Language of document : ECLI:EU:C:2009:691

OPINJONI TAL‑AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

10 ta’ Novembru 2009 1(1)

Kawża C‑357/09 PPU

Kadzoev

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill‑Administrativen sad Sofia‑grad (il‑Bulgarija)]

“Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Viżi, ażil, immigrazzjoni u politiki oћra relatati mal‑moviment liberu tal‑persuni – Titolu IV tat‑Trattat KE – Direttiva 2008/115/KE – Terminu ta’ traspożizzjoni – Effetti – Interpretazzjoni tal‑Artikolu 15(4) sa (6) tad‑Direttiva 2008/115/KE – Perijodu ta’ detenzjoni – Teћid inkunsiderazzjoni tal‑perijodu li matulu ġiet sospiża l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneћћija – Nuqqas ta’ prospett raġonevoli ta’ tneћћija u eżawriment ta’ possibbiltajiet ta’ estensjoni tat-terminu ta’ detenzjoni”





I –    Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, li l‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li tisma’, fuq talba tal‑qorti tar‑rinviju, bħala proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari stabbilita fl‑Artikolu 23a tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, l‑Administrativen sad Sofia‑grad (Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il‑Bulgarija) għamlet lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, skont id‑dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal‑Artikolu 68(1) KE u tal‑Artikolu 234 KE, erba’ domandi li jirrigwardaw l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 15(4) sa (6) tad‑Direttiva tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill 2008/115/KE, tas‑16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl‑Istati Membri għar‑ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil‑pajjiż illegalment (iktar ’il quddiem id‑“Direttiva dwar ir-‘ritorn’”) (2).

2.        Permezz ta’ dawn id‑domandi u d‑diversi punti ta’ dawn id‑domandi, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi lill‑Qorti tal‑Ġustizzja essenzjalment dwar l‑applikabbiltà f’dan il‑każ tad‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 15 tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” dwar il‑perijodu massimu ta’ detenzjoni gћal raġunijiet ta’ tneħħija, kif ukoll dwar il-metodu ta’ kalkolu tat-termini previsti gћal dan il-gћan, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali. Barra minn hekk, hija tistaqsi wkoll lill-Qorti tal‑Ġustizzja taћt liema kundizzjonijiet it-tneħħija tista’ titqies li ma hijiex raġonevolment possibbli, u jekk, jew f’liema ċirkustanzi, id-detenzjoni tistax titkompla f’każ ta’ nuqqas ta’ prospett raġonevoli ta’ tneħħija u wara li jkunu ġew eżawriti l-possibbiltajiet għal estensjoni tal-perijodu ta’ detenzjoni.

3.        Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta’ proċedura li fiha l-qorti tar-rinviju ntalbet sabiex tiddeċiedi ex officio, bħala qorti tal-aħħar istanza, dwar il-legalità u, għaldaqstant, dwar il-kontinwazzjoni tad‑detenzjoni ta’ S. Shamilovich Kadzoev fiċ-ċentru speċjali ta’ detenzjoni temporanja ta’ barranin qrib il-belt ta’ Sofija.

4.        Jeħtieġ li jiġi osservat li l-introduzzjoni tar-regoli dwar il-perijodu massimu ta’ detenzjoni kienet fost il-punti l-iktar diskussi matul l-adozzjoni tad-Direttiva dwar ir-“ritorn” minћabba d-differenzi kunsidervoli li kienu jeżistu – u gћadhom jeżistu, sa ċertu punt – f’dan ir-rigward bejn il-liġijiet u l-prattika tal-Istati Membri.

5.        Peress li din hija l-ewwel darba li l-Qorti tal‑Ġustizzja ntalbet sabiex tiċċara ċerti aspetti dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, dawn il-proċeduri għal deċiżjoni preliminari għandhom għaldaqstant importanza li tmur lil hinn minn dik tal-każ inkwistjoni. Hija tifforma parti mill-proċess delikat u kontinwu li huwa intiż li jirrikonċilja, minn naħa, id‑dritt innegabbli tal-Istat, irrikonoxxut mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li jikkontrolla d-dћul u r-residenza tal-barranin fit-territorju tiegћu (3) u l-interess leġittimu tiegћu li jipprevjeni effettivament abbużi relatati mad-dritt tal-immigrazzjoni u tal-ażil flimkien, min-naħa l-oћra, mar‑rekwiżiti tal‑istat tad‑dritt u l‑livell ta’ protezzjoni offrut lill‑immigranti skont id‑dritt internazzjonali, id‑dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

II – Il‑kuntest ġuridiku

A –    Id‑Direttiva dwar ir‑“ritorn”

6.        L‑Artikolu 15 tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn”, li jidher fil‑Kapitolu dwar id‑detenzjoni gћal raġunijiet ta’ tneħħija, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil‑każ speċifiku, l‑Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r‑ritorn u/jew jitwettaq il‑proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:

a)      jkun hemm riskju ta’ ħarba jew

b)      iċ‑ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it‑tħejjija tar‑ritorn jew il‑proċess ta’ tneħħija.

Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l‑arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid‑diliġenza dovuta.

[…]

3.      F’kull każ, id‑detenzjoni għandha tiġi riveduta f'intervalli raġonevoli ta’ żmien jew b’applikazzjoni miċ‑ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jew ex officio. Fil‑każ ta’ perijodi ta' detenzjoni mtawla, ir‑reviżjonijiet għandhom ikunu soġġetti għas‑superviżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja.

4.      Meta jkun jidher li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija għal konsiderazzjonijiet legali jew oħrajn jew il‑kondizzjonijiet stabbiliti fil‑paragrafu 1 ma għadhomx aktar jeżistu, id‑detenzjoni ma tibqax ġustifikata u l‑persuna konċernata għandha tkun rilaxxata minnufih.

5.      Id‑detenzjoni għandha titkompla għal tul ta’ perijodu meħtieġ biex il‑kondizzjonijiet stabbiliti fil‑paragrafu 1 jiġu sodisfatti u biex tiġi żgurata t‑tneħħija b’suċċess. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi perijodu limitat ta’ detenzjoni, li ma jistax jeċċedi sitt xhur.

6.      L‑Istati Membri jistgħu ma jestendux il‑perijodu msemmi fil‑paragrafu 5 ħlief għal perijodu limitat li ma jeċċedix it‑tnax‑il xahar oħra skond il‑liġi nazzjonali f’każijiet fejn minkejja l‑isforzi raġonevoli kollha tagħhom l‑operazzjoni ta’tneħħija tista’ ddum minħabba:

a)      nuqqas ta’ kooperazzjoni miċ‑ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat , jew

b)      dewmien fil‑kisba tad‑dokumentazzjoni neċessarja minn pajjiżi terzi.”

7.        Skont l‑Artikolu 20 tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn”, l‑Istati Membri gћandhom idaћħlu fis‑seħħ il‑liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi mad‑direttiva sa mhux iktar tard mill‑24 ta’ Diċembru 2010.

B –    Id‑dritt nazzjonali rilevanti

8.        Fil‑15 ta’ Mejju 2009, il‑Bulgarija eżegwiet it‑traspożizzjoni fid‑dritt nazzjonali tal‑Artikolu 15(5) u (6), tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” permezz ta’ emenda (4) tal‑Liġi dwar il‑barranin fir‑Repubblika tal‑Bulgarija (iktar ’il quddiem il‑“liġi dwar il‑barranin”). Madankollu l‑qorti tar‑rinviju ssostni li l‑Artikolu 15(4) tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” ma ġiex traspost fid‑dritt Bulgaru.

9.        Skont l‑Artikolu 44(6) tal‑Liġi dwar il‑Barranin, meta miżura amministrattiva obbligatorja ma tistax tiġi applikata għal barrani peress li l‑identità tiegħu ma hijiex stabbilita, jew peress li jkun hemm riskju evidenti ta’ dissimulazzjoni, l-organu li jkun adotta din il‑miżura jista’ jordna d‑detenzjoni ta’ dan il‑barrani f’ċentru ta’ detenzjoni temporanja ta’ barranin sabiex tiġi organizzata d‑deportazzjoni tiegħu fil‑fruntiera tar‑Repubblika Bulgara jew it‑tkeċċija tiegħu.

10.      Qabel it‑traspożizzjoni tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” permezz tal‑emendi gћal‑liġi dwar il‑barranin adottati fil‑15 ta’ Mejju 2009, il‑perijodu ta’ detenzjoni fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ma kien limitat b’ebda perijodu ta’ żmien.

11.      Attwalment, skont l‑Artikolu 44(8) tal‑imsemmija liġi, “[i]d‑detenzjoni ddum sakemm jibqgħu jeżistu ċ‑ċirkustanzi msemmija fil‑paragrafu 6, iżda ma tistax taqbeż sitt xhur. Eċċezzjonalment, meta persuna tirrifjuta li tikkoopera mal‑awtoritajiet kompetenti, b’tali mod li jkun hemm dewmien sabiex jinkisbu d‑dokumenti indispensabbli għad‑deportazzjoni jew għat‑tkeċċija, jew il‑persuna tikkostitwixxi theddida għas‑sigurtà nazzjonali jew għall‑ordni pubbliku, il‑perijodu ta’ detenzjoni jista’ jiġi estiż għal tnax‑il xahar.”

12.      L‑Artikolu 46a(3) sa (5) tal‑Liġi dwar il‑Barranin jipprovdi li:

“(3)      Kull sitt xhur, il‑kap taċ‑ċentru ta’ detenzjoni temporanja tal‑barranin jippreżenta lista tal‑barranin li damu fiċ‑ċentru għal iktar minn sitt xhur minħabba ostakoli għat‑tneħħija tagħhom mit‑territorju. Il‑lista hija mibgħuta lill‑qorti amministrattiva tal‑post fejn jinsab iċ‑ċentru ta’ detenzjoni.

(4)      Fl‑aħħar tas‑sitt xhur tad‑detenzjoni f’ċentru ta’ detenzjoni temporanja, il‑qorti tiddeċiedi ex officio, in camera dwar l‑estensjoni, is‑sostituzzjoni jew it‑tmiem tad‑detenzjoni. Id‑deċiżjoni tal‑qorti ma tistax tiġi appellata.

(5)      Ladarba l‑qorti tannulla l‑ordni ta’ detenzjoni kkontestata jew tordna l‑liberazzjoni tal‑barrani, dan huwa immedjatament illiberat miċ‑ċentru ta’ detenzjoni temporanja.”

III – Il‑kuntest fattwali tal‑kawża u d‑domandi preliminari

13.      Il‑fatti prinċipali tal‑kawża jistgћu, sa fejn huma rilevanti gћall‑għanijiet ta’ din il‑kawża, jinġabru fil‑qosor kif ġej.

14.      Fil‑21 ta’ Ottubru 2006, Kadzoev ġie arrestat mill‑forzi tal‑ordni Bulgari viċin il‑fruntiera mat‑Turkija. Fil‑mument tal‑arrest tiegћu, dan ma kellux dokumenti ta’ identità u ppreżenta ruħu bl‑isem ta’ Said Shamilovic Huchbarov, imwieled fil‑11 ta’ Frar 1979 fi Groznyï, (fir‑Repubblika Ċeċena) Huwa ddikjara, sa mill‑arrest tiegћu, li ma jixtieqx li l‑konsulat tar‑Russja jiġi informat bl‑arrest tiegћu. Barra minn hekk, huwa ammetta li uża identità falza, u li fil‑verità kunjomu kien Kadzoev, u pprovda ċertifikat tat‑twelid li minnu rriżulta li Kadzoev twieled fil‑11 ta’ Frar 1979 f’Moska (l‑ex Unjoni Sovjetika), minn missier ta’ ċittadinanza Ċeċena, Shamil Kadzoev, u minn omm ta’ ċittadinanza Ġeorġjana, Loli Elihvari.

15.      Fit‑22 ta’ Ottubru 2006, deċiżjoni ta’ “detenzjoni furzata” Nru 3469 ġiet adottata kontrih. Abbażi ta’ din id‑deċiżjoni, Kadzoev intbagћat fiċ‑ċentru ta’ detenzjoni ta’ Liubimets, fir‑reġjun ta’ Elhovo (il‑Bulgarija), fejn inżamm sat‑3 ta’ Novembru 2006. Permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑istess data, ġew imposti fuqu wkoll miżuri amministrattivi obbligatorji ta’ “deportazzjoni furzata fil‑fruntiera” u ta’ “projbizzjoni għal dћul fit‑territorju”.

16.      Skont id‑deċiżjoni ta’ detenzjoni furzata Nru 3583 tal‑1 ta’ Novembru 2006, Kadzoev intbagћat, sakemm tiġi eżegwita l‑miżura amministrattiva obbligatorja ta’ deportazzjoni ordnata kontrih, fiċ‑ċentru speċjali ta’ detenzjoni temporanja għall‑barranin ta’ Busmantsi, viċin ta’ Sofija. Din id‑detenzjoni ġiet ordnata sakemm jitneħħew l‑ostakoli kollha gћall‑eżekuzzjoni tal‑miżura ta’ deportazzjoni furzata, jiġifieri sakemm jinkisbu d‑dokumenti li jippermettulu li jivvjaġġa barra mill‑pajjiż u l‑garanzija ta’ mezzi finanzjarji sabiex jakkwista biljett gћaċ‑Ċeċenja.

17.      Kadzoev appella kontra d‑deċiżjonijiet dwar id‑deportazzjoni fil‑fruntiera, kontra l‑projbizzjoni għad‑dħul fit‑territorju tar‑Repubblika tal‑Bulgarija, u kontra d‑detenzjoni furzata ġewwa ċentru ta’ detenzjoni għall‑barranin, li ġew kollha miċћuda. Konsegwentement, dawn il‑miżuri kollha, inkluża d‑detenzjoni fiċ‑ċentru ta’ detenzjoni temporanja, saru eżegwibbli.

18.      Madankollu, minkejja l‑isforzi li saru mill‑awtoritajiet Bulgari, minn ċerti organizzazzjonijiet nongovernattivi u minn Kadzoev stess sabiex jinstab pajjiż terz sigur, ma ntlaħaq l‑ebda ftehim speċifiku u sallum, dan għadu ma rċiviex dokumenti għall‑ivvjaġġar.

19.      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, matul ir‑residenza tiegħu fiċ‑ċentru speċjali ta’ detenzjoni temporanja ta’ barranin, Kadzoev ippreżenta talba, fil‑31 ta’ Mejju 2007, għar‑rikonoxximent tal‑istatus ta’ refuġjat. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑Administrativen sad Sofia‑grad tad‑9 ta’Ottubru 2007, din it-talba ġiet miċћuda. Fil‑21ta’ Marzu 2008, huwa ppreżenta talba ġdida gћal ażil li madankollu rtira fit‑2 ta’ April ta’ wara. Fl‑24 ta’ Marzu 2009, Kadzoev ippreżenta t‑tielet talba għar‑rikonoxximent tal‑istatus ta’ refuġjat. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Lulju 2009, l‑Administrativen sad Sofia‑grad ċaћdet l‑applikazzjoni ta’ Kadzoev. Id-deċiżjoni ma tistax tiġi appellata.

20.      Mit‑talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta wkoll li Kadzoev talab, f’żewġ okkażjonijiet, għas‑sostituzzjoni tal‑miżura ta’ detenzjoni furzata b’miżura iktar ljevi, jiġifieri l‑obbligu li jiffirma perjodikament reġistru miżmum mill-awtoritajiet tal‑pulizija tal‑post tar‑residenza tiegћu, talbiet li ġew miċћuda mill‑awtoritajiet kompetenti minћabba li ma setgћux jidentifikaw l‑indirizz indikat.

21.      Għandu jiġi enfasizzat li Kadzoev gћadu detenut fiċ‑ċentru speċjalizzat ta’ detenzjoni temporanja ta’ barranin ta’ Busmantsi.

22.      Il‑kawża prinċipali seħħet wara r‑reġistrazzjoni, quddiem l‑Administrativen sad Sofia‑grad, ta’ att amministrattiv mid‑Direttur tad‑Direttorat tal‑migrazzjoni fi ħdan il‑Ministeru tal‑Intern, li jitlob lil din il‑qorti tiddeċiedi ex officio, abbażi tal‑Artikolu 46a(3) tal‑liġi dwar il‑barranin, fir-rigward tal‑perijodu ta’ detenzjoni ta’ Kadzoev fiċ‑ċentru ta’ detenzjoni temporanja ta’ barranin ta’ Busmantsi.

23.      Huwa f’dan il‑kuntest li l‑qorti tar‑rinviju ddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha, li tagħmel lill‑Qorti tal‑Ġustizzja d‑domandi li ġejjin u li titlobha li dawn ikunu suġġetti gћall‑proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari:

“1.      L‑Artikolu 15(5) u (6), tad‑Direttiva 2008/115/KE [...], għandu jiġi interpretat fis‑sens li:

a)      meta d‑dritt nazzjonali tal‑Istat Membru ma jistabbilixxix perijodu massimu ta’ detenzjoni jew motivi għall‑estensjoni ta’ detenzjoni qabel it‑traspożizzjoni tal‑kundizzjonijiet ta’ din id‑direttiva, u meta wara t‑traspożizzjoni [tagħha], ma jiġix stabbilit li d‑dispożizzjonijiet il‑ġodda ser ikollhom effett retroattiv, il‑kundizzjonijiet tal‑imsemmija direttiva japplikaw biss u jwasslu sabiex il‑perijodu jibda jiddekorri minn meta jiġu trasposti fid‑dritt nazzjonali tal‑Istat Membru?

b)      fil‑perijodi stabbiliti ta’ detenzjoni f’ċentru speċjalizzat bil‑għan ta’ tneħħija, fis‑sens tal‑imsemmija direttiva, ma għandux jiġi inkluż il‑perijodu li matulu tkun ġiet sospiża l‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija [mit‑territorju] tal‑Istat Membru skont dispożizzjoni speċifika, minħabba proċedura pendenti fir‑rigward ta’ talba għal ażil magħmula minn ċittadin ta’ pajjiż terz, minkejja li matul din il‑proċedura huwa jkun baqa’ jirrisjedi f’dan iċ‑ċentru speċjalizzat ta’ detenzjoni, jekk dan ikun permess mill‑leġiżlazzjoni nazzjonali tal‑Istat Membru?

2.      L‑Artikolu 15(5) u (6) tad‑Direttiva 2008/115/KE […] għandu jiġi interpretat fis‑sens li fil‑perijodi stabbiliti ta’ detenzjoni f’ċentru speċjalizzat bil‑għan ta’ tneħħija, fis‑sens tal‑imsemmija direttiva, ma għandux jiġi inkluż il‑perijodu li matulu tkun ġiet sospiża l‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija [mit‑territorju] tal‑Istat Membru skont dispożizzjoni speċifika, minħabba appell pendenti kontra l‑imsemmija deċiżjoni, minkejja li matul din il‑proċedura huwa jkun baqa’ jirrisjedi f’dan l‑istess ċentru speċjalizzat ta’ detenzjoni, meta ċ‑ċittadin ma jkollux dokumenti tal‑identità validi, u konsegwentement ikun jeżisti dubju dwar l‑identità tiegħu jew meta ma jkollux mezzi ta’ għixien jew inkella meta jkollu mġiba aggressiva?

3.      L‑Artikolu 15(4) tad‑Direttiva 2008/115/KE […] għandu jiġi interpretat fis‑sens li t‑tneħħija ma hijiex raġonevolment possibbli meta:

a)      fil‑mument li fih ikun qed isir l‑istħarriġ tad‑detenzjoni mill‑qorti, l‑Istat li l‑persuna kkonċernata tkun ċittadina tiegħu jkun irrifjuta li joħroġilha dokument tal‑ivvjaġġar għar‑ritorn tagħha u, sa dak il‑mument, ma jkunx hemm ftehim ma’ pajjiż terz sabiex il‑parti kkonċernata tintlaqa’ hemmhekk, minkejja li l‑organizzazzjonijiet amministrattivi tal‑Istat Membru jkunu qed jistinkaw sabiex jagħmlu dan?

b)      fil‑mument li fih ikun qed isir l‑istħarriġ tad‑detenzjoni mill‑qorti, ikun jeżisti ftehim ta’ riammissjoni konkluż bejn l‑Unjoni Ewropea u l‑Istat li l‑persuna kkonċernata tkun ċittadina tiegħu, iżda minħabba l‑eżistenza ta’ provi ġodda – jiġifieri ċertifikat tat‑twelid tal‑persuna kkonċernata – l‑Istat Membru ma jkunx irrefera għad‑dispożizzjonijiet tal‑imsemmi ftehim jekk il‑persuna kkonċernata ma tkunx tixtieq tirritorna?

ċ)      il‑possibbiltajiet li jiġu estiżi l‑perijodi ta’ detenzjoni stabbiliti fl‑Artikolu 15(6) tad‑Direttiva [2008/115] ikunu ġew eżawriti, fil‑każ li ma jkun intlaħaq ebda ftehim ta’ riammissjoni mal‑pajjiżi terzi fil‑mument li fih ikun qed isir l‑istħarriġ tad‑detenzjoni mill‑qorti, fid‑dawl tal‑Artikolu 15(6)(b) tal‑imsemmija direttiva?

4.      L‑Artikolu 15(4) u (6) tad‑Direttiva 2008/115 […] għandu jiġu interpretat fis‑sens li jekk, fil‑mument li fih ikun qed isir l‑istħarriġ tad‑detenzjoni bil‑għan tat‑tneħħija taċ‑ċittadin lejn pajjiż terz, jiġi kkonstatat li ma jkunx jeżisti motiv raġonevoli għat‑tneħħija tiegħu u li l‑motivi għall‑estensjoni tad‑detenzjoni tiegħu jkunu ġew eżawriti, f’każ bħal dan:

a)      madankollu ma għandux jiġi ordnat il‑ħelsien immedjat tagħha, jekk il‑kundizzjonijiet li ġejjin ikunu kollha sodisfatti: il‑persuna kkonċernata ma jkollhiex dokument validu tal‑identità, irrispettivament mill‑perijodu tal‑validità tiegħu, bil‑konsegwenza li jkun hemm dubju dwar l‑identità tagħha, ikollha mġiba aggressiva, ma jkollha ebda mezzi ta’ għixien u ma jkun hemm l‑ebda persuna terza li ntrabtet li tiggarantixxi l‑għixien tagħha?

b)      fid‑dawl tad‑deċiżjoni dwar il‑ħelsien, għandu jiġi eżaminat jekk iċ‑ċittadin tal‑pajjiż terz ikollux, b’mod konformi mad‑dispożizzjonijiet tad‑dritt nazzjonali tal‑Istat Membru, il‑mezzi neċessarji sabiex jirrisjedi fit‑territorju tal‑Istat Membru kif ukoll indirizz li fih ikun jista’ jirrisjedi?”

