Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Bulgarija) fil-15 ta’ Marzu 2021 – Profi Credit Bulgaria EOOD vs T.I.T.
(Kawża C-170/21)
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Sofiyski rayonen sad
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Profi Credit Bulgaria EOOD
Konvenut: T.I.T.
Domandi preliminari
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fi proċeduri li fihom id-debitur ma jipparteċipax sal-ħruġ ta’ ordni ġudizzjarja ta’ ħlas, il-qorti hija meħtieġa teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u twarrab l-applikazzjoni tagħha meta jkollha suspett li din il-klawżola hija inġusta?
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: il-qorti nazzjonali hija meħtieġa tirrifjuta kompletament li tagħti deċiżjoni ġudizzjarja li tordna ħlas f’sitwazzjoni fejn parti mill-pretensjonijiet magħmula jkunu bbażati fuq klawżola kuntrattwali inġusta li minnha jirriżulta l-ammont ta’ dawn il-pretensjonijiet?
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda u ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda: il-qorti nazzjonali hija meħtieġa tirrifjuta parzjalment li tagħti deċiżjoni ġudizzjarja li tordna ħlas, fir-rigward tal-parti tal-pretensjonijiet li jkunu bbażati fuq klawżola kuntrattwali inġusta?
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda: il-qorti nazzjonali hija meħtieġa – u jekk iva, f’liema kundizzjonijiet – tislet ex officio l-konsegwenzi li joħorġu min-natura inġusta ta’ klawżola meta jkollha informazzjoni li tindika li din il-klawżola tat lok għal ħlas u, b’mod partikolari, tpaċi dan il-ħlas ma’ krediti oħra mhux imħallsa li joħorġu mill-kuntratt?
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għar-raba’ domanda: il-qorti nazzjonali hija marbuta mill-istruzzjonijiet maħruġa minn istanza superjuri, li skont il-liġi nazzjonali huma vinkolanti għaliha iżda li ma jikkunsidrawx il-konsegwenzi tan-natura inġusta tal-klawżola?
____________
1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.