servizz skont it-Trattat kif ukoll skont id-Direttiva dwar is-servizzi għandu jinftiehem bħala kwalunkwe attività ekonomika mhux imħallsa [minn persuna li taħdem għal rasha], normalment magħmula għal remunerazzjoni, minn fornitur stabbilit fi Stat Membru (22).

61.      Barra minn hekk, madankollu, l-Artikolu 2(2) jelenka numru ta’ attivitajiet speċifiċi li għalihom id-Direttiva dwar is-servizzi ma tapplikax, bħas-servizzi tal-kura tas-saħħa jew is-servizzi soċjali. Din id-dispożizzjoni fiha wkoll żewġ kategoriji astratti ta’ servizzi li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva kollha, jiġifieri servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali (23) u attivitajiet li huma konnessi mal-eżerċizzju tal-awtorità uffiċjali (24).

62.      B’rabta mal-aħħar eċċezzjoni u b’mod partikolari mal-argument imressaq mill-Gvern Ġermaniż li skontu l-għoti ta’ diplomi tal-università huwa l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-servizzi, jista’ jiġi enfasizzat biss li l-element ewlieni u determinanti ta’ kwalunkwe edukazzjoni ma huwiex l-għoti ta’ lawrja iżda l-attività ta’ tagħlim. (25) Għalhekk, fil-kuntest tal-kawża ineżami, ma huwiex meħtieġ li jiġi eżaminat sa fejn l-għoti ta’ diploma jista’ jkun relatat mal-eżerċizzju tas-setgħa pubblika. Huwa biżżejjed li jiġi nnotat li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-attivitajiet ta’ tagħlim (tal-università), bħala attivitajiet ta’ soċjetà ċivili, ma humiex attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali. (26)

63.      Madankollu, il-kunċett ta’ servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali huwa iżjed diffiċli biex wieħed jifhem eżatt x’jinvolvi, b’mod partikolari peress li d-Direttiva dwar is-servizzi b’mod ċar tistabbilixxi li l-kunċett bażiku ta’ kunċett ta’ “servizz” għandu jinftiehem bl-istess mod tat-Trattat. Skont l-Artikolu 57 TFUE, “servizzi” fis-sens tat-Trattati għandhom jitqiesu li jinkludu “servizzi normalment mogħtija bi ħlas”. Din il-formulazzjoni toħloq kemxejn ta’ konfużjoni peress li din tuża l-istess terminu (servizz) sabiex tagħmel riferiment, minn naħa waħda, għall-attività proprja tal-forniment ta’ servizzi (għalhekk, il-kategorija fattwali tas-servizzi) u, min-naħa l-oħra, il-kategorija legali tas-servizzi li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati (u, b’estensjoni, tad-Direttiva dwar is-servizzi).

64.      Din id-duwalità tfisser attività ta’ servizz (li fil-fatt) ma hijiex dejjem servizz (għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni). Sabiex tkun “servizz” skont it-Trattat, l-attività speċifika ineżami għandu jkollha dimensjoni ekonomika li hija primarjament attestata mill-eżistenza ta’ remunerazzjoni jew korrispettiv finanzjarju, iżda wkoll – għalkemm mhux meħtieġ – mill-iskop li tipprova tikseb lukru, u/jew li tkun prinċipalment iffinanzjata minn fondi privati (27). Fi kliem ieħor, l-eżistenza ta’ “natura ekonomika” hija l-parti meħtieġa biex ikun hemm servizz mill-perspettiva legali.

65.      F’dan il-kuntest, ikolli nammetti li jien ninsab verament iffrustrat biex nipprova niddeċifra t-tifsira legali u loġika tal-kategorija ta’ “servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali”. Jekk il-kategorija legali ta’ servizz skont id-dritt tal-Unjoni hija ddefinita mid-dimensjoni ekonomika tagħha, kif jista’ servizz mhux ekonomiku, ikunx ta’ interess ġenerali jew le, effettivament ikun servizz skont it-tifsira tad-dritt tal-Unjoni? Jew, b’mod differenti, jista’ effettivament ikun hemm “attivitajiet mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali”?

66.      L-iktar spjegazzjoni razzjonali li nista’ nagħti għal tali sfidi terminoloġiċi hija billi nassumi li, bil-ħolqien ta’ din il-kategorija l-ġdida, il-leġiżlatur tal-Unjoni essenzjalment ried li jeskludi l-attivitajiet mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-servizzi. (28) Jekk dan huwa minnu, mela allura l-eżenzjoni stabbilita mill-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva dwar is-servizzi hija (legalment) superfluwa, minħabba li tali attivitajiet ikunu diġà esklużi peress li fl-ewwel lok ma jkunux servizzi (skont it-Trattat). (29) “Servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali” għalhekk jidhru li huma biss subkategorija ta’ “mhux servizzi” skont id-dritt tal-Unjoni.

67.      Fid-dawl ta’ din il-kjarifika terminoloġika, il-mistoqsija tibqa’ jekk edukazzjoni ogħla taqax fl-eċċezzjoni ta’ servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali jew le skont id-Direttiva dwar is-servizzi, kif ġie rrakkomandat b’mod partikolari mill-Gvern Belġjan.

68.      Ma naħsibx li f’dan il-każ taqa’ taħtha.

69.      L-ewwel nett, numru speċifiku ta’ attivitajiet, bħall-kura tas-saħħa jew is-servizzi soċjali, huma espressament u f’daqqa esklużi permezz tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva dwar is-servizzi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Iżda dan ma huwiex partikolarment il-każ għall-edukazzjoni (u s-servizzi edukattivi). Għalhekk, ma jistax jiġi deċiż li huma speċifikament esklużi bħala tali mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva dwar is-servizzi.

70.      It-tieni nett, fl-assenza ta’ kwalunkwe eżenzjoni skont il-kategorija għal tip ta’ attività partikolari, mela allura kull attività individwali - li hija, fil-kuntest tal-edukazzjoni, il-programm ta’ studju inkwistjoni - għandha tiġi evalwata individwalment b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza standard tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ jekk il-kundizzjonijiet li hemm fiha ġewx issodisfatti. Għalhekk, għall-kuntrarju tal-fehmiet irrakkomandati mill-Gvern Belġjan, l-edukazzjoni bħala tali ma tistax taqa’ fl-intier tagħha fil-kategorija ta’ servizzi ekonomiċi ta’ interess ġenerali. Minflok, kif inhu stipulat ukoll fil-premessa 34 tad-Direttiva dwar is-servizzi, li fiha stess ġiet enfasizzata l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandha titwettaq evalwazzjoni każ b’każ. (30) Għaldaqstant, l-importanti huwa jekk l-attività proprja tat-tagħlim ipprovduta jew il-programm ta’ studju segwit jistgħux jikkwalifikaw bħala servizz, kemm jekk huma essenzjalment imwettqa minn istituzzjonijiet mhux pubbliċi jew iffinanzjati permezz ta’ fondi privati. (31)

71.      Fil-qosor, programmi ta’ studju ta’ edukazzjoni ogħla jistgħu jiġu kkwalifikati bħala servizzi u jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-servizzi, sakemm, fir-rigward tal-programm ta’ studju speċifiku, ma tapplikax l-eċċezzjoni ta’ Humbel. Jekk tapplika, tali attività ma tibqax “servizz” skont it-Trattat u sussegwentement għandha tiġi eżentata mill-applikabbiltà tad-Direttiva dwar is-servizzi bħala servizz mhux ekonomiku ta’ interess ġenerali.

c)      It-test ta’ Humbel u l-programmi ta’ studju ta’ edukazzjoni ogħla

72.      Fid-dawl ta’ dan, madankollu, ma jistax jinħeba l-fatt li meta wieħed iħares lejha bir-reqqa, l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ Humbel għal programmi ta’ studju fil-ġurnata tal-lum, tqajjem numru ta’ mistoqsijiet.

73.      L-ewwel nett, fuq livell prattiku, x’jista’ jfisser li tkun parti minn sistema ta’ edukazzjoni pubblika u ffinanzjata kompletament jew prinċipalment, minn fondi pubbliċi f’dinja li fiha l-universitajiet pubbliċi jiksbu finanzjamenti u donazzjonijiet mill-privat, u l-istituzzjonijiet privati jikkompetu għal finanzjamenti istituzzjonali pubbliċi u allowances ta’ riċerka? X’inhu pubbliku f’dinja li fiha (anki) l-universitajiet pubbliċi jwaqqfu kampusijiet fi Stati Membri oħra, jew jidħlu f’impriża konġunta ma’ diversi entitajiet oħra, u/jew jistabbilixxu kumpanniji spin-off biex jgħallmu u jwettqu r-riċerka?

74.      Madankollu, u forsi b’mod iktar fundamentali, “parti mis-sistema pubblika tal-edukazzjoni” tistabbilixxi b’mod meħtieġ xi rekwiżiti għal forma u status legali partikolari (bħal istituzzjoni “pubblika” għall-kuntrarju ta’ waħda “privata”)? Kienu ssemmew żewġ rekwiżiti li telqu minn Humbel u ġew ikkonfermati iktar riċenti f’Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, li huma: (i) parti minn sistema ta’ edukazzjoni pubblika u (ii) iffinanzjata kompletament jew prinċipalment, minn fondi pubbliċi. Madankollu, ħafna mill-ġurisprudenza ffukat fuq il-kwistjoni ta’ finanzjament, filwaqt li l-ewwel parti tal-istqarrija li hija “parti minn sistema ta’ edukazzjoni pubblika”, baqgħet pjuttost inesplorata.

