Language of document : ECLI:EU:F:2012:35

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

20 ta’ Marzu 2012

Kawża F‑2/12 R

Emil Hristov

vs

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija Ewropea dwar il-Mediċini

“Servizz pubbliku — Proċeduri għal miżuri provviżorji — Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Urġenza — Assenza”

Suġġett:      Rikors, imressaq skont l-Artikoli 278 TFUE u 157 KEEA, kif ukoll l-Artikolu 279 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu E. Hristov jitlob is-sospensjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ amministrazzjoni tal-Aġenzija Ewropea dwar il-Mediċini (EMA), tas-6 ta’ Ottubru 2011, li taħtar direttur eżekuttiv tal-EMA.

Deċiżjoni: It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — “Fumus boni juris” — Urġenza — Natura kumulattiva — Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni — Ordni ta’ eżami u metodu ta’ verifika — Setgħa diskrezzjonali tal-Imħallef għal miżuri provviżorji

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE); (Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 102(2) u 103(1))

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Urġenza — Dannu gravi u irreparabbli — Oneru tal-prova — Interess tar-rikorrent li jikseb il-miżura provviżorja

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE); (Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

1.      Skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, it-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza kif ukoll ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja li tintalab.

Il-kundizzjonijiet dwar l-urġenza u l-apparenza ġustifikata tat-talba (fumus boni juris) huma kumulattivi, b’tali mod li talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx sodisfatta. Huwa l-Imħallef għal miżuri provviżorji li għandu jipproċedi bl-evalwazzjoni tal-interessi inkwistjoni.

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami ġenerali, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa u huwa liberu li jiddetermina, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-każ, il-mod li bih dawn id-diversi kundizzjonijiet għandhom jiġu vverifikati kif ukoll l-ordni ta’ din l-evalwazzjoni, peress li ebda dispożizzjoni legali ma timponi fuqu skema ta’ evalwazzjoni stabbilita minn qabel sabiex jevalwa l-ħtieġa ta’ deċiżjoni provviżorja.

(ara l-punti 11 sa 13)

Referenza:

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 3 ta’ Lulju 2008, Plasa vs Il-Kummissjoni, F‑52/08 R, punti 21 u 22, u l-ġurisprudenza ċċitata; 15 ta’ Frar 2011, de Pretis Cagnodo u Trampuz de Pretis Cagnodo vs Il-Kummissjoni, F‑104/10 R, punt 16

2.      L-għan tal-proċedura għal miżuri provviżorji ma huwiex li jiġi kkumpensat dannu, iżda li tiġi żgurata l-effettività sħiħa tas-sentenza fuq il-mertu. Sabiex jintlaħaq dan l-aħħar għan, hemm bżonn li l-miżuri mitluba jkunu urġenti fis-sens li jkun neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tar-rikorrent, li dawn jiġu ppronunzjati u li joħolqu l-effetti tagħhom minn qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, hija l-parti li titlob il-ħruġ tal-miżuri provviżorji li għandha tippreżenta l-prova li hija ma tistax tistenna l-konklużjoni tal-proċedura fil-kawża prinċipali mingħajr ma tbati dannu ta’ dan it-tip.

Issa, l-Imħallef għal miżuri provviżorji, fil-kuntest tal-eżami tiegħu tal-kundizzjoni li tirrigwarda l-urġenza, jista’ jieħu biss inkunsiderazzjoni dannu gravi u irreparabbli allegat sa fejn dan tal-aħħar jista’ jiġi kkawżat lill-interessi tal-parti li teżiġi l-miżura provviżorja.

(ara l-punti 15 u 18)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 25 ta’ Marzu 1999, Willeme vs Il-Kummissjoni, C‑65/99 P(R), punt 62

Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ Settembru 1999, Elkaïm u Mazuel vs Il-Kummissjoni, T‑173/99 R, punt 25; 19 ta’ Diċembru 2002, Esch-Leonhardt et vs BĊE, T‑320/02 R, punt 27

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 14 ta’ Lulju 2010, Bermejo Garde vs CESE, F‑41/10 R, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata