Language of document : ECLI:EU:T:2008:268

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

9 ta’ Lulju 2008 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark Komunitarja verbali Mozart – Suġġett tal-kawża – Raġuni assoluta għal rifjut – Karattru deskrittiv – Obbligu ta’ motivazzjoni – Aspettattivi leġittimi – Trattament ugwali – Prinċipju ta’ legalità – Artikolu 7(1)(ċ), Artikolu 51(1)(a), l-ewwel sentenza tal-Artikolu 73 u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94”

Fil-kawża T‑304/06,

Paul Reber GmbH & Co. KG, stabbilita f’Bad Reichenhall (il-Ġermanja), irrappreżentata minn O. Spuhler, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern      (Trade marks u Disinni), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li hija

Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli AG, stabbilita f’Kilchberg (l-Iżvizzera), irrappreżentata minn R. Lange u G. Hild, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tat-8 ta’ Settembru 2006 (Każ R 97/2005−2), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli AG u Paul Reber GmbH & Co. KG,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras (Relatur), President, M. Prek u V. Ciucă, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-10 ta’ Novembru 2006,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-12 ta’ Marzu 2007,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-23 ta’ Frar 2007,

wara s-seduta tal-5 ta’ Marzu 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-8 ta’ Marzu 1996, ir-rikorrenti, Paul Reber GmbH & Co. KG, ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2        It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali Mozart.

3        Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu taħt il-klassi 30, skont il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Ikel ta’ l-għaġina u ħlewwiet, prodotti biċ-ċikkulata, ħelu”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 25/98, tas-6 ta’ April 1998.

5        Fis-27 ta’ Mejju 1998, l-intervenjenti, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli AG, bħala terza persuna skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 40/94, ippreżentat lill-UASI osservazzjonijiet bil-miktub, li fihom hija ppreċiżat li, fil-fehma tagħha, it-trade mark ikkontestata għandha tiġi miċħuda skont l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, peress li l-imsemmija trade mark hija deskrittiva tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

6        Madankollu, it-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata bħala trade mark Komunitarja fis-26 ta’ Jannar 2000, bin-numru 21 071.

7        Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Settembru 2000, li waslet għand l-UASI fis-27 ta’ Settembru segwenti, il-Landgericht München I (qorti reġjonali ta’ Munich I, il-Ġermanja), bħala qorti tat-trade marks Komunitarji skont l-Artikolu 91 tar-Regolament Nru 40/94, infurmat lill-UASI, skont l-Artikolu 96(4) tal-istess regolament, li, fil-kuntest ta’ kawża quddiemha bejn ir-rikorrenti u Conditorei Coppenrath & Wiese GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Coppenrath”), kienet ġiet ippreżentata kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata mill-kumpannija Coppenrath, fit-30 ta’ Awwissu 2000.

8        Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Novembru 2000, li wasslet għand l-UASI fit-22 ta’ Novembru segwenti, il-Landgericht München I bagħtet lill-UASI kopja tas-sentenza tagħha tal-15 ta’ Novembru 2000, li biha laqgħet il-kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u ddeċidiet favur l-invalidità tat-trade mark ikkontestata.

9        Fl-14 ta’ Novembru 2002, l-intervenjenti, skont l-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 40/94, ippreżentat quddiem l-UASI applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata, peress li hija kienet ġiet irreġistrata bi ksur tal-Artikolu 7(1)(ċ), moqri flimkien mal-Artikolu 51(1)(a) tal-imsemmi regolament.

10      Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Awwissu 2003, l-UASI informa lil-Landgericht München I li l-preżentazzjoni, quddiem din il-qorti, ta’ kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata kienet ġiet inkorporata fir-Reġistru tat-trade marks Komunitarji fit-13 ta’ Awwissu 2003 u li kienet ser tiġi ppubblikata dalwaqt fil-Bulletin tat-trade marks Komunitarji.

11      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Settembru 2003, li wasslet għand l-UASI fit-8 ta’ Settembru segwenti, l-Oberlandesgericht München (qorti reġjonali superjuri ta’ Munich) bagħat lill-UASI kopja tas-sentenza tiegħu tas-26 ta’ Lulju 2001, li annullat is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2000 tal-Landgericht München I u ċaħdet il-kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata ppreżentata minn Coppenrath. Skont din l-istess ittra, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2001 kienet saret res judicata.

12      Permezz tad-deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2004, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni laqgħet il-kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u, konsegwentement, iddikjarat it-trade mark ikkontestata bħala invalida.

13      Preliminarjament, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kkonstatat li d-dispożizzjoni tal-Artikolu 55(3) tar-Regolament Nru 40/94, li tipprovdi li, “[a]pplikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija inammissibli jekk applikazzjoni li tirrigwarda l-istess materja u l-istess kawża, u li tinvolvi lill-istess partijiet, tkun ġiet aġġudikata minn qorti fi Stat Membru u tkun saret res judicata”, ma kinitx tipprekludi l-preżentazzjoni tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kkontestata. Huwa minnu li s-sentenza tal-Oberlandesgericht München tas-26 ta’ Lulju 2001 kienet tikkonċerna l-istess trade mark Komunitarja u l-istess raġuni ta’ invalidità, madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li l-partijiet f’dik il-kawża ma kinux l-istess bħal dawk f’din il-kawża, peress li l-kawża li kienet deċiża mis-sentenza inkwistjoni kienet bejn ir-rikorrenti u Coppenrath u mhux bejn ir-rikorrenti u l-intervenjenti (punt 8 tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni).

14      Fuq il-mertu, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni qieset li t-trade mark ikkontestata kienet deskrittiva, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, fir-rigward tal-prodotti kollha msemmija, peress li hija kienet tikkonsisti esklużivament f’indikazzjoni li tindika x-xorta u l-kwalità tal-imsemmija prodotti. Essenzjalment, hija bbażat ruħha fuq iċ-ċirkustanzi li, fil-Ġermanja u fl-Awstrija, il-kelma “Mozartkugel” (boċċa ta’ Mozart) kienet użata sabiex tirrappreżenta boċċi ta’ marżipan u ta’ mili tal-lewż biz-zokkor miksija biċ-ċikkulata, u min-naħa l-oħra, li l-isem Mozart, meħud iżolament, jibqa’ jimplika l-imsemmi prodott, il-fatt li timplika “Kugel” (boċċa) huwa evidenti u dirett fid-dawl tal-forma estetika tagħha. Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet ukoll id-deċiżjoni mogħtija fis-sentenza tal-Oberlandesgericht München, iċċitata iktar ’il fuq, u spjegat ir-raġunijiet għalfejn hija kienet tal-fehma li d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-UASI tal-10 ta’ April 2002 (każ R 953/2001−3), invokata mir-rikorrenti, ma kinitx rilevanti għal din il-kawża. Barra minn hekk, hija analizzat ir-riżultati ta’ kwestjonarju pprovdut mir-rikorrenti u kkonkludiet li dawn ma kinux ta’ natura li jippreġudikaw il-konklużjoni tagħha fir-rigward tal-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata.

15      Fil-25 ta’ Jannar 2005, ir-rikorrenti ressqet appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

16      Permezz tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru 2006, li ġiet innotifikata lir-rikorrenti fil-11 ta’ Settembru segwenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell ċaħad l-appell. Il-Bord tal-Appell essenzjalment ikkunsidra li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet “indikazzjoni oġġettiva kompletament deskrittiva tal-prodotti mitluba”. F’dan ir-rigward, huwa rrileva li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet “immotivata fid-dettall” u li l-Bord tal-Appell “elenka l-istess motivi u ftit li xejn kellu kunsiderazzjonijiet oħra xi jżid” (punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata). Peress li r-rikorrenti rrikonoxxiet li, fil-Ġermanja u fl-Awstrija, il-kelma “Mozartkugeln” kienet ta’ karattru ġeneriku u deskrittiv, “huwa diffiċli li wieħed jemmen li l-konsumaturi Ġermaniżi u Awstrijaċi, meta jaraw l-isem Mozart miktub fuq imballaġġ ta’ prodott li jinsab f’dolċerija jew fl-ixkaffa taċ-ċikkulata ġewwa supermarkit, ma jqisux li dawn huma Mozartkugeln (boċċi ta’ Mozart) li huma offruti lilhom” (punti 21 u 22 tad-deċiżjoni kkontestata).

 It-talbiet tal-partijiet

17      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn huwa neċessarju għar-restrizzjoni tad-deskrizzjoni tal-prodotti li għalihom hija rreġistrata t-trade mark ikkontestata bil-mod segwenti: “Ikel ta’ l-għaġina u ħlewwiet, prodotti biċ-ċikkulata, ħelu, il-prodotti kollha msemmija iktar ’il fuq minbarra l-ispeċjalità magħrufa bħala “Mozartkugeln”, jiġifieri boċċi tal-marżipan u mili tal-lewż biz-zokkor miksija biċ-ċikkulata”;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

18      L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors ;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

19      L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha tiċħad ir-rikors.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba sussidjarja tar-rikorrenti

 L-argumenti tal-partijiet

20      L-UASI, sostnut mill-intervenjenti, isostni li t-talba sussidjarja tar-rikorrenti hija inammissibbli. L-ewwel nett, din it-talba temenda s-suġġett tal-kawża, u għaldaqstant, tmur kontra l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. It-tieni nett, ebda applikazzjoni, ippreżentata skont l-Artikolu 44(1) tar-Regolament Nru 40/94, bl-għan li tillimita l-lista ta’ prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata ma ġiet ippreżentata lill-UASI. It-tielet nett, ma jistax jiġi ammess li, meta tintalab ir-reġistrazzjoni ta’ trade għal prodotti u servizzi partikolari, l-awtorità kompetenti tista’ biss tirreġistra t-trade mark sakemm l-imsemmija prodotti u servizzi ma jippreżentawx karatteristika partikolari.

21      Ir-rikorrenti hija tal-fehma li t-talba sussidjarja tagħha hija ammissibbli. Minn naħa, din it-talba tiddependi definittivament minn kundizzjoni interna tal-proċedura li ma tistax tiġi influwenzata mill-partijiet, jiġifieri l-konfermazzjoni eventwali tad-deċiżjoni kkontestata mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Min-naħa l-oħra, il-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja jista’ f’kull ħin jillimita l-lista tal-prodotti koperti mit-trade mark tiegħu. Għalhekk, peress li t-talba sussidjarja ġiet ippreżentata fir-rikors, hija ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li ġiet ippreżentata tard.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

22      Għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 26(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għandu jkollha lista ta’ prodotti jew servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Skont ir-regola 2(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU L 303, p.1), il-lista ta’ prodotti u ta’ servizzi għandha tinkiteb b’tali mod li tindika b’mod ċar in-natura tagħhom. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 44(1) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li l-applikant jista’ f’kull ħin jirtira l-applikazzjoni tiegħu għal trade mark Komunitarja jew jillimita l-lista ta’ prodotti u ta’ servizzi li huma inklużi fiha.

23      Mid-dispożizzjonijiet preċedenti jirriżulta li hija l-persuna li tippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitajra li għandha tindika, fl-applikazzjoni, il-lista ta’ prodotti u ta’ servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni u li għandha tipprovdi, għal kull imsemmi prodott u servizz, deskrizzjoni li tindika b’mod ċar in-natura tagħhom. Min-naħa tiegħu, l-UASI għandu jeżamina l-applikazzjoni fir-rigward tal-prodotti u servizzi kollha li huma inklużi fil-lista kkonċernata, b’kunsiderazzjoni, skont il-każ, għar-restrizzjonijiet, skont l-Artikolu 44(1) tar-Regolament Nru 40/94 tal-imsemmija lista. Jekk il-lista ta’ prodotti u ta’ servizzi koperta mill-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tinkludi waħda mill-kategoriji ta’ prodotti u servizzi jew numru minnhom, l-UASI m’għandux l-obbligu li jwettaq analiżi ta’ kull prodott jew ta’ servizz f’kull kategorija, iżda għandu jagħmel eżami tal-kategorija inkwistjoni, fiha nnfisha [ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Novembru 2006, Anheuser-Busch vs UASI – Budĕjovický Budvar (BUDWEISER),T-366/05, Ġabra p. II-89, punt 35].

24      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tannulla jew temenda d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-UASI jekk, fil-mument meta ngħatat, din kienet ivvizzjata minn waħda mir-raġunijiet ta’ annullament jew ta’ emenda pprovduti fl-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 40/94. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija deċiżjoni ma tistax tiġi annullata jew emendata għal raġunijiet li jinbtu wara li tkun mogħtija (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Mejju 2006, Sunrider vs UASI,C-416/04 P, Ġabra p. I‑4237, punt 55).

25      Minn dan isegwi li, bħala prinċipju, restrizzjoni skont l-Artikolu 44(1) tar-Regolament Nru 40/94 tal-lista ta’ prodotti u ta’ servizzi li jinsabu f’applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, li seħħet wara li ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata mill-Bord tal-Appell quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ma tistax taffettwa l-legalità tal-imsemmija deċiżjoni, li hija l-unika waħda kkontestata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza [ara, f’dan is-sens, id-digriet BUDWEISER, punt 23 iktar ’il fuq, punti 40 sa 48, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Novembru 2007, Tegometall International vs UASI – Wuppermann (TEK), T-458/05, Ġabra p. II-4721, punt 23].

26      Madankollu, għandu jiġi rrilevat ukoll li d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-UASI tista’ tiġi kkontestata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza biss fir-rigward ta’ ċerti prodotti u servizzi li huma inklużi fil-lista koperta mill-applikazzjoni għat-trade mark ikkonċernata. F’każ bħal dan, din id-deċiżjoni ssir definittiva għal prodotti u servizzi l-oħra li huma inklużi fl-istess lista.

27      Fid-dawl ta’ din il-possibbiltà, il-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat dikjarazzjoni ta’ applikant tat-trade mark quddiemha u, għalhekk, wara li ngħatat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, li tipprovdi li huwa rtira l-applikazzjoni tiegħu għal ċerti prodotti koperti mill-applikazzjoni inizjali, bħala dikjarazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata hija biss ikkontestata sa fejn tkopri l-bqija tal-prodotti kkonċernati [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, Telepharmacy Solutions vs UASI (TELEPHARMACY SOLUTIONS), T-289/02, Ġabra p. II‑2851, punti 13 u 14], jew bħala rtirar parzjali, fil-każ fejn din id-dikjarazzjoni ssir fi stadju avvanzat tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Marzu 2003, Unilever vs UASI (Tablette ovoïde), T-194/01, Ġabra p. II‑383, punti 13 sa 17].

28      Quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, tali interpretazzjoni tar-restrizzjoni tal-lista ta’ prodotti u servizzi koperti minn applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, hija possibbli biss meta l-applikant sempliċement jirtira minn din il-lista prodott wieħed jew iktar, jew kategorija waħda jew iktar ta’ prodotti jew servizzi, li huma inklużi, bħala tali, fuq l-imsemmija lista. Fil-fatt, jidher ċar li, f’każ bħal dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza qed tiġi mitluba, fir-realtà, li ma tikkontrollax il-legalità tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, sa fejn din timplika l-prodotti u servizzi rtirati mil-lista, iżda biss sa fejn din tikkonċerna l-prodotti u servizzi l-oħra, li jinsabu fuq l-istess lista.

29      Għandha ssir distinzjoni bejn dan il-każ u dak ta’ restrizzjoni, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-lista ta’ prodotti u servizzi inklużi f’applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, li għandha bħala għan li temenda, totalment jew parzjalment, id-deskrizzjoni tal-imsemmija prodotti jew servizzi. F’dan il-każ, ma jistax jiġi eskluż li din l-emenda jista’ jkollha effett fuq l-eżami tat-trade mark inkwistjoni, li jsir mid-dipartimenti tal-UASI waqt il-proċedura amministrattiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, li tiġi ammessa din l-emenda fl-istadju tar-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza timplika emenda tas-suġġett tal-kawża fil-mori tagħha, li huwa pprojbit mill-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza TEK, punt 25 iktar ’il fuq, punt 25).

