Language of document : ECLI:EU:T:2015:876

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

24 ta’ Novembru 2015 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali WESTERN GOLD – Trade marks nazzjonali, Komunitarja u internazzjonali verbali preċedenti WeserGold, Wesergold u WESERGOLD – Raġuni relattiva għal rifjut – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Deċiżjoni fuq ir-rikors – Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Dritt għal smigħ – Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑278/10 RENV,

riha WeserGold Getränke GmbH & Co. KG (li kienet Wesergold Getränkeindustrie GmbH & Co. KG), stabbilita fi Rinteln (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn T. Melchert, P. Goldenbaum u I. Rohr, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), inizjalment irrappreżentat minn A. Pohlmann, sussegwentement minn S. Hanne, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija

Lidl Stiftung & Co. KG, stabbilita fi Neckarsulm (il-Ġermanja), irrappreżentata minn A. Marx u M. Wolter, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI, tal-24 ta’ Marzu 2010 (Każ R 770/2009‑1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Wesergold Getränkeindustrie GmbH & Co. KG u Lidl Stiftung & Co. KG,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro (Relatur), President, S. Gervasoni u L. Madise, Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ April 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-23 ta’ Awwissu 2006, l-intervenjenti, Lidl Stiftung & Co. KG, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1994, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas‑26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali WESTERN GOLD.

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 33 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Spirti, b’mod partikolari whisky”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil‑Bullettin tat‑trade marks Komunitarji Nru 3/2007, tat-22 ta’ Jannar 2007.

5        Fl-14 ta’ Marzu 2007, Wesergold Getränkeindustrie GmbH & Co. KG, li tagħha r-rikorrenti, riha WeserGold Getränke GmbH & Co. KG, hija suċċessur fid-drittijiet, opponiet, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni fir-rigward tal-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq diversi trade marks preċedenti.

7        L-ewwel trade mark preċedenti invokata kienet it-trade mark Komunitarja verbali WeserGold, ippreżentata fit-3 ta’ Jannar 2003 u rreġistrata fit-2 ta’ Marzu 2005 bin-Numru 2994739, li tkopri l-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 29, 31 u 32 u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 29: “Frott u ħxejjex ippreservati, imnixxfin u msajjrin; ġeli għall-ikel, ġammijiet, frott ippriżervat jew misjur fix-xropp; prodotti tal-ħalib, jiġifieri xarbiet ibbażati fuq il-jogurt magħmula prinċipalment minn jogurt, iżda wkoll minn meraq tal-frott jew tal-ħxejjex”;

–        klassi 31: “Frott frisk”;

–        klassi 32: “Ilma minerali u effervexxenti; xarbiet oħra mhux alkoħoliċi, jiġifieri luminati, sodas u colas; meraq tal-frott, xarbiet ibbażati fuq il-frott, meraq tal-ħxejjex u xarbiet ibbażati fuq il-ħxejjex; ġuleppijiet u preparazzjonijiet oħra biex isiru x-xarbiet”.

8        It-tieni trade mark preċedenti invokata kienet it-trade mark Ġermaniża verbali WeserGold, ippreżentata fis-26 ta’ Novembru 2002 u rreġistrata fis-27 ta’ Frar 2003 bin-Numru 30257995, li tkopri l-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 29, 31 u 32 u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 29: “Frott u ħxejjex ippreservati, imnixxfin u msajjrin; ġeli għall-ikel, ġammijiet, mili tal-frott, prodotti tal-ħalib, jiġifieri xarbiet ibbażati fuq il-jogurt magħmula prinċipalment minn jogurt, iżda wkoll minn meraq tal-frott jew tal-ħxejjex”;

–        klassi 31: “Frott frisk”;

–        klassi 32: “Ilma minerali u effervexxenti; xarbiet oħra mhux alkoħoliċi, jiġifieri luminati, sodas u colas; meraq tal-frott, xarbiet ibbażati fuq il-frott, meraq tal-ħxejjex u xarbiet ibbażati fuq il-ħxejjex; ġuleppijiet u preparazzjonijiet oħra biex isiru x-xarbiet”.

9        It-tielet trade mark preċedenti invokata kienet it-trade mark internazzjonali verbali Numru 801149 WeserGold, ippreżentata fit-13 ta’ Marzu 2003, li għandha effett fir-Repubblika Ċeka, fid-Danimarka, fi Spanja, fi Franza, fl-Italja, fl-Ungerija, fl-Awstrija, fil-Polonja, fil-Portugall, fis-Slovenja, fl-Isvezja, fir-Renju Unit u fil-pajjiżi tal-Benelux, li tkopri prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 29, 31 u 32 u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        Klassi 29: “Frott u ħxejjex ippreservati, imnixxfin u msajjrin; ġeli għall-ikel, ġammijiet, mili tal-frott, prodotti tal-ħalib, jiġifieri xarbiet ibbażati fuq il-jogurt magħmula prinċipalment minn jogurt, iżda wkoll minn meraq tal-frott jew tal-ħxejjex”;

–        klassi 31: “Frott frisk”;

–        klassi 32: “Ilma minerali u effervexxenti; xarbiet oħra mhux alkoħoliċi, jiġifieri luminati, sodas u colas; meraq tal-frott, xarbiet ibbażati fuq il-frott, meraq tal-ħxejjex u xarbiet ibbażati fuq il-ħxejjex; ġuleppijiet u preparazzjonijiet oħra biex isiru x-xarbiet”.

