Language of document : ECLI:EU:T:2011:675

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

16 ta’ Novembru 2011(*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva BUFFALO MILKE Automotive Polishing Products – Trade mark nazzjonali figurattiva preċedenti BÚFALO – Produzzjoni ta’ provi għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell – Setgħa diskrezzjonali mogħtija mill-Artikolu 74(2) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 76(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] – Użu ġenwin mit-trade mark preċedenti – Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009]”

Fil-Kawża T‑308/06,

Buffalo Milke Automotive Polishing Products, Inc., stabbilita fi Pleasanton, California (l-Istati Uniti tal-Amerka), irrappreżentata minn F. de Visscher, E. Cornu u D. Moreau, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn D. Botis, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Werner & Mertz GmbH, stabbilita f’Mainz (il-Ġermanja), irrappreżentata inizjalment minn M. Thewes u V. Wiot, sussegwentement minn M. Thewes u P. Reuter, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI, tat-8 ta’ Settembru 2006 (Każ R 1094/2005-2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Werner & Mertz GmbH u Buffalo Milke Automotive Polishing Products, Inc.,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood, President, J. Schwarcz u A. Popescu (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Novembru 2006,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ April 2007,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Marzu 2007,

wara li rat ir-replika tar-rikorrenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Lulju 2007,

wara s-seduta tat-13 ta’ Settembru 2011, li fiha ma pparteċipat l-ebda waħda mill-partijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-20 ta’ Frar 2001, ir-rikorrenti, Buffalo Milke Automotive Polishing Products, Inc., ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li tagħha ntalbet ir-reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li ġej:


Image not found

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 3, 18 u 25 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawk il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        Klassi 3: “Xama’, kremi għal-lostrar, preparazzjonijiet għat-tindif, kremi għall-ġilda, prodotti għall-protezzjoni tal-ġilda, preparazzjonijiet għall-ħasil”;

–        Klassi 18: “basktijiet tal-idejn”;

–        Klassi 25: “Ilbies, inlużi t-shirts, ħrieqi”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 27/2002, tat-8 ta’ April 2002.

5        Fil-25 ta’ Ġunju 2002, l-intervenjenti, Werner & Mertz GmbH, ippreżentat oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009).

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark Ġermaniża figurattiva li ġejja:

Image not found

7        Dik it-trade mark ġiet irreġistrata fil-15 ta’ Lulju 1994 bin-Nru 2079354 għal prodotti fil-klassi 3 tal-Ftehim ta’ Nice li tikkorrispondi għad-deskrizzjoni li ġejja: “Preparazzjonijiet għall-ħasil u t-tneħħija tat-tbajja; preparazzjonijiet għat-tindif, għal-lustrar, għat-tneħħija tal-grass u għall-għerik; sapun, kimiċi għall-bliċ, għat-tindif, għall-protezzjoni u ż-żamma f’kundizzjoni tajba ta’ oġġetti tal-ġilda, tal-plastik u tat-tessuti, b’mod partikolari ż-żraben; blakk, preparazzjonijiet għat-tindif u ż-żamma f’kundizzjoni tajba tal-bjut; preparazzjonijiet għat-tindif u ż-żamma f’kundizzjoni tajba tat-tapiti; materjali u tessuti għat-tifi tan-nar; kimiċi għat-tneħħija tat-tbajja, deterġenti għall-istallazzjonijiet sanitarji”.

8        L-oppożizzjoni tirrigwarda l-prodotti koperti mill-applikazzjoni li jaqgħu taħt il-klassi 3, li, wara l-limitazzjoni li saret matul il-proċedimenti quddiem l-UASI, jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Xama’, kremi għal-lostrar, preparazzjonijiet għat-tindif, kremi għall-ġilda, prodotti għall-protezzjoni tal-ġilda, preparazzjonijiet għall-ħasil, kollha kemm huma għaż-żamma tal-karozzi f’kundizzjoni tajba”.

9        Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien dak stabbilit fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

10      Fil-15 ta’ Lulju 2005, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni fl-intier tagħha, abbażi tal-fatt li l-provi prodotti mill-intervenjenti fuq talba tar-rikorrenti, skont l-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 207/2009), kienu insuffiċjenti sabiex jipprovaw li fil-Ġermanja kien sar użu ġenwin mit-trade mark nazzjonali preċedenti matul il-ħames snin ta’ qabel id-data tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. Hija kkunsidrat li l-atti kollha ppreżentati kienu ġew prodotti internament mill-intervenjenti, li dawn ma jippermettux li jiġi konkluż li kien hemm kummerċjalizzazzjoni reali u effettiva tal-prodotti fuq is-suq rilevanti u li, għaldaqstant, dawn ma kinux jipprovdu indikazzjonijiet dwar l-importanza tal-użu tat-trade mark preċedenti.

11      Fid-9 ta’ Settembru 2005, l-intervenjenti ppreżentat appell, quddiem il-Bord tal-Appell, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

12      Fl-14 ta’ Novembru 2005, l-intervenjenti ppreżentat, f’anness għan-nota tagħha li tesponi l-aggravji tal-appell, provi komplementari għal dawk diġà prodotti fl-ewwel istanza. Dawn il-provi ġodda kienu jinkludu disa’ fatturi b’dati li jmorru mill-20 ta’ April 2001 sat-18 ta’ Marzu 2002.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru 2006 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u rrinvija l-każ lil din tal-aħħar għal evalwazzjoni ulterjuri.

14      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-provi prodotti għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell mill-intervenjenti u maħsuba sabiex jipprovaw li hija kienet għamlet użu mit-trade mark preċedenti tagħha fil-Ġermanja bejn it-8 ta’ April 1997 u s-7 ta’ April 2002, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li d-disa’ fatturi kienu jikkostitwixxu provi komplementari, intiżi sabiex jikkonfermaw jew isostnu l-atti ġustifikattivi prodotti fil-ħin quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, u li dawk kienu ammissibbli.