30      F’dan il-każ, ir-rikorrenti kienet ippreżentat applikazzjoni għal trade mark ikkontestata għall-erba’ kategoriji ta’ prodotti, jiġifieri l-prodotti bl-isem ta’ “ikel tal-għaġina u ħlewwiet, prodotti biċ-ċikkulata, ħelu”. Ir-restrizzjoni ppreżentata fit-talba sussidjarja tar-rikorrenti mhijiex intiża għall-irtirar ta’ waħda jew iktar mill-kategoriji tal-listi ta’ prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata iżda hija intiża li temenda d-deskrizzjoni tal-kategoriji kollha tal-prodotti kkonċernati, billi tippreċiża li l-prodotti li jaqgħu taħt dawn il-kategoriji m’għandhomx jiġu ppreżentati fil-forma ta’ boċċi tal-marżipan u mili tal-lewż biz-zokkor miksija biċ-ċikkulata, magħrufa bħala Mozartkugeln (boċċi ta’ Mozart). Għalhekk, kif ġie rrilevat iktar ’il fuq, jekk din it-talba tiġi milqugħa waqt il-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza dan ikun jimplika emenda tas-suġġett tal-kawża li hija pprojbita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza TEK, punt 25 iktar ’il fuq, punt 27).

31      Konsegwentement, it-talba sussidjarja ppreżentata mir-rikorrenti għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq il-mertu

32      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 73, tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, kif ukoll tal-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi, ta’ trattament ugwali u ta’ legalità. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 73, tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, kif ukoll tal-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi, ta’ trattament ugwali u ta’ legalità

 L-argumenti tal-partijiet

33      Ir-rikorrenti ssostni li, l-ewwel nett, il-Bord tal-Appell kiser l-ewwel sentenza tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, peress li ma mmotivax biżżejjed id-deċiżjoni kkontestata.

34      L-ewwel nett, il-Bord tal-Appell, minkejja li rrikonoxxa r-rilevanza tal-istat ta’ dritt fl-Awstrija, ma mmotiva bl-ebda mod id-deċiżjoni tiegħu li ma jiħux inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni tal-Österreichisches Patentamt (l-Uffiċċju Awstrijak tal-privattivi), tat-12 ta’ Settembru 1985, invokata mir-rikorrenti quddiem id-dipartimenti tal-UASI, li minnha jirriżulta li s-sinjal Mozart jista’ jiġi protett bħala trade mark.

35      It-tieni nett, il-Bord tal-Appell lanqas ma mmotiva d-deċiżjoni tiegħu li ma jiħux inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni tal-Bundespatentgericht (Qorti federali tal-privattivi) fil-kawża 32 W (pat) 265/01, li fiha din il-qorti kkonkludiet li s-sinjal Wolfgang Amadeus Mozart-MOZART-KUGELN seta’ jiġi protett bħala trade mark minħabba li l-addizzjoni tal-isem tal-kompożitur famuż ma tagħti ebda informazzjoni oġġettiva. Id-deċiżjoni kkontestata tillimita ruħha li tfakkar, fil-ħames inċiż tal-punt 12, dan l-argument tar-rikorrenti, mingħajr madankollu ma teżaminah fil-mertu u mingħajr ma tagħti r-raġunijiet għalfejn dan ġie miċħud.

36      Ir-rikorrenti tammetti li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Membri kompetenti għar-reġistrazzjoni tat-trade mark jew tal-qrati nazzjonali għandhom biss valur kompletament indikattiv għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 40/94. Madankollu, fil-passat, il-Bordijiet tal-Appell tal-UASI kienu diġà bagħtu kawża għall-eżami mill-ġdid quddiem istanza inferjuri, meta din ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni tagħha, deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali. Ir-rikorrenti tqis li deċiżjoni bħal din kellha wkoll tiġi adottata mill-Bord tal-Appell.

37      It-tielet nett, ir-rikorrenti tirrileva li hija kienet invokat, quddiem id-dipartimenti tal-UASI, id-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-10 ta’ April 2002 (ara l-punt 14 iktar ’il quddiem). Il-Bord tal-Appell ikkonstata, f’din id-deċiżjoni li, minkejja li f’ċerti pajjiżi fejn huwa mitkellem il-Ġermaniż jeżistu numru ta’ espressjonijiet deskrittivi tal-ħlewwiet li jinkludu l-kelma “Mozart” bħal kelma “Mozartkugeln”, din il-kelma, fiha nnfisha, mhijiex deskrittiva. Peress li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi bidla radikali meta mqabbla mal-pożizzjoni legali adottata fid-deċiżjoni tal-10 ta’ April 2002 iċċitata iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell kellu, almenu, jesponi fid-deċiżjoni kkontestata r-raġunijiet li wassluh sabiex ma jiħux inkunsiderazzjoni din il-pożizzjoni legali.

38      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tagħmilx analiżi differenzjata, preċiża u konkreta tal-karattru allegatament deskrittiv tat-trade mark ikkontestata, fir-rigward ta’ kull waħda mill-erba’ kategoriji tal-prodotti koperti mit-trade mark. Barra minn hekk, hija ma ppreċiżatx f’liema minn dawn il-kategoriji jaqa’ l-prodott bl-isem ta’ Mozartkugeln, li fil-fehma tagħha huwa determinanti. Minn ġurisprudenza konstanti jirriżulta li ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja għandha tkun immotivata individwalment għal kull prodott u servizz ikkonċernat. Peress li d-deċiżjoni kkontestata ma wettqitx din l-analiżi, din hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti.

39      Il-ħames nett, ir-rikorrenti tirrileva li d-deċiżjoni tillimita ruħha li tirrepeti b’mod kompletament mekkaniku r-raġunijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li ġiet ikkontestata quddiemha, mingħajr ma tikkoreġi l-iżbalji li twettqu f’din id-deċiżjoni, li ġew esposti mir-rikorrenti. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata naqset milli żżid numru ta’ elementi sabiex tissodisfa l-eżiġenzi ta’ motivazzjoni fil-forma korretta u xierqa u aggravat ukoll in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

40      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, billi naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet tal-Österreichisches Patentamt, tal-Bundespatengericht u tat-Tielet Bord tal-Appell tal-UASI, iċċitati iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell kiser ukoll l-ewwel sentenza tal-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, billi pprovda l-prinċipju tal-eżami tal-fatti fuq inizjattiva tal-UASI.

41      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-10 ta’ April 2002 irrikonoxxiet, b’mod ċar u inekwivoku, li l-element verbali “Mozart”, minnu nnifsu, seta’ jikkostitwixxi trade mark Komunitarja u għalhekk ħoloq ċertezza legali f’dan is-sens. Billi ma ħax inkunsiderazzjoni din id-deċiżjoni minħabba nuqqas tal-obbligu ta’ motivazzjoni u billi ddikjara l-invalidità tat-trade mark ikkontestata, għaldaqstant il-Bord tal-Appell kiser il-prinċipju tal-protezzjoni taċ-ċertezza legali kif ukoll il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ legalità.

42      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

43      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, id-deċiżjonijiet tal-UASI għandhom ikunu motivati. Skont il-ġurisprudenza, dan l-obbligu għandu jkollu l-istess applikazzjoni bħal dak stabbilit mill-Artikolu 253 KE u l-għan tiegħu huwa li jippermetti, minn naħa, lill-persuni interessati jsiru jafu bil-ġustifikazzjoni tal-miżura li ttieħdet sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom, u min-naħa l-oħra, lill-qorti Komunitarja teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni [ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Diċembru 2003, Audi vs UASI (TDI), T-16/02, Ġabra p. II‑5167, punti 87 u 88, u tat-28 ta’ April 2004, Sunrider vs UASI – Vitakraft-Werke Wührmann (VITATASTE u METABALANCE 44), T-124/02 u T-156/02, Ġabra p. II‑1149, punti 72 u 73, u l-ġurisprudenza ċċitata].

44      Mill-istess ġurisprudenza jirriżulta li l-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax dawn l-eżiġenzi għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda anke tal-kuntest tagħha, kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza VITATASTE u METABALANCE 44, punt 43 iktar ’il fuq, punt 73, u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Fir-rigward tar-regoli ġuridiċi applikabbli fil-qasam tat-trade mark Komunitarja, għandu jiġi mfakkar li d-deċiżjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja li l-Bordijiet tal-Appell huma marbuta li jieħdu, skont ir-Regolament Nru 40/94, jaqgħu taħt kompetenza limitata u mhux taħt setgħa diskrezzjonali. Għalhekk, in-natura reġistrabbli ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja għandha tiġi evalwata biss abbażi ta’ dan ir-regolament, kif interpretat mill-qorti Komunitarja, u mhux abbażi ta’ prassi preċedenti tal-Bordijiet tal-Appell. Barra minn hekk, peress li s-sistema Komunitarja tat-trade marks hija sistema awtonoma, l-UASI u, skont il-każ, il-qorti nazzjonali, mhumiex marbuta b’deċiżjoni li ttieħdet minn Stat Membru li ddeċidiet favur in-natura reġistrabbli ta’ dan is-sinjal bħala trade mark nazzjonali. Ir-reġistrazzjonijiet li diġà saru fl-Istati Membri jikkostitwixxu biss elementi li, mingħajr ma huma determinanti, jistgħu biss jittieħdu inkunsiderazzjoni. L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw, a fortiori, għar-reġistrazzjonijiet ta’ trade marks oħra [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ April 2004, Concept vs UASI (ECA), T-127/02, Ġabra p. II‑1113, punti 70 u 71, u l-ġurisprudenza ċċitata].

