Language of document : ECLI:EU:T:2007:236

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

19 ta’ Lulju 2007 (*)

“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Talba għal sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni – Direttiva 91/414/KEE – Ammissibbiltà – Fumus boni juris – Urġenza – Bilanċ ta’ l-interessi”

Fil-kawża T‑31/07 R,

Du Pont de Nemours (France) SAS, stabbilita f’Puteaux (Franza),

Du Pont Portugal – Serviços, Sociedada Unipessoal Lda, stabbilita f’Lisbona (il-Portugall),

Du Pont Ibérica SL, stabbilita f’Barċellona (Spanja),

Du Pont de Nemours (Belgium) BVBA, stabbilita f’Mechelen (il-Belġju),

Du Pont de Nemours Italiana Srl, stabbilita f’Milan (l-Italja),

Du Pont De Nemours (Nederland) BV, stabbilita f’Dordrecht (l-Olanda),

Du Pont de Nemours (Deutschland) GmbH, stabbilita f’Bad Homburg vor der Höhe (il-Ġermanja),

DuPont CZ s.r.o., stabbilita fi Praga (ir-Repubblika Ċeka),

DuPont Magyarország Kereskedelmi kft, stabbilita f’Budaors (l-Ungerija),

DuPont Poland sp. z o.o., stabbilita f’Varsavja (il-Polonja),

DuPont Romania Srl, stabbilita f’Bukarest (ir-Rumanija),

DuPont (UK) Ltd, stabbilita f’Herts (ir-Renju Unit),

Dy-Pont Agkro Ellas AE, stabbilita f’Halandri (il-Greċja),

DuPont International Operations SARL, stabbilita fi Grand Saconnex (l-Iżvizzera),

DuPont Solutions (France) SAS, stabbilita f’Puteaux,

irrappreżentati minn D. Waelbroeck u N. Rampal, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn L. Parpala u B. Doherty, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għas-sospensjoni ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/133/KE, tal-11 ta’ Diċembru 2006, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE sabiex jiġi inkluż il-flusilazole bħala sustanza attiva (ĠU L 349, p. 27),

IL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

jagħti l-preżenti

Digriet

 Il-kuntest ġuridiku

1        Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, p.1), tistabbilixxi, inter alia, is-sistema Komunitarja applikabbli għall-awtorizzazzjoni u għall-irtirar ta’ l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

2        L-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 91/414 jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jassiguraw illi prodott għall-ħarsien tal-pjanti ma jiġix awtorizzat kemm-il darba […] is-sustanzi attivi tiegħu ma jkunux elenkati fl-Anness I”.

3        Is-sustanzi attivi li mhumiex imniżżla fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 jistgħu jibbenefikaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, minn sistema ta’ deroga tranżitorja. L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 jipprovdi għalhekk li “Stat Membru jista’, matul perjodu ta’ 12-il sena wara n-notifika ta’ din id-Direttiva, jawtorizza t-tqegħid fis-suq ġewwa t-territorju tiegħu ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi li ma jkunux jinsabu fl-Anness I li jkunu diġà qegħdin fis-suq sentejn wara n-notifika ta’ din id-Direttiva”.

4        Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92, tal-11 ta’ Diċembru 1992, li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implementazzjoni ta’ l-ewwel stadju tal-programm ta’ xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 (ĠU L 366, p. 10), jistabbilixxi l-proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ diversi sustanzi bil-għan li jiġu possibilment inklużi fl-Anness I ta’ l-imsemmija Direttiva. Fost dawn is-sustanzi hemm il-flusilazole.

5        Il-proċedura stabbilita mir-Regolament Nru 3600/92 tibda b'notifikazzjoni ta’ interess, prevista fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament, indirizzata lill-Kummissjoni mill-produttur li jixtieq jiżgura l-inklużjoni ta’ sustanza fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

6        Skond l-Artikolu 5(2)(b) tar-Regolament Nru 3600/92, wara li jiġu eżaminati n-notifikazzjonijiet ta’ interess, jinħatar Stat Membru bħala relatur għall-evalwazzjoni ta’ kull waħda mis-sustanzi attiva kkonċernati. F’dan il-każ, l-Irlanda nħatret bħala Stat Membru relatur għall-flusilazole (iktar ’il quddiem l-“Istat Membru relatur”), skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 933/94, tas-27 ta’ April 1994, li jipprovdi s-sustanzi attivi ta’ prodotti għall-protezzjoni ta’ pjanti u jawtorizza r-rapporteur ta’ l-Istati Membri [jaħtar l-Istati Membri relaturi] għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 3600/92 (ĠU L 107, p. 8).

7        Wara li jkun inħatar l-Istat Membru relatur, kull notifikant għandu jibgħatlu, skond l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 3600/92, “inkartament fil-qosor” u “inkartament komplet”, kif definiti fl-Artikolu 6(2) u (3) ta’ dan l-istess Regolament.

8        L-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 91/414, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 806/2003 ta’ l-14 ta’ April 2003 li jadatta għad-Deċiżjoni 1999/468/KE id-dispożizzjonijiet rigward il-kumitati li jassistu l-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implementazzjoni stabbiliti fi strumenti tal-Kunsill adottati skond il-proċedura ta’ konsultazzjoni (maġġoranza kwalifikata) (ĠU L 122, p. 1), jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Permanenti tal-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali (iktar ’il quddiem il-“Kumitat”).

9        L-Artikolu 7(3A) tar-Regolament Nru 3600/92, imdaħħal bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1199/97 tas-27 ta’ Ġunju 1997 li jemenda r-Regolament Nru 3600/92 (ĠU L 170, p. 19), jipprovdi li wara l-eżami, mill-Kumitat, ta’ l-inkartament fil-qosor u tar-rapport imħejji mill-Istat Membru relatur, liema eżami huwa previst fl-Artikolu 7(3) ta’ l-imsemmi Regolament, il-Kummissjoni tippreżenta quddiem il-Kumitat abbozz ta’ direttiva sabiex is-sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 jew abbozz ta’ deċiżjoni sabiex tiġi rtirata l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom is-sustanza attiva kkonċernata jew abbozz ta’ deċiżjoni biex tali prodotti jiġu sospiżi mis-suq bil-fakultà li terġa' tiġi kkunsidrata l-inklużjoni tas-sustanza attiva fl-Anness I ta’ l-imsemmija Direttiva wara li jingħataw ir-riżultati ta’ provi addizzjonali jew ta’ informazzjoni addizzjonali jew, fl-aħħarnett, abbozz ta’ deċiżjoni li tipposponi l-inklużjoni ta’ l-imsemmija sustanza attiva sakemm jingħataw ir-riżultati ta’ provi addizzjonali jew ta’ informazzjoni addizzjonali.

10      L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 jipprovdi:

“1.      Fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku preżenti, sustanza attiva għandha tiġi inkluża fl-Anness I għal perjodu ta’ żmien inizjali li ma jkunx jaqbeż l-10 snin, jekk jista’ jiġi mistenni li prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom is-sustanza attiva jkunu jwettqu l-kondizzjonijiet segwenti:

(a)       il-fdalijiet tagħhom, wara użu konsistenti mal-prattika fl-użu ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti, ma jkollhomx effetti ta’ ħsara għas-saħħa tal-bnedmin u l-annimali jew għall-ilma ta’ taħt l-art jew xi influwenza inaċċettabbli fuq l-ambjent, u l-imsemmija fdalijiet, jekk ikunu sinifikanti mil-lat tossikoloġiku jew ambjentali, ikunu jistgħu jiġu mkejla b’metodi li jkunu użati b’mod mifrux;

(b)       l-użu tagħhom, li jrid ikun konsistenti mal-prattika fl-użu ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti, ma jkollux effetti ta’ ħsara għas-saħħa tal-bnedmin u l-annimali jew xi influwenza inaċċettabbli fuq l-ambjent skond ma jiddisponi l-Artikolu 4(1)(b)(iv) u (v).”

11      L-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/414 jipprovdi:

“L-inklużjoni ta’ sustanza fl-Anness I tista’ fuq talba tiġi mġedda darba jew aktar għal perjodi li ma jaqbżux l-10 snin; tali inklużjoni tista tiġi riveduta fi kwalunkwe żmien jekk ikun hemm indikazzjonijiet li l-kriterji imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għadhomx issodisfati. It-tiġdid għandu jingħata għall-perjodu neċessarju sabiex titlesta reviżjoni, fejn tkun saret applikazzjoni għal tali tiġdid fi żmien sodisfaċenti, u fi kwalunkwe każ mhux anqas minn sentejn qabel ma tkun sejra tagħlaq ir-reġistrazzjoni, u għandha tingħata għall-perjodu meħtieġ sabiex tiġi pprovduta l-informazzjoni mitluba skond l-Artikolu 6(4).”

12      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/414 jipprovdi:

“L-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I għandha tiġi deċiża skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 19.

Dan li ġej għandu jiġi deċiż ukoll skond dik il-proċedura:

–        kwalunkwe kondizzjoni għall-inklużjoni,

–        emendi għall-Anness I, fejn ikunu meħtieġa,

–        it-tneħħija ta’ sustanza attiva mill-Anness I jekk din ma tibqax tissoddisfa r-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 5(1) u (2).”

13      L-adozzjoni ta’ deċiżjoni jew ta’ direttiva, skond l-Artikolu 7(3A) tar-Regolament Nru 3600/92, ittemm is-sistema ta’ deroga tranżitorja prevista fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414.

14      Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/133/KE, tal-11 ta’ Diċembru 2006, li temenda d-Direttiva 91/414 sabiex jiġi inkluż il-flusilazole bħala sustanza attiva (ĠU L 349, p. 27, iktar ’il quddiem id-“direttiva kkontestata”), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007, temenda l-Anness I tad-Direttiva 91/414 sabiex jiġi inkluż il-flusilazole.

15      L-Artikolu 1 tad-direttiva kkontestata jipprovdi:

“L-Anness I tad-Direttiva 91/414 […] huwa emendat skond l-Anness ta’ din id-Direttiva.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16      Il-parti A tad-Dispożizzjonijiet Speċifiċi ta’ l-Anness tad-direttiva kkontestata tipprovdi dan li ġej:

“Użi bħala funguċida fuq l-uċuħ tar-raba' segwenti biss jistgħu jiġu awtorizzati:

–        iċ-ċereali (barra mir-ross),

–        il-qamħirrum,

–        iż-żerriegħa tal-kolza,

–        il-pitravi taz-zokkor,

b'perċentwali li ma jaqbżux 200 g ta’ sustanza attiva għal kull ettaru u għal kull applikazzjoni.

L-użi li ġejjin m’għandhomx jigu awtorizzati:

–        applikazzjoni mill-ajru,

–        applikazzjonijiet li jserrħu fuq id-dahar jew li jinżammu fl-idejn, la minn utenti dilettanti u lanqas minn professjonisti,

–        ġardinaġġ.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu applikati l-miżuri xierqa kollha intiżi sabiex inaqqsu r-riskji […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

17      L-Artikolu 2 tad-direttiva kkontestata jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2007, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw mill-ewwel lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Lulju 2007.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

18      L-Artikolu 3 tad-direttiva kkontestata jipprovdi:

“1.      Fejn meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jemendaw jew jirtiraw, konformement mad-Direttiva 91/414[…], l-awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jikkontjenu l-flusilazole bħala sustanza attiva sat-30 ta’ Ġunju 2007. Qabel din id-data, huma għandhom jivverifikaw b'mod partikolari li l-kundizzjonijiet ta’ l-Anness I ta’ din id-Direttiva dwar il-flusilazole huma osservati, bl-eċċezzjoni ta’ dawk tal-Parti B ta’ l-inklużjoni fir-rigward ta’ din is-sustanza attiva, u li d-detentur ta’ l-awtorizzazzjoni għandu, jew għandu aċċess għal, inkartament li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-Anness II ta’ l-imsemmija Direttiva skond il-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 13 tagħha.

2.      B'deroga mill-paragrafu 1, kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzat li jikkontjeni l-flusilazole għandu jiġi evalwat mill-ġdid mill-Istati Membri, konformement mal-prinċipji uniformi previsti fl-Anness VI tad-Direttiva 91/414[…], fuq il-bażi ta’ inkartament li jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ l-Anness III ta’ l-imsemmija Direttiva u li jieħu in kunsiderazzjoni l-parti B ta’ l-inklużjoni fl-Anness I ta’ l-imsemmija Direttiva fir-rigward tal-flusilazole. Abbażi ta’ din l-evalwazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk il-prodott jissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) [(b) sa (e)] tad-Direttiva 91/414/KEE.

Wara li jkunu vverifikaw l-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, l-Istati Membri, fejn meħtieġ, għandhom jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni għall-prodotti li jikkontjenu l-flusilazole sat-30 ta’ Ġunju 2008.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

19      Il-flusilazole huwa funguċida użat u kkummerċjalizzat fil-Komunità Ewropea għal aktar minn 20 sena.

20      L-awtorizzazzjonijiet attwali għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti abbażi tal-flusilazole ġew irreġistrati għal użu fuq 26 tip ta’ wiċċ tar-raba' fi ħmistax-il Stat Membru.

21      Din is-sustanza attiva kienet għalhekk diġà preżenti fuq is-suq meta d-Direttiva 91/414 daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Lulju 1993.

22      Ir-rikorrenti huma attivi fil-produzzjoni u l-bejgħ tal-flusilazole kif ukoll ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti abbażi tal-flusilazole.

23      Fit-23 ta’ Lulju 1993, Du Pont de Nemours (Franza) SA (iktar ’il quddiem in-“notifikanti”) innotifikat lill-Istat Membru relatur bl-intenzjoni tagħha li tikseb l-inklużjoni tal-flusilazole fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

24      F’Lulju 1996, l-Istat Membru relatur issottometta l-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni, li rrakkommanda l-inklużjoni tal-flusilazole fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għal perijodu ta’ 10 snin.

25      Fis-17 ta’ Ottubru 1996, il-Kummissjoni bagħtet l-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni lill-Istati Membri kollha għal konsultazzjoni u sussegwentement bdiet konsultazzjoni wiesgħa ma’ esperti minn diversi Stati Membri.

26      Fl-14 ta’ April 1997, ir-rapport komplet intbagħat lill-Istati Membri u lin-notifikanti għal osservazzjonijiet u informazzjoni addizzjonali. Sussegwentement in-notifikanti ntalbet tagħti data addizzjonali.

27      L-evalwazzjoni finali tad-diversi elementi ta’ l-inkartament mill-Kumitat saret minn Diċembru 1997 sa Jannar 2001 u kellha tiġi ffinalizzata matul il-laqgħa tal-Kumitat li saret fis-7 ta’ Diċembru 2001.

28      Fit-8 ta’ Novembru 2001, il-Kummissjoni kkonkludiet, fl-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni mill-ġdid tagħha, li l-flusilazole kien jidher li kien konformi mar-rekwiżiti ta’ sigurtà previsti fid-Direttiva 91/414, iżda li kienu meħtieġa studji addizzjonali biex jikkonfermaw din il-konklużjoni.

29      F’Settembru 2003, billi l-istudji kollha meħtieġa kienu ġew ipprovduti, l-Istat Membru relatur ikkonkluda li l-flusilazole ma kien jippreżenta ebda perikolu u seta’ jiġi inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

30      Fil-bidu tax-xahar ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni approvat proposta biex il-flusilazole jiġi inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Madankollu, fit-8 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tissottomettix din il-proposta lill-Kumitat għall-vot.