15      Il-Bord tal-Appell ibbaża r-raġunament tiegħu fuq l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009], li jagħti lill-UASI setgħa diskrezzjonali sabiex jiddeċiedi għandux jieħu inkunsiderazzjoni fatti u provi prodotti b’mod tardiv billi jeżamina ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ.

16      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk dawk il-provi komplementari kinux intiżi wkoll sabiex jipprovaw l-użu mit-trade mark preċedenti fis-sens tal-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009], il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-elementi pprovduti kienu jipprovaw sal-grad rikjest mil-liġi l-użu mit-trade mark preċedenti għall-prodotti “kremi għal-lustrar” u “kremi għall-ġilda”. Il-Bord tal-Appell kkonkluda li dawk l-elementi kienu jsostnu u jikkonfermaw l-informazzjoni inkluża fid-depożizzjoni u fl-iskedi tal-prezzijiet u li kienu jidhru li jikkorrispondu għar-rapporti dwar id-dħul mill-bejgħ.

 It-talbiet tal-partijiet

17      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

18      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

19      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 40/94 u tar-Regola 22 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189). Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet.

 Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell

20      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Bord tal-Appell iddikjara bħala ammissibbli l-atti tardivi prodotti għall-ewwel darba quddiemu bi ksur tal-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 40/94 u tar-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95. Skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell kellu jieħu inkusiderazzjoni l-istadju tardiv tal-proċedura li fiha saret il-produzzjoni u ċ-ċirkustanzi li jirrigwardaw il-produzzjoni ta’ dawn il-provi sabiex jiċħadhom.

21      Huwa stabbilit bejn il-partijiet li l-atti pprodotti mill-intervenjenti fl-14 ta’ Novembru 2005, man-nota li tesponi l-motivi tar-rikors, insostenn ta’ dawk diġà prodotti fl-ewwel istanza, ġew prodotti barra minn ħinhom, u dan ġie essenzjalment meqjus ukoll mill-Bord tal-Appell fil-punti 19 u 20 tad-deċiżjoni kkontestata. Għall-kuntrarju, il-partijiet ma jaqblux fuq il-possibbiltà li l-UASI jieħu inkunsiderazzjoni l-imsemmija dokumenti.

22      F’dak ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat, kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, li, bħala regola ġenerali u sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni kuntrarja, il-produzzjoni ta’ fatti u ta’ provi mill-partijiet tibqa’ possibbli wara l-iskadenza tat-terminu li għalih hija suġġetta tali produzzjoni skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94, u l-UASI bl-ebda mod ma huwa pprojbit milli jqis fatti u provi invokati jew ippreżentati b’dan il-mod tardiv (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C‑29/05 P, Ġabra p. I‑2213, punt 42).

23      Min-naħa l-oħra, mill-imsemmi kliem jirriżulta wkoll b’mod ċar li tali invokazzjoni jew produzzjoni tardiva ta’ fatti u ta’ provi ma tikkonferixxix, lill-parti li tinvoka jew tippreżenta fatti jew provi tardivament, dritt inkundizzjonat li fatti jew provi bħal dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-UASI (sentenza UASI vs Kaul, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

24      Tali teħid inkunsiderazzjoni mill-UASI, meta jintalab jieħu deċiżjoni fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, jista’, b’mod partikolari, ikun iġġustifikat meta dan tal-aħħar iqis, minn naħa, li l-elementi prodotti tardivament jistgħu prima facie jkollhom rilevanza reali għal dak li jirrigwarda l-eżitu tal-oppożizzjoni magħmula quddiemu u, min-naħa l-oħra, li l-istadju tal-proċedura li fih isseħħ din il-produzzjoni tardiva u ċ-ċirkustanzi tagħha ma jipprekludux dan it-teħid inkunsiderazzjoni (sentenza UASI vs Kaul, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

25      F’dak ir-rigward, qabel kollox jeħtieġ li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li s-sentenza UASI vs Kaul, iċċitata iktar ’il fuq, ma hijex applikabbli għal dan il-każ peress li l-provi f’dik il-kawża ma kinux jikkonċernaw l-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti. Fil-fatt ikun suffiċjenti li jiġi rrilevat li, fis-sentenza UASI vs Kaul, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 li, b’mod kuntrarju għal dak li ssostni r-rikorrenti, ma huwa bl-ebda mod limitat sabiex tittratta l-produzzjoni tardiva tal-provi relatati mal-fondatezza tal-azzjoni, izda jippermetti lill-UASI jieħu inkunsiderazzjoni kull tip ta’ fatti jew provi tardivi. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement ikkonfermat li l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 kienet tapplika wkoll fil-każ ta’ produzzjoni tardiva ta’ provi dwar l-użu ġenwin minn trade mark preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 2011, Union Investment Privatfonds vs UASI, C‑308/10 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 40 sa 45).

26      Fir-rigward tal-modalitajiet ta’ eżerċizzju, mill-UASI, tas-setgħa diskrezzjonali msemmija iktar ’il fuq, jeħtieġ li jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-Bord tal-Appell ġustament ikkonstata espressament li huwa għandu setgħa diskrezzjonali neċessarja, fis-sens tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, billi indika fil‑punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[kien] biss [l-UASI] li għandu jiddeċiedi, fid-diskrezzjoni sħiħa tiegħu, jekk għandux jieħu inkusiderazzjoni fatti u provi ppreżentati tardivament billi jeżamina ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-kawża”.

