Language of document : ECLI:EU:T:2020:98

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

12 ta’ Marzu 2020 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija minn Spanja lil ċerti klabbs tal-futbol professjonali – Garanzija – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Vantaġġ – Impriża f’diffikultà – Kriterju ta’ investitur privat – Linji Gwida għall-Għajnuna mill-Istat dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà – Ammont tal-għajnuna – Benefiċjarju tal-għajnuna – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑732/16,

Valencia Club de Fútbol, SAD, stabbilita f’Valencia (Spanja), irrappreżentata minn J. García‑Gallardo Gil‑Fournier, G. Cabrera López u D. López Rus, avukati,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn M.J. García‑Valdecasas Dorrego u J. Ruiz Sánchez, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Luengo, B. Stromsky u P. Němečková, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/365 tal‑4 ta’ Lulju 2016 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.36387 (2013/C) (ex 2013/NN) (ex 2013/CP) implimentata minn Spanja għal Valencia Club de Fútbol SAD, Hércules Club de Fútbol SAD u Elche Club de Fútbol SAD (ĠU 2017, L 55, p. 12),

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn H. Kanninen (Relatur), President, J. Schwarcz u C. Iliopoulos, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Marzu 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Valencia Club de Fútbol, SAD, hija klabb tal-futbol professjonali li għandha s-sede f’Valencia, Spanja.

2        Il-Fundacion Valencia hija organizzazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li l-għan ewlieni tagħha huwa li tippreżerva, ixxerred u tippromwovi l-aspetti sportivi, kulturali u soċjali tar-rikorrenti u r-rabta tagħha mal-partitarji tagħha.

3        Fil‑5 ta’ Novembru 2009, l-Instituto Valenciano de Finanzas (iktar ’il quddiem l-“IVF”), l-istabbiliment finanzjarju tal-Generalitat Valenciana (il-Komunità Awtonoma ta’ Valencia, Spanja), ipprovda lill-Fundación Valencia garanzija għal self bankarju ta’ EUR 75 miljun mogħti minn Bancaja (li saret Bankia), li permezz tiegħu hija akkwistat 70.6 % tal-azzjonijiet tar-rikorrenti.

4        Il-garanzija kienet tkopri 100 % tas-somma kapitali ewlenija tas-self, flimkien mal-interessi u l-ispejjeż tat-tranżazzjoni ggarantita. Bħala korrispettiv, il-Fundación Valencia kellha tħallas lill-IVF kummissjoni annwali ta’ garanzija ta’ 0.5 %. L-IVF irċieva bi pleġġ tat-tieni grad, bħala kontrogaranzija, l-azzjonijiet tar-rikorrenti akkwistati mill-Fundación Valencia. It-tul tas-self sottostanti kien ta’ sitt snin. Ir-rata ta’ interessi tas-self sottostanti kienet ekwivalenti għal 6 % għall-ewwel sena, imbagħad l-“Euro Interbank Offered Rate” (Euribor) fis-sena, miżjuda b’marġni ta’ 3.5 %, b’rata minima ta’ 6 %. Barra minn hekk, kienet tapplika wkoll kummissjoni tal-ftuħ ta’ 1 %. L-iskeda tal-pagamenti kienet tipprevedi rimbors tal-interessi mix-xahar ta’ Awwissu 2010 u rimbors tas-somma kapitali ewlenija f’żewġ partijiet ta’ EUR 37.5 miljun, rispettivament fis-26 ta’ Awwissu 2014 u fis-26 ta’ Awwissu 2015. Kien previst li r-rimbors tas-self iggarantit (somma kapitali ewlenija u interessi) kellu jkun iffinanzjat mill-bejgħ tal-azzjonijiet tar-rikorrenti akkwistati mill-Fundación Valencia.

5        Fl‑10 ta’ Novembru 2010, l-IVF żied il-garanzija tiegħu favur il-Fundación Valencia b’EUR 6 miljun, sabiex jikseb żieda fl-istess ammont tas-self diġà mogħti minn Bankia, bil-għan li jkopri l-ħlas tal-somma kapitali ewlenija, tal-interessi u tal-ispejjeż dovuti li jirriżultaw min-nuqqas ta’ ħlas tal-interessi tas-self iggarantit fis‑26 ta’ Awwissu 2010. Minħabba din iż-żieda, l-iskeda tal-pagamenti inizjalment stabbilita nbidlet u ġiet issupplimentata minn rimbors ta’ EUR 40.5 miljun fis‑26 ta’ Awwissu 2014 u rimbors ta’ EUR 40.5 miljun fis‑26 ta’ Awwissu 2015. Ir-rata tal-interessi tas-self baqgħet l-istess.

6        Ladarba ġiet informata bl-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat preżunta, mogħtija mill-Komunità Awtonoma ta’ Valencia fil-forma ta’ garanziji ta’ self bankarju favur l-Elche Club de Fútbol, SAD, Hércules Club de Fútbol, SAD, u r-rikorrenti, il-Kummissjoni Ewropea, fit‑8 ta’ April 2013, stiednet lir-Renju ta’ Spanja jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq din l-informazzjoni. Dan tal-aħħar weġibha fis‑27 ta’ Mejju u fit‑3 ta’ Ġunju 2013.

7        B’ittra tat‑18 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju ta’ Spanja bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. B’ittra tal‑10 ta’ Frar 2014, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ.

8        Matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet u l-informazzjoni tar-Renju ta’ Spanja, tal-IVF, tal-Liga Nacional de Fútbol Profesional (iktar ’il quddiem il-“LFP”), tar-rikorrenti u tal-Fundaciόn Valencia.

9        Permezz tad-deċiżjoni tagħha (UE) 2017/365 tal-4 ta’ Lulju 2016 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.36387 (2013/C) (ex 2013/NN) (ex 2013/CP) implimentata minn Spanja għal Valencia Club de Fútbol SAD, Hércules Club de Fútbol SAD u Elche Club de Fútbol SAD (ĠU 2017, L 55, p. 12) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni kkonstatat li l-garanzija pubblika mogħtija mill-IVF fil‑5 ta’ Novembru 2009 sabiex tkopri s-self bankarju mogħti lill-Fundación Valencia sabiex jiġu sottoskritti l-azzjonijiet tar-rikorrenti, fil-kuntest tat-tranżazzjoni ta’ żieda fil-kapital deċiża minn din tal-aħħar (iktar ’il quddiem il-“miżura 1”), kif ukoll iż-żieda tagħha deċiża fl‑10 ta’ Novembru 2010 (iktar ’il quddiem il-“miżura 4”) (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“miżuri inkwistjoni”) kienu jikkostitwixxu għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern, fl-ammont ta’ EUR 19 193 000 u EUR 1 188 000, rispettivament (Artikolu 1). Konsegwentement, il-Kummissjoni ordnat lir-Renju ta’ Spanja jirkupra l-imsemmija għajnuna mingħand ir-rikorrenti (Artikolu 2), liema rkupru kellu jsir b’mod “immedjat u effettiv” (Artikolu 3).

10      Fid-deċiżjoni kkontestata, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni qieset li l-miżuri inkwistjoni, mogħtija mill-IVF, kienu jimmobilizzaw riżorsi statali u kienu imputabbli lir-Renju ta’ Spanja. Fit-tieni lok, hija qieset li l-benefiċjarju tal-għajnuna kienet ir-rikorrenti u mhux il-Fundación Valencia, li aġixxiet bħala vettura finanzjarja, fid-dawl b’mod partikolari tal-għan tal-miżuri inkwistjoni li kien intiż li jiffaċilita l-finanzjament taż-żieda fil-kapital tar-rikorrenti. Issa, is-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti fil-mument tal-għoti tal-miżuri inkwistjoni kienet dik ta’ impriża f’diffikultà fis-sens tal-paragrafu 10(a) jew tal-paragrafu 11 tal-Linji Gwida Komunitarji dwar l-Għajnuna mill-Istat għas-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni ta’ Impriżi f’Diffikultà (ĠU 2004, C 244, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni”). Fir-rigward tal-kriterji ddefiniti fl-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [107] u [108 TFUE] għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (ĠU 2008, C 155, p. 10, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-Garanziji”), u fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti kif ukoll tal-kundizzjonijiet tal-garanzija pubblika li bbenefikat minnhom, il-Kummissjoni kkonkludiet favur l-eżistenza ta’ vantaġġ indebitu, li seta’ joħloq jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u jinċidi fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkwantifikat, fid-deċiżjoni kkontestata, l-element ta’ għajnuna allegatament mogħtija lir-rikorrenti billi bbażat ruħha fuq ir-rata ta’ riferiment applikabbli b’mod konformi mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (ĠU 2008, C 14, p. 6, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza”), fl-assenza ta’ paragun sinjifikattiv possibbli abbażi ta’ tranżazzjonijiet simili mwettqa fis-suq. Fl-okkażjoni tal-kwantifikazzjoni tal-għajnuna kontenzjuża, il-Kummissjoni qieset li l-valur tal-azzjonijiet tar-rikorrenti mogħtija bi pleġġ lill-IVF, bħala kontrogaranzija, kien viċin iż-żero. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-għajnuna kontenzjuża ma kinitx kompatibbli mas-suq intern, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipji u tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni. Il-Kummissjoni rrilevat f’dan ir-rigward li l-pjan ta’ vijabbiltà ta’ Mejju 2009 tar-rikorrenti ma kienx komplet biżżejjed sabiex jippermetti ritorn għall-vijabbiltà f’terminu raġonevoli.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Ottubru 2016, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

12      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Ottubru 2016, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżuri provviżorji sabiex tikseb, prinċipalment, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-Artikoli 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni tordna l-irkupru mingħandha tal-għajnuna allegatament mogħtija lilha.

13      Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ Jannar 2017.

14      Permezz ta’ digriet tat‑23 ta’ Marzu 2017, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta li r-Renju ta’ Spanja jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

15      Ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Marzu 2017.

16      Ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta n-nota ta’ intervent tiegħu fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Ġunju 2017.

17      Il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Ġunju 2017.

18      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ Frar, fil‑15 ta’ Frar, fil‑5 ta’ April u fis‑27 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrenti talbet li ċerti elementi tar-rikors, tar-risposta, tar-replika u tal-kontroreplika jingħataw trattament kunfidenzjali fir-rigward tar-Renju ta’ Spanja. Ir-Renju ta’ Spanja ma oġġezzjonax għat-talbiet għal trattament kunfidenzjali.

19      Il-Kummissjoni u r-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq in-nota ta’ intervent fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 u fis‑17 ta’ Lulju 2017 rispettivament.