75.      Għal tali linji istituzzjonalment sfumati tqum il-kwistjoni ta’ li tkun iffinanzjata prinċipalment minn fondi pubbliċi. X’intensità għandha prinċipalment? X’inhi l-interrelazzjoni bejn il-finanzjament speċifiku ta’ programm ta’ studju u l-finanzjament istituzzjonali u l-ispejjeż ġenerali (32)? B’mod partikolari fix-xjenzi soċjali u umanistiċi, il-pagi tal-persunal involut fit-tagħlim ser jirrappreżentaw l-ikbar parti tal-ispejjeż biex jitħaddem il-programm ta’ studju. X’jiġri li kieku ħafna minn dawn huma mħallsa minn sorsi differenti ta’ finanzjament istituzzjonali (33)? Huwa wkoll kemxejn imċajpar jekk wieħed għandux iħares lejn il-baġit ġenerali tal-istituzzjoni jew il-linji baġitarji li jikkorrispondu għal programmi ta’ studju speċifiċi, u filwaqt li min-naħa l-oħra wieħed ma għandux jinsa li r-regoli tal-kontabbiltà jagħmluha impossibbli biex effettivament tiġi ddeterminata l-istruttura eżatta ta’ finanzjament għal kull programm ta’ studju (34).

76.      Barra minn hekk, f’numru ta’ Stati Membri, istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla akkreditati, irrispettivament minn jekk humiex pubbliċi jew privati fir-rigward tal-forma legali tagħhom, jirċievu finanzjament mill-istat għal kull student irreġistrat fil-programm ta’ studju akkreditat tagħhom. Tali finanzjament, anki jekk forsi f’termini ekonomiċi reali lanqas biss ikopri l-maġġoranza tal-ispejjeż proprji tal-istudju għal kull student, jibdel tali programm ta’ studju f’wieħed iffinanzjat prinċipalment minn fondi pubbliċi, parti minn sistema ta’ edukazzjoni pubblika fi Stat Membru, anki jekk mill-banda l-oħra jkun offrut minn istituzzjoni privata u ffinanzjata mill-privat?

77.      It-tieni nett, livell ideoloġiku sottostanti u iktar profond jorbot ma’ dan il-livell prattiku. Humbel introduċiet viżjoni binarja pjuttost wiesgħa tal-edukazzjoni: l-istituzzjonijiet pubbliċi (jew dawk biss iffinanzjati mill-pubbliku?) ma għandhomx skop ta’ lukru, u jfittxu li jiksbu l-għanijiet nobbli li jgħaddu l-għarfien u jissodisfaw l-obbligi soċjali, kulturali u edukattivi tagħhom lill-populazzjoni. Għall-kuntrarju, l-istituzzjonijiet privati (jew dawk biss li huma prinċipalment iffinanzjati mill-privat?) jipprovdu servizzi, peress li l-għanijiet tagħhom jidhru li huma differenti.

78.      Tali viżjoni forsi setgħet tkun korretta fit-tmeninijiet fir-rigward tal-iskola sekondarja Madankollu, hija pjuttost problematika llum jekk tiġi applikata għal istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla.

79.      Ċertament ma hemmx dubju li l-istituzzjonijiet ta’ tagħlim ogħla jfittxu li jiksbu numru ta’ għanijiet. Fil-fatt ħafna minnhom ma jkunux bi skop ta’ lukru. Li qiegħda tiġi kkontestata hija l-ġeneralizzazzjoni, li ma tagħmilx differenza bejn il-ħafna attivitajiet li anki università antika u venerabbli twettaq illum il-ġurnata: minn riċerka purament bażika jew l-edukazzjoni tal-istudenti tad-dottorat (fi bżonn ta’ sussidju), għal tagħlim tal-baċellerat fil-lingwa nazzjonali (b’tariffi standard ta’ reġistrazzjoni), għat-tagħlim postgraduate f’lingwa barranija (b’livell ħafna ogħla ta’ tariffi), għal korsijiet fi tmiem il-ġimgħa speċifiċi għal amministraturi jew interpreti, u/jew kummerċjalizzazzjoni diretta tar-riżultati tar-riċerka tagħha (bit-tnejn iġibu prezz pjuttost għoli).

80.      It-tielet nett, l-assenza ta’ differenzazzjoni interna hija marbuta mal-assenza ta’ differenzazzjoni ta’ livell li ssemmiet diġà. L-affermazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Humbel jikkonċernaw l-edukazzjoni sekondarja. Kif jiġri spiss bil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-approċċ ġie gradwalment estiż għal tipi oħra ta’ edukazzjoni, inkluża l-edukazzjoni ogħla, mingħajr ma, madankollu, is-suppożizzjonijiet sottostanti li ffurmaw l-ewwel artikolazzjoni tagħha, ġew evalwati mill-ġdid b’mod kritiku fil-kuntest il-ġdid (tal-edukazzjoni ogħla).

81.      Il-kondiviżjoni u l-għoti tal-għarfien fis-sens l-aktar wiesa’ u l-obbligu tal-Istat fir-rwol soċjali u edukattiv tiegħu huma ċertament għanijiet importanti. Madankollu, dawn l-interessi pubbliċi forsi ma għandhomx l-istess piż fuq il-livelli kollha tal-edukazzjoni. L-interess tal-Istat huwa fil-fatt imperattiv fil-livell tal-edukazzjoni primarja (35). Illum, wieħed jista’ jgħid li huwa wkoll pjuttost b’saħħtu fil-livell tal-edukazzjoni sekondarja, għalkemm dan jimxi wkoll ma’ xi interessi privati tal-istudent. Il-bilanċ jibda jxaqleb fil-livell tal-edukazzjoni ogħla, fejn l-interess individwali tal-istudent biex jikseb ċerti kwalifiki addizzjonali u jżid il-“valur” fis-suq tax-xogħol isir iżjed b’saħħtu.

82.      Fir-rigward tal-artikolazzjoni tal-interessi fl-edukazzjoni, u għalhekk potenzjalment fid-definizzjoni ta’ x’jista’ jkun servizz mhux ekonomiku ta’ interess ġenerali għal dawn il-finijiet, hemm għalhekk relazzjoni ta’ proporzjonijiet inversi. Iktar ma jogħla l-livell, iktar jonqos il-bżonn pubbliku u l-interess pubbliku ġenerali biex tiġi rċevuta dik il-forma tal-edukazzjoni, u iktar jikber l-interess privat biex jiġu ssupplimentati l-kwalifiki ta’ dak li jkun. Fi kliem ieħor, il-missjoni kulturali u soċjetali imperattiva tal-istat, li oriġinarjament iffurmat l-eċċezzjoni ta’ Humbel (36), qiegħda tkompli tidjieq.

83.      Nixtieq nenfasizza b’mod ċar li żgur hemm interess pubbliku ġenerali li jkun hemm istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla. Dan, madankollu, huwa differenti mill-istqarrija li hemm interess ġenerali fi kwalunkwe u kull persuna li tattendi l-università. Il-fatt li ċerta persuna tagħżel li tattendi għal edukazzjoni ogħla huwa għalhekk x’aktarx li fil-parti l-kbira tal-każijiet din tkun l-espressjoni tal-interess personali tagħha.

84.      Jekk dan ma jkunx minnu, mela allura wieħed ikun fil-fatt obbligat li jsegwi l-loġika essenzjalment irrakkomandata mill-Gvern Belġjan fil-kawża ineżami. L-eċċezzjoni tas-servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali tad-Direttiva dwar is-servizzi tkun effettivament tfisser li fid-direttiva tiġi miżjuda eżenzjoni oħra skont il-kategorija. Din tkun ukoll iddefinita mit-tip ta’ attività, ikun xi jkun it-tip ta’ edukazzjoni (ogħla), u l-mod ta’ kif inhi ffinanzjata. Dan minħabba li huwa fl-interess tal-istat li jkollu popolazzjoni li hija kemm jista’ jkun edukata, u għalhekk kwalunkwe edukazzjoni pprovduta dejjem ser tkun fl-interess ġenerali: l-attivitajiet edukattivi kollha huma għalhekk esklużi mid-Direttiva dwar is-servizzi bħala servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali. (37)

85.      Ir-raba’ u l-aħħar nett, raġuni oħra għalfejn il-ġurisprudenza Humbel għandha mnejn tiġi ttrattata b’kawtela hija l-fatt li din tirrappreżenta mhux biss separazzjoni konsiderevoli mill-approċċ ġenerali għad-definizzjoni ta’ servizzi, iżda hija wkoll pjuttost unika meta mqabbla ma’ sistemi speċjali oħra għal tipi speċifiċi ta’ servizzi, b’mod partikolari l-kura tas-saħħa.

86.      Il-kura tas-saħħa hija ċertament attività fl-interess pubbliku, irregolata sew, li fiha normalment ma jkunx hemm pagamenti sħaħ diretti magħmula mill-klijent, iżda iktar rimbors tal-ispejjeż (irregolati) lill-fornitur tal-kura tas-saħħa permezz ta’ terz (jew kumpannija tal-assigurazzjoni jew skemi ta’ assigurazzjoni pubblika). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja espliċitament irrifjutat li tapplika l-approċċ ta’ Humbel għall-kura fl-isptarijiet ipprovduta b’korrispettiv mhux finanzjarju jew bla ħlas għall-pazjent, jiġifieri fejn ċertament ma sar l-ebda lukru. Hija ddeċidiet li “[l-]ħlas magħmul mill-fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard fil-kuntest tas-sistema ta’ ftehim kuntrattwali previst miż-ZFW, anki jekk stabbilit b’rata fissa, jikkostitwixxi l-korrispettiv ekonomiku għas-servizzi mogħtija fl-isptar, u bla dubju ta’ xejn jikkostitwixxi ħlas għall-isptar li jirċevih u li jiżvolġi attività ta’ natura ekonomika” (38).

