Language of document : ECLI:EU:T:2020:89

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

10 ta’ Marzu 2020 (1)

“Sajd – Konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar – Regolament (UE) 2018/120 – Miżuri relatati mas-sajd tal-ispnotta Ewropea (Dicentrarchus labrax) – Rikors għal annullament ippreżentat minn assoċjazzjoni – Artikolu 263 TFUE – Att regolatorju li ma jinkludix miżuri ta’ implimentazzjoni – Inċidenza diretta tal-membri tal-assoċjazzjoni – Ammissibbiltà – Kompetenza tal-Unjoni sabiex tirregola s-sajd rikreattiv – Ċertezza legali – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Proporzjonalità – Prinċipju ta’ prekawzjoni – Libertajiet ta’ assoċjazzjoni u ta’ intrapriża”

Fil-Kawża T‑251/18,

International Forum for Sustainable Underwater Activities (IFSUA), stabbilita f’Barcelona (Spanja), irrappreżentata minn T. Gui Mori u R. Agut Jubert, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn F. Naert u P. Plaza García, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Morales Puerta, F. Moro u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament parzjali tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/120 tat-23 ta’ Jannar 2018 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2018 għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/127 (ĠU 2018, L 27, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2018, L 114, p. 39, fil-ĠU 2018, L 90, p. 112),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn V. Valančius, li qiegħed jaġixxi bħala President, P. Nihoul (Relatur) u J. Svenningsen, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Ottubru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, International Forum for Sustainable Underwater Activities (IFSUA), hija assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru rregolata mid-dritt Spanjol li tiġbor madwar tletin entitajiet ta’ Stati Membri differenti tal-Unjoni Ewropea. Dawn l-entitajiet jikkonsistu, minn naħa, minn federazzjonijiet, minn assoċjazzjonijiet u minn klabbs sportivi, attivi fil-qasam tal-attivitajiet ta’ taħt l-ilma u tas-sajd marittimu rikreattiv u, min-naħa l-oħra, minn impriżi li jimmanifatturaw jew jikkummerċjalizzaw materjal tas-sajd taħt l-ilma.

2        Il-missjoni tar-rikorrenti hija li tiddefendi l-interessi tal-membri tagħha, fil-kuntest tal-prattika tal-attivitajiet taħt l-ilma fl-ambjent tal-baħar. Hija għandha wkoll bħala għan li tinfluwenza, permezz tal-għarfien u tal-esperjenza tal-membri tagħha, il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali dwar l-użu sostenibbli tal-ambjent tal-baħar. Barra minn hekk, hija membru permanenti tal-grupp ta’ ħidma għall-evalwazzjoni tas-sajd rikreattiv fi ħdan il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES). Ta’ natura xjentifika u teknika, dan tal-aħħar jagħmel evalwazzjonijiet li jirrigwardaw l-ispeċi tal-ħut, il-gruppi ta’ speċi u s-sajd. Dan jagħti opinjonijiet, ibbażati essenzjalment fuq kriterji bijoloġiċi, u jifformula rakkomandazzjonijiet li jikkonċernaw il-livelli ta’ qabdiet jew il-miżuri tekniċi ta’ akkumpanjament.

3        Abbażi tal-Artikolu 43(3) TFUE u skont il-modalitajiet previsti fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU 2013, L 354, p. 22, iktar ’il quddiem ir-“Regolament PKS”), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jipproċedi annwalment għall-iffissar u għall-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.

4        Fit-23 ta’ Jannar 2018, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2018/120 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2018 għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/127 (ĠU 2018, L 27, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2018, L 114, p. 39, fil-ĠU 2018, L 90, p. 112, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”).

5        L-Artikolu 2(2) tar-Regolament ikkontestat, li rrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, jipprovdi li dan tal-aħħar huwa applikabbli għas-sajd rikreattiv meta d-dispożizzjonijiet tiegħu jirreferu espressament għalih.

6        L-Artikolu 3(b) tar-Regolament ikkontestat jiddefinixxi s-sajd rikreattiv bħala “attivitajiet tas-sajd mhux kummerċjali li jisfruttaw ir-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar għal rikreazzjoni, turiżmu jew sport”.

7        L-Artikolu 9(1) sa (3) tar-Regolament ikkontestat jipprevedi l-miżuri applikabbli għas-sajd kummerċjali tal-ispnotta Ewropea.

8        L-Artikolu 9(4) u (5) tar-Regolament ikkontestat jirregola s-sajd rikreattiv tal-ispnotta Ewropea f’żewġ żoni.

9        Filwaqt li tinsab fit-Tramuntana, l-ewwel żona msemmija fil-punt 8 iktar ’il fuq tiġbor iż-żoni statistiċi identifikati u ddefiniti mill-ICES (iktar ’il quddiem id-“diviżjonijiet ICES”) bħala d-diviżjonijiet ICES 4b, 4c u 7a sa 7k, li jikkorrispondu għall-Baħar tat-Tramuntana Ċentrali u tan-Nofsinhar, għall-Baħar tal-Irlanda, għall-Punent tal-Irlanda, għal Porcupine Bank, għall-Kanal Ingliż, għall-kanal ta’ Bristol, għall-Baħar Ċeltiku u għal-Lbiċ tal-Irlanda (iktar ’il quddiem l-“ewwel żona”).

10      Fl-ewwel żona, skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament ikkontestat, għandu jiġi permess biss il-qbid tal-ispnotta Ewropea segwit mir-rilaxx (iktar ’il quddiem is-“sajd-rilaxx”) bħala sajd rikreattiv. Għalhekk huwa pprojbit lis-sajjieda rikreattivi li jżommu abbord, li jittrażbordaw, li jirrilokaw jew iħottu l-art l-ispnotta Ewropea maqbuda f’din iż-żona.

11      Filwaqt li tinsab fil-Punent, it-tieni żona msemmija fil-punt 8 iktar ’il fuq tkopri d-diviżjonijiet ICES 8a u 8b, li jikkorrispondu għal parti mill-Bajja ta’ Biscay (iktar ’il quddiem it-“tieni żona”).

12      Fit-tieni żona, is-sajjieda rikreattivi jistgħu jżommu spnott Ewropew, iżda n-numru ta’ eżemplari huwa limitat għal tlieta kuljum għal kull sajjied, konformement mal-Artikolu 9(5) tar-Regolament ikkontestat.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

13      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ April 2018, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

14      Permezz ta’ att separat ippreżentat fis-7 ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrenti ressqet talba intiża għall-għoti ta’ miżuri provviżorji intiżi għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-Artikoli 2(2) u tal-Artikolu 9(4) u (5) tar-Regolament ikkontestat. Permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Lulju 2018, IFSUA vs Il‑Kunsill (T‑251/18 R, mhux ippubblikat, EU:T:2018:516), il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji u rriżerva l-ispejjeż.

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Awwissu 2018, il-Kummissjoni Ewropea talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Settembru 2018, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dan l-intervent. L-intervenjenti ppreżentat in-nota ta’ invervent tagħha u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwarha fit-termini mogħtija.

16      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ibbażata fuq l-Artikolu 89(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet bil-miktub lir-rikorrenti u stiednet lill-partijiet l-oħra jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-tweġibiet tar-rikorrenti.

17      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom instemgħu fis-seduta tas-16 ta’ Ottubru 2019.

18      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 9(4) u (5) tar-Regolament ikkontestat;

–        tannulla l-premessi tal-imsemmi regolament relatati ma’ dawn id-dispożizzjonijiet.