27      Fit-tieni lok, il-motivazzjoni pprovduta mill-Bord tal-Appell tippermetti li tiġi ġġustifikata d-deċiżjoni tiegħu li jaċċetta, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, il-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiemu. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell jindika, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-deċiżjoni tad-diviżjoni tal-oppożizzjoni qieset, fid-deċiżjoni tagħha, li l-intervenjenti naqset milli tipproduċi provi indipendenti fuq il-bejgħ effettiv tagħha, li jistgħu jikkonfermaw jew isostnu l-atti li hija kienet ipproduċiet internament fuq l-importanza tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti. Konsegwentement, il-Bord tal-Appell qies li huwa kellu setgħa diskrezzjonali u li huwa kien iġġustifikat li jaċċetta provi prodotti flimkien man-nota li tesponi l-motivi tal-appell li kienu intiżi sabiex jikkonfermaw jew isostnu l-atti ġustifikattivi prodotti fil-ħin quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

28      Fit-tielet lok, id-deċiżjoni kkontestata ttrattat espressament il-kwistjoni tar-rilevanza tad-disa’ fatturi għall-eżitu tal-proċediment u ddeċiediet li taċċettahom peress li dawn kienu provi komplementari li jiċċaraw kwistjonijiet marbuta mal-importanza tal-użu mit-trade mark preċedenti, jiġifieri kwistjonijiet li għalihom kienu diġà ġew ippreżentati provi fl-ewwel istanza. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi enfasizzat, bħalma għamel l-UASI, li d-deċiżjoni kkontestata ma wettqitx sempliċement evalwazzjoni prima facie tar-rilevanza tal-atti, kif teżiġi l-Qorti tal-Ġustizzja, iżda wettqet eżami komplet ta’ dawn tal-aħħar, li wera fil-fatt li l-elementi l-ġodda fir-realtà kienu jbiddlu l-eżitu tal-proċedimenti, u dan kif jixhdu l-punti 26 sa 31 tad-deċiżjoni kkontestata.

29      Fir-raba’ lok, fir-rigward ta’ ċirkustanzi oħra li jistgħu jopponu t-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi ppreżentati tardivament, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li bl-ebda mod ma jirriżulta mill-proċess li l-parti intervenjenti kellha l-intenzjoni li ttawwal il-proċedimenti b’mod abbużiv, jew li hija kienet negliġenti waqt il-produzzjoni tal-provi fl-ewwel istanza.

30      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-stadju tal-proċedimenti li fih twettqet il-produzzjoni tardiva tal-provi jipprekludi t-teħid inkusiderazzjoni tagħhom, dan ma jistax jintlaqa’. F’dan il-każ, l-intervenjenti, wara d-deċiżjoni tad-diviżjoni tal-oppożizzjoni, kellha l-possibbiltà tippreżenta provi komplementari insostenn tar-rikors tagħha u l-Bord tal-Appell kellu s-setgħa diskrezzjonali li jaċċettahom. Il-Bord tal-Appell ħadhom inkunsiderazzjoni u dak li r-rikorrenti tippretendi li huwa dewmien fil-proċedimenti fir-realtà jikkostitwixxi biss l-iżvolġiment normali tal-proċedimenti li fiha l-Bord tal-Appell jista’ jasal sabiex jannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

31      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-verifika dwar jekk, fejn ikun xieraq, dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tipprekludix l-aċċettazzjoni ta’ provi ġodda f’dak l-istadju tal-proċedimenti, jeħtieġ li jitfakkar li l-possibbiltà tal-partijiet fil-proċedimenti quddiem l-UASI li jippreżentaw fatti u provi wara li jiskadu t-termini stabbiliti għal dan il-għan ma teżistix b’mod inkundizzjonat, iżda tinsab, kif jirriżulta mill-punt 42 tas-sentenza UASI vs Kaul, iċċitata iktar ’il fuq, suġġetta għall-kundizzjoni li ma teżistix dispożizzjoni kuntrarja. Huwa biss jekk din il-kundizzjoni tiġi sodisfatta li l-UASI jkollu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatti u tal-provi prodotti tardivament, li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li għandu fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, K & L Ruppert Stiftung vs UASI – Lopes de Almeida Cunha et (CORPO livre), T‑86/05, Ġabra p. II‑4923, punt 47].

32      Madanakollu, billi użat l-espressjoni “sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni mod ieħor” fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet li jistgħu jillimitaw is-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-UASI mill-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza UASI vs Kaul, iċċitata iktar ’il fuq, ma indikatx b’mod espliċitu liema dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94 kienu previsti. Hija lanqas ma ppreċiżat jekk din l-espressjoni kinitx tipprevedi wkoll ir-Regolament Nru 2868/95 u, b’mod partikolari, ir-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95.

33      Issa, jeħtieġ li jiġi rrilevat li peress li r-Regolament Nru 2868/95 ġie adottat, mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 140 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 145 tar-Regolament Nru 207/2009), id-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom jiġu interpretati skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-aħħar regolament [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Marzu 2009, Anheuser-Busch vs UASI – Budějovický Budvar (BUDWEISER), T‑191/07, Ġabra p. II‑691 punt 73].

34      Għaldaqstant, f’dan il-każ, l-argumenti tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell, abbażi tar-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95, kellu l-obbligu li jelimina l-atti tardivi prodotti mill-intervenjenti mingħajr ma seta’ japplika l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, iwassal għal sitwazzjoni fejn tipprevali interpretazzjoni ta’ regola ta’ eżekuzzjoni li tmur kontra t-termini ċari tar-Regolament ġenerali (ara sentenza BUDWEISER, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73, u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Barra minn hekk, il-preżervazzjoni tal-possibbiltà li jiġu aċċettati provi komplementari hija konformi mal-ispirtu tas-sentenza UASI vs Kaul, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ġġustifikat l-aċċettazzjoni ta’ provi tardivi abbażi tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li permezz tagħhom l-eżami tal-mertu ta’ oppożizzjoni għandu jkun l-iktar komplet possibbli, bil-għan li tiġi evitata r-reġistrazzjoni ta’ trade marks li jistgħu sussegwentement jiġu ddikjarati nulli. Għaldaqstant, dawn il-prinċipji jistgħu jipprevalu fuq il-prinċipju ta’ effikaċja proċedurali li fuqu hija bbażata n-neċessità tal-osservanza tat-termini, jekk dan ikun iġġustifikat miċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami.

36      Isegwi li r-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95 ma tistax titqies li hija “dispożizzjoni mod ieħor” fis-sens tas-sentenza UASI vs Kaul, iċċitata iktar ’il fuq.