46      Minn dak li ntqal isegwi li, meta l-UASI jirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja, huwa għandu, sabiex jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu, jindika r-raġunijiet għal rifjut, assoluti jew relattivi, li jipprekludu din ir-reġistrazzjoni, kif ukoll id-dispożizzjoni li fuqha hija bbażata din ir-raġuni u għandu jesponi ċ-ċirkustanzi fattwali li huwa qies bħala li ġew ipprovati u li, fil-fehma tiegħu, jiġġustifikaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni invokata. Bħala regola, motivazzjoni bħal din hija suffiċjenti sabiex tissodisfa r-rekwiżiti esposti fil-punti 43 u 44 iktar ’il fuq.

47      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li meta l-Bord tal-Appell ikkonferma d-deċiżjoni tal-istanza inferjuri tal-UASI fl-intier tagħha, din id-deċiżjoni, kif ukoll il-motivazzjoni tagħha, jagħmlu parti mill-kuntest li fih ġiet adottata d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, kuntest li l-partijiet huma familjari miegħu u li jippermetti lill-qorti teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju kollu tagħha fir-rigward tal-mertu tal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Novembru 2007, Wesergold Getränkeindustrie vs UASI – Lidl Stiftung (VITAL FIT), T-111/06, Ġabra p. II-159, punt 64].

48      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, b’mod iktar ġenerali, deċiżjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala motivata biżżejjed meta hija tirreferi b’mod espliċitu għal dokument ieħor, li huwa trażmess lir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ April 1996, Industrias Pesqueras Campos et vs Il-Kummissjoni, T-551/93 u T-231/94 sa T-234/94, Ġabra p. II‑247, punti 142 sa 144 ; tas-17 ta’ Settembru 2003, Stadtsportverband Neuss vs Il-Kummissjoni, T-137/01, Ġabra p. II‑3103, punti 55 sa 58, u tat-22 ta’ Diċembru 2005, Gorostiaga Atxalandabaso vs Il-Parlament, T-146/04, Ġabra p. II‑5989, punti 135 sa 136).

49      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat il-mertu tal-ewwel motiv.

50      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi kkonstatat, preliminarjament, li mill-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell ikkonferma r-raġunijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li għalhekk jagħmlu parti integrali mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fid-dawl tal-ġurisprudenza esposta fil-punti 47 u 48 iktar ’il fuq, ir-riferiment għar-raġunijiet tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li ntbagħtet minn qabel u li kienet konxja minnha r-rikorrenti, m’għandha xejn irregolari, u tikkostitwixxi iktar minn sunt dettaljat biżżejjed tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li jidher fil-punt 5 tad-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, u a contrario għal dak li ssostni r-rikorrenti, dan ir-riferiment mhuwiex, fih nnifsu, biżżejjed sabiex jistabbilixxi l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, għandu jiġi eżaminat il-karattru suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-raġunijiet tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

51      Mill-qari flimkien taż-żewġ deċiżjonijiet jirriżulta li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-trade mark ikkontestata kienet ġiet irreġistrata bi ksur tar-raġuni assoluta għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94. Din il-konklużjoni hija bbażata fuq il-fatt li, almenu għall-konsumaturi li jitkellmu bil-Ġermaniż, il-kelma “Mozartkugel” tiddeskrivi ħelwa fil-forma ta’ boċċa ta’ marżipan u ta’ mili tal-lewż biz-zokkor miksija biċ-ċikkulata (it-tielet inċiż tal-punt 5 u l-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata). Peress li, miż-żewġ komponenti tal-kelma “Mozartkugel”, it-tieni wieħed (Kugel, jiġifieri l-boċċa) jirreferi manifestament għall-forma tal-ħelwa kkonċernata, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li kien diffiċli li jiġi ammess li l-istess pubbliku, meta jaqra l-isem Mozart fuq l-imballaġġ ta’ prodott f’dolċerija jew fuq xkaffa f’supermarkit ma jippresupponix li Mozartkugeln huma offerti lilu (is-seba’ inċiż tal-punt 5 u l-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata).

52      Din il-motivazzjoni hija suffiċjenti sabiex jintlaħqu ż-żewġ għanijiet tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fil-ġurisprudenza (ara l-punt 43 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, a contrario għal dak li ssostni r-rikorrenti, jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni (punt 38), li r-raġunijiet tagħha kienu l-bażi tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, li r-raġuni assoluta għal rifjut, jiġifieri dik stabbilita fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, tapplika għal prodotti kollha koperti mit-trade mark ikkontestata, “peress li tikkonċerna kategoriji ġenerali, li jinkludu l-“Mozartkugeln”. Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell ma mmotivax id-deċiżjoni tiegħu fir-rigward ta’ kull prodott kopert mit-trade mark ikkontestata, għandu jiġi miċħud.

53      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Bord tal-Appell kellu jimmotiva b’mod speċifiku l-fatt li huwa naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet tal-Österreichisches Patentamt u tal-Bundespatentgericht u d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-10 ta’ April 2002. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza esposta fil-punt 45 iktar ’il fuq, id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet u tal-qrati nazzjonali kif ukoll tal-ġurisprudenza tal-UASI stess jikkostitwixxu sempliċi elementi li, mingħajr ma huma determinanti, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk sinjal jistax jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja.

54      Ċertament, il-kuntest li fih ittieħdet id-deċiżjoni li, b’mod partikolari, huwa kkaratterizzat minn skambju bejn il-persuna li ħadet din id-deċiżjoni u l-parti kkonċernata, jista’ f’ċerti ċirkustanzi jtaqqal ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni (is-sentenza TDI, punt 43 iktar ’il fuq, punt 89). Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti każijiet, l-argumenti mressqa minn waħda mill-partijiet fi proċedimenti quddiem l-UASI, inkluż dawk ibbażati fuq l-eżistenza ta’ deċiżjoni, nazzjonali jew tal-UASI, f’kawża simili, jirrikjedu risposta speċifika, li tmur lil hinn mir-rekwiżiti esposti fil-punt 46 iktar ’il fuq.

55      Madankollu, mhuwiex meħtieġ li l-Bordijiet tal-Appell jipprovdi preżentazzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet quddiemhom. Għaldaqstant, il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita bil-kundizzjoni li hija tippermetti lil dawk ikkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom ittieħdu l-miżuri inkwistjoni u lill-qorti kompetenti li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 372, u tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C-3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punt 46).

56      Minn dan isegwi li, fid-deċiżjoni tiegħu, l-UASI mhuwiex marbut li jipprovdi risposta speċifika għal kull argument li huwa bbażat fuq deċiżjonijiet partikolari tad-dipartimenti tiegħu stess jew ta’ dipartimenti u qrati nazzjonali f’kawżi oħra simili, jekk il-motivazzjoni tad-deċiżjoni adottata mill-UASI f’kawża partikolari u li tinsab quddiem id-dipartimenti tiegħu tirreferi, almenu impliċitament iżda b’mod ċar u mhux ekwivoku, għar-raġunijiet li għalihom dawn id-deċiżjonijiet l-oħra mhumiex rilevanti u ma jittieħdux inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tagħha.

57      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell, peress li kkonferma r-raġunijiet tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, espona b’mod ċar mhux biss il-motivi għalfejn ir-raġuni assoluta għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 tipprekludi r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, iżda wkoll għalfejn wasslet għal konklużjoni differenti minn dik tal-Oberlandesgericht München, fid-deċiżjoni tagħha tas-26 ta’ Lulju 2001. Ir-raġuni li ttieħdet għal din id-deċiżjoni sabiex tiġi miċħuda l-kontratalba ta’ Coppenrath li hija intiża għall-annullament tat-trade mark ikkontestata, jiġifieri l-affermazzjoni li s-sinjal Mozart jinvoka, b’mod partikolari, il-kompożitur famuż u mhux riċetta partikolari (inċiż erbatax tal-punt 5 tad-deċiżjoni kkontestata), essenzjalment hija l-istess bħal dawk li ġew esposti fid-deċiżjonijiet tal-Österreichisches Patentamt u tal-Bundespatentgericht li ġew invokati mir-rikorrenti u barra minn hekk, jikkostitwixxu s-sempliċi rifjut tal-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata għal prodotti msemmija. F’dawn iċ-ċirkustanzi u fir-rigward tal-awtonomija tas-sistema Komunitarja tat-trade marks, il-Bord tal-Appell ma jistax jiġi kkritikat li naqas milli jispjega iktar u fid-dettall ir-raġunijiet li għalihom huwa ddeċieda li ma jsegwix dawn id-deċiżjonijiet.