19      Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent, ir-rikorrenti rrinunzjat li tikkontesta l-Artikolu 2(2) tar-Regolament ikkontestat.

20      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat li r-rikors ma kienx dirett kontra l-premessi tar-Regolament ikkontestat, kuntrarjament għal dak li ġie indikat fit-tieni paragrafu tal-ewwel paġna tar-rikors, u ttieħdet nota ta’ dan fil-proċess verbal tas-seduta.

21      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u, għall-kumplament, infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

22      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

23      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti rtirat it-talbiet tagħha sa fejn kienu diretti, minn naħa, kontra l-Artikolu 2(2) tar-Regolament ikkontestat u, min-naħa l-oħra, kontra l-premessi tar-Regolament ikkontestat dwar l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 9(4) u (5) tiegħu, b’tali mod li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar dawn it-talbiet.

 Fuq l-ammissibbiltà

 Fuq in-natura diviżibbli tad-dispożizzjonijiet ikkontestati

24      Skont il-Kummissjoni, ir-rikors huwa inammissibbli sa fejn huwa intiż għall-annullament parzjali tar-Regolament ikkontestat. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li teżiġi l-ġurisprudenza, l-Artikolu 9(4) u (5) tal-imsemmi regolament li r-rikorrenti titlob l-annullament tagħhom (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet ikkontestati”) ma huwiex diviż mill-kumplament tar-Regolament ikkontestat.

25      F’dan ir-rigward, anki jekk, fil-kwalità tagħha bħala intervenjenti, il-Kummissjoni ma tistax, skont l-Artikolu 142(3) tar-Regoli tal-Proċedura, tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fuq l-inizjattiva tagħha stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2019, a&o hostel and hotel Berlin vs Il‑Kummissjoni, T‑578/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:437, punt 36), il-Qorti Ġenerali għandha, fi kwalunkwe każ, teżamina l-kwistjoni, peress li l-ammissibbiltà tar-rikors hija ta’ ordni pubbliku (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-25 ta’ Jannar 2017, Internacional de Productos Metálicos vs Il‑Kummissjoni, T‑217/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:37, punt 24, u s-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2019, a&o hostel and hotel Berlin vs Il‑Kummissjoni, T‑578/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:437, punt 36).

26      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-annullament parzjali ta’ att tad-dritt tal-Unjoni jista’ jiġi ddikjarat mill-qorti tal-Unjoni biss jekk l-elementi li jkun qiegħed jintalab l-annullament tagħhom ikunu diviżi mill-kumplament ta’ dan l-att. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni jkollu bħala effett li jbiddel is-sustanza tiegħu (ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑540/03, EU:C:2006:429, punti 27 u 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      F’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jikkonċernaw għan speċifiku, jiġifieri s-sajd rikreattiv tal-ispnotta Ewropea f’żoni speċifiċi, u għalhekk huma differenti minn dak tad-dispożizzjonijiet l-oħra li jinsabu fir-Regolament ikkontestat, b’mod partikolari dawk li, filwaqt li jinsabu fl-Artikolu 9(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament, irrigwardaw is-sajd kummerċjali li jaffettwa dan il-ħut, anki jekk dawn l-aħħar dispożizzjonijiet jirrigwardaw l-istess żoni ġeografiċi.

28      Fi kliem ieħor, l-annullament tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, kif mitlub mir-rikorrenti, ma jkollux effett, jekk din it-talba kellha tintlaqa’ mill-Qorti Ġenerali, fuq is-sustanza tad-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament ikkontestat li ma humiex imsemmija fit-talba, b’mod partikolari l-Artikolu 9(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament, peress li r-restrizzjonijiet imposti fuq is-sajd kummerċjali tal-ispnotta Ewropea, li huma inkwistjoni f’dawn l-aħħar dispożizzjonijiet, ma jkunux affettwati.

29      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet ikkontestati huma diviżibbli mid-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament ikkontestat u li t-talba għall-annullament parzjali tal-imsemmi regolament hija ammissibbli.

 Fuq il-locus standi

30      Skont il-Kunsill u l-Kummissjoni, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, peress li r-rikorrenti ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għall-preżentata ta’ rikors minn persuna fiżika jew ġuridika.

31      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”.

32      Ir-rikorrenti ssostni li s-sitwazzjoni tagħha tikkorrispondi ma’ dik deskritta fl-aħħar ipoteżi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE peress li, fil-fehma tagħha, id-dispożizzjonijiet ikkontestati huma ta’ natura regolatorja, ma jinkludux miżuri ta’ implimentazzjoni u jaffettwaw direttament lill-membri tagħha.

33      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, kif irrikonoxxew il-partijiet kollha fit-tilwima, id-dispożizzjonijiet ikkontestati huma ta’ natura regolatorja fis-sens tal-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

34      Fil-fatt, il-kunċett ta’ att regolatorju fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jirreferi għal kull att ta’ portata ġenerali, bl-eċċezzjoni tal-atti leġiżlattivi (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 60 u 61).

35      Issa, minn naħa, id-dispożizzjonijiet ikkontestati għandhom portata ġenerali sa fejn japplikaw għal sitwazzjonijiet iddeterminati b’mod oġġettiv u jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt.

36      Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet ikkontestati ma humiex ta’ natura leġiżlattiva, peress li, bħar-Regolament ikkontestat li jinkludihom, huma bbażati fuq l-Artikolu 43(3) TFUE u ġew adottati mill-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni, mingħajr intervent tal-Parlament Ewropew, skont proċedura li ma hijiex proċedura leġiżlattiva (digriet tal-10 ta’ Frar 2017, Acerga vs Il-Kunsill, T‑153/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:73, punt 33).

37      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat, kif jaqblu l-partijiet fit-tilwima, li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jistabbilixxu minnhom infushom il-limitazzjonijiet applikabbli għas-sajd rikreattiv tal-ispnotta Ewropea fiż-żewġ żoni inkwistjoni u b’hekk jipproduċu l-effetti tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tas-sajjieda rikreattivi, mingħajr ma jeħtieġu miżuri ta’ implimentazzjoni la fil-livell tal-Unjoni u lanqas fil-livell tal-Istati Membri.

38      Fit-tielet lok, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jaffettwaw direttament ċerti membri tar-rikorrenti, jiġifieri, l-ewwel nett, il-Fédération nautique de pêche sportive en apnée (FNPSA), it-tieni nett, il-Fédération de la chasse sous-marine passion (FCSMP) u, it-tielet nett, Emerald Water Normandie Spearfishing.

39      Fil-fatt, il-FNPSA hija assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru stabbilita f’Pau (Pyrénées-Atlantiques, Franza) u għandha bħala għan, kif jindikaw l-istatuti tagħha, il-promozzjoni, l-organizzazzjoni u l-iżvilupp tal-attività tas-sajd sportiv mingħajr ċilindri tal-ossiġnu, l-osservazzjoni, l-għarfien, id-difiża u r-restawr tal-ambjent tal-baħar. Din l-assoċjazzjoni għandha bħala membri entitajiet u persuni fiżiċi detenturi ta’ liċenzja li tagħti d-dritt li jipprattikaw is-sajd sportiv mingħajr ċilindri tal-ossiġnu. Il-FNPSA tinkludi wkoll, fost il-membri tagħha, persuni li jipprattikaw is-sajd taħt l-ilma.

