Language of document : ECLI:EU:C:2007:507

Kawża C-73/07

Tietosuojavaltuutettu

vs

Satakunnan Markkinapörssi Oy u Satamedia Oy

(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Korkein hallinto-oikeus)

“Rinviju għal domanda preliminari — Talba għal intervent — Inammissibbiltà”

Sommarju tad-digriet

Proċedura — Intervent — Proċedura ta’ deċiżjoni preliminari

(Artikolu 234 KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja,Artikoli 23 u 40)

Talba għal intervent tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data f’kawża mressqa bis-saħħa ta’ l-Artikolu 234 KE hija inammissibbli. Fil-fatt, id-dritt ta’ intervent quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huwa rregolat mill-Artikolu 40 ta’ l-Istatut tagħha, li jirrikonoxxi dan id-dritt lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi meta huma jiġġustifikawh b’interess għas-soluzzjoni tal-kwistjoni mressqa quddiemha. Dan l-artikolu jiddisponi wkoll li t-talbiet tar-rikors għal intervent jistgħu jkollhom bħala skop dak li jsostnu t-talbiet ta’ waħda mill-partijiet. B’hekk, huwa japplika għall-proċeduri kontenzjużi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja intiżi li jaqtgħu kontroversja. Issa, l-Artikolu 234 KE ma jiftaħx proċedura kontenzjuża intiża li taqta’ kontroversja, iżda jibda proċedura ddestinata, sabiex tiżgura l-unità ta’ intepretazzjoni tad-dritt Komunitarju permezz ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li tippermettilhom jitolbu interpretazzjoni tat-testi Komunitarji li huma wara japplikaw għall-kawżi li tagħhom jieħdu konjizzjoni. Isegwi li l-intervent fi proċedura preliminari ma jistax iseħħ.

Barra minn hekk, peress li mhuwiex espressament imsemmi fl-Artikolu 23 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u peress li m’għandux, fil-proċedura fil-kawża prinċipali, il-kwalità ta’ “parti fil-kawża” fis-sens ta’ dan l-artikolu, li jirregola l-parteċipazzjoni fil-proċedura fil-każijiet previsti fl-Artikolu 234 KE, il-Kontrollur ma jistax jiġi awtorizzat jippreżenta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja osservazzjonijiet fuq id-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju.

(ara l-punti 8-13)