20      Permezz ta’ digriet tat‑22 ta’ Marzu 2018, Valencia Club de Fútbol vs Il-Kummissjoni (T‑732/16 R, mhux ippubblikat, EU:T:2018:171), ikkonfermat fl-appell (digriet tat‑22 ta’ Novembru 2018, Valencia Club de Fútbol vs Il-Kummissjoni, C‑315/18 P(R), EU:C:2018:951), il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji u rriżerva l-ispejjeż.

21      Permezz tad-digrieti tas‑26 ta’ April 2018, Valencia Club de Fútbol vs Il-Kummissjoni (T‑732/16, mhux ippubblikat, EU:T:2018:237), tas‑26 ta’ April 2018, Valencia Club de Fútbol vs Il-Kummissjoni (T‑732/16, mhux ippubblikat, EU:T:2018:238), u tas‑26 ta’ April 2018, Valencia Club de Fútbol vs Il-Kummissjoni (T‑732/16, mhux ippubblikat, EU:T:2018:239), il-President tar-Raba’ Awla ċaħad it-talbiet għal intervent tal-Fundación Valencia, tal-LFP u ta’ Bankia.

22      Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Mejju 2018, ir-rikorrenti indikat li hija kienet tixtieq tinstema’ waqt is-seduta.

23      B’ittri tar-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal‑5 ta’ Frar 2019, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet kollha, abbażi ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 u tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li huma wieġbu fl‑20 ta’ Frar 2019.

24      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċernaha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

25      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

26      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tilqa’ r-rikors u tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn dan jagħmel riferiment għall-Anness A.2

27      Il-Kummissjoni tilmenta li r-rikors sar b’riferiment ġenerali għar-rapport tal-konsulenti mqabbda mir-rikorrenti anness mar-rikors bħala Anness A.2.

28      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex rikors ikun ammissibbli, huwa meħtieġ li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas fil-qosor iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess. Għalkemm it-test proprju tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet speċifiċi minn dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra, anki jekk annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għall-assenza tal-elementi essenzjali tal-argumenti legali, li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, u tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, għandhom ikunu inklużi fir-rikors. L-annessi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss sa fejn jissostanzjaw jew jikkompletaw motivi jew argumenti espressament invokati mir-rikorrenti fit-test proprju tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom u sa fejn ikun possibbli li jiġi ddeterminat bi preċiżjoni liema huma l-elementi li dawn jinkludu li jissostanzjaw jew jikkompletaw l-imsemmija motivi jew argumenti (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il-Kummissjoni, T‑53/16, taħt appell, EU:T:2018:943, punt 379 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li r-rikors, minflok ma jagħmel riferiment ġenerali għall-Anness A.2, jidentifika sistematikament, meta jsir riferiment għal dan l-anness, il-punt jew il-punti speċifiċi tiegħu li jikkompletaw jew isostnu l-argument imsemmi fir-rikors. Barra minn hekk huma riprodotti diversi drabi fit-test tar-rikors estratti sħaħ tal-anness. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma għamlitx riferiment ġenerali għall-Anness A.2, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, u li, għaldaqstant, ir-rikors huwa ammissibbli f’dan ir-rigward.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-argument żviluppat fl-Anness A.2

30      Il-Kummissjoni ssostni li l-Anness A.2 huwa inammissibbli sa fejn jinkludi argumenti li ma humiex inklużi fir-rikors.

31      Minn eżami tal-Anness A.2 jirriżulta li l-argumenti żviluppati fih diġà ġew espressament invokati fit-test tar-rikors. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma identifikatx l-argumenti li, fil-fehma tagħha, jidhru fl-imsemmi anness mingħajr ma ġew iddikjarati fit-test tar-rikors.

32      Konsegwentement, hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni kontra l-argument żviluppat fl-Anness A.2.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

33      Skont ir-rikorrenti, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fl-ewwel sas-seba’ motiv jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ aspetti essenzjali sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ għajnuna u l-inkompatibbiltà tagħha.

34      Mistoqsija mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta dwar l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni, kif jirriżultaw mill-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti indikat, essenzjalment, fl-espożizzjoni ta’ dan il-motiv, li xtaqet tkun konċiża fl-identifikazzjoni minnha, b’riferiment għall-motivi l-oħra tar-rikors, ta’ seba’ punti li manifestament juru, fil-fehma tagħha, nuqqas ta’ motivazzjoni.

35      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-rikorrenti sempliċement tirrepeti, b’mod ġenerali, il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-motivi l-oħra tar-rikors. Kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma tippreċiżax is-siltiet tad-deċiżjoni kkontestata li huma vvizzjati minn nuqqas ta’ motivazzjoni u lanqas a fortiori kif dawn ma jpoġġux lill-partijiet ikkonċernati f’pożizzjoni li jifhmu r-raġunament tal-Kummissjoni.

36      Barra minn hekk, ir-riferimenti magħmula mir-rikorrenti għall-motivi l-oħra jirrigwardaw esklużivament assenzi ta’ analiżi jew ta’ verifika kif ukoll żbalji ta’ evalwazzjoni, li kollha jirrigwardaw il-fondatezza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

37      Issa, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, peress li din il-kwistjoni tirrigwarda l-legalità sostantiva tal-att kontenzjuż. Minn dan isegwi li l-ilmenti u l-argumenti intiżi li jikkontestaw il-fondatezza ta’ att ma humiex rilevanti fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq in-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni (sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 85).

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li dan il-motiv, kif espost, ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura.

39      Dan il-motiv għandu, għalhekk, jiġi ddikjarat inammissibbli. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanzi tal-każ ma jiġġustifikawx li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra ex officio l-kwistjoni tal-osservanza, mill-Kummissjoni, tal-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

 Fuq il-mertu

40      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi bbażati:

–        l-ewwel motiv, essenzjalment, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fil-karatterizzazzjoni ta’ vantaġġ;

–        it-tieni motiv, imressaq sussidjarjament, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-eżami tal-kompatibbiltà tal-allegata għajnuna;

–        it-tielet sal-ħames motiv, iktar sussidjarjament, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-istadju tal-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna, fuq żbalji oħra fil-kalkolu tal-ammont prinċipali u tal-interessi u ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità;

–        is-sitt motiv, imressaq sussidjarjament, fuq żball fl-identifikazzjoni tal-benefiċjarju tal-allegata għajnuna;

–        is-seba’ motiv, fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni;

–        it-tmien motiv, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

41      Hemm lok li jiġu eżaminati l-motivi fl-ordni li fih huma ġew invokati, bl-eċċezzjoni, minn naħa, tas-sitt motiv, li għandu jiġu eżaminat wara l-ewwel motiv, kif ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, tas-seba’ motiv, li jirrigwarda l-fondatezza tal-klassifikazzjoni bħala għajnuna illegali u inkompatibbli u li għalhekk għandu jiġi eżaminat qabel it-tielet motiv, li jikkonċerna l-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna. Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li tiċħad it-tmien motiv (ara l-punti 33 sa 39 iktar ’il fuq).

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat essenzjalment fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fil-karatterizzazzjoni ta’ vantaġġ

42      L-ewwel motiv huwa maqsum fi tliet partijiet, ibbażati fuq żbalji manifesti tal-Kummissjoni, l-ewwel nett, sa fejn hija kklassifikat lir-rikorrenti bħala impriża f’diffikultà, it-tieni nett, sa fejn hija kkonstatat li l-miżuri inkwistjoni kienu jkopru iktar minn 80 % tal-ammont tas-self u, it-tielet nett, sa fejn hija kkonkludiet li r-rikorrenti ma kinitx ħallset prezz tas-suq.

–       Fuq il-portata tal-ewwel motiv u l-ammissibbiltà tiegħu sa fejn jirrigwarda l-miżura 4

43      B’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni ta’ proċedura, u sussegwentement waqt is-seduta, ir-rikorrenti indikat li l-ewwel motiv ma kienx jirrigwarda biss il-miżura 1, iżda wkoll il-miżura 4. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni invokat l-inammissibbiltà ta’ dan il-motiv sa fejn dan jirrigwarda l-miżura 4.

44      Mistoqsija, dejjem fl-istess kuntest, dwar l-ammissibbiltà tal-motiv sa fejn dan jirrigwarda l-miżura 4 fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti ssostni li l-imsemmija miżura hija espressament imsemmija fir-rikors, fil-formulazzjoni tat-talbiet tagħha kif ukoll fl-introduzzjoni tal-espożizzjoni tal-motivi tagħha. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-riferimenti ġenerali għall-“garanzija”, kif ukoll ir-riferiment għal “miżuri ta’ garanzija inkwistjoni”, għandhom, skont ir-rikorrenti, neċessarjament jinftiehmu fis-sens li jinkludu kemm il-miżura 1 u l-miżura 4. Minbarra dan, ir-rapport mehmuż fl-Anness A.2 jagħmel, sabiex isostni l-motivi kollha inkwistjoni, inkluż l-ewwel motiv, evalwazzjoni ekonomika globali taż-żewġ miżuri. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tirreferi għat-tieni motiv tagħha, li fih hija ssostni li l-miżuri 1 u 4 jikkostitwixxu miżura ta’ għajnuna waħda.

45      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita ċċitata fil-punt 28 iktar ’il fuq, sabiex rikors ikun ammissibbli skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, huwa meħtieġ li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors għandhom jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess. Għalhekk, is-sempliċi dikjarazzjoni astratta ta’ motiv ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2018, De Geoffroy et vs Il-Parlament, T‑788/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:534, punt 72).

46      F’dan il-każ, ir-rikorrenti tindika, bħala introduzzjoni għall-parti tar-rikors tagħha intitolata “Fid-dritt”, li hija tqis li l-miżuri 1 u 4 ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat sa fejn l-eżistenza ta’ vantaġġ ma hijiex ipprovata. Minn dan jirriżulta li l-ewwel motiv, dwar il-prova tal-eżistenza ta’ vantaġġ, jista’ jiġi interpretat bħala dirett kontra l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni fformulati kemm fir-rigward tal-miżura 1 kif ukoll fir-rigward tal-miżura 4.

47      Madankollu, kif jirriżulta mill-prinċipji mfakkra fil-punt 45 iktar ’il fuq, ma huwiex biżżejjed, sabiex motiv ikun ammissibbli, li dan jiġi espost b’mod astratt. Dan ifisser li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors stess.