40      Min-naħa tagħha, il-FCSMP hija wkoll assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru, stabbilita f’Ollioules (Var, Franza) u li tiġbor sajjieda taħt l-ilma, kif jindikaw l-istatuti tagħha. Hija għandha bħala għan b’mod partikolari li tiddefendi s-sostenibbiltà tas-sajd bil-ħarpun rikreattiv bħala patrimonju kulturali u sportiv, il-libertà ta’ aċċess u ta’ prattika għall-ikbar numru, u b’mod partikolari ż-żgħażagħ u l-ugwaljanza fit-trattament mat-tipi oħra ta’ sajd.

41      Fir-rigward ta’ Emerald Water Normandie Spearfishing, din hija assoċjazzjoni li għandha bħala għan li tippromwovi s-sajd bil-ħarpun fil-livell lokali jew reġjonali, kif ukoll nazzjonali, fil-forma ta’ kampanja ta’ informazzjoni permezz ta’ kull tip ta’ mezz, u ta’ komunikazzjoni, ta’ organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet u ta’ avvenimenti kif ukoll permezz ta’ kull mezz legali ieħor li jista’ jitqiegħed għad-dispożizzjoni. Hija stabbilita fil-Havre (Seine-Maritime, Franza) u għandha bħala membri attivi persuni li għandhom mill-inqas 16-il sena li jkunu pprovdew ċertifikat mediku ta’ nuqqas ta’ kontroindikazzjoni għall-prattika tal-għadis mingħajr ċilindri tal-ossiġnu u tas-sajd bil-ħarpun.

42      Il-Kummissjoni ssostni li s-sajjieda membri ta’ dawn it-tliet assoċjazzjonijiet ma humiex attivi fiż-żoni ġeografiċi previsti mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, u dan għandu jwassal, fil-fehma tagħha, għall-inammissibbiltà tar-rikors.

43      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif huwa indikat fil-punti 8 sa 11 iktar ’il fuq, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jikkonċernaw is-sajd rikreattiv tal-ispnotta Ewropea f’żewġ żoni ġeografiċi speċifiċi, jiġifieri, minn naħa, l-ewwel żona u, min-naħa l-oħra, it-tieni żona.

44      F’dan il-każ, ir-rikorrenti pprovdiet, għat-tliet assoċjazzjonijiet ikkonċernati, dikjarazzjoni ffirmata mill-president tagħhom u li tiċċertifika li l-membri tagħhom kienu attivi fl-ewwel żona, fejn huma kienu jipprattikaw is-sajd taħt l-ilma. Din l-indikazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-Kunsill. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jitqies, wara eżami tad-dokumenti pprovduti minn dawn l-assoċjazzjonijiet, li l-kundizzjoni ta’ ammissibbiltà hija stabbilita f’dak li jikkonċerna s-suġġett tad-dispożizzjonijiet applikabbli għal din iż-żona.

45      Barra minn hekk, ir-rikorrenti indikat, fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li waħda mill-assoċjazzjonijiet tagħha, il-FNPSA, kienet organizzat, fit-tieni żona, il-kampjonat ta’ Franza tas-sajd taħt l-ilma tas-sena 2018, b’tali mod li l-kundizzjoni ta’ ammissibbiltà hija wkoll stabbilita għal din iż-żona.

46      Fl-istess sens, ir-rikorrenti pproduċiet, waqt is-seduta, dikjarazzjoni mingħand il-President tal-FNPSA u indikat li, skont id-dispożizzjonijiet ikkontestati, il-qbid tal-ispnotta Ewropea fit-tieni żona kienet ġiet limitata għal tliet eżemplari matul il-kampjonat tas-sena 2018.

47      Fid-dikjarazzjoni inkwistjoni, il-President tal-FNPSA barra minn hekk jispjega li d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet ikkontestati wassal għal tnaqqis tan-numru ta’ reġistrazzjonijiet għall-kompetizzjonijiet organizzati minn din l-assoċjazzjoni, b’mod partikolari fit-tieni żona.

48      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li d-dikjarazzjoni inkwistjoni ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni, peress li din ġiet prodotta tardivament.

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-effett tad-dispożizzjonijiet ikkontestati fuq in-numru ta’ reġistrazzjonijiet għall-kompetizzjonijiet organizzati mill-FNPSA nħass progressivament wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, u dan jispjega għaliex ir-rikorrenti ma setgħetx tikkonstata l-fenomenu qabel is-seduta u, konsegwentement, li dan tal-aħħar seta’ jiġi mgħarraf lill-Qorti Ġenerali biss matul l-istanza.

50      Għal dawn ir-raġunijiet, id-dikjarazzjoni inkwistjoni, prodotta mir-rikorrenti waqt is-seduta, għandha tiġi ddikjarata ammissibbli skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li jirregola l-produzzjoni ta’ dokumenti ġodda quddiem il-Qorti Ġenerali.

51      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, minn naħa, li t-tliet entitajiet li s-sitwazzjoni tagħhom ġiet eżaminata iktar ’il fuq jinkludu fi ħdanhom membri li jiddedikaw ruħhom għas-sajd rikreattiv jew li jorganizzaw kompetizzjonijiet tas-sajd fiż-żoni kkonċernati mid-dispożizzjonijiet ikkontestati u, min-naħa l-oħra, li s-sitwazzjoni legali tal-entitajiet u tas-sajjieda kkonċernati ġiet direttament affettwata mill-imsemmija dispożizzjonijiet, peress li huma kkonfrontaw, fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom, il-limitazzjonijiet li jinsabu previsti fihom.

52      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-assoċjazzjonijiet jistgħu jippreżentaw rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni, b’mod partikolari, meta dawn jinkludu fi ħdanhom membri li jissodisfaw, f’dak li jikkonċernahom, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà previsti fl-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Molinos Río de la Plata et vs Il‑Kunsill, T‑112/14 sa T‑116/14 u T‑119/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:509, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Għaldaqstant, ir-rikorrenti, li tiġbor entitajiet li jiġbru flimkien sajjieda milquta mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, hija direttament ikkonċernata minn dawn id-dispożizzjonijiet.

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

 Fuq il-mertu

55      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tqajjem erba’ motivi bbażati, rispettivament fuq:

–        nuqqas ta’ kompetenza tal-Unjoni sabiex taġixxi fil-qasam tas-sajd rikreattiv permezz tad-dispożizzjonijiet ikkontestati;

–        ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi;

–        ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni;

–        ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll tal-libertajiet ta’ assoċjazzjoni u ta’ intrapriża.

56      It-tielet u r-raba’ motiv jirrigwardaw b’mod esklużiv l-Artikolu 9(4) tar-Regolament ikkontestat.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Unjoni

57      Ir-rikorrenti ssostni li l-Unjoni ma kinitx kompetenti sabiex tirregola s-sajd rikreattiv tal-ispnotta Ewropea kif għamlet fid-dispożizzjonijiet ikkontestati.

58      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

59      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-preambolu tiegħu, ir-Regolament ikkontestat ġie adottat abbażi tal-Artikolu 43(3) TFUE, li jinsab taħt it-Titolu III tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE dwar l-agrikoltura u s-sajd, li jipprovdi li “[i]l-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri dwar […] l-iffissar u l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd”.

60      Skont l-Artikolu 4(2)(d) TFUE, il-kompetenzi attribwiti lill-Unjoni fil-qasam tal-agrikoltura u tas-sajd huma ta’ natura kondiviża.