37      Ċertament huwa veru li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009], kif implementat bir-Regola 22(1) tar-Regolament Nru 2868/95 fil-verżjoni tagħha applikabbli qabel l-emenda tagħha bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1041/2005, tad-29 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 287M, p. 12), li saret ir-Regola 22(2) tal-istess regolament, wara dik l-emenda, jipprevedi li produzzjoni tal-provi tal-użu tat-trade mark preċedenti wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għal dan il-għan twassal, bħala regola ġenerali, għar-rifjut tal-oppożizzjoni, mingħajr mal-UASI jkollu marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward (sentenza CORPO livre, iċċitata iktar ’il fuq, punti 48 u 49).

38      Xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li t-tieni sentenza tar-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95 ma tistax tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi addizzjonali, fir-rigward tal-eżistenza ta’ provi ġodda, anki jekk jiġu prodotti wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu. (sentenza CORPO livre, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

39      Issa, għalkemm l-aċċettazzjoni tal-provi ta’ użu prodotti tardivament għandha tkun suġġetta għall-produzzjoni ta’ “element ġdid”, f’dan il-każ kienu jeżistu raġunijiet validi ħafna għall-aċċettazzjoni ta’ dawn il-provi.

40      Fil-fatt, f’dan il-każ l-“element ġdid”, kif previst fis-sentenza CORPO livre, iċċitata iktar ’il fuq, huwa kkostitwit mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Fil-każ fejn il-parti li tkun qiegħda topponi tipproduċi, fit-termini stabbiliti, provi inizjali rilevanti, li hija tqis in bona fide li huma suffiċjenti sabiex isostnu l-pretensjonijiet tagħha u li ssir taf unikament permezz tad-Deċiżjoni tal-Oppożizzjoni li dawk il-provi ma ġewx iddikjarati suffiċjenti, ma teżisti l-ebda raġuni valida li timpediha milli ssaħħaħ jew tikkjarifika l-kontenut tal-provi inizjali billi tipproduċi provi komplementari meta hija titlob lill-Bord tal-Appell iwettaq mill-ġdid eżami komplet tal-każ.

41      L-argument li l-persuni li jkunu qegħdin jopponu, li għandhom l-oneru tal-prova u li għandhom jissodisfawh, għandhom, bħala regola ġenerali, il-possibbiltà li jipproduċu provi kompleti wara l-bidu tal-proċedimenti, flimkien mal-osservazzjonijiet tagħhom ma huwiex konvinċenti. Bħala regola, jeżisti bl-istess mod nuqqas ta’ osservanza tat-terminu stabbilit inizjalment, fil-każijiet kollha fejn jiġu prodotti provi tardivament. Li kieku s-sempliċi fatt li terminu ma jkunx ġie osservat kien suffiċjenti sabiex jeskludi l-possibbiltà li jiġu prodotti provi komplementari, l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 ma jkun qatt applikabbli u, għaldaqstant, ikun mingħajr ebda skop.

42      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, hemm lok li jitqies li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jistgħux jaffettwaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-provi dwar l-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell. Għaldaqstant l-ewwel parti tal-motiv tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq il-prova ta’ użu ġenwin mit-trade mark preċedenti

43      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell qies b’mod żbaljat li d-dokumenti kollha prodotti mill-intervenjenti kienu jippermettu li jiġi stabbilit użu ġenwin mit-trade mark preċedenti. Fil-fatt, id-disa’ fatturi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell, anki jekk jiġu eżaminati flimkien mal-provi l-oħra, ma kinux jippermettu, fl-opinjoni tagħha, li jiġi pprovat użu ġenwin mit-trade mark preċedenti fit-territorju Ġermaniż matul il-perijodu rilevanti.

44      Kif jirriżulta mid-disa’ premessa tar-Regolament Nru 40/94, il-leġiżlatur ikkunsidra li l-protezzjoni ta’ trade mark preċedenti hija ġġustifikata biss meta hija tkun ġiet effettivament użata. Skont din il-premessa, l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li l-applikant għal trade mark Komunitarja jista’ jitlob li tingħata l-prova li jkun sar użu ġenwin mit-trade mark preċedenti fit-territorju li fih hija kienet protetta matul il-perijodu ta’ ħames snin qabel id-data tal-publikazzjoni tal-applikazzjoni għat-trade mark li kontra tagħha tkun tressqet oppożizzjoni (iktar ’il quddiem il-“perijodu rilevanti”).

45      Skont ir-Regola 22(3) tar-Regolament Nru 2868/95, il-prova tal-użu għandha tkopri l-post, it-tul ta’ żmien, l-importanza u n-natura tal-użu tat-trade mark preċedenti (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Settembru 2008, Boston Scientific vs UASI – Terumo (CAPIO), T‑325/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ użu ġenwin, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li r-ratio legis tar-rekwiżit li trade mark preċedenti għandha tkun intużat ġenwinament sabiex tkun tista’ tiġi invokata f’oppożizzjoni kontra applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tikkonsisti fil-limitazzjoni tal-kunflitti bejn żewġ trade marks, sa fejn ma jkunx hemm raġuni ekonomika valida li tirriżulta minn funzjoni effettiva tat-trade mark fis-suq [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Marzu 2003, Goulbourn vs UASI – Redcats (Silk Cocoon), T‑174/01, Ġabra p. II‑789, punt 38]. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni la hija intiża sabiex tevalwa s-suċċess kummerċjali, la sabiex tikkontrolla l-istrateġija ekonomika ta’ impriża u lanqas sabiex tirriżerva l-protezzjoni tat-trade marks biss fejn ikun sar użu kummerċjali minnhom b’mod importanti mil-lat kwantitattiv [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Sunrider vs UASI – Espadafor Caba (VITAFRUIT), T‑203/02, Ġabra p. II‑2811, punt 38, u tat-8 ta’ Novembru 2007, Charlott vs UASI – Charlo (Charlott France Entre Luxe et Tradition), T‑169/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 33].