31      F’April 2005, ġiet diskussa proposta ġdida fi ħdan il-grupp ta’ ħidma tal-Kumitat, li rrakkomanda l-inklużjoni tal-flusilazole fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 limitata għal perijodu ta’ seba' snin u kkwalifikata b'obbligu li l-flusilazole jiġi ttestjat skond il-linji gwida li dak iż-żmien kienu qed jiġu ffinalizzati mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), sabiex tiġi mtejba l-evalwazzjoni tal-proprjetajiet li potenzjalment jikkawżaw taħwid endokrinali.

32      F’Awwissu 2005, minkejja li l-proposta ġdida ma kinitx tressqet lill-Kumitat għall-vot, il-Kummissjoni informat lin-notifikanti li hija kienet qed tikkunsidra l-possibbiltà li tadotta deċiżjoni ta’ non-inklużjoni tal-flusilazole fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

33      Fl-10 ta’ Awwissu 2005, l-Istat Membru relatur informa lill-Kummissjoni li huwa ma kienx jaqbel ma’ l-approċċ adottat.

34      Fl-20 ta’ Ottubru 2005, il-Kummissjoni informat bil-miktub lin-notifikanti li eventwali inklużjoni tal-flusilazole fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 tkun tkopri biss l-uċuħ tar-raba' li jkunu effettivament ġew ittestjati xjentifikament.

35      Fit-3 ta’ Marzu 2006, il-Kumitat ma rnexxilux jikseb maġġorità kwalifikata sabiex japprova proposta ġdida tal-Kummissjoni li, din id-darba, kienet intiża sabiex tinkludi l-flusilazole fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għal użu ristrett għaċ-ċereali, għaż-żerriegħa tal-kolza, għall-qamħirrum u għall-pitravi taz-zokkor.

36      Fil-25 ta’ Ġunju 2006, konformement mad-Deċiżjoni 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implementazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, p. 23), u fin-nuqqas ta’ vot pożittiv fi ħdan il-Kumitat, il-Kummissjoni ssottomettiet lill-Kunsill il-proposta tagħha għall-inklużjoni tal-flusilazole fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għal perijodu ta’ seba' snin u għal użu ristrett għaċ-ċereali, għaż-żerriegħa tal-kolza, għall-qamħirrum u għall-pitravi taz-zokkor. Madankollu, il-maġġoranza kwalifikata meħtieġa għall-adozzjoni ta’ din il-proposta mill-Kunsill ma setgħetx tinkiseb.

37      Fit-13 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni għalhekk issottomettiet lill-Kunsill proposta emendata, li kienet tipprovdi għall-inklużjoni tal-flusilazole fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għal perijodu limitat għal 18-il xahar.

38      Fil-11 ta’ Diċembru 2006, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni mill-Kunsill, il-Kummissjoni adottat id-direttiva kkontestata, skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468, fuq il-bażi ta’ l-aħħar proposta tagħha, jiġifieri l-proposta li kienet tipprovdi għall-inklużjoni tal-flusilazole fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għal perijodu limitat għal 18-il xahar u għal użu ristrett għaċ-ċereali (barra mir-ross), iż-żerriegħa tal-kolza, il-qamħirrum u l-pitravi taz-zokkor (iktar ’il quddiem ir-“restrizzjonijiet ikkontestati”).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

39      Fit-12 ta’ Frar 2007, ir-rikorrenti ressqu, minn naħa, rikors għall-annullament parzjali tad-direttiva kkontestata fuq il-bażi tar-raba' paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE u, min-naħa l-oħra, rikors għal danni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 288 KE.

40      Fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti ressqu talba għal miżuri provviżorji fuq il-bażi ta’ l-Artikoli 242 KE u 243 KE, intiża, minn naħa, sabiex l-eżekuzzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-direttiva kkontestata tiġi sospiża u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġu ordnati miżuri provviżorji oħra.

41      Fit-28 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni ressqet l-osservazzjonijiet tagħha fuq it-talba għal miżuri provviżorji u r-rikorrenti ressqu l-osservazzjonijiet finali tagħhom fil-15 ta’ Marzu 2007.

42      Fit-23 ta’ April 2007, il-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

43      Fit-talba tagħhom għal miżuri provviżorji, ir-rikorrenti jitolbu li l-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġbu:

–        jordna lill-Kummissjoni sabiex tieħu l-miżuri xierqa sabiex tiddifferixxi, sakemm tingħata s-sentenza fil-kawża prinċipali:

–        id-data ta’ l-iskadenza tal-perijodu li matulu l-flusilazole huwa inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, attwalment stabbilita għat-30 ta’ Ġunju 2008 mill-Anness tad-direttiva kkontestata;

–        id-data sa meta l-Istati Membri għandhom jemendaw jew jirtiraw, wara evalwazzjoni mill-ġdid, l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti li jikkontjenu l-flusilazole, stabbilita wkoll għat-30 ta’ Ġunju 2008 mill-Artikolu 3(2) tad-direttiva kkontestata;

–        tordna lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri xierqa sabiex tissospendi, sakemm tingħata s-sentenza fil-kawża prinċipali, ir-restrizzjoni kontenuta fil-Parti A tad-Dispożizzjonijiet Speċifiċi previsti fl-Anness tad-direttiva kkontestata fuq it-tipi ta’ wċuħ tar-raba' li fuqhom l-użu tal-flusilazole jista’ jiġi awtorizzat mill-Istati Membri abbażi ta’ l-inklużjoni tiegħu fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, u li għandha tiġi implementata sat-30 ta’ Ġunju 2007;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

44      Il-Kummissjoni titlob, minn naħa, li t-talba għal miżuri provviżorji tiġi ddikjarata inammissibbli jew infondata u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż.

 Id-dritt

45      Skond l-Artikoli 242 KE u 243 KE, minn naħa, u l-Artikolu 225(1) KE, min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista’, jekk tikkunsidra li ċ-ċirkustanzi hekk jeħtieġu, tordna s-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ l-att ikkontestat jew tippreskrivi l-miżuri provviżorji meħtieġa.

46      L-Artikolu 104(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza jipprovdi li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jitolbu l-urġenza kif ukoll ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw prima facie (fumus boni juris) l-adozzjoni tal-miżura provviżorja li tiġi mitluba. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b'mod li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jiġu miċħuda meta waħda minnhom tkun nieqsa [digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Ottubru 1996, SCK u FNK vs Il-Kummissjoni, C‑268/96 P(R), Ġabra p. I‑4971, punt 30]. L-imħallef għal miżuri provviżorji, meta hu l-każ, għandu anki jiżen l-interessi involuti (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 2001, L-Awstrija vs Il-Kunsill, C‑445/00 R, Ġabra p. I‑1461, punt 73).

47      Barra minn dan, fil-kuntest ta’ dan l-eżami komplessiv, l-imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa u huwa liberu li jiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, il-mod kif dawn id-diversi kundizzjonijiet għandhom jiġu vverifikati kif ukoll l-ordni ta’ dan l-eżami, billi ebda regola tad-dritt Komunitarju ma timponilu skema ta’ analiżi prestabbilita għall-evalwazzjoni tal-bżonn li jiġu ordnati miżuri provviżorji [digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Lulju 1995, Il-Kummissjoni vs Atlantic Container Line et, C-149/95 P(R), Ġabra p. I‑2165, punt 23, u tas-17 ta’ Diċembru 1998, Emesa Sugar vs Il-Kummissjoni, C‑364/98 P(R), Ġabra p. II‑8815, punt 44].

 L-argumenti tal-partijiet

 Fuq l-ammissibbiltà

48      Skond il-Kummissjoni, it-talba għal miżuri provviżorji hija inammissibbli.

49      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, minn naħa, li l-kawża prinċipali li magħha hija marbuta t-talba għal miżuri provviżorji hija inammissibbli, billi, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti qegħdin jitolbu l-annullament ta’ att ta’ portata ġenerali, f’dan il-każ, direttiva, filwaqt li ebda waħda minnhom mhi individwalment ikkonċernata b'din il-miżura u, fit-tieni lok, it-talbiet fil-kawża prinċipali għall-annullament tar-restrizzjonijiet ikkontestati huma inammissibbli billi l-imsemmija restrizzjonijiet kienu maħsuba sabiex jifformaw assjem wieħed u ma jistgħux jiġu separati mill-kumplament tad-Direttiva.

50      Il-Kummissjoni tallega, min-naħa l-oħra, li t-talbiet maħsuba sabiex l-imħallef għal miżuri provviżorji jordnalha tadotta ċerti miżuri huma inammissibbli, minħabba li, fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Prim'Istanza mhijiex kompetenti sabiex tagħti ordnijiet fil-kuntest ta’ azzjonijiet għal annullament imressqa fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 230 KE u, fit-tieni lok, tali ordni ma jistax ikollha effett billi hija maħsuba sabiex tikseb emenda tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ li l-Kummissjoni mhijiex kompetenti tadotta mingħajr l-intervent tal-partijiet l-oħra fil-proċedura leġiżlattiva, li jistgħu jopponuha.

51      Skond ir-rikorrenti, għall-kuntrarju, ir-rikors fil-kawża prinċipali kif ukoll it-talba għal miżuri provviżorji huma ammissibbli.

 Fuq il-fumus boni juris

52      Ir-rikorrenti jallegaw li d-direttiva kkontestata hija illegali safejn, fl-ewwel lok, billi tintroduċi r-restrizzjonijiet ikkontestati fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tal-perikoli tal-flusilazole u mhux fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tar-riskji ta’ dan ta’ l-aħħar, l-imsemmija Direttiva mhijiex konformi mad-Direttiva 91/414, li skondha kull sustanza attiva għandha tiġi evalwata fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tar-riskji.

53      Skond ir-rikorrenti, l-effetti tal-flusilazole fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent kienu ġew evalwati skond id-dispożizzjonijiet applikabbli. Il-provi kollha disponibbli relattivi għal eventwali preokkupazzjonijiet fir-rigward ta’ l-effetti tossiċi intrinsiċi tiegħu, inkluż ir-riskju ta’ taħwid endokrinali, ittieħdu in kunsiderazzjoni matul il-proċess ta’ evalwazzjoni. Matul dan il-proċess, in-notifikanti pprovat li kien hemm użi tal-flusilazole li ma kinux ta’ perikolu, u konklużjoni favorevoli fuq is-sigurtà tal-flusilazole, suġġetta għal ċerti riżervi, ġiet adottata fl-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni mill-ġdid tal-Kummissjoni ta’ Ġunju 2004.

54      Skond ir-rikorrenti, sempliċi preokkupazzjonijiet espressi minn diversi Stati Membri fir-rigward tal-proprjetajiet perikolużi tal-flusilazole la jiġġustifikaw il-projbizzjoni tiegħu wara t-30 ta’ Ġunju 2008 u lanqas l-irtirar preventiv mit-30 ta’ Ġunju 2007 ta’ l-awtorizzazzjonijiet kollha ta’ din is-sustanza attiva għal użi oħra barra minn dawk awtorizzati mid-direttiva kkontestata.

55      Fit-tieni lok, id-direttiva kkontestata tikser il-prinċipju ta’ prekawzjoni, li l-applikazzjoni tiegħu għandha tkun ibbażata biss fuq evalwazzjoni tar-riskji u mhux fuq evalwazzjoni tal-perikoli.

56      Fit-tielet lok, id-direttiva tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, safejn, l-ewwel nett, il-Kummissjoni qatt m'adottat tali restrizzjonijiet f’każijiet simili, it-tieni nett, id-direttiva kkontestata tipprekludi l-Istati Membri milli jadottaw kull deċiżjoni ta’ immaniġġar tar-riskji, b'mod partikolari fir-rigward ta’ użi oħra li għalihom il-flusilazole jista’ jiġi awtorizzat u, it-tielet nett, setgħu ġew adottati miżuri oħra inqas restrittivi.

57      Fir-raba' lok, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali, safejn sostanzi attivi oħra li t-tossiċità tagħhom hija iktar evidenti minn dik tal-flusilazole ġew inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 bla ebda restrizzjoni.

58      Fil-ħames lok, billi adottat id-direttiva kkontestata, il-Kummissjoni kisret id-dmir tagħha ta’ amministrazzjoni tajba, id-dritt tar-rikorrenti li jinstemgħu, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

59      Fis-sitt lok, id-direttiva kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, minħabba l-fatt li r-restrizzjonijiet ikkontestati huma bbażati fuq preokkupazzjonijiet, invokati minn ċerti Stati Membri, li mhumiex dokumentati.

60      Fl-aħħar lok, id-direttiva kkontestata hija r-riżultat ta’ abbuż ta’ poter.

61      Min-naħa l-oħra, skond il-Kummissjoni, id-direttiva kkontestata hija legali.

62      Il-Kummissjoni tfakkar, preliminarjament, li hi biss hija kompetenti sabiex tadotta deċiżjoni dwar is-sigurtà tal-flusilazole wara li tkun segwiet il-proċedura prevista mid-Direttiva 91/414. Din il-proċedura, f’dan il-każ, żvelat dubji għal dak li jirrigwarda l-effetti tal-flusilazole fuq is-sistema endokrinali. Fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, il-Kummissjoni setgħet għalhekk tiddeċiedi li tawtorizza l-kummerċjalizzazzjoni tal-flusilazole biss taħt ċerti kundizzjonijiet restrittivi.

63      It-tieni nett, ir-restrizzjonijiet ikkontestati jindirizzaw il-preokkupazzjoni tal-Kummissjoni sabiex tapplika l-prinċipju ta’ prekawzjoni, li jista’ mhux biss jibbaża ruħu fuq evalwazzjoni tar-riskji, iżda wkoll fuq maniġġar tar-riskji.

64      It-tielet nett, il-kompetenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tistħarreġ att bħalma hija d-direttiva kkontestata hija limitata, billi d-direttiva hija r-riżultat ta’ evalwazzjonijiet kumplessi li jirrigwardaw kwistjonijiet tekniċi.

65      Fir-rigward ta’ l-argumenti mressqa mir-rikorrenti, il-Kummissjoni tirrispondi li, fl-ewwel lok, fir-rigward tar-restrizzjoni għall-użi tal-flusilazole, hija adottat restrizzjonijiet simili f’każijiet oħra fejn is-sustanzi evalwati qajmu dubji fir-rigward tal-perikolożità tagħhom. F’dan il-każ, l-imsemmija restrizzjoni kienet iġġustifikata mir-riskji ta’ taħwid endokrinali, ikkonstatati mill-Kummissjoni, li, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 5(1) u ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/414, iddeċidiet li tawtorizza biss l-użi li kienu effettivament ġew xjentifikament ittestjati.

66      Fit-tieni lok, fir-rigward tar-restrizzjoni relattiva għall-perijodu ta’ inklużjoni tal-flusilazole fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 limitat għal 18-il xahar, din ta’ l-aħħar hija maħsuba sabiex tobbliga lill-Istati Membri jagħtu importanza prioritarja lill-flusilazole, minħabba l-perikoli speċifiċi li huwa jippreżenta.

67      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, dan ma jistax, skond il-Kummissjoni, jiġi invokat indipendentement mill-ksur ta’ dritt ieħor.

68      Fir-raba' lok, fir-rigward tad-dritt li wieħed jinstema’, ir-rikorrenti ma pprovawx li huma kienu ġew preklużi milli jqajmu argumenti matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni.

