Language of document : ECLI:EU:C:2021:680

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fit-2 ta’ Settembru 2021 (1)

Kawża C117/20

bpost SA

vs

Autorité belge de la concurrence

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell, Brussell, il-Belġju))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 50 tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Multa imposta minn regolatur postali nazzjonali – Multa imposta minn awtorità nazzjonali tal‑kompetizzjoni”






I.      Introduzzjoni

1.        L-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) ikopri l-idea nobbli ta’ spazju legali uniku. F’dan l‑ispazju, l-ebda persuna ma għandha tiġi ġġudikata jew ippenalizzata għal darba oħra fi proċeduri kriminali għall-istess reat. Protezzjoni mogħtija preċedentement fil-livell tal-Istati Membri ġiet elevata għal-livell tal-Unjoni.

2.        L-implimentazzjoni ta’ din l-idea fid-dritt tal-Unjoni kienet kemxejn diffiċli għal numru ta’ raġunijiet. Tlieta minnhom jixirqilhom jissemmew. L-ewwel, fi spazju legali mħallat bħall-Unjoni, kemm jekk b’mod orizzontali (Stati Membri – Stati Membri) jew b’mod vertikali (Stati Membri – l-Unjoni), l-implimentazzjoni prattika ta’ din l-idea tilħaq livell imsaħħaħ ta’ kumplessità. Sempliċement hemm wisq varjabbli. It-tieni, qegħdin jiġu introdotti taqsimiet, livelli, u oqsma sussidjarji ta’ regolamentazzjoni ġodda. Qegħdin jinħolqu korpi jew aġenziji ġodda responsabbli għas-superviżjoni tagħhom. Dan xi drabi jwassal għal sovrappożizzjoni fil-mandati u konfużjoni dwar fejn tinstab il-kompetenza sabiex issir l-investigazzjoni u tiġi deċiża l-piena. It-tielet, hemm il-“multiplikazzjoni‑Engel”. Il-kriterji pjuttost espansivi, oriġinarjament stabbiliti mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“QEDB”) sabiex iwessgħu l-ġurisdizzjoni tagħha skont l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fondamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), preżentement qegħdin jintużaw ukoll f’kuntesti oħrajn. Dan jinkludi l-evalwazzjoni ta’ x’jikkostitwixxi “reat kriminali” għall-finijiet tal-Artikolu 50 tal-Karta. Il-konsegwenza hija li ħafna regoli u proċeduri, preċedentement identifikati mil-lat teoretiku bħala amministrattivi, preżentement jitqiesu ta’ natura kriminali.

3.        Il-kombinazzjoni ta’ dawn it-tliet fatturi wessgħet ampjament is-sensiela ta’ proċeduri u sanzjonijiet li għalihom sar applikabbli l-prinċipju ta’ ne bis in idem. Is-sejba ta’ bilanċ raġonevoli bejn il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l‑ħarsien ta’ interessi leġittimi fis-sanzjonar ta’ ċerti tipi ta’ aġir irriżultat għalhekk diffiċli matul is-snin. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li żviluppat permezz ta’ interazzjonijiet mal-QEDB, hija mimlija frammentazzjoni u inkonsistenza parzjali. Bilkemm tista’ tiġi kkaratterizzata bħala (ne) bis in idem, anzi pjuttost preżentement bħala quater jew quinquies in idem, filwaqt li l‑inċertezza tkompli toħloq ħsara lill-bis ukoll.

4.        Din il-kawża hija għal darba oħra turija ta’ dawn l-inċertezzi. Il-kumpannija bpost, il-fornitriċi storika ta’ servizzi postali fil-Belġju, ġiet immultata b’mod suċċessiv minn żewġ awtoritajiet Belġjani. L-ewwel, ir-regolatur settorjali nazzjonali għas-servizzi postali kkonkluda li s-sistema ta’ tnaqqis applikata minn bpost fl-2010 ddiskriminat kontra xi klijenti ta’ bpost. Din id-deċiżjoni kienet annullata mill-qorti nazzjonali, wara talba għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (2). Is-sitwazzjoni inkwistjoni ma kinitx tikkonsisti f’diskriminazzjoni taħt il-leġiżlazzjoni li tirrigwarda s-settur postali. It-tieni, bpost ġiet immultata mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni (iktar ’il quddiem l‑“ANK”) għal abbuż ta’ pożizzjoni dominanti minħabba l-applikazzjoni tal-istess sistema ta’ tnaqqis bejn Jannar 2010 u Lulju 2011.

5.        bpost tikkontesta l-legalità ta’ din it-tieni sensiela ta’ proċedimenti, billi tinvoka l-prinċipju ta’ ne bis in idem. Wara żewġ okkażjonijiet ta’ stħarriġ ġudizzjarju, it-tilwima fil-kawża prinċipali hija għal darba oħra pendenti quddiem il-Cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell, Brussell, il-Belġju). Dik il-qorti tistaqsi, prinċipalment, jekk il-legalità tal-proċeduri quddiem l-ANK għandhiex tiġi evalwata fid-dawl tad-definizzjoni ta’ idem żviluppata fil-ġurisprudenza tal‑kompetizzjoni, kif ikkonfermata fil-kawża Toshiba (3), jew jekk għandhiex tiġi eżaminata skont il-klawżola tal-limitazzjoni tad-drittijiet u t-test stabbilit fil-kawża Menci, Garlsson u Di Puma – sensiela ta’ sentenzi mogħtija fl-istess ġurnata (iktar ’il quddiem il-“ġurisprudenza Menci”) (4).

6.        Bħall-qorti tar-rinviju, insib diffikultà nara kif is-sentenzi Toshiba u Menci jistgħu jiġu rrikonċiljati u applikati fl-istess proċedura unika. Fil-fehma tiegħi, din il‑kawża, flimkien mal-proċeduri paralleli fil-kawża Nordzucker (5), toffri opportunità unika lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tipprovdi lill-qrati nazzjonali bi gwida koerenti dwar dak li għandu jiġi protett skont l-Artikolu 50 tal-Karta, għall‑kuntrarju ta’ dawk li bħalissa huma biċċiet żgħar ta’ xogħol frammentat u parzjalment kontradittorju ta’ reġimi paralleli.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Il-KEDB

7.        L-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB jipprovdi:

“1.      Ħadd ma jista’ jkun ipproċessat jew jerġa’ jiġi kkastigat għal darb’oħra fi proċedimenti kriminali taħt il-ġurisdizzjoni tal-istess Stat għal xi reat li dwaru jkun diġa` ġie finalment liberat jew misjub ħati skont il-liġi u l-proċedura penali ta’ dak l-Istat.

2.      Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti ma għandhomx iżommu milli l-każ jerġa’ jinfetaħ skont il-liġi u l-proċedura penali tal-Istat inkwistjoni, jekk ikun hemm provi ta’ xi fatti ġodda jew li jkunu għadhom kif ġew żvelati, jew inkella jekk ikun ħemm xi vizzju fondamentali fil-proċedimenti ta’ qabel, li jista’ jkollhom effett fuq kif jiżvolġi l-każ.

3.      Ebda deroga minn dan l-artikolu ma għandha ssir taħt l-artikolu 15 tal-Konvenzjoni.”

B.      Id-dritt tal-Unjoni

8.        L-Artikolu 50 tal-Karta, intitolat “Id-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn għall-istess reat”, jipprovdi li “L-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il‑liġi”.

9.        L-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir‑Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil‑mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (iktar ’il quddiem il-“KIFS”) (6) jipprovdi kif ġej:

“Persuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’Parti Kontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f’Parti Kontraenti oħra għall-istess azzjonijiet sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali, din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza.”

10.      L-Artikolu 102 TFUE jipprevedi:

“Safejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi milqut, kull abbuż minn impriża waħda jew iktar minn pożizzjoni dominanti fi ħdan is-suq intern, jew fi ħdan parti sostanzjali tiegħu, jkun inkompatibbli mas-suq intern u jkun projbit.

Eżempji ta’ abbuż bħal dan huma:

[…]

(c) l-applikazzjoni ta’ kondizzjonijiet differenti għal transazzjonijiet ekwivalenti ma’ partijiet oħra, l i b’ hekk jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv,

[…]”.

11.      L-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas‑servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (7) jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu passi biex jiżguraw li t-tariffi għal kull wieħed mis-servizzi li jagħmlu parti mill-forniment ta’ servizz universali jkunu jikkonformaw mal-prinċipji li ġejjin:

[…]

–        it-tariffi għandhom ikunu trasparenti u non-diskriminatorji,

–        kull fejn il-fornituri tas-servizz universali japplikaw tariffi speċjali, per eżempju għal servizzi għal negozji, dawk li jibagħtu l-posta bl-ingrossa jew konsolidaturi ta’ posta minn utenti differenti, huma għandhom japplikaw il-prinċipji tat-trasparenza u n-non-diskriminazzjoni rigward it-tariffi u l-kondizzjonijiet assoċjati. It-tariffi, flimkien mal-kondizzjonijiet assoċjati, għandhom japplikaw ugwalment kemm bejn partijiet terzi differenti u kemm bejn partijiet terzi u l-fornituri tas-servizz universali li jfornu servizzi ekwivalenti. Kwalunkwe tariffa bħal din għandha tkun ukoll disponibbli għall-utenti, b’mod partikolari utenti individwali u impriżi żgħar u ta’ daqs medju, li jużaw il-posta taħt kondizzjonijiet simili.”

C.      Id-dritt Belġjan

12.      L-Artikolu 3 tal-loi sur la protection de la concurrence économique (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni Ekonomika), ikkoordinata fil-15 ta’ Settembru 2006, fih dispożizzjonijiet simili għal dawk tal-Artikolu 102 TFUE.

13.      L-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67, kif emendata bid-Direttiva 2002/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2002 li temenda d‑Direttiva 97/67/KE fir-rigward tal-ftuħ ulterjuri għal kompetizzjoni tas-servizzi postali Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 316), kien ġie traspost fid-dritt Belġjan permezz tal-Artikolu 144 ter tal-loi du 21 mars 1991 portant réforme de certaines entreprises publiques économiques (il-Liġi tal-21 ta’ Marzu 1991 dwar ir-Riforma ta’ Ċerti Impriżi Kummerċjali Pubbliċi).

III. Il-fatti, il-proċeduri nazzjonali u d-domandi magħmula

14.      bpost hija l-fornitriċi storika ta’ servizzi postali fil-Belġju. Hija toffri, fost servizzi oħrajn, il-ġbir, it-tqassim, it-trasport u l-kunsinna ta’ oġġetti postali lid‑destinatarji. Dawn is-servizzi huma offruti lill-pubbliku ġenerali u lil żewġ kategoriji partikolari ta’ klijenti, dawk li jibagħtu l-posta bl-ingrossa (iktar ’il quddiem il-“mittenti”) u intermedjarji.

15.      Il-mittenti huma l-konsumaturi finali ta’ servizzi ta’ distribuzzjoni postali. Huma jiddeterminaw il-messaġġ li għandu jintbagħat u jibdew it-talbiet għas‑servizz postali. L-intermedjarji jipprovdu lill-mittenti servizzi ta’ routing upstream mis-servizz ta’ distribuzzjoni postali. Dawk is-servizzi jinkludu li tiġi ppreparata l-posta qabel ma tingħata lil bpost (tqassim, stampar, tqegħid fl‑enveloppi, ittikkettjar, indirizzar u ttimbrar) u l-kunsinna tas-servizz postali (ġbir mill-mittenti, tqassim u imballaġġ tal-oġġetti postali fil-basktijiet tal-posta, trasport u kunsinna fis-siti previsti mill-operatur postali).

16.      Fil-passat, tipi differenti ta’ tariffa kienu applikati minn bpost, li jinkludu tariffi speċjali li jikkonsistu fi tnaqqis mogħti lil ċerti klijenti, applikabbli kemm għall-mittenti kif ukoll għall-intermedjarji, li ġġeneraw ċertu dħul mill-bejgħ. L‑iktar tnaqqis kuntrattwali komuni kien skont għal kwantità, mogħti skont il‑volum ta’ oġġetti tal-posta ġġenerat matul perijodu ta’ referenza, u “skont għal tħaddim” li kien jippremja lil ċertu tħaddim ta’ routing u rrifletta l-ispejjeż evitati minn bpost.

A.      Il-proċedimenti quddiem ir-regolatur postali nazzjonali

17.      bpost informat lill-Institut belge des services postaux et des télécommunications (l-awtorità regolatorja nazzjonali għas-servizzi postali fil‑Belġju, iktar ’il quddiem l-“IBPT”) dwar bidla fis-sistema ta’ tnaqqis tagħha għas-sena 2010 fir-rigward ta’ tariffi kuntrattwali li jirrigwardaw servizzi ta’ distribuzzjoni ta’ materjal ta’ reklamar indirizzat u oġġetti postali amministrattivi.

18.      Din is-sistema ġdida ta’ tnaqqis inkludiet skont għall‑kwantità, ikkalkolat fuq il-bażi tal-volum ta’ oġġetti postali kkunsinnati, li kien mogħti kemm lill‑mittenti kif ukoll lill-intermedjarji. Madankollu, it-tnaqqis mogħti lill‑intermedjarji ma kienx baqa’ jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-volum totali ta’ oġġetti postali mill-mittenti kollha li lilhom kienu jipprovdu s-servizzi tagħhom, iżda fuq il-bażi tal-volum ta’ oġġetti postali ġġenerat individwalment minn kull wieħed minn dawk il-mittenti (iktar ’il quddiem l-“iskont għal kwantità għal kull mittent”).

19.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Lulju 2011, l-IBPT immultat lil bpost EUR 2.3 miljun għal sistema ta’ tariffa diskriminatorja bbażata fuq differenza mhux iġġustifikata fit-trattament bejn il-mittenti u l-intermedjarji.

20.      Il-Cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell, Brussell, il-Belġju, iktar ’il quddiem il-“Qorti tal-Appell”), li kienet adita bil-proċeduri għall-annullament ta’ dik id-deċiżjoni, ressqet talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 97/67.

21.      Fis-sentenza tagħha f’bpost, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-mittenti u l-intermedjarji ma setgħux jkunu f’sitwazzjoni komparabbli fir-rigward tal-għan imfittex mis-sistema tat-tnaqqis kwantitattiv għal kull mittent jiġifieri l‑istimulazzjoni tat-talba fil-qasam tas-servizzi postali, peress li l-mittenti biss huma kapaċi li jiġu indotti, permezz ta’ din is-sistema, sabiex iżidu l-volum tagħhom ta’ posta fdata lil bpost u għalhekk id-dħul mill-bejgħ ta’ dan l‑operatur” (8). Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li t-trattament differenti bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ klijenti li jsegwi mill-applikazzjoni tas‑sistema ta’ skont għal kwantità għal kull mittent ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni pprojbita skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67.

22.      Permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Marzu 2016, il-Qorti tal-Appell annullat id‑deċiżjoni tal-IBPT.

B.      Ilproċedimenti quddiem l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni

23.      Sadanittant, permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2012, il-Conseil de la concurrence (li preżentement sar l-Autorité belge de la concurrence, iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Kompetizzjoni Belġjana”) ikkonstatat li t-trattament differenti fl-iskontijiet għal kwantità ammonta għal abbuż ta’ pożizzjoni dominanti. Dan poġġa lil intermedjarji fi żvantaġġ kompetittiv ma’ bpost permezz tal-appoġġ lil klijenti maġġuri sabiex jikkuntrattaw direttament ma’ bpost.

24.      F’dan ir-rigward, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni Belġjana kkonstatat li bejn Jannar 2010 u Lulju 2011, bpost kienet kisret l-Artikolu 3 tal-Liġi dwar il‑protezzjoni tal-kompetizzjoni ekonomika u l-Artikolu 102 TFUE. Għaldaqstant, hija mmultat lil bpost EUR 37 399 786 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Fil-kalkolu tal-ammont ta’ dik il-multa, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-multa preċedentement imposta mill-IBPT li, fiż-żmien ta’ din id-deċiżjoni, ma kinitx għadha ġiet annullata.

25.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fid-9 ta’ Jannar 2013, bpost talbet lill-Qorti tal-Appell biex tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

26.      Permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, il-Qorti tal-Appell iddeċidiet li bpost kienet b’mod korrett invokat il-prinċipju ta’ ne bis in idem. Is‑sentenza tal-10 ta’ Marzu 2016 li annullat id-deċiżjoni tal-IBPT kienet iddeċidiet finalment dwar il-merti fir-rigward ta’ fatti essenzjalment l-istess bħal dawk inkwistjoni meħuda mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni Belġjana (il-mudell ta’ bpost “għal kull mittent” għat-tariffi kuntrattwali tagħha għall-2010). B’hekk, minħabba li l-proċeduri quddiem l-Awtorità tal-Kompetizzjoni Belġjana saru inammissibbli, il-Qorti tal-Appell annullat id-deċiżjoni kkontestata.

27.      Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Novembru 2018, il-Cour de cassation (il‑Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju) warrbet is-sentenza tal-Qorti tal-Appell u għamlet rinviju lura lil dik il-qorti, sabiex tiġi presjeduta b’kompożizzjoni differenti. Il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li l-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma jipprekludix il-kumulu ta’ proċeduri kriminali, fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni, ibbażati fuq l-istess fatti, anki fejn sensiela waħda minn dawn il-proċeduri tkun intemmet b’ħelsien definittiv, meta, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, suġġett għall-prinċipju ta’ proporzjonalità u għall-finijiet tal-kisba tal-għan ta’ interess ġenerali, dawk il-proċeduri għandhom għanijiet komplementari addizzjonali li jkopru aspetti differenti tal-istess aġir illegali.

28.      Il-kawża suġġetta għal rinviju preliminari tinsab bħalissa pendenti quddiem il-Qorti tal-Appell. Fil-kawża prinċipali, bpost tallega li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ ne bis in idem għaliex il-proċedimenti mwettqa minn IBPT u dawk tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni Belġjana kienu ta’ natura kriminali u kienu jirrigwardaw l-istess fatti. Barra minn hekk, bpost issostni li r-rekwiżiti stretti li skonthom il-proċeduri kriminali u s-sanzjonijiet ikunu jistgħu jiġu akkumulati ma humiex issodisfatti. Iż-żewġ sensiliet ta’ proċedimenti ma humiex marbuta mill‑qrib b’mod suffiċjenti fis-sustanza u fiż-żmien.