47      Trade mark tkun is-suġġett ta’ użu ġenwin meta tiġi użata, b’konformità mal-funzjoni essenzjali tagħha, li hija li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm suq tal-bejgħ għal dawn il-prodotti jew servizzi, bl-esklużjoni ta’ użi ta’ natura simbolika li għandhom l-uniku skop li jżommu d-drittijiet mogħtija permezz ta’ reġistrazzjoni [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Mejju 2009, Schuhpark Fascies vs UASI – Leder & Schuh (jello SCHUHPARK), T‑183/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 20, u l-ġurisprudenza ċċitata]. F’dan ir-rigward, il-kundizzjoni relatata mal-użu ġenwin mit-trade mark teħtieġ li din, hekk kif hija protetta fit-territorju rilevanti, tintuża, pubblikament u lejn l-estern [sentenzi Silk Cocoon, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39; VITAFRUIT, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39; u Charlott France Entre Luxe et Tradition, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34].

48      L-evalwazzjoni tan-natura ġenwina tal-użu tat-trade mark għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha xierqa sabiex jiġi stabbilit jekk l-użu kummerċjali tagħha huwiex reali, b’mod partikolari l-użu kkunsidrat bħala ġġustifikat, fis-settur ekonomiku kkonċernat, sabiex jinżammu jew jinħolqu partijiet tas-suq favur prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, il-firxa u l-frekwenza tal-użu tat-trade mark (sentenza BUDWEISER, iċċitata iktar ’il fuq, punt 101).

49      Fir-rigward tal-importanza tal-użu li sar mit-trade mark preċedenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-volum kummerċjali tal-atti kollha ta’ użu, minn naħa, u t-tul ta’ żmien li matulu twettqu atti ta’ użu kif ukoll tal-frekwenza ta’ dawn l-atti, min-naħa l-oħra (sentenza BUDWEISER, iċċitata iktar ’il fuq, punt 102).

50      Il-kwistjoni dwar jekk użu huwiex suffiċjenti mil-lat kwantitattiv biex jinżammu jew jinħolqu partijiet tas-suq għall-prodotti jew għas-servizzi protetti mit-trade mark tiddependi għalhekk minn diversi fatturi u minn evalwazzjoni fuq bażi individwali. Il-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il-frekwenza jew ir-regolarità tal-użu tat-trade mark, il-fatt li t-trade mark hija użata biex jiġu kkummerċjalizzati l-prodotti jew is-servizzi identiċi kollha tal-impriża proprjetarja jew sempliċement xi wħud minnhom, jew inkella l-provi rigward l-użu tat-trade mark li l-proprjetarju jista’ jagħti, huma fost il-fatturi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Mejju 2006, Sunrider vs UASI, C‑416/04 P, Ġabra p. I‑4237, punt 71).

51      Sabiex tiġi eżaminata n-natura ġenwina tal-użu minn trade mark preċedenti, għandha ssir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (sentenza BUDWEISER, iċċitata iktar ’il fuq, punt 104). Din l-evalwazzjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni. B’hekk, volum baxx ta’ prodotti kkumerċjalizzati taħt l-imsemmija trade mark jista’ jiġi kkumpensat minn intensità qawwija jew kostanza kbira fil-perijodu ta’ użu ta’ din it-trade mark u bil-maqlub. Barra minn dan, kemm id-dħul mill-bejgħ kif ukoll il-kwantità ta’ prodotti mibjugħa taħt it‑trade mark preċedenti ma jistgħux jiġu evalwati fl-assolut, iżda jridu jiġu evalwati fid-dawl ta’ fatturi rilevanti oħra, bħall-volum tal-attività kummerċjali, il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni jew ta’ kummerċjalizzazzjoni jew il-grad ta’ diversifikazzjoni tal-impriża li tuża t-trade mark kif ukoll il-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi fis-suq ikkonċernat. Minħabba dan, ma huwiex meħtieġ li l-użu tat-trade mark preċedenti jkun dejjem kwantitattivament importanti sabiex jiġi kkwalifikat bħala ġenwin (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C‑40/01, Ġabra p. I‑2439, punt 39, u d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Jannar 2004, La Mer Technology, C‑259/02, Ġabra p. I‑1159, punt 21).

52      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li l-użu ġenwin ta’ trade mark ma jistax jiġi pprovat permezz ta’ probabbiltajiet jew preżunzjonijiet iżda għandu jkun ibbażat fuq provi konkreti u oġġettivi ta’ użu effettiv u suffiċjenti tat-trade mark fis-suq ikkonċernat [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2002, Kabushiki Kaisha Fernandes vs UASI – Harrison (HIWATT), T‑39/01, Ġabra p. II‑5233, punt 47].

53      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell ikkunsidrax ġustament li l-intervenjenti pproduċiet il-prova ta’ użu ġenwin mit-trade mark preċedenti.

54      Hemm lok li jiġi rrilevat li, peress li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni ġiet ippubblikata fit-8 ta’ April 2002, il-perijodu ta’ ħames snin imsemmi fl-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 kien ikopri l-perijodu ta’ bejn it-8 ta’ April 1997 u s-7 ta’ April 2002. Barra minn hekk, il-provi prodotti mill-intervenjenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni intiżi sabiex juru l-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti fil-Ġermanja huma dawn li ġejjin:

–        stqarrija ġuramentata tad-direttur ġenerali tal-intervenjenti, tat-3 ta’ Diċembru 2003;

–        żewġ opuskoli, li juru l-oġġetti mibjugħa taħt is-sinjal figurattiv tal-intervenjenti bi traduzzjoni ta’ partijiet rilevanti, l-ebda wieħed minn dawk id-dokumenti ma kellu data;

–        żewġ kopji ta’ imballaġġ tal-prodott bi traduzzjoni Ingliża integrata, l-ebda wieħed minn dawk id-dokumenti ma kellu data;

–        żewġ skedi ta’ prezzijiet bi traduzzjonijiet parzjali, li jsemmu “validi b’effett mill-” u d-dati tal-1 ta’ April 2001 u tal-1 ta’ Jannar 2000;

–        tliet rapporti fuq id-dħul mill-bejgħ mensili tal-1997, tal-1998 u tal-1999 ;

–        żewġ rapporti fuq id-dħul mill-bejgħ tal-2003.