58      L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw a fortiori fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq id-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-10 ta’ April 2002. Minn naħa, dan l-argument jikkostitwixxi, huwa wkoll, sempliċi rifjut tal-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata għal prodotti msemmija.

59      Min-naħa l-oħra u fuq kollox, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, fil-punt 29 tad-deċiżjoni tagħha, espressament tinvoka d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell inkwistjoni u tesponi r-raġunijiet għalfejn hija ma qisitx lilha nnifsha marbuta bil-kunsiderazzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni dwar in-natura reġistrabbli tas-sinjal MOZART‑BONS fil-kawża inter partes quddiemha. F’dawn iċ-ċirkustanzi u indipendentament minn nuqqas ta’ rilevanza tal-prassi amministrattiva preċedenti tal-UASI, peress li l-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuq ir-raġunijiet tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, ma jistax ikun hemm, fi kwalunkwe każ, kwistjoni ta’ xi nuqqas ta’ motivazzjoni fuq dan il-punt.

60      Minn dak kollu li ntqal isegwi li, a contrario għal dak li ssostni r-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata hija motivata biżżejjed skont il-liġi.

61      Fir-rigward, it-tieni nett, tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Bord tal-Appell kiser l-ewwel sentenza tal-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, peress li naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet tal-Österreichisches Patentamt u tal-Bundespatengericht kif ukoll id-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-10 ta’ April 2002, għandu jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza u mill-kunsiderazzjonijiet esposti rispettivament fil-punti 45 u 53 iktar ’il quddiem, jirriżulta li t-tliet deċiżjonijiet ma jikkostitwixxux fatti li jistgħu jiġu eżaminati ex officio mid-dipartimenti tal-UASI.

62      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi mfakkar li r-rikorrenti invokat l-ewwel żewġ deċiżjonijiet fl-osservazzjonijiet tagħha quddiem il-Bord tal-Appell, b’mod li mhemmx lok għall-eżami tagħhom ex officio mill-UASI. Fir-rigward tat-tielet waħda, din kienet esposta u eżaminata fid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Barra minn hekk, kif diġà ġie rrilevat, jirriżulta impliċitament iżda b’mod ċar mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li l-Bord tal-Appell eżamina u rrifjuta l-argument li r-rikorrenti kellha l-intenzjoni tislet minn dawn it-tliet deċiżjonijiet.

63      Fl-aħħar nett, l-ilmenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-allegat ksur tal-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ trattament ugwali u ta’ legalità ma jistgħux jiġu milqugħa.

64      Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi japplika għal kull persuna li tinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni Komunitarja, billi tagħtih assigurazzjonijiet preciżi, inkundizzjonati u konsistenti, li huma mnissla minn sorsi awtorizzati u affidabbli, tkun ħolqot fih speranzi fondati (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 1999, Forvass vs Il-Kummissjoni, T-203/97, ĠabraFP p. I‑A‑129 u II‑705, punt 70, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-26 ta’ Settembru 2002, Borremans et vs Il-Kummissjoni, T-319/00, ĠabraFP p. I‑A‑171 u II‑905, punt 63). Madankollu, dawn l-assigurazzjonijiet għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet u mar-regoli applikabbli, peress li l-wegħdiet li ma jieħdux inkunsiderazzjoni dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux joħolqu aspettattivi leġittimi fil-persuna kkonċernata (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Novembru 2002, Ronsse vs Il-Kummissjoni, T-205/01, ĠabraFP p. I‑A‑211 u II‑1065, punt 54, u tas-16 ta’ Marzu 2005, Ricci vs Il-Kummissjoni, T-329/03, ĠabraFP p. I‑A‑69 u II‑315, punt 79, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Frar 1986, Vlachou vs Il-Qorti tal-Awdituri, 162/84, Ġabra p. 481, punt 6).

65      Bl-istess mod, l-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jiġi tabilħaqq irrikonċiljat mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità, li huwa wkoll invokat mir-rikorrenti. Skont dan l-aħħar prinċipju, ebda persuna ma tista’ tibbaża ruħha, insostenn għall-argument tagħha, fuq att illegali li twettaq għal benefiċċju ta’ persuna oħra (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 1985, Williams vs Il-Qorti tal-Awdituri, 134/84, Ġabra p. 2225, punt 14; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ottubru 1984, Witte vs Il-Parlament, 188/83, Ġabra p. 3465, punt 15).

66      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ndikatx b’mod ċar fir-rikors tagħha jekk hija kinitx tal-fehma li l-kunsiderazzjonijiet tad-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-10 ta’ April 2002, invokati insostenn tal-argument tagħha, kinux konformi jew le mal-kriterji ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

67      L-argument li jgħid li sa fejn l-argumentazzjoni tar-rikorrenti għandha tinftiehem fis-sens li, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet esposti fid-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-10 ta’ April 2002, il-Bord tal-Appell m’għandux, f’dan il-każ, japplika l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, minkejja li l-applikazzjoni tiegħu kienet iġġustifikata, ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza esposta fil-punti 64 u 65 iktar ’il fuq jirriżulta li għalkemm, f’kawża preċedenti, wieħed mill-Bordijiet tal-Appell tal-UASI wettaq żball ta’ liġi meta aċċetta n-natura reġistrabbli ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja, ebda mill-prinċipji invokati mir-rikorrenti ma jipprekludu li, f’kawża sussegwenti li hija simili għall-ewwel waħda, tiġi adottata deċiżjoni a contrario [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Frar 2002, Streamserve vs UASI (STREAMSERVE), T-106/00, Ġabra p. II‑723, punt 67, u tat-30 ta’ Novembru 2006, Camper vs UASI – JC (BROTHERS by CAMPER), T-43/05, Ġabra p. II‑95, punt 95].

68      Konsegwentement, f’sitwazzjoni bħal din, l-argumenti tar-rikorrenti tal-allegat ksur tal-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ trattament ugwali u ta’ legalità għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk id-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI f’kawżi preċedenti jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li taw speranza li tnisslet mid-dipartimenti tal-UASI, fis-sens tal-ġurisprudenza esposta fil-punt 64 iktar ’il fuq.

69      Sa fejn l-argument tar-rikorrenti għandu jinftiehem fis-sens li, f’dan il-każ, għandha tiġi adottata l-istess pożizzjoni bħal dik adottata mit-Tielet Bord tal-Appell fid-deċiżjoni tiegħu tal-10 ta’ April 2002, peress li din kienet konformi mal-kriterji ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, tali argument ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal din, li hija dik maħsuba fil-kuntest tat-tieni motiv ippreżentat mir-rikorrenti u li huwa eżaminat iktar ’il quddiem, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba ksur tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-prinċipji msemmija iktar ’il fuq, invokati mir-rikorrenti, kinux miksura wkoll (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi STREAMSERVE u BROTHERS by CAMPER, punt 67 iktar ’il fuq, rispettivament, punti 67 u 94).

70      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

71      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, peress li t-trade mark ikkontestata ma tistax isservi, fil-qasam kummerċjali, sabiex tindika x-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tagħhom.

72      Skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell qies, fid-deċiżjoni kkontestata, li dan l-artikolu japplika għat-trade mark ikkontestata, peress li fil-Ġermanja u fl-Awstrija, “Mozartkugel” hija kelma ġenerika u tiddeskrivi tip ta’ ċikkulata. Issa, dan l-argument ma jikkunsidrax il-fatt li t-trade mark ikkontestata hija sempliċement magħmula mill-kelma “Mozart”, u mhux mill-kelma “Mozartkugel”.