10      Ir-raba’ trade mark preċedenti invokata kienet it-trade mark Ġermaniża verbali WESERGOLD, ippreżentata fit-12 ta’ Ġunju 1970 u rreġistrata fis-16 ta’ Frar 1973 bin-Numru 902472, imġedda fit-13 ta’ Ġunju 2000, li tkopri l-prodotti li jaqgħu fil-klassi 32 u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Sidru, luminati, ilma minerali, meraq tal-ħxejjex bħala xorb, meraq tal-frott”.

11      Il-ħames trade mark preċedenti invokata kienet it-trade mark Pollakka verbali WESERGOLD, ippreżentata fis-26 ta’ Ġunju 1996 u rreġistrata fil-11 ta’ Mejju 1999 bin-Numru 161413, li tkopri l-prodotti li jaqgħu fil-klassi 32 u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Ilma minerali u ilma min-nixxiegħa; ilma tal-mejda, xarbiet mhux alkoħoliċi; meraq tal-frott, nettari tal-frott, ġuleppijiet tal-frott, meraq tal-ħxejjex, nettari tal-ħxejjex, xarbiet rinfreskanti, xarbiet ibbażati fuq il-meraq tal-frott, luminati, xarbiet effervexxenti, xarbiet minerali, tè bis-silġ, ilma minerali bit-togħma, ilma minerali bil-meraq tal-frott miżjud – ix-xarbiet kollha msemmija wkoll għall-preparazzjonijiet tad-dieta għal skopijiet li ma humiex mediċinali”.

12      Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien dak stabbilit fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009].

13      Fil-11 ta’ Ġunju 2009, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni u ċaħdet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja. Għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni llimitat l-eżaminazzjoni tal-oppożizzjoni tagħha għat-trade mark Komunitarja verbali preċedenti, li għaliha ma kinitx meħtieġa l-prova ta’ użu ġenwin.

14      Fit-13 ta’ Lulju 2009, l-intervenjenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

15      B’deċiżjoni tal-24 ta’ Marzu 2010 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ l-appell u annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Huwa kkunsidra li l-pubbliku rilevanti kien jikkonsisti fil-pubbliku ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Il-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li jaqgħu fil-klassi 33, jiġifieri “spirti, b’mod partikolari [l-]whisky”, allegatament ma humiex simili għall-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti li jaqgħu fl-klassijiet 29 u 31 (ara punti 20 u 21 tad-deċiżjoni kkontestata). Hemm livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni li jaqgħu fil-klassi 33 u dawk koperti mit-trade marks preċedenti li jaqgħu fil-klassi 32 (ara punti 22 sa 28 tad-deċiżjoni kkontestata). Is-sinjali kunfliġġenti allegatament jippreżentaw livell medju ta’ xebh fuq il-pjan viżiv (punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata), u dak fonetiku (punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata), iżda huma kunċettwalment differenti (punti 35 sa 37 tad-deċiżjoni kkontestata). Sa fejn jikkonċerna l-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti, il-Bord tal-Appell essenzjalment ikkunsidra li dan il-karattru distintiv kien ftit inqas mill-medja minħabba l-preżenza tal-kelma “gold”, li għandha karattru distintiv dgħajjef (punti 38 sa 40 tad-deċiżjoni kkontestata). Finalment, huwa indika li l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni kienet twassal sabiex wieħed jikkonkludi li hemm assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti (punti 41 sa 47 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja

16      Permezz ta’ rikors ippreżentat lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Ġunju 2010, ir-rikorrenti ressqet azzjoni intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għal ksur tal-Artikolu 8(1)(b), tal-Artikolu 64, tat-tieni sentenza tal-Artikolu 75, u, b’mod sussidjarju, tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009.

17      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-27 ta’ Ġunju 2012.

18      Permezz tas-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2012, Wesergold Getränkeindustrie vs UASI – Lidl Stiftung (WESTERN GOLD) (T‑278/10, Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti Ġenerali”, EU:T:2012:459), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata u kkundannat lill-UASI jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk tar-rikorrenti, u l-intervenjenti kellha tbati l-ispejjeż tagħha.

19      Sabiex tiddeċiedi f’dan is-sens, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, mingħajr ma tat deċiżjoni dwar it-tliet motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti. Il-Qorti Ġenerali, wara li fil-punt 58 tas-sentenza tagħha kkonstatat li s-sinjali kunfliġġenti kienu globalment differenti minkejja x-xebh fuq il-pjan viżiv u l-pjan fonetiku tagħhom, fid-dawl tal-eżistenza ta’ differenzi kunċettwali kbar, ikkritikat lill-Bord tal-Appell, fil-punti 72, 82 u 83 tal-imsemmija sentenza, qabel kollox, talli qies li r-rikorrenti ma kinitx invokat il-karattru distintiv imsaħħaħ miksub permezz tal-użu tat-trade marks preċedenti, sussegwentement, minħabba tali żball, talli naqas milli jeżamina fattur potenzjalment rilevanti fl-evalwazzjoni globali tal-eżistenza tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u t-trade marks preċedenti u, fl-aħħar nett, minħabba tali ommissjoni, talli wettaq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali li għandu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

20      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Diċembru 2012, l-UASI appella mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali, fejn talab lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla l-imsemmija sentenza.