69      Fil-ħames lok, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, ir-rikorrenti m'indikawx kif dan il-prinċipju ġie miksur.

70      Fis-sitt lok, fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, il-Kummissjoni ssostni essenzjalment li r-rikorrenti m'indikawx l-elementi li fuqhom huma bbażaw l-aspettattivi tagħhom.

71      Fis-seba' lok, fir-rigward tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, il-Kummissjoni ssostni li kull sustanza attiva għandha tiġi evalwata indipendentement minn sustanzi attivi oħra u meta tiġi awtorizzata sustanza attiva, jistgħu jiġu adottati miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji.

72      Fit-tmien lok, fir-rigward tal-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni, il-Kummissjoni tfakkar li l-premessi 6 u 8 tad-direttiva kkontestata jispjegaw ir-raġunijiet li wassluha biex tadotta r-restrizzjonijiet ikkontestati.

73      Fid-disa' lok, fir-rigward ta’ l-ilment li bih hija kkritikata li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni tirrileva li dan ma ġiex ipprovat.

74      Fl-aħħar lok, fir-rigward ta’ l-abbuż ta’ poter, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti m'indikawx x’inhu l-iskop illegali li l-Kummissjoni allegatament fittxet li tilħaq.

 Fuq l-urġenza

75      Ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-fatt li tiġi milqugħa t-talba tagħhom għal miżuri provviżorji hija kwistjoni urġenti sabiex jiġi evitat li huma jbatu dannu serju u irreparabbli, li mhuwiex ta’ natura purament finanzjarja. Huma jallegaw b'mod partikolari li dan id-dannu ser jikkonsisti, l-ewwel nett, fit-telf irreparabbli tas-sehem fis-suq tagħhom fis-suq Ewropew tal-funguċidi bbażati fuq it-trijazoli, it-tieni nett, fl-għeluq ta’ l-impjant industrijali tagħhom f’Cernay (Franza) u, it-tielet nett, fid-dannu li ser isofru l-bdiewa li jużaw il-flusilazole u l-agrikultura Ewropea kollha kemm hi.

76      Fir-rigward ta’ l-ewwel dannu allegat mir-rikorrenti, relattiv għat-telf irreparabbli ta’ l-ishma fis-suq tagħhom fis-suq Ewropew tal-funġuċidi bbażati fuq it-trijazoli, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li, fl-ewwel lok, id-dannu allegat huwa imminenti, billi d-direttiva kkontestata, li effettivament tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni tal-flusilazole, sejra, mit-30 ta’ Ġunju 2008, tirriżulta fit-telf tan-negozju tagħhom, li l-valur nett attwali tiegħu huwa stmat madwar EUR 84 miljun, ikkalkulat fuq il-bażi tad-dħul li r-rikorrenti jistgħu jiġġeneraw mill-bejgħ tal-flusilazole matul il-perijodu 2007-2017.

77      Fit-tieni lok, skond ir-rikorrenti, dan id-dannu huwa irreversibbli minħabba li, l-ewwel nett, huma m'għandhomx prodotti sostituttivi biex jissostitwixxu l-flusilazole fuq is-suq tal-funguċidi bbażati fuq it-trijazoli, u, it-tieni nett, il-kompetituri tar-rikorrenti f’dan l-istess suq, b'mod partikolari Bayer CropScience, BASF u Syngenta ser jaħtfu faċilment l-ishma fis-suq tagħhom. Filwaqt li s-sehem fis-suq tar-rikorrenti fil-fatt jammonta biss għal madwar [kunfidenzjali](1), l-ishma fis-suq ta’ Bayer CropScience, BASF u Syngenta jammontaw, rispettivament, għal [kunfidenzjali]. It-tielet nett, ser issir ħsara lill-immaġni tal-flusilazole bil-projbizzjoni ta’ l-użu tiegħu li d-direttiva kkontestata ser twassal għaliha meta jasal iż-żmien, bir-riżultat li x-xerrejja ma jordnawhx iktar. Ir-raba' nett, il-konsulenti tekniċi uffiċjali fl-Istati Membri ser jeskludu l-flusilazole mill-programmi konsultattivi tagħhom u, b'riżultat ta’ dan, wara ċertu perijodu ta’ assenza, ikun estremament diffiċli – jekk mhux impossibbli – li jiġi introdott mill-ġdid f’dawn il-programmi. Il-ħames nett, is-sensittività murija mill-klijenti u mis-soċji kummerċjali tar-rikorrenti għall-kwistjonijiet ta’ saħħa pubblika ser tirriżulta f’telf ta’ fiduċja fil-prodott in kwistjoni. Is-sitt nett, ser issir ħsara wkoll lill-immaġni tar-rikorrenti fis-settur industrijali in kwistjoni.

78      Fir-rigward tat-tieni dannu allegat mir-rikorrenti, relatat ma’ l-għeluq ta’ l-impjant industrijali ta’ Cernay, li huwa l-impjant fejn ir-rikorrenti jikkonċentraw il-produzzjoni kollha tagħhom ta’ flusilazole għas-suq Ewropew, ir-rikorrenti jsostnu essenzjalment li l-għeluq ta’ tali impjant, li [kunfidenzjali] mill-produzzjoni tiegħu hija intiża għas-suq Ewropew, ser jirriżulta, l-ewwel nett, fit-telf ta’ 40 impjieg fl-impjant innifsu, it-tieni nett, fit-telf ta’ tużżani ta’ impjiegi fl-impriżi li jinnegozjaw fil-flusilazole, it-tielet nett, li kieku l-fabbrika kellha tiġi rikonvertita, fl-impossibbiltà ta’ rikonverżjoni ulterjuri f’każ li l-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tannulla d-direttiva kkontestata, ir-raba' nett, f’konsegwenzi serji għall-fornituri tal-materja prima u, il-ħames nett, fi tnaqqis kunsiderevoli fil-livell ta’ investiment fir-riċerka u fl-iżvilupp.

79      Fir-rigward tat-tielet dannu allegat mir-rikorrenti, li huwa marbut mad-dannu li ser iġarrbu l-bdiewa li jużaw il-flusilazole u l-agrikultura Ewropea in ġenerali, ir-rikorrenti jirrilevaw, l-ewwel nett, li ma teżisti attwalment ebda soluzzjoni teknika barra mill-flusilazole biex jiġi trattat il-mard ta’ l-injam tad-dwieli, it-tieni nett, li mhemm ebda prodott ieħor irreġistrat li kapaċi jikkontrolla l-phomopsis fil-ġirasol u, fl-aħħar nett, li l-flusilazole huwa l-uniku prodott li jippermetti t-trattament tal-mard taż-żerriegħa tal-kittien u tal-qanneb. Minbarra dan, fir-rigward ta’ uċuħ tar-raba' oħra, l-irtirar tal-flusilazole jżid l-ispiża tal-protezzjoni ta’ l-uċuħ tar-raba' kontra l-mard mill-fungi. Ir-rikorrenti jikkalkulaw id-dannu li ser iġarrbu l-bdiewa Ewropej fl-ammont ta’ madwar EUR 90 miljun.

80      Skond il-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma pprovawx li hemm urġenza li t-talba għal miżuri provviżorji tiġi milqugħa.

81      Il-Kummissjoni tesponi, preliminarjament, numru ta’ kunsiderazzjonijiet, billi tirrileva, l-ewwel nett, li d-danni invokati mir-rikorrenti huma ta’ natura finanzjarja, b'mod li huma ma jistgħux ikunu kkunsidrati li huma irreparabbli. It-tieni nett, ir-rikorrenti ma pprovdewx dokumenti li ġejjin minn sors indipendenti sabiex jipprovaw l-allegazzjonijiet tagħhom. It-tielet nett, ir-rikorrenti kien imisshom ipproduċew provi li permezz tagħhom jista’ jiġi stabbilit id-dannu li kull waħda minnhom tipperikola li ġġarrab. Ir-raba' nett, peress li mhuwiex possibbli li jiġi aċċertat x’ser tkun il-leġiżlazzjoni li tirregola l-flusilazole wara t-30 ta’ Ġunju 2008, għandu biss jiġi evalwat l-impatt possibbli fuq ir-rikorrenti ta’ projbizzjoni ta’ 18-il xahar fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-flusilazole, u mhux l-impatt possibbli ta’ projbizzjoni totali. Barra minn dan, billi l-perijodu previst fid-deċiżjoni kkontestata sabiex jinħeles l-istokk jestendi sat-30 ta’ Ġunju 2007, l-evalwazzjoni ta’ l-impatt tiegħu għandha tkopri biss il-perijodu mit-30 ta’ Ġunju 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2008. Il-ħames nett, id-dannu allegat mir-rikorrenti mhuwiex imminenti. Is-sitt nett, ir-rikorrenti ma rnexxilhomx jipprovaw li, wara t-30 ta’ Ġunju 2008, l-awtorizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tal-flusilazole ma tkunx tista’ tiġi mġedda.

82      Fir-rigward tad-danni allegati mir-rikorrenti, il-Kummissjoni ssostni, f’dak li għandu x’jaqsam mat-telf tan-negozju tar-rikorrenti, li l-kriterju għall-kalkolu tal-valur nett attwali tan-negozju, li huwa marbut mad-dħul possibbli tar-rikorrenti mill-bejgħ tal-flusilazole matul il-perijodu 2007-2017, huwa ħażin. L-ewwel nett, huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-inklużjoni tal-flusilazole mhux ser tiġi mġedda wara l-iskadenza tat-18-il xahar previsti fid-direttiva kkontestata, meta huwa impossibbli li wieħed jipprevedi x’ser tkun il-leġiżlazzjoni li tirregola l-flusilazole fit-tmiem ta’ dan il-perijodu. It-tieni nett, il-kalkolu jieħu in kunsiderazzjoni dannu li, essenzjalment, ser iseħħ ħafna wara t-tmiem tal-kawża prinċipali. It-tielet nett, għal kull waħda mis-snin mill-2007 sa l-2017, ir-rikorrenti jnaqqsu somom kunsiderevoli bħala spejjeż, li huma bejn [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali]. Il-Kummissjoni tikkunsidra f’dan ir-rigward li, jekk il-flusilazole ma jkunx ikkummerċjalizzat, ma jistax ikun hemm spejjeż marbuta mal-kummerċjalizzazzjoni, ma’ l-amministrazzjoni jew mad-distribuzzjoni tal-flusilazole stess.

83      Fir-rigward ta’ l-allegat telf ta’ ishma fis-suq mir-rikorrenti fuq is-suq ta’ funguċidi bbażati fuq it-trijazoli, il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li tali telf jippresupponi li l-inklużjoni tal-flusilazole mhux ser tiġi mġedda wara l-iskadenza tat-18-il xahar previsti fid-direttiva kkontestata, ħaġa li ma tistax tiġi pprovata.

84      It-tieni nett, anki kieku l-kummerċjalizzazzjoni tal-flusilazole kellha tiġi kompletament ipprojbita wara t-30 ta’ Ġunju 2008, ir-rikorrenti kien imisshom ipprovaw li, minħabba f’hekk, huma jkunu esposti għal sitwazzjoni li tista’ tipperikola l-eżistenza nfisha tagħhom jew li tista’ tirrestrinġi l-ishma fis-suq tagħhom b'mod irreversibbli. B'mod partikolari, huma kien imisshom stabbilew li l-ostakoli strutturali jew legali jipprekluduhom milli jirritornaw fuq is-suq f’każ li d-direttiva kkontestata kellha tiġi finalment annullata mill-Qorti tal-Prim'Istanza.

85      It-tielet nett, fir-rigward ta’ l-argumenti tar-rikorrenti li, minn naħa, il-fornituri ser jagħmlu arranġamenti oħra u għalhekk ma jiġux lura għand ir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, il-konsulenti tekniċi uffiċjali mhumiex ser jinkludu iktar il-flusilazole fil-programmi konsultattivi tagħhom, liema deċiżjoni tkun irreversibbli, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ebda waħda minn dawn l-asserzjonijiet mhija sostnuta mill-fatti.

86      Ir-raba' nett, fir-rigward tal-possibbiltà li l-flusilazole jiġi sostitwit, il-Kummissjoni ssostni, minn naħa, li l-funguċidi tebuconazole u proquinazid, li huma wkoll ikkummerċjalizzati mir-rikorrenti, jistgħu jiġu ssostitwiti għall-flusilazole u, min-naħa l-oħra, anki jekk ir-rikorrenti m'għandhomx il-prodotti sostituttivi tagħhom stess, huma jistgħu jikkonkludu ftehim kummerċjali sabiex jiddistribwixxu l-prodotti ta’ manifatturi oħra.

87      Il-ħames nett, fir-rigward ta’ l-allegazzjoni tar-rikorrenti li huma ma jistgħux jirritornaw fuq is-suq, anki kieku d-direttiva kkontestata kellha tiġi annullata, għaliex il-konsumaturi jkunu ppreokkupati bl-effetti tal-flusilazole fuq is-saħħa pubblika, il-Kummissjoni ssostni li, minn naħa, kieku d-direttiva kkontestata kellha tiġi annullata, ir-rikorrenti jistgħu jorganizzaw kampanja ta’ informazzjoni maħsuba sabiex tipperswadi lill-klijenti tagħhom biex jirritornaw għall-prodott tagħhom u, min-naħa l-oħra, huma ma pprovdewx provi li jippermettu li tiġi stabbilita r-raġuni li għaliha jkun impossibbli, f’din l-ipoteżi, li jikkonvinċu lil dawn ta’ l-aħħar li jixtru l-flusilazole mill-ġdid.

88      Is-sitt nett, skond il-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma jressqu ebda prova li tippermetti li jiġi stabbilit li l-kompetituri tagħhom ser jaħtfu l-ishma fis-suq tagħhom u li dan it-telf ta’ ishma fis-suq ser ikun irreversibbli.

89      Fir-rigward ta’ l-għeluq tas-sit industrijali ta’ Cernay, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti, minn naħa, ma jipprovdux provi li jippermettu li jiġi stabbilit li l-bejgħ magħmul barra mill-Komunità ma jkunx suffiċjenti biex jevita l-għeluq ta’ dan is-sit u, min-naħa l-oħra, jinvokaw danni li fir-realtà jiġu mġarrba minn terzi u li għaldaqstant ma jiġux imġarrba direttament mir-rikorrenti.

90      Fir-rigward tad-dannu li jiġi kkawżat lill-agrikultura Ewropea, il-Kummissjoni tikkunsidra li dan, minn naħa, ma ġiex ipprovat suffiċjentement skond il-liġi u, min-naħa l-oħra, ma jikkostitwixxix dannu direttament imġarrab mir-rikorrenti.

91      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-possibbiltà li l-allegat dannu jipperikola l-eżistenza nfisha tar-rikorrenti, il-Kummissjoni tirrileva, l-ewwel nett, li l-kumpannija prinċipali li r-rikorrenti jagħmlu parti minnha hija impriża kbira li rreġistrat dħul ta’ USD 27,4 biljun fl-2006, it-tieni nett, li t-telf allegat ta’ EUR 84 miljun jekwivali għal madwar 0,22 % tal-kapitaliazzazzjoni totali tas-suq ta’ din il-kumpannija prinċipali waħedha u, it-tielet nett, li t-telf allegat jirrappreżenta biss 0,108 %, jiġifieri madwar wieħed minn elf, tal-fatturat annwali ta’ dan il-grupp.

