Language of document :

Appell ippreżentat fid-19 ta' Frar 2013 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija fil-11 ta' Diċembru 2012 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-122/10, Cocchi u Falcione vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-103/13 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentant: G. Gattinara u D. Martin, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Giorgio Cocchi (Wezembeek-Oppem, il-Belġju) u Nicola Falcione (Brussell, il-Belġju)

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz pubbliku tat-13 ta' Diċembru 2012 fil-Kawża F-122/10, Cocchi u Falcione vs Il-Kummissjoni;

tiċħad ir-rikors ippreżentat minn G. Cocchi u N. Falcione fil-Kawża F-122/10 bħala inammissibbli jew f'kull każ bħala infondat;

tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha relatati mal-kawża preżenti;

tikkundanna lill-G. Cocchi u lill-N. Falcione għall-ispejjeż tal-kawża miftuħa quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka żewġ aggravji.

L-ewwel aggravju bbażat fuq ksur tal-kunċett ta' "att li jikkawża preġudizzju" sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li r-rikors fl-ewwel istanza kien ammissibbli billi kklassifika bħala att li jikkawża preġudizzju l-proposta magħmula mill-Kummissjoni lill-partijiet ikkonċernati dwar in-numru ta' snin ta' servizz li għandhom jiġu akkreditati fil-kuntest tat-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni tagħhom abbażi tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea.

It-tieni aggravju bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' protezzjoni tal-aspettativi leġittimi, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku laqgħa, parzjalment, ir-rikors billi wettaq żball ta' liġi fl-interpretazzjoni ta' dan il-prinċipju. Il-Kummissjoni ssostni li l-persuni kkonċernati ma seta' jkollhom ebda aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-proposti tagħha peress li, minn naħa, dawn il-proposti kienu jieħdu wkoll inkunsiderazzjoni perijodi ta' servizz sussegwenti għad-dħul fis-servizz tal-persuni kkonċernati u, min-naħa l-oħra, dawn il-proposti ma kinux jagħmlu riferiment għall-ammont effettivament ittrasferit iżda għall-ammont trasferibbli, bil-kontra tal-kliem ċar tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

____________