21      Permezz tas-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2014, UASI vs riha WeserGold Getränke (C‑558/12 P, Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza mogħtija fl-appell”, EU:C:2014:22), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

22      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali kienet ivvizzjata minn żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, billi l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat qieset li l-assenza ta’ analiżi, mill-Bord tal-Appell, tal-karattru distintiv imsaħħaħ miksub permezz tal-użu tat-trade marks preċedenti kellha twassal għan-nullità tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-punt 48 tas-sentenza mogħtija fl-appell il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-eżami ta’ dan l-element mill-Bord tal-Appell ma kienx rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, filwaqt li l-Qorti Ġenerali, qabel dan, kienet ikkonstatat li t-trade marks inkwistjoni kienu globalment differenti, b’mod li kull probabbiltà ta’ konfużjoni kienet eskluża u b’mod li l-eżistenza possibbli ta’ karattru distintiv imsaħħaħ miksub permezz tal-użu tat-trade mars preċedenti ma setgħetx tagħmel tajjeb għall-assenza ta’ xebh tal-imsemmija trade marks.

23      Fil-punt 61 tas-sentenza mogħtija fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset:

“Peress li l-Qorti Ġenerali eżaminat biss l-ewwel wieħed mill-erba’ motivi invokati minn riha WeserGold Getränke insostenn tar-rikors tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li din il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża. Għaldaqstant, il-kawża għandha tiġi rrinvijata lill-Qorti Ġenerali.”

24      Wara s-sentenza mogħtija fl-appell u skont l-Artikolu 118(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, il-kawża ġiet assenjata lit-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet wara r-rinviju

25      Il-partijiet ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, skont l-Artikolu 119(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991. Ir-rikorrenti, l-UASI u l-intervenjenti ppreżentaw in-noti ta’ osservazzjonijiet tagħhom fit-termini mogħtija, jiġifieri fl-1 ta’ April, fit-8 u fl-14 ta’ Mejju 2014 rispettivament.

26      Fl-osservazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI jew lill-intervenjenti għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

27      Fl-osservazzjonijiet tagħhom, l-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż relatati mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali (T‑278/10 u T‑278/10 RENV) kif ukoll dawk relatati mal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (C‑558/12 P).

 Id-dritt

28      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti qajmet erba’ motivi, ibbażati fuq il-ksur, fl-ewwel lok, tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, fit-tieni lok, tal-Artikolu 64 tal-imsemmi regolament, fit-tielet lok, tat-tieni sentenza tal-Artikolu 75 ta’ dan l-istess regolament u, fir-raba’ lok, tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tal-imsemmi regolament.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009

29      Mis-sentenza mogħtija fl-appell ir-rikorrenti tiddeduċi li l-argument ibbażat fuq il-karattru distintiv imsaħħaħ miksub permezz tal-użu u l-influwenza ta’ dan il-karattru distintiv kellhom jiġu evalwati fil-kuntest tal-eżami tax-xebh viżiv, dak fonetiku u x-xebh kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, b’mod li tkun il-Qorti Ġenerali li jkollha twettaq tali eżami, billi teżamina l-karattru distintiv miksub permezz tal-użu tat-trade marks preċedenti, u tiddeċiedi fuq ir-rikors kollu, fir-rigward tal-erba’ motivi tiegħu, mingħajr ma bl-ebda mod tkun marbuta mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

30      F’din il-perspettiva, ir-rikorrenti essenzjalment issostni, qabel kollox, li s-sinjali kunfliġġenti għandhom livell medju ta’ xebh, u dan ġie kkonstatat kemm mill-Bord tal-Appell kif ukoll fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Sussegwentement ir-rikorrenti tqis li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ xebh kunċettwali bejn l-imsemmija sinjali ma jistax ixejjen ix-xebh viżiv u dak fonetiku kkonstatati. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-eżami relatat max-xebh tal-prodotti inkwistjoni, l-analiżi tal-eżistenza tal-probabbiltà ta’ konfużjoni u tal-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti.

31      F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li minn sempliċi qari tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li din tal-aħħar, kif jirrilevaw ġustament kemm l-UASI kif ukoll l-intervenjenti, waslet għall-konklużjoni, imsemmija fil-punt 58 tas-sentenza tagħha, li “s-sinjali [kienu] globalment differenti minkejja x-xebh fuq il-pjan viżiv u fonetiku tagħhom”.