73      Ir-rikorrenti tirrileva li d-deċiżjoni kkontestata ma żviluppatx ir-raġunijiet tagħha stess sabiex tiġġustifika l-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata, iżda llimitat ruħha li tirreferi għad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Din tal-aħħar qieset li kieku t-trade mark ikkontestata kienet użata sabiex tippreżenta Mozartkugel (boċċa ta’ Mozart) f’forma tipika, din kienet titqies bħala indikazzjoni deskrittiva, peress li jkun evidenti, mill-forma tal-prodott ikkonċernat, li din timplika boċċa.

74      Skont ir-rikorrenti, din il-premessa ma tistax ma tkunx suġġetta għall-eżami ġuridiku. Il-pubbliku rilevanti, li huwa l-konsumatur medju avżat u normalment infurmat, ma jistabbilixxix rabta diretta bejn it-trade mark ikkontestata u l-prodotti msemmija mingħajr ma jaħseb jew mingħajr ma jagħmel raġunament addizzjonali.

75      Is-sinjali li jikkonsistu f’ismijiet ta’ personalitajiet famużi, bħal Mozart, jistgħu jikkostitwixxu trade marks Komunitarji, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94 u ebda dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament ma tipprekludi r-reġistrazzjoni tagħhom. Għalhekk, peress li dawn l-ismijiet għandhom karattru distintiv fl-astratt, ir-reġistrazzjoni tagħhom ma tistax tiġi miċħuda abbażi ta’ raġuni assoluta għal rifjut li tinsab fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, minbarra f’każijiet evidenti, li ma jidhirx li huwa l-każ hawnhekk. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza kostanti, livell minimu ta’ karattru distintiv huwa biżżejjed sabiex sinjal ikun jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja.

76      Skont ir-rikorrenti, f’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat b’mod konkret jekk it-trade mark ikkontestata tikkostitwixxix indikazzjoni deskrittiva għal kull prodott imsemmi. Konsegwentement, l-imsemmija trade mark ma tistax tiġi annullata ħlief jekk il-prodott espost fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-“Mozartkugel”, ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jagħmel parti minn waħda mill-erba’ kategoriji tal-prodotti li għalihom hija rreġistrata din it-trade mark. Id-deċiżjoni kkontestata lanqas biss ippreċiżat il-kategorija ta’ prodotti li jinkludu l-“Mozartkugeln”.

77      Fi kwalunkwe każ, anki fil-każ ta’ Mozartkugeln, ebda karattru deskrittiv ma jista’ jingħata lit-trade mark ikkontestata. Ir-rikorrenti tirrileva li, f’moħħ il-pubbliku kkonċernat, it-trade mark ikkontestata tevoka immaġni dwar il-kompożitur famuż bl-istess isem u l-kompożizzjonijiet tiegħu. Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi ammess li dan il-pubbliku, meta huwa ppreżentat bl-imsemmija trade mark, jaħseb direttament u immedjatament fil-Mozartkugeln. Jekk jiġi ammess a contrario jkun ifisser li l-pubbliku tal-Komunità huwa nieqes minn kull kultura bażika ta’ mużika.

78      Iktar minn hekk, it-trade mark ikkontestata tikkostitwixxi suġġeriment, evokazzjoni jew riferiment għal Mozartkugeln li, madankollu, ma tipprekludix ir-reġistrazzjoni tagħha.

79      Id-deċiżjoni kkontestata kkonfermat il-punt 27 tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li jikkonferma l-kunsiderazzjonijiet preċedenti. Għalhekk, huwa paċifiku bejn il-partijiet li t-trade mark ikkontestata tevoka, f’moħħ il-pubbliku, l-ewwel nett il-kompożitur Mozart u mhux il-qasam tal-ħlewwiet. Għalhekk, billi jiġi ammess, sussegwentement li t-trade mark Komunitarja hija deskrittiva tal-imsemmija prodotti, id-deċiżjoni kkontestata tikkontradixxi lilha nnifsha.

80      L-eżistenza, fil-pajjiżi fejn huwa mitkellem il-Ġermaniż, ta’ numru konsiderevoli ta’ trade marks irreġistrati għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 30 u li jinkludu l-kelma “Mozart” jikkonferma wkoll li din il-kelma, fiha nnifisha, mhijiex ikkunsidrata bħala deskrittiva tal-prodotti ta’ dan il-pajjiż. It-trade mark Mozart ġiet irreġistrata wkoll fl-Awstrija. Dan kollu jirriżulta mid-dokumenti li diġà ġew ippreżentati mir-rikorrenti matul il-proċedimenti quddiem l-UASI.

81      Is-sentenza tal-Oberlandesgericht München tas-26 ta’ Lulju 2001 tikkonferma, hija wkoll, li t-trade mark ikkontestata ma titqiesx bħala deskrittiva tal-prodotti msemmija. Ir-rikorrenti tikkonferma parti mir-raġunijiet ta’ din is-sentenza, li hija fil-fatt iċċitata fir-rikors. Skont dawn ir-raġunijiet, Mozart huwa qabel xejn kunjom użat fil-lingwaġġ komuni sabiex jimplika kompożitur famuż li għandu dan il-kunjom u, fil-lingwa Ġermaniża, m’għandu ebda karattru deskrittiv tal-prodotti mitluba għat-trade mark ikkontestata, kemm fl-oriġini kif ukoll wara li ġiet fondata, fl-1890, minn dulċier minn Salzburg bl-isem ta’ Paul Fürst, tal-ħelwa msemmija Mozartkugel. Ċertament, huwa tabilħaqq minnu, li meta l-isem Mozart jintuża sabiex jippreżenta prodotti bħal dawk koperti mit-trade mark ikkontestata, b’mod partikolari, fuq l-imballaġġ tagħhom, din tfakkar lill-pubbliku fil-Mozartkugeln. Madankollu, anki f’dan il-każ, il-kelma “Mozart” ma titqiesx b’mod evidenti jew esklużivament bħala deskrittiva tal-imsemmija prodotti jew bħala kelma kompletament ġenerika, peress li l-użu tad-denominazzjoni waħedha “Mozart” għal dawn il-finijiet tkun totalment inabitwali.

82      Ir-rikorrenti tqis li l-punti 37 sa 39 tad-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-UASI tal-10 ta’ April 2002 jikkonfermaw ukoll l-argument li t-trade mark ikkontestata mhijiex deskrittiva tal-prodotti msemmija.

83      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tirreferi għall-sondaġġ li sar fi Frar 2001 mill-istitut Ipsos. Minn dan is-sondaġġ jirriżulta li 18,2 % biss tal-pubbliku kkonċernat jiftakar f’riċetta partikolari meta jara l-kelma “Mozart”, li timplika, li għall-parti l-kbira tal-konsumaturi Ġermaniżi (81,8 %), dan mhuwiex il-każ. Ir-rikorrenti tqis li dan ir-riżultat japplika wkoll għall-pajjiż l-ieħor tal-Unjoni Ewropea fejn huwa mitkellem il-Ġermaniż, jiġifieri l-Awstrija, li tispjega r-reġistrazzjoni, f’dan il-pajjiż, tat-trade mark verbali Mozart, għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 30.

84      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

85      L-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li l-invalidità tat-trade mark Komunitarja hija ddikjarata meta t-trade mark Komunitarja ġiet irreġistrata bi ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tal-istess regolament. Skont l-Artikolu 7(1)(ċ) tal-imsemmi regolament, “trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi”. Barra minn hekk, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li “[i]l-paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trade mark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f’parti tal-Komunità”.

86      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 7(1)(ċ), tar-Regolament Nru 40/94 jipprojbixxi li sinjali jew indikazzjonijiet li jaqgħu taħtu jkunu riżervati għal impriża waħda minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark. Din id-dispożizzjoni ssegwi għan ta’ interess ġenerali, li jeżiġi li tali sinjali jew indikazzjonijiet jistgħu jiġu użati liberament minn kullħadd (ara s-sentenza TEK, punt 25 iktar ’il fuq, punt 77, u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      Għalhekk, is-sinjali previsti mill-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 huma sinjali li fir-rigward tagħhom huwa magħruf li ma jistgħux jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri dik li tidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz, sabiex il-konsumaturi li jakkwistaw il-prodott jew is-servizz li t-trade mark tippreżenta, ikunu jistgħu jagħmlu l-istess għażla waqt akkwist sussegwenti, jekk l-esperjenza tirriżulta pożittiva, jew li jagħmlu għażla oħra, jekk din tirriżulta negattiva [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Novembru 2003, Quick vs UASI (Quick), T-348/02, Ġabra p. II‑5071, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata].