87.      Din hija sorpriża peress li l-kura tas-saħħa tippreżenta numru ta’ similaritajiet mal-edukazzjoni (39). It-tnejn li huma huma primarjament f’idejn l-Istat Membru biex jirregolahom. It-tnejn jimplikaw għażliet fil-politika u jirreflettu l-valuri soċjali fil-mod ta’ kif dawn is-servizzi huma pprovduti. Barra minn hekk, għalkemm hemm xi varjazzjonijiet minn pajjiż għal ieħor il-finanzjament tal-kura tas-saħħa ma huwiex differenti mill-edukazzjoni ffinanzjata mill-pubbliku. Is-servizzi tal-kura tas-saħħa huma fil-fatt imħallsa mill-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard, li, fl-Ewropa, huma normalment iffinanzjati minn korpi li joriġinaw mill-Istat minkejja li xi fondi jkunu pprovduti mill-pazjenti. Il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-pazjenti x’aktarx li ma jkunux proporzjonati għall-ispejjeż proprji tas-servizz li jkunu rċevew.

88.      L-istess huwa vera wkoll, u anki iktar minn hekk, meta l-fehim f’Humbel ta’ attività ekonomika u r-remunerazzjoni huwa mqabbel mal-kunċett ta’ “natura ekonomika” f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni. Fl-għajnuna statali jew id-dritt tal-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tradizzjonalment żammet fehim wiesa’ ta’ “attività ekonomika” bħala l-element deċiżiv li jikkaratterizza impriża. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “il-kunċett ta’ ‘impriża’, jinkludi […] kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus legali ta’ din l-entità u mill-mezz ta’ finanzjament tagħha […] Kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ prodotti jew servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika. Il-fatt li l-offerta ta’ prodotti jew ta’ servizzi ssir mingħajr skop ta’ lukru ma huwiex ta’ ostakolu sabiex l-entità li twettaq dawn it-tranżazzjonijiet fis-suq jkollha titqies li hija impriża, ladarba din l-offerta tikkompeti ma’ dik ta’ operaturi oħrajn li jkollhom skop ta’ lukru” (40).

d)      Konklużjoni intermedjarja

89.      Fil-kawża ineżami għalkemm numru mill-kwistjonijiet li għadni kif semmejt ġew imqajma fis-sottomissjonijiet bil-miktub u fis-seduta, jidher li ma huwiex ikkontestat li UIBS Belgium, il-kumpannija responsabbli mill-attività tat-tagħlim, hija entità privata, iffinanzjata biss minn fondi privati. Għalhekk, abbażi wkoll tat-test ta’ Humbel kif inhu stabbilit bħalissa, l-attività tat-tagħlim ta’ UIBS Belgium hija pprovduta għal reemunerazzjoni u, għalhekk, il-korsijiet offruti minn din il-kumpannija huma “servizzi” skont it-tifsira tat-Trattat.

90.      Fil-fehma tiegħi, dawn l-attivitajiet jikkostitwixxu wkoll servizzi għall-finijiet tad-Direttiva dwar is-servizzi. Peress li ma tapplika l-ebda esklużjoni speċifika mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, u programmi ta’ studju ta’ edukazzjoni ffinanzjati minn studenti ma jistgħux jiġu inklużi fil-kunċett ta’ servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali, mela d-Direttiva dwar is-servizzi hija wkoll (mil-lat materjali) applikabbli.

91.      Lil hinn minn din il-konklużjoni – relattivament inekwivoka – nissuġġerixxi wkoll, b’mod iktar wiesa’, li għall-kuntrarju ta’ xi wħud mill-argumenti mressqa matul din il-proċedura li l-eċċezzjoni ta’ Humbel ma hijiex applikabbli universalment għall-edukazzjoni ogħla, għalhekk effettivament jingħata lok li tinħoloq eżenzjoni oħra skont il-kategorija għal kwalunkwe attivitajiet imwettqa minn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla ffinanzjati mill-pubbliku. Hemm tliet punti li jeħtieġ li jiġu enfasizzati f’dan ir-rigward.

92.      L-ewwel nett, dak li għandu jiġi evalwat huwa kull tip individwali ta’ attività (u b’mod partikolari l-programm ta’ studju individwali)  sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx ta’ natura ekonomika.

93.      It-tieni nett, fl-evalwazzjoni ta’ din in-natura ekonomika ta’ programm ta’ studju partikolari, nissuġġerixxi li ma tibqax tingħata daqshekk attenzjoni għad-dettalji tal-linji baġitarji (minn fejn eżattament u x’ammont ta’ flus dieħel u jekk jistax ikun hemm taħlit ta’ finanzjamenti bejn dawk privati u pubbliċi). L-enfasi għandu pjuttost ikun fuq il-livell ta’ studju u l-bilanċ tal-interessi involuti li jikkorrelata. Iktar ma wieħed imur lura fis-sistema edukattiva (edukazzjoni primarja u sekondarja), iktar in-natura tal-edukazzjoni ma tkunx ekonomika iżda fil-fatt tkun waħda iktar soċjali. Fil-fatt, dan ikun jiġġustifika kompletament l-esklużjoni tagħha mill-kunċett ta’ servizzi, b’mod partikolari jekk hija pprovduta fuq bażi ta’ mingħajr ħlas ta’ miżata u hija obbligatorja għal kulħadd.

94.      It-tielet u l-aħħar nett, il-ħlas għall-programm ta’ studju u l-kwistjoni ta’ korrispettiv ser tiġi evalwata. Madankollu, tali evalwazzjoni ma għandhiex titwettaq billi jittieħed biss inkunsiderazzjoni l-għan iżolat tal-fornitur individwali, iżda b’mod iktar kuntestwali, f’konformità mal-ġurisprudenza ġenerali dwar il-kunċett ta’ remunerazzjoni normali fil-kuntest tas-servizzi, u fid-dawl tan-natura tal-attività u s-suq rilevanti.

95.      Dan jimplika, minn naħa waħda, li l-ispiża (ekonomika kollha) ma għandhiex titħallas (biss u direttament) mill-klijent. B’mod simili għall-ġurisprudenza dwar il-kura tas-saħħa jew is-servizzi b’mod ġenerali (41), l-importanti ma huwiex jekk hemmx pagament dirett, iżda pjuttost jekk ġiex ipprovdut korrispettiv ekonomiku għal kull parteċipant individwali jew le, anki jekk parti minnu hija mħallsa indirettament, u (almenu b’xi mod) b’mod proporzjonat mal-ammont jew man-numru ta’ servizzi pprovduti.

96.      Min-naħa l-oħra, għal tali evalwazzjoni, in-natura iktar wiesgħa tas-“suq” hija importanti wkoll, u mhux sempliċement l-istabbiliment istituzzjonali speċifiku ta’ fornitur uniku wieħed ta’ servizz. Għalhekk, jekk għal tip ta’ programm ta’ studju partikolari hemm suq dinamiku fuq skala nazzjonali, Ewropea, jew anki globali, b’numru ta’ programmi ta’ studju kompetittivi li qegħdin jiġu offruti, huwa pjuttost diffiċli li jiġi ssuġġerit li istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla, billi tipprovdi xi ħaġa li diġà qiegħda tiġi offruta minn ħafna istituzzjonijiet oħrajn, kemm jekk hija parti mis-sistema nazzjonali tal-edukazzjoni pubblika jew le, tkun qiegħda tissodisfa għan kulturali u soċjali li huwa speċjali u uniku.

97.      Fid-dawl ta’ dan, hemm bżonn ta’ żewġ rimarki konklużivi.

98.      L-ewwel nett, huwa ċar li l-fatt li xi programmi ta’ studju ta’ edukazzjoni ogħla jistgħu jikkostitwixxu servizzi skont id-dritt tal-Unjoni ma jfissirx li l-ispeċifiċità tal-edukazzjoni hija immedjatament u irriversibbilment mitlufa, kif xi wħud jistgħu jagħtu stampa tagħha. Il-professuri ma humiex ser jinbidlu f’fornituri u l-istudenti ma humiex ser jinbidlu f’klijenti, ċertament mhux bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni. Ċertament l-edukazzjoni ma hijiex servizz bħal kwalunkwe servizz ieħor. Għalhekk b’mod simili għal tipi ta’ servizzi speċjali oħra, bħall-kura tas-saħħa, l-ispeċifiċitajiet jistgħu u għandhom jinżammu.

99.      It-tieni nett, lil hinn mil-livell ideoloġiku dan sempliċement ikun qiegħed evidentement jiċħadli l-edukazzjoni ogħla tista’ xi darba tikkostitwixxi servizz. Fuq livell iktar prattiku, il-forniment ta’ servizzi f’xi każijiet ma jiġġenerax biss obbligi fuq in-naħa tal-fornituri tas-servizzi, iżda wkoll jagħtihom drittijiet u garanziji ta’ protezzjoni. Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija għalhekk sikkina taqta’ miż-żewġ naħat. Din tista’ tkun ta’ importanza partikolari għall-moviment liberu u l-kompetizzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni ogħla fl-Unjoni. Fil-prinċipju għandu jkun possibbli għall-istituzzjonijiet ta’ Stat Membru wieħed li jiġu attivi, jekk ikunu jixtiequ, fit-territorju ta’ Stati Membri oħra, irrispettivament mill-istatus legali nazzjonali partikolari u dak ta’ finanzjament tagħhom, li x’aktarx ikun differenti u ta’ rilevanza limitata fl-Istat Membru l-ieħor.

C.      Fuq it-tieni u t-tielet domanda

100. Permezz tat-tieni u t-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprojbixxi istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla mhux akkreditata milli toħroġ lawrji ta’ master u tippermetti li jiġu imposti sanzjonijiet kriminali għal ksur ta’ din il-projbizzjoni, mad-Direttiva dwar is-servizzi.