32      Barra minn hekk, mis-sentenza mogħtija fl-appell jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali għas-sempliċi raġuni li din, minkejja l-assenza ta’ xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti, kienet ikkritikat lill-Bord tal-Appell talli ma eżaminax l-eżistenza tal-karattru distintiv imsaħħaħ miksub permezz tal-użu tat-trade marks preċedenti filwaqt li, billi t-trade marks huma globalment differenti, kull probabbiltà ta’ konfużjoni kienet eskluża. Minn dan isegwi li l-kriterju tal-eżistenza tal-karattru distintiv imsaħħaħ miksub permezz tal-użu tat-trade marks preċedenti għandu jiġi eżaminat biss fil-każ fejn xebh bejn l-imsemmija sinjali kif ukoll, barra minn hekk, xebh bejn il-prodotti u s-servizzi kkonċernati jiġu kkonstatati minn qabel, u dan fis-sempliċi kuntest tal-eżami relatat mal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

33      Fil-fatt, mill-punti 48 sa 50 tas-sentenza mogħtija fl-appell:

“48      B’dan il-mod, bil-fatt li ddeċidiet li l-assenza ta’ analiżi, min-naħa tal-Bord tal-Appell, tal-karattru distintiv imsaħħaħ miksub permezz tal-użu tat-trade marks preċedenti kienet twassal għan-nullità tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali eżiġiet li l-Bord tal-Appell jeżamina element li ma kienx rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, bejn it-trade marks kunfliġġenti. Fil-fatt, ladarba qabel kienet ikkonstatat li t-trade marks inkwistjoni kienu globalment differenti, kwalunkwe probabbiltà ta’ konfużjoni kienet eskluża u l-eventwali eżistenza ta’ karattru distintiv imsaħħaħ miksub permezz tal-użu tat-trade marks preċedenti ma setgħetx tikkumpensa għall-assenza ta’ xebh bejn l-imsemmija trade marks.

49      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-UASI għandu raġun isostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

50      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, mingħajr ma hemm lok li jiġu eżaminati ż-żewġ aggravji l-oħra, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn, permezz tagħha, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Bord tal-Appell kien obbligat jeżamina l-karattru distintiv imsaħħaħ miksub permezz tal-użu tat-trade marks preċedenti u annullat id-deċiżjoni kkontestata għal din ir-raġuni, minkejja li qabel kienet ikkonstatat li t-trade marks kunfliġġenti ma kinux jixxiebhu.”

34      Peress li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li s-sinjali kunfliġġenti ma kinux jixxiebhu u li waħda mill-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 għaldaqstant ma kinitx issodisfatta, kull probabbiltà ta’ konfużjoni kienet eskluż, kif jirriżulta mill-punt 48 tas-sentenza mogħtija fl-appell.

35      Għaldaqstant ir-rikorrenti ma tistax tikkontesta, hekk kif tipprova tagħmel, l-analiżi tax-xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti magħmula fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali u r-riżultat li waslet għalih din tal-aħħar, li barra minn hekk bl-ebda mod ma ġew ikkontestati mis-sentenza mogħtija fl-appell.

36      Fil-fatt, anki jekk id-dispożittiv tas-sentenza mogħtija fl-appell jaqta’ u jiddeċiedi li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali hija annullata mingħajr ma jispeċifika l-portata ta’ dan l-annullament, huwa jxekkel milli d-dispożittiv tas-sentenza mogħtija fl-appell jinqara b’rabta mal-motivi li jinsabu fl-imsemmija sentenza.

37      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tikkonforma mas-sentenza u sabiex din tingħata eżekuzzjoni sħiħa, l-istituzzjoni għandha tosserva mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza, iżda wkoll il-motivi li wasslu għaliha u li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tagħha, fis-sens li huma indispensabbli sabiex jiddeterminaw is-sens eżatt ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv. Fil-fatt, huma dawn il-motivi li, minn naħa, jidentifikaw id-dispożizzjoni preċiża kkunsidrata bħala illegali u, min-naħa l-oħra, jindikaw ir-raġunijiet preċiżi tal-illegalità kkonstatata fid-dispożittiv u li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tissostitwixxi l-att annullat (sentenza tas-26 ta’ April 1988, Asteris et vs Il‑Kummissjoni, 97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, Ġabra, EU:C:1988:199, punt 27; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1997, TWD vs Il-Kummissjoni, C‑355/95 P, Ġabra, EU:C:1997:241, punt 21, u tas-7 ta’ Ottubru 1999, Irish Sugar vs Il-Kummissjoni, T‑228/97, Ġabra, EU:T:1999:246, punt 17).

38      Issa, għandu jitfakkar li, fil-punt 50 tas-sentenza mogħtija fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “s-sentenza appellata [kellha] tiġi annullata sa fejn, permezz tagħha, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Bord tal-Appell kien obbligat jeżamina l-karattru distintiv imsaħħaħ miksub permezz tal-użu tat-trade marks preċedenti u [kienet] annullat id-deċiżjoni kkontestata għal din ir-raġuni, minkejja li qabel kienet ikkonstatat li t-trade marks kunfliġġenti ma kinux jixxiebhu”, u dan ifisser li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-intenzjoni li tikkontesta l-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali f’dak li jikkonċerna l-analiżi tax-xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti u li kkostitwixxew il-premessa tar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja.

