Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta' Ġunju 2010 - Unilever España and Unilever vs UASI - Med Trans G. Poulias-S. Brakatselos (MED FRIGO S.A.)

(Kawża T-287/10)

Lingwa tar-rikors: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Unilever España S.A. u Unilever N.V. (Barcellona, Spanja) (rappreżentant: C. Prat, lawyer)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell : "Med Trans" G. Poulias-S. Brakatselos A.E. (Patra, il-Greċja)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tal-20 ta' April 2010 fil-Każ R 1025/2009-2;

tordna lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) ikompli jeżamina l-provi u jevalwa l-applikabbiltà tal-Artikoli 8(1)(b), 8(4) u 8(5) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja;

sussidjarjament, temenda d-deċiżjoni kkontestata, u tiddeċiedi l-kawża;

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: Il-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell

Trade mark Komunitarja kkonċernata: It-trade mark figurattiva "MED FRIGO S.A. għal prodotti u servizzi fil-klassi 39

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: Ir-rikorrenti

Trade mark jew sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: Ir-reġistrazzjoni Spanjola Nru 112534 tat-trade mark verbali "FRIGO", għal prodotti fil-klassi 30; Ir-reġistrazzjoni Spanjola Nru 123204 tat-trade mark figurattiva "Frigo", għal prodotti fil-klassi 30; Ir-reġistrazzjoni Spanjola Nru 434378 tat-trade mark figurattiva "Frigo", għal prodotti fil-klassi 30; Ir-reġistrazzjoni Spanjola Nru 767539 tat-trade mark figurattiva "Frigo", għal prodotti fil-klassi 30; Ir-reġistrazzjoni Spanjola Nru 2148274 tat-trade mark figurattiva "Frigo" għal prodotti fil-klassi 30; Ir-reġistrazzjoni Spanjola Nru 60893 tat-trade mark verbali "FRIGO S.A." għal "impriżi ta' manifattura u produzzjoni tal-ġelat u prodotti mill-ħalib"

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: Oppożizzjoni miċħuda

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: Appell miċħud

Motivi invokati: Ksur tar-Regola 19(2)(a)(ii) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2868/95, peress li l-Bord tal-Appell qies b'mod żbaljat li r-rikorrenti ma ppreżentatx il-provi kollha neċessarji tal-eżistenza, tal-validità u tal-iskop tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti tagħha li fuqha kienet ibbażata l-oppożizzjoni; ksur tar-Regola 19(3) flimkien mar-Regola 98(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2868/95, peress li l-Bord tal-Appell ikkunsidra b'mod żbaljat li t-traduzzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti ma kienux suffiċjentement ċari u strutturati.

____________