29.      Skont l-Awtorità tal-Kompetizzjoni Belġjana, id-deċiżjoni kkontestata ma tiksirx il-prinċipju ta’ ne bis in idem. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ne bis in idem fi kwistjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tinvolvi l-eżaminazzjoni tal-kriterju ta’ “interess legali protett”. Barra minn hekk, iż-żewġ proċeduri inkwistjoni jsegwu għanijiet komplementari li jkopru aspetti differenti tal-istess aġir illegali. Huma jipproteġu interessi legali differenti.

30.      Għall-Kummissjoni Ewropea, intervenjenti bħala amicus curiae fil-kawża prinċipali, l-interess pubbliku tal-Unjoni jitqiegħed f’riskju jekk il‑kriterju tal-interess legali jiġi abbandunat. Fil-fehma tagħha, il-ġurisprudenza Menci ma tikkonċernax id-dritt tal-kompetizzjoni. Dik il-ġurisprudenza tikkonċerna kumulu ta’ proċeduri u sanzjonijiet li jirriżultaw minn reat uniku kklassifikat u ppenalizzat fuq bażi doppja fid-dritt nazzjonali. B’kuntrast ma’ din is-sitwazzjoni, bpost kienet suġġetta għal żewġ sensiliet ta’ proċeduri separati għal żewġ reati differenti bbażati fuq dispożizzjonijiet legali differenti li jsegwu għanijiet distinti iżda komplementari ta’ interess ġenerali: ksur tar-regoli settorjali (il-projbizzjoni fuq prattiki diskriminatorji u l-obbligu tat-trasparenza li jinsabu, b’mod partikolari, fl‑Artikolu 144ter tal-Liġi tal-21 ta’ Marzu 1991 dwar ir-riforma ta’ ċerti impriżi kummerċjali pubbliċi), minn naħa, u ksur tal-projbizzjoni ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, kontra l-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu 3 tal-liġi Belġjana tal-15 ta’ Settembru 2006 dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni ekonomika, min-naħa l‑oħra. Skont il-Kummissjoni, il-prinċipju ta’ ne bis in idem għandu jkun in casu eżaminat fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja f’kawżi li jirrigwardaw id-dritt tal-kompetizzjoni. Jekk l-interess legali protett ma jittiħidx inkunsiderazzjoni, ikun hemm riskju li l-portata tad-dritt tal-kompetizzjoni titnaqqas kunsiderevolment peress li d-dritt tal-kompetizzjoni japplika b’mod orizzontali.

31.      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem fil‑kawża prinċipali teħtieġ li wieħed jieħu inkunsiderazzjoni l-interess legali, li mingħajru l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tirriskja li ssir ineffettiva. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tinnota wkoll l-eżistenza tal-ġurisprudenza Menci u ġurisprudenza rilevanti tal-QEDB, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll.

32.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Appell iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Il-prinċipju ta’ ne bis in idem, kif iggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lill-awtorità amministrattiva kompetenti ta’ Stat Membru milli timponi multa għal ksur tad-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, fejn l-istess persuna ġuridika tkun diġà ġiet meħlusa definittivament minn multa amministrattiva imposta fuqha mir-regolatur postali nazzjonali minħabba allegat ksur tal-leġiżlazzjoni postali, fid-dawl tal-istess fatti jew ta’ fatti simili, sa fejn il-kriterju tal-unità tal-interess legali protett ma jkunx issodisfatt minħabba li l-kawża preżenti tirrigwarda żewġ ċirkustanzi ta’ ksur differenti ta’ żewġ leġiżlazzjonijiet differenti li jidħlu f’żewġ oqsma legali separati?

(2) Il-prinċipju ta’ ne bis in idem, kif iggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lill-awtorità amministrattiva kompetenti ta’ Stat Membru milli timponi multa għal ksur tad-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, fejn l-istess persuna ġuridika tkun diġà ġiet meħlusa definittivament minn multa amministrattiva imposta fuqha mir-regolatur postali nazzjonali minħabba allegat ksur tal-leġiżlazzjoni postali, fid-dawl tal-istess fatti jew ta’ fatti simili, għar-raġuni li limitazzjoni għall-prinċipju ta’ ne bis in idem hija ġġustifikata mill-fatt li l-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni tfittex għan kumplementari ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-ħarsien u ż-żamma ta’ sistema mingħajr distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern, u ma teċċedix dak li huwa xieraq u neċessarju bil-għan li jintlaħaq l-għan imfittex leġittimament minn din il-leġiżlazzjoni; u/jew bil-għan li jiġi protett id-dritt u l-libertà ta’ impriża ta’ dawn l-operaturi l-oħra abbażi tal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali?”

33.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn bpost, mill-Gvern Belġjan, Ċek, Grieg, Taljan, Latvjan u Rumen, kif ukoll mill-Kummissjoni. bpost, il-Gvern Belġjan, Grieg, Latvjan u Pollakk, kif ukoll il-Kummissjoni, ippreżentaw ukoll sottomissjonijiet orali fis-seduta tat-22 ta’ Marzu 2021. Dik is-seduta kienet organizzata kemm għal din il-kawża kif ukoll għall-Kawża C‑151/20 Nordzucker et.

IV.    Analiżi

34.      Permezz taż-żewġ domandi, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal‑Ġustizzja sabiex tikkjarifika, essenzjalment, x’inhuma l-kriterji li skonthom il‑prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta, japplika. Dawn id‑domandi tqajmu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi. L-ewwel waħda, preżentement konkluża, kienet tikkonċerna r-regolament settorjali ta’ servizzi postali u multa, li ġiet iktar tard annullata, imposta fuq bpost minn IBPT għal nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ nondiskriminazzjoni (iktar ’il quddiem il-“proċedimenti settorjali”). It-tieni sensiela ta’ proċedimenti tikkonċerna d-dritt tal-kompetizzjoni. F’dik il‑kawża, kienet ġiet imposta multa fuq bpost mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni Belġjana għal abbuż ta’ pożizzjoni dominanti (iktar ’il quddiem il-“proċedimenti tal-kompetizzjoni”).

35.      Dawn iż-żewġ sensiliet ta’ proċedimenti apparentement wasslu għall‑impożizzjoni ta’ sanzjonijiet li huma ta’ natura kriminali. Il-qorti tar-rinviju għalhekk tistaqsi jekk l-evalwazzjoni tal-element ta’ idem għandhiex tiddependi fuq l-interess legali protett rispettivament miż-żewġ kuntesti regolatorji inkwistjoni, jew jekk l-evalwazzjoni għandhiex titwettaq fir-rigward tal-klawżola tal-limitazzjoni ta’ drittijiet fl-Artikolu 52(1) tal-Karta.

36.      Fi kliem ieħor, il-qorti tar-rinviju hija inċerta dwar it-test eżatt tal-idem li hija għandha tapplika għall-kombinazzjoni ta’ proċedimenti settorjali u ta’ kompetizzjoni. Fil-fatt, għandha tapplika t-test għall-kombinazzjoni taż-żewġ proċedimenti ta’ kompetizzjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fil-kawża Wilhelm et (9) u li kkonfermat b’mod repetut minn dakinhar, b’mod partikolari fil‑kawża Toshiba (10) u iktar reċenti fil-kawża Slovak Telecom (11)? Jew għandha tapplika t-test li l-Qorti tal-Ġustizzja wkoll reċentement stabbilixxiet għall‑kombinazzjoni ta’ proċeduri kriminali u amministrattivi fil-kawża Menci?

37.      Il-mistoqsija jekk għandhiex tiġi applikata l-ġurisprudenza “Toshiba jew Menci” hija dik kruċjali għal din il-kawża. Madankollu, fil-kuntest tal-Artikolu 50 tal-Karta, hija tirrappreżenta l-quċċata tal-iceberg proverbjali. Wieħed għandu jirrikonoxxi li hemm iktar li jinsab taħt is-superfiċi, u li hemm ħafna iktar li għandu jinkixef, sabiex jiġi evalwat b’mod sħiħ il-qies reali tal-iceberg u ssir deċiżjoni informata dwar id-direzzjoni korretta li għandha tittieħed.

38.      Għalhekk ser nibda billi nistabbilixxi b’mod konċiż l-evoluzzjoni tal‑prinċipju ta’ ne bis in idem f’oqsma differenti tad-dritt tal-Unjoni, ta’ spiss permezz ta’ interazzjoni espressa mal-KEDB, li fihom il-portata u r-rilevanza proprji tal-mistoqsija “Toshiba jew Menci” jistgħu jinftiehmu l-aħjar (A). Barra minn hekk, minħabba l-fatt li l-evoluzzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem kienet pjuttost problematika, li rriżultat f’numru ta’ reġimi frammentati, ser nenfasizza wħud mill-kwistjonijiet li tali frammentazzjoni kkawżat. Ser nispjega wkoll għalfejn it-twessigħ tat-test iddefinit fil-ġurisprudenza Menci għall-każijiet kollha taħt l-Artikolu 50 tal-Karta forsi ma hijiex l-aħjar direzzjoni (B). Finalment, ser nistabbilixxi soluzzjoni għall-kwistjonijiet indikati billi nipproponi approċċ (unifikat kemm jista’ jkun possibbli) għall-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl‑Artikolu 50 tal-Karta (C).

A.      L-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza dwar ne bis in idem

39.      Sa mill-bidu, hemm bżonn ta’ nota terminoloġika. L-approċċi eżistenti għall-prinċipju ta’ ne bis in idem ħafna drabi jitpoġġew, għall-faċilità ta’ riferiment, f’żewġ kategoriji, normalment indikati bħala idem factum jew idemcrimen. Dan il-kliem jaqbad dik li hija, fil-qosor, il-premessa inizjali tal-approċċ speċifiku għall-prinċipju.

40.      L-approċċ ibbażat fuq idem factum jipproponi li l-kundizzjoni ta’ idem hija ssodisfatta meta żewġ sensiliet ta’ proċeduri jikkonċernaw l-istess fatti, mingħajr ma tiġi annessa l-ebda rilevanza ma’ jekk it-tieni sensiela ta’ proċeduri tinvolvix reat ieħor li l-istess fatti jista’ jkun li kkostitwixxew. L-identità fattwali hija biżżejjed sabiex il-kundizzjoni ta’ idem tkun issodisfatta.

41.      L-approċċ ibbażat fuq idem crimen jikkonsisti fl-evalwazzjoni dwar jekk it‑tieni sensiela ta’ proċeduri tikkonċernax mhux biss l-istess fatti, iżda wkoll l‑istess reat. Fejn hemm involut reat differenti, it-tieni sensiela ta’ proċeduri bħala prinċipju tkun awtorizzata. Hemm it-tendenza li jkun hemm, madankollu, ċerta varjetà fid-definizzjonijiet ta’ x’jikkostitwixxi eżattament l-identità tar-reat. Dan tal-aħħar ħafna drabi jiġi ddefinit skont il-kunċetti ta’ interess legali protett, prodotti tas-soċjetà li l-fatt jinterferixxi magħhom, jew, iktar fl-astratt, in-natura tan-nuqqas soċjali.

42.      Fil-livell tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ ne bis in idem żviluppa f’dak li jista’ jiġi deskritt l-aħjar bħala mewġ suċċessiv ta’ ġurisprudenza. B’xi grad ta’ simplifikazzjoni, dik l-evoluzzjoni bdiet fl-ispazju tad-dritt tal-Kompetizzjoni tal‑Unjoni b’approċċ ibbażat fuq l-interess legali protett (1). Sussegwentement waslet il-ġurisprudenza li tirrigwarda l-KIFS, ibbażata fuq l-approċċ ta’ idem factum (2). L-iżviluppi fil-kuntest tal-KIFS apparentement ispiraw bidla fil‑ġurisprudenza tal‑QEDB, b’idem crimen l-ewwel jinbidel għal idem factum. Madankollu, it-test ġie sussegwentement irfinat permezz tal-introduzzjoni ta’ rabta mill-qrib fis-sustanza u fiż-żmien, li għamlet it-tieni sensiela ta’ proċeduri fl‑istess kwistjoni possibbli taħt ċerti ċirkustanzi (3). Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet nota tal-iżviluppi li seħħew quddiem il-QEDB. Madankollu, hija sussegwentement iddeċidiet li taqleb l-iffokar tal-analiżi tagħha mill-portata ta’ protezzjoni skont l-Artikolu 50 tal-Karta għall-klawżola tal-limitazzjoni ta’ drittijiet li tinstab fl-Artikolu 52(1) tal-Karta (4).

1.      L-interess legali protett fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni

43.      L-oriġini tal-ġurisprudenza dwar ne bis in idem f’każijiet ta’ kompetizzjoni tinsab fis-sentenza fil-kawża Wilhelm et (12). Il-kawża kienet tikkonċerna investigazzjonijiet nazzjonali u supranazzjonali paralleli ta’ aġir antikompetittiv. Kien allegat li l-ANK Ġermaniża ma kellhiex il-kompetenza li tkompli bl‑investigazzjoni tagħha f’ċertu ksur ta’ liġi li kien investigat fl-istess ħin mill‑Kummissjoni. Id-domandi li tqajmu kienu jikkonċernaw, inter alia, jekk kienx possibbli li jiġu applikati għall-istess sitwazzjoni fattwali, li dak iż-żmien kienet taqa’ taħt l-Artikolu 85(1) tat-Trattat KEE, kemm dritt tal-kompetizzjoni nazzjonali kif ukoll Komunitarju, f’sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni kienet diġà ħadet azzjoni skont ir-Regolament Nru 17 (13), jew jekk l-azzjoni tal-ANK li tapplika d-dritt tal-kompetizzjoni nazzjonali kinitx prekluża minħabba r-riskju ta’ sanzjoni doppja u evalwazzjoni inkompatibbli.

44.      Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 17 kien jawtorizza lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex japplikaw dawk li dak iż-żmien kienu l-Artikoli 85(1) u 86 tat-Trattat KEE. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma kinitx tikkonċerna l-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni meta japplikaw id-dritt nazzjonali (14). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li “liġi Komunitarja u nazzjonali dwar kartelli tikkunsidra kartelli minn perspettivi differenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (15) filwaqt li għamlitha ċara li l-proċeduri nazzjonali ma jistgħux jikkawżaw dannu lill-proċeduri Komunitarji.

45.      Minn dik is-sentenza, il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma deherx bħala ostakolu għal proċeduri paralleli mwettqa mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni rispettivi. Id-dictum, li skontu d-drittijiet tal‑kompetizzjoni Komunitarji u dawk nazzjonali jikkunsidraw il-protezzjoni tal‑kompetizzjoni minn angoli differenti, kien iktar tard issupplimentat mill‑osservazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-drittijiet tal-kompetizzjoni tal‑Unjoni u dawk nazzjonali jipproteġu interess legali differenti. Bħala konsegwenza, skont dik li preżentement hija ġurisprudenza stabbilita, il‑protezzjoni ta’ ne bis in idem fid-dritt tal-kompetizzjoni tiskatta biss jekk hemm unità tripla tal-fatti, tal-awtur tar-reat u tal-interess legali protett.

46.      Dan l-aħħar kriterju kien applikat fil-kuntest tal-proċeduri mwettqa, u s‑sanzjonijiet imposti, fl-Unjoni, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li “l-istess persuna ma tistax tiġi ppenalizzata iktar minn darba għal proċess ta’ aġir illegali uniku maħsub sabiex jipproteġi lill-istess assi legali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (16). Il-Qorti tal-Ġustizzja applikat ukoll il-kriterju tal-interess legali protett f’kawżi fejn l-impriżi kienu suġġetti għal prosekuzzjoni u piena f’pajjiż terz (17), u spjegat ir-raison d’être tagħha permezz tal-ispeċifiċità tal-għanijiet, tar-regoli sostantivi u tal-konsegwenzi legali fir-rigward tas-sanzjonar ta’ ksur tad-dritt tal‑kompetizzjoni (18).

47.      B’mod pjuttost kruċjali, l-Awla Manja kkonfermat l-applikabbiltà tal‑kundizzjoni tripla ta’ idem f’Toshiba (19) anki jekk l-Avukata Ġenerali Kokott kienet stiednet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tabbandunaha (20). Fil-fatt, l-Avukata Ġenerali ssuġġeriet li l-evalwazzjoni ta’ idem tiġi aġġustata mal-approċċ tal-istess ħati u l-istess fatti segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Artikolu 54 tal‑KIFS, il-mandat ta’ arrest Ewropew, u fid-dawl tal-konstatazzjoni (li dak iż‑żmien kienet għadha reċenti) tal-QEDB fil-kawża Zolotukhin (21). Hija indikat li “xejn ma jiġġustifika oġġettivament li l-prinċipju ta’ ne bis in idem jiġi suġġett, fid-dritt tal-kompetizzjoni, għal kundizzjonijiet oħra mhux applikati f’oqsma oħra” (22). Hija spjegat ukoll li l-eżaminazzjoni ta’ okkażjoni waħda ta’ aġir antikompetittiv neċessarjament tirrelata ma’ kuntest wieħed perjodiku u territorjali, u dawn huma l-elementi li jiddistingwu aġir illegali wieħed minn ieħor (23).

48.      Fl-aħħar mill-aħħar, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma laqgħetx il-proposta tal-Avukata Ġenerali kien ta’ sinjifikat prattiku limitat għar-riżoluzzjoni ta’ dik il‑kawża. Kemm il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll l-Avukata Ġenerali qablu li ż‑żewġ deċiżjonijiet inkwistjoni, waħda maħruġa mill-Kummissjoni u l-oħra mill‑ANK Ċeka, kienu jirrelataw ma’ territorji u perijodi ta’ żmien differenti, li għamlu irrilevanti l-kunsiderazzjoni tal-kriterju tal-interess legali.

49.      L-istedina sussegwenti sabiex tiġi kkunsidrata mill-ġdid il-kwistjoni ġiet f’Powszechny Zakład Ubezpieczeń na Życie (24). Dik il-kawża qajmet il-mistoqsija dwar jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem kienx adegwatament applikat fi proċeduri li jirrigwardaw abbuż ta’ pożizzjoni dominanti. Madankollu, il-kawża involviet sensiela waħda biss ta’ proċeduri, u għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l‑prinċipju ta’ ne bis in idem ma kienx applikabbli. Madankollu, l-Avukat Ġenerali Wahl uża dik il-kawża bħala opportunità sabiex jissuġġerixxi, essenzjalment, li l-kriterju tal-interess legali protett għandu jiġi abbandunat (25).