55      Fir-rigward tal-provi prodotti, mill-parti li qiegħda topponi, għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell insostenn ta’ dawk diġà prodotti fl-ewwel istanza, dawn huma disa’ fatturi li għandhom dati li jmorru mill-20 ta’ April 2001 sat-18 ta’ Marzu 2002.

56      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi enfasizzat li r-rikorrenti qed twettaq distinzjoni bejn l-argumenti dwar id-dokumenti prodotti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u dawk li jirrigwardaw is-saħħa probatorja tal-fatturi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell.

57      Fir-rigward tad-dokumenti prodotti fl-ewwel istanza, ir-rikorrenti tippretendi li huma manifestament insuffiċjenti sabiex jipprovaw l-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti, minn naħa, fir-rigward tal-istqarrija ġuramentata, għaliex huma joriġinaw mill-intervenjenti, u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dokumenti l-oħra, għaliex l-ebda waħda minnhom ma għandha l-indikazzjonijiet kollha mitluba mir-Regola 22(3) tar-Regolament Nru 2868/95, jiġifieri l-informazzjoni dwar it-tul, il-post, l-importanza u n-natura tal-użu.

58      F’dak li jirrigwarda l-istqarrija ġuramentata, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, sabiex tiġi evalwata s-saħħa probatorja ta’ “stqarrijiet bil-miktub ġuramentati jew affermati jew li għandhom effett simili taħt il-liġi ta’ l-Istat fejn tinkiteb l-istqarrija” fis-sens tal-Artikolu 76(1)(f) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 78(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009], hemm lok li wieħed jivverifika r-raġonevolezza u l-veridiċità tal-informazzjoni li tinsab fiha billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi li fih ikun ġie redatt, id-destinatarju tiegħu, u li wieħed jistaqsi lilu nnifsu jekk, mill-kontenut tiegħu, l-imsemmi dokument jidhirx li jagħmel sens u li huwa affidabbli [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Diċembru 2008, Deichmann-Schuhe vs UASI – Design for Woman (DEITECH), T 86/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 47, u jello SCHUHPARK, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38].

59       Isegwi li, jekk huwa minnu li, fid-dawl tar-rabtiet li jġibu flimkien l-awtur tal-attestazzjoni u l-intervenjenti, l-imsemmija attestazzjoni għandha tiġi kkorroborata mill-kontenut ta’ provi oħra prodotti mill-intervenjenti sabiex ikollhom saħħa probatorja, b’danakollu ċ-ċirkustanza li din l-attestazzjoni toriġina mid-direttur ġenerali tal-intervenjent fiha nnifisha ma tneħħilhiex kull saħħa. Barra minn hekk, kif indikat iktar ’il quddiem, l-informazzjoni mogħtija mill-attestazzjoni hija effettivament ikkonfermata mill-provi l-oħra mressqa quddiem l-UASI. Għaldaqstant, dan l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

60      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-ebda wieħed mill-provi l-oħra ma għandhom l-indikazzjonijiet mitluba mir-Regola 22(3) tar-Regolament Nru 2868/95, għandu jiġi rrilevat, kif intqal mill-UASI, li l-metodu applikat mir-rikorrenti sabiex tanalizza l-provi, li jikkonsisti fid-diviżjoni tad-dokumenti prodotti f’partijiet differenti filwaqt li tipprova tiskarta l-ikbar numru possibbli minħabba nuqqas ta’ rilevanza, ma huwiex kompatibbli, minn naħa, mal-prinċipju li jgħid li l-provi għandhom jiġu evalwati globalment, u, min-naħa l-oħra, mal-pożizzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Ansul, li tgħid li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tan-natura ġenwina tal-użu tat-trade mark, il-fatti kollha u ċ-ċirkustanzi li effettivament jistabbilixxu r-realtà tal-isfruttament kummerċjali tagħha (sentenza Ansul, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

61      Barra minn hekk, għalkemm ir-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95 issemmi l-indikazzjonijiet dwar it-tul, il-post, l-importanza u n-natura tal-użu u tagħti eżempji ta’ provi li jistgħu jintlaqgħu, bħalma huma pakketti, tikketti, listi ta’ prezzijiet, katalgi, fatturi, ritratti, riklami fil-gazzetti, u prospetti bil-miktub, din ir-regola bl-ebda mod ma tindika li kull prova għandha neċessarjament ikollha l-informazzjoni dwar kull wieħed mill-erba’ elementi li għandhom jirrigwardaw il-prova tal-użu ġenwin, jiġifieri t-tul, il-post, l-importanza u n-natura tal-użu.

62      Isegwi li l-argument tar-rikorrenti li jgħid li ċerti provi ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni, għaliex ma jagħtux simultanjament il-prova tal-erba’ elementi mitluba ma jistax jintlaqa’, u dan iktar u iktar meta, f’dan il-każ, l-opuskoli, il-listi tal-prezzijiet u l-istqarrijiet prodotti juru b’mod ċar it-tul, il-post, l-importanza u n-natura tal-użu kemm direttament, kemm b’deduzzjoni.