48      F’dan ir-rigward, qabelxejn għandu jiġi nnotat li l-elementi esposti għall-ewwel motiv fir-rikors qatt ma jsemmu l-miżura 4 b’mod espliċitu. Il-Qorti Ġenerali tikkonstata sussegwentement li l-argument tar-rikorrenti insostenn tal-ewwel motiv, inkluż meta hija tibbaża ruħha fuq ir-rapport mehmuż fl-Anness A.2, huwa bbażat kompletament fuq il-premessa li s-sitwazzjoni rilevanti hija dik prevalenti fid-data tal-għoti tal-miżura 1, f’Novembru 2009, u ma tkoprix għall-kuntrarju s-sitwazzjoni fl‑10 ta’ Novembru 2010, id-data tal-għoti tal-miżura 4. Għalkemm ir-rikorrenti tirreferi sussegwentement, b’risposta għad-domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali, għall-argument tagħha insostenn tat-tieni motiv li l-miżuri 1 u 4 fir-realtà jikkostitwixxu biss miżura ta’ għajnuna waħda, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument ma huwiex invokat fir-rikors insostenn tal-ewwel motiv.

49      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li fir-rikors ma hemm ebda argument dirett espliċitament kontra l-karatterizzazzjoni ta’ vantaġġ li jirriżulta mill-miżura 4. Barra minn hekk, l-argumenti esposti insostenn tal-ewwel motiv u allegatament diretti kontra l-karatterizzazzjoni ta’ vantaġġ li jirriżulta mill-miżura 4 ma jirriżultawx, biċ-ċarezza meħtieġa, mit-test tar-rikors.

50      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn jirrigwarda l-miżura 4.

–       Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żball manifest tal-Kummissjoni sa fejn hija kklassifikat lir-rikorrenti bħala impriża f’diffikultà

51      Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, l-ewwel nett tenfasizza l-karatteristiċi speċifiċi tal-mudell ta’ negozju tal-klabbs tal-futbol professjonali, fuq il-bażi ta’ diversi fatturi mhux finanzjarji, bħall-funzjonijiet soċjali u edukattivi tagħhom, li barra minn hekk, it-Trattat FUE jieħu inkunsiderazzjoni fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 165(1) TFUE. Ir-rikorrenti tqis, bħalma għamlet il-LFP matul il-proċedura amministrattiva, li fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi speċifiċi settorjali, l-applikazzjoni bħal f’dan il-każ tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni ma kinitx xierqa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kellha tikkonstata li l-valur kontabbli tal-klabbs tal-futbol professjonali ma kienx jirrifletti neċessarjament, minn naħa, il-prezz li kienu lesti jħallsu l-investituri u, min-naħa l-oħra, il-profitti mistennija f’każ ta’ bejgħ mill-ġdid tal-klabb.

52      Sussegwentement, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ċaħdet l-importanza tal-valur tas-suq tal-plejers ta’ klabb tal-futbol fl-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ġiet ikkritikata li injorat id-differenza bejn il-valur kontabbli u l-valur tas-suq, li madankollu ġiet spjegata matul il-proċedura amministrattiva mir-rikorrenti, u li eżaġerat id-deprezzament tal-valur tal-plejers fil-każ ta’ bejgħ sfurzat minħabba sitwazzjoni ta’ diffikultà finanzjarja, l-istess bħall-volatilità li tirriżulta mir-riskju ta’ korriment, riskju li kontrih ir-rikorrenti hija assigurata.

53      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tinvoka s-solidità u l-kredibbiltà tal-pjan ta’ vijabbiltà tal‑2009, li l-previżjonijiet tiegħu f’termini ta’ dħul u ta’ spejjeż kienu adegwati, konformi mal-profittabbiltà ta’ klabbs tal-futbol Ewropej u Spanjoli paragunabbli, u għalhekk suffiċjenti sabiex jippermetti funzjonament tal-klabb fuq bażi vijabbli.  F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq ir-riskju ta’ nuqqas ta’ rimbors tas-self iggarantit tal‑2009, sa fejn il-Fundación Valencia, u mhux ir-rikorrenti, kellha l-obbligu li tirrimborsa l-imsemmi self. Barra minn hekk, huwa rrilevat li d-dħul qabeż b’mod sinjifikattiv il-previżjonijiet tal-pjan ta’ vijabbiltà u li dan it-tkabbir jirrifletti b’mod partikolari l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ xandir, konkluż qabel l-għoti tal-garanzija.

54      Il-Kummissjoni ssostni li ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jista’ jikkontesta l-konklużjoni li din tal-aħħar kienet tinsab f’diffikultà fid-data tal-għoti tal-miżuri inkwistjoni.

55      Qabel kollox, il-ġurisprudenza ma tirrikonoxxix eċċezzjoni speċifika għall-isport fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, l-għan iddikjarat mill-IVF fl-għoti tal-miżuri inkwistjoni huwa irrilevanti, peress li l-kunċett ta’ għajnuna kif ukoll il-kunċett ta’ diffikultà finanzjarja huma oġġettivi. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti tal-kuntest ekonomiku tas-settur tal-futbol fl-analiżi tagħha tal-pjan ta’ vijabbiltà. Hija ssostni li l-fatt li investituri huma lesti li jakkwistaw azzjonijiet ta’ klabbs b’valur kontabbli negattiv ma jikkonfutax il-ħtieġa li jkollhom, qabel tali investiment, previżjonijiet finanzjarji affidabbli u plawżibbli, u żżid li ebda rapport dwar il-valur tal-assi tar-rikorrenti ma ġie ppreżentat lilha matul il-proċedura amministrattiva.

56      Sussegwentement, il-Kummissjoni tenfasizza li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-valur fis-suq tal-plejers tagħha, filwaqt li kkonkludiet madankollu li l-valur għoli tagħhom ma kienx jinvalida l-konklużjoni li hija kienet tinsab f’diffikultà. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-eżempji ta’ trasferiment imsemmija mir-rikorrenti jikkonċernaw essenzjalment trasferimenti li saru wara l-għoti tas-self iggarantit mill-IVF u juru li t-trasferiment ta’ plejer jippreżupponi negozjati twal, fatt li jkollu effett meta t-trasferiment ikollu jseħħ malajr minħabba diffikultajiet finanzjarji. Barra minn hekk, il-plejers ma jistgħux jiġu ttrasferiti simultanjament, peress li ma jilħqux valur tas-suq għoli fl-istess ħin. Fl-aħħar nett, għalkemm il-klabb huwa assigurat kontra r-riskji tal-plejers tiegħu, xorta jibqa’ l-fatt li korriment għandu effett fuq il-valur tal-bejgħ tal-pjejer u, indirettament, fuq ir-riżultati tal-klabb.

57      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-pjan ta’ vijabbiltà tal‑2009, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rikorrenti ma tipproduċi ebda prova li tikkontesta l-konstatazzjoni li dan il-pjan, minn naħa, ma kien fih ebda analiżi ta’ sensittività fir-rigward tar-riskji li jistgħu jaffettwaw ir-riżultati finanzjarji tar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, kien ibbażat fuq possibbiltajiet mhux xierqa sabiex jippermettu ritorn għall-vijabbiltà fuq medda ta’ żmien twil. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-approċċ komparattiv u settorjali adottat fir-rapport mehmuż fl-Anness A.2 sabiex jikkonkludi li r-rikorrenti ma kinitx tinsab f’diffikultà. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li l-kwistjoni tal-kapaċità tar-rikorrenti li tirrimborsa s-self iggarantit hija rilevanti, kuntrarjament għal dak li ssostni din tal-aħħar fir-replika, sa fejn huwa paċifiku li hija l-benefiċjarja tal-imsemmi self.

58      Għandu jitfakkar li, fil-qasam speċifiku tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni hija marbuta bl-oqfsa u l-komunikazzjonijiet adottati minnha, sa fejn dawn ma jidderogawx mir-regoli tat-Trattat (sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2010, Holland Malt vs Il-Kummissjoni, C‑464/09 P, EU:C:2010:733, punt 47). B’mod partikolari, dawn it-testi ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jnaqqsu l-portata tal-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE jew li jmorru kontra l-għanijiet previsti minnhom (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2008, Il-Ġermanja et vs Kronofrance, C‑75/05 P u C‑80/05 P, EU:C:2008:482, punti 61 u 65).

59      Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni Ewropea ma tistax, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tal-Kummissjoni bl-evalwazzjoni ekonomika tagħha. Fil-fatt, l-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi magħmula mill-Kummissjoni huwa stħarriġ limitat li neċessarjament jillimita ruħu għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u tal-motivazzjoni, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex tikkonstata li impriża tinsab f’diffikultà, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi li fuqhom il-Qorti Ġenerali teżerċita biss stħarriġ limitat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Settembru 2008, Kahla/Thüringen Porzellan vs Il-Kummissjoni, T‑20/03, EU:T:2008:395, punt 133; tat-3 ta’ Marzu 2010, Freistaat Sachsen vs Il-Kummissjoni, T‑102/07 u T‑120/07, EU:T:2010:62, punti 122 u 157; tat‑12 ta’ Mejju 2011, Région Nord‑Pas‑de‑Calais u Communauté d’agglomération du Douaisis vs Il-Kummissjoni, T‑267/08 u T‑279/08, EU:T:2011:209, punt 153; u tat‑3 ta’ Lulju 2013, MB System vs Il-Kummissjoni, T‑209/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:338, punt 37).

61      Madankollu, għalkemm il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika li għandhom iseħħu fil-kuntest tal-Unjoni, dan ma jimplikax li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni minn stħarriġ tal-interpretazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni tad-data ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tivverifika biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, il-kredibbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet li jirriżultaw minnhom (sentenzi tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punti 64 u 65, u tat‑2 ta’ Marzu 2012, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, T‑29/10 u T‑33/10, EU:T:2012:98, punt 102).

62      F’dan il-każ, il-Kummissjoni bbażat ruħha, fil-premessi 73 sa 77 tad-deċiżjoni kkontestata, u fuq il-paragrafu 10(a) u l-paragrafu 11 tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni sabiex tikklassifika lir-rikorrenti bħala impriża li tinsab f’diffikultà fid-data tal-adozzjoni tal-miżura 1.