39      Peress li dan il-motiv ta’ annullament ma jestendix għall-imsemmija konstatazzjonijiet fattwali, l-eżami tal-ewwel motiv għaldaqstant ingħalaq permezz tal-konstatazzjoni li l-eżami tal-karattru distintiv imsaħħaħ miksub permezz tal-użu tat-trade marks preċedenti kien ineffettiv, peress li s-sinjali kunfliġġenti kienu differenti.

40      Dan huwa wkoll ikkonfermat fil-punt 48 tas-sentenza mogħtija fl-appell, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, “ladarba qabel kienet ikkonstatat li t-trade marks inkwistjoni kienu globalment differenti, kwalunkwe probabbiltà ta’ konfużjoni kienet eskluża u l-eventwali eżistenza ta’ karattru distintiv imsaħħaħ miksub permezz tal-użu tat-trade marks preċedenti ma setgħetx tikkumpensa għall-assenza ta’ xebh bejn l-imsemmija trade marks”.

41      Madankollu, l-analiżi tax-xebh tas-sinjali kunfliġġenti, u b’mod partikolari d-differenza tagħhom ikkonstatata mill-Qorti Ġenerali, ġiet ikkontestata mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif jirriżulta mill-punt 38 tas-sentenza mogħtija fl-appell, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li r-rikorrenti kienet tikkunsidra li l-ewwel aggravju ma kienx fondat “inkwantu l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-assenza ta’ xebh bejn it-trade marks inkwistjoni kienet [ikkostitwixxiet] konklużjoni intermedja li kien għad kellha tiġi kkonfrontata mal-kwistjoni tal-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti”.

42      Billi ma adottatx il-pożizzjoni sostnuta mir-rikorrenti u billi annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali għar-raġuni li l-assenza ta’ xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti neċessarjament kellha bħala konsegwenza l-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni żżomm, b’mod impliċitu iżda neċessarju, l-analiżi mwettqa mill-Qorti Ġenerali li skontha l-imsemmija sinjali kienu differenti.

43      Barra minn hekk, il-kontestazzjoni, f’dan l-istadju, tal-analiżi tax-xebh tas-sinjali kunfliġġenti, mingħajr ma l-Qorti tal-Ġustizzja ssemmi xi żball imwettaq mill-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt, iwassal sabiex, minn naħa, it-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali ssir qorti tal-appell tal-Ewwel Awla tagħha u, min-naħa l-oħra, sabiex is-sentenza mogħtija fl-appell tiġi parzjalment imċaħħda mill-effett vinkolanti tagħha sa fejn l-annullament ma jkunx jista’ jmur lil hinn mill-annullament ikkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja u jippermetti kontestazzjoni fattwali li fiha nfisha tirrendi ineffettivi l-motivi li fuqhom hija bbażata s-sentenza mogħtija fl-appell.

44      Għaldaqstant, mis-sentenza mogħtija fl-appell jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura preżenti, hija l-Qorti Ġenerali, hekk kif jirriżulta mill-punt 61 tas-sentenza mogħtija fl-appell, li għandha teżamina mit-tieni sar-raba’ motivi mqajma quddiemha fil-kuntest tal-ewwel proċedura.

45      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 207/2009

46      Ir-rikorrenti essenzjalment tikkritika lill-Bord tal-Appell li kiser l-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 207/2009 billi eżamina l-probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward biss tat-trade mark Komunitarja rreġistrata bin-numru 2994739. Hija tqis li, peress li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet ikkonkludiet li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark Komunitarja u t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u peress li l-Bord tal-Appell, għall-kuntrarju, ikkonkluda li hemm assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, hija kellha jew tibgħat il-kawża lura lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, jew inkella teżamina l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward tat-trade marks preċedenti kollha invokati, iżda ma kellhiex, hekk kif allegatament għamlet, tikkonkludi li hemm assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni mingħajr ma tevalwa din il-probabbiltà fir-rigward tat-trade marks preċedenti kollha filwaqt li kulma ħadet inkunsiderazzjoni kienet biss it-trade mark Komunitarja preċedenti.

47      F’dan ir-rigward, mill-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell għamel riferiment għat-“trade marks preċedenti” u rrefera għall-“konsumaturi ordinarji tal-Unjoni Europea”, fid-dawl tal-fatt li t-trade marks kienu, l-ewwel nett, Komunitarja u Ġermaniża (WeserGold, ara l-punti 7 u 8 iktar ’il fuq), sussegwentement, internazzjonali u tipproduċi l-effetti tagħha fir-Repubblika Ċeka, fid-Danimarka, fi Spanja, fi Franza, fl-Italja, fl-Ungerija, fl-Awstrija, fil-Polonja, fil-Portugall, fis-Slovenja, fl-Isvezja, fir-Renju Unit kif ukoll fil-pajjiżi tal-Benelux (Wesergold, ara l-punt 9 iktar ’il fuq) u, fl-aħħar nett, Ġermaniża u Pollakka (WESERGOLD, ara l-punti 10 u 11 iktar ’il fuq).

48      Fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrefera, minn naħa, għall-konsumaturi Ġermaniżi u, min-naħa l-oħra, għall-konsumaturi tal-Istati Membri l-oħra.

