Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Frar 2017 – BTB Holding Investments u Duferco Participations Holding vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-100/17)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: BTB Holding Investments SA (Lussemburgu, il-Lussemburgu), Duferco Participations Holding SA (il-Lussemburgu) (rappreżentanti: J.-F. Bellis, R. Luff u M. Favart, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara li dan ir-rikors huwa ammissibbli u fondat;

tannulla l-Artikolu 1(a), (b) u (d) u l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ Jannar 2016, dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.33926 2013/C (ex 2013/NN, 2011/CP) mogħtija mill-Belġju lil Duferco;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas tal-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi, fir-rigward tal-ewwel miżura, jiġifieri t-trasferiment minn Foreign Strategic Investment Holding (FSIH) ta’ holding ta’ 49.9 % f’Duferco US lil Duferco Industrial Investment.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni relatati mal-kriterju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq u mal-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ stabbilita mill-Artikolu 107(1) TFUE u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet:

l-ewwel parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi u fuq ksur tal-prinċipju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq u tal-oneru tal-prova sa fejn il-Kummissjoni twettaq konfużjoni bejn l-applikabbiltà u l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ operatur privat;

it-tieni parti, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, nuqqas ta’ diliġenza u nuqqas ta’ amministrazzjoni tajba, u fuq ksur tal-prinċipju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq u tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni ma wettqitx evalwazzjoni globali tal-kriterju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq bil-għan li turi l-eżistenza ta’ vantaġġ.

It-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, sa fejn ma tiħux inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha, ma tirrikonoxxix ir-razzjonalità ekonomika tat-tranżazzjoni u ma tiħux inkunsiderazzjoni l-argumenti essenzjali relatati mal-profitabbiltà tat-tranżazzjoni fl-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq, u b’hekk tikser il-prinċipju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq, l-obbligu ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE u l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE. Dan il-motiv jinqasam fi tliet partijiet:

l-ewwel parti, ibbażata fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi rilevanti kollha;

it-tieni parti, ibbażata fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-razzjonalità ekonomika tat-tranżazzjoni;

it-tielet parti, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, u fuq ksur tal-kriterju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq sa fejn il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-profittabbiltà tal-investiment ta’ FSIH.

It-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni manifesti, fuq ksur tal-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba, tal-kriterju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq, tal-kundizzjonijiet relatati mal-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni ma evalwatx korrettament il-holding ta’ FSIH f’Duferco US fil-kwantifikazzjoni tal-allegat element ta’ għajnuna. Dan il-motiv jinqasam f’ħames partijiet:

l-ewwel parti, ibbażata fuq ir-referenza mhux xierqa għall-fondi ta’ Duferco US stess;

it-tieni parti, ibbażata fuq it-teħid inkunsiderazzjoni żbaljat tal-valur ta’ impriża mingħajr tnaqqis tad-djun tal-kumpannija;

it-tielet parti, ibbażata fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tar-riżultati tas-sena finanzjarja 2006 biss;

ir-raba’ parti, ibbażata fuq applikazzjoni ta’ multiplu arbitrarju u għoli wisq;

il-ħames parti, ibbażata fuq iċ-ċaħda arbitrarja ta’ kważi t-totalità tar-rapport ta’ KPMG tat-28 ta’ Mejju 2014.

Ir-rikorrenti BTB Holding Investments SA waħedha barra minn hekk tinvoka tliet motivi, fir-rigward tat-tieni miżura, jiġifieri l-bejgħ minn FSIH ta’ holding ta’ 25 % f’Duferco Participations Holding Limited lil Bolmat Holding Limited.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni manifesti u fuq ksur tal-prinċipju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq, tal-oneru tal-prova, tal-kundizzjoni tal-eżistenza tal-vantaġġ stabbilita mill-Artikolu 107(1) TFUE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit mill-Artikolu 296 TFUE, sa fejn il-Kummissjoni tapplika l-kriterju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq b’mod żbaljat;

It-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni manifesti sa fejn il-Kummissjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni l-provi essenzjali ppreżentati mill-partijiet, u b’hekk tikser il-prinċipju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE, id-dmir ta’ diliġenza u l-obbligu ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE;

It-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni manifesti fil-kwantifikazzjoni tal-allegat element ta’ għajnuna bi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tal-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq u tal-Artikoli 107(1) u 296 TFUE.

Ir-rikorrenti BTB Holding Investments SA waħedha barra minn hekk tinvoka żewġ motivi, fir-rigward tar-raba’ miżura, jiġifieri s-self lil Ultima Partners Limited.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-fatti u żbalji ta’ liġi sa fejn il-Kummissjoni tiċħad l-approċċ komparattiv bi ksur tal-prinċipju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq, tal-Artikolu 107(1) TFUE, f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ vantaġġ, tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipji ġenerali ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba.

It-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-fatti u żbalji ta’ liġi fid-determinazzjoni tar-rata ta’ referenza, li jwasslu għall-applikazzjoni żbaljata tal-kriterju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq u għall-ksur tal-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet:

l-ewwel parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni żbaljat meta tat klassifikazzjoni BB lil Ultima Partners Limited bi ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba u tal-obbligu ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE;

it-tieni parti, ibbażata fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fil-klassifikazzjoni tal-garanziji mogħtija lil FSIH, bi ksur tal-prinċipji ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-obbligu ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE.

____________