1.      Applikabbiltà

101. Id-Direttiva dwar is-servizzi tapplika għall-kors ipprovdut minn UIBS Belgium? Għall-Komunità Fjamminga u l-Gvern Belġjan, li jiffukaw fuq l-għoti tal-lawrja, id-direttiva ma hijiex applikabbli ratione loci minħabba li l-entità li tagħti l-lawrji, GES Switzerland hija bbażata f’pajjiż terz u għalhekk ma tistax tibbenefika mill-moviment liberu skont id-dritt tal-Unjoni. Il-Gvern Pollakk min-naħa tiegħu jiffoka fuq UIBS Belgium u jikkunsidra li d-direttiva ma hijiex applikabbli minħabba li ma hemmx element transkonfinali, il-fatti kollha rilevanti huma fil-konfini ta’ Stat Membru wieħed, jiġifieri l-Belġju (sitwazzjoni purament interna).

102. Fil-fehma tiegħi, id-Direttiva dwar is-servizzi hija applikabbli għall-kawża ineżami.

103. L-argumenti mressqa mill-Komunità Fjamminga u l-Gvern Belġjan diġà ġew ittrattati (42): L-attività determinanti inkwistjoni hija t-tagħlim li jitwettaq minn UIBS Belgium, mhux l-għoti formali taċ-ċertifikati tal-lawrja, li apparentement huwa organizzat minn GES Switzerland. Id-Direttiva dwar is-servizzi hija għalhekk applikabbli ratione loci peress li UIBS Belgium hija stabbilita fi Stat Membru (43).

104. Fir-rigward tas-sottomissjoni tal-Gvern Pollakk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa waħda, li l-organizzazzjoni għar-remunerazzjoni ta’ korsijiet universitarji hija attività ekonomika li taqa’ fil-kapitolu tat-Trattat li jittratta d-dritt ta’ stabbiliment meta din l-attività hija mwettqa minn ċittadin ta’ Stat Mebru fi Stat Membru ieħor fuq bażi stabbli u kontinwa minn stabbiliment prinċipali jew sekondarju li jinsab f’dan l-aħħar Stat Membru (44). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja riċentement stqarret li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva dwar is-servizzi, dwar il-libertà għall-istabbiliment ta’ fornituri, japplikaw anki għal sitwazzjoni fejn l-elementi kollha rilevanti huma fil-konfini ta’ Stat Membru wieħed (45).

105. Fil-kawża ineżami, ġie ssuġġerit li l-korsijiet huma pprovduti minn kumpannija Belġjana fil-Belġju fil-kampusijiet ta’ Antwerp u Ghent, u li kull kampus jimpjega l-persunal tiegħu. Għalhekk jidher, suġġett għall-verifiki meħtieġa mill-qorti nazzjonali, li UIBS Belgium, il-fornitur tas-servizz, għandha attività permanenti u stabbli u għalhekk “stabbiliment” fil-Belġju (46).

106. Jirriżulta li l-Kapitolu III tad-Direttiva dwar is-servizzi huwa applikabbli irrispettivament minn jekk is-sitwazzjoni ineżami hijiex purament interna jew le. Id-diskussjoni rigward l-applikabbiltà tad-Direttiva dwar is-servizzi għall-kawża ineżami tista’ tieqaf hawnhekk peress li, abbażi tas-sentenza X u Visser, ma hemmx iktar bżonn li jiġi identifikat element transkonfinali sabiex tiskatta l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment tad-Direttiva dwar is-servizzi.

107. Madankollu, għall-finijiet ta’ kompletezza għandu jiġi nnotat li s-sitwazzjoni inkwistjoni effettivament ma tidhirx li hija purament interna. Din tippreżenta xi aspetti transkonfinali li jistgħu fil-fatt jirrendu d-Direttiva dwar is-servizzi applikabbli. L-ewwel aspett huwa li hemm benefiċjarji ta’ servizzi minn Stati Membri oħra: studenti li jattendu korsijiet ipprovduti minn UIBS Belgium jistgħu jiġu minn madwar l-Unjoni kollha (47). It-tieni aspett ġej mill-istruttura tal-kumpannija. Mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-konvenuti jidher li UIBS Belgium għandha kumpannija omm u/jew kumpannija oħt fil-forma ta’ numru ta’ kampusijiet stabbiliti fi Stati Membri oħra, u li hija marbuta strettament ma’ GES Spain.

2.      Fuq il-mertu

108. Il-konvenuti jargumentaw li, billi wieħed jeżiġi istituzzjoni edukattiva tikseb akkreditazzjoni mill-Gvern Fjamming qabel ma tkun tista’ tagħti diplomi ta’ “master”, il-Komunità Fjamminga tikser l-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva dwar is-servizzi. Il-proċedura tal-akkreditazzjoni stabbilità fid-digriet nazzjonali li tawtorizza l-għoti ta’ diplomi ta’ “master” ma hijiex konformi mal-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva dwar is-servizzi.

109. Ma naqbilx.

110. Skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar is-servizzi u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (48), l-Istati Membri ma għandhomx jagħtu aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha, suġġetta għal skema ta’ awtorizzazzjoni sakemm din l-iskema ma hijiex nondiskriminatorja, iġġustifikata minn raġuni superjuri li tirrelata mal-interess pubbliku, u proporzjonata.

111. Kif ġie argumentat mill-Kummissjoni, il-proċedura ta’ akkreditazzjoni fil-kawża ineżami tista’ tiġi kkaratterizzata bħala skema ta’ awtorizzazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 4(6) tad-Direttiva dwar is-servizzi peress li l-eżerċizzju tas-servizzi tal-edukazzjoni huwa suġġett għall-kisba ta’ akkreditazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti.

112. Anki jekk tali proċedura ma tipprevjenix istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla, bħal UIBS Belgium, milli tpoġġi programmi ta’ studju fis-suq, xorta tillimita kif tiġi eżerċitata billi teżiġi l-akkreditazzjoni qabel ma jiġi permess l-għoti ta’ lawrji ta’ master. Għalhekk, il-proċedura ta’ akkreditazzjoni tirrestrinġi l-libertà ta’ stabbiliment. Tagħmilha inqas attraenti għall-istudenti biex jattendu dawn il-korsijiet, peress li dawn il-korsijiet qatt ma jistgħu jwasslu għall-għoti ta’ lawrja speċifika, bħal-lawrja ta’ master (49), biex b’hekk tfixkel l-attività tan-negozju tal-fornitur tas-servizz. L-importanza fiż-żminijiet tal-lum li tinkiseb kwalifika formali bħal lawrja ta’ master, sabiex tinkiseb firxa wiesgħa ta’ xogħlijiet bilkemm tista’ tiġi kkontestata.

113. Għalkemm tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, il-proċedura tal-akkreditazzjoni, madankollu, tidher li hija kompletament iġġustifikata u kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

114. L-ewwel nett, ma ġiex argumentat mill-ebda parti li l-kundizzjonijiet għall-akkreditazzjoni huma diskriminatorji. Dawn jidhru li japplikaw bl-istess manjiera għal kwalunkwe istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla li tixtieq tniedi programmi tal-edukazzjoni u toħroġ lawrji ta’ master. B’mod partikolari, in-nazzjonalità ma tidhirx li għandha xi rwol. Fil-kawża ineżami, hija kumpannija Belġjana (UIBS Belgium) li ma kisbitx akkreditazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti Belġjani.

115. It-tieni nett, il-proċedura ta’ akkreditazzjoni hija ċertament iġġustifikata mill-għan li jiġi żgurat standard għoli ta’ edukazzjoni universitarja li hija interess pubbliku leġittimu oġġettiv (50). Huwa fil-fatt leġittimu li l-għoti ta’ ċerti lawrji, b’mod partikolari dawk li huma meqjusa bħala lawrji ta’ kwalifika standardizzati internazzjonalment għal numru ta’ professjonijiet, jiġi suġġett għal rekwiżiti ta’ kwalità u verifika, sabiex tiġi żgurata l-kunfidenza fil-kwalità tal-lawrji li ngħataw lill-istudenti potenzjali kif ukoll lill-impjegati.

116. L-istess raġuni leġittima għandha dimensjoni addizzjonali, esterna: livell għoli ta’ fiduċja (reċiproka) hija iktar importanti għall-movimenti liberu u t-twaqqif ta’ Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Ogħla. Il-lawrji ta’ baċellerat, master u dottorat suppost ikunu lawrji “standardizzati” fl-Ewropea kollha permezz tas-sistema tal-ECTS (51). Barra minn hekk, minħabba li l-lawrji huma intiżi li jirriflettu l-kisba ta’ kwalifiki speċifiċi, fiduċja f’dawn il-lawrji hija wkoll ta’ importanza suprema biex jiġi ggarantit il-funzjonament mingħajr tfixkil ta’ rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali fl-Unjoni (52).

117. It-tielet u l-aħħar nett, il-proċedura ta’ akkreditazzjoni tidher li hija meħtieġa u xierqa biex tilħaq l-għanijiet imsemmija hawn fuq. Ma nista’ nara, sakemm ma jiġux ikkontemplati approċċi pjuttost uniċi (53), l-ebda miżuri inqas restrittivi kif tista’ tiġi żgurata l-kwalità ta’ ċerti lawrji għajr dawk li jipprojbixxu l-għoti ta’ lawrji ta’ master minn istituzzjonijiet mhux akkreditati li ma kinux ġew evalwati u fejn il-kwalità tat-tagħlim tagħhom ma setgħetx tiġi vverifikata (54).

118. Għaldaqstant, u għalkemm finalment hija f’idejn il-qorti tar-rinviju bl-għarfien kollu tagħha tal-fatti rilevanti twettaq l-evalwazzjoni, jirriżulta li l-proċedura ta’ akkreditazzjoni inkwistjoni – u l-estensjoni loġika tagħha fil-projbizzjoni li jingħataw l-lawrji mingħajr tali akkreditazzjoni – jidher li hija kompatibbli mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar is-servizzi.