49      Fir-rigward tal-analiżi tas-sinjali kunfliġġenti, il-Bord tal-Appell semma t-trade marks preċedenti kollha, u enfasizza l-fatt li l-eżami fih innifsu kien jikkonċerna lil dawn tal-aħħar, u mhux sempliċement lit-trade mark Komunitarja preċedenti, minkejja li hija tirreferi għat-trade mark preċedenti u mhux għat-trade marks preċedenti.

50      Fil-fatt, il-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata huwa fformulat b’dan il-mod:

“Kemm it-trade mark preċedenti kif ukoll it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni huma trade marks verbali. It-trade mark preċedenti hija magħmula minn kelma komposta minn disa’ ittri li huma miktuba kultant bħala ittri kapitali u kultant ittri żgħar, jew b’ittri kapitali f’nofs il-kelma, jiġifieri ‘WeserGold’, ‘Wesergold’ u ‘WESERGOLD’.”

51      F’dawn il-kundizzjonijiet, jekk il-Bord tal-Appell juża l-frażi “trade mark preċedenti” sabiex jiddeskrivi t-trade marks preċedenti kollha, dan ġej mill-konstatazzjoni, magħmula fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, li barra minn hekk tista’ biss tiġi kkonfermata, li “l-użu ta’ alternanza ta’ ittri kapitali u ittri żgħar (f’nofs il-kelma) ma għandu ebda rilevanza għat-tqabil tas-sinjali peress li, bħala prinċipju, il-Qorti Ġenerali tqis trade mark verbali bħala għaqda ta’ ittri jew ta’ kliem miktuba b’karattri tal-istampa b’tipa normali, mingħajr element grafiku speċifiku”.

52      Fl-aħħar nett, minn sempliċi qari tal-punti 33, 36, 39 u 40 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell effettivament irrefera għat-“trade marks preċedenti” u mhux biss għat-trade mark Komunitarja, u saħansitra ppreċiża, mill-ġdid fil-punt 45 tal-imsemmija deċiżjoni, li s-sinjali kkonċernati kienu WESTERN GOLD u WeserGold, WESERGOLD jew Wesergold.

53      Minn dan ta’ hawn fuq jirriżulta li t-tieni motiv fi kwalunkwe każ jista’ biss jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009

54      L-ewwel nett, ir-rikorrenti essenzjalment tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma informahiex minn qabel bl-intenzjoni tiegħu li jagħti deċiżjoni dwar it-trade marks preċedenti kollha li fuqhom kienet ibbażata anki l-oppożizzjoni kontra t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

55      Preliminarjament għandu jiġi kkonstatat li dan il-motiv, li skontu r-rikorrenti ma kinitx ġiet informata bil-fatt li l-Bord tal-Appell kien se jibbaża ruħu fuq it-trade marks preċedenti kollha, imur kontra t-tieni motiv, li jgħid li l-eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni kellu jsir biss fir-rigward tat-trade mark Komunitarja preċedenti.

56      Mistoqsija waqt is-seduta dwar din il-kontradizzjoni, ir-rikorrenti madankollu ma spjegatx lill-Qorti Ġenerali dwar l-artikolazzjoni bejn dawn iż-żewġ motivi u dwar il-koerenza tagħhom.

57      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza jirriżulta li teżisti kontinwità funzjonali bejn id-diversi unitajiet tal-UASI, jiġifieri l-eżaminatur, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, id-Diviżjoni tal-Amministrazzjoni tat-trade marks u tal-Kwistjonijiet Legali u d-Diviżjonijiet tal-Kanċellazzjoni, minn naħa, u l-Bordijiet tal-Appell, min-naħa l-oħra (ara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C‑29/05 P, Ġabra, EU:C:2007:162, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Issa, minn din il-kontinwità funzjonali bejn id-diversi istanzi tal-UASI jirriżulta li, fil-kuntest tal-eżami mill-ġdid li l-Bordijiet tal-Appell għandhom jagħmlu tad-deċiżjonijiet meħuda mill-unitajiet tal-UASI li jiddeċiedu fl-ewwel istanza, dawn huma obbligati jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq il-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li l-partijiet esponew, jew fil-proċedura quddiem l-unità li ddeċidiet fl-ewwel istanza, jew fil-proċedura ta’ appell [sentenza tal-11 ta’ Lulju 2006, Caviar Anzali vs UASI – Novomarket (Asetra), T‑252/04, Ġabra, EU:T:2006:199, punt 31]. B’mod iktar ġenerali, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza UASI vs Kaul, punt 57 iktar ’il fuq (EU:C:2007:162, punti 56 u 57), mill-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009, li jipprovdi li, wara l-eżami fuq il-mertu tal-appell, il-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi fuq l-appell u, meta jagħmel hekk, jista’ “jeżerċita kull poter fil-kompetenza tad-dipartiment li kien responsabbli għad-deċiżjoni appellata”, jirriżulta li, bl-effett tal-appell li jkollu quddiemu, il-Bord tal-Appell jintalab jagħmel eżami komplet ġdid tal-mertu tal-każ imressaq quddiemu, kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt [sentenza tat-28 ta’ April 2010, Claro vs UASI – Telefónica (Claro), T‑225/09, EU:T:2010:169, punti 30 u 31].

