Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-12 ta’ Marzu 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Helsingin hovioikeus - il-Finlandja) – A et vs Finnair Oyj

(Kawża C-832/18) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikoli 5 u 7 – Dritt għal kumpens fil-każ ta’ dewmien jew ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira – Dritt għal kumpens f’diversi okkażjonijiet fil-każ ta’ dewmien jew annullament li jaffettwa mhux biss ir-riżervazzjoni oriġinali, iżda wkoll ir-riżervazzjoni sussegwenti magħmula fil-kuntest ta’ rotta differenti – Portata – Eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens – Kunċett ta’ ‘ċirkostanzi straordinarji’ – Parti msejħa ‘on condition’ – Hsarat tekniċi inerenti għall-manutenzjoni ta’ ajruplan)

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiz

Qorti tar-rinviju

Helsingin hovioikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: A et

Konvenuta: Finnair Oyj

Dispożittiv

Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, u b’mod partikolari l-Artikolu 7(1) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li passiġġier tal-ajru, li jkun ibbenefika minn kumpens minħabba l-kanċellazzjoni ta’ titjira, li jkun aċċetta t-titjira b’rotta differenti li tkun ġiet proposta lilu, jista’ jitlob l-għoti ta’ kumpens minħabba d-dewmien tat-titjira b’rotta differenti, meta dan id-dewmien jilħaq numru ta’ sigħat li jagħtu dritt għal kumpens u meta t-trasportatur tal-ajru tat-titjira b’rotta differenti jkun l-istess wieħed tat-titjira kkanċellata.

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li trasportatur tal-ajru ma jistax jinvoka, sabiex jeżonera ruħu mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens, “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li jirrigwardaw il-ħsara ta’ parti msejħa “on condition”, jiġifieri parti li tiġi ssostitwita biss minħabba l-ħsara tal-parti preċedenti, anki jekk huwa jżomm parti ta’ bdil fl-istokk tiegħu, ħlief jekk, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, tali ħsara tkun tikkostitwixxi avveniment li, min-natura tiegħu jew mill-oriġini tiegħu, ma huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tal-imsemmi trasportatur tal-ajru kkonċernat u jevita l-kontroll effettiv tiegħu, billi huwa meqjus li, sa fejn din il-ħsara tibqa’, bħala prinċipju, intrinsikament marbuta mas-sistema ta’ funzjonament tal-ajruplan, ma għandhiex titqies bħala tali avveniment.

____________

1     ĠU C 93, 11.3.2019