Language of document : ECLI:EU:T:2019:675

Kawża T105/17

HSBC Holdings plc et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) tal24 ta’ Settembru 2019

“Kompetizzjoni – Akkordji –Settur tad-derivattivi tar-rati tal-imgħax iddenominati f’EUR – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Manipulazzjoni tar-rati ta’ referenza interbankarji tal-Euribor – Skambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni bħala għan – Ksur uniku u kontinwu – Multi – Ammont bażiku –Valur tal-bejgħ – Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Obbligu ta’ motivazzjoni”

1.      Akkordji – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Kontenut u għan ta’ akkordju kif ukoll kuntest ekonomiku u legali tal-iżvilupp tiegħu – Distinzjoni bejn ksur bħala għan u ksur bħala riżultat – Intenzjoni tal-partijiet li jilħqu ftehim li jirrestrinġi l-kompetizzjoni – Kriterju mhux neċessarju – Ksur bħala għan – Grad suffiċjenti ta’ dannu – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

(Artikoli 101(1) u 296 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

(ara l-punti 52 sa 58, 94 sa 111, 138 sa 155, 174 sa 194)

2.      Akkordji – Prattika miftiehma – Kunċett – Skambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Evalwazzjoni fid-dawl tan-natura tal-ksur – Informazzjoni ta’ natura li toħloq distorsjoni tal-kors normali tal-komponenti tal-prezz fis-settur rilevanti – Ksur bħala għan – Kundizzjonijiet

(Artikolu 101(1) TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

(ara l-punti 59 sa 67, 94 sa 111, 138 sa 155, 174 sa 194)

3.      Akkordji – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Restrizzjoni anċillari – Kunċett – Restrizzjoni neċessarja għat-twettiq ta’ operazzjoni prinċipali li ma għandha ebda natura antikompetittiva – Operazzjoni prinċipali li tikkostitwixxi restrizzjoni ta’ kompetizzjoni bħala għan – Prova tan-neċessità ta’ skambju ta’ informazzjoni

(Artikolu 101(1) u (3) TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

(ara l-punti 157 sa 160)

4.      Akkordji – Projbizzjoni – Ksur – Ftehimiet u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku – Imputazzjoni ta’ responsabbiltà lil impriża għall-ksur kollu – Kundizzjonijiet – Prattiki u aġir li jikkostitwixxu ksur li jagħmlu parti minn pjan wieħed – Evalwazzjoni

(Artikolu 101(1) TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

(ara l-punti 196 sa 205, 232 sa 237, 248 sa 274)

5.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Prova tal-ksur u tat-tul tiegħu li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni – Portata tal-oneru probatorju – Grad ta’ preċiżjoni mitlub mill-provi meqjusa mill-Kummissjoni – Sensiela ta’ indizji – Stħarriġ ġudizzjarju – Portata – Deċiżjoni li tħalli dubju f’għajnejn il-qorti – Osservanza tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza

(Artikolu 101(1) TFUE; Karta tad-Drittjiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 48(1); Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 2)

(ara l-punti 197 sa 205)

6.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Proċedura għar-riżolviment – Proċedura li ma tinvolvix lill-parteċipanti kollha f’akkordju – Applikabbiltà tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza – Portata

(Artikolu 101(1) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 48(1); Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 33; Regolament tal-Kummissjoni Nru 773/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 622/2008, Artikolu 10a)

(ara l-punti 283 sa 293)

7.      Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Portata – Annullament parzjali ta’ att tad-dritt tal-Unjoni – Annullament parzjali ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikklassifika diversi tipi ta’ aġir antikompetittiv bħala ksur uniku u kontinwu u li timponi multa – Karatterizzazzjoni insuffiċjenti tal-għan restrittiv tal-kompetizzjoni dwar il-kuntatti – Evidenza mhux suffiċjenti sabiex l-aġir iddeterminat jiġi imputat lill-impriża – Assenza ta’ effett fuq il-legalità tal-konstatazzjoni tal-ksur

(Artikolu 101 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

(ara l-punti 294 sa 296)

8.      Kompetizzjoni – Multi – Deċiżjoni li timponi multi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata – Possibbiltà għall-Kummissjoni li twarrab il-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi – Rekwiżiti ta’ motivazzjoni dejjem iktar stretti

(Artikolu 101(1) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 37)

(ara l-punti 338 sa 341, 344 sa 353)

9.      Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Iffissar tal-ammont bażiku – Nuqqas ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija prevista mil-Linji Gwida – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Valur ta’ sostituzzjoni bbażat fuq dħul tal-flus affettwat b’fattur ta’ tnaqqis – Insuffiċjenza tal-motivazzjoni dwar id-determinazzjoni tal-fattur ta’ tnaqqis

(Artikolu 101(1) TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Avviż tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punti 13 u 37)

(ara l-punti 318 sa 328, 332 sa 334)