61      Madankollu, in-natura kondiviża tal-kompetenzi attribwiti lill-Unjoni fil-qasam tal-agrikoltura u tas-sajd hija akkumpanjata, fl-Artikolu 4(2)(d) TFUE, minn limitu, peress li l-miżuri adottati fil-kuntest ta’ din il-politika ma jaqgħux iktar taħt kompetenza kondiviża, iżda taħt kompetenza esklużiva meta dawn jirrigwardaw il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, qasam li fih, skont l-Artikolu 3(1)(d) TFUE, l-Unjoni għandha tali kompetenza.

62      Issa, huwa sabiex jintlaħaq l-għan ta’ konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar li, fil-kuntest ta’ miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fis-sens tal-Artikolu 43(3) TFUE, ġew adottati d-dispożizzjonijiet ikkontestati.

63      Fil-fatt, ir-Regolament ikkontestat ġie adottat, kif tindika l-premessa 1 tiegħu, sabiex għas-sena 2018 jiġu stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd ta’ ċerti stokkijiet tal-ħut jew gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut fl-ilmijiet tal-Unjoni.

64      F’dan il-kuntest u hekk kif jirriżulta mill-premessi 7 u 8 tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill xtaq inaqqas il-mortalità tal-ispnotta Ewropea wara li rċieva, min-naħa tal-ICES, minn naħa, informazzjoni allarmanti dwar l-iżvilupp tal-istokk ta’ din il-ħuta u, min-naħa l-oħra, rakkomandazzjonijiet li jinkoraġġixxuh jadotta miżuri ta’ konservazzjoni.

65      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi adotta d-dispożizzjonijiet ikkontestati fil-kuntest ta’ miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fis-sens tal-Artikolu 43(3) TFUE, il-leġiżlatur tal-Unjoni intervjena fil-qasam ta’ kompetenza esklużiva mogħtija lilu mill-Artikolu 3(1)(d) TFUE.

66      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti.

67      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-kompetenza attribwita lill-Unjoni fil-qasam tas-sajd u tal-agrikoltura hija limitata għall-attivitajiet kummerċjali u ma testendix għas-sajd rikreattiv bil-konsegwenza, fil-fehma tagħha, li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma setgħux jiġu adottati fil-kuntest ta’ din il-politika.

68      Issa, skont l-Artikolu 43(3) TFUE, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri dwar l-iffissar tal-prezzijiet, l-imposti, l-għajnuna u l-limitazzjonijiet kwantitattivi, kif ukoll dwar l-iffissar u l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd.

69      Għalhekk, l-Artikolu 43(3) TFUE ma jistabbilixxi ebda differenza bejn l-attivitajiet tas-sajd skont jekk dawn humiex ta’ natura kummerċjali jew le, fejn hija kkunsidrata l-attività fiha nnifisha, jiġifieri dik li tikkonsisti fil-ġbir tal-ħut mir-riżorsi disponibbli.

70      F’dan il-każ, il-kontenut tad-dispożizzjonijiet ikkontestati jiżvela li dawn tal-aħħar ġew adottati skont l-aħħar parti tas-sentenza li tinsab fl-Artikolu 43(3) TFUE, li jippermetti lill-Kunsill jiffissa, fuq proposta tal-Kummissjoni, l-opportunitajiet ta’ sajd.

71      Permezz tal-għan tiegħu, l-Artikolu 43(3) TFUE huwa intiż, minn naħa, sabiex iqassam l-opportunitajiet bejn is-sajjieda, iżda wkoll, min-naħa l-oħra, li jiġġestixxi l-istokk disponibbli sabiex tiġi żgurata n-natura sostenibbli ta’ din l-attività.

72      Konsegwentement, sabiex jiġi żgurat it-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq mill-Artikolu 43(3) TFUE, kien possibbli, utli u anki neċessarju, għall-Kunsill, meta adotta d-dispożizzjonijiet ikkontestati, li jieħu inkunsiderazzjoni l-attivitajiet kollha li jista’ jkollhom effett fuq l-istat tal-istokk tal-ispnotta Ewropea u l-irkupru ta’ dan tal-aħħar, indipendentement min-natura kummerċjali jew le ta’ dawn l-attivitajiet.

73      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tqis li s-sajd rikreattiv ma setax jiġi rregolat abbażi tal-politika tal-agrikoltura u tas-sajd, peress li l-imsemmija attività taqa’ taħt l-isport u t-turiżmu li għalihom il-kompetenza tal-Unjoni hija limitata għall-koordinazzjoni ta’ azzjonijiet nazzjonali konformement mal-Artikolu 6(d) u (e) TFUE.

74      F’dan is-sens, ir-rikorrenti tiċċita l-premessa 3 tar-Regolament PKS li, fil-fehma tagħha, tagħti lill-Istati Membri l-kompetenza sabiex jirregolaw l-attivitajiet tas-sajd rikreattiv.

75      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 3 tar-Regolament PKS iċċitata mir-rikorrenti ma għandhiex il-portata li hija tagħtiha.

76      Fil-fatt, il-premessa 3 tar-Regolament PKS hija komposta minn żewġ partijiet ta’ sentenza li jindikaw, minn naħa, li “[i]s-sajd rikreattiv jista’ jkollu impatt sinifikanti fuq ir-riżorsi tal-ħut” u, min-naħa l-oħra, li “l-Istati Membri għandhom, għalhekk, jiżguraw li dan isir b’mod kompatibbli mal-objettivi tal-[politika komuni tas-sajd]”.

77      Għalhekk, l-ewwel parti tas-sentenza tal-premessa 3 tar-Regolament PKS tenfasizza l-effett li jista’ jkollu s-sajd rikreattiv fuq l-istokkijiet tal-ħut u, għalhekk, l-importanza ta’ azzjoni intiża sabiex tiġi żgurata l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi bħal dawk implimentati mid-dispożizzjonijiet ikkontestati f’dan ir-rikors.

78      Fir-rigward tat-tieni parti tal-premessa 3 tar-Regolament PKS, din teżiġi mill-Istati Membri ċerta viġilanza sabiex jiżguraw li l-attivitajiet tas-sajd jiġu eżerċitati b’mod kompatibbli mal-politika komuni tas-sajd.

79      Tali rekwiżit jikkorrispondi, b’mod ġenerali, mal-kompetenza li hija rrikonoxxuta lill-amministrazzjonijiet nazzjonali fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u ma jistax jiġi interpretat bħala r-rikonoxximent ta’ kompetenza normattiva partikolari, għall-Istati Membri, f’dak li jikkonċerna s-sajd rikreattiv.

80      Għall-kuntrarju, billi tenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-osservanza tal-għanijiet stabbiliti fil-kuntest tal-politika komuni tas-sajd, il-premessa 3 tar-Regolament PKS tippreżupponi li jkunu ttieħdu miżuri sabiex jiġu ddefiniti dawn l-għanijiet, li, skont l-Artikolu 43(3) TFUE, jimplika intervent min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li kull waħda minnhom taġixxi fil-kuntest tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati.

81      Għalhekk, il-premessa 3 tar-Regolament PKS invokata mir-rikorrenti, mhux talli ma ssostnix il-pożizzjoni li l-Istati Membri huma kompetenti sabiex jirregolaw is-sajd rikreattiv tal-ispnotta Ewropea, iżda pjuttost issaħħaħ dik tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, li miżuri kellhom jittieħdu sabiex tiġi żgurata l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, billi l-Artikolu 3(1)(d) u l-Artikolu 43(3) TFUE jikkostitwixxu l-bażi legali ta’ dawn il-miżuri.