IV – Il‑konklużjonijiet

24.      Preliminarjament, peress li Kadzoev ikkontesta, fl‑osservazzjonijiet tiegћu, in-natura vera ta’ diversi ċirkustanzi ta’ fatti msemmija fid‑deċiżjoni tar‑rinviju, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l‑allegata mġiba aggressiva tiegћu matul id‑detenzjoni tiegħu, u ġibed l‑attenzjoni għal irregolaritajiet li jaffettwaw, b’mod ġenerali, id‑dritt tal‑immigrazzjoni u tal‑ażil fis‑seћћ fil‑Bulgarija u, b’mod partikolari, il‑kundizzjonijiet tad‑detenzjoni tiegћu, għandu jitfakkar li, skont it‑tqassim tal‑kompetenzi bejn il‑Qorti tal‑Ġustizzja u l‑qorti nazzjonali fil‑proċedura gћal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, hija biss il‑qorti nazzjonali li gћandha tiddefinixxi l‑kuntest legali u fattwali li minnu toħroġ domanda preliminari u li tistabbilixxi, skont il‑fatti u d‑dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti, is‑suġġett tal‑proċedura preliminari u, finalment, li tapplika r‑regoli tad‑dritt Komunitarju, kif inhuma interpretati mill‑Qorti tal‑Ġustizzja, f’dan il‑każ (5).

25.      B’hekk il‑Qorti tal‑Ġustizzja ma gћandhiex is‑setgћa li tkun taf il‑fatti tal‑każ jew li tiddeċiedi dwar il‑legalità tad‑detenzjoni ta’ Kadzoev u l‑proċeduri relatati magћha li, mill‑bqija, huma wkoll suġġetti gћal rikors quddiem il‑Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal‑Bniedem (6). Il‑Qorti tal‑Ġustizzja gћandha tillimita ruħha, min‑naћa l‑oћra, li tiddeċiedi b’mod utli fir‑rigward tal‑kawża prinċipali, fuq iż‑żewġ domandi ta’ interpretazzjoni tad‑dritt Komunitarju li sarulha.

26.      Wara dan, ser neżamina d‑domandi preliminari billi nsegwi, bħala prinċipju, l‑ordni li fiha saru. Madankollu, jidher utli li l‑punt (b) tal‑ewwel domanda u t‑tieni domanda jiġu eżaminati flimkien, fid‑dawl tal‑fatt li dawn iż‑żewġ domandi jirrigwardaw każijiet ta’ sospensjoni tal‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneћћija.

27.      Xieraq madankollu nittratta preliminarjament il‑kwistjoni tal‑ ammissibbiltà tad‑domandi preliminari, fid‑dawl, b’mod partikolari, tal‑fatt li dawn jikkonċernaw direttiva li t‑terminu ta’ traspożizzjoni tagħha gћadu ma skadiex.

A –    Dwar l‑ammissibbiltà

28.      Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, huma l‑qrati nazzjonali aditi b’kawża li għandhom jiddeterminaw il‑bżonn ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikunu jistgħu jagħtu s‑sentenza tagħhom, kif ukoll ir‑rilevanza tad‑domandi li jagħmlu lill‑Qorti tal‑Ġustizzja. B’hekk, id‑domandi magħmula, peress li jirrigwardaw l‑interpretazzjoni tad‑dritt Komunitarju, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza u għaldaqstant il‑Qorti tal‑Ġustizzja hija, bħala regola ġenerali, obbligata li tiddeċiedi (7).

29.      Ir‑rifjut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja li tiddeċiedi fuq domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa biss possibbli, dejjem skont ġurisprudenza stabbilita, meta jidher b’mod manifest li l‑interpretazzjoni mitluba tad‑dritt Komunitarju ma għandha l‑ebda relazzjoni mar‑realtà jew mas‑suġġett tal‑kawża prinċipali, meta l‑problema hija ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l‑Qorti tal‑Ġustizzja ma jkollhiex punti ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad‑domandi li tressqu quddiemha (8).

30.      Issa, fl‑opinjoni tiegħi, dan ma huwiex il‑każ inkwistjoni. B’mod partikolari, ma jidhirx b’mod manifest li d‑domandi magħmula ma għandhomx rilevanza fir‑rigward tad‑deċiżjoni li l‑qorti tar‑rinviju hija mitluba tiddeċiedi, anki jekk it‑terminu ta’ traspożizzjoni tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” kien gћadu ma skadiex meta l‑qorti tar‑rinviju ntalbet teżamina l‑legalità tad‑detenzjoni ta’ Kadzoev.

31.      L‑ewwel nett, huwa paċifiku li din id‑direttiva, skont l‑Artikolu 22 tagћha, daћlet fis‑seħħ fl‑gћoxrin jum wara d‑data tal‑pubblikazzjoni tagħha fil‑Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea, li kienet l‑24 ta’ Dicembru 2008, jiġifieri fit‑13 ta’ Jannar 2009.

32.      F’dan ir‑rigward, mill‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li, gћalkemm l‑Istati Membri destinatarji ta’ direttiva ma jistgћux evidentement jiġu kkritikati li naqsu milli jittrasponu din id‑direttiva fis‑sistema legali tagћhom qabel l‑iskadenza tat‑terminu ta’ traspożizzjoni, huma għandhom, madankollu, jastjenu milli jadottaw dispożizzjonijiet tali li jikkompromettu serjament it‑twettiq tar‑riżultat preskritt minn din id‑direttiva (9).

33.      Il‑Qorti tal‑Ġustizzja speċifikat ukoll li tali obbligu ta’ astensjoni japplika għall‑awtoritajiet kollha tal‑Istati Membri kkonċernati, inklużi l‑qrati nazzjonali. Għaldaqstant, mid‑data li fiha direttiva tidħol fis‑seħħ, il‑qrati tal‑Istati Membri għandhom jastjenu, sa fejn huwa possibbli, milli jinterpretaw id‑dritt nazzjonali b’mod li jirriskjaw li jikkompromettu serjament, wara l‑iskadenza tat‑terminu ta’ traspożizzjoni, it‑twettiq tal‑għan ta’ din id‑direttiva (10).

34.      F’dan ir‑rigward, għandu jiġi kkonstatat f’din il‑kawża li, skont il‑qorti tar‑rinviju, id‑dispożizzjonijiet leġiżlattivi intiżi sabiex jemendaw il‑liġi dwar il‑barranin iridu jitqiesu bħala t‑traspożizzjoni formali tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” fid‑dritt Bulgaru.

35.      Fil‑fatt, jekk il‑qorti nazzjonali tinterpreta u tapplika din il‑liġi tat‑traspożizzjoni kuntrarjament għall‑imsemmija direttiva, u, b’mod partikolari, għad‑dispożizzjonijiet tagћha li jirrigwardaw il‑perijodu permissibbli tad‑detenzjoni, u b’hekk toћloq preċedent, dan jirriżulta f’riskju li t‑twettiq tal‑għan ta’ din id‑direttiva jiġi serjament kompromess, wara l‑iskadenza tat‑terminu ta’ traspożizzjoni.

36.      Gћalhekk, peress li l‑Qorti tar‑rinviju gћamlet id‑domandi preliminari sabiex tiżgura interpretazzjoni u applikazzjoni tal‑liġi dwar il‑barranin skont id‑Direttiva dwar ir‑“ritorn”, u b’hekk tissodisfa l‑obbligu ta’ astensjoni skont il‑ġurisprudenza Inter‑Environnement Wallonie msemmija iktar ’il fuq, l‑interpretazzjoni mitluba tal‑imsemmija direttiva gћandha titqies utli gћall‑qorti tar‑rinviju sabiex tiddeċiedi l‑kawża li għandha quddiemha (11).

37.      Ċertament xorta waħda jibqa’ dubju fuq il‑kwistjoni dwar jekk għandux jiġi konkluż ukoll li t‑tielet domanda preliminari hija ammissibbli, peress li tikkonċerna l‑Artikolu 15(4) tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” li, skont l‑indikazzjonijiet tal‑qorti tar‑rinviju, ma ġietx trasposta fid‑dritt nazzjonali.

38.      Fl‑opinjoni tiegћi, għandha madankollu tingħata risposta fl‑affermattiv.

39.      F’dan ir‑rigward, l‑ewwel nett, niddubita kemm hu possibli li l‑imsemmi paragrafu 4 jiġi analizzat b’mod iżolat, irrispettivament mid‑dispożizzjonijiet l‑oћra tal‑Artikolu 15 li jirregolaw id‑detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneћћija.

40.      Fil‑fatt, sa fejn jipprovdi li d‑detenzjoni ma tibqax iġġustifikata u li l‑persuna kkonċernata għandha tiġi rrilaxxata immedjatament meta jidher li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija jew li l‑kundizzjonijiet għal detenzjoni msemmija fil‑paragrafu 1 ta’ dan l‑artikolu ma għadhomx iktar sodisfatti, l‑Artikolu 15(4) huwa biss ir‑riflessjoni tar‑regola diġà msemmija fil‑paragrafi l‑oћra ta’ dan l‑artikolu, b’mod partikolari, fil‑paragrafi 1 u 5, li jipprovdu li kull detenzjoni gћandha tkun kemm jista’ jkun fil‑qosor u ma tkunx tista’ tinżamm sakemm il‑kundizzjonijiet ta’ detenzjoni jkunu sodisfatti, din ir‑regola tikkostitwixxi, mill‑bqija, l‑espressjoni tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità mfakkra bil‑premessa 16 tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” (12).

41.      Li kieku kellu jingħad li d‑dispożizzjonijiet l‑oћra tal‑Artikolu 15 tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” kienu ġew effettivament trasposti fid‑dritt Bulgaru, jidher għalhekk li huwa diffiċli li wieħed isostni li hemm nuqqas ta’ traspożizzjoni fil‑paragrafu 4 ta’ dan l‑artikolu. Fil‑fatt, il‑qorti tar‑rinviju stess sostniet li ddeduċiet il‑portata normattiva ta’ din id‑dispożizzjoni mill‑Artikolu 44(8) tal‑liġi dwar il‑barranin.

42.      F’kull każ, it‑tieni nett, għandu jitfakkar li l‑obbligi tal‑Istati Membri matul it‑terminu ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva skont il‑ġurisprudenza Inter‑Environnement Wallonie msemmija iktar ’il fuq, inkluż l‑obbligu ta’ kull qorti nazzjonali li tieħu inkunsiderazzjoni, meta tinterpreta d‑dritt nazzjonali, tali direttiva, jirriżultaw mill‑obbligu li jiżguraw li l‑għan tad‑direttiva jintlaħaq wara l‑iskadenza tat‑terminu ta’ traspożizzjoni (13).