119. Mill-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq jirriżulta li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun kif ġej: Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern għandha tiġi interpretata bħala li ma tipprekludix dispożizzjoni nazzjonali milli timponi projbizzjoni ġenerali fuq l-istituzzjonijiet edukattivi mhux akkreditati milli jużaw id-deżinjazzjoni ta’ “lawrja ta’ master” fuq id-diplomi li jagħtu, sakemm il-proċedura ta’ akkreditazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva.

3.      Id-dispożizzjoni kriminali nazzjonali

120. It-tielet domanda tirrelata speċifikament ma’ dispożizzjoni tad-dritt kriminali li tissanzjona l-ksur tal-obbligu għal istituzzjonijiet mhux akkreditati li ma jagħtux lawrji ta’ master. Il-konvenuti argumentaw li din id-dispożizzjoni ma tgħaddix mit-test tal-proporzjonalità.

121. Skont il-Komunità Fjamminga u l-Gvern Belġjan, din id-domanda, li ġiet ifformulata mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-Artikoli 9(1)(ċ) u l-Artikolu 10(2)(ċ) tad-Direttiva dwar is-servizzi, hija inammissibbli. Dan huwa minħabba li dawn id-dispożizzjonijiet jirrelataw mal-iskema tal-awtorizzazzjoni nnifisha, għall-kuntrarju tas-sanzjonijiet marbuta mal-assenza tal-awtorizzazzjoni jew in-nuqqas ta’ osservanza tagħha.

122. Għar-raġunijiet li ddeskrivejt iktar ’il fuq fir-rimarki preliminari tiegħi (55), jien tal-fehma li din id-domanda hija ammissibbli. Il-projbizzjoni għal istituzzjonijiet mhux akkreditati milli jagħtu lawrji, u permezz ta’ din id-dispożizzjoni l-proċedura ta’ akkreditazzjoni nnifisha, u s-sanzjonijiet li potenzjalment jirriżultaw għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-projbizzjoni, huma kollha element tan-norma legali applikabbli. Għalhekk għandu jiġi konkluż li t-tielet domanda hija ammissibbli.

123. Jien tal-fehma li d-Direttiva dwar is-servizzi ma tipprekludix id-dispożizzjonijiet kriminali inkwistjoni.

124. Jirriżulta mill-Artikolu 1(5) tad-Direttiva dwar is-servizzi u mill-ġurisprudenza stabbilita (56) li, għalkemm id-direttiva ma taffettwax ir-regoli tad-dritt kriminali tal-Istati Membri, l-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi billi japplikaw dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali li speċifikament jirregolaw jew jaffettwaw l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fl-evażjoni tar-regoli stabbiliti fid-direttiva. B’mod partikolari, meta dispożizzjoni nazzjonali tipprevedi sanzjonijiet, dawn tal-aħħar għandhom ikunu meħtieġa u proporzjonati għall-gravità tal-ksur (57).

125. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti ġie ssuġġerit li l-proċedura ta’ akkreditazzjoni hija kompatibbli mad-Direttiva dwar is-servizzi. L-Istat Membru jista’ għalhekk legalment jipprevedi sanzjonijiet (kriminali) għal nuqqas ta’ osservanza tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni.

126. Mistoqsija oħra hija jekk dawn is-sanzjonijiet humiex fihom infushom proporzjonati. Għal darba oħra din hija finalment f’idejn il-qorti tar-rinviju biex tevalwaha. Madankollu, min-naħa tiegħi, għandi diffikultà kbira biex nara kif is-sanzjonijiet ġenerali previsti fid-dritt Belġjan biex jissanzjonaw dak li jirriżulta bħala għoti illegali ta’ lawrji (sentenza ta’ ħabs sa massimu ta’ 3 xhur u multa ta’ EUR 500), sussegwentement adattati u mmoderati fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ individwali, kif fil-fatt jidher li seħħ fil-kawża ineżami, jistgħu jidhru bħala sproporzjonati.

127. Għal dawn ir-raġunijiet, nissuġġerixxi li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun kif ġej: Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni kriminali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ddaħħlet fis-seħħ sabiex tissanzjona l-għoti ta’ lawrji minn istituzzjonijiet mhux akkreditati sakemm dawn is-sanzjonijiet jkunu proporzjonati.

D.      Fuq l-ewwel domanda

128. Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-projbizzjoni tad-dritt nazzjonali għal korpi tal-edukazzjoni ogħla mhux akkreditati milli jagħtu lawrji mad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali

129. L-ewwel ser nittratta l-kwistjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva qabel ma nittratta l-mertu tad-domanda. Fil-fehma tiegħi, id-Direttiva PKŻ hija applikabbli għall-kawża ineżami. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tagħha jistgħu fil-fatt ikunu ta’ sostenn sabiex jiġu ġġustifikati iktar milli biex jiġu kkontestati l-miżuri adottati mill-awtoritajiet nazzjonali.

1.      Kamp ta’ applikazzjoni

130. Skont il-Gvern Belġjan, id-Direttiva PKŻ ma tapplikax għall-edukazzjoni. Il-protezzjoni tal-kwalità tal-lawrji ma hijiex “prattika kummerċjali” minħabba li l-Komunità Fjamminga ma hijiex “kummerċjant” skont it-tifsira ta’ din id-direttiva. Din tal-aħħar ma tistax tkun ta’ sostenn biex tiġi protetta l-libertà tan-negozju mill-interferenzi tal-Istati Membri, iżda pjuttost biex tiġi protetta mill-prattiki kummerċjali żleali tal-konvenuti stess.

131. Il-Gvern Norveġiż u l-Kummissjoni jaffermaw ukoll li d-Direttiva PKŻ ma tapplikax għall-kawża ineżami, iżda għal raġuni differenti. L-Artikolu 1 tad-Direttiva PKŻ jistabbilixxi li jkopri dawk ir-regoli nazzjonali li primarjament għandhom l-għan li jipproteġu l-interessi eknomiċi tal-konsumaturi. Fil-kawża ineżami, peress li r-regoli nazzjonali rilevanti ġeneralment huma intiżi biex jiżguraw li jintlaħaq l-għan tal-politika pubblika, jiġifieri l-protezzjoni tal-kwalità tal-edukazzjoni ogħla u l-fiduċja fil-fatt li ċerti lawrji jirreflettu kwalità għolja, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva PKŻ. Il-Gvern Norveġiż b’mod partikolari jargumenta li anki meta dawn ir-regoli huma intiżi, bħala għan tanġenzjali, biex jipproteġu l-interessi ekonomiċi tal-istudenti, xorta ma humiex koperti minn din id-direttiva.

132. Nifhem (u parzjalment nikkondividi) l-iskumdità intellettwali li tidher li wasslet, anki jekk minħabba diversi raġunijiet, lill-Gvern Norveġiż, lill-Kummissjoni, u l-Gvern Belġjan biex jiċħdu l-applikabbiltà tad-Direttiva PKŻ għall-kawża ineżami. Tista’ fil-fatt tidher xi ftit stramba mal-ewwel daqqa ta’ għajn, li jiġi affermat li miżura nazzjonali fil-qasam tal-edukazzjoni tista’ tidher bħala waħda li primarjament qiegħda tfittex li tikseb għan ta’ interess pubbliku (jiġifieri l-kwalità tal-edukazzjoni permezz ta’ proċedura ta’ akkreditazzjoni) u li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva PKŻ.

133. Madankollu, fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tad-Direttiva PKŻ, kif inhu stabbilit b’mod ċar fid-dispożizzjonijiet tagħha, moqrija fid-dawl tal-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa impossibbli li tintlaħaq konklużjoni differenti.

134. L-ewwel nett, bħala risposta lill-Gvern Belġjan, kif diġà ġie affermat iktar ’il fuq (58), programmi ta’ studju ta’ edukazzjoni ogħla jistgħu jikkostitwixxi servizz skont id-dritt tal-Unjoni. Issa jekk l-edukazzjoni jista’ jkollha dimensjoni ekonomika għall-finijiet tal-libertà ta’ stabbilment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ikun pjuttost diffiċli li jiġi konkluż li dan ser jieqaf ikun il-każ għall-finijiet ta’ applikazzjoni ta’ att differenti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni (barra minn hekk, b’rabta mal-istess programm ta’ studju eżatt fi ħdan l-istess kawża). Ikun pjuttost inkonsistenti li simultanjament jiġi affermat li d-Direttiva dwar is-servizzi hija applikabbli filwaqt li d-Direttiva PKŻ, abbażi ta’ premessi simili, ma hijiex (59).

135. It-tieni nett, hija ġurisprudenza stabbilita li d-Direttiva PKŻ tista’ tkun ta’ sostenn għall-kummerċjanti kontra l-Istati Membri. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja żammet approċċ wiesa’ għall-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Din tal-aħħar, li għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern (60), tista’ fil-fatt tkun ta’ sostenn għall-kummerċjanti kontra regola nazzjonali li tipprojbixxi jew tirrestrinġi ċerti prattiki kummerċjali (61).

136. It-tielet nett, bħala tweġiba għall-argument imressaq kemm mill-Gvern Norveġiż u mill-Kummissjoni dak li huwa (allegatament) l-interess primarju mfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-kuntrarju ta’ interessi sekondarji jew oħrajn ulterjuri ma hijiex effettivament rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni dwar jekk id-Direttiva PKŻ hijiex applikabbli. Hija ġurisprudenza stabbilita li din id-direttiva hija wkoll applikabbli meta r-regola inkwistjoni mhux biss jew saħansitra tfittex li tilħaq l-għan li tipproteġi lill-konsumaturi, iżda wkoll tfittex li tikseb interessi oħra (62). Fil-fatt id-direttiva hija applikabbli sakemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tittratta l-protezzjoni tal-konsumatur, għall-kuntrarju biss tal-interessi tal-kompetituri (63), anki jekk l-għan prinċipali tagħha ma huwiex il-protezzjoni tal-konsumatur.