63      Il-paragrafu 10(a) tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni jipprevedi li impriża hija bħala regola u irrispettivament mid-daqs tagħha, ikkunsidrata li tinsab f’diffikultà “f’każ ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, meta iktar minn nofs il-kapital azzjonarju tagħha jkun għeb u iktar minn kwart minn dak il-kapital ikun intilef matul it-tnax‑il xahar preċedenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Sussegwentement, fis-sens tal-paragrafu 11, “[a]nki jekk l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet indikati fil-[paragrafu] 10 ma tkun ġiet issodisfatta, impriża tista’ madankollu tiġi kkunsidrata li tinsab f’diffikultà b’mod partikolari meta jkun hemm l-indizji normali ta’ impriża li tinsab f’sitwazzjoni ta’ diffikultà, bħal żieda fit-telf, tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ, tkabbir fl-inventarju tal-istokk, eċċess ta’ kapaċità, tnaqqis fil-fluss tal-flus, żieda fid-dejn, żieda tal-piżijiet finanzjarji u tnaqqis fil-valur nett tal-attiv jew valur nett tal-attiv ta’ żero” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

64      Il-Kummissjoni ssostni qabelxejn, fil-premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata, li, għalkemm il-kapital azzjonarju tar-rikorrenti ma naqasx matul it-tliet snin finanzjarji preċedenti għall-għoti tal-miżura 1, il-fondi proprji tagħha kienu negattivi fl-għeluq tas-snin 2006/2007 u 2008/2009. Barra minn hekk, hija tindika li “iktar minn kwart tal-[kapital azzjonarju] kien intilef matul is-sena finanzjarja magħluqa f’Ġunju 2009”. Meħuda flimkien, dawn l-elementi huma suffiċjenti, skont il-Kummissjoni, sabiex jiġi kkunsidrat li l-kriterji ddefiniti fil-paragrafu 10(a) tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni kienu ssodisfatti, sa fejn kieku r-rikorrenti kienet adottat il-miżuri xierqa sabiex tistabbilixxi mill-ġdid il-patrimonju tagħha, billi tikkapitalizza pereżempju t-telf tagħha, il-kapital azzjonarju kollu tagħha kien jintilef, peress li dan kien inqas mit-telf akkumulat (premessa 74).

65      Il-Kummissjoni tikkunsidra sussegwentement, fil-premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kriterji ddefiniti fil-paragrafu 11 tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni kienu wkoll issodisfatti. Hija tirrileva f’dan ir-rigward li r-rikorrenti kienet ġarrbet telf sinjifikattiv matul is-snin 2006/2007 u 2008/2009, li jammonta rispettivament għal EUR 26.1 miljun u EUR 59.2 miljun, u li d-dħul mill-bejgħ tagħha kien naqas b’iktar minn 20 %, fejn minn EUR 107.6 miljun (sena 2006/2007) għadda għal EUR 82.4 miljun (sena 2008/2009). Il-Kummissjoni żżid li r-rikorrenti kellha dejn qawwi, kif juri l-proporzjon tad-dejn/fondi proprji tagħha, li kien jammonta għal 73.5 f’Ġunju 2008 u kien negattiv f’Ġunju 2007 u f’Ġunju 2009.

66      F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat l-ewwel nett jekk il-kriterji ddefiniti fil-paragrafu 10(a) tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni humiex issodisfatti. Huwa biss jekk l-imsemmija kriterji ma jkunux issodisfatti li jkun hemm lok, jekk ikun il-każ, li tiġi eżaminata s-sitwazzjoni tar-rikorrenti fir-rigward tal-paragrafu 11 tal-imsemmija linji gwida.

67      Sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn il-kriterji humiex issodisfatti, huwa neċessarju li tiġi ppreċiżata l-ewwel nett il-portata tal-kunċetti ta’ għajbien u ta’ telf ta’ kapital azzjonarju msemmija fil-paragrafu 10 tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni (ara l-punt 63 iktar ’il fuq), sa fejn din ġiet diskussa mill-partijiet fir-rigward, b’mod partikolari, tal-konstatazzjoni, fil-premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kapital azzjonarju tar-rikorrenti ma kienx naqas qabel l-għoti tal-miżura 1 (ara l-punt 64 iktar ’il fuq). Il-Kummissjoni għalhekk sostniet waqt is-seduta li l-espressjoni “iktar minn nofs il-kapital azzjonarju tagħha jkun għeb” kellha tinftiehem fis-sens li tkopri l-ipoteżi fejn il-patrimonju nett ta’ impriża kien tant naqas li kien inqas minn nofs il-kapital azzjonarju tagħha. Il-fatt li l-valur tal-kapital azzjonarju jibqa’ kostanti huwa irrilevanti. Għall-kuntrarju, ir-Renju ta’ Spanja jsostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni qiegħda tħawwad il-kunċetti ta’ kapital azzjonarju u ta’ fondi proprji, b’tali mod li l-konstatazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata tal-assenza ta’ tnaqqis tal-kapital azzjonarju tar-rikorrenti kellha twassalha sabiex teskludi l-applikazzjoni f’dan il-każ tal-paragrafu 10(a) tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni.

68      F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 10(a) tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni jirreferu “b’analoġija” għall-Artikolu 17 tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE, tat‑13 ta’ Diċembru 1976, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 58 tat-Trattat, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbilità limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 21, p. 8), li sar, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2012/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU 2012, L 135, p. 74) li jipprovdi li, “[f]i-każ ta’ telf serju tal-kapital sottoskrtitt, laqgħa ġenerali ta’ l-azzjonisti għandha tissejjaħ fil-perjodu speċifikat mil-liġijiet ta’ l-Istati Membri, biex jiġi kkunsidrat jekk il-kumpannija għandhiex tiġi stralċjata jew għandhomx jittieħdu xi miżuri oħra”, peress li l-ammont ta’ dan it-telf ma jistax jiġi stabbilit mill-Istati Membri “f’ċifra ogħla minn nofs il-kapital sottoskritt”. Fil-kuntest tad-direttivi ċċitati iktar ’il fuq, il-kunċett ta’ “kapital sottoskritt” jiġi konfuż ma’ dak ta’ “kapital azzjonarju” (ara, f’dan is-sens is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2000, Diamantis, C‑373/97, EU:C:2000:150, punti 3 u 32). Fir-rigward tal-għan imfittex minn dawn id-dispożizzjonijiet, li jistabbilixxu obbligu speċifiku ta’ konvokazzjoni tal-laqgħa ġenerali, u tal-istruttura tat-test li jagħmlu parti minnu, li jirrigwarda b’mod distint u separat il-każijiet ta’ “tnaqqis tal-kapital [azzjonarju]” u li jafferma l-kompetenza tal-laqgħa ġenerali f’dan ir-rigward, jirriżulta b’mod ċar li t-“telf serju tal-kapital [azzjonarju]” imsemmi fl-Artikolu 17 tat-Tieni Direttiva 77/91 ma huwiex paragunabbli għal tnaqqis tal-kapital azzjonarju deċiż mill-korpi tal-kumpannija kompetenti, iżda jirreferi minflok għal każ ta’ tnaqqis tal-fondi proprji li jista’ jwassal, jekk ikun il-każ, għall-adozzjoni mill-imsemmija korpi tal-kumpannija ta’ deċiżjoni ta’ tnaqqis tal-kapital azzjonarju tal-kumpannija kkonċernata. Issa, fid-dawl tar-rabta stabbilita mill-paragrafu 10(a) tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni mad-dispożizzjonijiet tad-direttivi msemmija iktar ’il fuq, il-kunċetti ta’ għajbien u ta’ telf tal-kapital azzjonarju li jinsabu fil-paragrafu 10(a) tal-imsemmija linji gwida għandhom jiġu interpretati b’mod koerenti ma’ dak ta’ “telf serju tal-kapital [azzjonarju]” imsemmi fl-imsemmija direttivi.

69      Il-Qorti Ġenerali barra minn hekk diġà ddeċidiet li l-livell tal-fondi proprji kien indikatur rilevanti għad-determinazzjoni dwar jekk kienx hemm għajbien jew telf tal-kapital azzjonarju fis-sens tal-paragrafu 10 tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni, minkejja l-assenza ta’ konstatazzjoni ta’ tnaqqis tal-kapital azzjonarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, T‑349/03, EU:T:2005:221, punt 196, u tat‑3 ta’ Marzu 2010, Freistaat Sachsen vs Il-Kummissjoni, T‑102/07 u T‑120/07, EU:T:2010:62, punt 106).

70      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq il-livell tal-fondi proprji tar-rikorrenti sabiex tiddetermina jekk il-kriterji ddefiniti fil-paragrafu 10(a) tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni kinux issodisfatti.

71      F’dan il-każ, il-Kummissjoni tikkonstata, fil-premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-dikjarazzjonijiet finanzjarji tar-rikorrenti juru fondi proprji negattivi minħabba telf akkumulat ogħla mit-totalità tal-kapital azzjonarju tagħha fl-għeluq tas-sena 2008/2009. Il-Kummissjoni tiddikjara wkoll, fl-istess premessa, li “aktar minn kwart [tal-kapital azzjonarju] kien intilef fis-sena fiskali li għalqet f’Ġunju 2009”. Din id-dikjarazzjoni hija sostnuta mid-data finanzjarja tar-rikorrenti riprodotta fil-premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-fondi proprji tar-rikorrenti kienu jirrappreżentaw ftit iktar minn nofs il-kapital azzjonarju tagħha f’Ġunju 2008 (rispettivament EUR 5.9 u EUR 9.2 miljun) u saru negattivi f’Ġunju 2009, kif għadu kif tfakkar, bil-konsegwenza li iktar minn nofs il-kapital azzjonarju, u għalhekk a fortiori iktar minn kwart tiegħu, “intilef” matul is-sena finanzjarja 2008/2009.

72      Għad irid jiġi evalwat jekk it-tliet argumenti invokati mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-parti u bbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-karatteristiċi speċifiċi tas-settur tal-futbol professjonali, it-tieni wieħed, fuq in-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-valur tas-suq tal-plejers tar-rikorrenti u, it-tielet wieħed, fuq is-solidità u l-kredibbiltà tal-pjan ta’ vijabbiltà tal-2009 humiex, totalment jew parzjalment, ta’ natura li jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li, abbażi tal-livell tal-fondi proprji tagħha, ir-rikorrenti kienet impriża li tinsab f’diffikultà fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 10 tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni.

73      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-karatteristiċi speċifiċi tas-settur tal-futbol professjonali, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 165(1) TFUE jipprovdi li l-“Unjoni għandha tikkontribwixxi għat-tmexxija l-quddiem tal-kwistjonijiet Ewropej ta’ l-Isports, waqt li tieħu in kunsiderazzjoni n-natura speċifika tiegħu, […] kif ukoll l-funzjoni soċjali u edukattiva tiegħu”.

74      F’dan ir-rigward, għalkemm ir-rekwiżiti stabbiliti mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 165(1) TFUE jippreżupponu, jekk ikun il-każ, li l-Kummissjoni tevalwa l-kompatibbiltà ta’ għajnuna fid-dawl tal-għan ta’ promozzjoni tal-isport, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha f’dan l-istadju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Magic Mountain Kletterhallen et vs Il-Kummissjoni, T‑162/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:341, punti 79 u 80), xorta jibqa’ l-fatt li, fl-istadju ta’ qabel il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna, l-Artikolu 107(1) TFUE ma jagħmilx distinzjoni bejn miżuri ta’ intervent mill-Istat b’referenza għall-kawżi tagħhom jew l-iskopijiet tagħhom, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il-Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 94).

75      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet, fir-rigward tan-neċessità, li tirriżulta mit-Trattat FUE, li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiziti intiżi għall-protezzjoni tal-ambjent, li din ma tiġġustifikax l-esklużjoni ta’ miżura mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, billi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ rekwiziti jista’, fi kwalunkwe każ, ikun utli fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tagħha skont l-Artikolu 107(3) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 92).

