Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (Spanja) fis-26 ta’ Marzu 2021 – Clemente vs Comunidad de Castilla y León (Dirección General de la Función Pública)

(Kawża C-192/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Clemente

Konvenut: Comunidad de Castilla y León (Dirección General de la Función Pública)

Domandi preliminari

Il-kunċett ta’ “ħaddiem komparabbli permanenti” użat fil-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat iffirmat fit-18 ta’ Marzu 1999 bejn l-organizzazzjonijiet interprofessjonali ta’ natura ġenerali (CES, UNICE u CEEP) li jinsab bħala anness għad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70 tat-28 ta’ Ġunju 1999 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tal-konsolidazzjoni tal-grad personali, is-servizz imwettaq bħala impjegat temporanju taċ-ċivil minn impjegat permanenti taċ-ċivil, qabel ma kiseb dan l-istatus, huwa paragunabbli għas-servizz imwettaq minn impjegat permanenti taċ-ċivil ieħor?

Il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat iffirmat fit-18 ta’ Marzu 1999 bejn l-organizzazzjonijiet interprofessjonali ta’ natura ġenerali (CES, UNICE u CEEP) li jinsab bħala anness għad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70 tat-28 ta’ Ġunju 1999 għandha tiġi interpretata fis-sens li, kemm il-fatt li dan iż-żmien diġà ġie stmat u kkalkolat għall-ksib tal-istatus ta’ impjegat permanenti taċ-ċivil, kif ukoll l-istruttura tal-karriera vertikali tal-impjegati taċ-ċivil fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, huma raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw li s-servizz imwettaq bħala impjegat temporanju taċ-ċivil minn impjegat permanenti taċ-ċivil, qabel ma kiseb dan l-istatus, ma jitteħidx inkunsiderazzjoni għall-konsolidazzjoni tal-grad personali?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).