82      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li, sa fejn id-dispożizzjonijiet ikkontestati jiddeterminaw kif is-sajd rikreattiv tal-ispnotta Ewropea jista’ jiġi eżerċitat, dawn jagħmlu parti minn armonizzazzjoni li tirrifletti, min-naħa tal-Kunsill, ir-rieda li settur ekonomiku partikolari jiġi rregolat.

83      Issa, tali intervent imur kontra t-Trattat FUE kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑376/98, EU:C:2000:544), li permezz tagħha ġiet annullata direttiva li tarmonizza miżuri nazzjonali applikabbli għal diversi attivitajiet li jikkonċernaw it-tabakk minħabba li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien eċċeda l-kompetenza tiegħu.

84      Sabiex dan l-argument jiġi miċħud, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fis-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑376/98, EU:C:2000:544), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-direttiva li l-legalità tagħha kienet ġiet ikkontestata sa fejn, essenzjalment, ġiet evitata esklużjoni espressa minn kull armonizzazzjoni fil-qasam inkwistjoni, filwaqt li, f’dan il-każ, tali esklużjoni hija nieqsa u, fi kwalunkwe każ, mill-punti 57 sa 65 ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-Regolament ikkontestat ġie adottat fuq bażi legali espressa u xierqa.

85      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

86      Ir-rikorrenti ssostni li, billi llimita s-sajd rikreattiv tal-ispnotta Ewropea, il-leġiżlatur tal-Unjoni emenda, b’mod radikali u imprevedibbli, ir-regoli li kienu japplikaw għas-sajd rikreattiv u ppreġudika, minn naħa, iċ-ċertezza legali u, min-naħa l-oħra, l-aspettattivi leġittimi li huwa kien ħoloq, permezz tal-azzjonijiet preċedenti tiegħu.

87      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

88      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, skont ġurisprudenza stabbilita li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jeħtieġ, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-partijiet fil-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2019, Călin, C-676/17, EU:C:2019:700, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      Il-ġurisprudenza tippreċiża li l-prinċipju ta’ ċertezza legali għandu bħala korollarju obbligu, għall-amministrazzjoni tal-Unjoni, li tipproteġi l-aspettattivi leġittimi, meta din l-amministrazzjoni tkun qajmet, fir-rigward ta’ rikorrent, tamiet fondati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2016, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, T‑103/12, mhux ippubblikata, EU:T:2016:682, punt 150).

90      Madankollu, skont il-ġurisprudenza, aspettattivi leġittimi ma jistgħux jitqiegħdu fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti meta din is-sitwazzjoni taqa’ taħt qasam fejn hija tista’ tiġi modifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑260/11, EU:T:2014:555, punt 87).

91      Issa, il-possibbiltà li jiġu mibdula r-regoli dwar l-operazzjonijiet tas-sajd hija inerenti għall-politika komuni tas-sajd li tikkostitwixxi qasam fejn setgħa diskrezzjonali hija fdata lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni b’mod li tippermettilhom li jadattaw il-miżuri fis-seħħ għall-varjazzjonijiet tas-sitwazzjoni ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑260/11, EU:T:2014:555, punt 87) u, fi kwalunkwe każ, għall-iżvilupp tal-istokk tal-ħut ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota ta’ pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punti 30 u 58 sa 61, u tal-11 ta’ Jannar 2017, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑128/15, EU:C:2017:3, punti 50 sa 52).

92      Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 64 iktar ’il fuq, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu quddiemu, f’dan il-każ, sitwazzjoni fejn, l-ewwel nett, l-istokk tal-ispnotta Ewropew kien f’qagħda mwiegħra, it-tieni nett, is-sajd rikreattiv kien jikkontribwixxi għall-mortalità ta’ din il-ħuta u, it-tielet nett, il-prinċipju ta’ prekawzjoni kien jeħtieġ, skont l-ICES, minn naħa, li jiġu pprojbiti l-qabdiet tal-imsemmija ħuta li jirriżultaw minn din il-forma ta’ sajd fl-ewwel żona u, min-naħa l-oħra, li jitnaqqsu kunsiderevolment fit-tieni waħda.

93      F’tali ċirkustanzi, kien leġittimu, għal-leġiżlatur tal-Unjoni, li jirreferi għall-kompetenza li hija mogħtija lilu mill-Artikolu 3(1)(d) TFUE, billi jadotta dispożizzjonijiet abbażi tal-Artikolu 43(3) TFUE, sa fejn, skont il-ġurisprudenza, l-aspettattivi leġittimi ma jistgħux jiġu invokati meta, bħalma huwa l-każ għall-politika komuni tas-sajd, il-possibbiltà li jittieħdu l-miżuri kkontestati hija prevista minn dispożizzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna, C‑221/09, EU:C:2011:153, punt 75).

94      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti.

95      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-miżuri adottati preċedentement sabiex tiġi żgurata l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar ma rregolawx is-sajd rikreattiv, u dan wassalha sabiex tikkunsidra li dan it-tip ta’ attività ma kienx jaqa’ taħt il-kompetenza li l-Kunsill għandu l-intenzjoni li jeżerċita.

96      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jaqgħu taħt il-kontinwità tal-qafas regolamentari peress li miżuri simili, li jillimitaw in-numru ta’ eżemplari tal-ispnotta Ewropea li jistgħu jinżammu għas-sajd rikreattiv, ġew adottati mill-2015 bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/523 tal-25 ta’ Marzu 2015 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 43/2014 u (UE) 2015/104 fir-rigward ta’ ċerti opportunitajiet tas-sajd (ĠU 2015, L 84, p. 1).

97      L-istess tip ta’ miżura ġie adottat fl-2016 bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/72 tat-22 ta’ Jannar 2016 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2016 għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni, u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/104 (ĠU 2016, L 22, p. 1), u fl-2017 bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/127 tal-20 ta’ Jannar 2017 li jistabbilixxi għall-2017 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni (ĠU 2017, L 24, p. 1, fil-ĠU 2017, L 80, p. 46, fil-ĠU 2017, L 238, p. 55).

98      Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, id-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jikkostitwixxux l-ewwel miżuri li kellhom bħala għan il-limitazzjoni tas-sajd rikreattiv fl-ilmijiet Ewropej, u lanqas, b’mod partikolari, is-sajd rikreattiv tal-ispnotta Ewropea f’dawn l-ilmijiet.

99      Issa, aspettattivi leġittimi jirriżultaw biss jekk diversi kundizzjonijiet huma ssodisfatti, b’mod partikolari dik li assigurazzjoniijet preċiżi, inkundizzjonali u konkordanti, maħruġa minn sorsi awtorizzati u affidabbli, kienu ġew ipprovduti mill-amministrazzjoni tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2018, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, T‑207/10, EU:T:2018:786, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Fid-dawl tal-eżistenza ta’ miżuri preċedenti, ma jistax jiġi kkunsidrat, f’dan il-każ, li informazzjoni preċiża, inkundizzjonali u konkordanti kienet ġiet ipprovduta lir-rikorrenti u ppermettitilha temmen, fil-mument meta d-dispożizzjonijiet ikkontestati ġew adottati, li l-Unjoni ma kellhiex l-intenzjoni tirregola jew tirregola iktar is-sajd rikreattiv tal-ispnotta Ewropea fiż-żoni kkonċernati.

101    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li aspettattiva leġittima nħolqot fir-rigward tagħha permezz ta’ dikjarazzjoni magħmula fl-2011 mill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-Affarijiet Marittimi u tas-Sajd.