92      Fl-osservazzjonijiet finali tagħhom tal-15 ta’ Marzu 2007, ir-rikorrenti jirrispondu għall-argumenti tal-Kummissjoni.

93      L-ewwel nett, ir-rikorrenti jaffermaw mill-ġdid li d-direttiva kkontestata twassal sabiex tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni tal-flusilazole mit-30 ta’ Ġunju 2008. Fil-fatt, billi l-possibbiltà ta’ estensjoni hija purament ipotetika, hija ma tistax teskludi l-urġenza, billi talba għal miżuri provviżorji għandha fil-fatt tiġi evalwata fuq il-bażi tas-sitwazzjoni eżistenti fiż-żmien meta titressaq.

94      Fil-fatt, wara t-30 ta’ Ġunju 2008 – jiġifieri, wara l-iskadenza tat-18-il xahar previsti fid-direttiva kkontestata – il-kummerċjalizzazzjoni tal-flusilazole ser tkun ipprojbita abbażi ta’ din id-Direttiva.

95      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti essenzjalment isostnu, l-ewwel nett, li, minkejja li l-Kummissjoni tasserixxi li l-proċedura għall-estensjoni tal-perijodu ta’ inklużjoni tal-flusilazole fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 tista’ tkun mgħaġġla ħafna, hija ma tipprovdi ebda prova li turi li evalwazzjoni definittiva tal-flusilazole tkun possibbli fi ftit xhur, meta, minn naħa, diversi snin s'issa ma kinux biżżejjed biex issir evalwazzjoni xierqa, u, min-naħa l-oħra, talba għal estensjoni għandha normalment tiġi mressqa għall-inqas sentejn qabel l-iskadenza ta’ l-awtorizzazzjoni tas-sustanza in kwistjoni. It-tieni nett, il-Kummissjoni ma spjegatx kif is-sitwazzjoni tista’ tinbidel fit-18-il xahar li fihom il-flusilazole jista’ xorta waħda jiġi parzjalment ikkummerċjalizzat għall-użi awtorizzati biss. It-tielet nett, l-argument tal-Kummissjoni li t-talba għal miżuri provviżorji hija prematura, li huwa bbażat fuq l-idea li l-Kummissjoni tista’, bħala regola, tieħu deċiżjoni li temenda d-deċiżjoni inizjali tagħha, jwassal sabiex tali talba fir-realtà dejjem titqies li hija prematura u għaldaqstant ma tistax tintlaqa', bil-konsegwenza li l-proċeduri għal miżuri provviżorji jiġu pprivati mill-iskop tagħhom. Ir-raba' nett, kull deċiżjoni li tittieħed wara l-perijodu ta’ 18-il xahar tkun ittieħdet tard wisq sabiex tevita l-effetti negattivi tar-restrizzjonijiet ikkontestati.

96      F’dak li jirrigwarda t-telf ta’ l-ishma fis-suq tagħhom, ir-rikorrenti jesponu ċerti kunsiderazzjonijiet preliminari sabiex jistabbilixxu li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-kundizzjoni ta’ l-urġenza li għandha tiġi sodisfatta sabiex miżuri provviżorji jkunu jistgħu jiġu ordnati ma tirrikjedix il-prova tar-riskju ta’ l-għajbien tar-rikorrenti. Skond ir-rikorrenti, sabiex tiġi sodisfatta l-kundizzjoni ta’ l-urġenza, huwa biżżejjed li huma jippruvaw li huma mhedda li jitilfu l-ishma fis-suq tagħhom b'mod irreversibbli.

97      Fir-rigward tan-natura irreparabbli tad-dannu allegat, ir-rikorrenti jsostnu li, fl-ewwel lok, iż-żewġ prodotti msemmija mill-Kummissjoni ma jistgħux jiġu meqjusa li huma prodotti sostituttivi, billi r-rikorrenti jikkummerċjalizzaw, minn naħa, it-tebuconazole fuq il-bażi ta’ liċenzja li tippermettilhom biss li jikkummerċjalizzawh fl-Istati Uniti, u, min-naħa l-oħra, il-proquinazid, fuq il-bażi ta’ liċenzja li tippermettilhom li jikkummerċjalizzawh biss għal użu fuq uċuħ tar-raba' oħra jew kontra mard differenti minn dak li għalih huwa kkummerċjalizzat il-flusilazole. Fit-tieni lok, qabel ma r-rikorrenti jkunu jistgħu jikkummerċjalizzaw sustanza ġdida, huma jkollhom bżonn ta’ għall-inqas għaxar snin biex iwettqu l-istudji, ir-riċerki u l-proċeduri amministrattivi meħtieġa għall-iżvilupp tagħha. Fit-tielet lok, is-soluzzjonijiet alternattivi pprospettati mill-Kummissjoni, bħall-importazzjonijiet paralleli, il-kuntratti ta’ distribuzzjoni konklużi ma’ produtturi oħra u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ġeneriċi, mhumiex konċepibbli fil-prattika, billi, l-ewwel nett, ma jagħmel ebda sens ekonomiku, għal produttur li jikkompeti mar-rikorrenti, li huwa jippermettilhom jissopravivu f’dan is-suq, it-tieni nett, l-importazzjonijiet paralleli huma possibbli biss għal volumi limitati, li mhumiex biżżejjed sabiex ikopru l-ispejjeż tar-rikorrenti, u fl-aħħar nett, ir-rikorrenti mhumiex attivi fis-suq tal-prodotti ġeneriċi u, f’kull każ, l-iżvilupp ta’ prodott ġeneriku jirrikjedi wkoll diversi snin. Fir-raba' lok, l-irtirar ta’ l-awtorizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tal-flusilazole jwassal għal bdil irreversibbli fl-istruttura tas-suq, minħabba li, minn naħa, kif xehdu diversi distributuri, il-fatt li prodott kien is-suġġett ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni jikkomprometti irreparabbilment l-immaġni tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-effett ta’ l-inerzja tal-konsumaturi jkun li huma ma jerġgħux ibiddlu prodott għal prodott ieħor li jkunu għadhom kif waqfu jixtru.

98      Fl-aħħar nett, l-irtirar ta’ l-awtorizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tal-flusilazole jwassal għall-għeluq tal-fabbrika ta’ Cernay, li [kunfidenzjali] mill-produzzjoni tagħha huwa intiż għas-suq Ewropew. Il-produzzjoni tkun fil-fatt interrotta għal disa' xhur, ħaġa li tinvolvi spiża ta’ [kunfidenzjali], billi xahar waqfien jinvolvi spiża ta’ [kunfidenzjali]. Barra minn dan, iż-żieda stmata fl-ispejjeż għal kull kilo mibjugħ ta’ prodotti abbażi ta’ flusilazole hija ta’ [kunfidenzjali], li hija l-konsegwenza taż-żieda fil-prezz għal kull kilo ta’ materja prima li tirriżulta mit-tnaqqis tal-volumi forniti. L-ispejjeż fissi ġġenerati mill-produzzjoni tal-flusilazole fl-2006, li jammontaw għal total ta’ [kunfidenzjali], ikollhom jinqasmu fuq il-volum rimanenti ta’ flusilazole, li l-ispiża tal-produzzjoni tiegħu għaldaqstant tiżdied bi [kunfidenzjali] għal kull litru ta’ prodott lest.

99      Fis-seduta, il-Kummissjoni rrispondiet li, għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-effetti tad-direttiva kkontestata, minn naħa, ir-rikorrenti ma pprovdewx provi li jippermettu li jiġi stabbilit li din id-direttiva twassal sabiex tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni tal-flusilazole mit-30 ta’ Ġunju 2008 u, min-naħa l-oħra, anki kieku kellha tiġi adottata deċiżjoni li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni tal-flusilazole, l-irtirar ta’ l-awtorizzazzjonijiet nazzjonali jirriżulta minn din id-deċiżjoni u mhux mid-direttiva kkontestata, b'mod li d-dannu allegat mir-rikorrenti huwa biss ipotetiku.

100    Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda n-natura irreparabbli tad-dannu allegat mir-rikorrenti, il-Kummissjoni tirrileva li l-argument tar-rikorrenti huwa kuntradittorju billi jirreferi għan-natura unika tal-proprjetajiet tal-flusilazole, sabiex jiġi pprovat li huwa ma jistax jiġi sostitwit bi prodotti oħra, u fl-istess ħin għall-eżistenza ta’ numru ta’ prodotti sostituttivi, sabiex jiġi pprovat li l-konsumaturi ma jerġgħux lura għall-flusilazole, li kieku l-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tannulla d-direttiva kkontestata.

101    Fir-rigward tan-natura serja tad-dannu allegat, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rikorrenti ma jistgħux sempliċement jallegaw telf ta’ ishma fis-suq, iżda li huma għandhom jipprovaw ukoll li tali telf jikkawżalhom dannu serju, meħud in kunsiderazzjoni d-daqs tal-grupp li għalih huma jappartjenu permezz tax-shareholding tagħhom.

 Fuq il-bilanċ ta’ l-interessi

102    Ir-rikorrenti jallegaw li l-bilanċ ta’ l-interessi huwa favur tagħhom minħabba li, minn naħa, il-miżuri provviżorji mitluba huma intiżi biss sabiex is-sitwazzjoni attwali tiġi ppreservata u, min-naħa l-oħra, il-flusilazole huwa essenzjali għall-bdiewa tal-Komunità u jippermettilhom jikkompetu mal-bdiewa l-oħra fid-dinja.

103    Fis-seduta, ir-rikorrenti talbu wkoll li d-dannu li jista’ jiġi kkawżat lill-ħaddiema, lill-impriżi dipendenti fuq il-produzzjoni tal-flusilazole, lill-bdiewa li jużaw din is-sustanza attiva u lill-agrikultura Ewropea in ġenerali, li huma jallegaw fit-talba tagħhom għal miżuri provviżorji, jiġi evalwat fil-bilanċ ta’ l-interessi.

104    Skond il-Kummissjoni, il-bilanċ ta’ l-interessi huwa favur li t-talba għal miżuri provviżorji tiġi miċħuda, minħabba li, minn naħa, ir-restrizzjonijiet ikkontestati kienu kkonċepiti biex jifformaw assjem wieħed u ma jistgħux jiġu separati mill-kumplament tad-direttiva kkontestata mingħajr ma jikkompromettu l-għan tal-leġiżlazzjoni, li jikkonsisti fil-protezzjoni tas-saħħa pubblika, u, min-naħa l-oħra, jekk ir-restrizzjonijiet ikkontestati jiġu sospiżi, il-protezzjoni tas-saħħa u ta’ l-ambjent tiddgħajjef.

 Il-kunsiderazzjonijiet ta’ l-imħallef għal miżuri provviżorji

 Fuq l-ammissibbiltà

105    Għandu jiġi mfakkar li l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 104(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li kull talba għal sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ att ta’ istituzzjoni, imressqa skond l-Artikoli 242 tat-Trattat KE, tkun ammissibbli biss jekk min jitlob tali sospensjoni jkun ikkontesta dak l-att b'rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

106    Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, filwaqt li huwa veru li l-kwistjoni ta’ l-ammissibbiltà tal-kawża prinċipali m'għandhiex, bħala regola, tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji, sabiex ma tippreġudikax il-mertu tal-kawża, jibqa' l-fatt li, sabiex it-talba għal sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ att tiġi ddikjarata ammissibbli, ir-rikorrent għandu jipprova l-eżistenza ta’ ċerti elementi li jippermettu li jiġi konkluż, prima facie, li l-kawża prinċipali li magħha hija marbuta t-talba tiegħu għal miżuri provviżorji hija ammissibbli, sabiex jiġi evitat li, permezz ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji, huwa jkun jista’ jikseb is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ att li l-Qorti tal-Prim'Istanza sussegwentement tirrifjuta l-annullament tiegħu, billi l-kawża prinċipali tiegħu tiġi ddikjarata inammissibbli [digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Novembru 1999, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, C‑329/99 P(R), Ġabra p. I‑8343, punt 89; digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta’ Lulju 2004, Região autónoma dos Açores vs Il-Kunsill, T‑37/04 R, Ġabra p. II‑2153, punt 108].

107    Tali eżami ta’ l-ammissibbiltà tal-kawża prinċipali huwa neċessarjament sommarju, minħabba n-natura urġenti tal-proċeduri għal miżuri provviżorji [digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ottubru 2000, Federación de Cofradías de Pescadores de Guipúzcoa et vs Il-Kunsill, C‑300/00 P(R), Ġabra p. I‑8797, punt 35; digriet Região autónoma dos Açores vs Il-Kunsill, punt 106 iktar ’il fuq, punt 109].

108    Fil-fatt, fil-kuntest ta’ talba għal miżuri provviżorji, l-ammissibbiltà tal-kawża prinċipali tista’ tiġi evalwata biss prima facie, billi l-għan huwa li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrent ipproduċiex elementi suffiċjenti li jiġġustifikaw il-konklużjoni a priori li l-ammissibbiltà tal-kawża prinċipali ma tistax tiġi eskluża. L-imħallef għal miżuri provviżorji għandu jiddikjara din it-talba inammissibbli biss jekk l-ammissibbiltà tal-kawża prinċipali tista’ tiġi totalment eskluża. L-għoti ta’ deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà fl-istadju tal-proċeduri għal miżuri provviżorji meta l-ammissibbiltà mhijiex, prima facie, totalment eskluża, effettivament ifisser li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-kawża prinċipali tkun ġiet iġġudikata minn qabel (digrieti tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta’ Jannar 2001, Petrolessence u SG2R vs Il-Kummissjoni, T‑342/00 R, Ġabra p. II‑67, punt 17; tad-19 ta’ Diċembru 2001, Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni, T‑195/01 R u T‑207/01 R, Ġabra p. II‑3915, punt 47; u Região autónoma dos Açores vs Il-Kunsill, punt 106 iktar ’il fuq, punt 110).

109    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jorbtu t-talba tagħhom għal miżuri provviżorji ma’ rikors għal annullament li l-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tiegħu.

110    Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-provi mressqa mir-rikorrenti jippermettux li jiġi konkluż, prima facie, li l-kawża prinċipali mhijiex manifestament inammissibbli.

111    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li r-rikorrenti huma individwalment ikkonċernati bid-direttiva kkontestata.

112    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, fis-seduta, ir-rikorrenti pproduċew dokument li minnu jirriżulta li Du Pont de Nemours (France) SA, li kienet issemmiet fir-Regolament Nru 933/94 fil-kwalità tagħha ta’ notifikanti, minn dak iż-żmien, biddlet isimha, u issa qed topera taħt l-isem ta’ Du Pont de Nemours (France) SAS. L-ewwel rikorrenti għandha, għaldaqstant, tiġi kkunsidrata bħala n-notifikanti. Barra minn hekk, hija pparteċipat fil-proċedura ta’ evalwazzjoni u fuq din il-bażi bbenefikat minn garanziji proċedurali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż, prima facie, li d-direttiva kkontestata taffettwa lill-ewwel rikorrenti individwalment u li l-kawża prinċipali mressqa minnha hija ammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, T‑13/99, Ġabra p. II‑3305, punti 99 sa 105, u Alpharma vs Il-Kunsill, T‑70/99, Ġabra p. II‑3495, punti 91 sa 96).