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li kemm fl-opuskoli kif ukoll fiż-żewġ kopji ta’ imballaġġi, il-prodotti huma ppreżentati bil-Ġermaniż. Huwa veru li, f’wieħed mill-imballaġġi, l-istruzzjonijiet għall-użu u d-deskrizzjoni tal-prodott jidhru wkoll bil-Franċiż u bl-Ingliż, imma dan huwa minħabba l-fatt, kif isostni l-intervenjent, li l-prodotti inkwistjoni kienu ġew importati mill-ġdid minn pajjiżi Ewropej oħra. F’kull każ, dawn l-indikazzjonijiet ma jixħdux xi dubju fuq il-fatt li s-suq inkwistjoni kien dak tal-Ġermanja. Il-lista tal-prezzijiet, stabbiliti bil-Mark Ġermaniż u bl-Euro skont is-sena, turi dan ukoll, u b’hekk tikkorrobora l-attestazzjoni tad-direttur ġenerali tal-intervenjenti dwar il-post fejn intużat. It-trade mark figurattiva kif irreġistrata tidher fl-opuskoli kollha, fuq l-imballaġġi u fil-listi tal-prezzijiet. Ir-rapporti dwar id-dħul mill-bejgħ juri li effettivament kien sar bejgħ. Barra minn hekk, il-fatturi jikkorroboraw dan l-element. Minkejja li l-kelma “bufalo” hija mqassra f’ċerti każijiet, it-taqsira ma tistax ħlief tirreferi għall-kelma “bufalo”. B’hekk, pereżempju, fattura tal-20 ta’ Diċembru 2001 issemmi “buf. shoe polish schwarz 75 ml”. Ir-referenza ta’ dan il-prodott tidher f’fattura oħra tal-istess ġurnata u tikkorrispondi f’din tal-aħħar għall-prodott “bufalo shoe polish black 75ml”. In-natura tal-użu hija għaldaqstant suffiċjentement ikkonfermata.

64      Bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-użu ma ġiex stabbilit biss għall-manutenzjoni taż-żraben. L-opuskoli juru li, barra x-xemgħa, l-intervenjent kien ibigħ, b’mod partikolari, sapun li fuqu kien espressament indikat li kien tajjeb għall-“ġlud lixxi kollha”, xaħmijiet għall-ġilda u prodotti li fuqhom hemm ippreżentati biss artikli ta’ ġojjellerija jew ħwejjeġ, li jindika għaldaqstant li huma ddestinati għall-prodotti BUFALO. L-argument tar-rikorrenti dwar dan il-punt, għaldaqstant, ma huwiex rilevanti u għandu jiġi miċħud.

65      Għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrenti li jgħid li d-dokumenti li ma għandhomx data jew li għandhom data li ma hijiex inkluża fil-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huma wkoll mingħajr interess. Anki jekk wieħed kellu jqis li dawn id-dokumenti ma jippermettux, fihom infushom, li wieħed jistabbilixxi użu ġenwin, wieħed għandu jikkunsidra li, peress li l-ħajja kummerċjali ta’ prodott testendi għal perijodu speċifikat, u peress li l-kontinwità tal-użu hija parti mill-informazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit li l-użu kien oġġettivament iddestinat sabiex joħloq jew jikkonserva parti minn suq, dokumenti ta’ dan it-tip, ’il bogħod milli jkunu mingħajr interess, għandhom, f’dan il-każ, jittieħdu inkunsiderazzjoni u jiġu evalwati flimkien mal-elementi l-oħra, għaliex huma jistgħu jagħtu l-prova a posteriori ta’ sfruttament kummerċjali reali u ġenwin tat-trade mark.

66      Fir-rigward tal-fatturi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell, ir-rikkorrenti tikkontesta s-saħħa probatorja tagħhom minħabba, l-ewwel nett, li huma juru biss użu sporadiku, fid-dawl tan-natura tal-prodotti (prodotti ta’ prezz baxx), tal-estensjoni tas-suq ġeografiku inkwistjoni (il-Ġermanja) u tal-konsumaturi rilevanti (il-pubbliku ġenerali) u li huma ekwivalenti biss għal parti żgħira ħafna tad-dħul mill-bejgħ fl-istqarrija ġuramentata, it-tieni nett, li huma nħarġu minn entità differenti, li għaliha ma ġiex ipprovat li kien hemm liċenzja awtorizzata tal-proprjetarju, it-tielet nett, li huma ma jirrigwardawx il-perijodu kollu ta’ ħames snin, imma tlettax-il xahar biss u, ir-raba’ nett, li huma setgħu juru sewwa użu għaż-żraben, imma mhux għall-kremi għall-lostrar u għall-kremi għall-ġilda b’mod ġenerali.

67      F’dan il-każ, fir-rigward tal-fatturi addizzjonali u l-impatt tagħhom fuq l-evalwazzjoni dwar l-importanza tal-użu, il-Bord tal-Appell ġustament qies li, flimkien mal-provi l-oħra, dawn il-fatturi “jagħti prova ta’ użu li oġġettivament iwassal jew joħloq ftuħ għall-kremi għal-lostrar [u għall‑] kremi għall-ġilda [u] barra minn hekk, il-volum kummerċjali, meta mqabbel mat-tul u l-frekwenza tal-użu, ma huwiex daqshekk dgħajjef li jwassal għall-konklużjoni li huwa użu purament simboliku, minimu jew fittizju, li jkollu bħala skop uniku li jippreżerva l-protezzjoni tad-dritt għat-trade mark”.

68      Il-Bord tal-Appell wasal għal din il-konklużjoni wara evalwazzjoni rigoruża tad-dokumenti u abbażi tal-osservazzjonijiet segwenti:

“Id-disa’ fatturi għandhom dati li jmorru minn April 2001 sa Marzu 2002. Id-direttur ġenerali tal-[intervenjenti] indika fl-istqarrija tiegħu li l-prodotti u l-materjali għall-kura taż-żraben iġġeneraw, għal dak li qiegħed jopponi, dħul mill-bejgħ ta’ EUR 6 653 237 bejn l-2000 u l-2003. Id-disa’ fatturi jikkonċernaw bejgħ ta’ madwar EUR 1 600 u juru li l-artikli BUFALO ġew ikkunsinnati f’ammonti żgħar (12, 24, 36, 48, 60, 72 jew 144 biċċa) lil klijenti differenti. Dan jidher li jikkorrispondi maċ-ċifri ta’ bejgħ żgħar, indikati fl-istqarrija, li jaqbżu bi ftit EUR miljun fis-sena għal prodotti li jintużaw ħafna, bħalma hija x-xemgħa, fis-suq Ewropew iktar wiesa’, jiġifieri l-Ġermanja, li għandha madwar 80 miljun konsumatur potenzjali. Barra minn hekk, it-tariffi applikati fil-fatturi jaqblu fil-parti l-kbira ma' dawk li jidhru fil-listi tal-prezzijiet prodotti fid-dokument immarkat (d) imressaq quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni”.

