Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Novembru 2015 – Edeka-Handelsgesellschaft Hessenring vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-611/15)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Edeka-Handelsgesellschaft Hessenring mbH (Melsungen, il-Ġermanja) (rappreżentanti: E. Wagner u H. Hoffmeyer, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla fl-intier tagħha d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-3 ta’ Settembru 2015 fil-proċedura 2015/4023, li permezz tagħha r-rikorrenti bl-ebda mod ma ngħatat aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-4 ta’ Diċembru 2013, fil-proċedura dwar kartelli AT/39914 – EIRD u għall-indiċi analitiku tal-att tal-Kummissjoni marbut ma’ tali proċedura jew, sussidjarjament, tannullaha tal-inqas fil-parti fejn il-Kummissjoni ċaħdet l-aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ tali deċiżjoni jew ta’ tali indiċi analitiku li l-kunfidenzjalità tagħhom ma ġietx sostnuta jew ma kinitx iktar sostnuta mill-impriżi kkonċernati mid-deċiżjoni,

sussidjarjament, fil-każ li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-3 ta’ Settembru 2015, fil-proċedura 2015/4023, li permezz tagħha r-rikorrenti bl-ebda mod ma ngħatat aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-4 ta’ Diċembru 2013, fil-proċedura dwar kartelli AT/39914 – EIRD u għall-indiċi analitiku tal-att tal-Kummissjoni marbut ma’ tali proċedura, ma tiġix annullata inkwantu u sa fejn il-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Diċembru 2013, fil-proċedura dwar kartelli AT/39914 – EIRD u/jew il-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-indiċi analitiku tal-att tal-Kummissjoni marbuta ma’ tali proċedura ma teżistix, tiddikjara li l-Kummissjoni żbaljat meta naqset milli tabbozza u tikkomunika lir-rikorrenti verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni tagħha tal-4 ta’ Diċembru 2013, fil-proċedura dwar kartelli AT/39914 – EIRD u/jew verżjoni mhux kunfidenzjali tal-indiċi analitiku marbut ma’ tali proċedura,

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka għaxar motivi:

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif ukoll tad-dritt fundamentali għal amministrazzjoni tajba u għal motivazzjoni sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tonqos milli tagħti motivazzjoni;

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt li wieħed jiġi informat bil-mezzi ta’ kontestazzjoni, peress li ma ngħatatx informazzjoni dwar il-mezzi ta’ kontestazzjoni possibbli;

It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 1 ;

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001;

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001;

Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001;

Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt fundamentali ta’ aċċess għal dokumenti;

It-tmien motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt fundamentali ta’ aċċess għal dokumenti u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li ma ngħatax lanqas aċċess parzjali għall-atti li għalihom intalab aċċess;

Id-disa’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE peress li, mill-perspettiva prattika, ir-rikorrenti ġiet impedita mill-possibbiltà li teżamina u, jekk ikun il-każ, issostni talbiet għall-kumpens għal danni fil-qasam tal-kartelli;

L-għaxar motiv, imressaq sussidjarjament, huwa bbażat fuq ksur tad-dritt tar-rikorrenti fir-rigward tal-abbozzar ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-proċedura dwar kartelli AT/39914 – EIRD u tal-indiċi analitiku tal-att tal-Kummissjoni marbut ma’ tali proċedura (Regolament (KE) Nru 1049/2001 u l-Artikolu 30(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 2 ).

F’dan il-kuntest ir-rikorrenti ssostni li r-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet derogatorji previsti fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, li jistgħu jiġġustifikaw ir-rifjut li lir-rikorrenti jiġu żvelati d-dokumenti mitluba minnha, ma humiex issodisfatti.

____________

1 Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

2 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).