113    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, meta għandha tiġi stabbilita l-ammissibbiltà għall-istess rikors imressaq minn diversi rikorrenti u r-rikors huwa ammissibbli fir-rigward ta’ wieħed minnhom, mhemmx bżonn li jiġi eżaminat il-locus standi tar-rikorrenti l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C‑313/90, Ġabra p. I‑1125, punt 31; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T‑127/99, T‑129/99 u T‑148/99, Ġabra p. II‑1275, punt 52; u tat-8 ta’ Lulju 2003, Verband der freien Rohrwerke et vs Il-Kummissjoni, T‑374/00, Ġabra p. II‑2275, punt 57).

114    Fir-rigward ta’ l-ammissibbiltà tat-talbiet fil-kawża prinċipali għal annullament parzjali tad-direttiva kkontestata, għandu jiġi mfakkar li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-annullament parzjali ta’ att Komunitarju huwa possibbli biss jekk l-elementi li tagħhom qed jintalab l-annullament huma separabbli mill-kumplament ta’ l-att. Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li din il-kundizzjoni ta’ separabbiltà mhijiex sodisfatta meta l-annullament parzjali ta’ att ikollu bħala effett li jbiddel is-sustanza tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Marzu 2006, Spanja vs Il-Kunsill, C‑36/04, Ġabra p. I‑2981, punti 12 u 13; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1998, France et vs Il-Kummissjoni, C‑68/94 u C‑30/95, Ġabra p. I‑1375, punt 257).

115    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni sempliċement tallega li r-restrizzjonijiet ikkontestati mhumiex separabbli mill-kumplament tad-direttiva kkontestata, mingħajr madankollu ma tipprovdi provi li jippermettu li jiġi konkluż, prima facie, li l-annullament parzjali mitlub ikollu bħala effett li jbiddel is-sustanza tagħha.

116    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jsostnu li l-iskop tar-rikors tagħhom mhuwiex li jiksbu l-annullament tad-direttiva kkontestata, li hija direttiva adottata bil-għan li l-flusilazole jiġi inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, iżda li jiksbu l-inklużjoni ta’ din is-sustanza mingħajr ir-restrizzjonijiet ikkontestati, li huma jikkunsidraw xjentifikament inġustifikati u illegali.

117    Fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji, l-ammissibbiltà tal-kawża prinċipali tista’ tiġi evalwata biss prima facie, billi l-għan huwa li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrent ipproduċiex elementi suffiċjenti li jiġġustifikaw il-konklużjoni prima facie li l-ammissibbiltà tal-kawża prinċipali ma tistax tiġi eskluża. L-imħallef għal miżuri provviżorji għandu għaldaqstant jiddikjara din it-talba inammissibbli biss jekk l-ammissibbiltà tal-kawża prinċipali tista’ tiġi totalment eskluża.

118    Madankollu, l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jippermettux lill-imħallef għal miżuri provviżorji li jikkonkludi jekk id-dispożizzjonijiet ikkontestati humiex separabbli jew le mid-dispożizzjonijiet oħra tad-direttiva kkontestata, b'mod li l-ammissibbiltà tat-talbiet fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi prima facie eskluża.

119    Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-kwistjoni jekk annullament parzjali jbiddilx is-sustanza ta’ l-att ikkontestat tikkostitwixxi kriterju oġġettiv u mhux kriterju suġġettiv marbut mar-rieda politika ta’ l-awtorità li adottat l-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Settembru 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑239/01, Ġabra p. I‑10333, punt 37).

120    Il-għan politiku li l-Kummissjoni tfittex li tilħaq bl-adozzjoni ta’ direttiva li tinkludi l-flusilazole fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, iżda li fl-istess ħin tagħmel numru ta’ restrizzjonijiet għal din l-inklużjoni, għaldaqstant ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk annullament parzjali tad-direttiva kkontestata jbiddilx is-sustanza ta’ l-att ikkontestat.

121    Barra minn dan, għandu jiġi rrilevat, f’kull każ, li l-flusilazole kien sustanza awtorizzata qabel it-30 ta’ Ġunju 2007. Min-naħa tagħha, id-direttiva kkontestata għandha bħala effett li tawtorizza din is-sustanza għal ċertu perijodu ta’ żmien u suġġett għal ċerti restrizzjonijiet fuq l-użu. Issa kieku r-rikorrenti setgħu jitolbu biss l-annullament sħiħ ta’ l-att, kif timplika l-Kummissjoni, u mhux biss l-annullament tar-restrizzjonijiet ikkontestati, tali azzjoni twassal għall-projbizzjoni tal-flusilazole, billi r-rikorrenti ma jibbenefikawx aktar mill-inklużjoni tagħha fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Tali azzjoni evidentement ma tkun ta’ ebda vantaġġ prattiku għalihom.

122    Għaldaqstant, jekk l-argument tal-Kummissjoni jiġi milqugħ, ir-rikorrenti la jkunu jistgħu jitolbu l-annullament totali ta’ l-att u lanqas l-annullament parzjali tiegħu, u għaldaqstant, lanqas ikunu jistgħu jipproteġu ruħhom kontra dannu serju u irreparabbli li jista’ jirriżulta mid-direttiva kkontestata. Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni ma jistax jirnexxi f’dan l-istadju.

123    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż, prima facie, li ma jeżistux elementi li jippermettu li jiġi stabbilit, f’dan il-każ, li l-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża prinċipali hija manifestament eskluża.

124    Fir-rigward ta’ l-ammissibbiltà tat-talba għal miżuri provviżorji, li l-Kummissjoni tikkontesta abbażi tal-fatt li t-talba tfittex li tikseb mingħand l-imħallef għal miżuri provviżorji li huwa jagħti ordnijiet lill-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li, fir-realtà, dak li r-rikorrenti jixtiequ jiksbu bit-talba tagħhom għal miżuri provviżorji huwa s-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-direttiva kkontestata.

125    F’kull każ, ir-rikorrenti ma jibbażawx it-talba tagħhom għal miżuri provviżorji biss fuq l-Artikolu 242 KE, iżda huma jinvokaw ukoll l-Artikolu 243 KE.

126    Fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 243 KE, l-imħallef għal miżuri provviżorji jista’ jippreskrivi l-miżuri provviżorji meħtieġa. B'mod partikolari, huwa jista’ jagħti, b'mod provviżorju, l-ordnijiet xierqa lill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Awwissu 1983, Muratori vs Il-Kummissjoni, 118/83 R, Ġabra p. 2583, punt 53).

127    Għandu għaldaqstant jiġi konkluż, fuq il-bażi tal-provi mressqa mill-partijiet, li t-talba għal miżuri provviżorji hija ammissibbli.

 Fuq il-fumus boni juris

128    Għandu jiġi kkonstatat li għall-inqas uħud mill-motivi invokati mir-rikorrenti jidhru, prima facie, rilevanti u, f’kull każ, mhux kompletament infondati. Dan huwa l-każ, b'mod partikolari, ta’ l-ewwel u t-tieni motivi.

129    Dawn iż-żewġ motivi mressqa mir-rikorrenti huma bbażati fuq argument komuni li huwa bbażat, essenzjalment, fuq id-distinzjoni bejn, minn naħa, il-kunċett ta’ riskju u, min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ perikolu.

130    Il-Qorti tal-Prim'Istanza diġà kellha l-okkażjoni tispeċifika, f’settur simili li jaqa' ukoll fil-politika agrikola komuni fis-sens ta’ l-Artikolu 37 KE, li l-kunċett ta’ “riskju” jikkorrispondi għal funzjoni tal-probabbiltà li l-użu ta’ prodott jew ta’ proċess ikollu effett negattiv fuq l-interessi mħarsa mill-ordni ġuridiku. Il-kunċett ta’ “perikolu” huwa komunement użat f’sens aktar wiesa' u jiddeskrivi kull prodott jew proċess li jista’ jkollu effett negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem (sentenza Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, punt 112 iktar ’il fuq, punt 147).

131    Barra minn dan, il-Qorti tal-Prim'Istanza speċifikat li l-għan ta’ l-evalwazzjoni tar-riskji huwa li jiġu evalwati l-grad ta’ probabbiltà li ċertu prodott jew proċess ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem u s-serjetà ta’ dawn l-effetti potenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, punt 112 iktar ’il fuq, punt 148).

132    Bl-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-proċedura ta’ evalwazzjoni stabbilita bid-Direttiva 91/414, kif tirriżulta mill-Artikolu 5 tagħha, hija bbażata fuq evalwazzjoni tar-riskji. Fil-fatt, ebda wieħed mill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni in kwistjoni m'għandu proprjetajiet perikolużi u l-għan tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni huwa l-immaniġġar tar-riskju inerenti fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ tali prodotti.

133    Kif jissottomettu r-rikorrenti, skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414, l-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I ta’ din l-istess direttiva hija eskluża sakemm, fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku attwali, ma jistax jiġi mistenni li għall-inqas prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jikkontjeni s-sustanza attiva in kwistjoni mhuwiex ta’ perikolu. Fi kliem ieħor, anki jekk sustanza hija perikoluża, hija tista’ prima facie xorta waħda tiġi inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, bil-kundizzjoni li hija tissodisfa standard ta’ riskju li huwa legalment aċċettabbli meta l-istruzzjonijiet xierqa għall-użu jiġu segwiti.

134    Il-Kummissjoni ma tidhirx li qed tikkontesta l-fatt li d-Direttiva 91/414 tirrikjedi evalwazzjoni tar-riskji relatati mas-sustanzi li l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom għandha tiġi awtorizzata. Hija ssostni, fil-fatt, li d-direttiva kkontestata, li hija bbażata fuq id-Direttiva 91/414, hija bbażata fuq evalwazzjoni tar-riskji, kif jirriżultaw mit-testijiet xjentifiċi mwettqa matul l-analiżi tal-flusilazole.

135    Barra minn dan, permezz tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-prinċipju ta’ prekawzjoni, invokat f’dan il-każ mill-Kummissjoni nfisha, huwa bbażat ukoll fuq evalwazzjoni tar-riskji u mhux fuq evalwazzjoni tal-perikoli.

136    B'mod partikolari, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza li skondha l-prinċipju ta’ prekawzjoni jista’ jiġi applikat biss f’sitwazzjonijiet ta’ riskju, b'mod partikolari għas-saħħa tal-bniedem, li, għalkemm mhumiex ibbażati fuq sempliċi ipoteżijiet li ma ġewx xjentifikament ikkonfermati, għadhom ma ġewx kompletament ipprovati (sentenza Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, punt 112 iktar ’il fuq, punt 146).

137    F’dan ir-rigward, kif tfakkar ġustament il-Kummissjoni, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà speċifikat li, meta awtorità Komunitarja hija msejħa, fil-kuntest tal-missjoni tagħha, sabiex twettaq evalwazzjonijiet kumplessi, hija għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, li l-eżerċizzju tagħha huwa suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju limitat, li jfisser li l-qorti Komunitarja ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti għall-evalwazzjoni ta’ l-imsemmija awtorità. Għaldaqstant, f’każijiet bħal dawn, il-qorti Komunitarja għandha tillimita ruħha sabiex teżamina l-eżattezza materjali tal-fatti u tal-konstatazzjonijiet ġuridiċi li din l-awtorità tiddeduċi minnhom u, b'mod partikolari, tivverifika li l-azzjoni ta’ din l-awtorità mhijiex ivvizzjata bi żball manifest jew abbuż ta’ poter, u li din l-awtorità m'eċċedietx manifestament il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha [digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ April 2001, Il-Kummissjoni vs Cambridge Healthcare Supplies, C‑471/00 P(R), Ġabra p. I‑2865, punt 96].

138    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li, sabiex tirrispondi għaż-żewġ motivi in kwistjoni, jista’ jkun li l-Qorti tal-Prim'Istanza jkollha tagħti deċiżjoni dwar jekk il-Kummissjoni eċċedietx il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha meta adottat id-direttiva kkontestata.

139    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jfakkru li l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet, inizjalment, abbażi ta’ serje ta’ studji xjentifiċi pprovduti min-notifikanti fuq talba tal-Kummissjoni nfisha, li l-flusilazole ma kienx perikoluż u li seta’ jiġi inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, għal perijodu ta’ għaxar snin, anki jekk din l-inklużjoni kienet suġġetta għal ċerti restrizzjonijiet. Kien biss wara li l-Kumitat eżamina l-abbozz inizjali tal-Kummissjoni li dan ta’ l-aħħar ġie emendat, f’diversi okkażjonijiet, sakemm fl-aħħar ġie adottat mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni bbażat ir-raġunijiet tagħha għal dawn l-emendi fuq ir-riskji inerenti fit-taħwid endokrinali potenzjalment attribwibbli għall-flusilazole.

140    Madankollu, kif isostnu r-rikorrenti, tali motivazzjoni tidher, prima facie, li tqiegħed fid-dubju l-evalwazzjoni tar-riskji preċedentement imwettqa.

141    Barra minn dan, dan it-tqegħid fid-dubju tar-riżultati tar-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni u tad-diversi studji addizzjonali jidher, prima facie, li huwa dovut biss għall-preokkupazzjonijiet li ġew espressi minn ċerti Stati Membri fi ħdan il-Kumitat, kif jirriżulta mill-premessa 7 tad-direttiva kkontestata, u r-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn il-preokkupazzjonijiet għandhom jipprevalu fuq l-elementi probatorji li hija kienet ġabret matul id-diversi snin ta’ evalwazzjoni preċedenti ma jidhrux b'mod ċar.

142    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jekk il-Kummissjoni effettivament żbaljat billi bbażat id-direttiva kkontestata fuq evalwazzjoni tal-perikoli u, għaldaqstant, kisret, minn naħa, id-Direttiva 91/414 u, min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ prekawzjoni, ma jistax jiġi eskluż li tali żball seta’ jaffettwa l-legalità tad-direttiva kkontestata.

143    Minn dan isegwi li ż-żewġ motivi li r-rikorrenti essenzjalment jibbażaw, minn naħa, fuq ksur tad-Direttiva 91/414, billi d-direttiva kkontestata mhijiex ibbażata fuq evalwazzjoni tar-riskji u, min-naħa l-oħra, fuq ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, jirrikjedu, minħabba l-kumplessità tagħhom, eżami bir-reqqa li ma jistax isir mill-imħallef għal miżuri provviżorji u ma jistgħux, prima facie, jiġu kkunsidrati bħala kompletament infondati. Billi l-kundizzjoni relattiva għall-fumus boni juris hija sodisfatta, jidher għaldaqstant iġġustifikat li l-imħallef għal miżuri provviżorji jeżamina l-kundizzjonijiet l-oħra għall-għoti tal-miżuri provviżorji.

 Fuq l-urġenza

144    Skond ġurisprudenza stabbilita, in-natura urġenti ta’ talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-bżonn li tingħata ordni interlokutorja sabiex jiġi evitat li jsir dannu serju u irreparabbli lill-parti li qed titlob il-miżura provviżorja [ara d-digriet Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, punt 106 iktar ’il fuq, punt 94, u l-ġurisprudenza ċċitata]. Meta d-dannu jiddependi fuq il-fatt li jseħħu numru ta’ fatturi, huwa biżżejjed li dan id-dannu jkun previdibbli bi grad suffiċjenti ta’ probabbiltà [digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-16 ta’ Jannar 2004, Arizona Chemical et vs Il-Kummissjoni, T‑369/03 R, Ġabra p. II‑205, punt 71; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 1993, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C‑280/93 R, Ġabra p. I‑3667, punti 32 sa 34, u tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Diċembru 1999, HFB et vs Il-Kummissjoni, C‑335/99 P(R), Ġabra p. I‑8705, punt 67].