59      Minn dan isegwi li l-domandi kollha li kellhom jiġu ttrattati mill-istanza inferjuri tal-UASI fid-deċiżjoni tagħha li jkunu s-suġġett ta’ appell quddiem il-Bord tal-appell jagħmlu parti mill-qafas ġuridiku u fattwali tal-każ imressaq quddiem dan tal-aħħar, li jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fir-rigward ta’ dawn l-elementi kollha u, bħala konsegwenza, huwa kompetenti sabiex jeżaminahom. Peress li l-kwistjoni tax-xebh tat-trade marks preċedenti kellha neċessarjament tiġi eżaminata sabiex jiġi ddeterminat jekk kinitx teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni u peress li l-partijiet kienu ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, il-Bord tal-Appell, minħabba l-kontinwità funzjonali bejn id-diversi istanzi tal-UASI, kien kompetenti sabiex jeżaminaha mill-ġdid fid-deċiżjoni tiegħu u, jekk ikun il-każ, fir-rigward tagħha jasal għal konklużjoni differenti minn dik li kienet waslet għaliha d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Għaldaqstant, anki jekk id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kkonkludiet abbażi biss tat-trade mark Komunitarja preċedenti li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni, mill-kontinwità funzjonali jirriżulta li kien il-Bord tal-Appell, kif fil-fatt għamel, li kellu jeżamina t-trade marks preċedenti peress li, meta ma segwiex id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, huwa kkunsidra li ma kienet teżisti ebda probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti.

60      Barra minn hekk għandu jiġi kkonstatat li mill-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 bl-ebda mod ma jirriżulta li l-Bord tal-Appell huwa obbligat jitlob lill-partijiet għall-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni dwar diversi trade marks preċedenti meta, bħal f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ikun ibbaża l-eżami tiegħu tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fuq trade marks preċedenti li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, iżda li kienu ġew invokati b’mod validu insostenn tal-imsemmija oppożizzjoni. Issa, f’dan ir-rigward, huwa paċifiku li, permezz ta’ att ta’ oppożizzjoni tal-14 ta’ Marzu 2007, ir-rikorrenti invokat it-trade marks preċedenti kollha msemmija fil-punti 7 sa 11 iktar ’il fuq insostenn tal-imsemmija oppożizzjoni u li, fil-motivi li jsejsu l-att ta’ oppożizzjoni ppreżentat fis-26 ta’ Settembru 2008, ir-rikorrenti semmiet b’mod espress il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks preċedenti kollha u t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Lidl Stiftung vs UASI – Lactimilk (BELLRAM), T‑237/11, Ġabra, EU:T:2013:11, punt 27].

61      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti kellha l-opportunità, kemm quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kif ukoll quddiem il-Bord tal-Appell, li ssostni l-argumenti tagħha relatati mal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u t-trade marks preċedenti kollha, iżda li hija għażlet li ma tiżviluppax argumenti speċifiċi għal kull waħda mit-trade marks preċedenti, peress li hija ppreferixxiet tibbaża ruħha, b’mod ġeneriku u għaldaqstant mhux differenzjat, fuq it-trade marks preċedenti WESERGOLD (punt 1 tal-att ta’ oppożizzjoni tagħha tas-26 ta’ Settembru 2008), Wesergold (punt 3 tal-imsemmi att ta’ oppożizzjoni) jew WeserGold (punt 8 ta’ dan l-istess att ta’ oppożizzjoni). Fil-fatt huwa paċifiku li, permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrenti ressqet argumenti, fil-kuntest tal-appell ippreżentat mill-intervenjenti mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, f’dak li jikkonċerna l-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks preċedenti u t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, filwaqt li ppreċiżat li diversi trade marks preċedenti li kienu invokati kollha kellhom il-kelma “wesergold” bl-ittri “w” u “g” kapitali. Issa, sa fejn l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade marks preċedenti kollha msemmija fil-punti 7 sa 11 iktar ’il fuq, u l-Bord tal-Appell kellu s-setgħa, skont l-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009, li jwettaq l-eżami ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha u l-imsemmija trade marks preċedenti kollha, kienet ir-rikorrenti, skont l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, li kellha tippreżenta, fil-kuntest tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell, l-osservazzjonijiet tagħha relatati mal-imsemmija trade marks preċedenti b’mod speċifiku għal kull waħda minnhom, sa fejn dan seta’ jiġi ġġustifikat. Għaldaqstant ir-rikorrenti ma tistax issostni b’mod validu li hija ma setgħetx tipprevedi li l-Bord tal-Appell kien se jibbaża l-eżami tiegħu tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fuq it-trade marks preċedenti kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BELLRAM, punt 60 iktar ’il fuq, EU:T:2013:11, punt 28).

62      Mill-kunsiderazzjonijiet ifformulati fil-punti 60 u 61 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma kisirx id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti billi ma stedinhiex b’mod espliċitu sabiex tifformula osservazzjonijiet fuq it-trade marks preċedenti li ma humiex it-trade mark Komunitarja.

63      Minn dan isegwi li, sa fejn, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ma tikkontestax is-setgħa tal-Bord tal-Appell imfakkra fil-punt 61 iktar ’il fuq, dan il-motiv ma huwiex fondat u għandu jiġi miċħud.