88      Is-sinjali u l-indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, huma dawk li jistgħu jservu sabiex, fl-użu normali mill-pubbliku rilevanti, jindikaw direttament, jew b’riferiment għal waħda mill-karatteristiċi essenzjali, il-prodott jew is-servizz li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI, C-383/99 P, Ġabra p. I‑6251, punt 39, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Ġunju 2005, Metso Paper Automation vs UASI (PAPERLAB), T-19/04, Ġabra p. II‑2383, punt 24].

89      Sabiex l-UASI jipprekludi ċaħda ta’ reġistrazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, mhuwiex neċessarju li s-sinjali u l-indikazzjonijiet li jiffurmaw it-trade mark imsemmija f’dan l-Artikolu jkunu effettivament użati fil-mument tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għall-finijiet deskrittivi tal-prodotti u servizzi bħal dawk li għalihom ġiet ippreżentata l-applikazzjoni jew għall-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi. Huwa biżżejjed, kif jindika l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, li s-sinjali u l-indikazzjonijiet jistgħu jintużaw għal dawn il-finijiet (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C-191/01 P, Ġabra p. I‑12447, punt 32).

90      Minn dak li ntqal isegwi li, sabiex sinjal jaqa’ taħt l-interdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, huwa meħtieġ li jkollu rapport dirett u konkret biżżejjed mal-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni b’tali mod li l-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom (is-sentenza TEK, punt 25 iktar ’il fuq, punt 80).

91      Madankollu, il-karattru deskrittiv ta’ trade mark għandu jiġi evalwat, minn naħa, fil-konfront tal-prodotti jew is-servizzi kkonċernati, u min-naħa l-oħra, fil-konfront tal-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti li huwa kompost mill-konsumatur ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi [is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Marzu 2002, DaimlerChrysler vs UASI (CARCARD), T-356/00, Ġabra p. II‑1963, punt 25, u tat-12 ta’ Jannar 2005, Wieland-Werke vs UASI (SnTEM, SnPUR, SnMIX), T-367/02 sa T-369/02, Ġabra p. II‑47, punt 17].

92      F’dan ir-rigward, il-fatt li sinjal verbali jkun deskrittiv fir-rigward ta’ parti biss tal-prodotti jew servizzi li jaqgħu taħt kategorija msemmija bħala tali fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma jipprekludix li r-reġistrazzjoni ta’ dan is-sinjal verbali tiġi rrifjutata [is-sentenza TEK, punt 25 iktar ’il fuq, punt 94; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Ġunju 2001, DKV vs UASI (EuroHealth), T-359/99, Ġabra p. II‑1645, punt 33, u tal-20 ta’ Marzu 2002, DaimlerChrysler vs UASI (TELE AID), T-355/00, Ġabra p. II‑1939, punt 40]. Fil-fatt, jekk, f’dan il-każ, is-sinjal inkwistjoni kien irreġistrat bħala trade mark Komunitarja għall-kategorija msemmija, mhemm xejn li jipprekludi l-proprjetarju tagħha milli jużaha wkoll għal prodotti u servizzi ta’ din il-kategorija li għalihom huwa deskrittiv.

93      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, qabel xejn, li kemm id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kif ukoll il-Bord tal-Appell ibbażaw, b’mod korrett, l-evalwazzjoni tagħhom fuq il-perspettiva tat-trade mark inkwistjoni mill-pubbliku inġenerali, li għalihom huma indirizzati, b’mod ċar, il-prodotti msemmija. Ir-rikorrenti stess żviluppat l-argument billi ħadet inkunsiderazzjoni l-perspettiva tat-trade mark inkwistjoni mill-istess pubbliku.

94      Sussegwentement, għandu jiġi mfakkar li, kif ġie rrilevat fil-punti 50 u 51 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata, billi kkonfermat ir-raġunijiet tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, ikkonkludiet li, għall-persuni li jitkellmu bil-Ġermaniż, it-trade mark ikkontestata kienet deskrittiva tal-ħlewwiet u tal-ikel bl-għaġina, tal-prodotti biċ-ċikkulata u tal-ħelu, li għalihom ġiet irreġistrata, peress li hija kienet tikkostitwixxi indikazzjoni dwar ir-riċetta tal-prodotti u għalhekk tippreżenta x-xorta u l-kwalità tagħhom. Din il-konklużjoni hija bbażata fuq referenzi tad-dizzjunarji, tal-kelma ġenerika bil-Ġermaniż, “Mozartkugel”, użata għal ħelwa biċ-ċikkulata, deskritta fil-punt 51 iktar ’il fuq.

95      Għandu jiġi rrilevat li l-kelma “Mozartkugel” hija kelma magħmula skont ir-regoli abitwali tal-lingwa Ġermaniża u magħmula minn żewġ kelmiet  “Mozart” u “Kugel” (boċċa). Għad-differenza ta’ lingwi oħra, b’mod partikolari, il-Franċiż, l-għaqda ta’ dawn iż-żewġ kelmiet tifforma kelma waħda u tikkostitwixxi partikolarità tal-lingwa Ġermaniża. Dan japplika wkoll għall-fatt li meta persuna li titkellem bil-Ġermaniż taqra l-kelma “Mozartkugel”, hija ser tidentifika, mingħajr sforz intellettwali partikolari, iż-żewġ kelmiet li jiffurmawha u ser tifhimhom minnufih.

96      Peress li l-Mozartkugel għandha forma sferika, it-tieni parti ta’ din il-kelma li tiddeskriviha ser timplika, għal persuni li jitkellmu bil-Ġermaniż, deskrizzjoni tal-forma tal-prodott ikkonċernat. Il-Mozartkugel hija magħmula skont riċetta partikolari li tiddistingwiha minn ħlewwiet oħra f’forma ta’ boċċa miksija biċ-ċikkulata. Ħelwa f’din il-forma magħmula skont riċetta differenti tista’ tkun deskritta, bil-Ġermaniż, bħala “Kugel” (boċċa), iżda mhijiex Mozartkugel. Minn dan isegwi li l-pubbliku Ġermaniż jifhem neċessarjament il-kelma “Mozart” bħala riferiment għar-riċetta karatteristika tal-ħelwa magħrufa bħala Mozartkugel.

97      Kif diġà ġie rrilevat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv, kemm id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kif ukoll il-Bord tal-Appell, li bbaża ruħu fuq il-motivi tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellament, ikkunsidraw li l-Mozartkugel taqa’ taħt l-erba’ kategoriji koperti mit-trade mark ikkontestata. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Mozartkugel tipika, bħal dik deskritta fil-punt 51 iktar ’il fuq, hija prodott tal-ħelu magħmul, inter alia, miċ-ċikkulata u miz-zokkor u, f’dan is-sens, hija prodott tal-ħelu, prodott biċ-ċikkulata u ħelwa fl-istess ħin.

98      Min-naħa l-oħra, huwa inqas evidenti li din tista’ wkoll tiġi kklassifikata bħala “ikel bl-għaġina”. Ċertament, għalkemm hija tinkludi l-marżipan, li hija għaġina tal-lewż, din ma ssirx fil-forn, kif jidher mill-espressjoni Ġermaniża “feine Backwaren”, li hija użata fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata. Madankollu, għaġina msajra fil-forn bħala boċċa miksija biċ-ċikkulata u li tinkludi, bħala ingredjenti, marżipan u mili tal-lewż biz-zokkor, hija kompletament konċepibbli u tista’, fil-pajjiżi fejn huwa mitkellem il-Ġermaniż, tiġi kklassifikata bħala Mozartkugel.

99      Minn dak li ntqal jirriżulta li, almenu fir-rigward ta’ “ikel tal-għaġina u ħlewwiet, prodotti biċ-ċikkulata u ħelu” li huma ppreżentati fil-forma ta’ boċċa biċ-ċikkulata, jiġifieri parti mill-prodotti li jaqgħu taħt il-kategoriji msemmijin fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, din it-trade mark tista’ tiġi użata f’parti mill-Komunità, jiġifieri fil-pajjiżi fejn huwa mitkellem il-Ġermaniż (il-Ġermanja u l-Awstrija), għal finijiet deskrittivi. Fil-fatt, il-konsumatur medju ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi li huwa muri boċċa miksija biċ-ċikkulata deskritta bħala “Mozart”, jara f’din il-kelma riferiment għar-riċetta karatteristika tal-Mozartkugeln, iktar milli informazzjoni dwar l-oriġini tal-prodott ikkonċernat. In-nuqqas tal-kelma “Kugel” ma jistax iwassal għal konklużjoni differenti, peress li din tal-aħħar tikkostitwixxi riferiment mhux għar-riċetta iżda għall-forma tal-prodott inkwistjoni, li hija evidenti mill-forma esterna tal-prodott.