50.      Ftit wara, il-kriterju tal-identiċità tal-interess legali protett kien għal darba oħra kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Slovak Telekom (26), kawża li involviet żewġ sensiliet ta’ proċeduri li, mid-dehra, jittrattaw fatti differenti (in casu suq tal-prodotti differenti).

51.      Fid-dawl ta’ dawk l-iżviluppi, it-tliet punti li ġejjin huma partikolarment sinjifikattivi. L-ewwel, hija fil-fatt preżentement ġurisprudenza stabbilita sewwa li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem fil-kuntest tad-dritt tal‑kompetizzjoni tal-Unjoni tistrieħ fuq it-tliet kriterji tal-identiċità tal-awtur tar‑reat, tal-fatti u tal-interess legali protett. It-tieni, madankollu, u pjuttost b’mod intriganti, il-kriterju tal-interess legali huwa stabbilit sewwa fl-astratt biss. Qatt ma ġie applikat fil-prattika. Il-kawżi tad-dritt tal-kompetizzjoni intra-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat sa issa kienu jinvolvu, fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, fatti differenti. Bħala riżultat, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma spjegat effettivament f’xi dettall kbir kif l-interess legali protett għandu jiġi evalwat.

52.      It-tielet, preżentement, tliet Avukati Ġenerali kkritikaw dak il-kriterju. Wara l-Avukata Ġenerali Kokott (27), l-Avukat Ġenerali Wahl esprima b’mod simili “diffikultà sabiex nidentifika raġunijiet tajbin għaliex il-kriterju triplu għandu jibqa’ jiġi applikat fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni” (28). Finalment, l-Avukat Ġenerali Tanchev osserva li “r-rilevanza tal-kundizzjoni li l-interess ġuridiku protett irid ikun l-istess hija kkontestata peress li, l-ewwel nett, din il-kundizzjoni tiġi applikata biss f’materji tad-dritt tal-Unjoni li ma jirrigwardawx id-dritt tal‑kompetizzjoni […], u t-tieni nett, tikkuntrasta mal-konverġenza dejjem tiżdied bejn ir-regoli ta’ kompetizzjoni tal-Unjoni u dawk nazzjonali u mad‑deċentralizzazzjoni għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni tal‑Unjoni miġjuba bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003[(29)]” (30). Dubji simili tqajmu fl-istudji legali, li jqajmu l-mistoqsijiet dwar ir-raġuni għalfejn il‑Qorti tal-Ġustizzja tkompli tikkonferma l-kriterju b’mod repetut minkejja l‑adozzjoni tal-approċċ idem factum f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni (31).

2.      Idem factum fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja

53.      L-Artikolu 54 tal-KIFS kien storikament l-ewwel dispożizzjoni tad-dritt tal‑Unjoni li tinkludi l-prinċipju ta’ ne bis in idem fit-test tagħha. Dak li jiddistingwi l-Artikolu 54 tal-KIFS mill-espressjonijiet tad-dritt internazzjonali ta’ ne bis in idem eżistenti dak iż-żmien, bħall-Artikolu 4 tal-Protokoll 7 tal-KEDB (32) jew l-Artikolu 14(7) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (33), huwa l-portata espressament transkonfinali tiegħu. Dak li kien preċedentement meħtieġ fi Stat wieħed jew parti firmatarja waħda sar applikabbli fi spazju legali usa’. Espressjoni simili tal-prinċipju ta’ ne bis in idem kienet adottata sussegwentement fi strumenti ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali, bħad-Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew 2002/584/ĠAI (34), bħala waħda mill-motivi obbligatorji għal rifjut (35).

54.      Fil-kuntest tal-KIFS, kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw l-interess legali protett u l-klassifikazzjoni legali kienu meqjusa irrilevanti. L-uniku kriterju rilevanti sar “l-identiċità ta’ l-azzjonijiet materjali, mifhuma bħala l-eżistenza ta’ ġabra ta’ ċirkostanzi konkreti inseparabbilment marbuta bejniethom” (36).

55.      Is-sentenza fil-kawża van Esbroeck (37) turi dan il-punt b’mod pjuttost tajjeb. Il-kawża kkonċernat ċittadin Belġjan li ġie kkundannat fin-Norveġja għal ħames snin priġunerija minħabba li importa illegalment in-narkotiċi fin-Norveġja. Wara li serva parti mis-sentenza tiegħu, ġie lliberat kundizzjonalment u ntbagħat taħt skorta fil-Belġju. Bosta xhur wara, kien suġġett għal prosekuzzjoni kriminali fil‑Belġju u ġie kkundannat għal sena priġunerija minħabba li esporta illegalment l-istess narkotiċi mill-Belġju. Sabiex waslu għall-konstatazzjoni tagħhom dwar il‑permissibbiltà tat-tieni proċeduri, il-qrati Belġjani applikaw l-Artikolu 36(2)(a) tal-Konvenzjoni Unika dwar id-Drogi Narkotiċi (38), li skontha kull wieħed mir‑reati stabbiliti f’dan l-artikolu, li jinkludu l-importazzjoni u l-esportazzjoni tad-drogi narkotiċi, għandhom jitqiesu bħala reati distinti jekk jitwettqu f’pajjiżi differenti.

56.      Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, id-domanda li saret kienet jekk it-tieni sensiela t ta’ proċeduri kisritx l-Artikolu 54 tal-KIFS. Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li l-kliem tal-Artikolu 54 tal-KIFS jirreferi biss għan-natura tal-fatti suġġetti għat‑tilwima u mhux għall-klassifikazzjoni legali tagħhom (39). Il-Qorti tal‑Ġustizzja sussegwentement ikkuntrastat dan il-kliem ma’ dak tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB u dak tal-Artikolu 14(7) tal-Patt tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li t-tnejn li huma jirreferu għal “reat”. Dan implika r-rilevanza tal-kriterju tal-klassifikazzjoni legali tal-fatti “bħala kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem […] stabbilit minn dawn l-aħħar trattati” (40).

57.      Billi nnotat l-eżistenza tal-fiduċja reċiproka fis-sistemi nazzjonali tal‑ġustizzja kriminali fl-Unjoni, il-moviment liberu tal-persuni u l-assenza ta’ armonizzazzjoni ta’ drittijiet kriminali, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li “l‑eventwalità ta’ klassifikazzjoni ġuridika diverġenti ta’ l-istess fatti f’żewġ Stati kontraenti differenti ma tistax tkun ta’ ostaklu għall-applikazzjoni ta’ l‑Artikolu 54 tal-KFS” (41). “Għall-istess raġunijiet, il-kriterju ta’ l-identiċità ta’ l‑interess ġuridiku protett ma jistax jiġi aċċettat, peress illi dan jista’ jvarja minn Stat kontraenti għall-ieħor” (42).

58.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li s-sitwazzjoni li tinvolvi l-esportazzjoni u l-importazzjoni tal-istess narkotiċi, fejn tmexxiet prosekuzzjoni kriminali fi Stati Kontraenti differenti, tista’ tikkostitwixxi sensiela ta’ fatti li, min-natura tagħhom stess, huma inseparabbilment marbuta, iżda ħalliet din l-evalwazzjoni għall-qorti nazzjonali (43).

59.      Fil-qosor, il-ġurisprudenza fuq l-Artikolu 54 tal-KIFS u fuq id‑dispożizzjonijiet ekwivalenti tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 minn dejjem kienet ibbażata fuq il-premessa li l-interess legali protett u l-klassifikazzjoni legali tal‑fatti mogħtija ma għandhomx importanza għall-kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.

60.      Ir-rifjut tal-approċċ ta’ idem crimen kien ibbażat l-ewwel fuq l‑interpretazzjoni testwali. L-Artikolu 54 tal-KIFS jidher distint bħala li jeħtieġ livell ogħla ta’ protezzjoni mill-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB. Lil hinn mit-test, il-bżonn sabiex jitħaddan l-approċċ idem factum kien iġġustifikat ukoll permezz ta’ riferiment għal-loġika li hija fundamentali għall-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li timmira li tegħleb l-ostakoli possibbli li jirriżultaw mill‑isfond multiġurisdizzjonali tal-Unjoni fejn ma hemm l-ebda armonizzazzjoni ta’ drittijiet kriminali u li fihom l-interessi legali, u l-klassifikazzjoni legali tal‑istess aġir, jistgħu jkunu differenti.

61.      Filwaqt li r-riferiment għall-klassifikazzjoni legali pjuttost jispjega lilu nnifsu, ir-riferiment għall-interessi legali (diverġenti) jidher ħafna inqas minn hekk. Il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li użat dawn il-kunċetti b’mod interkambjabbli. Ir-raġunament tagħha jimplika li l-interess legali protett billi jiġi ppenalizzat reat kriminali partikolari, kif iddefinit fid-dritt domestiku, huwa xi ħaġa speċifika b’mod inerenti għal kull Stat Membru. Il-kunċett ta’ interess legali ma jidhirx li huwa mifhum fis-sens ta’ interess soċjali li reat speċifiku, jew kategorija speċifika ta’ reati, jidhru li jipproteġu indipendentement mill-Istat Membru kkonċernat, bħall-interess li tiġi protetta l-ħajja umana, is-saħħa, il-libertà, il-proprjetà u l‑bqija. Dak li fil-fatt jammonta għall-interess legali protett ma huwiex għalhekk esplorat.

62.      Madankollu, huwa mifhum ġeneralment li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja dwar l-Artikolu 54 tal-KIFS influwenzat lill-QEDB (44). Fil-fatt, hija wasslet għal deċiżjoni mill-QEDB fil-kawża Zolotukhin sabiex tarmonizza l‑ġurisprudenza tagħha, meta preċedentement kienet qiegħda titbandal bejn l‑approċċ tal-idem crimen u l-approċċ tal-idem factum, u li tħaddan l-approċċ, li skontu l-eżistenza ta’ “fatti identiċi jew fatti li huma sostanzjalment l-istess” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (45) huwa dak li għandu jitqies għall-evalwazzjoni dwar jekk it-tieni sensiela ta’ proċeduri hijiex ipprojbita jew le.

3.      Il-QEDB: minn idem crimen permezz ta’ idem factum għal xi mkien ieħor (iżda marbuta mill-qrib fis-sustanza u fiż-żmien)

63.      Il-ġurisprudenza tal-QEDB dwar ne bis in idem żviluppat f’fażijiet. Fil‑kawża Zolotukhin, il-QEDB għamlet l-ewwel ħarsa  dwar kif il-ġurisprudenza tagħha kienet resqet lejn il-kundizzjoni ta’ idem u ddeċidiet li tadotta interpretazzjoni armonizzata tal-kunċett tal-istess reat li jinstab fl-Artikolu 4 tal‑Protokoll Nru 7 tal-KEDB sabiex tneħħi “l-inċertezza legali” (46) (a). Madankollu, bosta snin wara, il-QEDB ikkunsidrat għat-tieni darba l-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza fil-kawża A u B (47). Hija ddeċidiet li twarrab il-kawża Zolotukhin,  u ġabet fuq quddiem it-test ta’ rabta mill-qrib fis-sustanza u fiż‑żmien (b).

a)      Minn idem crimen għal idem factum fil-kawża Zolotukhin

64.      L-approċċ lejn idem fil-ġurisprudenza li tippreċedi l-kawża Zolotukhin kienet prinċipalment ibbażata fuq idem crimen (48). Hija kienet tistrieħ fuq il‑premessa li l-istess aġir jista’ jikkostitwixxi diversi reati li, bħala kwistjoni ta’ liġi, jistgħu jiġu ġġudikati fi proċeduri separati. Xi wħud mill-eżempji notevoli tal-ġurisprudenza li tippreċedi l-kawża Zolotukhin huma Oliveira (49) jew Franz Fischer (50). Fil-kawża tal-aħħar, il-QEDB issuġġettat l-eżaminazzjoni tal-identità tar-reat għat-test tal-elementi essenzjali tiegħu (51).

65.      L-approċċ ibbażat fuq idem crimen ġie abbandunat fil-kawża Zolotukhin. Dik il-kawża kienet ikkonċernat rikorrent li kien verbalment abbużiv lejn uffiċjali tal-pulizija waqt l-interrogazzjoni tiegħu. Fil-proċedimenti amministrattivi li twettqu kontrih, li l-QEDB qieset li huma bħala proċedura penali, huwa kien instab ħati ta’ “atti mhux gravi ta’ diżordni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Diversi ġranet wara, tressqet kawża kriminali fir-rigward ta’, inter alia, l-akkuża ta’ “atti ta’ diżordni”. Din l-akkuża semmiet l-istess aġir li għalih ir-rikorrent kien instab ħati preċedentement. Ir-rikorrent inħeles fir-rigward ta’ din l-akkuża, iżda nstab ħati fuq kwistjonijiet oħra.

66.      Qabel ma kkonkludiet li t-tieni sensiela ta’ proċeduri kkostitwixxiet ksur tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB, il-QEDB iddeċidiet li “l-approċċ [preċedenti tagħha] li jenfasizza l-karatterizzazzjoni legali taż-żewġ reati huwa wisq ristrett fuq id-drittijiet tal-individwi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u “dan l‑Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 għandu jinftiehem bħala li jipprojbixxi l‑prosekuzzjoni jew proċess ta’ tieni “reat” safejn dan jirriżulta minn fatti identiċi jew fatti li huma essenzjalment l-istess” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (52). Il-QEDB ikkonkludiet li l-eżaminazzjoni għandha għalhekk “tiffoka fuq dawk il-fatti li jikkostitwixxu sensiela ta’ ċirkustanzi fattwali konkreti li jinvolvu lill-istess konvenut u li huma inseparabbilment marbuta fis-sustanza u fiż-żmien, li l‑eżistenza tagħhom għandha tintwera sabiex jiġi żgurat is-sejbien ta’ ħtija jew sabiex jinbdew proċeduri kriminali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (53).

b)      Il-kawża A u B: idem factum ikkombinat ma’ rabta mill-qrib fissustanza u fiżżmien

67.      L-approċċ adottat fil-kawża Zolotukhin kien applikat (ġeneralment) fil‑ġurisprudenza li segwiet (54). Dan l-approċċ, madankollu, ma kienx milqugħ b’tifħir universali. Il-QEDB iddeċidiet li tikkunsidrah mill-ġdid fil-kawża A u B. Filwaqt li fil-prinċipju ssostni l-approċċ idem factum, dik il-qorti madankollu qieset li kumulu tal-proċeduri huwa possibbli fejn il-proċeduri inkwistjoni “ġew ikkombinati b’mod integrat sabiex jifformaw intier koerenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (55). F’tali ċirkustanzi, il-QEDB tqis li l-ebda tieni sensiela ġenwina ta’ proċeduri ma tkun fil-fatt seħħet.

68.      Il-kawża A u B kienet tikkonċerna żieda fit-taxxa imposta fuq ir-rikorrenti fi proċedimenti amministrattivi għan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni tad-dħul fid‑dikjarazzjoni tat-taxxa tagħhom. Ir-rikorrenti kienu wkoll ikkundannati għall‑istess fatti fi proċeduri kriminali li twettqu (sa ċertu limitu) b’mod parallel. Il-QEDB ikkonkludiet li dik is-sitwazzjoni ma kinitx tammonta għal ksur tal‑Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB: “filwaqt li sanzjonijiet differenti kienu imposti minn żewġ awtoritajiet differenti fi proċeduri differenti, kien hemm madankollu rabta mill-qrib b’mod suffiċjenti bejniethom, kemm fis-sustanza kif ukoll fiż-żmien, sabiex jitqiesu li jifformaw parti minn skema integrali ta’ sanzjonijiet taħt il-liġi Norveġiża għan-nuqqas ta’ provvista ta’ informazzjoni dwar ċertu dħul fuq dikjarazzjoni ta’ taxxi, bid-defiċjenza riżultanti fl‑evalwazzjoni tat-taxxa” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (56).

69.      Fi kliem ieħor, il-QEDB iddeċidiet li tpoġġi fuq quddiem it-test ta’ rabta suffiċjenti fis-sustanza u fiż-żmien li diġà dehret (għalkemm mhux b’mod sistematiku) fil-ġurisprudenza preċedenti tagħha, inkluż fil-kawża ta’ qabel Zolotukhin (57).

70.      Il-QEDB spjegat li s-sodisfazzjon tar-rekwiżit għal rabta sostantiva jiddependi fuq l-elementi li ġejjin: (i) għanijiet komplementari li jridu jintlaħqu miż-żewġ proċeduri li jindirizzaw aspetti differenti ta’ nuqqas soċjali; (ii) il‑prevedibbiltà tad-duwalità tal-konsegwenzi; (iii) il-koordinazzjoni bejn iż-żewġ sensiliet ta’ proċeduri li għandhom jitwettqu b’tali mod li jiġi evitat kumulu kemm fil-ġbir kif ukoll fl-evalwazzjoni tal-provi; u (iv) il-proporzjonalità tal-ammont ġenerali tas-sanzjonijiet imposti (58).

71.      Ir-rabta ratione temporis kienet tħalliet fil-parti l-kbira mingħajr definizzjoni bl-eċċezzjoni ta’ gwida ġenerali li “iktar ma tkun dgħajfa r-rabta fiż‑żmien, ikbar ikun il-piż fuq l-Istat sabiex jispjega u jiġġustifika kwalunkwe tali dewmien” [traduzzjoni mhux uffiċjali](59).

72.      Sabiex tispjega l-bidla fl-approċċ, il-QEDB irreferiet għall-inabbiltà tas‑sentenza fil-kawża Zolotukhin sabiex tipprovdi “gwida għal sitwazzjonijiet fejn il-proċeduri ma kinux fir-realtà akkumulati iżda minflok ġew ikkombinati b’mod integrat sabiex jifformaw intier koerenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (60), li dehret li kienet, fil-fehma tal-QEDB, is-sitwazzjoni f’dak il-każ. Il-QEDB innotat ukoll “in-nuqqas ta’ kunsens fost is-sistemi domestiċi tal-Istati Kontraenti u r‑rieda varjabbli tal-Istati sabiex ikunu marbuta bil-[Protokoll Nru 7 tal-KEDB]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (61).