145    Madankollu, ir-rikorrent jibqa' obbligat li jipprova l-fatti li huma meqjusa li juru l-probabbiltà ta’ tali dannu serju u irreparabbli (digriet Arizona Chemical et vs Il-Kummissjoni, punt 144 iktar ’il fuq, punt 72; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 144 iktar ’il fuq, punt 67).

146    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jinvokaw tliet kapijiet ta’ danni, li jikkonsistu, l-ewwel nett, fit-telf ta’ l-ishma fis-suq tagħhom fis-suq ikkonċernat, it-tieni nett, fl-għeluq tas-sit industrijali tagħhom ta’ Cernay u, it-tielet nett, f’dannu li jkun ikkawżat lill-bdiewa li jużaw il-flusilazole u lill-agrikultura Ewropea kollha kemm hi.

147    Għandu jiġi kkonstatat, preliminarjament, li d-dannu gravi u irreparabbli allegat, li l-miżura provviżorja mitluba tfittex li tevita, jista’ jittieħed in kunsiderazzjoni mill-imħallef għal miżuri provviżorji, fil-kuntest ta’ l-eżami li jwettaq tal-kundizzjoni relattiva għall-urġenza, biss safejn huwa probabbli li dan jiġi kkawżat lill-interessi tal-parti li qed titlob il-miżura provviżorja. Minn dan isegwi li d-danni li l-eżekuzzjoni ta’ l-att ikkontestat tista’ tikkawża lil parti differenti minn dik li qed titlob il-miżura provviżorja jistgħu biss jittieħdu in kunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, mill-imħallef għal miżuri provviżorji meta jiżen l-interessi in kwistjoni (digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-2 ta’ Awwissu 2006, Aughinish Alumina vs Il-Kummissjoni, T‑69/06 R, Ġabra p. II-58, punt 80; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta’ Ġunju 1999, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsilll, T‑13/99 R, Ġabra p. II‑1961, punt 136, u ta’ l-1 ta’ Frar 2006, Endesa vs Il-Kummissjoni, T‑417/05 R, Ġabra p. II-18, punt 64).

148    Għaldaqstant, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti sabiex jipprovaw l-eżistenza tat-tielet dannu li jista’ jiġi kkawżat lill-bdiewa li jużaw il-flusilazole u lill-agrikultura Ewropea in ġenerali ser jittieħdu in kunsiderazzjoni biss meta jintiżnu d-diversi interessi.

149    Minn dan isegwi li jenħtieġ li jiġu eżaminati l-allegati danni li jikkonsistu, minn naħa, fl-għeluq tas-sit industrijali ta’ Cernay u, min-naħa l-oħra, fit-telf ta’ l-ishma fis-suq tar-rikorrenti fis-swieq ikkonċernati.

150    F’dan ir-rigward, għandhom, preliminarjament, jiġu miċħuda l-argumenti tal-Kummissjoni intiżi, l-ewwel nett, sabiex isostnu li hija żbaljata l-interpretazzjoni magħmula mir-rikorrenti tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva kkontestata fis-sens li, wara t-30 ta’ Ġunju 2008, il-flusilazole ser ikun ipprojbit, it-tieni nett, sabiex jikkontestaw l-imminenza tad-danni allegati, minħabba li bħalissa wieħed ma jistax ikun jaf jekk il-flusilazole huwiex ser ikun kompletament ipprojbit wara t-30 ta’ Ġunju 2008, billi l-Kummissjoni tista’ tipproponi emenda għal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, it-tielet nett, sabiex jikkontendu li d-dannu, jekk ikun il-każ, jimmanifesta ruħu biss wara li tingħata s-sentenza fil-kawża prinċipali, u, fl-aħħar nett, sabiex il-portata tad-dannu tiġi evalwata biss abbażi tal-konsegwenzi tiegħu bejn it-30 ta’ Ġunju 2007 u t-30 ta’ Ġunju 2008.

151    Fil-fatt, kif isostnu ġustament ir-rikorrenti, fl-istat attwali tal-leġiżlazzjoni, il-flusilazole ser ikun parzjalment ipprojbit mit-30 ta’ Ġunju 2007 u kompletament ipprojbit mit-30 ta’ Ġunju 2008. Huwa fid-dawl ta’ din il-projbizzjoni li l-imħallef għal miżuri provviżorji għandu jiddeċiedi u mhux fid-dawl ta’ emenda ipotetika għal-leġiżlazzjoni li tista’ tiġi eventwalment proposta mill-Kummissjoni. Id-dannu invokat huwa fil-fatt imminenti safejn, minn naħa, ir-rikorrenti ser jiġu preklużi, wara t-30 ta’ Ġunju 2007, mill-possibbiltà li jeħilsu mill-istokk tagħhom għall-użu fuq uċuħ tar-raba' differenti minn dawk elenkati fid-direttiva kkontestata, u, min-naħa l-oħra, id-dannu jibda jinħass mill-1 ta’ Lulju 2007, jiġifieri ħafna qabel ma tingħata s-sentenza fil-kawża prinċipali.

152    Barra minn hekk, għall-kompletezza, għandu jiġi enfasizzat li l-argumenti tar-rikorrenti li jikkonċernaw l-impossibbiltà prattika li tiġi emendata l-leġiżlazzjoni fis-seħħ qabel it-30 ta’ Ġunju 2008 minħabba l-bżonn li titressaq talba għal tiġdid sentejn qabel l-iskadenza ta’ l-inklużjoni tal-flusilazole fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, ħaġa li t-termini previsti fid-Direttiva kkontestata jirrendu impossibbli, ma jistgħux prima facie jiġu miċħuda.

153    Fil-fatt, l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, relattivi għall-portata ta’ l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/414, fis-sens li hemm distinzjoni bejn is-sitwazzjoni legali regolata bl-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni u dik regolata bit-tieni sentenza tagħha u li t-terminu ta’ sentejn ma japplikax f’dan il-każ, jidhru ta’ l-inqas enigmatiċi u mhumiex konvinċenti.

154    Fil-fatt il-Kummissjoni essenzjalment issostni, minn naħa, li, kif ikkonfermat mill-premessa 11 tad-direttiva kkontestata, xejn ma jipprekludi lir-rikorrenti jew lil kull parti kkonċernata oħra milli jressqu talba għal tiġdid. Min-naħa l-oħra, hija tallega li l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/414 tistabbilixxi setgħa ġenerali ta’ tiġdid ta’ l-inklużjonijiet u ttemm bil-possibbiltà għall-awtoritajiet nazzjonali li jirreveduhom jekk ikun hemm, b'mod partikolari, problemi ta’ sigurtà, filwaqt li t-tieni sentenza tikkompleta din id-dispożizzjoni u tirrigwarda l-każ speċifiku ta’ sustanzi li huma suġġetti għal reviżjoni u li l-inklużjoni tagħhom tista’ tiskadi qabel ma tiġi kkompletata din ir-reviżjoni. Skond il-Kummissjoni, billi r-reviżjoni ta’ sustanza attiva għandha titwettaq fuq l-inizjattiva ta’ l-awtoritajiet pubbliċi u mhux ta’ operatur, ir-reviżjoni u, għaldaqstant, it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/414, ma japplikawx fil-każ ta’ talba għal tiġdid ta’ inklużjoni.

155    Madankollu, jidher, prima facie, li t-talba li ssir referenza għaliha fl-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/414 ma tistax tiġi distinta mill-applikazzjoni msemmija fit-tieni sentenza tiegħu. L-ipoteżi ta’ reviżjoni tidher fil-fatt li hija inerenti fl-applikazzjoni għal tiġdid fis-sens tal-modalitajiet proċedurali previsti fl-Artikolu 6 ta’ din id-Direttiva. It-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 91/414 fil-fatt jidher, prima facie, li jipprovdi li dawn il-modalitajiet għandhom japplikaw għall-applikazzjonijiet għal tiġdid li jaqgħu taħt l-Artikolu 5(5) ta’ din id-Direttiva.

156    Għaldaqstant, jidher, prima facie, li l-perijodu ta’ sentejn li jissemma fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/414 huwa applikabbli fil-każ ta’ tiġdid ta’ inklużjoni bħal dik in kwistjoni f’dan il-każ.

157    Għandu jiġi kkonstatat li dan it-terminu ta’ almenu sentejn għat-tressiq ta’ applikazzjoni għal tiġdid ma jistax jiġi osservat f’dan il-każ, minħabba, minn naħa, id-data tad-dħul fis-seħħ tad-direttiva kkontestata, f’dan il-każ l-1 ta’ Jannar 2007, u, min-naħa l-oħra, id-data prevista mid-direttiva kkontestata għall-iskadenza ta’ l-inklużjoni tal-flusilazole fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, jiġifieri t-30 ta’ Ġunju 2008.

158    Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 3(2) tad-direttiva kkontestata jipprovdi li kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzat li jikkontjeni l-flusilazole għandu jiġi evalwat mill-ġdid mill-Istati Membri, konformement mal-prinċipji uniformi previsti fl-Anness IV tad-Direttiva 91/414, fuq il-bażi ta’ inkartament li jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ l-Anness III ta’ din id-direttiva u li jieħu in kunsiderazzjoni l-parti B ta’ l-inklużjoni fl-Anness I ta’ din id-direttiva fir-rigward tal-flusilazole.

159    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni mill-ġdid issir, prima facie, biss għall-prodotti awtorizzati mid-Direttiva 91/414.

160    Għaldaqstant, l-evalwazzjoni mill-ġdid ma tistax, prima facie, twassal għal estensjoni tal-lista ta’ l-użi awtorizzati skond id-Direttiva 91/414, kuntrarjament għal dak li timplika l-Kummissjoni, iżda tista’, min-naħa l-oħra, tirriżulta f’restrizzjonijiet ġodda, jew tabilħaqq fi projbizzjoni totali tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti abbażi tal-flusilazole.

161    Dan l-eżami fil-qosor tal-kuntest ġuridiku eżistenti għalhekk ma jistax iwassal, prima facie, għall-esklużjoni tal-fondatezza ta’ l-argumenti tar-rikorrenti u, għaldaqstant, ta’ l-imminenza tad-dannu li jheddidhom.

 Fuq l-għeluq tas-sit industrijali ta’ Cernay

162    Ir-rikorrenti jallegaw li l-adozzjoni tad-direttiva kkontestata, safejn hija tipprojbixxihom milli jikkummerċjalizzaw il-flusilazole, ser tikkawża l-għeluq tas-sit industrijali ta’ Cernay.

163    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jallegaw li huma għandhom tliet siti industrijali fl-Ewropa, fosthom waħda li tinsab f’Cernay. Cernay huwa l-uniku sit fejn ir-rikorrenti jipproduċu l-flusilazole. [kunfidenzjali] tal-produzzjoni tal-flusilazole fis-sit ta’ Cernay huwa intiż għall-kummerċjalizzazzjoni fi ħdan il-Komunità.

164    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta mid-dokumenti tar-rikorrenti li sustanzi oħra jidhru li huma manifatturati fis-sit ta’ Cernay. Telf ta’ [kunfidenzjali] ta’ produzzjoni ċertament ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa fuq skala żgħira, anki jekk, kif issostni l-Kummissjoni, swieq oħra li jinsabu barra mill-Komunità huma miftuħa għar-rikorrenti. Madankollu, ir-rikorrenti ma pprovdewx provi li jippermettu li jitkejjel l-impatt ta’ dan it-telf fuq it-totalità tal-produzzjoni tas-sit industrijali in kwistjoni, iżda sempliċiment ipprovdew provi dwar il-kummerċ marbut mal-produzzjoni tal-flusilazole.

165    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma pprovawx suffiċjentement skond il-liġi li t-telf ta’ [kunfidenzjali] tal-produzzjoni tal-flusilazole fis-sit ta’ Cernay iwassal għall-għeluq tiegħu, b'riżultat tal-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tal-flusilazole li għaliha twassal id-direttiva kkontestata.

166    Anki jekk jitqies li r-rikorrenti rnexxielhom jipprovaw li l-adozzjoni tad-direttiva kkontestata twassal għall-għeluq tas-sit industrijali ta’ Cernay, għandu jiġi kkonstatat li huma ma pprovdewx provi li jippermettu li jiġi stabbilit li dan l-għeluq ser jikkawżalhom dannu serju u irreparabbli.

167    Fil-fatt, ir-rikorrenti jallegaw li l-għeluq tas-sit industrijali ta’ Cernay ser jirriżulta, l-ewwel nett, fit-telf ta’ 40 impjieg fis-sit innifsu, it-tieni nett, fit-telf ta’ tużżani ta’ impjiegi fl-impriżi li jinnegozjaw fil-flusilazole, it-tielet nett, f’każ li l-fabbrika kellha tiġi rikonvertita, fl-impossibbiltà ta’ rikonverżjoni ulterjuri f’każ li l-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tannulla d-direttiva kkontestata, ir-raba' nett, f’konsegwenzi serji għall-fornituri tal-materja prima, u l-ħames nett, fi tnaqqis kunsiderevoli fil-livell ta’ investiment fir-riċerka u fl-iżvilupp.

168    Madankollu, fid-dawl tal-ġrusiprudenza msemmija fil-punt 147 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, l-ewwel nett, it-telf ta’ 40 impjieg fis-sit ta’ Cernay innifsu, it-tieni nett, it-telf ta’ tużżani ta’ impjiegi fl-impriżi li jinnegozjaw fil-flusilazole u, it-tielet nett, il-konsegwenzi serji għall-fornituri tal-materja prima ma jikkostitwixxux danni kkawżati lill-interessi tar-rikorrenti u, għaldaqstant, jistgħu biss jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kuntest tal-bilanċ ta’ l-interessi.

169    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li jekk dawn id-diffikultajiet ikkawżaw dannu irremedjabbli lill-produzzjoni tar-rikorrenti jew liċ-ċiklu ta’ produzzjoni tal-flusilazole, huma jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ l-eżami tal-kundizzjoni ta’ l-urġenza.

170    Madankollu, mill-atti ppreżentati mir-rikorrenti ma jirriżultax suffiċjentement skond il-liġi li dan huwa l-każ hawnhekk. Fil-fatt, huma essenzjalment jallegaw biss li jkun hemm żieda fl-ispejjeż jekk il-fabbrika ta’ Cernay ikollha tillimita l-produzzjoni tagħha tal-flusilazole għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, iżda mhux li jkun teknikament impossibbli li terġa' tibda tipproduċi din is-sustanza f’każ li tingħata sentenza li tilqa' r-rikors tagħhom fil-kawża prinċipali.

171    Għaldaqstant mhemmx lok li dan jittieħed in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-urġenza.

172    Barra minn dan, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pprovdew ebda prova dwar l-allegazzjonijiet tagħhom għal dak li jirrigwarda, minn naħa, it-tnaqqis sinjifikattiv fil-livell ta’ investiment fir-riċerka u fl-iżvilupp u, min-naħa l-oħra, l-impossibbiltà li l-fabbrika ta’ Cernay tiġi rikonvertita għal darb'oħra f’każ li l-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tannulla d-direttiva kkontestata.

173    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma rnexxilhomx jistabbilixxu li l-eventwali għeluq tas-sit ta’ Cernay kien ser jikkawżalhom dannu serju u irreparabbli.