100    Din il-konklużjoni ma tmurx kontra l-argumenti mqajma mir-rikorrenti. L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti tinvoka l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94 sabiex isostni li r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata ma tistax tiġi miċħuda ħlief fil-każijiet evidenti. Ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal li mhuwiex konformi mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94 diġà tmur kontra r-raġuni assoluta għal rifjut ipprovduta fl-Artikolu 7(1)(a) tal-istess regolament u mhuwiex neċessarju li jiġi eżaminat il-karattru eventwalment deskrittiv. Minn dan isegwi li r-raġuni assoluta għal rifjut ipprovduta fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 tikkonċerna biss is-sinjali li huma konformi mal-Artikolu 4 tal-istess regolament. Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li sinjal huwa konformi ma’ dan l-artikolu tal-aħħar huwa nieqes min kull rilevanza għall-finijiet ta’ evalwazzjoni tal-karattru eventwalment deskrittiv.

101    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti tinvoka l-ġurisprudenza li tgħid li anke livell minimu ta’ karattru deskrittiv huwa biżżejjed sabiex sinjal ikun irreġistrat bħala trade mark Komunitarja, peress li f’dan il-każ mhemmx kwistjoni ta’ nuqqas eventwali ta’ karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata, skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, iżda tal-karattru eventwalment deskrittiv tal-imsemmija trade mark, skont l-Artikolu 7(1)(ċ).

102    It-tieni nett, il-fatt, invokat mir-rikorrenti, li l-pubbliku kkonċernat jara fil-kelma “Mozart”, qabel xejn, riferiment għall-kompożitur famuż Wolfgang Amadeus Mozart ma jipprekludix li l-imsemmi isem jista’, fir-rigward tal-prodotti kkonċernati, jikkostitwixxi indikazzjoni ta’ karattru deskrittiv.

103    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dan il-karattru m’għandux jiġi evalwat fl-astratt, iżda fir-rigward ta’ prodotti li tiddeskrivi bħala trade mark Komunitarja l-kelma inkwistjoni. Ċertament, anke f’kuntest bħal dan, jista’ jkun il-każ li, meta l-pubbliku kkonċernat jara l-kelma “Mozart”, jaħseb fil-kompożitur b’dan l-isem. Madankollu, peress li l-prodotti msemmija m’għandhom ebda rabta mal-mużika, dan ir-riferiment għall-kompożitur famuż jista’ jittrażmetti, minbarra evokazzjoni tal-imsemmi kompożitur, li mhijiex rilevanti, informazzjoni oħra li hija marbuta mal-prodotti inkwistjoni. Ir-rikorrenti stess ammettiet impliċitament li dan kien il-każ, peress li hija talbet ir-reġistrazzjoni tas-sinjal Mozart bħala trade mark Komunitarja, jiġifieri bħala indikazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-imsemmija prodotti, dik tal-oriġini kummerċjali tagħhom.

104    Għalhekk, il-kwistjoni hija dwar liema informazzjoni relatata mal-prodotti inkwistjoni ser jaslu għaliha l-konsumaturi kkonċernati mir-riferiment, fil-kuntest tal-prodotti koperti mit-trade mark inkwistjoni, għall-kompożitur Mozart. Issa, għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, din hija informazzjoni dwar ir-riċetta tal-imsemmija prodotti u mhux dwar l-oriġini kummerċjali tagħhom.

105    It-tielet nett, kif diġà ġie espost fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv, la l-fatt li Bord tal-Appell ieħor tal-UASI kien jasal, f’kawża oħra, għall-konklużjoni differenti fir-rigward tal-karattru deskrittiv tas-sinjal Mozart għall-prodotti simili u lanqas is-sentenza tal-Oberlandesgericht München tas-26 ta’ Lulju 2001, li ċaħdet il-kontrotalba intiża għall-annullament tat-trade mark ikkontestata, ma tipprekludi l-Bord tal-Appell milli jilqa’ t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità inkwistjoni.

106    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-Oberlandesgericht München ma waslitx għal konklużjoni differenti minn dik esposta fil-punt 99 iktar ’il fuq, fir-rigward tal-perċezzjoni li l-pubbliku Ġermaniż ser ikollu tat-trade mark ikkontestata. A contrario, din il-qorti ammettiet hija wkoll li meta din it-trade mark tintuża sabiex tirrappreżenta l-prodotti inkwistjoni f’dan il-każ, b’mod partikolari dwar l-imballaġġ tagħhom, hija tinvoka, f’moħħ il-pubbliku rilevanti, immaġni ta’ Mozartkugeln (ara l-punt 81 iktar ’il fuq). Għalhekk, iċ-ċaħda ta’ din il-qorti tal-kontrotalba intiża għall-annullament tat-trade mark inkwistjoni hija bbażata biss fuq iċ-ċirkustanza li l-użu, għall-finijiet deskrittivi, tal-kelma waħedha “Mozart” ikun inabitwali.

107    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, esposta fil-punt 89 iktar ’il fuq, jirriżulta li r-raġuni assoluta għal rifjut tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 jiġifieri, l-applikazzjoni, l-użu attwali jew abitwali tal-kelma kkonċernata għall-finijiet deskrittivi mhuwiex rikjest. Huwa biżżejjed li dan l-użu jkun possibbli.

108    Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-sondaġġ invokat mir-rikorrenti, mill-qari tar-riżultat tiegħu, li ġie ppreżentat mir-rikorrenti quddiem l-UASI u li jidher fil-faxxikolu tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell li ġie trażmess lill-Qorti tal-Prim’Istanza, jirriżulta li, bħala risposta għal domanda spontanja u miftuħa, jiġifieri mingħajr l-inqas suġġerimenti ta’ risposti possibbli, żewġ terzi tan-nies li pparteċipaw assoċjaw l-isem Mozart fil-kuntest tal-prodotti koperti mit-trade mark inkwistjoni, mal-Mozartkugeln.

109    Minn dawn ir-riżultati jirriżulta wkoll li, meta n-nies li pparteċipaw fis-sondaġġ ġew mitluba jagħżlu bejn diversi risposti ssuġġeriti, kważi tliet kwarti minnhom (73,4 %) għażlu r-risposta li tipprovdi li, fil-kuntest tal-imsemmija prodotti, huma jassoċjaw il-kelma “Mozart” ma’ “ħelwa f’forma ta’ boċċa”, il-Mozartkugel. Perċentwali inqas għolja ta’ nies li ħadu sehem (18,2 %), bħala risposta għall-istess domanda, għażlu li jassoċjaw mal-kelma “Mozart” riċetta partikolari. Fl-argumentazzjoni tagħha, ir-rikorrenti tirreferi għar-riżultat tal-aħħar.

110    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-qari flimkien tar-riżultat tas-sondaġġ inkwistjoni ma jinvalidax il-konklużjoni mogħtija fil-punt 99 iktar ’il fuq iżda, a contrario, jikkonfermaha, sa fejn parti kbira tan-nies li pparteċipaw jassoċjaw il-kelma “Mozart”, meta hija użata għall-prodotti koperti mit-trade mark inkwistjoni, kemm mal-Mozartkugeln kif ukoll ma’ riċetta partikolari. Għalhekk, fiż-żewġ każijiet, fir-rigward tal-imsemmija prodotti, din il-kelma hija deskrittiva.

111    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li huwa b’mod korrett li fid-deċiżjoni kkontestata ġie konkluż li t-trade mark ikkontestata kienet ġiet irreġistrata kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 u li kien hemm lok li tiġi ddikjarata l-invalidità tagħha, skont l-Artikolu 51(1)(a) tal-istess regolament. Minn dan isegwi li kemm it-tieni motiv kif ukoll ir-rikors fl-intier tiegħu għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq l-ispejjeż

112    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

113    F’din il-kawża, peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha, kif ukoll dawk tal-UASI, skont it-talbiet ta’ dan tal-aħħar. Peress li l-intervenjenti m’għamlitx talbiet fir-rigward tal-ispejjeż, hija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Paul Reber GmbH & Co. KG hija kkundannata għall-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI).

3)      Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli AG għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Vilaras

Prek

Ciucă

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Lulju 2008.

E. Coulon

 

      M. Vilaras

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.