Sunt

Fis-sentenza tagħha HSBC Holdings et vs Il‑Kummissjoni (T‑105/17), mogħtija fl‑24 ta’ Settembru 2019, il-Qorti Ġenerali parzjalment annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li kkonstatat li HSBC Holdings kif ukoll xi impriżi oħrajn attivi fis-suq tad-derivattivi tar-rati tal-imgħax f’EUR (Euro Interest Rate Derivatives, iktar ’il quddiem “EIRD”), kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) billi ħadu sehem fi ksur uniku u kontinwu (1). Skont il-Kummissjoni, dan il-ksur kien jikkonsisti fi ftehimiet u/jew prattiċi li jikkonsistu fi skambji bejn l-operaturi tagħhom dwar, l-ewwel nett, il-manipulazzjoni tas-sottomissjonijiet lill-Euribor, it-tieni nett, dwar pożizzjonijiet ta’ operar f’dak li jirrigwarda l-EIRD u, it-tielet nett, dwar informazzjoni ddettaljata mhux aċċessibbli għall-pubbliku dwar l-intenzjonijiet u l-istrateġija tagħhom fil-qasam ta’ prezz tal-EIRD. Konsegwentement, il-Kummissjoni imponitilhom multa.

Ir-rikorrenti adixxew lill-Qorti Ġenerali b’rikors ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE intiż, prinċipalment, għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, għall-bidla tal-ammont tal-multa.

Qabelxejn, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni bħala għan applikata għad-diversi kategoriji ta’ aġir ikkritikat mill-Kummissjoni. Hija rrilevat, fl-ewwel lok, li r-raġunament tal-Kummissjoni ma għandu ebda żball ta’ liġi jew ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda l-aġir relatat mal-manipulazzjoni tas-sottomissjonijiet lill-Euribor. Fit-tieni lok, l-istess konklużjoni kienet applikabbli għall-iskambji dwar l-intenzjonijiet u l-istrateġija fil-qasam tal-prezz tal-EIRD.

Min-naħa l-oħra, fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali rrilevat li ċerti diskussjonijiet li matulhom l-operaturi skambjaw informazzjoni fuq il-pożizzjonijiet ta’ operar tagħhom ma kellhomx l-għan restrittiv tal-kompetizzjoni ammess mill-Kummissjoni, peress li tali diskussjonijiet ma kinux taffew jew neħħew il-livell ta’ inċertezza fis-suq b’tali mod li l-Kummissjoni setgħet tiddeduċi minn dan effett fuq il-kors normali tal-komponenti tal-prezz fis-settur tal-EIRD, mingħajr ma jkollha teżamina l-effetti tagħhom. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, konsegwentement, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi fuq dan il-punt.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, madankollu, ippreċiżat li l-imsemmi żball ma għandux effett fuq il-legalità tal-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni, kif inhi mfassla fid-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li n-numru u l-intensità tal-aġir li jikkostitwixxi ksur jikkaratterizzaw, fost fatturi oħrajn, il-gravità tal-ksur, li l-ammont tal-multa huwa bbażat fuqha.

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ammont tal-multa, il-Qorti Ġenerali kellha tagħti deċiżjoni fuq l-għażla, magħmula mill-Kummissjoni, li tadotta l-metodoloġija li tinsab fil-Linji Gwida tal‑2006 (2) fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku b’riferiment għall-valur tal-bejgħ, peress li l-EIRD ma jiġġenerawx bejgħ fis-sens normali tal-kelma. Fil-kuntest tal-eżami tagħha, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq valur ta’ sostituzzjoni kkalkolat abbażi tad-dħul tal-flus riċevut taħt l-EIRD li għalih ġie applikat fattur ta’ tnaqqis ta’ 98,849 %, intiż li jieħu inkunsiderazzjoni l-kumpens inerenti fis-settur tal-EIRD relatat mal-ħlasijiet imwettqa. Issa, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-fattur ta’ tnaqqis għandu rwol essenzjali minħabba l-ammont partikolarment għoli tad-dħul tal-flus li huwa jista’ japplika għalihom. Il-Qorti Ġenerali tiddeduċi minn dan li, fid-dawl tar-rwol essenzjali li għandu l-fattur ta’ tnaqqis fil-kuntest tal-metodu segwit mill-Kummissjoni, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għandha tippermetti lill-impriżi kkonċernati jifhmu kif il-Kummissjoni kienet waslet għal fattur ta’ tnaqqis iffissat preċiżament f’98.849 % u li l-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżerċita stħarriġ fid-dettall, fid-dritt kif ukoll fil-fatt, fuq dan il-punt tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, id-diversi ġustifikazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma kinux jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din kienet timponi multa ta’ EUR 33 606 000 fuq ir-rikorrenti, għal insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.


1      Deċiżjoni C(2016) 8530 finali tas‑7 ta’ Diċembru 2016 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39914 – Derivattivi tar-Rati tal-Imgħax f’Euro [(EIRD]).


2      Linji Gwida fuq il-metodu ta’ kalkolu tal-multi imposti taħt l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal‑2006”).