137. Fi kliem sempliċi, huwa importanti li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tibda tirregola, ikun xi jkun l-għan tagħha, ir-relazzjonijiet bejn in-negozju u l-konsumatur. F’dan il-kuntest, huwa immaterjali jekk l-interess primarju segwit mil-leġiżlazzjoni għall-adozzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni kinitx “pubblika” jew “privata”. Huwa importanti li r-regolament jaffettwa t-tip ta’ relazzjonijiet bejn in-negozju u l-konsumatur billi jillimita ċerti prattiki kummerċjali kif inhu ddefinit mid-direttiva.

138. Dan għandu jwassal għal żewġ raġunijiet addizzjonali. L-ewwel nett, l-għanijiet regolatorji huma diffiċli biex jiġu ddefiniti preċiżament u faċli biex jiġu rriformulati. Kwalità għolja ta’ edukazzjoni hija ċertament kwistjoni ta’ interess pubbliku. Madankollu, l-istudenti huma ugwalment interessati f’din il-kwalità għolja bħala konsumaturi tas-servizzi edukattivi, jiġifieri, fl-interess privat tagħhom, kif inhuma wkoll il-persuni li jimpjegaw u s-suq tax-xogħol inġenerali. Dawn l-interessi differenti kollha huma ugwalment plawżibbli fir-rigward tal-projbizzjoni milli jinħarġu lawrji ta’ master mingħajr akkreditazzjoni. Dan iwassalni għat-tieni raġuni: finalment ikun dejjem f’idejn l-Istat Membru li jiddikjara ruħu liema minn dawn l-interessi potenzjalment plawżibbli jixtieq (primarjament) jipproteġi billi jadotta r-regolament inkwistjoni, approċċ li ma tantx jinżel tajjeb mal-Qorti tal-Ġustizzja f’numru ta’ oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, huma importanti l-għan proprja u l-impatt kurrenti tar-regola, mhux l-intenzjoni leġiżlattiva, storika u suġġettiva ddikjarata (64).

139. Għalhekk, jien tal-opinjoni li d-dritt nazzjonali inkwistjoni jirregola, għalkemm pjuttost inċidentalment, il-modi li fihom impriżi privati li qegħdin joffru servizzi edukattivi jistgħu jirreklamaw u jikkummerċjalizzaw is-servizzi tagħhom għal konsumatur potenzjali. Għalhekk, is-sitwazzjoni ineżami taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva PKŻ.

2.      Fuq il-mertu

140. Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva PKŻ u fid-dawl tad-definizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 2 prattiki kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur huma pprojbiti. Dan jinkludi kwalunkwe komunikazzjoni kummerċjali, inklużi r-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni minn kummerċjant li mal-promozzjoni, il-bejgħ jew il-provvista ta’ prodott lill-konsumaturi, li materjalment joħloqu distorsjoni jew x’aktarx li joħolqu distorsjoni fl-imġiba ekonomika tal-konsumaturi (65). Hija ġurisprudenza stabbilita li l-prattiki koperti minn din id-direttiva għandhom ikunu, minn naħa, ta’ natura kummerċjali, jiġifieri ġejjin minn kummerċjanti u, min-naħa l-oħra, ikunu f’rabta diretta mal-promozzjoni, il-bejgħ jew il-provvista tal-prodotti tagħhom għall-konsumaturi (66).

141. Fil-kawża ineżami, jidher li hemm ċertu livell ta’ konfużjoni fir-rigward ta’ liema “prattika kummerċjali” hija involuta. Il-konvenuti jaffermaw li l-użu tagħhom tad-deżinjazzjoni ta’ diploma ta’ “master” b’mod inkontestabbli jagħmel parti mill-istrateġija kummerċjali tal-kumpannija tagħhom, li huwa biżżejjed biex jiġi kklassifikat bħala prattika kummerċjali, jiġifieri li d-direttiva hija applikabbli għalihom. Barra minn hekk, huma tal-fehma li l-għoti ta’ lawrji ta’ master minn istituzzjoni edukattivi mhux irrikonoxxuta ma hijiex inkluża fil-lista tal-prattiki li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tipprojbixxi speċfikament. Barra minn hekk, dawn jenfasizzaw li huma ma humiex qegħdin jiġu suġġetti għal proċedura kriminali peress li kisru l-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Belġjan jiffoka fuq il-protezzjoni li hija kkonferita mil-leġiżlazzjoni Fjamminga għat-titolu ta’ “master” tal-kors jew tal-lawrja. Huma jikkunsidraw li din ma hijiex “prattika kummerċjali” skont it-tifsira tad-direttiva minħabba li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ma jikkoinċidix ma’ dak tad-direttiva.

142. Fl-opinjoni tiegħi, il-“prattika kummerċjali” fil-kawża ineżami hija l-promozzjoni u l-bejgħ ta’ korsijiet billi tiġi rreklamata l-possibbiltà li jinkisbu lawrja jew ċertifikat ta’ master mat-tlestija b’suċċess tal-programm ta’ studju, għall-konvenuti (bħala kummerċjanti), bħala parti mill-attività kummerċjali tagħhom. Tali prattika hija s-suġġett tal-projbizzjoni, stabbilita mill-Parlament Fjamming, għal istituzzjonijiet mhux akkreditati biex jagħtu lawrji ta’ master (67).

143. Għaldaqstant, ir-rwol tal-Parlament Fjamming huwa għalhekk dak ta’ awtorità pubblika regolatorja u ċertament mhux dak ta’ kummerċjant skont it-tifsira tad-Direttika PKŻ. Huwa r-regolatur pubbliku (il-Parlament Fjamming) li jidħol fis-suq u jipprojbixxi ċerti tipi ta’ parttiki kummerċjali (l-offerta ta’ korsijiet ta’ master mingħajr l-awtorizzazzjoni xierqa) fir-relazzjonijiet bejn il-kummerċjanti (UIBS Belgium) u l-konsumaturi (studenti potenzjali).

144. Għalhekk, ma nistax nara kif il-projbizzjoni ta’ din il-prattika kummerċjali tkun tikser bi kwalunkwe mod id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva PKŻ. Pjuttost il-kuntrarju: jidher li jkun qiegħed preċiżament isir dak li d-direttiva teżiġi. Il-projbizzjoni hija fil-fatt imfassla biex tipproteġi lill-istudenti (il-konsumaturi) għal dak li jirriżula fi prattika kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur li materjalment toħloq distorsjoni jew x’aktarx li toħloq distorsjoni fl-imġiba ekonomika tal-istudenti billi twassalhom biex jaħsbu li jistgħu jiksbu lawrja ta’ master mat-tlestija b’suċċess tal-istudji organizzati mill-konvenuti.

145. Għalhekk, pjuttost hija l-prattika kummerċjali tal-konvenuti li x’aktarx ser tidher bħala żleali fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami. Kif ġie enfasizzat korrettament mill-Gvern Svediż u Norveġiż, tali prattika tista’ tiġi kkunsidrata bħala żleali “fiċ-ċirkustanzi kollha”, skont l-Anness I tad-Direttiva.

146. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Anness I tad-Direttiva PKŻ jistabilixxi lista eżawrjenti ta’ 31 prattika kummerċjali li, skont l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva, huma meqjusa bħala żleali “f’kull ċirkostanza”. Dawn il-prattiki huma l-uniċi prattiki kummerċjali li jistgħu jitqiesu żleali, mingħajr evalwazzjoni każ b’każ taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 9 tad-Direttiva (68).

147. Il-punt 2 tal-Anness I jinkludi bħala prattika kummerċjali li hija meqjusa żleali fiċ-ċirkustanzi kollha, “[i]l-wiri mill-kummerċjant ta’ marka ta’ fiduċja, marka ta’ kwalità jew ekwivalenti mingħajr ma jkun kiseb l-awtorizzazzjoni meħtieġa”. Il-punt 4 jinkludi wkoll, fost dawn il-prattiki, il-fatt “[f]ejn il-kummerċjant isostni li huwa […] jew xi prodott ġie approvat, appoġġat jew awtorizzat minn korp pubbliku jew privat ieħor meta huwa/dan ma kienx […]”.

148. Għall-kuntrarju tal-affermazzjonijiet magħmula mill-konvenuti, lista eżawrjenti f’dan il-kuntest tfisser lista magħluqa ta’ sitwazzjonijiet ġeneriċi u ġġeneralizzati espressi fuq livell astratt li huwa raġonevolment u loġikament xieraq. Fil-fatt ikun pjuttost assurd li jiġi ssuġġerit li minħabba li ma hemmx “punt 32” fil-lista tal-Anness I, li jkun jistabbilixxi “L-offerta ta’ reġistrazzjoni fi programm ta’ studju ta’ edukazzjoni ogħla li jwassal għall-għoti ta’ titolu ta’ master anki jekk ma nkisbet l-ebda akkreditazzjoni f’dan ir-rigward mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti”, din il-projbizzjoni ta’ tali prattika kummerċjali, li normalment u ċertament tkun taqa’ fi kwalunwe kategorija oħra (ifformulata b’mod astratt), hija inkompatibbli mad-direttiva.

149. Jista’ jingħad ukoll li fil-passat, il-Qorti tal-Ġustizzja wriet ukoll flessibbiltà (raġonevoli u meħtieġa) fl-interpretazzjoni tal-kategoriji li hemm fl-Anness I. Fil-fatt, ma tħarisx biss lejn il-formulazzjoni iżda tħares ukoll lejn il-kuntest wiesa’ u lejn l-għanijiet tad-Direttiva PKŻ sabiex tiddetermina jekk prattika kummerċjali speċifika għandhiex tiġi meqjusa żleali fiċ-ċirkustanzi kollha (69).