102    Huwa preċiż li, kif issostni r-rikorrenti, il-membru tal-Kummissjoni li dak iż-żmien kien inkarigat minn dawn l-oqsma ddikjara, fl-2011, matul dibattitu organizzat fil-Parlament Ewropew:

“Is-sajd rikreattiv ma huwiex […] kompetenza tal-U[njoni]. Il-Kummissjoni Ewropea ma hijiex responsabbli u l-gvernijiet nazzjonali għandhom jindirizzaw dawn il-problemi kollha […]. L-unika responsabbiltà tal-Kummissjoni hija li tiżgura, fir-rigward tas-sajd rikreattiv, li l-prodott ma jkunx jista’ jinbiegħ. Il-kumplament kollu jaqa’ taħt il-kompetenza tal-gvernijiet nazzjonali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

103    Madankollu, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 99 iktar ’il fuq, garanziji preċiżi, inkundizzjonali u konkordanti, li jirriżultaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, ipprovduti mill-amministrazzjoni lill-persuna kkonċernata, huma neċessarji sabiex inisslu aspettattivi leġittimi għal din tal-aħħar.

104    Issa, f’dan il-każ, minn tal-inqas tnejn minn dawn ir-rekwiżiti huma nieqsa.

105    Minn naħa, id-dikjarazzjoni inkwistjoni ma tistax toħloq garanziji “konkordanti”, peress li dan huwa biss teħid ta’ pożizzjoni iżolat u informali ta’ membru tal-Kummissjoni, li kull proposta għal regolament f’dan il-qasam għandha tiġi adottata mill-kulleġġ ta’ din l-istituzzjoni u li din id-dikjarazzjoni fi kwalunkwe każ hija f’kontradizzjoni manifesta mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni msemmija fil-punti 96 u 97 iktar ’il fuq.

106    Min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni inkwistjoni ma għandhiex in-natura “awtorizzata” meħtieġa sabiex tqajjem aspettattivi leġittimi, peress li, fil-qasam tal-iffissar u tal-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd, il-miżuri għandhom jiġu adottati mill-Kunsill u mill-Parlament, billi r-rwol tal-Kummissjoni huwa limitat għall-inizjattiva leġiżlattiva u għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda mil-leġiżlatur.

107    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni

108    Ir-rikorrenti ssostni li waħda mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, jiġifieri l-Artikolu 9(4) tar-Regolament ikkontestat, tikser il-“prinċipju ta’ ugwaljanza meta tintroduċi diskriminazzjonijiet ipprojbiti”.

109    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

110    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu li tiġi żgurata ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit mill-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “il-Karta”).

111    Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeħtieġ, minn naħa, li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u, min-naħa l-oħra, li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat fuq il-bażi ta’ kriterju oġġettiv u raġonevoli u jkun proporzjonat mal-għan li għandu jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni, C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Marzu 2004, Afari vs BĊE, T‑11/03, EU:T:2004:77, punt 65).

112    Meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jkollu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, bħalma huwa l-każ fil-qasam tal-politika komuni tas-sajd, l-eżami tal-proporzjonalità għandu jkun limitat sabiex jiġi stabbilit jekk id-differenza fit-trattament tippreżentax natura manifestament inadegwata jew arbitrarja fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlatur indipendentement mill-fatt dwar jekk il-miżura stabbilita kinitx l-unika jew l-aħjar possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1982, Kind vs KEE, 106/81, EU:C:1982:291, punt 24).

113    It-tielet motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet, li permezz tagħhom ir-rikorrenti ssostni li, f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet ikkontestati introduċew diskriminazzjoni pprojbita bejn, minn naħa, is-sajd kummerċjali u s-sajd rikreattiv u, min-naħa l-oħra, bejn forom differenti ta’ sajd rikreattiv.

–       Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq diskriminazzjoni bejn is-sajd kummerċjali u s-sajd rikreattiv

114    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma setax jissuġġetta għall-istess qafas regolamentari attivitajiet daqstant differenti bħas-sajd kummerċjali u s-sajd rikreattiv.

115    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-konstatazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni mill-fatt ta’ trattament identiku ta’ sitwazzjonijiet differenti tippreżupponi li s-sitwazzjoniijet previsti ma humiex paragunabbli fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom, billi dawn l-elementi għandhom jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tal-iskop u tal-għan tal-att tal-Unjoni inkwistjoni billi minbarra dan jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li l-att inkwistjoni jaqa’ taħtu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑260/11, EU:T:2014:555, punt 93).

116    Issa, f’dan il-każ, is-sajd kummerċjali u s-sajd rikreattiv jistgħu jitqiesu bħala li huma paragunabbli fir-rigward tal-għan essenzjali li għandu jintlaħaq mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, peress li t-tnejn li huma għandhom effett fuq il-popolazzjoni tal-ispnotta Ewropea li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jipproteġu, b’mod li l-argument tar-rikorrenti ma jistax jintlaqa’.

117    Fit-tieni lok, anki jekk jitqies li ż-żewġ attivitajiet jistgħu jitqiesu bħala paragunabbli, ir-rikorrenti ssostni li s-sajd kummerċjali u s-sajd rikreattiv huma, b’mod inaċċettabbli, ittrattati b’mod differenti, peress li, fid-dispożizzjonijiet ikkontestati, fir-rigward tal-ewwel waħda tiġi applikata projbizzjoni temporanja li tinkludi eċċezzjonijiet speċifiċi għal kull tip ta’ sajd kummerċjali, filwaqt li l-limitazzjonijiet li jaffettwaw it-tieni waħda huma applikabbli għall-forom kollha ta’ sajd rikreattiv tal-ispnotta Ewropea.

118    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif tindika r-rikorrenti, l-Artikolu 9 tar-Regolament ikkontestat jintroduċi differenza fit-trattament bejn is-sajd rikreattiv u s-sajd kummerċjali sa fejn, għall-ewwel wieħed, huwa awtorizzat biss is-sajd-rilaxx fl-ewwel żona, filwaqt li, għat-tieni wieħed, iż-żamma tal-ispnott Ewropew hija permessa, matul ċertu perijodu tas-sena, taħt ċerti kundizzjonijiet.

119    Għandu wkoll, minn naħa, jiġi ddeterminat, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 111 iktar ’il fuq, jekk din id-differenza fit-trattament taż-żewġ attivitajiet inkwistjoni hijiex iġġustifikata minn kriterju li huwa oġġettiv u raġonevoli.

120    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li s-sajd kummerċjali, minn naħa, huwa eżerċitat minn persuni li jagħmlu dan il-professjoni tagħhom u, min-naħa l-oħra, jaffettwa, tal-inqas potenzjalment, il-konsumaturi kollha. Min-naħa l-oħra, is-sajd rikreattiv huwa attività rikreattiva anki jekk, indirettament, jista’ jkollu effett fuq impriżi, b’mod partikolari dawk li jikkummerċjalizzaw it-tagħmir użat fil-kuntest ta’ din l-attività.

121    Għalhekk, jidher li d-differenza fit-trattament taż-żewġ attivitajiet inkwistjoni, kif stabbilita fid-dispożizzjonijiet ikkontestati, hija marbuta man-natura rispettiva tagħhom u tinsab fil-linja tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu fil-kuntest tal-politika komuni tas-sajd. Fil-fatt, kif dan huwa indikat fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament PKS, il-politika tal-Unjoni hija intiża, b’mod partikolari, f’dan il-qasam, sabiex “tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u l-akkwakultura huma […] ġestiti b’mod li huwa konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ta’ impjieg, u li jingħata kontribut għad-disponibbiltà ta’ provvisti tal-ikel”.