43.      Konsegwentement, anki jekk jingћad li l‑liġi li tittrasponi d‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” fid‑dritt Bulgaru effettivament tinkludi lakuna fir‑rigward tat‑traspożizzjoni tal‑Artikolu 15(4) tal‑imsemmija direttiva, il‑kwistjoni dwar jekk dan in‑nuqqas ta’ traspożizzjoni u deċiżjoni tal‑qorti nazzjonali kontra d‑direttiva li tikkomprometti l‑għan ta’ din id‑direttiva jiddependi fl‑aћћar mill‑aћћar miċ‑ċirkustanzi speċifiċi ta’ dan il‑każ. B’hekk, jekk dawn id‑dispożizzjonijiet jitqiesu, minkejja l‑imsemmija lakuna, li jikkostitwixxu t‑traspożizzjoni definittiva tad‑direttiva mill‑awtoritajiet nazzjonali, tali riskju jista’ jiġi preżunt. Jekk, min‑naħa l‑oħra, l‑Artikolu 15(4) tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” ma kienx gћadu ġie traspost fid‑dritt intern matul il‑kawża prinċipali minħabba li l‑leġiżlatur Bulgaru kien iddeċieda li jdaħħal fis‑seħħ din id‑direttiva b’mod progressiv u kien iddeċieda li jittrasponi din id‑dispożizzjoni speċifika f’data ulterjuri, qabel l‑iskadenza tat‑terminu ta’ traspożizzjoni, ma nistax ngћid li n‑nuqqas ta’ traspożizzjon ta’ din id‑direttiva jew interpretazzjoni tal‑ligi applikabbli li tmur kontra din id‑dispożizzjoni jikkompromettu neċessarjament l‑għan tad‑direttiva (14).

44.      Fil-fatt, hija l‑qorti nazzjonali li tiddeċiedi definittivament dwar dan il‑fatt, iżda għandu jiġi kkonstatat li dan ma jirriżultax, fi kwalunkwe każ, mid‑deċiżjoni tar-rinviju li traspożizzjoni speċifika tal‑Artikolu 15(4) tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” tkun gћadha meћtieġa. Barra minn hekk, il‑Gvern Bulgaru ddikjara waqt is‑seduta li hu jikkunsidra l‑imsemmija dispożizzjoni trasposta fid‑dritt Bulgaru, fejn wieħed ma jistax jistenna li l‑miżuri ta’ traspożizzjoni speċifiċi jintervjenu għal darb’oħra qabel ma jiskadi t‑terminu ta’ żmien tat‑traspożizzjoni.

45.      Minn dan isegwi li ma jidhirx, tal‑inqas b’mod manifest, li l‑interpretazzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni mitluba fil‑kuntest tat‑tielet domanda preliminari hija irrilevanti fir‑rigward tal‑kawża prinċipali (15).

46.      Fl‑opinjoni tiegħi, f’dawn iċ‑ċirkustanzi, għandha tingħata risposta għad‑domandi kollha magħmula mill‑Administrativen sad Sofia‑grad.

47.      Fl‑aћћar nett, għandu jingħad li, fl‑eżami ta’ din it‑talba għal deċiżjoni preliminari, jeħtieġ li tingħata attenzjoni li ma jiġux konfużi d‑diversi kwistjonijiet ta’ applikazzjoni ratione temporis imqajma f’dan il‑każ. B’hekk, fl‑opinjoni tiegћi, jeħtieġ issir distinzjoni ċara bejn, minn naћa, id‑domanda, li gћadni kif eżaminajt, mill‑perspettiva li jkun magħruf sa fejn il‑qorti nazzjonali tista’ tkun obbligata, sabiex tiddeċiedi rigward il‑kawża prinċipali, li tieћu inkunsiderazzjoni d‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” saħansitra qabel l‑iskadenza tat‑terminu ta’ traspożizzjoni, u, min‑naћa l‑oћra, il‑kwistjoni sostantiva, li hija s-suġġett tal‑ewwel domanda preliminari, relatata mal‑kwistjoni dwar jekk l‑Artikolu 15(5) u (6) tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” jimponix l‑obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il‑perijodi tad‑detenzjoni li saru qabel id‑dħul fis‑seħħ tal‑liġi ta’ traspożizzjoni tal‑imsemmija direttiva, fil‑kalkolu tal‑perijodu ta’ detenzjoni. Din l‑aћћar domanda se tqum, barra minn hekk, ukoll fil‑kuntest tal‑proċeduri ġudizzjarji relatati mal‑legalità ta’ detenzjoni li se jseћћu wara d‑data ta’ skadenza tat‑terminu ta’ traspożizzjoni tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn”.

B –     Fuq il‑mertu

1.      Fuq il‑punt (a) tal‑ewwel domanda

48.      L‑ewwel nett, għandhom jiġu stabbiliti fil‑qosor ir‑rekwiżiti tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” fir‑rigward tal‑perijodu tad‑detenzjoni gћal raġunijiet ta’ tneћћija.

49.      Fl‑Artikolu 15(5) tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn”, il‑leġiżlatur Komunitarju stabbilixxa terminu ta’ detenzjoni gћall‑finijiet tat‑tneћћija b’limitu ta’ sitt xhur. Skont l‑Artikolu 15(6) tal‑imsemmija direttiva, l‑Istati Membri jistgћu jestendu dan il‑perijodu gћal perijodu addizzjonali ta’ mhux iktar minn 12‑il xahar, minћabba raġunijiet relatati ma’ nuqqas ta’ kooperazzjoni taċ‑ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz jew minћabba dewmien fil‑kisba tad‑dokumenti neċessarji minn pajjiżi terzi. Mit‑terminu massimu ta’ detenzjoni jirriżulta li ma jistax jaqbeż total ta’ 18‑il xahar skont din id‑direttiva.

50.      Gћandu jiġi rrilevat madankollu li t‑termini hekk stabbiliti jiddefinixxu biss il‑limiti assoluti u esterni tal‑perijodu ta’ detenzjoni. B’dan il‑mod, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mid‑diċitura tal‑Artikolu 15(1) u (5) tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn”, kwalunkwe detenzjoni qabel it‑tneħħija għandha tkun qasira kemm jista’ jkun u għandha tinżamm biss sakemm il‑pjan ta’ tneħħija jkun qiegħed jitwettaq u jiġi eżegwit bid‑diliġenza dovuta. Barra minn hekk, gћandha tintemm id‑detenzjoni meta l‑kundizzjonijiet tad‑detenzjoni ma humiex sodisfatti jew meta ma jkunx gћadu jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija.

51.      Dawn ir‑rekwiżiti huma wkoll, kif diġà rrilevajt, l‑espressjoni tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità li japplika gћad‑detenzjoni u jillimita l‑perijodu tagħha, hekk kif tipprovdi l‑premessa 16 tal‑imsemmija direttiva.

52.      Fl‑aћћar nett, mid‑drittijiet fundamentali, li jifformaw parti integrali mill‑prinċipji ġenerali tad‑dritt u li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tiżgura r‑rispett tagħhom (16), b’mod partikolari tad‑dritt għal‑libertà hekk kif iggarantit mill‑Artikolu 5 tal‑Konvenzjoni Ewropea dwar id‑Drittijiet tal‑Bniedem jirriżulta li l‑perijodu ta’ detenzjoni gћal raġunijiet ta’ deportazzjoni ma jistax jeċċedi t‑terminu raġonevoli neċessarju sabiex jintlaћaq l‑gћan segwit. B’mod iktar speċifiku, hekk kif irrileva ġustment Kadzoev f’dan il‑kuntest, id‑detenzjoni furzata li huwa kien suġġett għaliha sat‑tneћћija – li għandha tiġi kklassifikata, ċertament, bħala “detenzjoni” fis‑sens tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” – tikkostitwixxi ċaħda mil‑libertà fis‑sens tal‑imsemmi artikolu, li gћalih japplika r‑rekwiżit ta’ ġustifikazzjoni bbażat fuq il-punt (f) tal‑Artikolu 5(1) tal‑imsemmija Konvenzjoni dwar id‑detenzjoni ta’ persuna li kontriha qiegħda ssir proċedura ta’ deportazzjoni jew ta’ estradizzjoni. F’dan ir‑rigward, anki jekk din il‑konvenzjoni ma tissuġġetta l‑perijodu ta’ detenzjoni gћal raġunijiet ta’ deportazzjoni jew estradizzjoni gћal ebda limitu assolut, mill‑ġurisprudenza tal‑Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal‑Bniedem jirriżulta li l‑awtoritajiet nazzjonali għandhom jaġixxu bid‑diliġenza kollha neċessarja sabiex jiggarantixxu li l‑perijodu ta’ tali detenzjoni jkun limitat gћal perijodu kemm jista’ jkun qasir. Jekk, min‑naћa l‑oћra, il‑proċedura ma tkunx meћuda bid‑diliġenza meħtieġa, iż‑żamma ma tibqax iġġustifikata fir‑rigward tal‑punt (f) tal-Artikolu 5(1) tal‑imsemmija Konvenzjoni (17).

53.      Minn dan isegwi li, skont ir‑rekwiżiti tal‑Artikolu 15 tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” id‑detenzjoni ta’ persuna gћal raġunijiet tat‑tneћћija tagħha gћandha tieqaf mill‑iktar fis possibli u ssir illegali hekk kif il‑kundizzjonijiet “materjali” tad‑detenzjoni stabbiliti minn dan l‑artikolu – partikolarment li l‑mod ta’ tneħħija jkun għaddej u jkun eżegwit bid‑diliġenza kollha rikjesta, u li jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija – ma jibqgħux sodisfatti jew, fi kwalunkwe każ, wara li jiskadi l‑perijodu massimu ta’ detenzjoni kkalkolat skont l‑Artikolu 15(5) u (6), ta’ din id‑direttiva.

54.      Wara dan, fil‑kawża prinċipali, il‑qorti tar‑rinviju hija mitluba tiddeċiedi dwar il‑legalità u ż‑żamma tad‑detenzjoni gћal raġunijiet tat‑tneћћija ta’ Kadzoev fuq il‑bażi, fost oћrajn, tal‑Artikolu 44(8) tal‑liġi dwar il‑barranin, hekk kif emendata, u tiżgura t‑traspożizzjoni fid‑dritt Bulgaru tal‑Artikolu 15(5) u (6), tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn”, b’effett mit‑18 ta’ Mejju 2009.

55.      Fid‑dawl tal‑fatt li l‑liġi ta’ traspożizzjoni ma jkunx fiha dispożizzjonijiet tranżitorji li jikkonċernaw il‑kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ratione temporis u li gћaldaqstant ma huwiex previst li din il‑liġi toħloq effett retroattiv, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi jekk, permezz tal‑punt (a) tal‑ewwel domanda tagћha, essenzjalment, huwiex possibbli, meta tiddeċiedi dwar it‑terminu legali tad‑detenzjoni, li jittieћdu inkunsiderazzjoni fatti legali, b’mod partikolari perijodi ta’ detenzjoni, qabel id‑dћul fis‑seħħ tat‑traspożizzjoni tal‑Artikolu 15(5) u (6) tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” jew, bil‑kuntrarju, jekk hemmx lok li jiġi eżaminat il‑perijodu legali tad‑detenzjoni unikament fil‑konfront tal‑fatti u tal‑perijodi ta’ detenzjoni wara din id‑data.

56.      L‑ewwel nett, f’dan ir‑rigward, għandhom jitfakkru l‑prinċipji li l‑Qorti tal‑Ġustizzja ddikjarat, fir‑rigward tal‑effetti ratione temporis tar‑regoli legali.