73.      It-test tar-rabta mill-qrib b’mod suffiċjenti fis-sustanza u fiż-żmien jippermetti li, fil-fehma tal-QEDB “jintlaħaq bilanċ ġust bejn il-ħarsien dovut tal‑interessi tal-individwu protett bil-prinċipju ta’ ne bis in idem, minn naħa, u li jiġi akkomodat l-interess partikolari tal-komunità sabiex tkun tista’ tieħu approċċ regolatorju kkalibrat fil-qasam ikkonċernat, min-naħa l-oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (62).

74.      Fil-kawża A u B, iż-żewġ fergħat tat-test il-ġdid ġew deċiżi li huma ssodisfatti. Ġurisprudenza sussegwenti pprovdiet xi kjarifiki ulterjuri. Madankollu, ikun kuraġġuż li jiġi ssuġġerit li hemm preżentement ċarezza fir‑rigward ta’ x’tikkostitwixxi rabta mill-qrib b’mod suffiċjenti, b’mod partikolari sa fejn hija kkonċernata d-dimensjoni tagħha ratione temporis (63).

4.      Ir-reġimi ta’ eżekuzzjoni fuq żewġ binarji quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja: minn idem factum għal idem factum ikkombinat bil-klawżola tal-limitazzjoni ta’ drittijiet

75.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għall-bidla fl-approċċ adottata mill-QEDB f’sensiela ta’ sentenzi li jifformaw il-ġurisprudenza Menci (64). Dawn is-sentenzi, li sabu ruħhom fil-qalba ta’ diskussjoni akkademika kbira (65), kienu jirrigwardaw it‑tieni sensiela ta’ proċeduri (kriminali jew amministrattivi), imressqa għar‑raġunijiet ta’ evażjoni tat-taxxa, manipulazzjoni tas-suq u abbuż minn informazzjoni privileġġjata, minkejja l-fatt li proċeduri preċedenti (kriminali jew amministrattivi) kienu diġà nbdew għall-istess fatti.

76.      Menci, li tista’ forsi tiġi kkwalifikata bħala l-kawża prinċipali f’dan il‑grupp, ikkonċernat rikorrent li kien suġġett għal proċedimenti amministrattivi għan-nuqqas milli jħallas il-VAT. Il-proċedimenti amministrattivi spiċċaw bl‑impożizzjoni ta’ multa ta’ madwar EUR 85 000 li rrappreżentat 30 % tad-dejn tat-taxxa. Wara li d-deċiżjoni f’dawn il-proċedimenti saret finali, infetħu proċeduri kriminali fir-rigward tal-istess fatti kontra r-rikorrent. Għalhekk il‑mistoqsija li tqajmet kienet jekk din it-tieni sensiela ta’ proċeduri kinitx ammissibbli fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta.

77.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonfrontata bid-deċiżjoni dwar jekk tħaddanx l-approċċ adottat mill-QEDB fil-kawża A u B, jew jekk iżżommx l‑approċċ preċedenti adottat f’kuntest simili fil-kawża Åkerberg Fransson. Fil‑kawża tal-aħħar, ġie deċiż li l-prinċipju ta’ ne bis in idem ma jipprekludix lil Stat Membru milli jimponi suċċessivament, għall-istess fatti ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi tal-VAT, sanzjoni fiskali u sanzjoni kriminali sakemm l‑ewwel sanzjoni ma tkunx ta’ natura kriminali (ibbażata fuq il-kriterji tal-kawża Engel) (66).

78.      Fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona argumenta li t-tħaddin tat-test il-ġdid tal-QEDB ikun inaqqas il-protezzjoni eżistenti skont il-prinċipju ta’ ne bis in idem (67). Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu kienet ta’ fehma differenti. Jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja riedet, essenzjalment, issegwi lill-QEDB. Madankollu, sabiex tagħmel dan, hija għażlet qafas analitiku pjuttost uniku. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaqalqet l-analiżi mill-Artikolu 50 tal-Karta għall-klawżola tal-limitazzjoni ta’ drittijiet fl-Artikolu 52(1) tal-Karta.

79.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppermettiet it-tieni sensiela ta’ proċeduri suġġett għall-kundizzjoni li l-leġiżlazzjoni li tawtorizza kumulu ta’ proċeduri “għandha għan ta’ interess ġenerali li huwa ta’ natura li jiġġustifika tali kumulu […], liema proċeduri u sanzjonijiet għandu jkollhom għanijiet komplementari […] tinkludi regoli li jiżguraw koordinazzjoni li tillimita għal dak li huwa strettament neċessarju l-piż addizzjonali li jirriżulta, għall-persuni kkonċernati, minn kumulu ta’ proċeduri, u […] tipprevedi regoli li jippermettu li jiġi żgurat li s-severità tas‑sanzjonijiet imposti kollha tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju meta mqabbel mal-gravità tal-ksur ikkonċernat” (68).

80.      Billi segwiet l-analiżi skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel ivverifikat li l-limitazzjoni inkwistjoni kienet prevista mil-liġi u ppreżervat l-essenza tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta. Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ppermettiet “kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet biss fuq kundizzjonijiet restrittivi, li jiżguraw għaldaqstant li d-dritt iggarantit f’dan l-Artikolu 50 ma jkunx imminat bħala tali” (69).

81.      It-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement ikkonfermat l-eżistenza ta’ għan ta’ interess ġenerali (ġbir tal-VAT kollha dovuta fil-kawża Menci (70); li tiġi protetta l-integrità tas-swieq finanzjarji u l-fiduċja tal-pubbliku fl-istrumenti finanzjarji fil-kawża Di Puma (71) u f’Garlsson (72)), kif ukoll l-eżistenza ta’ għanijiet komplementari li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Fil-kawża Menci, il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat dawn l-għanijiet komplementari bħala li jiddisswadu u jippenalizzaw “kull ksur ta’ obbligu, kemm jekk intenzjonali jew le, dwar ir-regoli ta’ dikjarazzjoni u ta’ ġbir tal-VAT u billi jimponi sanzjonijiet amministrattivi stabbiliti”, minn naħa, u jiddisswadu u jippenalizzaw “ksur ta’ obbligi gravi ta’ dawn ir-regoli, li huma partikolarment ta’ ħsara għas-soċjetà u li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali iktar severi”, min-naħa l‑oħra (73).

82.      It-tielet, il-Qorti tal-Ġustizzja vverifikat il-proporzjonalità tal-limitazzjoni inkwistjoni. Hija eżaminat jekk “ma għandux jaqbeż il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu għanijiet leġittimi mfittxija minn din il‑leġiżlazzjoni, u huwa mifhum li, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tintuża dik li hija l-inqas restrittiva u li l-inkonvenjenti kkawżati minnha ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija” (74).

83.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni kienet kapaċi li tikseb l-għan imsemmi u li, fir-rigward ta’ “neċessità stretta”, hija pprovdiet regoli ċari u preċiżi li jippermettu lill-individwi sabiex jipprevedu liema atti jew ommissjonijiet jistgħu jkunu suġġetti għall-kumulu ta’ proċeduri. Hija nnotat ukoll li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tiżgura koordinazzjoni li tillimita għal dak li huwa strettament neċessarju l-iżvantaġġ addizzjonali għall-persuni kkonċernati li jirriżulta minn kumulu ta’ proċeduri, u tiggarantixxi li s-severità tas-sanzjonijiet kollha imposti tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju fir-rigward tal-gravità tar-reat ikkonċernat (75).

84.      Is-sitwazzjoni fil-kawża Menci għalhekk għaddiet mit-test ġdid stabbilit. Dan ma kienx il-każ fil-kawża Garlsson, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l‑impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva fuq impriżi li diġà kienu nstabu kriminalment ħatja u ppenalizzati b’sanzjoni effettiva, proporzjonata u dissważiva għall-istess fatti jeċċedi dak li huwa strettament neċessarju. Il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-istess konklużjoni fil-kawża Di Puma, li involviet ħelsien definittiv fil-proċeduri kriminali u proċedimenti amministrattivi sussegwenti għall-istess fatti.

B.      Problemi li tqajmu mir-reġimi frammentati kurrenti ta’ ne bis in idem

85.      Kif jidher mill-isfond stabbilit fit-taqsima preċedenti, il-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja, żviluppata permezz ta’ interazzjoni mill-qrib mal-QEDB, tista’ tiġi deskritta bl-aħjar mod bħala mużajk ta’ reġimi paralleli. F’din it‑taqsima, nindirizza żewġ domandi kruċjali li jirrigwardaw dik is-sitwazzjoni. L‑ewwel, din hija effettivament problema? (1). It-tieni, jekk hija problema, ma għandhiex il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement tespandi t-test li hija reċentement żviluppat fil-kawża Menci għall-kawżi kollha li jaqgħu taħt l-Artikolu 50 tal‑Karta, inkluż fil-kawża preżenti? (2).

1.      Hemm problema?

86.      Jista’ forsi jiġi ssuġġerit li ma hemm l-ebda problema ta’ koerenza. Dan madankollu, ikun jeħtieġ eżerċizzju pjuttost diffiċli ta’ distinzjonijiet żgħar, billi jiġi argumentat li kull wieħed minn dawn ir-reġimi enfasizzat iktar ’il fuq huwa differenti għal raġuni tajba. It-testijiet huma differenti għaliex huma bbażati fuq leġiżlazzjonijiet differenti u jappartjenu għal kuntesti regolatorji differenti.

87.      L-ewwel, l-Artikolu 54 tal-KIFS u d-dispożizzjonijiet ekwivalenti fi strumenti ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali jirreferu għall-identità tal-azzjonijiet, filwaqt li l-Artikolu 50 tal-Karta (u anki fil-fatt l-Artikolu 4 tal‑Protokoll Nru 7 tal-KEDB) għall-identità tar-reat. Għalhekk, hemm differenza testwali ċara bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, fir-rigward tal‑kuntest regolatorju tagħha, il-KIFS fiha espressjoni transkonfinali speċifika tal‑prinċipju ta’ ne bis in idem rilevanti biss għal materji ta’ dritt kriminali (ġenwini) li jirriżultaw fis-sistema Schengen. Wieħed jista’ għalhekk jispjega r‑raġuni għalfejn ir-rilevanza tal-interess legali u l-klassifikazzjoni legali kienet irrifjutata billi ġiet invokata l-ħtieġa li jingħelbu, fi ħdan l-Unjoni multiġurisdizzjonali, l-ostakoli għal-libertà ta’ moviment li l-Qorti tal-Ġustizzja identifikat fil-kawża van Esbroeck (76).

88.      It-tieni, l-applikabbiltà ta’ ne bis in idem skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB hija limitata għal parti kontraenti waħda tal-Konvenzjoni. Għalhekk, kwistjonijiet transkonfinali ma humiex probabbli li jirriżultaw skont din id-dispożizzjoni. Il-fatt li l-applikazzjoni ta’ ne bis in idem hija ristretta għal Stat uniku, fejn fil-fatt jista’ jitqiegħed stress ikbar fuq proċeduri integrati u l‑imperattiva ta’ koordinazzjoni, jista’ forsi jiġġustifika approċċ iktar strett għall‑kriterji ta’ applikabbiltà mħaddna fil-kawża A u B. Ninnota li meta l‑ġurisprudenza Menci rreaġixxiet għat-test iddefinit fil-kawża A u B, hija għamlet hekk preċiżament fl-istess kuntest ta’ Stat-uniku.

89.      Fid-dawl ta’ dawk id-differenzi, wieħed għandu sempliċement jirrikonoxxi l-eżistenza ta’ dawn ir-reġimi paralleli fil-ġurisprudenza dwar ne bis in idem? Minflok ma nipprovaw nistabbilixxu mill-ġdid xi forma ta’ unità taħt l‑Artikolu 50 tal-Karta, ma jkunx iktar loġiku li jiġi spjegat għalfejn huma differenti?

90.      Ma naħsibx.

91.      L-ewwel, hemm limiti loġiċi għal tali eżerċizzju. Fil-fatt, tista’ ssir distinzjoni bejn l-Artikolu 50 tal-Karta u l-ġurisprudenza relatata mal-KIFS u mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fuq il-bażi tal-kliem tagħhom, u parzjalment ukoll tal-kuntest u tal-għan. Madankollu, dik id-distinzjoni ssir ħafna iktar diffiċli meta wieħed iqabbel l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB mal-Artikolu 50 tal‑Karta. Għalkemm it-tnejn li huma jirreferu għall-identità tar-“reat”, it-testijiet żviluppati skont kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet huma differenti.

92.      Barra minn hekk, l-eżerċizzju li jiddistingwi jiġi kjarament ostakolat fir‑rigward tal-linji koeżistenti kurrenti tal-ġurisprudenza Wilhelm/Toshiba, minn naħa, u Menci, min-naħa l-oħra. Is-sitwazzjonijiet koperti minn dawn iż-żewġ linji ta’ ġurisprudenza huma preżentement it-tnejn suġġetti għall-Artikolu 50 tal-Karta, li jagħmluha pjuttost diffiċli sabiex jiġi spjegat b’mod persważiv għalfejn kull waħda minnhom tistrieħ fuq test differenti. Ċertament, fir-rigward tal-kuntest, wieħed jista’ dejjem jipprova jargumenta dwar in-natura speċjali tad-dritt tal‑kompetizzjoni, li jwarrab kull kaxxa u klassifikazzjoni oħra. Madankollu, f’dan ir-rigward, u b’mod simili għall-kollegi mgħallma tiegħi kollha li ħadu pożizzjoni fuq din il-kwistjoni fil-passat (77), jiena sempliċement ma nħossnix konvint. Per se u fl-astratt, jiena wkoll ma nistax naqbel mal-fehma li llum, il-qasam tad-dritt tal‑kompetizzjoni huwa b’xi mod differenti mill-oqsma l-oħra ta’ dritt (78).

93.      It-tieni, hemm in-nuqqas konsegwenti ta’ prevedibbiltà mit-test(ijiet). Kif juru l-pożizzjonijiet diverġenti meħuda mill-qrati nazzjonali fil-kawża prinċipali, meta tnejn mill-oqsma ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem jidħlu fuq xulxin f’kawża waħda, ma hemm l-ebda regola sabiex jiġi ddeterminat liema minn dawn it-testijiet japplika. Il-kombinazzjoni ta’ proċeduri ta’ kompetizzjoni u proċedimenti amministrattivi li ma humiex tal-kompetizzjoni għandhom ikunu suġġetti għat-test fil-kawża Wilhelm/Toshiba, li jinvolvi l-kunsiderazzjoni ta’ interess legali? Jew wieħed għandu japplika l-approċċ tal-ġurisprudenza Menci u l-klawżola tal-limitazzjoni ta’ drittijiet? Jew il-ġurisprudenza Menci ħadet il-post tat-test iddefinit fil-kawża Wilhelm/Toshiba?

94.      Ma jidhirx li hemm xi ħaġa fit-test tal-kawża Menci li jeskludi l-aħħar possibbiltà. Il-kawża Menci tistrieħ fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta li tapplika b’mod orizzontali fl-oqsma kollha tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, Slovak Telecom (79), deċiża wara l-kawża Menci, tikkonferma li t-test li jirrelata mal-interess legali stabbilit fil-kawża Wilhelm/Toshiba għadu japplika, mingħajr, madankollu, ma hija pprovduta spjegazzjoni għalfejn dan għadu l-każ.

95.      It-tielet, u forsi l-iktar importanti, huwa pjuttost diffiċli li jiġi sostnut f’termini teoretiċi l-kunċett li l-istess dispożizzjoni waħda tad-dritt primarju, l‑Artikolu 50 tal-Karta, li l-osservanza tagħha għandha tiġi żgurata fis‑sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jista’ jkollha kontenut differenti li jiddependi fuq l-ispazju tad-dritt tal-Unjoni li fih hija applikata. Madankollu, dan jidher li huwa proprju l-każ jekk l-elementi ta’ definizzjoni tal-projbizzjoni li tinsab f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri idem u bis, huma interpretati b’mod differenti f’oqsma differenti tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, x’inhu l-irwol tal-Artikolu 50 tal-Karta f’sitwazzjonijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali fejn ma hijiex sitwazzjoni purament ta’ dritt ta’ kompetizzjoni, iżda lanqas ma toqgħod fix-xenarju tal-kawża Menci minħabba l‑assenza ta’ sensiela ta’ proċeduri kriminali (ġenwina) waħda?

96.      Inqis dik is-sitwazzjoni bħala inaċċettabbli.

97.      Madankollu, nammetti li din il-kawża tista’ tiġi possibbilment konkluża mingħajr ma ssir xi unifikazzjoni tat-test li għandu jiġi applikat skont l‑Artikolu 50 tal-Karta. It-test li joħroġ mill-ġurisprudenza Menci jista’ possibbilment jitwessa’ sabiex ikopri wkoll is-sitwazzjoni li tirriżulta mill-kawża prinċipali, filwaqt li l-applikabbiltà tat-test tal-kawża Wilhelm/Toshiba tista’ tiġi abbandunata.

98.      Din il-kawża ma teħtieġx, strettament, li d-diffikultajiet kollha identifikati iktar ’il fuq, inkluż il-mistoqsija delikata dwar jekk għandux jinżamm jew jiġi abbandunat il-kriterju tal-interess legali fid-dritt tal-kompetizzjoni, jissolvew. Preċedentement, il-kwistjoni ta’ interess legali kienet kjarament marbuta mal‑istruttura speċifika tal-eżekuzzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni fl-Unjoni, kif qiegħda preżentement permezz tar-Regolament Nru 1/2003 u qabel dan permezz tar-Regolament Nru 17. Wieħed għalhekk jista’ jargumenta li, sa fejn fil-kawża prinċipali, proċedura ta’ dritt tal-kompetizzjoni hija kkombinata ma’ waħda li ma hijiex ta’ dritt tal-kompetizzjoni, l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ interess legali ma hijiex meħtieġa għaliex is-sitwazzjoni taqa’ ’l barra mill-kwistjoni speċifika ta’ eżekuzzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni fl-Unjoni.