122    In-natura ekonomika tas-sajd kummerċjali tista’ għalhekk tiġġustifika l-attenzjoni miġjuba mil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-impatt li l-limitazzjonijiet li huwa jipprevedi li jadotta jkollhom fuq kull forma ta’ sajd kummerċjali u sabiex jadatta dawn il-limiti billi jittollera biss, f’ċerti każijiet, il-qabdiet aċċessorji inevitabbli u billi jawtorizza, f’każijiet oħra, il-qabdiet immirati tal-ispnott Ewropew f’ċertu proporzjon.

123    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 111 sa 112 iktar ’il fuq, id-differenza fit-trattament taż-żewġ attivitajiet inkwistjoni ma hijiex manifestament mhux xierqa jew arbitrarja għal attività rikreattiva, meta l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni huwa li jiġu ppreżervati r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u, finalment, li jiġi ggarantit li din l-attività tista’, meta l-ħażniet jiġu rkuprati, titkompla mingħajr ostakolu.

124    Għalhekk, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq diskriminazzjoni bejn diversi forom ta’ sajd rikreattiv

125    Ir-rikorrenti tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jintroduċu diskriminazzjoni, fi ħdan is-sajd rikreattiv, bejn, minn naħa, is-sajd taħt l-ilma u, min-naħa l-oħra, l-attivitajiet l-oħra li jaqgħu taħt is-sajd rikreattiv.

126    F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li r-regoli li jikkonċernaw is-sajd kummerċjali jieħdu inkunsiderazzjoni diversi modalitajiet implimentati għas-sajd fl-industrija tal-ħut u jorganizzaw tqassim tar-rata ta’ mortalità ttollerata mil-leġiżlatur tal-Unjoni b’mod li jiġi żgurat li ebda modalità partikolari ma ġġarrab żvantaġġ partikolari bl-effett tal-limiti imposti mill-Artikolu 9(1) sa (3) tar-Regolament ikkontestat.

127    Dan kien ikun differenti għas-sajd rikreattiv, peress li, billi awtorizza biss is-sajd-rilaxx, li jikkonsisti fit-teħid ta’ ħut u li sussegwentement jintremew fil-baħar, il-leġiżlatur ipprojbixxa, fil-prattika, is-sajd taħt l-ilma li, min-natura tiegħu, jimplika l-użu ta’ azzarin jew, fi kwalunkwe każ, ta’ projettili li jwasslu għall-mewt tal-ħuta u li jipprekludi li sussegwentement tintrema, ħajja, fil-baħar.

128    Għalhekk, l-awtorizzazzjoni tas-sajd-rilaxx tikkawża, bejn il-modalitajiet differenti użati fir-rigward tas-sajd rikreattiv, diskriminazzjoni, li hija inqas u inqas iġġustifikata peress li, minn naħa, l-impatt tas-sajd taħt l-ilma fuq l-istokk tal-ħut huwa limitat u, min-naħa l-oħra, din il-forma ta’ sajd rikreattiv hija min-natura tagħha partikolarment selettiva.

129    Fil-fatt, minn studju prodott mir-rikorrenti jirriżulta li s-sajd taħt l-ilma jiġġenera fil-fatti inqas qabdiet milli l-forom l-oħra ta’ sajd rikreattiv billi huwa responsabbli minn madwar 5.5 % biss mit-total ta’ qabdiet imwettqa mis-sajd rikreattiv għal dak li jikkonċerna l-ispnotta Ewropea.

130    Barra minn hekk, is-sajd taħt l-ilma jirrikjedi mis-sajjied li huwa jimmira lejn il-bersall tiegħu qabel ma jispara, li jimplika li huwa jiddetermina minn qabel jekk l-eżemplari tappartjenix għall-ispeċi prevista u jekk tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ daqs minimu legali.

131    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif isostni ġustament il-Kunsill, is-sajd taħt l-ilma jwassal kważi inevitabbilment, minħabba n-natura tiegħu, għall-mewt tal-ħuta, peress li jimplika li din tal-aħħar tintlaqat minn projettili li jimmobilizzaha, filwaqt li, min-naħa l-oħra, is-sajd-rilaxx jinkludi biss riskju għall-ħuta – peress li l-probabbiltà ta’ mewt hija limitata, f’każ bħal dan, għal 15 % skont l-istima adottata mill-ICES fl-opinjoni tiegħu tal-24 ta’ Ottubru 2017.

132    Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li, peress li huma oġġettivament differenti fir-rigward tal-effett fatali tagħhom fuq l-istokk tal-ħut, is-sajd taħt l-ilma u l-forom l-oħra ta’ sajd rikreattiv li fil-kuntest tagħhom is-sajd-rilaxx jista’ jiġi pprattikat setgħu jiġi ttrattati b’modi differenti.

133    Konsegwentement, iż-żewġ sitwazzjonijiet inkwistjoni ma jistgħux ikunu oġġettivament paragunabbli fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, b’tali mod li l-argument tar-rikorrenti ma jistax jintlaqa’.

134    Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda u, għalhekk, it-tielet motiv kollu kemm hu.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-libertajiet ta’ assoċjazzjoni u ta’ intrapriża

135    Ir-raba’ motiv tar-rikors huwa maqsum f’żewġ partijiet. Minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 9(4) tar-Regolament ikkontestat jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li din id-dispożizzjoni tikser il-libertajiet ta’ assoċjazzjoni u ta’ intrapriża.

136    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Fuq l-ewwel parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju ta’ prekawzjoni

137    Ir-rikorrenti ssostni li l-miżuri previsti fl-Artikolu 9(4) tar-Regolament ikkontestat ma humiex proporzjonali fir-rigward tal-prinċipju ta’ prekawzjoni li għandu jiġi applikat f’dan il-każ.

138    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-ewwel nett, ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, it-tieni nett, jittieħdu l-miżuri l-inqas vinkolanti sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mingħajr ma, it-tielet nett, l-inkonvenjenzi kkawżati jkunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2017, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑128/15, EU:C:2017:3, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

139    Min-naħa l-oħra, il-legalità ta’ miżuri adottati f’oqsma fejn, bħalma dan huwa l-każ fil-qasam tal-politika komuni tas-sajd, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa tista’ tiġi affettwata, b’mod esklużiv, meta l-miżura stabbilita tidher manifestament mhux xierqa, jew arbitrarja, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq, indipendentement mill-kwistjoni jekk din il-miżura kinitx l-unika jew l-aħjar possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Marzu 2006, Unitymark u North Sea Fishermen’s Organisation, C‑535/03, EU:C:2006:193, punti 57 u 58 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-11 ta’ Jannar 2017, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑128/15, EU:C:2017:3, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

140    Fl-argument tagħha, ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-ispnotta Ewropea kienet mhedda fiż-żoni previsti mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, qabel l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, kif ukoll in-neċessità li kienet teżisti li jiġu adottati miżuri sabiex titnaqqas, f’dawn iż-żoni, il-mortalità tal-ħut u sabiex tiżdied il-bijomassa tiegħu.

141    Madankollu r-rikorrenti ssostni li l-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 9(4) tar-Regolament ikkontestat ma setgħux jiġu adottati fl-assenza ta’ data xjentifika konklużiva fir-rigward tal-effett tas-sajd rikreattiv fuq l-istokk tal-ispnotta Ewropea.

