Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta' Marzu 2009 - Electrolux vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-115/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: AB Electrolux (Stokkolma, l-Iżvezja) (rappreżentanti: F. Wijckmans, H. Burez, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata kollha minħabba li waħda jew iktar mill-kundizzjonijiet (kumulattivi) tal-Linji gwida tal-Komunità dwar għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta' impriżi f'diffikultà mhumiex sodisfatti jew li, f'kull każ, il-Kummissjoni naqset milli tevalwa suffiċjentement għall-finijiet tal-liġi li kull waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija sodisfatta;

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kollha minħabba li ma tissodisfax l-obbligu ta' motivazzjoni stabbilit mill-Artikolu 253 KE;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 5995 finali, tal-21 ta' Ottubru 2008, li tiddikjara kompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni li l-awtoritajiet Franċiżi għandhom l-intenzjoni jagħtu favur l-impriża FagorBrandt, bla ħsara għall-osservanza ta' ċerti kundizzjonijiet [C 44/2007 (ex N 460/2007)]. Ir-rikorrenti hija kompetitriċi tal-kumpannija li tibbenefika mill-għajnuna u pparteċipat fil-proċedura ta' investigazzjoni li waslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 87(3)(ċ) KE u l-Linji gwida tal-Komunità dwar għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta' impriżi f'diffikultà 1. Fl-opinjoni tar-rikorrenti, il-konstatazzjoni ta' din id-deċiżjoni hija żbaljata skont il-liġi minħabba l-fatt li waħda jew iktar mill-kundizzjonijiet kumulattivi tal-linji gwida msemmija mhumiex sodisfatti jew li, f'kull każ, il-Kummissjoni naqset milli tevalwa suffiċjentement għall-finijiet tal-liġi li kull waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija sodisfatta. B'mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tissodisfa:

il-kundizzjoni ta' "l-ewwel u l-aħħar darba",

il-kundizzjoni li għajnuna għar-ristrutturazzjoni m'għandhiex isservi sabiex iżżomm l-impriżi attivi b'mod artifiċjali,

il-kundizzjonijiet għall-evalwazzjoni ta' għajnuna illegali preċedenti,

il-kundizzjoni li l-kumpannija li tibbenefika mill-għajnuna trid tkun kumpannija f'diffikultà,

il-kundizzjoni li l-kumpannija li tibbenfika mill-għajnuna ma tridx tkun kumpannija li għadha kemm ġiet inkorporata,

il-kundizzjoni li l-kumpannija li tibbenfika mill-għajnuna għandha tkun tista' terġa' tikseb il-vijabbiltà fit-tul tagħha,

il-kundizzjoni li jiġu imposti miżuri ta' kumpens sabiex tiġi evitata distorsjoni indebita li tirriżulta mill-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, u

il-kundizzjoni li l-għajnuna għandha tkun limitata għall-minimu u li l-grupp kummerċjali għandu jagħmel kontribuzzjoni reali (ħielsa minn kull għajnuna).

Barra minn dan, ir-rikorrenti targumenta li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-obbligu ta' motivazzjoni stabbilit mill-Artikolu 253 KE, b'mod partikolari fir-rigward tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti dwar il-kapaċità żejda strutturali fis-settur, il-kontribuzzjoni tal-kumpannija li tibbenfika għall-ispejjeż tal-pjan ta' ristrutturazzjoni li għandha tkun għolja "kemm huwa possibbli" u l-obbligu li titħallas lura għajnuna illegali preċedenti.

____________

1 - ĠU 2004 C 244, p. 2