 Fuq id-dannu marbut ma’ l-allegat telf ta’ ishma fis-suq

174    Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita sewwa li dannu finanzjarju ma jistax, salv f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jiġi kkunsidrat bħala irreparabbli jew imqar bħala diffiċilment reparabbli, jekk jista’ jkun is-suġġett ta’ kumpens finanzjarju ulterjuri [digriet tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 1984, De Compte vs Il-Parlament, 141/84 R, Ġabra p. 2575, punt 4, u d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta’ April 2003, Solvay Pharmaceuticals vs Il-Kunsill, T‑392/02 R, Ġabra p. II‑1825, punt 106; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet Il-Kummissjoni vs Cambridge Healthcare Supplies, punt 137 iktar ’il fuq, punt 113].

175    Skond dan il-prinċipju, is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni mitluba tkun iġġustifikata biss jekk ikun jidher li, fin-nuqqas ta’ tali miżura, ir-rikorrenti ssib ruħha f’sitwazzjoni li tista’ tipperikola l-eżistenza nfisha tagħha jew taffettwa b'mod irrimedjabbli l-ishma fis-suq tagħha (ara, f’dan is-sens, id-digrieti Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, punt 147 iktar ’il fuq, punt 138, u Solvay Pharmaceuticals vs Il-Kunsill, punt 174 iktar ’il fuq, punt 107).

176    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jallegawx li d-direttiva kkontestata ser tipperikola l-eżistenza nfisha tagħhom. Madankollu, huma jallegaw li d-direttiva kkontestata ser taffettwa b'mod irrimedjabbli l-ishma fis-suq tagħhom.

177    Għaldaqstant, skond ġurisprudenza stabbilita, għandu jiġi vverifikat jekk, minn naħa, it-telf ta’ l-ishma tas-suq allegat mir-rikorrenti ġiex stabbilit suffiċjentement skond il-liġi u jekk, min-naħa l-oħra, ġiex ipprovat li dan it-telf huwa irreversibbli.

178    Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tikkontestax li d-direttiva kkontestata ser ikollha l-effett li tipprekludi lir-rikorrenti milli tikkummerċjalizza l-flusilazole, minn naħa, mit-30 ta’ Ġunju 2007, għal uċuħ tar-raba' differenti minn dawk elenkati fl-imsemmija direttiva, u, min-naħa l-oħra, mit-30 ta’ Ġunju 2008, għall-uċuħ tar-raba' kollha, jekk, sa dak iż-żmien, ma tkun ġiet adottata ebda emenda għal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

179    Fir-rigward tan-natura irreversibbli tat-telf ta’ l-ishma fis-suq mir-rikorrenti fuq is-suq Ewropew tal-funguċidi bbażati fuq it-trijazoli, ir-rikorrenti jallegaw li, fl-ewwel lok, huma m'għandhomx prodotti sostituttivi sabiex jissostitwixxu l-flusilazole fuq is-suq tal-funguċidi bbażati fuq it-trijazoli.

180    Għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li, minn naħa, ir-rikorrenti pprovdew provi suffiċjenti li ż-żewġ sustanzi sostituttivi indikati mill-Kummissjoni ma jistgħux raġonevolment ikunu kkunsidrati li jikkostitwixxu alternattiva għall-flusilazole fuq is-suq Ewropew tal-funguċidi bbażati fuq it-trijazoli. Fil-fatt, jidher, l-ewwel nett, li t-tebuconazole huwa sustanza [kunfidenzjali] għall-finijiet tal-ġlieda kontra s-sadid tas-soya u, it-tieni nett, li l-proquinazid huwa intiż biex jiġġieled tip different ta’ mard u mhuwiex jew għadu mhuwiex awtorizzat fil-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ġustament isostnu, l-ewwel nett, li l-flusilazole huwa l-unika sustanza, fil-firxa tal-prodotti tagħhom, li tappartjeni lill-grupp tal-funguċidi bbażati fuq it-trijazoli u, it-tieni nett, li huma ma jimmanifatturaw ebda funguċida sostituttiv li jista’ jissostitwixxi l-flusilazole, li jkun jista’ jintuża fuq l-uċuħ tar-raba' jew għall-mard attwalment ittrattati b'din is-sustanza.

181    Min-naħa l-oħra, mhuwiex raġonevoli li wieħed jippretendi, kif issostni l-Kummissjoni, li r-rikorrenti jikkonkludu ftehim kummerċjali għad-distribuzzjoni tal-prodotti ta’ manifatturi oħra, ħaġa li twassal sabiex ikollhom jiddependu mir-rieda tal-kompetituri tagħhom sabiex jevitaw li jitilfu l-ishma fis-suq tagħhom.

182    Fit-tieni lok, is-sitwazzjoni kompetittiva, kif deskritta mir-rikorrenti u li l-Kummissjoni ma tikkontestax serjament, turi grad għoli ta’ kompetizzjoni bejn id-diversi impriżi preżenti f’dan is-suq u ma tippermettix li jiġi eskluż, bi grad suffiċjenti ta’ probabbiltà, li l-kompetituri tar-rikorrenti, b'mod partikolari Bayer CropScience, BASF u Syngenta, ser jaħtfu l-ishma fis-suq tar-rikorrenti.

183    Ir-rikorrenti fil-fatt għandhom sehem fis-suq ta’ madwar [kunfidenzjali], filwaqt li l-ishma fis-suq ta’ BASF, ta’ Bayer CropScience u ta’ Syngenta jammontaw għal [kunfidenzjali], [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali] rispettivament.

184    Madankollu, kif juru l-provi mressqa mir-rikorrenti, anki jekk il-flusilazole jissodisfa bżonn tekniku preċiż u għandu sehem fis-suq sinjifikattiv għal ċerti wċuħ tar-raba' jew f’ċerti pajjiżi, mhuwiex ikkontestat li diversi prodotti bbażati fuq it-trijazoli mibjugħa minn dawn it-tliet impriżi jikkompetu miegħu direttament f’dawn is-setturi u jistgħu jikkostitwixxu sostitut immedjat għalih.

185    Għandu għaldaqtsant jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ġustament isostnu li huma esposti għal riskju estremament għoli li jitilfu l-ishma fis-suq tagħhom wara d-dħul fis-seħħ tar-restrizzjonijiet ikkontestati.

186    Barra minn dan, l-ewwel nett, kif jixhdu l-ittri tad-distributuri tar-rikorrenti annessi mir-rikorrenti ma’ l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, huwa probabbli li l-projbizzjoni fuq il-prodotti tar-rikorrenti ser tagħmel ħsara lill-immaġni tal-flusilazole, billi, b'mod partikolari, hemm prodotti oħra fuq is-suq li jikkompetu mal-flusilazole u ma jistax jiġi eskluż li dan jista’ probabbilment jirriżulta fit-telf ta’ interess min-naħa tax-xerrejja.

187    It-tieni nett, kif jixhdu wkoll l-ittri tad-distributuri tar-rikorrenti, il-konsulenti tekniċi uffiċjali fl-Istati Membri jkollhom inevitabbilment jeliminaw il-flusilazole mill-programmi konsultattivi tagħhom, billi l-flusilazole ser ikun projbit, u huwa għaldaqstant probabbli li jkun diffiċli ħafna li jerġa' jiġi introdott f’dawn il-programmi wara perijodu ta’ assenza.

188    It-tielet nett, huwa ċar, kif jirriżulta mill-ittri u mir-rapport ta’ dmrkynetec Ltd, annessi wkoll mir-rikorrenti ma’ l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li s-sensittività ta’ l-utenti finali tal-prodotti, jiġifieri bdiewa, klijenti u s-soċji kummerċjali tar-rikorrenti, għal kwistjonijiet tas-saħħa pubblika ser tirriżulta fit-telf tal-fiduċja tagħhom fil-flusilazole. Għandu għalhekk jiġi kkunsidrat li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li ser ikun estremament diffiċli li terġa' tinbena din il-fiduċja wara perijodu ta’ projbizzjoni tal-flusilazole, li t-tul tagħha tista’ tkun ta’ diversi snin, huma suffiċjentement probabbli.

189    Ir-raba' nett, ma jistax jiġi eskluż li l-immaġni tar-rikorrenti fis-settur industrijali in kwistjoni, li huwa kkaratterizzat minn kompetizzjoni intensa bejn numru ristrett ta’ impriżi kbar, ser tiġi ppreġudikata wkoll.

190    Għandu, tabilħaqq, jiġi rrilevat f’dan ir-rigward, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, li, kieku l-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tannulla d-direttiva kkontestata, ir-rikorrenti jistgħu jorganizzaw kampanja ta’ informazzjoni u pubbliċità sabiex jerġgħu jakkwistaw l-ishma fis-suq mitlufa.

191    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li titmexxa kampanja ta’ pubbliċità possibilment diversi snin wara li l-flusilazole ikun sparixxa ma joffri ebda garanzija li r-rikorrenti se jkunu f’pożizzjoni li jirkupraw, imqar parzjalment, l-ishma fis-suq mitlufa, kif jixhed ir-rapport ta’ dmrkynetec prodott mir-rikorrenti.

192    Għandu jiġi speċifikat f’dan ir-rigward li, kuntrarjament għal dak li tasserixxi l-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ problema ta’ saħħa pubblika li tirriżulta mill-użu tal-flusilazole minn meta tqiegħed fis-suq mhuwiex fih innifsu kapaċi, fil-kors ta’ tali kampanja, li jaqleb l-effett negattiv ħafna li probabbilment ikollha miżura li tipprojbixxi din is-sustanza attiva.

193    Għandu jiġi mfakkar ukoll li, skond ġurisprudenza stabbilita, jekk l-implementazzjoni ta’ att li huwa s-suġġett ta’ rikors għal annullament fil-kawża prinċipali jista’ jikkawża żvilupp irreversibbli fis-suq li fih ir-rikorrent huwa diġà preżenti, id-dannu li jista’ jġarrab, għalkemm ta’ natura finanzjarja, jista’ madankollu jiġi eċċezzjonalment ikkunsidrat bħala irreparabbli fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji (ara d-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta’ Settembru 2001, Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, T‑139/01 R, Ġabra p. II‑2415, punt 94, u l-ġurisprudenza ċċitata).

194    F’dan il-każ, is-suq in kwistjoni probabbilment ser jesperjenza żvilupp irreversibbli.

195    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li ta’ l-inqas parti mid-dannu li jiġi mġarrab mir-rikorrenti fid-dawl tat-telf ta’ l-ishma tagħhom fis-suq jista’ jkun irreversibbli.

196    Fir-rigward tal-gravità tad-dannu marbut ma’ telf ta’ ishma fis-suq, għandu jiġi mfakkar li, meta r-rikorrent ikun impriża, il-gravità ta’ dannu materjali għandha tiġi evalwata fid-dawl, b'mod partikolari, tad-daqs ta’ din l-impriża (digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta’ l-20 ta’ Settembru 2005, Deloitte Business Advisory vs Il-Kummissjoni, T‑195/05 R, Ġabra p. II‑3485, punt 156; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Mejju 1990, Comos Tank et vs Il-Kummissjoni, C‑51/90 R u C‑59/90 R, Ġabra p. I‑2167, punti 26 u 31, u d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta’ Diċembru 2004, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04 R, Ġabra p. II‑4463, punt 257). Barra minn dan, l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni materjali ta’ rikorrent tista’ titwettaq billi jittieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, il-karatteristiċi tal-grupp li għalih jappartjeni r-rikorrent permezz tax-shareholding tiegħu [digriet Solvay Pharmaceuticals vs Il-Kunsill, punt 174 iktar ’il fuq, punt 108; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Marzu 1995, Transacciones Marítimas et vs Il-Kummissjoni, C‑12/95 P, Ġabra p. I‑467, punt 12, u tal-15 ta’ April 1998, Camar vs Il-Kummissjoni u l-Kunsill, C‑43/98 P(R), Ġabra p. I‑1815, punt 36].

197    F’dan il-każ, il-Kummissjoni tallega li t-telf ta’ ishma fis-suq li jsofru r-rikorrenti jkollu biss, f’kull każ, impatt limitat ħafna fuq il-fatturat tagħhom meta jittieħed in kunsiderazzjoni l-grupp li għalih huma jappartjenu. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tressaq numru ta’ argumenti li huma maħsuba sabiex juru li t-telf finanzjarju li jista’ jsofri dan il-grupp bl-ebda mod ma jipperikola l-eżistenza tiegħu.

198    Għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li r-rikorrenti ma jallegawx li l-eżistenza tagħhom se tkun ipperikolata permezz tad-direttiva kkontestata. Huma jsostnu, għall-kuntrarju, li t-telf ta’ ishma fis-suq waħdu, jekk jiġi pprovat, jikkostitwixxi dannu serju u irreparabbli skond il-ġurisprudenza, u li għaldaqstant mhemmx lok li jiġi eżaminat safejn it-telf ta’ l-ishma fis-suq jista’ jaffettwa l-grupp li għalih jappartjenu.

199    Għandu jiġi mfakkar li l-miżuri provviżorji mitluba jistgħu jkunu ġġustifikati biss jekk ikun jidher li, fin-nuqqas ta’ tali miżuri, ir-rikorrenti jsibu ruħhom f’sitwazzjoni li tista’ tipperikola l-eżistenza nfisha tagħhom jew taffettwa b'mod irremedjabbli l-ishma fis-suq tagħhom (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-30 ta’ Ġunju 1999, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, punt 147 iktar ’il fuq, punt 138, u d-digriet Solvay Pharmaceuticals vs Il-Kunsill, punt 174 iktar ’il fuq, punt 107).

200    Għaldaqstant, mhuwiex meħtieġ li r-rikorrenti juru li l-eżistenza tagħhom hija pperikolata meta huma jinvokaw ir-riskju ta’ telf ta’ ishma fis-suq.

201    Ir-rikorrenti għandhom, madankollu, juru li d-dannu li huma jallegaw li ser iseħħ huwa dannu serju.

202    Tabilħaqq, f’dan il-każ, l-impatt finanzjarju tat-telf tan-negozju tar-rikorrenti marbut mal-kummerċjalizzazzjoni tal-flusilazole ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa ta’ natura li jipperikola l-eżistenza nfisha tal-grupp li għalih huma jappartjenu. Madankollu, l-evalwazzjoni tal-gravità tat-telf irreversibbli ta’ l-ishma fis-suq ma tistax tkun ibbażata biss, kif issostni l-Kummissjoni, fuq il-valur skond il-kotba tal-kontijiet tan-negozju li jiġġenera l-ishma fis-suq u fuq it-telf ta’ tali valur għall-grupp.

203    Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, meta jittieħdu in kunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-grupp, jenħtieġ li ssir evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali kollha tal-każ (ara, f’dan is-sens, id-digriet Aughinish Alumina vs Il-Kummissjoni, punt 147 iktar ’il fuq, punti 69 sa 78).

204    Barra minn dan, skond ġurisprudenza stabbilita, l-imħallef għal miżuri provviżorji għandu jiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ, jekk l-implementazzjoni immedjata ta’ l-att li huwa s-suġġett tat-talba għal sospensjoni tistax tikkawża lir-rikorrent dannu serju u imminenti, li ebda deċiżjoni sussegwenti ma tkun tista’ tikkumpensa (digrieti tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta’ Mejju 2002, Yusuf u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑306/01 R, Ġabra p. II‑2387, punt 93, u tal-15 ta’ Mejju 2003, Sison vs Il-Kunsill, T‑47/03 R, Ġabra p. II‑2047, punt 30).