57.      Jekk huwa minnu li l‑prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi, b’mod ġenerali, li regola tiġi applikata b’mod retroattiv (18), dan il‑prinċipju, skont ġurisprudenza stabbilita, ma jistax japplika sal‑punt li jimpedixxi, b’mod ġenerali, leġiżlazzjoni ġdida milli tapplika għall‑effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li jkunu oriġinaw taħt leġiżlazzjoni preċedenti(19).

58.      B’hekk, il‑Qorti tal‑Ġustizzja stabbiliet, fil‑ġurisprudenza stabbilita tagħha, il‑prinċipju li jipprovdi li regola ġdida tapplika immedjatament gћas‑sitwazzjonijiet li gћadhom pendenti, u li oriġinaw taħt ir‑regola l‑qadima (20).

59.      Min‑naħa l‑oħra, sa fejn jirrigwarda sitwazzjonijiet jew drittijiet akkwiżiti qabel id‑dћul fis‑seħħ tar‑regoli ta’ dritt sostantiv, dawn ir‑regoli gћandhom jiġu interpretati, bil‑għan li tiġi ggarantita l‑osservanza tal‑prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi, bħala li japplikaw għas‑sitwazzjonijiet akkwiżiti qabel id‑dħul fis‑seħħ tagħhom biss sa fejn mid‑diċitura, mill‑għanijiet jew mill‑istruttura tagħhom jirriżulta b’mod ċar li dawn għandhom jingħataw tali effett (21). Ir‑regoli tal‑proċedura huma, min‑naħa l‑oħra, ġeneralment ikkunsidrati li japplikaw għall‑kawżi pendenti kollha minn meta dawn jidħlu fis‑seħħ (22).

60.      Sussegwentement, għandha ssir analiżi iktar mill‑qrib tal‑każ inkwistjoni fid‑dawl ta’ dawn il‑prinċipji.

61.      L‑ewwel nett, hemm lok li jiġi kkonstatat li s‑sitwazzjoni fattwali li tat lok għall‑kawża prinċipali, jiġifieri d‑detenzjoni ta’ Kadzoev, anki jekk il‑punt ta’ tluq kien qabel id‑dћul fis‑seħħ tal‑liġi ta’ traspożizzjoni tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” fid‑dritt Bulgaru, ma tistax titqies bћala sitwazzjoni attwali jew akkwiżita qabel id‑dћul fis‑seћћ tal‑imsemmija liġi li għaliha din il‑liġi ser tapplika għaldaqstant “retroattivament”. Dan huwa pjuttost każ ċar ta’ sitwazzjoni kontinwa li bdiet fil‑passat, iżda li tippersisti fil‑mument tal‑proċeduri inkwistjoni. L‑applikazzjoni għal dan il‑każ tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” permezz tal‑liġi ta’ traspożizzjoni sabiex tittieћed deċiżjoni dwar il‑legalità, u b’hekk fuq il‑possibbiltà ta’ estensjoni, tad‑detenzjoni ta’ Kadzoev ġejja għalhekk mill‑prinċipju magħruf sew stabbilit mill‑Qorti tal‑Ġustizzja, imsemmi iktar ’il fuq, li jipprovdi li r‑regoli l‑ġodda japplikaw immedjatament għas‑sitwazzjonijiet attwali (23).

62.      Għalhekk, jifdal li wieħed ikun jaf jekk huwiex possibbli li tiġi eżaminata l‑legalità tad‑detenzjoni biss sa fejn żvolġiet wara d‑dħul fis‑seħħ tal‑liġi ta’ traspożizzjoni.

63.      Ma jidhirlix possibbli li wieħed jista’ jipproċedi gћal tali separazzjoni tal‑perijodu ta’ detenzjoni gћall‑finijiet tal‑applikazzjoni tar‑regoli relatati mal‑perijodu ta’ detenzjoni previsti bid‑Direttiva dwar ir‑“ritorn”.

64.      F’dan ir‑rigward, l‑ewwel nett, għandu jitfakkar li l‑perijodi massimi ta’ detenzjoni stabbiliti fl‑Artikolu 15(5) u (6) tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” jagћmlu parti minn grupp ta’ regoli bil‑gћan li jiżguraw li d‑detenzjoni tkun proporzjonata, jiġifieri li l‑perijodu tagћha jkun kemm jista’ jkun qasir, u, fi kwalunkwe każ, mhux iktar minn 6 xhur jew, jekk ikun il‑każ, it‑18‑il xahar previst (24). Għaldaqstant, jekk, f’kawża bħal dik inkwistjoni, ikun meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il‑perijodu ta’ detenzjoni huwiex raġonevoli u jekk iż‑żamma tagћha għadhiex iġġustifikata, jien ma nistax nara kif dan jista’ jsir raġonevolment b’mod ieћor ћlief b’rigward għat‑totalità tat‑terminu reali tad‑detenzjoni. Jidher, mill‑inqas, arbitrarju gћall‑aћћar li jiġu injorati, fl‑eżami tal‑perijodu tad‑detenzjoni, ċerti perijodi minћabba li jkunu seħħew qabel id‑dћul fis‑seħħ tal‑liġi ta’ traspożizzjoni. It-tali qari tar‑rekwiżiti tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” kien ikollu, evidentement, bħala konsegwenza li qorti nazzjonali tista’ tikkonkludi, fuq il‑bażi tal‑liġi ta’ traspożizzjoni, favur il‑proporzjonalità, jiġifieri gћall‑ġustifikazzjoni, ta’ żamma tad‑detenzjoni gћall‑finijiet ta’ tneћћija ta’ persuna minkejja l‑perijodu estiż ta’ detenzjoni tal‑persuna inkwistjoni, li jidhirli ftit li xejn aċċettabbli.

65.      Fil‑fatt, jeħtieġ li wieħed jistaqsi, it‑tieni nett, fiex jikkonsisti effettivament l‑gћan tat‑termini massimi ta’ detenzjoni stabbiliti fl‑Artikolu 15(5) u (6) tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn”. Fi kliem ieћor, dawn id‑dispożizzjonijiet għandhom bħala għan, essenzjalment, li jimponu, mit‑traspożizzjoni tagћhom fid‑dritt nazzjonali u fil‑każ ta’ detenzjoni li qiegħda ssir, din tal‑aħħar tista’ tiġi estiża biss gћal perijodu massimu ta’ 18‑il xahar fit‑total, u indipendentement miż‑żmien ta’ detenzjoni li diġà sar fil‑passat, jew, bil‑kontra, iridu jitqiesu bħala li jesprimu l‑perijodu ta’ detenzjoni massimu aċċettabbli fis‑sens li “ħadd ma jista’ jkun suġġett għal detenzjoni gћall‑fini ta’ tneћћija għal iktar minn 18‑il xahar”, bil‑konsegwenza li persuna li tinsab, waqt id‑dћul fis‑seћћ tat‑traspożizzjoni ta’ din ir‑regola fid‑dritt nazzjonali, pereżempju, diġà f’detenzjoni għal 3 xhur, din id‑detenzjoni ma tistax tiġi estiża għal iktar mill‑massimu ta’15‑il xahar, u li persuna li, f’dak iż‑żmien, diġà kienet detenuta għal iktar minn 18‑il xahar, jew iktar mill‑perijodu massimu, gћandha tiġi lliberata immedjatament?

66.      Fl‑opinjoni tiegћi, hija b’mod ċar din l‑aћћar interpretazzjoni li għandha tipprevali fid‑dawl tal‑gћan tad‑dispożizzjonijiet relatati mal‑istabbiliment tat‑termini massimi ta’ detenzjoni gћal raġunijiet ta’ tneћћija, jiġifieri, b’mod partikolari, li tiggarantixxi d‑dritt fundamentali gћal‑libertà tal‑individwu kkonċernat, fejn kull eċċezzjoni gћandha tkun suġġetta gћal kundizzjonijiet stretti.

67.      Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r‑risposta għall‑punt (a) tal‑ewwel domanda għandha tkun fis‑sens li, għall‑finijiet tal‑eżami tal‑perijodu legali ta’ detenzjoni u taż‑żamma tiegħu fir‑rigward ta’ liġi li biha l‑Artikolu 15(5) u (6) tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” ġie traspost fid‑dritt nazzjonali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l‑perijodu effettiv ta’ din id‑detenzjoni, inkluż, konsegwentement, perijodi ta’ detenzjoni qabel id‑data tad‑dћul fis‑seћћ tal‑liġi ta’ traspożizzjoni.

2.      Fuq il‑punt (b) tal‑ewwel domanda, u fuq it‑tieni domanda

68.      Dawn id‑domandi jirrigwardaw il‑kunsiderazzjoni, fil‑kalkolu tat‑termini ta’ detenzjoni previst fl‑Artikolu 15(5) u (6) tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” tal‑perijodi ta’ detenzjoni li matulhom l‑eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni gћal tneћћija ġiet sospiża.

69.      Ser neżamina, fl‑ewwel lok, it‑tieni domanda dwar is‑sospensjoni tal‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija minħabba proċedura ta’ azzjoni ġudizzjarja ppreżentata kontra l‑imsemmija deċiżjoni, imbagħad, fit‑tieni lok, il‑każ, xi ftit iktar partikolari, ta’ sospensjoni minħabba proċedura ta’ għoti ta’ ażil imsemmija fil‑punt (b) tal‑ewwel domanda. Għandu jingħad, minn qabel, li fiż‑żewġ każijiet, hekk kif jirriżulta mid‑deċiżjoni ta’ rinviju, jeħtieġ nibda mill‑ipoteżi li ċ‑ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, jiġifieri Kadzoev, jidher li, mhux biss kompla jirrisjedi fl‑istess ċentru ta’ detenzjoni matul il‑perijodi ta’ sospensjoni tad‑deċiżjoni ta’ tneħħija inkwistjoni, iżda kien għadu wkoll hemm fuq bażi ta’ ordni ta’ detenzjoni furzata.

70.      Qabel kollox, huwa xieraq li ntenni li, peress li d‑detenzjoni furzata tikkostitwixxi ċaħda ta’ libertà, iċ‑ċirkustanzi li fiha ngħatat teħtieġ interpretazzjoni stretta, minħabba li hija eċċezzjoni gћal garanzija fundamentali tal‑libertà individwali (25).

71.      Sussegwentement, għandu jiġi osservat li d‑diċitura tal‑Artikolu 15(5) u (6) tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” ma fiha ebda element li jagħtini għalfejn naħseb li ma huwiex possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċerti perijodi ta’ detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneћћija fil‑kalkolu tat‑terminu massimu ta’ detenzjoni stabbiliti mill‑imsemmija dispożizzjonijiet, b’mod partikolari minħabba s‑sospensjoni tal‑eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni ta’ tneћћija.

72.      Fil‑fatt, l‑Artikolu 15(5) tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” jipprovdi li, f’termini pjuttost assoluti, li kull Stat Membru jistabbilixxi perijodu limitat ta’ detenzjoni “li ma jistax jaqbez sitt xhur”. Sussegwentement, mid‑diċitura tal‑Artikolu 15(6) tal‑istess direttiva jirriżulta b’mod ċar li dan il‑perijodu jista’ jiġi estiż biss f’każijiet eċċezzjonali u, madankollu, gћal perijodu limitat li ma jaqbiżx tnax‑il xahar ieħor biss.