142    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-opinjoni tal-ICES tal-24 ta’ Ottubru 2017, il-qabdiet tal-ispnotta li jirriżultaw mis-sajd rikreattiv kienu stmati, għas-sena 2016, fl-ewwel żona, għal 1 627 tunnellata u b’hekk qabżu l-qabdiet li rriżultaw, għal dan it-tip ta’ ħuta, mis-sajd kummerċjali, li kienu stmati, f’dak li jikkonċernahom, għal 1 295 tunnellata.

143    Anki wara t-twettiq ta’ din l-istima li saret, fis-sena 2018, billi ttieħed inkunsiderazzjoni l-effett tal-limiti ta’ qbid imposti mill-Kunsill u jekk jiġi preżunt li dawn tal-aħħar kienu kompletament osservati, l-impatt tas-sajd rikreattiv fuq il-mortalità tal-ispnotta Ewropea fl-ewwel żona baqa’ kunsiderevoli, peress li kien jirrappreżenta madwar 14 % tal-qabdiet tal-ispnott Ewropew, hekk kif jirriżulta mid-data li tinsab fl-opinjoni tal-ICES tad-29 ta’ Ġunju 2018.

144    Issa, l-Artikolu 2(2) tar-Regolament PKS jeżiġi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni fl-iffissar tal-opportunitajiet tas-sajd.

145    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill seta’ jqis neċessarju li jadotta l-limitazzjonijiet inkwistjoni sabiex jikkontrobatti l-mortalità dovuta għas-sajd rikreattiv. Minn naħa, huwa ppermetta s-sajd-rilaxx, u b’hekk awtorizza lis-sajjieda rikreattivi sabiex ikomplu jipprattikaw il-parti l-kbira tal-forom ta’ sajd rikreattiv minkejja r-rakkomandazzjoni tal-ICES li jiġi pprojbit kull qbid. Min-naħa l-oħra, huwa ppreveda regola, is-sajd-rilaxx, li ma huwiex irraġonevoli li tiġi ristretta għal attività rikreattiva.

146    Tali miżuri ma jistgħux jitqiesu li huma manifestament mhux xierqa jew arbitrarji fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq, b’tali mod li ma jistax jiġi kkunsidrat li, meta adottahom, il-leġiżlatur eċċeda l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu u kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Konsegwentement, l-ewwel parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq ksur tal-libertajiet ta’ assoċjazzjoni u ta’ intrapriża

147    Ir-rikorrenti tafferma li l-projbizzjoni tas-sajd taħt l-ilma tikser il-libertajiet ta’ assoċjazzjoni u ta’ intrapriża stabbiliti fl-Artikoli 12 u 16 tal-Karta sa fejn din taffettwa l-infrastrutturi fil-marini għall-jottijiet, il-manifattura ta’ tagħmir speċjalizzat għal dawn il-portijiet u s-servizzi turistiċi marbuta magħhom.

148    Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tipprovdi ebda prova insostenn tal-affermazzjoni tagħha li l-libertà ta’ assoċjazzjoni ġiet miksura. Issa, skont il-ġurisprudenza, sempliċi dikjarazzjoni astratta ta’ motiv ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura (sentenza tal-29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, T‑336/07, EU:T:2012:172, punt 59). Għaldaqstant, it-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, sa fejn hija bbażata fuq ksur tal-libertà ta’ assoċjazzjoni.

149    Fir-rigward tal-libertà ta’ intrapriża, irrikonoxxuta mill-Artikolu 16 tal-Karta, din tinkludi d-dritt li tiġi eżerċitata attività ekonomika jew kummerċjali, il-libertà kuntrattwali u l-kompetizzjoni libera.

150    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li ksur tal-libertà ta’ intrapriża jista’ jaffettwa l-impriżi involuti f’attività kummerċjali marbuta mal-prattika tas-sajd taħt il-baħar, bħall-bejgħ ta’ tagħmir. Tali ksur ma jistax, min-naħa l-oħra, jaffettwa s-sajjieda rekreattivi nfushom, peress li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3(b) tar-Regolament ikkontestat, dawn tal-aħħar ma humiex involuti f’tali attività sa fejn ma jistgħux ibigħu l-ħut li huma jaqbdu.

151    Fir-rigward tal-impriżi li jeżerċitaw attività kummerċjali marbuta mal-prattika tas-sajd taħt il-baħar, għandu jiġi osservat li l-miżura inkwistjoni tista’ effettivament twassal għal konsegwenzi ekonomiċi fuq l-attivitajiet tagħhom, li jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjoni tagħhom li jkomplu l-imsemmija attivitajiet u, għaldaqstant, potenzjalment jikkostitwixxu limitazzjoni tal-libertà ta’ intrapriża tagħhom.

152    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti pprovdiet sondaġġi intiżi sabiex juru li l-ispnotta Ewropea hija l-ispeċi l-iktar imfittxija mis-sajjieda rikreattivi li jipprattikaw is-sajd taħt il-baħar u, għal uħud minnhom, dik li tiġġustifika l-prattika ta’ din l-attività. Jekk din it-tendenza tirrifletti r-realtà, hija neċessarjament għandha konsegwenzi fuq id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi li joperaw fis-settur.

153    Madankollu, l-Artikolu 52(1) tal-Karta jammetti li jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ drittijiet u libertajiet sa fejn dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, jirrispettaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet u, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji u effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor.

154    Issa, dan huwa l-każ hawnhekk, peress li, l-ewwel nett, il-miżura inkwistjoni hija prevista mir-Regolament ikkontestat. It-tieni nett, hija ma tinkludi ebda projbizzjoni indirizzata lill-impriżi involuti f’attività kummerċjali marbuta mal-prattika tas-sajd taħt l-ilma, b’tali mod li tirrispetta l-kontenut essenzjali tal-libertà ta’ intrapriża. It-tielet nett, hekk kif jirriżulta mill-evalwazzjoni tal-ewwel parti tar-raba’ motiv tar-rikors, din hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-għan li għandu jintlaħaq huwa, fl-interess ġenerali, il-preżervazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar.

155    Din il-konklużjoni hija kkontestata mir-rikorrenti li ssostni li l-implimentazzjoni tar-Regolament ikkontestat ma tnaqqsitx permezz ta’ kriterju ta’ natura temporanja jew billi tipprevedi mekkaniżmu mhux awtomatiku. Għall-kuntrarju, l-imsemmi regolament daħal fis-seħħ immedjatament, mingħajr “ebda modulazzjoni”.

156    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-assenza, allegata mir-rikorrenti, ta’ natura temporanja tal-miżura inkwistjoni hija kontradetta min-natura tar-Regolament ikkontestat li huwa intiż sabiex jiġi applikat matul sena waħda, f’dan il-każ is-sena 2018.

157    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-miżura inkwistjoni ma ġietx imposta mill-ġdid u immedjatament fil-fatti, peress li miżura identika kienet diġà tapplika, fl-ewwel żona, skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament applikabbli preċedentement, jiġifieri r-Regolament 2017/127.

158    Għalhekk, għandu jiġi miċħud ir-raba’ motiv u, għalhekk, ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

159    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

160    Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji, kif mitlub mill-Kunsill.

161    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L‑Ewwel Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      International Forum for Sustainable Underwater Activities (IFSUA) hija kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Valančius

Nihoul

Svenningsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Marzu 2020.

Firem


1 Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.