76      Barra minn hekk, in-natura ekonomika tal-prattika tal-futbol mill-klabbs professjonali, diġà rrikonoxxuta mill-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2005, Piau vs Il-Kummissjoni, T‑193/02, EU:T:2005:22, punt 69), ma hijiex ikkontestata.

77      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 165(1) TFUE, li tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tar-rikorrenti, bħala klabb tal-futbol professjonali, minbarra dawk li huma direttament rilevanti għall-eżami tal-kunċett oġġettiv ta’ impriża li tinsab f’diffikultà.

78      Madankollu, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li, permezz tal-approċċ tagħha, naqset li tieħu inkunsiderazzjoni sensiela ta’ fatturi ppreżentati bħala “mhux finanzjarji” u speċifiċi għall-mudell ta’ negozju tal-klabbs tal-futbol professjonali, bħalma huma l-isfidi ta’ prestazzjoni sportiva jew in-numru ta’ sostenituri u ta’ abbonati.

79      Għandu jiġi rrilevat li hawnhekk ir-rikorrenti sempliċement tinvoka parametri li għandhom effett dirett fuq l-effiċjenza ekonomika, u għalhekk fuq ir-riżultati finanzjarji ta’ klabb tal-futbol professjonali. Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha r-rikorrenti ssemmi t-tnaqqis sinjifikattiv tad-dħul tagħha kkawżat min-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tagħha fiċ-Champions League tal-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol (UEFA) matul l-istaġun 2008–2009. Minn dan isegwi li l-eżami tar-riżultati finanzjarji tar-rikorrenti mill-Kummissjoni neċessarjament jieħu inkunsiderazzjoni l-parametri msemmija iktar ’il fuq, sa fejn dawn tal-aħħar għandhom effett fuq is-solidità finanzjarja tar-rikorrenti.

80      Barra minn hekk, il-Kummissjoni speċifikament invokat wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi, bħall-prestazzjoni sportiva jew il-kapaċità ta’ xiri ta’ biljetti tas-sostenituri u tal-abbonati, fl-analiżi tagħha tal-pjan ta’ vijabbiltà tal‑2009 (premessa 110 tad-deċiżjoni kkontestata). L-argument tar-rikorrenti huwa għalhekk fattwalment żbaljat.

81      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq allegazzjonijiet ġenerali komuni għas-settur kollu, li ma humiex tali li jikkontestaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tar-rikorrenti.

82      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-valur kontabbli tal-klabbs tal-futbol professjonali ma jirriflettix neċessarjament il-prezz ta’ akkwist jew ta’ bejgħ mill-ġdid tagħhom. Għalhekk, investituri privati jkunu lesti li jħallsu ammonti sinjifikattivi sabiex jieħdu l-kontroll ta’ klabbs tal-futbol li l-valur kontabbli tagħhom huwa negattiv.

83      Madankollu, ir-rikorrenti tillimita ruħha li żżid ma’ din l-allegazzjoni żewġ eżempji ta’ klabbs tal-futbol Ingliżi, li għandhom valur kontabbli negattiv, mixtrija bejn l‑2007 u l‑2009. Fi kwalunkwe każ, minħabba l-ġeneralità tiegħu, tali argument ma jistax jikkonfuta l-konstatazzjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni wara l-eżami tas-sitwazzjoni individwali tar-rikorrenti (ara l-punti 64 u 65 iktar ’il fuq), peress li l-kunċett ta’ impriża li tinsab f’diffikultà jista’ jiġi evalwat biss fuq il-bażi ta’ indizji konkreti tas-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika tal-impriża inkwistjoni (sentenza tas‑6 ta’ April 2017, Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, T‑219/14, EU:T:2017:266, punt 184).

84      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument dwar in-nuqqas ta’ rikonoxximent, mill-Kummissjoni, tal-valur tas-suq tal-plejers tar-rikorrenti fl-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni, fil-verżjoni tagħhom applikabbli f’dan il-każ, jipprovdu li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra “bħala prinċipju” li impriża tkun tinsab f’diffikultà fil-każ taċ-ċirkustanzi msemmija fil-paragrafu 10(a). B’dan il-mod, il-Kummissjoni stabbilixxiet linja gwida li, fil-formulazzjoni tagħha stess, tagħti l-possibbiltà li titbiegħed minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ April 2017, Saremar vs Il-Kummissjoni, T‑220/14, EU:T:2017:267, punt 174 (mhux ippubblikata)).

85      Barra minn hekk, kif tfakkar fil-paragrafu 9 tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni, il-kunċett ta’ impriża li tinsab f’diffikultà jestendi għal impriża li ma hijiex kapaċi, permezz tar-riżorsi finanzjarji proprji jew permezz tal-fondi li l-proprjetarji, l-azzjonisti jew il-kredituri tagħha jistgħu jagħtuha, twaqqaf it-telf li, fl-assenza ta’ intervent estern mill-awtoritajiet pubbliċi, iwassalha għal falliment ekonomiku kważi ċert fi żmien qasir jew medju. Għalkemm il-Kummissjoni għandha d-dritt li tipprovdi ċerti indizji partikolarment importanti ta’ diffikultajiet finanzjarji fil-paragrafi 10 u 11 tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni, li juru b’mod konkret il-kunċett ta’ impriża li tinsab f’diffikultà, hija ma tistax madankollu tirrinunzja għas-setgħa diskrezzjonali tagħha meta twettaq evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, bħalma huwa l-każ f’dan il-każ fir-rigward tal-eżami tas-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti (ara l-punt 60 iktar ’il fuq).

86      Dan premess, għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni la injorat il-valur tas-suq, u lanqas il-valur kontabbli tal-plejers tar-rikorrenti, sa fejn hija ħadithom inkunsiderazzjoni sabiex tikkonkludi li l-klassifikazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala inqas mill-kategorija CCC fid-data tal-għoti tal-miżuri inkwistjoni (premessi 80 u 81 tad-deċiżjoni kkontestata).

87      Madankollu, il-Kummissjoni tikkunsidra, fil-premessa 82 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-valur kontabilistiku relattivament għoli tal-plejers tal-futbol ta’ Valencia (assi) ma jistax ifisser li l-klabb ma kienx f’diffikultà finanzjarja”. Hija tindika, f’dan ir-rigward, li “il-valur tal-bejgħ bl-għaġla [tal-plejers tal-Valencia CF] ikun relattivament baxx minħabba li [l-akkwirenti] jużaw il-fatt magħruf tad-diffikultajiet tal-bejjiegħ (Valencia CF) sabiex jippruvaw jiksbu prezzijiet baxxi”. Barra minn hekk, hija tirrileva li l-valur tas-suq ta’ dawn il-plejers kien suġġett għal riskji kbar, b’mod partikolari f’każ ta’ korriment.

88      Minn dan isegwi li, għalkemm, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma rrifjutatx li tieħu inkunsiderazzjoni l-valur tas-suq tal-plejers tagħha sabiex tikkonkludi, fil-premessi 80 u 81 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-evalwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti ma setgħetx tkun inqas mill-kategorija CCC, hija min-naħa l-oħra kkunsidrat fil-premessa 82, fuq il-bażi tar-riskji ta’ deprezzament fil-każ ta’ bejgħ forzat kif ukoll tar-riskji li jirrendu l-valur tal-plejers iktar volatili, li l-eżistenza ta’ dawn l-attivi ma kinitx tikkontesta l-konklużjoni tagħha li r-rikorrenti kienet impriża li tinsab f’diffikultà. Il-Kummissjoni ppreċiżat waqt is-seduta li sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti kinitx f’diffikultà hija bbażat ruħha biss fuq il-valur kontabbli tal-plejers tagħha u kienet ikkunsidrat, għar-raġunijiet li għadhom kif tfakkru, li l-valur tas-suq kien irrilevanti.

89      Konsegwentement, għandu jiġi ddeterminat jekk dawn l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni dwar il-portata u l-affidabbiltà tal-valur tal-plejers tar-rikorrenti fil-valur tas-suq tagħhom humiex ivvizzjati bi żbalji manifesti.

90      L-ewwel nett, fir-rigward tar-riskji ta’ deprezzament tal-valur tal-plejers fil-każ ta’ bejgħ forzat, qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li, indipendentement mill-klassifikazzjoni bħala impriża f’diffikultà inkwistjoni f’dan il-każ, huwa paċifiku li r-rikorrenti kienet taf minn tal-inqas dwar ħtieġa ta’ likwidità fl-għeluq tas-sena 2008/2009. Issa, huwa plawżibbli li tali ċirkustanzi, b’mod partikolari jekk ikunu magħrufa minn akkwirent potenzjali, jintużaw minn dan tal-aħħar sabiex jinnegozja prezz ta’ bejgħ mill-ġdid tal-plejers inferjuri għall-valur stmat tagħhom tas-suq.

91      Il-konstatazzjoni preċedenti ma hijiex ikkontestata mill-invokazzjoni, mir-rikorrenti, ta’ diversi eżempji ta’ trasferimenti ta’ plejers li seħħew bi prezz viċin il-valur stmat tagħhom tas-suq. Minn naħa, il-biċċa l-kbira tal-eżempji ċċitati jikkonċernaw kemm il-perijodu ta’ wara d-deċiżjoni li tingħata l-miżura 1, kemm perijodu preċedenti għall-perijodu kkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll sena li matulha r-riżultati finanzjarji tar-rikorrenti kienu tjiebu. Għaldaqstant, dawn l-eżempji ma humiex ta’ natura li jinvalidaw il-konstatazzjoni li, fil-każ ta’ diffikultajiet finanzjarji li seħħew u li kienu magħrufa, bħal dawk ikkonstatati fi tmiem is-sena finanzjarja 2008/2009, il-klabbs li magħhom ir-rikorrenti tinnegozja trasferiment jibbenefikaw minn din l-informazzjoni sabiex jiksbu prezz inqas mill-valur tas-suq tal-plejer ikkonċernat. Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa minnu li r-rikorrenti tirreferi, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, għal każ ta’ trasferiment li seħħ ftit qabel l-għoti tal-miżura 1 bi prezz ogħla mill-valur tas-suq stmat tal-plejer, għandu jiġi osservat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li dan huwa eżempju iżolat u, barra minn hekk u viċi versa, seħħ trasferiment magħmul fl-istess mument għal prezz inferjuri għall-valur stmat tas-suq.