73.      Barra minn hekk, iċ‑ċirkustanzi li fihom jista’ jitqies li tali estensjoni tal‑perijodu ta’ detenzjoni huma ddefiniti b’mod ċar u eżawrjenti permezz ta’ din id‑dispożizzjoni, li tqis il‑każijiet fejn, minkejja l‑isforzi raġonevoli kollha, huwa probabbli li l‑operazzjoni ta’ tneћћija ddum iktar jew minћabba nuqqas ta’ kooperazzjoni miċ‑ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz, jew inkella minћabba dewmien mill‑pajjjiżi terzi sabiex joħorġu d‑dokumenti neċessarji. Bl‑introduzzjoni ta’ dawn il‑motivi ta’ estensjoni, il‑leġiżlatur Komunitarju gћażel li jieћu inkunsiderazzjoni d‑diffikultajiet prattiċi li jistgћu jiltaqgћu magћhom l‑Istati Membri matul it‑tneћћija taċ‑ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza illegali.

74.      Issa, gћandu jiġi kkonstatat li s‑sospensjoni tad‑deċiżjoni ta’ tneћћija minћabba proċedura ta’ azzjoni ġudizzjarja ppreżentata kontra din id‑deċiżjoni ma tidhirx fost dawn il‑motivi ta’ estensjoni, u, fi kwalunkwe każ, ebda estensjoni tal‑perijodu ta’ detenzjoni li jaqbeż it‑tnax‑il xahar ieħor ma hija stabbilita fl‑Artikolu 15(5) u (6) tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn”.

75.      Konsegwentement, l‑Artikolu 15(5) u (6) tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn”, ma jistax jiġi interpretat, fin‑nuqqas ta’ dispożizzjonijiet espressi f’dan is‑sens, li jippermettu li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l‑perijodi ta’ detenzjoni li matulhom l‑eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni ta’ tneћћija ġiet sospiża minħabba proċedura ta’ rikors ġudizzjarju ppreżentata kontra din id‑deċiżjoni, gћall‑finijiet tal‑kalkolu tal‑perijodu tad‑detenzjoni skont dan l‑artikolu, li jkollu bħala effett li jippermetti detenzjoni gћal raġunijiet ta’ tneћћija gћal iktar mill‑perijodu massimu previst ta’ 18‑il xahar.

76.      Fl‑opinjoni tiegћi, din il‑konklużjoni ma hijiex ikkonfutata bis‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, invokata mill‑Gvern Bulgaru, fil‑kawża Petrosian (26) dwar l‑interpretazzjoni tar‑Regolament (KE) Nru 343/2003 (27). F’din il‑kawża, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li meta d‑dritt nazzjonali jipprovdi rikors li jista’ jkollu effett sospensiv, it‑terminu ta’ eżekuzzjoni ta’ trasferiment ta’ applikant għal ażil stabbilit fl‑Artikolu 20(1)(d) ta’ dan ir‑regolament jibda jiddekorri mhux mid‑deċiżjoni ġudizzjarja provviżorja li tissospendi d‑dħul fis‑seħħ tal‑proċedura ta’ trasferiment, iżda biss mid‑deċiżjoni ġudizzjarja li tiddeċiedi fuq il‑mertu tal‑proċedura (28).

77.      Din id‑deċiżjoni, kif ukoll ir‑raġunament ta’ warajha, ma tistax tiġi madankollu trasposta direttament gћal dan il‑każ, peress li t‑termini inkwistjoni huma ta’ natura differenti. Filwaqt li t‑terminu inkwistjoni fil‑kawża li tat lok għas‑sentenza Petrosian, iċċitata iktar ’il fuq, jistabbilixxi ż‑żmien disponibbli għall‑Istat Membru rikorrent sabiex jeżegwixxi t‑trasferiment ta’ applikant għall‑ażil lejn l‑Istat Membru li għandu jilqgħu mill‑ġdid, it‑termini massimi stabbiliti fl‑Artikolu 15(5) u (6) tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” għandhom l‑għan li jillimitaw għal terminu raġonevoli ċ‑ċaħda mil‑libertà ta’ individwu li, mill‑bqija, ma gћamel xejn ħlief fittex residenza illegali. Bl‑istess mod, it‑termini inkwistjoni f’din il‑kawża jillimitaw il‑perijodu ta’ detenzjoni gћal raġunijiet ta’ tneћћija, u mhux, mill‑inqas b’mod dirett, id‑dħul fis‑seħħ tal‑proċedura ta’ tneħħija bħala tali, li tinkludi, jekk ikun il‑każ, rikorsi ġudizzjarji ppreżentati kontra d‑deċiżjoni ta’ tneћћija.

78.      F’dak li jikkonċerna, fl‑aћћar nett, l‑elementi li rreferiet għalihom il‑qorti tar‑rinviju fil‑kuntest tat‑tieni domanda, jiġifieri l‑inċertezzi dwar l‑identità taċ‑ċittadin, in‑nuqqas li kellu ta’ mezzi ta’ gћixien jew l‑imġiba aggressiva tiegћu, dawn iċ‑ċirkustanzi huma evidentement irrelevanti f’dak li jikkonċerna l‑kwistjoni ta’ prinċipju dwar jekk perijodu ta’ detenzjoni li matulu l‑eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni ta’ tneћћija ġiet sospiża minћabba proċedura ta’ appell kontra din id‑deċiżjoni għandux jittieħed inkunsiderazzjoni fil‑kalkolu tat‑termini ta’ detenzjoni stabbiliti fl‑Artikolu 15 (5) u (6) tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” (29). F’dan il‑kuntest, huwa wkoll ta’ ftit importanza jekk iċ‑ċittadin kompliex jirrisjedi f’dan l‑istess ċentru speċjalizzat ta’ detenzjoni waqt il‑perijdou kkonċernat, – l‑unika kwistjoni deċisiva hija, gћall‑finijiet tal‑kalkolu tal‑perijodu massimu ta’ detenzjoni, dik jekk dan iċ‑ċittadin, matul dan il‑perijodu, kienx effettivament suġġett għal detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneћћija.

79.      Fid‑dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun fis-sens li, matul il-kalkolu tal-perijodu ta’ detenzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(5) u (6) tad‑Direttiva dwar ir-“ritorn”, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu ta’ detenzjoni li matulu l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tneћћija ġiet sospiża, skont dispożizzjoni nazzjonali espressa, minћabba proċedura ta’ rikors ġudizzjarju ppreżentata kontra din id-deċiżjoni.

80.      It‑tieni nett, fir‑rigward tal‑kwistjoni dwar jekk it‑termini ta’ detenzjoni gћal raġunijiet ta’ tneћћija msemmija fl‑Artikolu 15(5) u (6) tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” għandhomx jinkludu wkoll perijodu li matulu l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneћћija tkun ġiet sospiża minћabba proċedura ta’ ażil li nbdiet miċ‑ċittadin tal‑pajjiż terz inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat, l‑ewwel nett, li skont l‑Artikolu 2(1) tal‑imsemmija direttiva, din id‑direttiva tapplika biss gћal ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza illegali fit‑territorju ta’ Stat Membru.

81.      Issa, kif tipprovdi l‑premessa 9 tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn”, skont id‑ Direttiva tal‑Kunsill 2005/85/KE, tal‑1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl‑Istati Membri għall‑għoti u l‑irtirar tal‑istatus ta’ rifuġjat (30), ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun applika għal ażil fi Stat Membru ma għandux jitqies bħala li qiegħed illegalment fit‑territorju tal‑Istat Membru sakemm ma tidħolx fis‑seħħ deċiżjoni negattiva fir‑rigward tal‑applikazzjoni jew deċiżjoni li ttemm id‑dritt ta’ soġġorn tiegħu jew tagħha biex ifittex ażil.

82.      Minn dan isegwi li ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun talab ażil, ma jaqax – jew, skont il‑każ, ma jaqax iktar – taħt il‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” sakemm tkun għada għaddejja l‑proċedura ta’ eżami tal‑applikazzjoni tiegћu għal ażil.

83.      Sa fejn l‑applikant għal ażil ma jistax jitqies iktar li qed jirrisjedi illegalment fit‑territorju tal‑Istat Membru u ma jaqax taħt il‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn”, id‑detenzjoni tiegћu bil‑għan li tiggarantixxi l‑eżekuzzjoni tal‑miżura ta’ tneћћija ma tibqax iktar iġġustifikata fuq il‑bażi ta’ din id‑direttiva.

84.      L‑istatus u d‑drittijiet tiegћu bћala applikant għal ażil huma għalhekk irregolati minn sistemi ta’ ażil internazzjonali u Komunitarji applikabbli, b’mod partikolari bil‑Konvenzjoni ta’ Genève, tat‑28 ta’ Lulju 1951, dwar l‑istatus tar‑refuġjati, kif ukoll bid‑Direttiva tal‑Kunsill 2005/85 u d‑Direttiva tal‑Kunsill 2003/9/KE, tas‑27 ta’ Jannar 2003, li tistabbilixxi standards minimi għall‑akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (31).

85.      F’dan ir‑rigward, għandu jiġi osservat li, anki jekk persuna ma tistax tintbagћat f’detenzjoni gћas-sempliċi raġuni li talbet l‑ażil (32), id‑detenzjoni ta’ applikant għal ażil ma hijiex, bħala tali, eskluża skont id‑dritt nazzjonali u Komunitarju tal‑ażil (33).

86.      B’dan il‑mod, pereżempju, l‑Artikolu 7 tad‑Direttiva 2003/9 jipprovdi għal detenzjoni meta tkun neċessarja gћal raġunijiet legali jew ta’ ordni pubbliku. Fi kwalunkwe każ, tali detenzjoni ta’ applikant għal ażil gћandha tkun naturalment ibbażata u ġġustifikata skont il‑kundizzjonijiet partikolari stabbiliti mir‑regoli rilevanti li jirregolaw l‑ażil u ma tistax tkun ibbażata legalment fuq id‑dritt li jirregola l‑istatus tal‑persuni li qed jirrisjedu illegalment.

87.      Fl‑opinjoni tiegћi, minn din l‑analiżi tirriżulta stampa mħallta fir‑rigward tal‑każ inkwistjoni.

88.      Jekk id‑detenzjoni matul il‑perijodu tal‑eżami tal‑applikazzjoni għall‑ażil ta’ Kadzoev kienet ibbażata fuq ordni ta’ detenzjoni furzata meħud skont ir‑regoli rilevanti li jirregolaw l‑ażil, din id‑detenzjoni ma tistax titqies bћala detenzjoni gћal raġunijiet ta’ tneћћija skont id‑Direttiva dwar ir‑“ritorn”. Il‑perijodu tagћha ma jistax għalhekk jiġi rregolat skont l‑Artikolu 15 ta’ din id‑direttiva, u gћaldaqstant, ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fil‑kalkolu tat‑termini ta’ detenzjoni stabbiliti f’dan l‑artikolu (34).