99.      Madankollu, billi dejjaqna l-loġika tal-kawża Wilhelm/Toshiba b’dan il‑mod, il-kwistjoni li tibqa’ hija dwar liema huwa t-test applikabbli għall-każ fil‑kawża prinċipali? Ir-risposta għal din naturalment tkun Menci. Huwa test reċentement stabbilit mill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja, li, tal-inqas fid‑dawl tal-kliem tiegħu, jidher li huwa wieħed komplet. Jidher li jkopri s‑sitwazzjonijiet kollha fejn l-Artikolu 50 tal-Karta huwa applikabbli. Jista’ għalhekk ikun approvat bħala t-test proprju (u unifikat) għal ne bis in idem skont l-Artikolu 50 tal-Karta.

100. Madankollu, għar-raġunijiet li stabbilixxejt fit-taqsima segwenti, ikun għaqli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tevita li tagħmel dan. Fil-fehma tiegħi, Menci hija deċiżjoni problematika.

2.      Il-kawża Menci waħda li tirregolahom kollha?

101. Menci hija paradoss. Fl-interess li tiġi pprovduta protezzjoni ikbar skont il‑ġurisprudenza tal-QEDB, il-konsegwenza sorprendenti tagħha hija li hija tonqos milli tipprovdi protezzjoni individwali effettiva.

102. Bħala punt preliminari ta’ kuntest, għandu jiġi rrikonoxxut li parti mill‑problema tinbet immedjatament mid-definizzjoni u mill-applikazzjoni mill‑QEDB dwar dak li komunement magħruf bħala l-kriterji Engel (80), li minnhom il-QEDB żviluppat viżjoni pjuttost espansiva ta’ x’jikkostitwixxi kwistjoni ta’ natura “kriminali” (81). Din l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ materja “kriminali” ntużat sabiex iġġib taħt il-ġurisdizzjoni tal-QEDB proċeduri nazzjonali li inkella kienu jaħarbu mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6 tal‑KEDB minħabba l-klassifikazzjoni tagħhom, fid-dritt nazzjonali, bħala kwistjonijiet amministrattivi.

103. Madankollu, il-konklużjoni li l-istess approċċ iġġeneralizzat, żviluppat f’kuntest għall-finijiet ta’ kisba ta’ ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 6(1) tal-KEDB, għandu awtomatikament ikun applikabbli għal kull kunċett ieħor ta’ “kriminal” fil-KEDB, ma hijiex waħda inevitabbli. Madankollu, il-QEDB ikkonfermat li “l‑Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-prinċipji ġenerali li jikkonċernaw il-kliem li jikkorrispondi ta’ “akkuża kriminali” u “piena” fl-Artikoli 6 u 7 [KEDB]” (82) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hija kkonfermat ukoll dan l-approċċ fil-kawża A u B (83).

104. Il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet din il-gwida (84). Fil-fatt, minħabba l‑Artikolu 52(3) tal-Karta, ma tantx setgħet tagħmel mod ieħor. Madankollu, dik l‑għażla inizjali għandha riperkussjonijiet kunsiderevoli fuq it-test ta’ idem li għandu jsegwi. Kif il-lista ta’ proċedimenti amministrattivi varji u sanzjonijiet meqjusa li huma kriminali tikber, hekk ukoll is-sensiela ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet li jeħtieġu evalwazzjoni ta’ idem. Sussegwentement, sakemm wieħed ma jħaddanx il-konklużjoni li kull u kwalunkwe ħaġa huma inklużi fil-protezzjoni offruta mill-prinċipju ta’ ne bis in idem, sussegwentement għażla għandha ssir xi mkien: jew fl-istadju ta’ definizzjoni ta’ x’jikkostitwixxi “kriminali”, jew fil-punt tad-definizzjoni ta’ idem.

105. Jidher li, preżentement, il-kriterji Engel ma humiex probabbli li jiġu osservati mill-ġdid. Madankollu, dan ifisser li, sakemm kwalunkwe u kull waħda mit-tieni sensiela ta’ proċeduri ta’ natura amministrattiva-kriminali tiġi deċiża bħala inammissibbli, indipendentement mill-finijiet jew għanijiet varji li huma jistgħu jsegwu, id-definizzjoni ta’ idem għandha ssir iktar diffiċli. Inkella, jekk id‑definizzjonijiet ta’ kriminali u ta’ idem ikunu wisq wiesgħa, ħafna mir-reġimi paralleli ta’ dritt amministrattiv fl-Istati Membri ser jikkonfrontaw problemi kunsiderevoli fir-rigward tal-eżekuzzjoni tagħhom, biex ma jissemmiex il-fatt li jistgħu jsiru proċedimenti amministrattivi paralleli madwar l-Istati Membri jew fil-livell tal-Unjoni.

106. Meta jiġi kkonfrontat tali prospett diffiċli, jidher li Menci fittxet li tipprovdi alternattiva. Fil-fatt, li tinbidel l-analiżi mill-Artikolu 50 tal-Karta għall‑Artikolu 52(1) tal-Karta tista’ tkun, mal-ewwel daqqa t’għajn, mod eleganti ta’ kif tiġi evitata d-diffikultà tad-definizzjoni ta’ idem għall-finijiet tal‑Artikolu 50 tal-Karta. Dan huwa għaliex interpretazzjoni pjuttost wiesgħa (u għalhekk protettiva) ta’ idem hija kkumpensata bil-possibbiltà li jiġi limitat id-dritt stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta. B’dan il-mod, ir-regola riżultanti tikseb bilanċ. Madankollu, fuq spezzjoni iktar mill-viċin, nibża’ li din toħloq iktar problemi milli toffri soluzzjonijiet.

107. L-ewwel u qabel kollox, tal-inqas fil-fehma tiegħi, l-għan proprju tal‑Artikolu 50 tal-Karta huwa li jiġi protett l-individwu mit-tieni sensiela ta’ proċeduri. L-Artikolu 50 tal-Karta huwa ostakolu. Jekk jiskatta b’mod validu, huwa jipprevjeni l-proċeduri l-oħra milli saħansitra jibdew (85). Tali ostakolu għandu jiġi ddefinit ex ante u b’mod normattiv.

108. Madankollu, skont it-test Menci (86), huwa biss meta tispiċċa t-tieni sensiela ta’ proċeduri li jkun possibbli li jiġi vverifikat jekk xi kundizzjonijiet tat-test ġewx issodisfatti jew le u għalhekk jekk it-tieni sensiela ta’ proċeduri hijiex legali jew le. Jista’ jkun possibbli li wħud mit-“tieni” sensiela ta’ proċeduri jitwaqqfu milli jkomplu minħabba l-assenza ta’ għan ta’ interess ġenerali jew minħabba l-assenza ta’ għanijiet komplementari li jridu jintlaħqu. Madankollu, sakemm dawn ir‑rekwiżiti huma ssodisfatti, il-proporzjonalità tal-limitazzjoni riżultanti tiddependi fuq il-modalitajiet li fihom it-tieni proċeduri jsiru, inkluż id‑determinazzjoni tas-sanzjoni.

109. Fi kliem ieħor, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem tieqaf tistrieħ fuq test iddefinit b’mod normattiv ex ante. Minflok, isir korrettiv ex post li jista’ jew ma jistax japplika skont iċ-ċirkustanzi u l-ammont eżatt ta’ sanzjonijiet imposti. Din ma hijiex protezzjoni kontra l-inkriminazzjoni doppja. Hija sempliċement protezzjoni ex post kontra l-isproporzjonalità ta’ sanzjonijiet ikkombinati jew aggregati.

110. It-tieni punt, meta tidher f’dan id-dawl, jiena pjuttost imħasseb dwar kif il‑prinċipju ta’ ne bis in idem, iddisinjat b’tali mod, huwa kapaċi li jkompli jipproteġi l-essenza proprja tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta. L‑ispjegazzjoni pprovduta speċifikament fil-kawża Menci (87) ma tikkjarifikax il‑kwistjoni ulterjorment. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement iddikjarat b’mod ovvju li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni “tosserva l-kontenut essenzjali tal-Artikolu 50 tal-Karta, sa fejn […] hija tippermetti [l-]kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet biss fuq kundizzjonijiet restrittivi […]” (88). Għalija, din id-dikjarazzjoni tidher li tirrigwarda iktar il-kundizzjoni ta’ legalità tal‑limitazzjoni inkwistjoni (“preskritta bil-liġi”). Fir-rigward ta’ fejn hija kkonċernata l-essenza tad-drittijiet, għandi diffikultà nara kif l-essenza ta’ ne bis in idem hija protetta b’dikjarazzjoni ċara u espressa fid-dritt nazzjonali li ser ikun hemm it-tieni sensiela ta’ proċeduri (89).

111. It-tielet, il-kriterji ta’ test li ma huwiex maħsub għal protezzjoni ex ante, iżda pjuttost għal korrezzjoni ex post, x’aktarx ikunu ċirkustanzjali (90). B’mod partikolari, l-elementi dwar il-proporzjonalità jidhru partikolarment dipendenti fuq iċ-ċirkustanzi, b’koordinazzjoni bejn proċeduri ddikjarati iżda mhux dejjem meħtieġa, u bid-deskrizzjoni tal-mekkaniżmu li jiżgura l-ammont fuq kollox tas‑sanzjoni li tiddikjara elementi varji, mingħajr madankollu ma jiġi ddefinit xi test ġenerali.

112. Tali grad ta’ ċirkustanzjalità aċċidentali fi protezzjoni li suppost għandha tkun ugwali għall-individwi kollha huwa għal darba oħra evidenti. Fil-fatt, proċeduri li jinvolvu lil żewġ persuni f’sitwazzjonijiet simili ħafna, imwettqa mill‑istess awtoritajiet, jistgħu mingħajr dubju wkoll jirċievu evalwazzjoni differenti minħabba l-veloċità li biha l-awtoritajiet jittrattaw il-każ jew skont il‑mod li bih tiġi kkalkolata l-multa.

113. Ir-raba, il-livell effettiv ta’ protezzjoni lill-individwu mogħtija mill-kawża Menci jidher li huwa pjuttost baxx. L-essenza tad-dritt ta’ protezzjoni kontra t‑tieni sensiela ta’ proċeduri kriminali għall-istess reat titqies li hija ppreżervata sempliċement għaliex l-akkużat seta’ jipprevedi li ser ikun/tkun suġġett għal prosekuzzjoni kriminali għat-tieni darba (91). L-għanijiet komplementari mfittxija jitqiesu li jeżistu minħabba s-sempliċi fatt li l-prosekuzzjoni kriminali, għall‑kuntrarju ta’ dik amministrattiva, hija limitata għal ksur “serju” biss filwaqt li mid-dehra jfittxu ġeneralment l-istess riżultat (92). Jista’ forsi jiġi preżunt li numru ta’ reġimi paralleli huma fil-fatt probabbli li jissodisfaw tali test mingħajr ma jwasslu għal problemi kunsiderevoli.

114. Il-ħames, hemm ir-rekwiżit, stabbilit fil-kawża Menci, li kumulu jkun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju għall-finijiet tal-kisba tal-għan ta’ interess ġenerali. B’mod iktar speċifiku, għandu jkun hemm regoli li jiżguraw koordinazzjoni ta’ proċeduri nazzjonali sabiex jitnaqqas għal dak li huwa strettament neċessarju l-iżvantaġġ addizzjonali assoċjat mal-kumulu ta’ tali proċeduri għall-persuni kkonċernati. Fil-fatt, wieħed jista’ jara l-loġika u l‑attrazzjoni ta’ dan is-suġġeriment, jekk isir fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali u fi Stat Membru wieħed (93).

115. Madankollu, malli l-kombinazzjoni tal-proċeduri rilevanti tkun tinvolvi numru ta’ reġimi amministrattivi paralleli, u fuq kollox iktar minn Stat Membru wieħed jew l-awtoritajiet tal-Istati Membri u tal-Unjoni, suġġerimenti dwar ix‑xewqa ta’ proċeduri uniċi jistgħu malajr jgħaddu mill-isfera ta’ dak li hu mixtieq għal dik tal-fantaxjenza.

116. Fuq nota anċillari (jew aħjar realistika), kellhom jgħaddu diversi deċennji sabiex jiġi stabbilit network tad-dritt tal-kompetizzjoni integrat li jgħaqqad lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni. Madankollu, minkejja l-identità ta’ regoli li għandhom jiġu applikati u d-dħul fis‑seħħ tar-Regolament Nru 1/2003, numru ta’ mistoqsijiet dwar l-eżekuzzjoni fil-prattika jibqa’ miftuħ (94). Sistemi oħrajn ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet parallel, bħall‑mekkaniżmu tal-one stop shop fil-GDPR (95) introdott reċentement, jidhru li jsofru minn problemi tal-bidu kunsiderevoli fir-rigward tal-allokazzjoni ta’ kompetenza (96). Jekk din hija s-sitwazzjoni kurrenti fin-networks iddedikati u espressament irregolati madwar l-Unjoni, ma huwiex immedjatament ovvju kif il‑livell neċessarju ta’ koordinazzjoni jista’ b’mod raġonevoli jiġi mistenni u jinkiseb f’diversi oqsma ta’ liġi, fi ħdan korpi varji u madwar l-Istati Membri varji.

117. B’mod sommarju, dawn l-elementi kollha meħuda flimkien iwasslu għall‑istampa ġenerali li pjuttost mhux sodisfaċenti msemmija fil-bidu ta’ din it‑taqsima. Sabiex forsi jiġi stabbilit mill-ġdid xi bilanċ, il-Qorti tal-Ġustizzja fil‑kawża Menci ddeċidiet li ddur għall-Artikolu 52(1) tal-Karta u l-limitazzjoni tad-drittijiet. Billi għamlet hekk, madankollu, b’mod paradossali hija spiċċat f’sitwazzjoni fejn intilfet il-vera essenza tal-Artikolu 50 tal-Karta.

C.      Is-soluzzjoni ssuġġerita

118. Billi ġew stabbiliti, fis-sezzjoni preċedenti, il-problemi li r-reġim kurrenti jipproduċi, nibda billi nsemmi fil-qosor il-parametri li għandu jkollu approċċ iktar xieraq (1). Sussegwentement, ser indur għall-kwistjoni ta’ interess soċjali jew legali protett (2), qabel ma nistabbilixxi test possibbli unifikat għal ne bis in idem skont l-Artikolu 50 tal-Karta (3). Sussegwentement ser nuri t-tħaddim ta’ tali test f’sensiela ta’ eżempji (4). Finalment, ser nirritorna għal din il-kawża u l‑applikazzjoni tat-test li ssuġġerejt (5).

1.      Il-parametri

119. L-ewwel, il-portata tal-protezzjoni skont l-Artikolu 50 tal-Karta għandha tiġi aċċertata ex ante. Il-portata normattiva ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dritt fundamentali, ma tistax tiddependi fuq ċirkustanzi jew riżultati inċerti jew mhux prevedibbli ta’ xi proċedura. Meta l-applikabbiltà tal‑Artikolu 50 tal-Karta tiġi ddefinita ex ante, ne bis in idem jista’ jkun li jiggarantixxi li ma sseħħ l-ebda tieni sensiela ta’ proċeduri, u jekk ikun neċessarju, iwaqqaf it-tieni proċedura milli saħansitra tibda.

120. It-tieni, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, il-livell ta’ protezzjoni previst skont l-Artikolu 50 tal-Karta ma jistax ikun iktar baxx minn dak previst skont l‑Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB. Dan ma jfissirx neċessarjament, fil‑fehma tiegħi, li t-test maħsub sabiex jikseb tali riżultat kompatibbli għandu jkun identiku. Dan huwa l-każ a fortiori f’sitwazzjonijiet fejn it-test għandu bżonn jidħol f’karatteristiċi speċifiċi ta’ xi sistema. Ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa li tipprovdi gwida ex ante lill-qrati nazzjonali dwar kif għandhom japplikaw id-dritt tal-Unjoni. L-inkarigu tagħha ma huwiex, tal-inqas fir-rigward ta’ deċiżjonijiet preliminari, li tiddetermina ex post jekk Konvenzjoni nkisritx jew le minn parti firmatarja f’każ partikolari.

121. It-tielet, it-test, filwaqt li jaċċetta l-portata kbira ta’ dak li jikkostitwixxi kwistjoni “kriminali” bħala l-punt inizjali tiegħu (97), għandu jiżgura li ma jwassalx għal riżultati li ma humiex raġonevoli fl-ambjent legali speċifiku kkombinat tal‑Unjoni. Test ġenerali skont l-Artikolu 50 tal-Karta għandu jkun jista’ jopera mhux biss fi Stat Membru wieħed, iżda wkoll, jew aħjar fuq kollox, madwar l‑Unjoni, kemm fl-assi orizzontali (Stati Membri – Stati Membri), kif ukoll f’dak vertikali (Stati Membri – Unjoni). F’dan il-qasam kumpless, għandu jiġi stabbilit mill-ġdid bilanċ raġonevoli bejn il-protezzjoni effettiva ta’ drittijiet tal-individwi u l-għanijiet leġittimi tal-Istati Membri jew tal-Unjoni sabiex imexxu prosekuzzjoni kontra reati li kjarament jaffettwaw l-interessi protetti soċjali varji.

122. Finalment, għas-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu fil-portata tad-dritt tal‑Unjoni skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, li fiha l-Artikolu 50 tal-Karta jsir applikabbli, it-test għandu jkun l-istess, tal-inqas skont l-Artikolu 50 meta applikat waħdu. F’dan ir-rigward, jiena fil-fatt naqbel mal-propożizzjoni li “l-portata fundamentali tar-regola ne bis in idem bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, elevat għal-livell ta’ dritt fundamentali, iġġib magħha l-konsegwenza li l-kontenut tagħha ma għandux ikun sostanzjalment differenti abbażi tal-qasam legali kkonċernat” (98). Ovvjament, dan ma jipprekludix il-possibbiltà li jistgħu jeżistu reġimi speċifiċi fid-dritt tal-Unjoni, li jiddifferenzjaw espressament u jipprovdu livell ogħla ta’ protezzjoni. Madankollu, fejn tapplika l-Karta, it-test prestabbilit skont l-Artikolu 50 tal-Karta għandu jkun l-istess.

2.      Il-kamaleonti

123. Ikun aħjar li nibda bil-kliem. L-Artikolu 50 tal-Karta, intitolat “Id-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn għall-istess reat”, jiddikjara li “L-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi” (99).