92      It-tieni nett, fir-rigward tal-volatilità tal-valur tas-suq tal-plejers, fid-dawl tar-riskji li jistgħu jaffettwawhom, għandu jiġi osservat ukoll li din l-affermazzjoni ma hijiex nieqsa minn probabbiltà. L-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma humiex tali li jikkontestaw din il-konstatazzjoni. Minn naħa, il-fatt, invokat mir-rikorrenti, li hija assigurata kontra r-riskju ta’ mewt jew ta’ invalidità totali permanenti tal-plejers tagħha ma huwiex ta’ natura li din tingħata immunità kontra r-riskju ta’ telf fil-valur tal-plejers assoċjat ma’ korriment li jnaqqas, biss b’mod tranżitorju, ir-rendiment tal-plejer ikkonċernat. Min-naħa l-oħra, għandha tiġi rrelativizzata l-portata tal-argument tar-rikorrenti li l-volatilità tal-valur tas-suq ta’ plejer hija attenwata peress li għandu jsir raġunament fil-livell ta’ tim. Fil-fatt, kif issostni l-Kummissjoni, il-prestazzjoni ta’ plejer, u għaldaqstant il-valur tiegħu, hija, għall-inqas parzjalment, dipendenti fuq l-istat u l-prestazzjoni tal-bqija tat-tim tiegħu.

93      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fil-preżenza ta’ evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, il-Kummissjoni tista’ tagħżel li tipprivileġġa, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ impriża, il-valutazzjoni tal-attivi tagħha li tirriżulta mid-dikjarazzjonijiet kontabbli tagħha, minħabba li din tal-aħħar hija iktar prudenti milli tkun valutazzjoni bbażata fuq stima tal-prezz tas-suq.

94      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-portata u l-affidabbiltà tal-valutazzjoni tal-plejers tar-rikorrenti għall-valur tas-suq tagħhom huma eżenti minn żbalji manifesti.

95      Fit-tielet u fl-aħħar lok, fir-rigward tal-invokazzjoni tas-solidità u tal-kredibbiltà tal-pjan ta’ vijabbiltà tal‑2009, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument, li huwa żviluppat fil-kuntest tal-ewwel parti bbażata fuq allegat żball fil-klassifikazzjoni tar-rikorrenti bħala impriża f’diffikultà, isostni wkoll it-tieni motiv, invokat sussidjarjament u dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni.

96      F’dan ir-rigward, għalkemm, kif jirriżulta mill-paragrafu 34 tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni, l-għajnuna lil impriżi f’diffikultà għandha tkun marbuta ma’ pjan ta’ ristrutturazzjoni sabiex din tiġi ddikjarata li hija kompatibbli mas-subparagrafu (ċ) tal-Artikolu 107(3) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑17/99, EU:C:2001:178, punt 45), għandu jiġi kkonstatat li l-eżistenza u l-kontenut ta’ tali pjan jikkostitwixxu wkoll f’dan il-każ elementi rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE, jirriżultax vantaġġ mill-garanzija kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2000, EPAC vs Il-Kummissjoni, T‑204/97 u T‑270/97, EU:T:2000:148, punti 72 sa 74). Fil-fatt, il-possibbiltajiet ta’ stabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti li jirriżultaw, skont il-każ, mill-pjan ta’ vijabbiltà tal‑2009 għandhom tal-inqas effett indirett fuq ir-riskju ta’ attivazzjoni tal-imsemmija garanzija, sa fejn ir-rimbors tas-self sottostanti mill-Fundación Valencia kellu jsir permezz tal-bejgħ mill-ġdid tal-azzjonijiet tar-rikorrenti (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), li l-valur tagħhom huwa neċessarjament affettwat mis-sitwazzjoni finanzjarja ta’ din tal-aħħar.

97      F’dan il-każ, il-Kummissjoni, fil-premessi 58 u 59 tad-deċiżjoni kkontestata, tirrileva li l-pjan ta’ vijabbiltà, minn naħa, ma kien jinkludi ebda analiżi ta’ sensittività u, min-naħa l-oħra, kien ibbażat fuq possibbiltajiet mhux xierqa sabiex jippermettu ritorn għall-vijabbiltà fit-tul.

98      Fir-rigward tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-pjan ta’ vijabbiltà ma kienx jinkludi analiżi tas-sensittività, iżda ssostni li l-projezzjonijiet tal-pjan kienu minkejja kollox adegwati, peress li kienu bbażati fuq żviluppi plawżibbli tad-dħul u tal-ispejjeż tagħha.

99      B’dan il-mod, il-kritika fformulata mir-rikorrenti ma tistax tikkontesta l-motiv ibbażat, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq l-assenza ta’ analiżi tas-sensittività, li l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra bħala prova ta’ nuqqas ta’ solidità tal-previżjonijiet stabbiliti fil-pjan ta’ vijabbiltà. Ir-rikorrenti ma ssostnix f’dan ir-rigward li s-suq li fih hija topera huwa tant nieqes minn perikli u riskji li ma huwiex neċessarju l-istabbiliment ta’ diversi xenarji ta’ evoluzzjoni tal-ispejjeż u tad-dħul li jirriflettu s-suppożizzjonijiet l-iktar ottimisti, pessimisti u intermedji (ara, f’dan ir-rigward, il-paragrafu 36 tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni).

100    Barra minn hekk, mir-risposti tar-rikorrenti għad-domandi bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jirriżulta li l-previżjonijiet tal-pjan ta’ vijabbiltà li hija tippreżenta bħala “konservattivi” huma fir-realtà bbażati, għal ċertu numru ta’ parametri, b’mod partikolari fir-rigward tad-dħul, fuq projezzjonijiet li bl-ebda mod ma jieħdu inkunsiderazzjoni l-okkorrenza potenzjali ta’ avvenimenti negattivi.

101    Fir-rigward tat-tieni motiv imfakkar fil-punt 97 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti tikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni billi tenfasizza l-previżjoni ta’ ritorn għall-profitt fuq perijodu ta’ ħames snin kif ukoll il-fatt li l-profittabbiltà tal-klabb taqbel mal-medji osservati fis-settur.

102    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat qabel kollox li l-perijodu ta’ żmien magħżul mill-pjan ta’ vijabbiltà tal‑2009 sabiex jerġgħu jiġu ġġenerati profitti, jiġifieri ħames snin, ma jidhirx li huwa irraġonevoli, u dan fl-assenza ta’ elementi f’sens kuntrarju miġjuba mill-Kummissjoni.

103    Sussegwentement, għandu jiġi osservat li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat, essenzjalment, fuq il-fatt li fi tmiem l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ vijabbiltà r-riżultati finanzjarji tagħha jkunu konformi mal-profittabbiltà medja kkonstatata fis-settur, u dan minkejja l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-profittabbiltà tar-rikorrenti tibqa’ baxxa ħafna, fid-dawl tal-marġni ta’ operat u tal-profitt qabel it-taxxa mistennija wara l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ vijabbiltà.

104    Issa, kif issostni essenzjalment il-Kummissjoni, ir-riferiment għal profittabbiltà medja tas-settur ma huwiex xieraq, sa fejn l-Istati Membri jistgħu għalhekk jiġġustifikaw kull investiment f’setturi li sejrin lura, f’sitwazzjoni ta’ defiċit jew ikkaratterizzati minn profittabbiltà baxxa, sakemm il-possibbiltajiet ta’ profitt tagħhom ikunu jinsabu fil-medja tas-settur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2014, Spanja et vs Il-Kummissjoni, T‑319/12 u T‑321/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:604, punt 44). F’dan il-każ, l-elementi mressqa mir-rikorrenti, anki jekk jiġi preżunt li dawn huma intiżi sabiex jistabbilixxu li l-prestazzjoni mistennija fil-pjan ta’ vijabbiltà tal‑2009 tinsab fil-medja tas-settur, ma jikkontestawx il-konstatazzjoni li l-profittabbiltà mistennija tibqa’, fi kwalunkwe każ, baxxa ħafna.

105    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonstatat li l-pjan ta’ vijabbiltà tal‑2009 ma kienx suffiċjentement solidu u kredibbli sabiex juri l-kapaċità tar-rikorrenti li terġa’ tistabbilixxi s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha.

106    Għaldaqstant, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żball manifest tal-Kummissjoni sa fejn hija kkunsidrat li l-miżura 1 kienet tkopri iktar minn 80 % tas-self sottostanti

107    Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, tikkontesta l-fatt li l-miżura 1 tkopri 100 % tal-ammont tas-self ta’ EUR 75 miljun mogħti minn Bankia. Ir-rikorrenti tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq il-valur tas-sehem miżmum mill-Fundación Valencia fil-kapital tagħha u mogħti bi pleġġ lill-IVF, li jwassal, indipendetement mill-metodu ta’ evalwazzjoni użat, għat-tnaqqis tal-espożizzjoni tal-IVF għal inqas minn 80 % tal-ammont tas-self.

108    Ir-Renju ta’ Spanja jżid li, anki jekk jiġi preżunt li l-garanzija tkopri 100 % tas-self inkwistjoni, dan il-livell ta’ kopertura kien iġġustifikat mill-kundizzjonijiet tal-miżura 1 fl-intier tagħha, fid-dawl tal-valur tal-klabb, tad-drittijiet u tal-mezzi ta’ kontroll sinjifikattivi tar-rikorrenti mogħtija b’dan il-mod lill-IVF, tal-previżjonijiet ta’ kontibuzzjonijiet u ta’ dħul kif ukoll tal-valur għoli tal-azzjonijiet mogħtija bi pleġġ lill-IVF.

109    F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessa 86(b) tad-deċiżjoni kkontestata, li l-garanzija kontenzjuża kienet tkopri iktar minn 100 % tas-self sottostanti, jiġifieri l-kapital kollu u l-interessi kif ukoll l-ispejjeż relatati mat-tranżazzjoni ggarantita.

110    Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-argument żviluppat mir-rikorrenti insostenn ta’ din il-parti huwa bbażat fuq konfużjoni bejn, minn naħa, il-kwistjoni tal-portata tal-kopertura mill-garanzija inkwistjoni tal-obbligu ta’ rimbors mill-Fundación Valencia tas-self ta’ EUR 75 miljun mogħti minn Bankia u, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni, distinta, tar-riskju finanzjarju li għalih jesponi ruħu l-IVF fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni mill-Fundación Valencia tal-obbligu tagħha ta’ rimbors. Fl-ewwel każ, għandu jiġi evalwat kif l-IVF huwa marbut legalment. Fit-tieni każ, għandu jiġi evalwat għal liema riskju finanzjarju huwa espost l-IVF.

111    Issa, kif tfakkar ġustament il-Kummissjoni mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt mir-rikorrenti, l-IVF ikun obbligat iħallas id-dejn kollu dovut jekk Bankia tiddeċiedi li teżerċita l-garanzija kontra tiegħu. Minn dan isegwi li l-garanzija mogħtija mill-IVF taħt il-miżura 1 kienet tkopri 100 % tas-self inkwistjoni.