69      Dawn il-konklużjonijiet huma kkonfermati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid, meta tirrispondi għal ġustifikazzjoni kummerċjali reali, li użu anki minimu tat-trade mark jew li jirriżulta minn importatur wieħed biss fl-Istat Membru kkonċernat jista’ jkun suffiċjenti sabiex jistabbilixxi l-eżistenza ta’ natura ġenwina (sentenza Ansul, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39, u digriet La Mer Technology, iċċitat iktar ’il fuq, punt 21).

70      Isegwi li l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-bejgħ indikat fil-fatturi juri biss użu sporadiku, fid-dawl tan-natura tal-prodotti u tal-estensjoni tas-suq ġeografiku, għandu jiġi miċħud.

71      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li l-evalwazzjoni tal-importanza tal-użu ma għandhiex tistrieħ biss fuq l-ammont tal-bejgħ muri espressament fil-fatturi. Fil-fatt, il-fatturi jagħtu wkoll indirettament l-indikazzjonijiet li jirrigwardaw l-użu tat-trade mark preċedenti. Pereżempju, il-fatt li l-fatturi prodotti ma għandhomx numri konsekuttivi u għandhom essenzjalment dati b’xhur differenti jwassal x’wieħed jaħseb li l-intervenjent ipproduċa biss provi bħala eżempji ta’ bejgħ. Madankolli, dawn l-eżempji jippermettu li dak li jkun jissupponi, b’ċertu grad ta’ ċertezza, li l-bejgħ globali tal-prodotti inkwistjoni huwa fil-verità ħafna ikbar minn dak espressament imsemmi. Bl-istess mod, il-fatt li dawn il-fatturi huma indirizzati lil distributuri differenti juri li l-użu huwa ta’ importanza suffiċjenti sabiex jikkorrispondi għal sforz kummerċjali reali u ġenwin u li ma huwiex sempliċi tentattiv ta’ simulazzjoni ta’ użu ġenwin billi jintuża dejjem l-istess ċirku ta’ distribuzzjoni.

72      Konsegwentement, il-Bord tal-Appell ġustament qies li l-ammonti li jidhru fil-fatturi ma humiex dgħajfa sal-punt li jfissru li dan il-bejgħ kien sar bl-iskop uniku li tinżamm it-trade mark fir-reġistru u mhux sabiex isir użu ġenwin, u li dan kien suffiċjenti sabiex wieħed jikkonkludi li, f’dan il-każ, l-intervenjent kien ipproduċa l-prova, li tagħha kellu l-oneru, ta’ dan l-użu ġenwin.

73      Fir-rigward tal-argument li jgħid li l-fatturi nħarġu minn entità differenti mill-intervenjent, li għaliha ma ġiex ipprovat li kellha liċenzja awtorizzata tal-proprjetarju, għandu jiġi rrilevat li l-kumpannija li minnha joriġinaw il-fatturi tidher f’opuskolu, imma wkoll fil-lista tal-prezzijiet li tiswa mill-1 ta’ April u f’rapport dwar id-dħul mill-bejgħ għas-snin 2000 sal-2003. Fil-lista tal-prezzijiet, l-isem ta’ din il-kumpannija jidher wara l-indikazzjoni “Vertriebsgesellschaft mbH”, li tista’ tiġi tradotta bil-Franċiż bħala “société de distribution” [“kumpannija ta’ distribuzzjoni” bil-Malti]. L-istess indikazzjoni tidher fil-parti ta’ fuq tal-ittri użata għad-disa’ fatturi. Barra minn hekk, l-indirizz elettroniku tal-kumpannija fil-parti ta’ isfel tal-fatturi juri li dan l-indirizz elettroniku jinsab fis-sit internet tal-intervenjenti, jiġifieri “BNS@WERNER-MERTZ.COM”. Dawn l-elementi jikkorroboraw l-affermazzjoni tal-intervenjenti li tgħid li l-kumpannija kkonċernata hija kumpannija ta’ distribuzzjoni tal-intervenjenti jew, almenu, kumpannija marbuta mill-viċin mal-intervenjenti.

74      Barra minn hekk, l-argument li jgħid li l-fatturi ma jirrigwardawx il-perijodu kollu ta’ ħames snin, imma biss tlettax-il xahar, għandu wkoll jiġi miċħud, għaliex ma huwiex neċessarju li l-użu jdum matul il-perijodu kollu ta’ ħames snin, imma matul perijodu suffiċjentement twil sabiex jiġi stabbilit li dan l-użu huwa ġenwin. Barra minn hekk, l-istqarrija ġuramentata tagħti informazzjoni f’dan ir-rigward u, konsegwentement, ma jistax jiġi affermat f’dan il-każ li l-użu kien limitat għal perijodu ta’ tlettax-il xahar biss.

75      Fl-aħħar nett, l-argument li jgħid li l-provi jistgħu juru l-użu, l-iktar l-iktar, għaż-żraben biss u mhux għall-kremi għal-lostrar u għall-kremi għall-ġilda b’mod ġenerali għandu, huwa wkoll, jiġi miċħud, sa fejn huwa jwettaq distinzjoni li ma tikkorrispondi mal-ebda settur reali tas-suq li fih il-prodotti li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni jistgħu jiġu suddiviżi mil-lat kummerċjali.

76      Isegwi li l-fatturi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell kienu siffiċjenti sabiex juru, flimkien mal-provi l-oħra, li t-trade mark Ġermaniża preċedenti li fuqha kienet ibbażata l-oppożizzjoni kienet ġiet użata b’mod ġenwin għall-prodotti indikati mill-Bord tal-Appell. Konsegwentement, it-tieni parti tal-motiv għandha wkoll tiġi miċħuda u, magħha, ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

77      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk tkun saret talba f’dan is-sens. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-UASI u mill-intervenjenti, skont it-talbiet tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      BUFFALO MILKE Automotive Polishing Products, Inc. hija kkundannata għall-ispejjeż.

Forwood

Schwarcz

Popescu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Novembru 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.