124. Dan il-kliem huwa differenti mill-Artikolu 54 tal-KIFS, li juża t-terminu “azzjonijiet”. Dan tal-aħħar jiddikjara li “[p]ersuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’Parti Kontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f’Parti Kontraenti oħra għall-istess azzjonijiet sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali, din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza” (100).

125. “Reat” ma huwiex “azzjoni”. It-terminu reat għandu tifsira usa’. Ġeneralment jirreferi mhux biss għall-prinċipji fattwali rilevanti, iżda wkoll għall‑kwalifika legali ta’ ċertu aġir ikkaratterizzat, jew tal-inqas għall-effetti negattivi jew impatt li tali aġir għandu fuq l-interessi li s-soċjetà ddeċidiet li tipproteġi.

126. Meta aġir uniku jaffettwa interessi legali jew soċjali protetti differenti, ħafna drabi jirriżulta f’ħafna reati differenti li jkunu twettqu (konkors ideali). Is‑sanzjoni li tirriżulta għandha t-tendenza li tkun, skont is-sistema legali nazzjonali, iddefinita skont prinċipji speċifiċi, li l-essenza tagħhom hija li r-reati li twettqu huma evalwati b’mod integrat (101).

127. Dan ma huwiex ġeneralment possibbli meta r-reati li twettqu jirrigwardaw oqsma differenti ta’ liġi, li kull wieħed jibqa’ taħt il-kontroll ta’ awtorità regolatorja differenti. Li jiġi ddikjarat li skont dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni sett ta’ proċeduri jsir dejjem inammissibbli għaliex jirrigwarda l-istess fatti effettivament iwaqqaf il-possibbiltà ta’ interessi legali differenti milli jiġu mfittxija b’mod parallel.

128. Għalhekk, xi darba jew oħra, wieħed loġikament jasal għall-kwistjoni ta’ interess soċjali jew legali protett sabiex jiddistingwi s-sitwazzjonijiet inkwistjoni. Huwa ta’ interess li wieħed jara li anki fejn l-approċċ ta’ idem factum ikun inżamm, il-kunċett ta’ interess legali protett fil-fatt qatt ma għeb verament. Bħal kamaleonti żgħir, huwa sempliċement adotta kuluri differenti, u jwaħħal lilu nnifsu ma’ zkuk jew fergħat differenti li kienu disponibbli fi ħdan kull linja ta’ ġurisprudenza fi żmien partikolari.

129. L-uniku spazju skont id-dritt tal-Unjoni fejn il-kunċett ta’ interess legali protett verament jgħib huwa taħt l-Artikolu 54 tal-KIFS u d-Deċiżjoni Qafas 2002/584. B’kuntrast, fid-dritt tal-kompetizzjoni, ir-rilevanza tal-interess legali protett dejjem kienet ikkonfermata. Anki Avukati Ġenerali li ssuġġerew li jiġi abbandunat l-interess legali bħala kriterju separat spiċċaw billi effettivament issovrapponewh ma’ “identità tal-fatti” ddefinita b’mod wiesa’ (102). L-istess fil‑kawża Menci, id-diskussjoni tad-differenza fl-interessi legali protetti sempliċement iċċaqalqet taħt l-intestatura ta’ għanijiet differenti ta’ interess ġenerali u l-komplementarjetà ta’ għanijiet li jridu jintlaħqu minnhom (103).

130. Madankollu, huwa fil-ġurisprudenza tal-QEDB li l-interess legali protett jilħaq kwalitajiet veri ta’ kamaleonti. L-ewwel, fil-perijodu qabel il-kawża Zolotukhin, id-differenza fl-interess legali mfittex dehret li hija parti mid‑definizzjoni ta’ idem, tal-inqas f’ħafna mill-każijiet. Dan jintwera partikolarment tajjeb fil-ġurisprudenza tal-QEDB fir-rigward ta’ rikorrenti li kkawżaw inċidenti tat-traffiku li għalihom ġew imposti fuqhom sanzjonijiet kriminali u amministrattivi, fejn tal-aħħar kienu jikkonsistu fl-irtirar tal-liċenzja tagħhom. Il-QEDB aċċettat il-possibbiltà ta’ din il-kombinazzjoni minkejja li l‑irtirar tal-liċenzja jikkwalifika ħafna drabi bħala Engel-kriminali (104). It-tieni, huwa minnu li fil-kawża Zolotukhin ġiet miċħuda r-rilevanza tad-differenza fl‑interess legali. It-tielet, ftit snin wara, madankollu, fil-kawża A u B, differenza fl-interess legali protett kienet introdotta mill-ġdid de facto għal darba oħra. Din id-darba, u kif il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet iktar tard fil-kawża Menci, din inbidlet gradwalment f’kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw l-għanijiet komplementari li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjonijiet applikati fiż-żewġ proċeduri inkwistjoni. Għall-kuntrarju tal-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑kawża Menci, madankollu, u fuq livell teoretiku forsi kemxejn b’mod sorprendenti, il-fatt jekk “proċeduri differenti jfittxu għanijiet komplementari u għalhekk jindirizzaw […] aspetti differenti tan-nuqqas soċjali involut” [traduzzjoni mhux uffiċjali] f’daqqa waħda deher mill-ġdid bħala parti mill‑evalwazzjoni tal-kriterju bis u l-kwistjoni dwar jekk hemmx (jew ma hemmx) rabta suffiċjenti fis-sustanza (105).

131. Ma nemminx li dan kollu huwa koinċidenza. Malli tittieħed id-deċiżjoni li tippermetti t-tieni sensiela ta’ proċeduri għall-istess fatti sabiex jiġu akkomodati l‑vuċijiet li jitolbu għal provvista ta’ spazju ikbar għall-infurzar tal-liġi, jew sempliċement biex tiġi aċċettata r-realtà li l-proċeduri kollha, kemm dawk fl-istess Stat Membru jew a fortiori fihom kollha, ma humiex probabbli li huma proċeduri uniċi, bl-attenzjoni ffokata fuq l-għanijiet li għandhom jintlaħqu ssir l-unika għodda disponibbli li tiddistingwi bejn żewġ proċeduri jew iktar. Minħabba li l‑kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-proporzjonalità huma kjarament kontinġenti fuq iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull kawża, il-kunċett ta’ għanijiet komplementari li għandhom jintlaħqu jsir, fil-fehma tiegħi, il-prinċipju ċentrali ta’ kwalunkwe analiżi normattiva. Madankollu, kif diġà ġie ddikjarat, dak il-prinċipju huwa sempliċement mod ieħor kif tiġi deskritta l-istess idea bħal dik li tinsab fil-qalba tal-kunċett ta’ interess legali protett.

3.      It-test

132. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-proposta tiegħi hija pjuttost sempliċi. Nissuġġerixxi li l-eżaminazzjoni tal-interessi legali protetti, u għalhekk tal-għan imfittex, issir parti mill-kunsiderazzjoni ta’ idem. Huwa dak il-prinċipju waħdu li jippermetti lil persuna tiddeċiedi b’mod normattiv, ċar u bil-quddiem, għalfejn aġir partikolari huwa pproċessat b’mod parallel jew bi proċeduri sussegwenti u jippermetti lil persuna tiddetermina jekk l-istess akkużat huwiex ippenalizzat għal darba oħra għall-istess raġunijiet. Sakemm eżaminazzjoni mill-qrib ma turix li l‑interessi legali protetti miż-żewġ kuntesti leġiżlattivi inkwistjoni huma l-istess, huma għandhom jiġu awtorizzati li jiġu pproċessati b’mod parallel pjuttost milli wieħed minnhom jiġi de facto eliminat bħala konsegwenza tal-applikazzjoni tal‑kriterji tal-kawża Engel u kunċett wiesa’ ta’ idem.

133. Għalhekk, l-evalwazzjoni ta’ idem għall-finijiet tal-Artikolu 50 tal-Karta għandha tistrieħ fuq identiċità tripla: tal-akkużat, tal-fatti rilevanti, u tal-interess legali protett.

134. L-ewwel, il-kundizzjoni li tirrigwarda l-identiċità tal-ħati hija pjuttost ċara u, fi kwalunkwe każ, ma hijiex ikkontestata f’din il-kawża.

135. It-tieni, fir-rigward tal-fatti rilevanti, nirrimarka li dak li huwa fil-fatt meħtieġ huwa l-identiċità tagħhom, mhux sempliċement “xebh”. Dan huwa naturalment bil-caveat li jista’ jiġri li l-proċeduri sussegwenti jikkonċernaw parti biss mill-fatti (temporali, sostantivi) meqjusa fil-proċeduri preċedenti. Madankollu, il-konklużjoni hija li sa fejn ikun hemm fil-fatt sovrappożizzjoni taż‑żewġ sensiliet ta’ fatti, għandu jkun hemm identiċità f’din is-sovrappożizzjoni.

136. It-tielet, x’inhu interess legali protett? Huwa l-ġid soċjali jew il-valur soċjali li qafas leġiżlattiv partikolari jew parti minnu suppost għandu jipproteġi u jħares. Huwa lil dan il-ġid jew valur li r-reat inkwistjoni jikkawża ħsara, jew jinterferixxi miegħu.

137. Il-fattur li jiddistingwi bejn l-interessi legali protetti varji fuq livell pjuttost speċifiku huwa stabbilit tajjeb fid-dritt kriminali jew fid-dritt amministrattiv. Hemmhekk, kodiċi nazzjonali tipikament jelenka l-interessi jew il-valuri li kull att kriminali jikser (delitti kontra l-ħajja, il-proprjetà, l-integrità fiżika, jew l-Istat, u l‑bqija). Dik id-distinzjoni tista’ fil-fatt issir ħafna iktar ikkomplikata f’oqsma varji paralleli ta’ amministrazzjoni pubblika u meta tittieħed inkunsiderazzjoni ma’ ġurisdizzjonijiet nazzjonali u oqsma ta’ leġiżlazzjoni oħrajn.

138. Madankollu jista’ jiġi nnotat li l-interess legali protett ma huwiex identiku għal-lat oġġettiv ta’ reat kif iddefinit fid-dritt nazzjonali. Huwa biss element wieħed tiegħu, iddefinit fuq livell ogħla tal-astratt. L-identifikazzjoni tal-interess legali jew valur li suppost għandu jiġi protett billi jiġu kriminalizzati ċerti atti fid‑dritt nazzjonali huwa punt tat-tluq naturali. Madankollu, ma huwa b’ebda mod deċiżiv.

139. Id-definizzjoni ta’ interess legali protett evalwata għall-finijiet tal‑Artikolu 50 tal-Karta ma tistax tikkopja tikketti nazzjonali u speċifiċitajiet legali nazzjonali. F’termini prattiċi, Stat Membru ma jistax jaħrab mill-portata tal‑prinċipju ta’ ne bis in idem billi sempliċement jintroduċi reati strambi ħafna u uniċi fl-ordni legali nazzjonali tiegħu. F’tali sitwazzjonijiet, għall-finijiet tal‑applikazzjoni ta’ ne bis in idem, l-interess legali effettivament protett għandu jiġi ddikjarat mill-ġdid, fid-dawl tal-fatti tar-reat allegatament imwettaq, fuq il‑livell ta’ astrazzjoni xieraq. B’xi mod, dan l-isforz huwa simili għall‑evalwazzjoni ta’ kriminalità doppja skont reġimi varji ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali. Bl-istess mod, f’dak ir-rigward, id-deskrizzjoni eżatta u l-fatti għandhom jiġu “de-lokalizzati” mill-kuntest leġiżlattiv nazzjonali speċifiku (106).

140. Wieħed jista’ jieħu l-eżempju ta’ delitti kontra l-ħajja u l-integrità fiżika ta’ persuni oħra. Jekk attakk vjolenti fuq persuna oħra jirriżulta fil-mewt tagħha, sabiex jiġi identifikat l-interess legali protett, ma għandux rilevanza l-fatt jekk id‑dritt nazzjonali rispettiv jiddefinixxix dan l-att, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali speċifiċi, bħal omiċidju, omiċidju involontarju, jew sempliċement offiża serja fuq il-persuna li tikkawża l-mewt. Il-punt ċentrali huwa li, permezz ta’ azzjoni waħda vjolenti kontra persuna oħra (identiċità ta’ fatt), l-istess akkużat (identiċità tal‑akkużat) ikkawża l-ħsara fuq l-istess tip ta’ interess legali protett, jiġifieri l‑ħajja u l-integrità fiżika ta’ persuna oħra (identiċità tal-interess legali protett).

141. Dan l-eżempju jitlob għal osservazzjoni finali. Il-kunċett tal-interess legali protett minn regola speċifika, u l-għan li trid tilħaq din ir-regola, wisq probabbli jkunu reċiprokament tranżittivi fil-prattika. Dawn huma żewġ tikketti li jirreferu għall-istess kwistjoni – l-oġġett u l-iskop tar-regola partikolari.

4.      L-illustrazzjonijiet

142. It-tħaddim u l-operabbiltà tal-interpretazzjoni proposta ta’ idem għall‑finijiet tal-Artikolu 50 tal-Karta jistgħu jiġu illustrati permezz tat-tliet eżempji li ġejjin.

143. L-ewwel, hemm ix-xenarju li jinvolvi żewġ sensiliet ta’ proċeduri kriminali fiż-żewġ Stati Membri differenti li jikkonċernaw l-istess reat, iżda li l-elementi territorjali u l-impatt tagħhom jistgħu jinqasmu madwar il-fruntieri. Wieħed jista’ jirreferi għaliha bħala x-xenarju tal-kawża van Esbroeck. Madankollu, f’tali xenarju, (l-esportazzjoni ta’ drogi illegali minn Stat wieħed u l-importazzjoni immedjata tagħhom f’ieħor, b’mod argumentattiv permezz tal-istess fatt), wieħed jista’ jassumi li l-interess legali protett fil-penalizzazzjoni tal-istess att fiż-żewġ Stati huwa fil-fatt l-istess: il-protezzjoni tas-soċjetà u s-saħħa pubblika kontra d‑drogi narkotiċi. Għalhekk, minħabba li ma hijiex irrilevanti f’tali xenarji, l‑identità effettiva tal-interessi legali protetti fiż-żewġ proċeduri tipprekludi l‑prosekuzzjoni sussegwenti għall-istess fatt fi Stat Membru ieħor.

144. It-tieni, hemm ix-xenarju tal-kawża Menci. Dan jikkonċerna l‑kombinazzjoni ta’ proċeduri kriminali u amministrattivi fl-istess Stat Membru, li l-kriterji tal-kawża Engel ittrasformaw fil-kombinazzjoni ta’ żewġ sensiliet ta’ proċeduri kriminali. It-tieni sensiela ta’ proċeduri jistgħu jkunu permessi jekk il‑leġiżlazzjoni applikabbli tipproteġi interess legali ieħor, bħall-ġbir effettiv u l‑irkupru ta’ taxxi fil-proċeduri amministrattivi u l-piena għat-twettiq ta’ reat kontra l-finanzi pubbliċi.

145. Madankollu, il-problema teoretika f’tali xenarji, pereżempju fil-kuntest tal‑VAT, hija l-eżistenza ta’ dak li wieħed jista’ jirreferi għaliha bħala “piena amministrattiva żejda”. Din isseħħ f’sitwazzjonijiet fejn l-amministrazzjoni (fiskali) ma hijiex sempliċement qiegħda titlob somom li ma tħallsux, possibbilment flimkien mal-interessi, iżda timponi multa addizzjonali (jiġifieri, multa, ħlas ta’ taxxa addizzjonali, u l-bqija). Huwa abbażi ta’ din iż-żieda li normalment il-proċedimenti amministrattivi jsiru ta’ natura “kriminali” skont il‑kriterji tal-kawża Engel.

146. Il-proċeduri sussegwenti, li jinfurzaw tali “żieda”, kienu tqiesu bħala mhux problematiċi fil-kawża Menci, iżda tqiesu bħala inammissibbli fil-kawża Garlsson u fil-kawża Di Puma. Il-fattur li jiddistingwi l-għanijiet li għandhom jintlaħqu u l‑interessi legali protetti f’tali xenarji ma huwiex ser ikun eżerċizzju faċli. Sa fejn ir-regola amministrattiva inkwistjoni mhux biss tfittex li tikseb il-ħlas ta’ dak li huwa dovut (bl-interessi moratorji possibbli), iżda timponi multa punittiva wkoll, l-ambiti rispettivi tar-regoli kriminali u amministrattivi jissovrapponu ruħhom fir‑rigward tal-għanijiet li jridu jintlaħqu.

147. Din l-idea tidher li hija illustrata b’mod tajjeb fil-kawża Menci. F’dik il‑kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-legalità tal-proċeduri kriminali sussegwenti. Billi stabbilixxiet li l-kombinazzjoni tar-regoli amministrattivi u kriminali inkwistjoni għandhom jilħqu l-għan ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-ġbir tal-VAT dovuta, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat ulterjorment li “kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali jista’ jkun iġġustifikat meta dawn il-proċeduri u dawn is-sanzjonijiet ifittxu […] għanijiet komplementati li jirrigwardaw, skont il-każ, aspetti differenti tal-istess aġir li jikkostitwixxi ksur ikkonċernat” (107). Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja ħalliet dan l-eżerċizzju għall-qorti tar-rinviju, hija żiedet ukoll li “jidher leġittimu li Stat Membru jkun irid, minn naħa, jiddiswadi u jikkastiga […] billi jimponi sanzjonijiet amministrattivi stabbiliti […] u, min-naħa l-oħra, jiddisswadi u jikkastiga ksur ta’ obbligi gravi ta’ dawn ir-regoli, li huma partikolarment ta’ ħsara għas-soċjetà u li jiġġustifikaw l‑adozzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali iktar severi” (108).

148. B’kuntrast, fil-kawża Garlsson, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li t-tressiq ta’ proċedimenti amministrattivi wara s-sejbien ta’ ħtija fi proċeduri kriminali “teċċedi dak li huwa strettament neċessarju […] sabiex tipproteġi l-integrità tas‑swieq finanzjarji tal-Unjoni u l-fiduċja tal-pubbliku fl-istrumenti finanzjarji” (109). Raġunament simili, fejn ġiet ippuntwalizzata l-eċċessività tal‑piena, kien użat fil-kawża Di Puma, li involviet ħelsien fi proċeduri kriminali preċedenti u proċeduri amministrattivi sussegwenti għall-istess fatti ta’ insider dealings (110).