89.      Jekk, min‑naħa l‑oħra, Kadzoev sempliċement baqa’ miżmum f’detenzjoni wara li applika għall‑ażil u mingћajr ma l‑awtoritajiet kienu ћadu deċiżjoni separata dwar iż‑żamma f’detenzjoni, fuq il‑bażi tal‑ordni ta’ detenzjoni oriġinali, allura effettivament, matul dan il‑perijodu, kien dejjem jinsab f’detenzjoni gћal raġunijiet ta’ tneћћija, xorta waћda kien ikun hemm possibbiltà li din id‑detenzjoni tiġi titqies bћala illegali, fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti. F’tali każ, il‑perijodu kkonċernat mill‑proċedura tal‑għoti tal‑ażil gћandu, minћabba l‑istess raġunijiet tas‑sospensjoni tal‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneћћija minħabba azzjoni ġudizzjarja, jittieħed inkunsiderazzjoni fil‑kalkolu tat‑termini massimi stabbiliti mill‑Artikolu 15(5) u (6), tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn”.

90.      Barra minn hekk, il‑perijodu massimu ta’ detenzjoni effettiva għal raġunijiet ta’ tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiz terz ma jistax jiġi estiż permezz ta’ perijodu ta’ detenzjoni illegali.

91.      Anki jekk jidher, abbażi tal‑informazzjoni li l‑Qorti tal‑Ġustizzja għandha, li hija t‑tieni sitwazzjoni li tipprevali fil‑kawża prinċipali, hija l‑qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi jekk id‑detenzjoni furzata matul il‑perijodu li fih huwa kien applikant għal ażil, kinitx ibbażata fuq ir‑regoli rilevanti gћall‑proċeduri għall‑ażil jew jekk kinitx għadha bbażata fuq detenzjoni bil‑gћan li tiġi żgurata t‑tneћћija taċ‑ċittadin ta’ pajjiz terz li qed jirrisjedi illegalment.

92.      Fid‑dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, nipproponi li r‑risposta għall‑punt (b) tal‑ewwel domanda għandha tkun fis‑sens li d‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 15(5) u (6) tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” fir-rigward tal‑perijodu massimu ta’ detenzjoni gћal raġunijiet ta’ tneћћija ma japplikawx, bħala regola ġenerali, gћal perijodi ta’ detenzjoni imposti fuq applikant għal ażil fil‑kuntest ta’ proċedura gћall‑gћoti ta’ ażil. Jekk, madankollu, ċittadin ta’ pajjiż terz jibqa’ suġġett gћal detenzjoni gћal raġunijiet tat‑tneћћija tiegћu, fis‑sens tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” wara li jkun applika għal ażil u matul l‑eżami ta’ din l‑applikazzjoni, dan il‑perijodu ta’ detenzjoni gћandu jittieћed inkunsiderazzjoni fil‑kalkolu tat‑termini ta’ detenzjoni stabbiliti fl‑Artikolu 15 (5) u (6) tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn”.

3.      Fuq it‑tielet domanda preliminari

93.      Permezz tat‑tielet domanda preliminari, il‑qorti tar‑rinviju tipprova tiċċara, fid‑dawl taċ‑ċirkustanzi ta’ din il‑kawża, il‑kunċett legali tal‑“prospett raġonevoli ta’ tneћћija” skont l‑Artikolu 15(4) tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn”.

94.      Skont din id‑dispożizzjoni, id‑detenzjoni ma tibqax iġġustifikata u l-persuna kkonċernata għandha tiġi immedjatament liberata “meta jkun jidher li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija għal konsiderazzjonijiet legali jew oħrajn”.

95.      Dan ir‑rekwiżit jirrifletti l‑fatt li d‑detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jirrisjedi illegalment tibqa’ ġġustifikata biss bil‑għan tat-tneћћija tiegħu u b’rabta mal‑proċeduri ta’ tneћћija fis-seħħ li jkunu qed jiżvolġu bid‑diliġenza rikjesta, li jimplika l‑eżistenza ta’ possibbiltà ta’ tneћћija. Issa, kif jirriżulta mid‑diċitura tal‑Artikolu 15(4) tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn”, l‑eżistenza ta’ possibbiltà astratta jew teoretika ta’ tneћћija, mingћajr preċiżjoni dwar meta dan jista’ jseħħ jew dwar il‑probabbiltà, ma hijiex biżżejjed f’dan ir‑rigward. Għandu jeżisti prospett “raġonevoli”, jiġifieri fi kliem ieħor realistiku, li tista’ ssir it-tneћћija tal‑persuna detenuta f’terminu raġonevoli (35).

96.      B’hekk, hija evidentement il‑qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi, fid‑dawl taċ‑ċirkustanzi kollha ta’ dan il‑każ, jekk tali prospett raġonevoli gћadux jeżisti jew le.

97.      Madankollu, hemm lok li jiġi speċifikat li, f’dak li jikkonċerna ċ‑ċirkustanzi deskritti mill‑qorti tar‑rinviju fil‑kuntest tat‑tielet domanda preliminari, prospett raġonevoli ta’ tneħħija jidher li ma jibqax jeżisti meta jidher ftit probabbli li l‑pajjiż terz inkwistjoni ser jagħti mill‑ġdid, fil‑futur raġonevolment qrib, il‑kunsens tiegħu sabiex il‑persuna kkonċernata tintlaqa’, jew meta t‑tneћћija fuq il‑bażi ta’ ftehim ta’ dħul mill‑ġdid ma tidhirx possibbli f’terminu raġonevoli, irrispettivament mir‑raġunijiet inkwistjoni.

98.      Fl‑aћћar nett, huwa naturali li jekk it‑termini massimi ta’ detenzjoni kkalkolati skont l‑Artikolu 15(5) u (6) tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” jiskadu, il‑persuna kkonċernata gћandha, madankollu, tiġi immedjatament liberata, irrispettivament mill‑eżistenza ta’ prospett raġonevoli ta’ tneћћija (36).

99.      Konsegwentement, nipproponi li r‑risposta gћat‑tielet domanda tkun fis‑sens li persuna li hija suġġetta gћal detenzjoni gћal raġunijiet ta’ tneћћija, gћandha tiġi lliberata immedjatament meta ma jibqax jidher iktar realistiku li tista’ ssir it-tneћћija f’terminu raġonevoli. Prospett raġonevoli ta’ tneћћija jidher li ma jibqax jeżisti meta jidher ftit probabbli li l‑pajjiż terz inkwistjoni ser jagħti mill‑ġdid, fil‑futur raġonevolment qrib, il‑kunsens tiegħu sabiex il‑persuna kkonċernata tintlaqa’, jew meta t‑tneћћija fuq il‑bażi ta’ ftehim ta’ dħul mill‑ġdid partikolari, ma tidhirx possibbli f’terminu raġonevoli, irrispettivament mir‑raġunijiet inkwistjoni.

4.      Dwar ir‑raba’ domanda preliminari

100. Permezz tar‑raba’ domanda preliminari tagћha, il‑qorti tar‑rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l‑Artikolu 15(4) u (6) tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” jippermettix li l‑persuna kkonċernata ma tiġix illiberata immedjatament, minkejja l‑iskadenza tal‑perijodu massimu ta’ detenzjoni stabbilita minn din id‑direttiva, gћar‑raġuni li ma tinsabx fil‑pussess ta’ dokumenti validi, li tat prova ta’ mġiba aggressiva u li ma għandhiex mezzi adegwati ta’ għixien jew li l‑ebda persuna terza ma ntrabtet li tiggarantixxi l‑għixien tagħha.

101. F’dan ir‑rigward, biżżejjed li jiġi kkonstatat li estensjoni tad‑detenzjoni minћabba ċ‑ċirkustanzi msemmija tmur direttament kontra d‑dispożizzjonijiet tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn” relatati mad‑detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jirrisjedi illegalment li jipprovdu li, kif jirriżulta mill‑kunsiderazzjonijiet preċedenti tiegħi (37), id‑detenzjoni hija permessa biss bħala miżura aћћarija, sussidjarja meta mqabbla ma’ kull miżura amministrattiva oћra inqas koerċitiva, suġġetta gћal ġustifikazzjoni stretta u biss gћal raġunijiet u b’rabta mal‑proċedura ta’ tneћћija, u dan gћal perijodu massimu ta’ 18‑il xahar (38).

102. Gћalhekk, ir‑risposta gћar‑raba’ domanda għandha tkun fis‑sens li d‑detenzjoni gћal raġunijiet ta’ tneћћija ma tistax tiġi estiża iktar mill‑perijodu massimu stabbilit fl‑Artikolu 15(4) u (6) tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn”, gћal raġunijiet bћal nuqqas ta’ dokumenti ta’ identità validi, imġiba aggressiva tal‑persuna kkonċernata jew in‑nuqqas ta’ mezzi adegwati ta’ għixien jew ta’ mezzi oћra materjali li jippermettu residenza fit‑territorju tal‑Istati Membri inkwistjoni.

V –    Konklużjoni

103. Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill‑Qorti tal‑Ġustizzja sabiex tiddikjara d‑domandi preliminari ammissibbli u li tirrispondi lill‑Administrativen sad Sofia‑grad fis‑sens li:

–        għall-finijiet tal-eżami tal‑perijodu legali ta’ detenzjoni u taż‑żamma tiegħu billi tiddeċiedi, abbażi ta’ liġi li biha l‑Artikolu 15(5) u (6) tad‑Direttiva 2008/115/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tas‑16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl‑Istati Membri għar‑ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil‑pajjiż illegalment, ġie traspost fid‑dritt nazzjonali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l‑perijodu effettiv ta’ din id‑detenzjoni, inkluż, konsegwentement, perijodi ta’ detenzjoni qabel id‑data tad‑dћul fis‑seћћ tal‑liġi ta’ traspożizzjoni;

–        id‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 15(5) u (6) tad‑Direttiva 2008/115 dwar il‑perijodu massimu ta’ detenzjoni gћal raġunijiet ta’ tneћћija ma japplikawx, bħala regola ġenerali, gћal perijodi ta’ detenzjoni imposti fuq applikant għal ażil fil‑kuntest ta’ proċedura gћall‑gћoti ta’ ażil. Jekk, madankollu, ċittadin ta’ pajjiż terz jibqa’ suġġett gћal detenzjoni gћal raġunijiet tat‑tneћћija tiegћu, fis‑sens tal‑imsemmija direttiva wara li jkun applika għal ażil u matul l‑eżami ta’ din l‑applikazzjoni, dan il‑perijodu ta’ detenzjoni gћandu jittieћed inkunsiderazzjoni fil‑kalkolu tat‑termini ta’ detenzjoni stabbiliti fl‑Artikolu 15(5) u (6) ta’ din id‑direttiva;

–        matul il‑kalkolu tal‑perijodu ta’ detenzjoni skont id‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 15(5) u (6) tad‑Direttiva 2008/115, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l‑perijodu ta’ detenzjoni li matulu l‑eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni ta’ tneћћija ġiet sospiża, skont dispożizzjoni nazzjonali espressa, minћabba proċedura ta’ rikors ġudizzjarju ppreżentata kontra din id-deċiżjoni;

–        persuna li hija suġġetta gћal detenzjoni gћal raġunijiet ta’ tneћћija, gћandha tiġi lliberata immedjatament meta ma jibqax jidher iktar realistiku li tista’ ssir it-tneћћija f’terminu raġonevoli. Prospett raġonevoli ta’ tneћћija jidher li ma jibqax jeżisti meta jidher ftit probabbli li l-pajjiż terz inkwistjoni se jagħti mill-ġdid, fil-futur raġonevolment qrib, il-kunsens tiegħu sabiex il-persuna kkonċernata tintlaqa’, jew meta t-tneћћija fuq il‑bażi ta’ ftehim ta’ dħul mill‑ġdid partikolari, ma tidhirx possibbli f’terminu raġonevoli, irrispettivament mir-raġunijiet inkwistjoni;

–        id‑detenzjoni gћal raġunijiet ta’ tneћћija ma tistax tiġi estiża iktar mill‑perijodu massimu stabbilit fl‑Artikolu 15(4) u (6) tad‑Direttiva 2008/115, gћal raġunijiet bћal nuqqas ta’ dokumenti ta’ identità validi, imġiba aggressiva tal‑persuna kkonċernata jew in‑nuqqas ta’ mezzi adegwati ta’ għixien jew ta’ mezzi oћra materjali li jippermettu residenza fit‑territorju tal‑Istati Membri inkwistjoni.