112    Barra minn hekk, l-aċċettazzjoni tal-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti fir-rigward tal-portata tal-kopertura ta’ garanzija, li tikkonsisti essenzjalment fl-inklużjoni tal-valur tal-kontrogaranziji li jistgħu jiġu attivati mill-garanti pubbliku, tmur kontra l-għan imfittex mit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan il-parametru, kif jirriżulta mis-subparagrafu (c) tal-punt 3.2 tal-Avviż dwar il-Garanziji. Fil-fatt, dan ifisser li l-persuna li ssellef għandha titħeġġeġ tevalwa, tassigura u timminimizza r-riskju marbut mat-tranżazzjoni ta’ self, u b’mod partikolari tevalwa b’mod korrett il-grad ta’ solvenza tal-persuna li tissellef. Issa, il-fatt li l-entità pubblika garanti tkun tibbenefika minn ċerti kontrogaranziji ma huwiex ta’ natura li jħeġġeġ lil persuna li ssellef sabiex tkun iktar diliġenti fl-evalwazzjoni tar-riskju tagħha stess.

113    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tar-Renju ta’ Spanja li kopertura li teċċedi 80 % tal-ammont tat-tranżazzjoni sottostanti kienet, f’dan il-każ, iġġustifikata mill-kundizzjonijiet għall-għoti tal-garanzija kkonċernata.

114    Fil-fatt, mill-eżami tal-ewwel parti tal-motiv jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, tikklassifika lir-rikorrenti bħala impriża f’diffikultà u tikkunsidra l-pjan ta’ vijabbiltà bħala insuffiċjentement solidu u kredibbli. Minn dan isegwi li la l-valur tal-impriża tar-rikorrenti fid-data tal-għoti tal-miżura 1, la l-previżjonijiet ta’ kontribuzzjonijiet u ta’ dħul li jinsabu fil-pjan ta’ vijabbiltà, u lanqas a fortiori d-drittijiet mogħtija lill-IVF sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-imsemmi pjan ma setgħu jiġġustifikaw kopertura tas-self kollu inkwistjoni. Fir-rigward tal-kwistjoni tal-valur tal-azzjonijiet mogħtija bi pleġġ favur l-IVF, fid-dawl ta’ dak li tfakkar fil-punt 112 iktar ’il fuq, il-fatt li l-entità pubblika garanti għandha kontrogaranzija ta’ ċertu valur ma jistax, fih innifsu, jiġġustifika li t-tranżazzjoni sottostanti tkun koperta fl-intier tagħha.

115    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, din il-parti għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq żball manifest tal-Kummissjoni sa fejn hija kkunsidrat li l-miżura 1 ma kinitx ingħatat bi prezz tas-suq

116    Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, tqis li l-Kummissjoni kellha tirreferi għar-rati tas-self u tal-krediti paragunabbli li hija kienet kisbet matul il-perijodu 2008–2009, peress li l-użu tal-“metodoloġija klassika” tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni f’dan il-każ ma kienx xieraq. Issa, ir-rata medja li biha r-rikorrenti kienet tiffinanzja ruħha fuq dan il-perijodu kienet tikkorrispondi għas-somma tar-rata minima prevista mill-kuntratt ta’ self konkluż ma’ Bankia u għar-rata tal-primjum tal-garanzija mħallsa lill-IVF. Ir-rikorrenti tirrileva f’dan ir-rigward li l-Euribor u b’mod iktar ġenerali r-rati proposti fis-suq kellhom tendenza ta’ tnaqqis fil-mument tal-għoti tal-miżura 1 f’Novembru 2009, fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni. Fir-replika, ir-rikorrenti tippreċiża li self paragunabbli abbażi tal-ammont tiegħu għas-self mogħti minn Bankia kien ingħata b’rata ekwivalenti.

117    Ir-Renju ta’ Spanja jżid li l-fatt li l-miżura 1 daħlet fis-seħħ biss diversi ġimgħat wara t-trasferiment tal-fondi mislufa lill-Fundación Valencia kif ukoll is-sospensjoni repetuta tal-effetti tagħha wara deċiżjonijiet ġudizzjarji juru li s-self mogħti minn Bankia seta’ jingħata indipendentement mill-eżistenza tal-garanzija pubblika. Il-primjum ta’ garanzija mħallas lill-IVF jirrifletti fir-realtà l-valur tal-kontrogaranziji li huwa bbenefika minnhom.

118    Il-Kummissjoni ssostni li, minħabba l-assenza ta’ tranżazzjonijiet simili osservati fis-suq, hija użat, konformement mal-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza, ir-rata ta’ referenza applikabbli għal impriża fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti, jiġifieri li l-evalwazzjoni finanzjarja tagħha taqa’ taħt il-kategorija CCC. Il-Kummissjoni tikkontesta f’dan ir-rigward ir-rilevanza tat-tqabbil imwettaq mir-rikorrenti ma’ tranżazzjonijiet oħra ta’ kreditu li hija kienet parti fihom fil-perijodu 2008–2009, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ dawn it-tranżazzjonijiet, u b’mod partikolari tal-ammont tagħhom iktar baxx mis-self iggarantit mill-miżura 1. Barra minn hekk, hija tirrileva li ma kienx sar riferiment għal dan is-self matul il-fażi amministrattiva.  Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tendenza ta’ tnaqqis tal-Euribor, il-Kummissjoni tinnota li ma kienx possibbli li tiġi prevista l-evoluzzjoni tagħha fid-data tal-għoti tal-miżura 1.

119    Il-Kummissjoni żżid, fil-kontroreplika, li d-deċiżjoni meħuda mir-rikorrenti li tissospendi l-kostruzzjoni ta’ stadium ġdid, fi Frar 2009, kienet tikkostitwixxi bidla u li kien hemm iktar possibbiltajiet li r-rikorrenti tikseb self qabel din id-data, peress li barra minn hekk jiġi nnotat li fis-sena finanzjarja 2007–2008 għamlet profitt. Fir-rigward b’mod speċifiku tal-eżempju, invokat mir-rikorrenti, tas-self ta’ ammont qrib dak mogħti minn Bankia, il-Kummissjoni ssostni li, minflok ma jikkontesta l-analiżi tagħha, dan itendi, għall-kuntrarju, li jissostanzjah, sa fejn, minn naħa, il-valur tal-garanziji offruti lill-persuna li ssellef kien ogħla, skont il-Kummissjoni, mill-valur tal-azzjonijiet mogħtija bi pleġġ fil-kuntest tas-self mogħti minn Bankia u sa fejn, min-naħa l-oħra, ir-rata applikata kienet ukoll ogħla minnu. Barra minn hekk, dan l-eżempju juri, skont il-Kummissjoni, id-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom ir-rikorrenti sabiex tiġbor fondi suffiċjenti, u dan anki bil-pleġġ tal-attivi tagħha li għandhom iktar valur.

120    B’risposta għall-argument żviluppat mir-Renju ta’ Spanja fin-nota ta’ intervent tiegħu, il-Kummissjoni ssostni li d-data ta’ dħul fis-seħħ tal-miżura 1 hija irrilevanti, peress li rriżulta li l-IVF impenja ruħu li jagħti l-garanzija kontenzjuża qabel ma Bankia tagħti s-self lill-Fundación Valencia.

121    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li persuna li tissellef li tidħol f’self iggarantit mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru normalment tikseb vantaġġ, sa fejn l-ispiża finanzjarja li hija ssostni hija inqas minn dik li hija kienet issostni kieku kellha tikseb dan l-istess finanzjament u din l-istess garanzija bil-prezzijiet tas-suq (sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV, C‑275/10, EU:C:2011:814, punt 39, u tat‑3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 96).

122    Kif tfakkar fis-subparagrafu (d) tal-punt 3.2 tal-Avviż dwar il-Garanziji, sabiex jiġi ddeterminat il-prezz tas-suq korrispondenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-garanzija u tas-self sottostanti, li jinkludu b’mod partikolari l-ammont u t-tul tat-tranżazzjoni, il-garanzija mogħtija mill-persuna li tissellef u l-elementi l-oħra li jaffettwaw l-evalwazzjoni tar-rata ta’ rkupru u l-probabbiltà ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tal-persuna li tissellef minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, is-settur ta’ attività tagħha u l-prospetti tagħha.

123    Meta l-prezz imħallas għall-garanzija jkun tal-inqas għoli daqs il-primjum ta’ garanzija ta’ referenza korrispondenti eżistenti fis-swieq finanzjarji, il-garanzija ma tkunx tinkludi għajnuna (ara t-tieni paragrafu tas-subparagrafu (d) tal-punt 3.2 tal-Avviż dwar il-Garanziji). Jekk ma jkunx hemm primjum ta’ garanzija ta’ referenza korrispondenti fis-swieq finanzjarji, l-ispiża finanzjarja totali tas-self iggarantit, inkluż ir-rata ta’ interessi u l-primjum imħallas, għandha tiġi mqabbla mal-prezz tas-suq ta’ self simili li ma huwiex iggarantit (ara t-tielet subparagrafu tal-paragrafu (d) tal-punt 3.2 tal-Avviż dwar il-Garanziji). Fl-aħħar nett, fl-assenza ta’ prezz tas-suq ta’ self simili li ma jkunx iggarantit, għandha tintuża r-rata ta’ referenza, stabbilita skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza (ara t-tieni subparagrafu tal-punt 4.2 tal-Avviż dwar il-Garanziji).

124    F’dan il-każ, il-Kummissjoni teskludi, fis-subparagrafu (c) tal-premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-primjum ta’ garanzija mħallas lill-IVF jieħu inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet finanzjarji tar-rikorrenti u r-riskju assoċjat ta’ nuqqas ta’ ħlas tas-self iggarantit, wara li rrilevat, fil-premessa 85, li “mutwatarju jkun ditta f’diffikultà finanzjarja, mingħajr garanzija tal-Istat ma jirnexxilux isib istituzzjoni finanzjarja li tkun lesta li ssellfu, ikunu xi jkunu l-kundizzjonijiet”.

125    Il-Kummissjoni ma tindika mkien f’dawn il-premessi, u lanqas ma tindika fl-argumenti relatati mal-karatterizzazzjoni ta’ vantaġġ (punt 7.1.2 tad-deċiżjoni kkontestata) liema huwa l-prezz tas-suq li fir-rigward tiegħu hija tevalwa l-primjum inkwistjoni. Il-Kummissjoni lanqas ma teżamina f’dan l-istadju l-pleġġ mogħti lill-IVF bħala kontrogaranzija (ara l-punt 4 iktar ’il fuq). B’mod ġenerali, il-Kummissjoni sempliċement tipproċedi għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti sabiex tikkonkludi, fid-dawl tal-ammont tal-primjum ta’ garanzija mħallas lill-IVF, li din ma hijiex konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq. Mistoqsija mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni kkonfermat li kkunsidrat li, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti, li kienet impriża f’diffikultà, ma kienx hemm prezz tas-suq li seta’ jservi bħala riferiment għall-primjum ta’ garanzija mħallas lill-IVF.