149. Kemm jekk fir-rigward tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jew tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ protezzjoni skont l-Artikolu 50 tal-Karta, fiż-żewġ xenarji, dik li hija kruċjali hija d-differenza fl-interessi legali protetti jew l-għanijiet komplementari li jridu jintlaħqu. Fil-fehma tiegħi, l-unika distinzjoni kunċettwali li fil-fatt tista’ ssir hija bejn l-għanijiet u raġunijiet differenti (u għalhekk interessi legali) li għandhom jintlaħqu sabiex jiġu rkuprati l-flus dovuti, minn naħa, u s‑sanzjoni u d-deterrent, min-naħa l-oħra. Madankollu, ladarba l-proċedimenti fiskali/amministrattivi jibdew jippenalizzaw lil hinn mill-irkupru tas-somom bl‑interessi, jew il-proċeduri kriminali jkunu intiżi wkoll għall-irkupru ta’ kwalunkwe somom dovuti, sussegwentement id-differenza kunċettwali bejn it‑tnejn sempliċement tisparixxi u l-projbizzjoni tar-repetizzjoni ta’ proċeduri skont in-ne bis in idem effettivament tiskatta, tal-inqas fil-fehma tiegħi.

150. F’tali sitwazzjonijiet, li x’aktarx ikunu limitati għall-istess Stat Membru wieħed, huwa wkoll iġġustifikat b’mod sħiħ li dan l-Istat Membru jintalab jikkoordina l-proċeduri rilevanti tiegħu. Loġikament, huwa, fl-ewwel lok, probabbli li amministrazzjoni fiskali tinvestiga u tibda prosekuzzjoni f’okkażjonijiet ta’ evażjoni ta’ taxxa. Jekk l-evażjoni ta’ taxxa identifikata tilħaq ċerta gravità jew limitu, in-natura tal-investigazzjoni u prosekuzzjoni tista’ mingħajr dubju tinbidel, minn sempliċement amministrattiva għal kriminali. Ir‑relazzjoni eżatta bejn iż-żewġ sensiliet ta’ proċeduri għandha tiġi organizzata minn kull Stat Membru, bil-caveat li, fl-aħħar, ma jistax ikun li kemm l‑amministrazzjoni fiskali kif ukoll il-qorti kriminali jippenalizzaw l-istess fatt bis‑sanzjonijiet li huma ta’ natura kriminali.

151. It-tielet, hemm ix-xenarju ta’ proċeduri amministrattivi paralleli jew sussegwenti fi Stati Membri differenti, fejn in-natura kriminali ta’ dawn il‑proċeduri hija stabbilita fuq il-bażi tal-kriterji fil-kawża Engel. Dawk is‑sitwazzjonijiet jistgħu jirriżultaw fl-istess reġim regolatorju wieħed fl-Unjoni (bħall-kompetizzjoni, il-protezzjoni tad-data, u l-bqija), iżda jistgħu jirriżultaw ukoll fir-rigward tal-istess fatti li huma mfittxija taħt kuntesti regolatorji differenti minn awtoritajiet differenti (111). Ikun b’mod partikolari f’tali sitwazzjonijiet li x’aktarx tqum il-kwistjoni ta’ identiċità tal-interess legali protett. Min-naħa l-oħra, tali sitwazzjonijiet huma, f’termini prattiċi, ta’ spiss probabbli li jonqsu mill‑identiċità tal-fatti fid-dawl tat-territorjalità tar-reat, kif spjegat pereżempju fil‑kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni mill-Avukata Ġenerali Kokott fil‑konklużjonijiet tagħha fil-kawża Toshiba (112) u żviluppat b’mod ulterjuri fil‑konklużjonijiet tiegħi fil-kawża parallela Nordzucker.

5.      Din il-kawża

152. Din il-kawża tikkonċerna żewġ proċedimenti amministrattivi, ikkwalifikati a priori bħala Engel‑kriminali, u mwettqa fi Stat Membru wieħed. Hija għalhekk tirrappreżenta varjetà tat-tielet xenarju li għadu kif ġie spjegat, iżda hija limitata għall-istess Stat Membru. B’mod alternattiv, tista’ bl-istess mod tidher bħala aġġustament tax-xenarju fil-kawża Menci: tinstab fl-istess Stat Membru, iżda tinvolvi żewġ sensiliet ta’ proċeduri li huma kriminali, mhux minħabba l‑konċepiment oriġinali nazzjonali tagħha, iżda minħabba l-kawża Engel.

153. Il-proċeduri settorjali quddiem IBPT kienu bbażati fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 97/67. Din id-direttiva, billi timponi obbligi ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza, timmira li tintroduċi b’mod progressiv il‑kundizzjonijiet tas-suq għas-servizzi postali. Il-proċeduri tal-kompetizzjoni bdew wara. Huma kienu jikkonċernaw l-infurzar tal-projbizzjoni tal-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti li tipproteġi l-kompetizzjoni ħielsa.

154. Huwa tajjeb li jissemma li l-QEDB diġà fil-prinċipju rrikonoxxiet ir-reat ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti bħala wieħed ta’ natura kriminali għall-finijiet tal‑applikazzjoni tal-fergħa kriminali tal-Artikolu 6 tal-KEDB (113). Hemm ovvjament il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha n-ne bis in idem japplika fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (114).

155. L-ebda tali evalwazzjoni ma tidher li saret fir-rigward ta’ reati regolatorji għall-obbligi tan-nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza tal-fornituri tas-servizzi postali. Madankollu, il-preżunzjoni inizjali tal-qorti tar-rinviju, u dik tal‑intervenjenti kollha, tidher li hija li l-kriterji tal-kawża Engel huma wkoll issodisfatti fir-rigward ta’ dan ir-reat. Għalhekk għandi nipproċedi fuq il-bażi ta’ dik il-preżunzjoni wkoll, iżda ninnota madankollu li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk dan ikunx fil-fatt il-każ.

156. L-identiċità tal-akkużat tidher li hija stabbilita. Fir-rigward tal-identiċità tal-fatti, ninnota li diversi intervenjenti esprimew xi dubji f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, id-domandi tal-qorti tar-rinviju huma miktuba b’mod pjuttost li jqajjem id-dubji, meta jiġi preżunt li, sabiex ikun issodisfatt il-kriterju tal‑identiċità tal-fatti, kulma hemm bżonn huwa li jkun hemm “fatti simili”.

157. Nerġa’ nenfasizza li fatti kkonċernati miż-żewġ proċeduri inkwistjoni għandhom bżonn jissovrapponu ruħhom sabiex l-identiċità tal-fatti tkun issodisfatta. Ma huwiex suffiċjenti li l-fatti jkunu sempliċement simili. Din il‑kwistjoni għandha tkun ivverifikata mill-qorti tar-rinviju sabiex tistabbilixxi li ż-żewġ sensiliet ta’ proċeduri fil-fatt jistrieħu fuq l-istess fatti materjali mifhuma bħala sensiela ta’ ċirkustanzi speċifiċi li huma inseparabbilment marbuta flimkien (115). Jekk, u sa fejn, ma hemm l-ebda identità tal-fatti, il-protezzjoni skont in-ne bis in idem ma tistax tiskatta.

158. Finalment, hemm l-identiċità tal-interess legali protett, li, flimkien mal‑identiċità tal-akkużat u tal-fatti, tista’ tammonta għal idem fir-rigward tal‑istess reat. Id-dritt tal-kompetizzjoni applikat fit-tieni proċeduri, u b’mod partikolari r-reat partikolari f’dak ir-reġim regolatorju, jipproteġi l-istess interessi legali bħar-reat rilevanti skont il-leġiżlazzjoni tas-suq postali applikata fil‑proċeduri settorjali?

159. Il-proċeduri settorjali kienu bbażati fuq l-Artikolu 144ter tal-Liġi tal-21 ta’ Marzu 1991 dwar ir-riforma ta’ ċerti impriżi kummerċjali pubbliċi, li jimponu fuq fornituri ta’ servizzi postali universali numru ta’ obbligi ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza meta jadottaw u japplikaw is-sistemi tariffarji tagħhom. F’dan il‑kuntest, IBPT ddikjarat espressament fid-deċiżjoni tagħha li hija ma kinitx qiegħda tevalwa jekk l-aġir ta’ bpost ikkonformax mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jew nazzjonali, speċjalment minħabba li hija ma għandhiex il‑kompetenza li tagħmel dan.

160. Kif spjegat mill-Gvern Belġjan fis-smigħ, l-għan li imfittex mir-regolament postali inkwistjoni huwa li jiġi lliberalizzat is-suq intern tas-servizzi postali. Il‑projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni u l-obbligu ta’ trasparenza suppost jinkwadraw l-aġir tal-entitajiet li kienu preċedentement il-monopolisti storiċi. Dak l-għan huwa prinċipalment limitat ratione temporis. Ir-regolament settorjali huwa bbażat fuq il-premessa li s-suq tas-servizzi postali ser ikun ittrasformat b’mod progressiv sabiex finalment iħaddan il-kundizzjonijiet ta’ suq ħieles.

161. Fir-rigward tal-proċeduri tal-kompetizzjoni, il-qorti tar-rinviju tispjega li l‑Awtorità tal-Kompetizzjoni Belġjana ma ppenalizzatx lil bpost għal nuqqas ta’ trasparenza jew għal xi prattika diskriminatorja. Hija applikat id-dritt tal‑kompetizzjoni nazzjonali u tal-Unjoni sabiex tippenalizza l-prattiki antikompetittivi ta’ bpost. Kif innotat il-qorti tar-rinviju, u kif ikkonfermat ukoll mill-Gvern Belġjan fis-smigħ, l-għan ta’ dik il-leġiżlazzjoni huwa li tiġi protetta l‑kompetizzjoni fis-suq intern billi l-operaturi ekonomiċi jiġu pprojbiti milli jabbużaw mill-pożizzjoni dominanti tagħhom. Skont l-Awtorità tal-Kompetizzjoni Belġjana, il-prattiki ta’ bpost kienu probabbli li jkollhom effett ta’ esklużjoni fuq intermedjarji u kompetituri potenzjali ta’ bpost, minn naħa, u effett ta’ tkabbir ta’ lealtà fuq l-ikbar klijenti ta’ bpost li jżidu l-ostakoli għad-dħul fis-settur tad‑distribuzzjoni, min-naħa l-oħra.

162. Għalhekk, jidher li, suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, iż-żewġ reati li ġew segwiti suċċessivament fil-proċeduri settorjali u tal-kompetizzjoni jidhru li huma marbuta mal-protezzjoni ta’ interess legali differenti u ma’ leġiżlazzjoni li trid tilħaq għan differenti. L-ewwel, fil-livell tal-interess legali protett, li tinkiseb liberalizzazzjoni ta’ ċerti swieq, li preċedentement kienu monopolistiċi, isegwi loġika differenti mill-protezzjoni tal-kompetizzjoni kurrenti u orizzontali. It-tieni, dan huwa wkoll evidenti fir-rigward tal-konsegwenzi mhux mixtieqa li s-sanzjoni ta’ kull wieħed mir-reati għandha l-intenzjoni li tipprevjeni. Jekk l-għan huwa li jiġi lliberalizzat settur, sussegwentement il-ħsara potenzjali kkawżata lill-kompetizzjoni upstream jew downstream ma hijiex neċessarjament kwistjoni li l-kuntest regolatorju settorjali għandu jittratta. B’kuntrast, abbuż minn pożizzjoni dominanti li għandu bħala konsegwenza d-distorsjoni tal‑kompetizzjoni upstream jew downstream mill-impriża dominanti jikkonċerna kjarament ir-regoli tal-kompetizzjoni.

163. Qabel ma nikkonkludi, nindika li ġie diskuss ħafna f’din il-kawża dwar il‑bżonn li jiġi ppreżervat il-kriterju tal-interess legali speċifikament fid-dritt tal‑kompetizzjoni. Bl-eċċezzjoni ta’ bpost, il-partijiet kollha li ssottomettew l‑osservazzjonijiet jenfasizzaw li l-abbandun ta’ dan il-kriterju jirriskja li titneħħa l-effettività kollha tad-dritt tal-kompetizzjoni.

164. Fid-dawl tat-test propost f’dawn il-konklużjonijiet, din il-kwistjoni hija irrilevanti. Madankollu, ninnota li r-relazzjoni u l-konsegwenzi eżatti tat-test propost, applikat fil-qasam speċifiku tad-dritt tal-kompetizzjoni, jinsabu fil-qalba tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża parallela Nordzucker. Għalhekk, diskussjoni f’iktar dettall fuq dak il-qasam tista’ tinstab f’dawk il-konklużjonijiet. F’dan il‑punt, sempliċement infakkar li fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta, id-dritt tal-kompetizzjoni, minn perspettiva strutturali, ma huwiex differenti minn kwalunkwe qasam ieħor kopert mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, skont l-approċċ issuġġerit f’dawn il-konklużjonijiet, il-kunsiderazzjoni li tirrigwarda l-interess legali għandha tkun parti mill-evalwazzjoni ta’ kull idem skont l-Artikolu 50 tal-Karta, suġġett għal reġim speċifiku, bħall-Artikolu 54 tal‑KIFS.

165. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, nissuġġerixxi li l-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta ma jipprekludix lill-awtorità amministrattiva kompetenti ta’ Stat Membru milli timponi multa għall-ksur tad‑dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u nazzjonali fejn l-istess persuna diġà kienet meħlusa definittivament mill-ħtija fi proċeduri preċedenti mressqa minn regolatur postali nazzjonali għal allegat ksur ta’ leġiżlazzjoni postali, sakemm, b’mod ġenerali, il-proċeduri sussegwenti jkunu differenti jew fir-rigward tal-identità tal‑akkużat, jew fir-rigward tal-fatti rilevanti, jew fir-rigward tal-interess legali protett li l-ħarsien tiegħu huwa mfittex mill-istrumenti leġiżlattivi rispettivi.

V.      Konklużjoni

166. Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domanda preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell, Brussell, il-Belġju) kif ġej:

–        Il-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma jipprekludix lill-awtorità amministrattiva kompetenti ta’ Stat Membru milli timponi multa għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali sakemm il-proċeduri sussegwenti li jkunu qegħdin iseħħu quddiem din l-awtorità jkunu differenti minn dawk li jkunu seħħew preċedentement jew fir-rigward tal-identità tal-akkużat, jew fir-rigward tal-fatti rilevanti, jew fir-rigward tal-interess legali protett li l-ħarsien tiegħu huwa mfittex mill-istrumenti leġiżlattivi rispettivi.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Sentenza tal-11 ta’ Frar 2015, bpost (C‑340/13, EU:C:2015:77).


3      Sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2012:72).


4      Sentenzi tal-20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197); Garlsson Real Estate et (C‑537/16, EU:C:2018:193); u Di Puma u Zecca (C‑596/16 u C‑597/16, EU:C:2018:192).


5      Il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Nordzucker (C‑151/20, EU:C:2021:XXX) mogħtija fl-istess jum bħal dawn il-konklużjonijiet.


6      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9.


7      Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas‑servizz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71).


8      Sentenza tal-11 ta’ Frar 2015, bpost (C‑340/13, EU:C:2015:77, punt 48).


9      Sentenza tat-13 ta’ Frar 1969, Wilhelm et (14/68, EU:C:1969:4).


10      Sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Toshiba (C‑17/10, EU:C:2012:72).


11      Sentenza tal-25 ta’ Frar 2021, Slovak Telekom (C‑857/19, EU:C:2021:139).


12      Sentenza tat-13 ta’ Frar 1969, Wilhelm et (14/68, EU:C:1969:4).


13      Kunsill KEE: Regolament Nru 17: L-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli 85 u 86 tat‑Trattat (ĠU 1962, L 13, p. 204).


14      L-Artikolu 9(3) ppreveda biss li “sakhemm il-Kummissjoni ma tkunx bdiet xi proċedura taħt l‑Artikoli 2, 3 jew 6, l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri għandhom jibqgħu kompetenti sabiex japplikaw l-Artikolu 85(1) u l-Artikolu 86 […]”.


15      Sentenza tat-13 ta’ Frar 1969, Wilhelm et (C‑14/68, EU:C:1969:4, punt 3).


16      Sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 338), u tal-14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2012:72, punt 97).


17      Sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il‑Kummissjoni (C‑289/04 P, EU:C:2006:431, punti 52 sa 56); SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni (C‑308/04 P, EU:C:2006:433, punti 28 sa 32); u tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni (C‑328/05 P, EU:C:2007:277, punti 24 sa 30).


18      Ara, pereżempju, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il‑Kummissjoni (C‑289/04 P, EU:C:2006:431, punt 53). Ikkuntrasta, madankollu, mas-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1972, Boehringer Mannheim vs Il-Kummissjoni (C‑7/72, EU:C:1972:125, b’mod partikolari l-punt 4).


19      Sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2012:72, punt 97 u l‑ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni  (T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 308).


20      Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2011:552, punti 114 sa 122).


21      Sentenza tal-QEDB tal-10 ta’ Frar 2009, Sergey Zolotukhin vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2009:0210JUD001493903).


22      Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2011:552, punt 118).


23      Ibid., punti 129 sa 134.


24      Sentenza tat-3 ta’ April 2019, (C‑617/17, EU:C:2019:283).


25      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Powszechny Zakład Ubezpieczeń na Życie (C‑617/17, EU:C:2018:976, punt 45).


26      Sentenza tal-25 ta’ Frar 2021, (C‑857/19, EU:C:2021:139, punt 43).


27      Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2011:552, punti 114 sa 122), diskussi iktar ’il fuq fil-punt 47.


28      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Powszechny Zakład Ubezpieczeń na Życie (C‑617/17, EU:C:2018:976, punt 45), diskuss iktar ’il fuq fil-punt 49.


29      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar‑regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


30      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża Marine Harvest (C‑10/18 P, EU:C:2019:795, punt 95, nota ta’ qiegħ il-paġna 34).


31      Ara, pereżempju, Sarmiento, D., Ne Bis in Idem in the Case-Law of the European Court of Justice, f’Van Bockel, B. (editur), Ne Bis in Idem in EU Law, Cambridge University Press, Cambridge, 2016, p. 130; Nazzini, R., “Parallel Proceedings in EU Competition Law. Ne Bis In Idem as a Limiting Principle”, f’Van Bockel, B. (editur), Ne Bis in Idem in EU Law, Cambridge University Press, Cambridge 2016, p. 143 sa 145; ara wkoll Luchtman, M., “The ECJ’s Recent Case Law on Ne Bis in Idem: Implications For Law Enforcement in a Shared Legal Order”, Common Market Law Review, vol. 55, 2018, p. 1724.