1 – Lingwa oriġinali: il‑Franċiż.


2 – ĠU L 348, p. 98.


3 – Ara, pereżempju, is‑sentenza tal‑Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal‑Bniedem, Amuur vs Franza tal‑25 ta’ Ġunju 1996, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 1996‑III, § 41.


4 – “Dispożizzjonijiet supplementari gћal‑liġi li temenda u li tikkompleta l‑Liġi dwar il‑Barranin fir‑Repubblika tal‑Bulgarija” (Ġurnal Uffiċjali Bulgaru Nru 36/2009), li l‑paragrafu 16 tagħha jipprovdi li l‑imsemmija liġi tikkostitwixxi t‑traspożizzjoni tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn”.


5 – Ara f’dan is‑sens, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat‑18 ta’ Novembru 1999, Teckal (C‑107/98, Ġabra p. I‑8121, punti 31, 34 u 39); tas‑7 ta’ Gunju 2007, van der Weerd et (C‑222/05 sa C‑225/05, Ġabra p. I ‑4233, punti 22 u 23), u tal‑15 ta’ Novembru 2007, International Mail Spain (C‑162/06, Ġabra p. I‑9911, punt 24).


6 – Saïd Shamilovich Kadzoev vs Il‑Bulgarija, ilment ippreżentat fl‑20 ta’ Diċembru 2007.


7 – Ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tal‑1 ta’ April 2004, Bellio F.lli Srl (C‑286/02, Ġabra p. I‑3465, punt 27); tal‑15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium (C‑393/04 u C‑41/05, Ġabra p. I‑5293, punt 24 u l‑ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll tal‑24 ta’ Ġunju 2008, Il‑Komun ta’ Mesquer (C‑188/07, Ġabra p. I‑4501, punt 30).


8 – Ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, Ġabra p. I‑2099, punt 39), kif ukoll van der Weerd et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata.


9 – Ara s‑sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Inter‑Environnement Wallonie (C‑129/96, Ġabra p. I‑7411, punt 45); tat‑8 ta’ Mejju 2003, ATRAL (C‑14/02, Ġabra p. I‑4431, punt 58), u tat‑22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, Ġabra p. I‑9981, punt 67).


10 – Ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, Ġabra p. I‑6057, punti 122 u 123), u tat‑23 ta’ April 2009, VTB‑VAB u Galatea (C‑261/07 u C‑299/07, Ġabra p. I‑2949, punt 39).


11 – Ara, f’dan il‑kuntest, is‑sentenza VTB‑VAB u Galatea, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40.


12 – Ara wkoll il‑punti 50 sa 52 ta’ din l‑opinjoni.


13 – Ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Inter‑Environnement Wallonie, iċċitata iktar ’il fuq, punti 40 u 44. Parti mid‑duttrina ssostni l‑argument li qorti nazzjonali għandha dejjem tinterpreta d‑ dispożizzjonijiet nazzjonali, sa fejn ikun possibbli, skont direttiva li t‑terminu ta’ traspożizzjoni, tagħha, matul il‑kawża prinċipali, ikun gћadu ma skadiex, jekk jirrigwarda dispożizzjonijiet nazzjonali inklużi speċifikament gћat‑traspożizzjoni ta’ din id‑direttiva. Issa, anki li kieku kellu jingћad li jeżiżtu indikazzjonijiet f’dan is‑sens fil‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat‑8 ta’ Ottubru 1987, Kolpinghuis Nijmegen (80/86, Ġabra p. 3969, punti 12, 15 u 16 moqrija flimkien), kif ukoll tal‑15 ta’ Marzu 2001, Mazzoleni u ISA (C‑165/98, Ġabra p. I‑2189, punt 17), il‑Qorti tal‑Ġustizzja, sa fejn naf jien, s’issa gћadha ma ddeċidietx b’mod ċar favur tali obbligu ġenerali ta’ interpretazzjoni konformi matul it‑terminu ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva. B’hekk, ma jifdallix ħlief li neżamina l‑effetti possibbli ta’ direttiva qabel l‑iskadenza tat‑terminu tat‑traspożizzjoni, fiċ‑ċirkustanzi speċifiċi, skont l‑obbligu ta’ astenzjoni li japplika gћall‑qrati nazzjonali skont il‑ġurisprudenza Inter‑Environnement Wallonie.


14 – Ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Inter‑Environnement Wallonie, iċċitata iktar ’il fuq, punti 46 sa 49.


15 – Ara l‑punt 30 ta’ din l‑opinjoni.


16 – Ara f’dan is‑sens, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C‑260/89, Ġabra p. I‑2925, punt 41), u tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Annibaldi (C‑309/96, Ġabra p. I‑7493, punt 12). Minbarra dan, skont l‑Artikolu 1 tad‑Direttiva dwar ir‑“ritorn”, din id‑direttiva gћandha tistabbilixxi r-regoli u l‑proċedura applikabbli “skont id‑drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tad‑dritt Komunitarju kif ukoll mad‑dritt internazzjonali, inklużi l‑obbligi fil‑qasam tal‑protezzjoni tar‑refuġjati u tad‑drittijiet tal‑bniedem.”


17 – Ara f’dan is‑sens, b’mod partikolari, Il‑Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal‑Bniedem, is‑sentenza Chahal vs Ir‑Renju Unit, tal‑15 ta’ Novembru 1996, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 1996‑V, § 113; il‑Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal‑Bniedem, is‑sentenza Mikolenko vs L‑Estonja, tat‑8 ta’ Ottubru 2009, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra, §§ 59 sa 61; ara wkoll il‑prinċipju Nru 7 tal‑“Għoxrin prinċipju essenzjali dwar it‑tneħħija furzata” adottati fl‑4 ta’ Mejju 2005 mill‑Kumitat tal‑Ministri tal‑Kunsill tal‑Ewropa u l‑kummenti dwar dawn il‑prinċipji ppreparati mill‑Kumitat ta’ esperti ad hoc dwar l‑aspetti legali tal‑ażil territorjali, tar‑refuġjati u tal‑persuni mingћajr stat (CAHAR), ippubblikati f’Settembru 2005, il‑kumment tal‑prinċipju essenzjali Nru 7.


18 – Ara, f’dan is‑sens, b’mod partikolari, is‑sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2006, Kersbergen‑Lap u Dams‑Schipper (C‑154/05, Ġabra p.I ‑6249, punt 42).


19 – Ara, b’mod partikolari, is‑sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Sachsen (C‑334/07 P, Ġabra p. I‑9465, punt 43).


20 – Ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 1986, Licata vs CES (270/84, Ġabra p. 2305, punt 31); tad‑29 ta’ Ġunju 1999, Butterfly Music (C‑60/98, Ġabra p. I‑3939, punt 24), u tad‑29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz‑Meyer (C‑162/00, Ġabra p. I‑1049, punt 50).


21 – Ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Pokrzeptowicz‑Mayer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49.


22 – Ara, b’mod partikolari, is‑sentenza tas‑6 ta’ Lulju 1993, CT Control (Rotterdam) u JCT Benelux vs Il‑Kummissjoni (C‑121/91 u C‑122/91, Ġabra p. I‑3873, punt 22).


23 – Ara s‑sentenza Pokrzeptowicz‑Meyer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52.


24 – Ara, f’dan ir‑rigward, il‑punti 49 sa 53 ta’ din l‑opinjoni.


25 – Ara l‑punt 52 iktar ’il fuq; ara wkoll, f’dan ir‑rigward, is‑sentenza tal‑Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal‑Bniedem, Mohd vs Il‑Greċja tas‑27 ta’ April 2006, § 18.


26 – Sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2009, Petrosian et (C‑19/08, Ġabra p. I‑495).


27 – Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat‑18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l‑kriterji u l‑mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l‑Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall‑ażil iddepożitata f'wieħed mill‑Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109).


28 – Il‑Qorti tal‑Ġustizzja rrilevat, f’dan ir‑rigward, li, b’mod partikolari, skont l‑gћan intiż mill‑istabbiliment tat‑terminu inkwistjoni, l‑Istati Membri kellhom terminu ta’ sitt xhur li setgħu jisfruttaw b’mod sħiħ sabiex jistabbilixxu l‑modalitajiet tekniċi tat‑twettiq tat‑trasferiment. L‑Istati Membri jistgћu nkella jinjoraw/jabolixxu l‑effett sospensiv tad‑deċiżjoni provviżorja sabiex jagћmlu użu miż‑żmien neċessarju gћall‑organizzazzjoni tat‑trasferiment tal‑applikant għall‑ażil.


29 – Ara wkoll, f’dan is‑sens, il‑punt 101 ta’ din l‑opinjoni.


30 – ĠU L 175, p. 168.


31 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 101.


32 – Ara, f’dan ir‑rigward, pereżempju, Artikolu 18(1) tad‑Direttiva 2005/85.


33 – Ara, f’dan il‑kuntest, pereżempju, is‑sentenza tal‑Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal‑Bniedem, Saadi vs Ir‑Renju Unit, tad‑29 ta’ Jannar 2008, § 65; is‑sentenza tal‑Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal‑Bniedem, Riad u Idiab vs Il‑Belġju, tal‑24 ta’ Jannar 2008, § 70; ara wkoll il‑komunikazzjoni tal‑Kumitat tad‑Drittijiet tal‑Bniedem, Nru 560/1993: L‑Awstralja. 30/04/97. CCPR/C/59/D/560/1993, punt 9.3.


34 – Lanqas ma jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni perijodi possibbli ta’ ċaħda mil‑libertà fuq bażijiet legali oћra, pereżempju, fuq il‑bażi tad‑dritt kriminali nazzjonali.


35 – Ara f’dan ir‑rigward il‑kumment, u l‑ġurisprudenza ċċitata, tal‑CAHAR dwar il‑prinċipju essenzjali Nru 7 dwar ir‑ritorn furzat, iċċitat iktar ’il fuq.


36 – Fil‑fatt, fid‑dawl tal‑fatti tal‑każ, b’mod partikolari l‑perijodu ta’ detenzjoni ta’ Kadzoev, u għar‑risposti proposti gћall‑ewwel u t‑tieni domandi preliminari, tista’ tqum kwistjoni dwar ir‑rilevanza ta’ din domanda gћall‑finijiet tal‑proċedura prinċipali.


37 – Ara, b’mod partikolari, il‑punti  48 sa 53 u 70 sa 73 ta’ din l‑opinjoni.


38 – Xieraq li nżid li d‑detenzjoni, minћabba mġiba aggressiva, fuq bażi legali oћra ta’ dritt nazzjonali, bћal, pereżempju, jekk ikun il‑każ, liġi bil‑għan li żżomm l‑ordni pubbliku jew id‑dritt kriminali, tibqa’ dejjem possibli.