64      It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkritika lil-Bord tal-Appell li kiser id-dritt għal smigħ tagħha f’dak li jikkonċerna l-kwistjoni relatata mal-allegat karattru distintiv imsaħħaħ miksub permezz tal-użu tat-trade marks preċedenti.

65      F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li wieħed jikkonstata li dan l-ilment huwa ineffettiv, peress li, anki jekk wieħed jippreżumi, quod non, li l-Bord tal-Appell kellu jinforma minn qabel lir-rikorrenti bid-dritt tagħha li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, fi kwalunkwe każ dan l-iżball ma setax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, peress li mill-punt 50 tas-sentenza mogħtija fl-appell jirriżulta li, fl-assenza ta’ xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti, il-kwistjoni tal-karattru distintiv imsaħħaħ miksub permezz tal-użu tat-trade marks preċedenti bl-ebda mod ma hija rilevanti.

66      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009

67      Ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell talli kiser l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, billi mmotiva “bil-ħeffa” d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tat-trade marks preċedenti li ma humiex it-trade mark Komunitarja.

68      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, id-deċiżjonijiet tal-UASI għandhom jiġu motivati. Skont il-ġurisprudenza, dan l-obbligu għandu l-istess portata bħal dik li tinsab fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u l-għan tiegħu huwa li jippermetti, minn naħa, lill-partijiet ikkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità tad-deċiżjoni [sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2012, Storck vs UASI, C‑96/11 P, EU:C:2012:537, punt 86, u tal-15 ta’ Lulju 2014, Łaszkiewicz vs UASI – Cables y Eslingas (PROTEKT), T‑18/13, EU:T:2014:666, punt 71].

69      Barra minn hekk, il-Bordijiet tal-Appell ma jistgħux jeħtieġu li jipprovdu spjegazzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet quddiemhom. Għaldaqstant, il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita bil-kundizzjoni li din tkun tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tkun ġiet adottata u lill-qorti kompetenti li jkollha l-elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha [sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2004, KWS Saat vs UASI, C‑447/02 P, Ġabra, EU:C:2004:649, punt 65 ; tas-16 ta’ Settembru 2009, Alber vs UASI (Poignée), T‑391/07, EU:T:2009:336, punt 74, u PROTEKT, punt 68 iktar ’il fuq, EU:T:2014:666, punt 72].

70      Barra minn hekk għandu jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell ma huwiex obbligat jieħu pożizzjoni dwar l-argumenti kollha mressqa mill-partijiet. Huwa suffiċjenti għalih li jesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2007, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, C-404/04 P, EU:C:2007:6, punt 30). Minn dan isegwi li l-fatt li l-Bord tal-Appell ma rriproduċiex l-argumenti kollha ta’ waħda mill-partijiet jew ma rrispondiex għal kull wieħed minn dawn l-argumenti, waħdu, ma jippermettix li wieħed jikkonkludi li l-Bord tal-Appell irrifjuta li joħodhom inkunsiderazzjoni [sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2010, Tresplain Investments vs UASI – Hoo Hing (Golden Elephant Brand), T‑303/08, Ġabra, EU:T:2010:505, punt 46, u PROTEKT, punt 68 iktar ’il fuq, EU:T:2014:666, punt 73].

71      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell immotiva b’mod suffiċjenti t-teħid inkunsiderazzjoni tat-trade marks preċedenti kollha għall-finijiet tal-eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

72      Mill-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata jidher li l-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni t-trade marks preċedenti kollha, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-użu tal-kliem tal-frażi “[b]ħat-trade marks preċedenti”. Sussegwentement, fil-punti 31 u 45 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Bord tal-Appell semma t-trade marks preċedenti kollha, “jiġifieri ‘WeserGold’, ‘Wesergold’ u ‘WESERGOLD’”. Fl-aħħar nett, meta fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata fakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali fil-qasam tat-trade marks verbali li tgħid li d-differenzi li jirriżultaw mill-għaqda ta’ ittri jew ta’ kliem miktuba b’karattri tal-istampa b’tipa normali, mingħajr element grafiku, ma għandhom ebda rilevanza, il-Bord tal-Appell immotiva b’mod perfett id-deċiżjoni tiegħu li tgħid li huwa kien qiegħed jieħu inkunsiderazzjoni t-trade marks preċedenti kollha.

73      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud u għalhekk, ir-rikors kollu kemm hu għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

74      Fis-sentenza mogħtija fl-appell, iċċitata fil-punt 21 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja rriżervat l-ispejjeż. Għaldaqstant hija l-Qorti Ġenerali li, f’din il-kawża, għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż kollha relatati mad-diversi proċeduri, skont l-Artikolu 219 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

75      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Billi r-rikorrenti tilfet fuq it-talbiet tagħha kollha, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż esposti mill-UASI u mill-intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kif mitlub minnhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      riha WeserGold Getränke GmbH & Co. KG hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha stess kif ukoll għal dawk esposti mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) u minn Lidl Stiftung & Co. KG fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-24 ta’ Novembru 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.