32      Tat-22 ta’ Novembru 1984, ETS Nru 117.


33      Tas-16 ta’ Diċembru 1966: “Ħadd ma għandu jerġa’ jiġi pproċessat jew ikkastigat għal reat li għalih huwa diġà kien instab ħati jew illiberat skont il-liġi u l-proċedura penali ta’ kull pajjiż” (l-enfasi tiegħi) [traduzzjoni mhux uffiċjali].


34      L-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (2002/584/ĠAI) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p.45).


35      Ara, għal iktar eżempji, l-Artikolu 11(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta’ sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi (2008/947/ĠAI) (ĠU 2008, L 337, p. 102) u l-Artikolu 9(1)(c) tad‑Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (2008/909/ĠAI) (ĠU 2008, L 327, p. 27).


36      Sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2006, van Esbroeck (C‑436/04, EU:C:2006:165, punt 36); tat-28 ta’ Settembru 2006, Gasparini et (C‑467/04, EU:C:2006:610, punt 54); tat-28 ta’ Settembru 2006, van Straaten (C‑150/05, EU:C:2006:614, punt 48); tat-18 ta’ Lulju 2007, Kraaijenbrink (C‑367/05, EU:C:2007:444, punt 26); tas-16 ta’ Novembru 2010, Mantello (C‑261/09, EU:C:2010:683, punt 39); tad-29 ta’ April 2021, X (mandat ta’ arrest Ewropew – Ne bis in idem) (C‑665/20 PPU, EU:C:2021:339, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata), bl-aħħar kawża tinvolvi sentenza preċedenti imposta minn Stat terz.


37      Sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, van Esbroeck (C‑436/04, EU:C:2006:165).


38      Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi Narkotiċi, 1961, UNTS, vol. 520, p. 151 (kif emendata bil-Protokoll tal-1972, UNTS, vol. 976, p. 3).


39      Sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, van Esbroeck (C‑436/04, EU:C:2006:165, punt 27).


40      Ibid., punt 28.


41      Ibid., punt 31.


42      Ibid., punt 32.


43      Ara wkoll is-sentenzi tat-28 ta’ Settembru 2006, van Straaten (C‑150/05, EU:C:2006:614, punt 41); tat-18 ta’ Lulju 2007, Kraaijenbrink (C‑367/05, EU:C:2007:444, punt 26); jew tas-16 ta’ Novembru 2010, Mantello (C‑261/09, EU:C:2010:683, punt 39).


44      Kif innotat, pereżempju, mill-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2012:340, punt 77).


45      Sentenza tal-QEDB tal-10 ta’ Frar 2009, Zolotukhin vs Ir-Russja (CE:ECHR:2009:0210JUD001493903, punt 82).


46      Ibid., punt 78.


47      Sentenza tal-QEDB tal-15 ta’ Novembru 2016, A u B vs In-Norveġja (CE:ECHR:2016:1115JUD002413011).


48      Ara, madankollu, is-sentenza tal-QEDB tat-23 ta’ Ottubru 1995, Gradinger vs L‑Awstrija, (CE:ECHR:1995:1023JUD001596390). F’dik id-deċiżjoni, il-QEDB ikkonstatat li għalkemm l‑identifikazzjoni, in-natura u l-għan taż-żewġ reati inkwistjoni kienu differenti, kien hemm ksur tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB għaliex iż-żewġ deċiżjonijiet ikkonċernaw l-istess aġir.


49      Sentenza tal-QEDB tat-30 ta’ Lulju 1998, Oliveira vs L-Isvizzera (CE:ECHR:1998:0730JUD002571194, punti 25 sa 29). Ara wkoll is-sentenzi tal-QEDB tal-14 ta’ Settembru 1999, Ponsetti u Chesnel vs Franza (CE:ECHR:1999:0914DEC003685597, punt 5); tat-2 ta’ Lulju 2002, Göktan vs Franza (CE:ECHR:2002:0702JUD003340296, punt 50); u tal-24 ta’ Ġunju 2003, Gauthier vs Franza (CE:ECHR:2003:0624DEC0006117800, p. 14).


50      Sentenza tal-QEDB tad-29 ta’ Mejju 2001, Franz Fischer vs L‑Awstrija (CE:ECHR:2001:0529JUD00379509, punt 29).


51      Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza tal-QEDB tat-30 ta’ Mejju 2002, W.F. vs L‑Awstrija (CE:ECHR:2002:0530JUD003827597, punt 28); tas-6 ta’ Ġunju 2002, Sailer vs L‑Awstrija (CE:ECHR:2002:0606JUD003823797, punt 28); tat-2 ta’ Settembru 2004, Bachmaier vs L‑Awstrija (CE:ECHR:2004:0902DEC00774130); tal-14 ta’ Settembru 2004, Rosenquist vs L‑Isvezja (CE:ECHR:2004:0914DEC006061900); tas-7 ta’ Diċembru 2006, Hauser-Sporn vs L‑Awstrija (CE:ECHR:2006:1207JUD003730103, punt 45); tal-1 ta’ Frar 2007, Storbråten vs In‑Norveġja (CE:ECHR:2007:0201DEC001227704); tas-26 ta’ Lulju 2007, Schutte vs L‑Awstrija (CE:ECHR:2007:0726JUD001801503, punt 42); tal-11 ta’ Diċembru 2007, Haarwig vs In‑Norveġja (ECLI:CE:ECHR:2007:1211DEC001118705); u tal-4 ta’ Marzu 2008, Garretta vs Franza (CE:ECHR:2008:0304DEC000252904, punt 86).


52      Sentenza tal-QEDB tal-10 ta’ Frar 2009, Zolotukhin vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2009:0210JUD001493903, punti 81 u 82).


53      Ibid., punt 84.


54      Sentenzi tal-QEDB tal-4 ta’ Marzu 2014, Grande Stevens vs L-Italja (CE:ECHR:2014:0304JUD001864010, punti 221 u 227); tas-27 ta’ Jannar 2015, Rinas vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2015:0127JUD001703913, punti 45 u 46); tal-10 ta’ Frar 2015, Österlund vs Il-Finlandja (CE:ECHR:2015:0210JUD005319713, punt 41); tat-30 ta’ April 2015, Kapetanios et vs Il-Greċja (CE:ECHR:2015:0430JUD000345312, punti 64 u 74); u tad-9 ta’ Ġunju 2016, Sismanidis u Sitaridis vs Il-Greċja (CE:ECLI:2016:0609JUD006660209, punt 44). Ara wkoll is-sentenza tal-QEDB tat-18 ta’ Ottubru 2011, Tomasović vs Il-Kroazja (CE:ECHR:2011:1018JUD005378509, punti 28 sa 32).


55      Sentenza tal-QEDB tal-15 ta’ Novembru 2016, A u B vs in-Norveġja (CE:ECHR:2016:1115JUD002413011, punt 130).


56      Ibid., punt 147. Ara wkoll il-punt 153.


57      Ara s-sentenzi tal-QEDB tat-13 ta’ Diċembru 2005  Nilsson vs l-Isvezja (CE:ECHR: 2005:1213DEC007366101); tal-20 ta’ Mejju 2014, Glantz vs Il-Finlandja (CE:ECHR:2014:0520JUD003739411, punt 61); tal-20 ta’ Mejju 2014, Nykänen vs Il-Finlandja (CE:ECHR:2014:0520JUD001182811, punti 50 u 51); tas-27 ta’ Novembru 2014, Lucky Dev vs L-Isvezja (CE:ECHR:2014:1127JUD000735610, punt 62); u tas-17 ta’ Frar 2015, Boman vs Il-Finlandja (CE:ECHR:2015:0217JUD004160411, punti 42 u 43). Ara wkoll is-sentenza tal‑QEDB tat-30 ta’ Mejju 2000, R.T. vs L-Isvizzera (CE:ECHR:2000:0530DEC003198296).


58      Sentenza tal-QEDB tal-15 ta’ Novembru 2016, A u B vs In-Norveġja (CE:ECHR:2016:1115JUD002413011, punt 132).


59      Ibid., punt 134.


60      Ibid., punt 111.


61      Ibid., punt 106.


62      Ibid., punt 124.


63      Sentenzi tal-QEDB tat-18 ta’ Mejju 2017, Jóhannesson vs L-Islanda (CE:ECHR:2017:0518JUD002200711); tas-6 ta’ Ġunju 2019, Nodet vs Franza (CE:ECHR:2019:0606JUD004734214); u tat-8 ta’ Lulju 2019, Mihalache vs Ir-Rumanija (CE:ECHR:2019:0708JUD005401210, punti 84 u 85). Fis-sentenza tal-QEDB tat-13 ta’ Ġunju 2017, Šimkus vs Il-Litwanja (CE:ECHR:2017:0613JUD004178811, punti 46 u 47), il‑Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tidher li teskludi s-sodisfazzjon taż-żewġ rabtiet għalkemm ir-rilevanza tat-test tal-kawża A u B minflok jidher li huwa implikat. Fis-sentenza tal-QEDB tat-8 ta’ Ottubru 2019, Korneyeva vs Ir-Russja (CE:ECHR:2019:1008JUD007205117, punt 58), it-test huwa mfakkar iżda ma huwiex applikat għaliex ma ġiex argumentat li ż-żewġ proċeduri inkwistjoni fformaw “rispons legali integrat” fis-sens tal-kawża  A u B. B’kuntrast, iż-żewġ rabtiet tqiesu li huma ssodisfatti fis-sentenza tal‑QEDB tat-8 ta’ Ottubru 2020, Bajčić vs Il-Kroazja (CE:ECHR:2020:1008JUD00673341, punti 45 u 46).


64      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


65      Ara, pereżempju, Burić, Z, “Ne Bis in Idem in European Criminal Law – Moving in Circles?” EU and Comparative Law Issues and Challenges Series, 2019, 507‑520; Luchtman, M., “The ECJ’s Recent Case Law on Ne Bis in Idem: Implications For Law Enforcement in a Shared Legal Order”, Common Market Law Reports, vol. 55, 2018, p. 1725‑50, p. 1717; Peeters, B., “The Ne Bis in Idem Rule: Do the EUCJ and the ECtHR Follow the Same Track?” EC Tax Review, vol. 4, 2018, p. 182‑185, p. 182; Serneels, C. “‘Unionisation’ of the European Court of Human Rights’ ne bis in idem jurisprudence: the Case of Mihalache v Romania”, New Journal of European Criminal Law, vol. 11(2), 2020, p. 232‑234; Lo Schiavo, G., “The Principle of Ne Bis In Idem and the Application of Criminal Sanctions: of Scope and Restrictions”, European Constitutional Law Review, vol. 14(3), 2018, p. 644‑663; Vetzo, M., “The Past, Present and Future of the Ne Bis in Idem Dialogue Between the Court of Justice of the European Union and the European Court of Human Rights: The Cases of Menci, Garlsson and Di Puma,” REALaw, vol. 11(55), 2018, p. 70‑74.


66      Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 37).


67      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona f’Menci (C‑524/15, EU:C:2017:667).


68      Sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 63).


69      Ibid., punt 43.


70      Ibid., punt 44.


71      Sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018, Di Puma u Zecca (C‑596/16 u C‑597/16, EU:C:2018:192, punt 42).


72      Sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et (C‑537/16, EU:C:2018:193, punt 46).


73      Sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018, Menci (C 524/15, EU:C:2018:197, punt 45).


74      Ibid., punt 46.


75      Ibid., punti 53 u 55.


76      Iktar ’il fuq, il-punti 55 sa 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


77      Iktar ’il fuq, punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


78      Għad-dettall, ara l-konklużjonijiet paralleli tiegħi fil-kawża Nordzucker.


79      Sentenza tal-25 ta’ Frar 2021, Slovak Telekom (C‑857/19, EU:C:2021:139).


80      Sentenza tal-QEDB tat-23 ta’ Novembru 1976, Engel et vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:1976:1123JUD000510071, punt 82).


81      Ara, pereżempju, Franssen, V.,  “La notion pénale: mot magique ou critère trompeur? Réflexions sur les distinctions entre le droit pénal et le droit quasi pénal”, fi Brach‑Thiel, D. (editur), Existe-t-il encore un seul non bis in idem aujourd’hui?, L’Harmattan, Paris, 2017, p. 57 sa 91.


82      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-QEDB tat-18 ta’ Ottubru 2011, Tomasović vs Il‑Kroazja (CE:ECHR:2011:1018JUD005378509, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).


83      Sentenza tal-QEDB tal-15 ta’ Novembru 2016, A u B vs In-Norveġja (CE:ECHR:2016:1115JUD002413011, punti 105 sa 107).


84      Il-Qorti tal-Ġustizzja ħaddnet il-kriterji Engel fis-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Bonda (C‑489/10, EU:C:2012:319, punt 37), u wkoll iktar tard fis-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105).


85      Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet reċentement ippreparata li timbotta dan il-punt anki sa fejn tostakola sempliċement arrest provviżorju sabiex tivverifika jekk persuna tistax tiġi estradita jew le sabiex tikkonfronta t-tieni sensiela ta’ proċeduri kriminali f’pajjiż terz – ara s-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2021, Bundesrepublik Deutschland (Interpol red notice) (C‑505/19, EU:C:2021:376, punti 72 sa 82).


86      Bl-istadji individwali tagħha stabbiliti iktar ’il fuq fil-punti 79 sa 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


87      Dan l-aspett ma huwiex analizzat fis-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018, Di Puma u Zecca (C‑596/16 u C‑597/16, EU:C:2018:192).


88      L-enfasi tiegħi. Ara s-sentenzi tal-20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 43), u ta’ Garlsson Real Estate et (C‑537/16, EU:C:2018:193, punt 45).


89      Simili għall-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża Menci (C‑524/15, EU:C:2017:667, punt 82).


90      B’mod interessanti, f’numru ta’ kuntesti leġiżlattivi oħra, inkluż fir-rigward tal‑Artikolu 325 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja baqgħet tinsisti li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt tal-Unjoni għandu jiġi evalwat b’mod normattiv u ex ante fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ proċeduri nazzjonali. Dan il-kamp ta’ applikazzjoni ma jistax isir dipendenti fuq riżultati ex post ta’ proċedura partikolari. Għal diskussjoni b’riferimenti ulterjuri f’dan ir‑rigward, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Ministerul Public – Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie – Direcţia Naţională Anticorupţie et (C‑357/19 u C‑547/19, EU:C:2021:170, punti 109 sa 115).


91      Iktar ’il fuq, punt 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


92      Iktar ’il fuq, punt 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


93      Fejn tali suġġerimenti saru oriġinarjament fil-kuntest tal-KEDB – ara s-sentenza tal-QEDB tat‑30 ta’ Lulju 1998, Oliveira vs L-Isvizzera (CE:ECHR:1998:0730JUD002571194, punt 27), u iktar reċenti fis-sentenza tal-QEDB tal-15 ta’ Novembru 2016, A u B vs In-Norveġja (CE:ECHR:2016:1115JUD002413011, punt 130).


94      Ara, għal illustrazzjoni, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża parallela fil-kawża Nordzucker.


95      Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il‑protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, 4.5.2016, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“GDPR”).


96      Kif intwera reċentement fis-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2021, Facebook Ireland et (C‑645/19, EU:C:2021:483).


97      Iktar ’il fuq, punti 102 sa 105 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


98      Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2011:552, punt 117).


99      L-enfasi tiegħi.


100      L-enfasi tiegħi.


101      Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża Menci (C‑524/15, EU:C:2017:667, punt 91 u nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 79).


102      Fil-kawża diġà diskussa ta’ Toshiba (iktar ’il fuq, punt 47), l-imgħallma kollega tiegħi l‑Avukata Ġenerali Kokott eskludiet b’mod teoretiku l-interess legali mill-kunċett ta’ idem. Għandha titqies biss unità ta’ fatti. Madankollu hija sussegwentement kompliet billi inkludiet l‑effetti (negattivi) ta’ kartell u l-konsegwenzi antikompetittivi kkawżati minnu taħt il-fatti tal‑kawża. Madankollu, jekk l-effetti negattivi (soċjali) (fuq l-interessi legali protetti) huma inklużi taħt il-fatti, il-kundizzjoni tal-unità ta’ interess legali protett tgħib verament mill‑istampa?


103      Iktar ’il fuq, punt 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


104      Sentenza tal-QEDB tat-13 ta’ Diċembru 2005, Nilsson vs L-Isvezja (CE:ECHR:2005:1213DEC007366101, p. 10 sa 11). Ikkuntrasta, madankollu, mas-sentenza tal‑QEDB tat-28 ta’ Ottubru 1999, Escoubet vs Il-Belġju (CE:ECHR:1999:1028JUD002678095, punt 38).


105      Sentenza tal-QEDB tal-15 ta’ Novembru 2016, A u B vs In-Norveġja (CE:ECHR:2016:1115JUD002413011, punti 131 u 132).


106      Għal eżempju effettiv, u diskussjoni ddettaljata, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Grundza (C‑289/15, EU:C:2016:622).


107      Sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 44).


108      Ibid., punt 45.


109      Sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et (C‑537/16, EU:C:2018:193, punti 46 u 59).


110      Sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018, Di Puma u Zecca (C‑596/16 u C‑597/16, EU:C:2018:192, punti 43 u 44).


111      Ara, f’dan il-kuntest pereżempju, il-proċeduri bħalissa pendenti fil-Kawża C‑252/21, Facebook et, li jqajmu, fost l-oħrajn, il-kwistjoni ta’ kompetenza ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru li ma huwiex il-post ta’ stabbiliment prinċipali ta’ impriża, bil‑kriterju tal-aħħar li normalment ikun deċiżiv għall-attribuzzjoni tal-kompetenza għall‑awtorità nazzjonali tal-protezzjoni tad-data skont il-GDPR.


112      Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2011:552, punti 130 u 131).


113      Sentenza tal-QEDB tas-27 ta’ Settembru 2011, Menarini Diagnostics S.R.L. vs L-Italja (CE:ECHR:2011:0927JUD004350908, punt 40).


114      Iktar ’il fuq, punti 43 sa 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


115      Sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 35).