Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda) fil-21 ta’ Diċembru 2023 – Minister for Justice vs SH

(Kawża C-798/23, Abbottly 1 )

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Supreme Court

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Minister for Justice

Konvenut: SH

Domandi preliminari

Meta l-konsenja tal-persuna rikjesta tkun mitluba għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija imposta fuq din il-persuna bħala riżultat tal-ksur tal-kundizzjonijiet ta’ piena ta’ sorveljanza tal-pulizija imposta preċedentement fuqha, f’ċirkustanzi fejn il-qorti li tkun imponiet din il-priġunerija kellha diskrezzjoni dwar jekk timponix tali priġunerija (iżda l-ebda diskrezzjoni dwar it-tul ta’ din il-priġunerija fil-każ li tiġi imposta), il-proċedura li twassal għall-impożizzjoni ta’ din il-priġunerija tagħmel parti mill-“proċess li jirriżulta fid-deċiżjoni” għall-finijiet tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri 1 ?

Id-deċiżjoni li l-piena ta’ sorveljanza tal-pulizija tiġi kkonvertita f’piena ta’ priġunerija, fiċ-ċirkustanzi stabbiliti fl-ewwel domanda iktar ’il fuq, kienet waħda li kellha l-għan jew l-effett li timmodifika n-natura u/jew il-quantum tal-piena imposta preċedentement fuq il-persuna rikjesta u, b’mod partikolari, il-piena ta’ sorveljanza tal-pulizija li kienet tagħmel parti mill-piena preċedenti tagħha, kienet tali li taqa’ taħt l-eċċezzjoni msemmija fil-punt 77 tas-sentenza Ardic 1 ?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45.

1     Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2017, Samet Ardic, C-571/17 PPU, EU:C:2017:1026.