150. Għalhekk, fil-kawża ineżami, il-prattiki kummerċjali tal-konvenuti jistgħu faċilment jiġu inklużi fil-punti 2 u 4 tal-Anness I. Lawrja ta’ master, lawrja li għandha ċerti kwalitajiet u konnotazzjonijiet professjonali, tista’ faċilment tidher bħala ekwivalent għal marka tal-kwalità. Min-naħa tal-punt 4, kif interpretat mill-Qort tal-Ġustizzja, “jirrigwarda l-każijiet speċifiċi fejn […] il-leġiżlazzjoni applikabbli tistabbilixxi ċerti rekwiżiti b’mod partikolari fir-rigward tal-kwalità ta’ professjonist jew tal-prodotti tiegħu u tipprovdi, f’dan ir-rigward, sistema ta’ approvazzjoni, appoġġ jew awtorizzazzjoni” (70). Il-prattika kummerċjali tal-konvenuti tista’ faċilment tidħol fit-tnejn. Tali prattika għalhekk ma teħtiġx evalwazzjoni każ b’każ u tista’ tiġi kkunsidrata żleali fiċ-ċirkustanzi kollha.

151. Għalhekk, nissuġġerixxi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun kif ġej: Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern għandha tiġi interpretata bħala li ma tipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li timponi projbizzjoni ġenerali għal istituzzjonijiet edukattivi mhux akkreditati milli jużaw id-deżinjazzjoni ta’ lawrja jew kors ta’ “master” fuq iċ-ċertifikati li jagħtu sabiex tiġi żgurata kwalità għolja ta’ edukazzjoni.

V.      Konklużjoni

152. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen il-Belġju) kif ġej:

–        Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern għandha tiġi interpretata bħala li ma tipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li timponi, sabiex tiġi żgurata kwalità għolja ta’ edukazzjoni, projbizzjoni ġenerali għal istituzzjonijiet edukattivi mhux akkreditati milli jużaw id-deżinjazzjoni ta’ “master” fuq id-diplomi li jagħtu.

–        Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern għandha tiġi interpretata bħala li ma tipprekludix dispożizzjoni nazzjonali, li timponi projbizzjoni ġenerali fuq l-istituzzjonijiet edukattivi mhux akkreditati milli jużaw id-deżinjazzjoni ta’ “master” fuq id-diplomi li jagħtu, sakemm il-proċedura ta’ akkreditazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva. Lanqas ma tipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt kriminali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ddaħħlet fis-seħħ sabiex tissanzjona l-għoti ta’ lawrji minn istituzzjonijiet mhux akkreditati, sakemm dawn is-sanzjonijiet jkunu proporzjonati.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar is-servizzi”) (ĠU 2006 L 376, p. 36).


3      Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali” jew id-“Direttiva PKŻ”) (ĠU 2005 L 149, p. 22).


4      Belgisch Staatsblad tal‑14 ta’ Awwissu 2003.


5      Belgisch Staatsblad tas‑27 ta’ Frar 2014.


6      Id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li l-attività allegatament illegali tal-konvenuti seħħet f’numru ta’ okkażjonijiet, bejn id-19 ta’ Ottubru 2006 u t-3 ta’ Lulju 2010, f’dati li apparti mit‑30 ta’ Ġunju 2009 u mit‑2 ta’ Lulju 2010 ma jistgħux jiġu ddeterminati b’iktar preċiżjoni.


7      Kamer van inbeschuldigingstelling (L-Awla tal-Akkuża) f’Antwerp, bid-data tal‑5 ta’ Jannar 2015.


8      Għalkemm l-inċiżi eżatti (sottotaqsimiet) tal-Artikolu 25(7) u tal-Artikolu II.75(6) fil-fatt jidhru li għandhom l-istess kontenut, dan ma huwiex il-każ għall-bqija tal-artikoli (l-Artikolu 25 u l-Artikolu II.75, rispettivament) u l-listi tad-diversi digrieti li hemm fihom, minbarra r-relazzjonijiet sistematiċi ta’ dawn l-artikoli ma’ dispożizzjonijiet oħra tas-siltiet mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, li huma destinati li jkunu differenti, u li jista’ jkollhom effett fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kull waħda mid-dispożizzjonijiet.


9      Punti 21, 29, u 32 iktar ’il fuq.


10      B’mod simili għall-approċċ li qagħdet fuqu l-Qorti tal-Ġustizzja fid-determinazzjoni tal-iktar libertà ta’ moviment rilevanti applikabbli (oġġetti jew servizzi) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑24 ta’ Marzu 1994, Schindler (C‑275/92, EU:C:1994:119, punt 22), u tat‑22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital (C‑390/99, EU:C:2002:34, punt 31).


11      Jekk dan kien il-każ, mela jkun ifisser li (prinċipalment) istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla ffinanzjati mill-privat, anki dawk akkreditati kif suppost u ta’ kwalità indiskutibbli, li mill-punt strateġiku tad-dritt tal-Unjoni, is-servizzi tagħhom jikkonsistu fl-għoti ta’ diplomi għal remunerazzjoni (finanzjarja).


12      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑318/05, EU:C:2007:495, punt 86). Ara diġà, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 1985, Gravier (293/83, EU:C:1985:69, punt 19).


13      Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 1988, Humbel u Edel (263/86, EU:C:1988:451, punt 17); tat‑22 ta’ Mejju 2003, (C‑355/00, EU:C:2003:298, punt 55); tal‑11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz (C‑76/05, EU:C:2007:492,punt 38); u tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 47).


14      Sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988, Humbel u Edel (263/86, EU:C:1988:451).


15      Sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988, Humbel u Edel (263/86, EU:C:1988:451, punti 4 u 14).


16      Sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988, Humbel u Edel (C‑263/86, EU:C:1988:451, punt 18).


17      Ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Diċembru 1993, Wirth (C‑109/92, EU:C:1993:916, punt 16) u tal‑20 ta’ Mejju 2010, Zanotti (C‑56/09, EU:C:2010:288, punti 30 u 35).


18      Sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 50, u l-ġurisprudenza ċċitata fih).


19      Sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz (C‑76/05, EU:C:2007:492, punt 40).


20      Ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 1988, Humbel u Edel (263/86, EU:C:1988:451, punt 18), u tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 50).


21      Ara diġà l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Slynn f’Humbel u Edel (263/86, EU:C:1988:151, paġni 5379 sa 5380).


22      Ara pereżempju s-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2013, Femarbel (C‑57/12, EU:C:2013:517, punt 32), u tat‑23 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C‑179/14, EU:C:2016:108, punt 113).


23      L-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva dwar is-servizzi.


24      L-Artikolu 2(2)(i) tad-Direttiva dwar is-servizzi.


25      Punt 50, iktar ’il fuq.


26      Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Jundt (C‑281/06, EU:C:2007:816, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata fih).


27      Ara pereżempju, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Jundt (C‑281/06, EU:C:2007:816, punti 32 u 33).


28      Kif inhu kkonfermat ukoll mid-deskrizzjoni ta’ x’inhu l-għan tal-kunċett fil-Manwal dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar is-servizzi (Il-Kummissjoni Ewropea (Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern u s-Servizzi), Manwal dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar is-servizzi, L-Uffiċċju, għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali, 2007, p. 11). Ara wkoll il-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Servizzi Fis-Suq Intern (COM (2004) 2 final/3, p. 20).


29      F’dan ir-rigward ara wkoll il-konklużjoni tal-Avukat Ġenerali Szpunar f’Hiebler (C‑293/14, EU:C:2015:472, punt 37): “huwa enfasizzat fl-Artikolu 2(2)(a) li d-Direttiva ma tapplikax għal servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali, li huwa superfluwu, peress li huwa inerenti fid-definizzjoni ta’ servizz li dan jingħata għal remunerazzjoni”.


30      Ara wkoll il-Manwal dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar is-servizzi, p. 10 u 11, li jikkonferma li l-edukazzjoni ma tistax tiġi ttrattata bħala unità waħda skont id-dritt tal-Unjoni, li, madankollu, b’suġġeriment għal ġeneralizzazzjoni usa’ fir-rigward tal-edukazzjoni nazzjonali primarja u sekondarja, li x’aktarx li tkun relatata mal-kategorija ta’ servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali. Madankollu, skont il-Manwal, ma huwiex possibbli għal Stat Membru li jikkunsidra s-servizzi kollha fil-qasam speċifiku tal-edukazzjoni bħala servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali.


31      Tali approċċ każistiku jista’ allura loġikament jinkludi wkoll, f’ċirkustanzi speċifiċi, li attività ta’ tagħlim f’università ffinanzjata mill-pubbliku tista’ wkoll tkun servizz skont id-dritt tal-Unjoni. Ara f’dan ir-rigward is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Jundt (C‑281/06, EU:C:2007:816, punti 31 sa 34).


32      Għandu jiġi nnotat li l-karatterizzazzjoni bħala servizz skont id-dritt tal-Unjoni ma teħtiġx li l-attività inkwistjoni tiġi mħallsa minn dawk li għalihom qiegħda titwettaq. Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑26 ta’ April 1988, Bond van Adverteerders et (352/85, EU:C:1988:196, punt 16), u tat‑12 ta’ Lulju 2001, Smits u Peerbooms (C‑157/99, EU:C:2001:404, punt 57). Speċifikament fir-rigward tal-edukazzjoni, ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 49): “Ma huwiex meħtieġ li dan il-finanzjament privat ikun żgurat prinċipalment mill-istudenti jew mill-ġenituri tagħhom, sa fejn in-natura ekonomika ta’ attività ma tiddependix mill-fatt li s-servizz jitħallas minn dawk li jibbenefikaw minnu”.