205    Għandu jiġi kkonstatat, f’dan il-każ, li r-rikorrenti ilhom preżenti fis-suq għal aktar minn 20 sena u jibbenefikaw minn awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti abbażi tal-flusilazole rreġistrati għal użu fuq 26 tip ta’ uċuħ tar-raba' fi 15-il Stat Membru. Barra minn dan, mhuwiex ikkontestat li l-prodotti l-oħra kkummerċjalizzati mir-rikorrenti jgawdu reputazzjoni kummerċjali li jista’ jsirilha ħsara sinjifikattiva permezz ta’ projbizzjoni totali fuq il-flusilazole mit-30 ta’ Ġunju 2008. It-telf ta’ l-ishma fis-suq tar-rikorrenti, li nħolqu bil-kapaċità tagħhom, b'investiment fir-riċerka u fl-iżvilupp, kif ukoll bil-ħolqien ta’ klijentela fuq numru ta’ snin f’suq ikkaratterizzat minn kompetizzjoni b'saħħitha għandu, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, jiġi kkunsidrat li jista’ jikkawżalhom dannu serju. Il-fatt li dan it-telf għandu biss influwenza limitata fuq il-fatturat tal-grupp mhuwiex biżżejjed, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, sabiex iwarrab in-natura gravi ta’ l-imsemmi dannu.

 Fuq il-bilanċ ta’ l-interessi

206    Meta, fil-kuntest ta’ talba għal miżuri provviżorji li fiha jissemma r-riskju għar-rikorrent li jsofri dannu serju u irreparabbli, l-imħallef għal miżuri provviżorji jiżen id-diversi interessi in kwistjoni, huwa għandu, b'mod partikolari, jiddetermina jekk l-eventwali annullament tad-deċiżjoni kkontestata mill-qorti fil-kawża prinċipali jippermettix li tinqaleb is-sitwazzjoni li tkun ġiet ikkawżata permezz ta’ l-implementazzjoni immedjata tagħha u, bil-maqlub, jekk is-sospensjoni ta’ l-implementazzjoni ta’ din id-deċiżjoni tkunx tali li timpedixxi li jintlaħqu l-għanijiet ta’ din id-deċiżjoni f’każ li r-rikors fil-mertu kellu jiġi miċħud (digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta’ l-20 ta’ Lulju 2006, Globe vs Il-Kummissjoni, T‑114/06 R, Ġabra p. II‑2627, punt 147; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ġunju 2003, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C‑182/03 R u C‑217/03 R, Ġabra p. I‑6887, punt 142).

207    Għandu jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li, bħala regola, ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika għandhom inkontestabbilment jingħataw preċedenza fuq kunsiderazzjonijiet ekonomiċi (ara d-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta’ Ġunju 1999, Alpharma vs Il-Kunsill, T-70/99 R, Ġabra, p. II-2027, punt 152, u l-ġurisprudenza ċċitata).

208    Issa f’dan il-każ, ir-raġunijiet imressqa mill-Kummissjoni sabiex jiġġustifikaw l-adozzjoni tad-direttiva kkontestata huwa bbażati fuq ir-riskji ta’ taħwid endokrinali li jista’ jippreżenta l-flusilazole. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni nfisha kienet tat x’tifhem, matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni, li fuq il-bażi ta’ testijiet xjentifiċi mwettqa u fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni u ta’ l-istudji pprovduti min-notifikanti fuq talba tal-Kummissjoni, il-flusilazole ma kienx ta’ perikolu.

209    Fil-fatt, fuq il-bażi ta’ din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni kienet ipproponiet li tinkludi l-flusilazole fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Il-miżuri inizjali ppreżentati lill-Kumitat kienu jipprovdu għal-limitazzjoni tal-perijodu ta’ inklużjoni għal seba' snin sabiex l-Istati Membri jagħtu priorità lill-evalwazzjoni mill-ġdid tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jikkontjenu l-flusilazole li huma diġà fuq is-suq.

210    Kif jirriżulta mill-premessa 8 tad-direttiva kkontestata, kien biss wara eżami mill-Kumitat u mill-Kunsill li l-Kummissjoni emendat il-proposta tagħha, fuq il-bażi ta’ preokkupazzjonijiet espressi minn ċerti Stati Membri, billi kkunsidrat li kienu meħtieġa restrizzjonijiet addizzjonali biex inaqqsu r-riskju għal livell li jista’ jkun ikkunsidrat bħala aċċettabbli u konformi mal-livell għoli ta’ protezzjoni li l-Komunità tfittex li tilħaq.

211    Għaldaqstant, b'żieda ma’ numru ta’ restrizzjonijiet li jinsabu fil-proposta inizjali tagħha, il-Kummissjoni limitat il-perijodu ta’ inklużjoni għal 18-il xahar minflok għas-7 snin li kienu ġew inizjalment previsti.

212    Billi l-Kumitat ma ħariġx l-opinjoni tiegħu permezz tal-President tiegħu fit-terminu preskritt, il-Kummissjoni ressqet proposta li tikkontjeni r-restrizzjonijiet ikkontestati lill-Kunsill. Fid-data ta’ l-iskadenza tat-terminu stabbilit permezz tad-Direttiva 91/414, il-Kunsill la kien adotta l-att ta’ implementazzjoni propost u lanqas esprima l-oppożizzjoni tiegħu għal din il-proposta. Il-Kummissjoni għalhekk setgħet tadotta l-proposta bir-restrizzjonijiet ikkontestati.

213    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, l-ewwel nett, il-flusilazole ilu jiġi manifatturat u kkummerċjalizzat mir-rikorrenti għal aktar minn 20 sena.

214    It-tieni nett, ma ġiex stabbilit, abbażi ta’ l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet, li l-użu tiegħu kien il-kawża ta’ ħsara lis-saħħa pubblika.

215    It-tielet nett, l-evalwazzjoni tal-flusilazole saret fuq aktar minn 13-il sena, li matulhom il-pożizzjoni tal-Kummissjoni kienet kostanti fir-rigward tan-natura innokwa ta’ din is-sustanza u kien biss wara li kienet ipproponiet l-inklużjoni ta’ din is-sustanza fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għal perijodu ta’ 10 snin li, wara diskussjonijiet fi ħdan il-Kumitat, il-Kummissjoni pproponiet li dan il-perijodu ta’ inklużjoni jiġi limitat għal seba' snin, qabel ma finalment naqqsitu għal 18-il xahar.

216    Ir-raba' nett, il-flusilazole ġie finalment meqjus suffiċjentement mhux ta’ perikolu biex jiġi awtorizzat għall-użu fuq ċerti wċuħ tar-raba', filwaqt li l-projbizzjoni ta’ l-użu tiegħu fuq l-uċuħ tar-raba' l-oħra tidher li hija dovuta biss għal preokkupazzjonijiet espressi minn ċerti Stati Membri.

217    Għandu wkoll jiġi enfasizzat li, bla ħsara għal dak li ntqal fil-punt 160 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, ma teskludix il-possibbiltà li l-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, li minnha jibbenefika l-flusilazole, tkun tista’ tiġi estiża għal uċuħ tar-raba' oħra fil-futur.

218    Issa, mingħajr ma l-imħallef għal miżuri provviżorji jissostitwixxi ruħu għall-Kummissjoni fl-evalwazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet tekniċi li min-natura tagħhom huma kumplikati, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jitolbu sempliċement iż-żamma ta’ sitwazzjoni li ilha teżisti għal diversi snin.

219    Għandu jiġi kkonstatat li, f’dan l-istadju, jidher, minn naħa, li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li ttemm l-evalwazzjonijiet kollha meħtieġa fil-perijodu ta’ 15-il sena li ngħatalha għal dan il-għan, sitwazzjoni li, għad-detriment tar-rikorrenti, wasslet għal evalwazzjoni inkompleta u, min-naħa l-oħra, li, għalkemm l-effetti tal-flusilazole fuq ċerti wċuħ tar-raba' għadhom, tabilħaqq, mhux magħrufa, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jużaw din is-sustanza attiva ġew madankollu awtorizzati mill-Istati Membri għal aktar minn 15-il sena mingħajr ma, prima facie, xi miżura ta’ projbizzjoni jew ta’ protezzjoni kienet ikkunsidrata meħtieġa fir-rigward tal-prodotti tar-rikorrenti.

220    Minn dan isegwi li miżura għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tar-restrizzjonijiet ikkontestati sakemm tingħata deċiżjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx, f’dan il-każ, iktar probabbli li tikkomprometti s-saħħa min-nuqqas ta’ miżuri adottati kemm fuq livell Komunitarju kif ukoll fuq livell nazzjonali, għal aktar minn 15-il sena, b'mod partikolari meta ma sar ebda lment dwar xi effett dannuż ipprovat tal-flusilazole u, għall-kuntrarju, ġew identifikati użi mingħajr perikolu kemm mill-Istat Membru relatur kif ukoll mill-Kumitat ta’ reviżjoni.

221    Barra minn dan, għandu jiġi mfakkar, minn naħa, li l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 91/414 jippermetti li l-awtorizzazzjonijiet li jibbenefikaw minnhom il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jiġu riveduti f’kull żmien jekk ikun hemm indikazzjonijiet li xi wieħed jew aktar mir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma jkunux għadhom sodisfatti, inkluż ir-rekwiżit li, fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku, dawn l-uċuħ tar-raba' ma jkollhomx effetti dannużi diretti jew indiretti għas-saħħa tal-bniedem jew ta’ l-annimali jew għall-ilma ta’ taħt l-art u li ma jkollhomx xi influwenza inaċċettabbli fuq l-ambjent.

222    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 91/414 jipprovdi li, meta Stat Membru jkollu raġunijiet validi biex iqis li prodott li huwa jkun awtorizza jew ikun obbligat li jawtorizza taħt l-Artikolu 10 jikkostitwixxi riskju għall-ħajja tal-bniedem jew ta’ l-annimali jew għall-ambjent, jista’ provviżorjament jillimita jew jipprojbixxi l-użu u/jew il-bejgh ta’ dak il-prodott fit-territorju tiegħu. F’sitwazzjoni bħal din, huwa għandu immedjatament jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn b’tali azzjoni u jagħti raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

223    Jidher li, f’każ ta’ bżonn, jistgħu għalhekk jittieħdu miżuri protettivi skond id-Direttiva 91/414 jekk ir-restrizzjonijiet ikkontestati jiġu sospiżi sakemm tingħata s-sentenza fil-kawża prinċipali.

224    Barra minn dan, l-eżekuzzjoni tad-direttiva kkontestata jista’ jkollha impatt sinjifikattiv ħafna fuq l-interessi mhux biss tar-rikorrenti, iżda wkoll ta’ terzi. B'mod partikolari, anki jekk ir-rikorrenti ma rnexxilhomx juru prima facie, kif ġie deċiż fil-punti 162 sa 173 iktar ’il fuq, li d-direttiva kkontestata tista’ twassal għall-għeluq tas-sit industrijali tagħhom ta’ Cernay, wieħed jista’ raġonevolment jistenna li l-konsegwenzi ta’ tnaqqis irreversibbli fl-ishma fis-suq tar-rikorrenti ser ikunu konsiderevoli. B'mod partikolari, ma jistax jiġi eskluż tnaqqis probabbli tal-persunal f’dak is-sit industrijali kif ukoll effett fuq impriżi li jinnegozjaw fil-flusilazole.

225    Barra minn dan, ir-rikorrenti jallegaw li l-bdiewa li jużaw il-flusilazole u l-agrikultura Ewropea in ġenerali ser jintlaqtu, b'mod partikolari minħabba li, l-ewwel nett, fil-preżent ma teżisti ebda soluzzjoni teknika oħra barra mill-flusilazole għat-trattament tal-mard ta’ l-injam tad-dwieli, it-tieni nett, ma jeżisti ebda prodott irreġistrat adattat sabiex jikkontrolla l-phomopsis fil-ġirasol u, fl-aħħar, il-flusilazole huwa l-uniku prodott li jista’ jittratta l-mard taż-żerriegħa tal-kittien u tal-qanneb.

226    Issa l-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti sempliċement billi ssostni li huma jikkontradixxu l-argumenti magħmula mir-rikorrenti biex jikkontestaw is-sostitwibbiltà tal-flusilazole ma’ prodotti oħra li jikkompetu miegħu.

227    Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-fatt li l-flusilazole għandu proprjetajiet uniċi fuq ċerti uċuħ tar-raba' manifestament ma jeskludix li jista’ jiġi sostitwit minn sostanzi oħra fis-suq tal-funguċidi bbażati fuq it-trijazoli fir-rigward ta’ uċuħ tar-raba' oħra. Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni ma jistax jiġi aċċettat.

228    Għandu għaldaqstant jiġi konkluż li l-bilanċ ta’ l-interessi involuti huwa favur l-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba.

229    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba ġew sodisfatti f’dan il-każ.

230    Għaldaqstant, hemm lok li jiġu sospiżi, sakemm tingħata s-sentenza fil-kawża prinċipali, minn naħa, l-iskadenza ta’ l-inklużjoni tal-flusilazole fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, stabbilita għat-30 ta’ Ġunju 2008 mill-Anness tad-direttiva kkontestata kif ukoll id-data sa meta l-Istati Membri għandhom jemendaw jew jirtiraw, jekk ikun meħtieġ, wara reviżjoni, l-awtorizzazzjoni mogħtija għall-prodotti li jikkontjenu l-flusilazole, stabbilita għat-30 ta’ Ġunju 2008 mit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 3(2) tad-direttiva kkontestata u, min-naħa l-oħra, ir-restrizzjoni prevista fil-parti A tad-Dispożizzjonijiet Speċifiċi ta’ l-Anness tad-direttiva kkontestata dwar it-tipi ta’ uċuħ tar-raba' li fuqhom l-użu tal-flusilazole jista’ jiġi awtorizzat mill-Istati Membri, jiġifieri ċ-ċereali (barra mir-ross), il-qamħirrum, iż-żerriegħa tal-kolza u l-pitravi taz-zokkor.

Għal dawn il-motivi,

Il-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

jordna li:

1)      L-iskadenza ta’ l-inklużjoni tal-flusilazole fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, stabbilita għat-30 ta’ Ġunju 2008 mill-Anness tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/133/KE tal-11 ta’ Diċembru 2006 li temenda d-Direttiva 91/414 sabiex jiġi inkluż il-flusilazole bħala sustanza attiva, hija sospiża sakemm tingħata s-sentenza fil-kawża prinċipali.

2)      Id-data sa meta l-Istati Membri għandhom jemendaw jew jirtiraw, jekk ikun meħtieġ, wara reviżjoni, l-awtorizzazzjoni mogħtija għall-prodotti li jikkontjenu l-flusilazole, stabbilita għat-30 ta’ Ġunju 2008 mit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2006/133, hija sospiża sakemm tingħata s-sentenza fil-kawża prinċipali.

3)      Ir-restrizzjoni prevista fil-parti A tad-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ l-Anness tad-Direttiva 2006/133 dwar it-tipi ta’ uċuħ tar-raba' li fuqhom l-użu tal-flusilazole jista’ jiġi awtorizzat mill-Istati Membri, jiġifieri ċ-ċereali (barra mir-ross), il-qamħirrum, iż-żerriegħa tal-kolza u l-pitravi taz-zokkor, hija sospiża sakemm tingħata s-sentenza fil-kawża prinċipali.

4)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Mogħti fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Lulju 2007.

Reġistratur

 

      Il-President

E. Coulon

 

      B. Vesterdorf


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 – Informazzjoni kunfidenzjali moħbija.