33      Fis-sentenza tagħha tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 51), il-Qorti tal-Ġustizzja ssuġġeriet li istituzzjoni edukattiva li twettaq numru ta’ attivitajiet għandha żżomm “kontabbiltà separata f’dak li jirrigwarda d-diversi finanzjamenti rċevuti, b’mod li jiġi eskluż kull riskju ta’ sussidju ‘inkroċjat’ tal-attivitajiet ekonomiċi tagħha permezz ta’ fondi pubbliċi li hija tibbenefika minnhom permezz tal-attivitajiet mhux ekonomiċi tagħha”.


34      Għandu jiġi nnotat li s-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Jundt (C‑281/06, EU:C:2007:816, punti 31 sa 34), u tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 63) fil-fatt jissuġġerixxu li d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ servizz skont id-dritt tal-Unjoni għandha ssir fuq il-livell ta’ kull programm ta’ studju.


35      Din tiġi espressa fl-obbligu legali biex jiġi segwit ċertu numru ta’ snin ta’ edukazzjoni primarja.


36      Punt 59, iktar ’il fuq.


37      Loġikament tinkludi wkoll (u għalhekk teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-servizzi) il-korsijiet edukattivi ulterjuri għal amministraturi li ssemmew diġà (punt 79 iktar ’il fuq), jew kwalunkwe attività oħra li ċertament tista’ tkun ta’ lukru iżda fl-istess ħin tkompli xxerred l-għarfien.


38      Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2001, Smits u Peerbooms (C‑157/99, EU:C:2001:404, punt 58). Għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 2(2)(f) tad-Direttiva dwar is-servizzi issa jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva s-“servizzi tal-kura tas-saħħa, kemm jekk huma pprovduti permezz ta’ faċilitajiet tal-kura tas-saħħa kif ukoll jekk le, u jkunu x’ikunu l-mezzi li permezz tagħhom huma organizzati jew iffinanzjati fuq livell nazzjonali u jekk humiex pubbliċi jew privati”. Enfasi miżjuda minni.


39      Fil-konklużjonijet tiegħu f’Humbel l-Avukat Ġenerali Slynn li diġà ġie ċċitat (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 iktar ’il fuq), enfasizza ripetutament l-analoġija naturali li hemm bejn l-edukazzjoni sekondarja u l-kura tas-saħħa.


40      Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 41 u punti 45 sa 46 u l-ġurisprudenza ċċitata fihom). Enfasi miżjuda minni.


41      Punt 86, iktar ’il fuq.


42      Punti 46 sa 51, iktar ’il fuq.


43      Peress li d-Direttiva dwar is-servizzi tidher li hija applikabbli, ma huwiex meħtieġ li jiġi eżaminat fid-dettall l-argument tal-Gvern Svediż dwar l-applikabbiltà potenzjali tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment ħieles tal-persuni (OJ 2002 L 114, p. 6). Fi kwalunkwe każ, il-Gvern Svediż innota wkoll b’mod korrett li l-portata tal-libertà li jiġu pprovudti servizzi transkonfinali skont dan il-Ftehim hija limitata għal dritt li jiġu pprovduti servizzi għal massimu ta’ 90 jum fis-sena, iżda ma jagħtix lil persuni ġuridiċi dritt ta’ stabbilment.


44      Sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2003, Neri (C‑153/02, EU:C:2003:614, punt 39).


45      Sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2018, X uVisser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 110). Dan il-każ ma huwiex l-istess għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (punt 102).


46      L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva dwar is-servizzi jiddefinixxi “stabbiliment” bħala “[s-]segwitu effettiv ta’ attività ekonomika, kif imsemmi fl-Artikolu 43 tat-Trattat, mill-fornitur għal perjodu indefinit u permezz ta’ infrastruttura stabbli li minnu n-negozju ta’ provvista ta’ servizzi qiegħed tassew iseħħ”.


47      Ara s-sentenzi tal‑31 ta’ Jannar 1984, Luisi u Carbone (286/82 u 26/83, EU:C:1984:35); tat‑2 ta’ Frar 1989, Cowan (186/87, EU:C:1989:47, punt 15); u tal‑20 ta’ Mejju 2010, Zanotti (C‑56/09, EU:C:2010:288, punt 26).


48      Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et (C‑243/01, EU:C:2003:597, punt 65), u tas‑6 ta’ Marzu 2007, Placanica et (C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, EU:C:2007:133, punt 49).


49      F’dan ir-rigward, f’qasam ieħor, ara pereżempju s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital (C‑390/99, EU:C:2002:34 punt 29).


50      Ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2003, Neri (C‑153/02, EU:C:2003:614, punt 46), u tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Dirextra Alta Formazione (C‑523/12, EU:C:2013:831, punt 25).


51      Ara b’mod partikolari d-Dikjarazzjoni ta’ Bologna tad‑19 ta’ Ġunju 1999 - Dikjarazzjoni konġunta tal-Ministri tal-Edukazzjoni Ewropej kif kompliet tiġi estiża mill-Konferenza ta’ Bergen tal-Ministri Ewropej Responsabbli mill-Edukazzjoni Ogħla tad‑19 sa l-20 ta’ Mejju 2005 fil-Qafas tal-Kwalifiki għaż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Ogħla.


52      Ara b’mod partikolari l-Artikolu 54(1) TFUE u d-Direttiva 2005/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU 2005 L 255, p. 22).


53      Għalkemm spiss jiġu invokati permezz ta’ analoġija mill-ġurisprudenza tal-moviment liberu tal-merkanzija, ma naħsibx li l-approċċ ta’ “kemm twaħħal tikketta fuqha b’naqra informazzjoni u ħalli f’idejn il-konsumatur biex jiddeċiedi” tkun vera ta’ għajnuna fil-qasam tas-servizzi, b’mod partikolari f’servizzi speċifiċi bħall-edukazzjoni.


54      Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Dirextra Alta Formazione (C‑523/12, EU:C:2013:831, punti 28 u 29). Iżda ara, bħala eżempju ta’ miżura sproporzjonata, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2003, Neri (C‑153/02, EU:C:2003:614).


55      Punti 42 sa 44, iktar ’il fuq.


56      Ara, pereżempju, fil-kuntest tat-Trattat, is-sentenzi tad‑19 ta’ Jannar 1999, Calfa (C‑348/96, EU:C:1999:6, punt 17); tas‑6 ta’ Marzu 2007, Placanica et (C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, EU:C:2007:133, punt 68); u tal‑15 ta’ Settembru 2011, Dickinger u Ömer (C‑347/09, EU:C:2011:582, punt 31).


57      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Novembru1981, Casati (203/80, EU:C:1981:261, punt 27).


58      Punti 68 sa 88, iktar ’il fuq.


59      Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen (C‑147/16, EU:C:2018:320, punti 56 sa 58), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja applikat id-Direttiva 93/13 għal servizz, li kien supplimentari u anċillari għall-attività ta’ tagħlim, ipprovdut minn istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla li hija prinċipalment issussidjata minn fondi pubbliċi, u li jikkonsiti f’li toffri, permezz ta’ kuntratt, ħlas lura bin-nifs mingħajr interessi ta’ somom dovuti lilha minn studenta.


60      Ara l-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali.


61      Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2010, Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag (C‑540/08, EU:C:2010:660), u tas‑17 ta’ Ottubru 2013, RLvS (C‑391/12, EU:C:2013:669).


62      Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2010, Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag (C‑540/08, EU:C:2010:660, punti 26 sa 28), u tas‑17 ta’ Ottubru 2013, RLvS (C‑391/12, EU:C:2013:669, punti 31 sa 34), fir-rigward, rispettivament, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li essenzjalment ifittxu ż-żamma tal-pluraliżmu tal-istampa u l-indipendenza tal-istampa.


63      Ara, pereżempju s-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2013, Köck (C‑206/11, EU:C:2013:14, punt 30): “huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha biss dawk il-liġijiet nazzjonali dwar il-prattiki kummerċjali żleali li jippreġudikaw ‘[biss]’ l-interessi ekonomiċi ta’ kompetituri jew li jikkonċernaw tranżazzjoni bejn professjonisti”.


64      F’dawn il-ftit oqsma li fihom l-intenzjoni leġiżlattiva tal-passat tal-Istat Memberi hija fil-fatt (leġiżlattivament iddikjarata li hija) rilevanti, il-problemi evidenti li jirriżultaw minn din l-evalwazzjoni ċertament juru għalfejn din x’aktarx li ma hijiex l-aħjar mod kif wieħed għandu jipproċedi. Bħala eżempju ta’ diskussjoni reċenti dwar meta regola nazzjonali hija “speċifikament intiża” għal servizzi ta’ soċjetajiet tal-informazzjoni, u għalhekk issir regolament tekniku li jrid jiġi nnotifikat skont id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata, ara l-konklużjonijiet f’Falbert et (C‑255/16, EU:C:2017:608, punti 58 sa 87).


65      B’enfasi fuq id-definizzjoni partikolarment wiesgħa tal-kunċett ta’ prattiki kummerċjali, ara pereżempju s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag (C‑540/08, EU:C:2010:660, punt 21), u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Dyson (C‑632/16, EU:C:2018:599, punt 30).


66      Ara pereżempju s-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, RLvS (C‑391/12, EU:C:2013:669, punt 37).


67      Ara, pereżempju, analoġikament is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Vanderborght (C‑339/15, EU:C:2017:335, punti 21 sa 25), fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi kwalunkwe reklamar relatat mad-dispożizzjoni dwar servizzi ta’ kura orali u dentali.


68      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑23 ta’ April 2009, VTB-VAB u Galatea (C‑261/07 u C‑299/07, EU:C:2009:244, punt 56), u tad‑19 ta’ Settembru 2013, CHS Tour Services (C‑435/11, EU:C:2013:574,punt 38).


69      Ara, pereżempju, sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Purely Creative et (C‑428/11, EU:C:2012:651).


70      Sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2013, Köck (C‑206/11, EU:C:2013:14, punt 39). Enfasi miżjuda minni.