126    Sabiex tistabbilixxi jekk il-primjum imħallas lill-IVF kienx jinkludi vantaġġ, il-Kummissjoni, minn naħa, naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi rilevanti kollha tal-garanzija u tas-self sottostanti, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ garanziji mogħtija mill-persuna li tissellef u, min-naħa l-oħra, naqset milli tfittex prezz tas-suq li fir-rigward tiegħu tqabbel il-primjum inkwistjoni billi kkunsidrat li, għal impriża f’diffikultà, tali prezz ma kienx jeżisti.

127    Fuq dan l-aħħar punt, għandu jiġi rrilevat li tali dikjarazzjoni li ma jeżistix prezz tas-suq li jista’ jservi bħala riferiment meta t-tranżazzjoni ggarantita tkun favur impriża f’diffikultà hija kontradetta mis-subparagrafu (a) tal-punt 4.1 tal-Avviż dwar il-Garanziji, dwar il-kalkolu tal-element ta’ għajnuna ta’ garanzija mogħtija lil impriża f’diffikultà. Il-Kummissjoni fil-fatt tagħmel distinzjoni bejn is-sitwazzjoni tal-impriżi f’diffikultà abbażi tar-riskju tagħhom ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li ma hijiex uniformi. Il-komunikazzjoni għalhekk tagħmel distinzjoni bejn il-każ fejn ikun jeżisti garanti fis-suq u dak fejn huwa probabbli li ma jeżistix. Għalhekk huwa aċċettat li jista’ jkun hemm prezz tas-suq anki meta l-garanzija tingħata lil impriża f’diffikultà.

128    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-Kummissjoni tindika, fil-premessa 80 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti “ma [kinitx] f’sitwazzjoni estremament diffiċli, fis-sens tal-punt 2.2 u tal-punt 4.1 l-ittra (a) tal-Avviż [dwar il-]Garanzija”, wara li kkonstatat, fil-premessi 74 u 77, li hija kienet impriża f’diffikultà fis-sens tal-paragrafu 10(a) u tal-paragrafu 11 tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni. B’dan il-mod, il-Kummissjoni adottat ukoll l-interpretazzjoni magħmula fil-punt 127 iktar ’il fuq tas-subparagrafu (a) tal-punt 4.1 tal-Avviż dwar il-Garanziji bħala li huwa intiż sabiex jagħmel distinzjoni, fost l-impriżi f’diffikultà fis-sens tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni, bejn żewġ subkategoriji ta’ impriżi skont ir-riskju ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tagħhom. Dan huwa iktar evidenti fil-verżjoni Spanjola tad-deċiżjoni kkontestata, l-unika verżjoni awtentika, li ssemmi fil-premessa 80 l-assenza ta’ “sitwazzjoni estremament diffiċli” (situación de crisis grave), peress li l-aġġettiv “estremament” jikklassifika t-terminu “kriżi” u jiddistingwi b’mod iktar ċar is-sitwazzjoni prevista fil-premessa 80 minn dik prevista fil-premessi 74 u 77 tad-deċiżjoni kkontestata, billi tidentifika kategorija ta’ impriżi f’diffikultà fis-sens tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni li ma jinsabux f’sitwazzjoni estremament diffiċli fis-sens tal-paragrafu (a) tal-punt 4.1 tal-Avviż dwar il-Garanziji.

129    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, mill-punt 3.3 tal-Avviż dwar il-Garanziji ma jirriżultax li ma jeżistix prezz tas-suq għall-garanziji mogħtija lil impriża f’diffikultà. Fil-fatt, l-imsemmi punt jikkonċerna s-sistema ta’ evalwazzjoni semplifikata li tapplika, b’eċċezzjoni, għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju u sempliċement jindika li din ma tapplikax għall-impriżi li l-evalwazzjoni tagħhom hija CCC/Caa jew agħar.

130    Minkejja l-ommissjonijiet ikkonstatati fil-punt 126 iktar ’il fuq, fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-istabbiliment tal-eżistenza ta’ għajnuna, huwa minnu li l-Kummissjoni tipproċedi, fil-premessa 93, fil-kuntest tal-kwantifikazzjoni tal-għajnuna kontenzjuża, għal analiżi iktar iddettaljata. Għalkemm il-Kummissjoni ma tfittixx l-eżistenza ta’ primjum ta’ garanzija ta’ referenza korrispondenti offrut fis-swieq finanzjarji, hija teskludi l-eżistenza ta’ prezz tas-suq ta’ self simili mhux iggarantit (ara l-punt 123 iktar ’il fuq), “minħabba l-għadd limitat ta’ osservazzjonijiet ta’ tranżazzjonijiet simili fis-suq”, li “mhuwiex se jipprovdi tqabbil sinifikanti”. Hija tuża għaldaqstant, skont il-punt 4.2 tal-Avviż dwar il-Garanziji, ir-rata ta’ referenza applikabbli skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza (ara l-punt 123 iktar ’il fuq), billi tqabbilha mal-ispiża finanzjarja totali tas-self iggarantit, li tinkludi r-rata ta’ interessi u l-primjum ta’ garanzija. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-pleġġ tal-azzjonijiet tar-rikorrenti u tikkonkludi li l-valur tiegħu huwa viċin iż-żero u, għaldaqstant, mingħajr effett fuq ir-rata ta’ referenza li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni f’dan il-każ.

131    Fir-rigward b’mod partikolari tal-konstatazzjoni li ma kienx hemm biżżejjed tranżazzjonijiet simili li jippermettu paragun sinjifikattiv, il-Qorti Ġenerali staqsiet lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, sabiex tkun taf in-natura u l-portata tal-investigazzjonijiet imwettqa minnha sabiex tasal għal din il-konklużjoni. Bħala risposta, il-Kummissjoni qabelxejn indikat, fir-rigward ta’ eventwali primjum ta’ garanzija ta’ referenza, li l-istabbilimenti finanzjarji ma kinux isostnu tranżazzjonijiet daqshekk riskjużi bħal dawk li jikkonsistu fid-dħul bħala garanti għal impriżi li l-evalwazzjoni tagħhom hija ta’ CCC u li xejn fil-fajl amministrattiv ma kien jindika l-kuntrarju. Sussegwentement, fir-rigward ta’ eventwali prezz tas-suq ta’ self simili mhux iggarantit, il-Kummissjoni sostniet li l-ebda informazzjoni dwar rati ta’ interessi fuq self mogħti f’sitwazzjonijiet simili ma kienet tirriżulta mill-investigazzjoni amministrattiva. Mistoqsija mill-ġdid fuq dan il-punt waqt is-seduta, il-Kummissjoni għamlet riferiment għall-kontenut tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li permezz tagħha hija esprimiet id-dubji tagħha dwar l-eżistenza ta’ prezz tas-suq għal tranżazzjoni ta’ dan it-tip.

132    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni ma fittxitx jekk kienx hemm “primjum ta’ garanzija ta’ referenza korrispondenti offrut fis-swieq finanzjarji” billi ppreżumiet li ebda stabbiliment finanzjarju ma kien ser jidħol garanti għal impriża f’diffikultà u, it-tieni nett, li l-Kummissjoni kkunsidrat li kienet issodisfat l-obbligi investigattivi tagħha dwar l-eżistenza ta’ prezz tas-suq ta’ self simili mhux iggarantit billi esprimiet id-dubji tagħha f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

133    Issa, kif tfakkar fil-punt 123 iktar ’il fuq, is-subparagrafu (d) tal-punt 3.2 u l-punt 4.2 tal-Avviż dwar il-Garanziji jipprovdu t-tfittxija minn qabel ta’ eventwali prezz tas-suq, kemm fil-livell tal-garanzija, kif ukoll fil-livell tas-self sottostanti, li fir-rigward tiegħu jiġu pparagunati t-termini tat-tranżazzjoni kontenzjuża. Kif ġie rrilevat fil-punt 127 iktar ’il fuq, l-imsemmi avviż ma jipprevedix preżunzjoni ġenerali li, fil-preżenza ta’ impriża f’diffikultà, ma jistax ikun hemm prezz tas-suq.

134    Konsegwentement, il-Kummissjoni, peress li ppreżumiet li l-ebda stabbiliment finanzjarju ma kien ser jidħol garanti għal impriża f’diffikultà u, għaldaqstant, li ebda primjum ta’ garanzija ta’ referenza korrispondenti ma kien offrut fis-suq, kisret l-Avviż dwar il-Garanziji, li hija obbligata bih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2008, Il-Ġermanja et vs Kronofrance, C‑75/05 P u C‑80/05 P, EU:C:2008:482, punti 60 u 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għall-istess raġunijiet, hija naqset ukoll milli twettaq l-obbligu tagħha li tagħmel evalwazzjoni globali b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ kull element rilevanti f’dan il-każ li jippermetti li jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti manifestament ma setgħetx tikseb faċilitajiet komparabbli minn operatur privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 73).

135    Bl-istess mod, għandu jiġi kkunsidrat li huwa b’mod żbaljat li l-Kummissjoni eskludiet, fil-premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ prezz tas-suq għal self simili mhux iggarantit “minħabba l-għadd limitat ta’ osservazzjonijiet ta’ tranżazzjonijiet simili fis-suq”, sa fejn mir-risposti pprovduti mill-Kummissjoni matul din il-proċedura (ara l-punt 131 iktar ’il fuq) jirriżulta li din il-konstatazzjoni ma hijiex issostanzjata b’mod suffiċjenti fid-dritt.

136    F’dan ir-rigward, l-oneru tal-prova li ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur privat jaqa’ fuq il-Kummissjoni, li għandha titlob matul il-proċedura amministrattiva l-informazzjoni rilevanti kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 2013, Il-Kummissjoni vs Buczek Automotive, C‑405/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:186, punti 33 u 34, u tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 24). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka n-natura frammentarja tal-informazzjoni li ġiet trażmessa lilha matul il-proċedura amministrattiva sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha, sa fejn hija ma eżerċitatx is-setgħat kollha li hija kellha għall-ksib tal-informazzjoni neċessarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ April 1994, Il-Ġermanja u Pleuger Worthington vs Il-Kummissjoni, C‑324/90 u C‑342/90, EU:C:1994:129, punt 29). Dan japplika iktar u iktar meta d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata mhux fuq nuqqas ta’ produzzjoni ta’ provi li ġew mitluba mill-Kummissjoni lill-Istat Membru kkonċernat, iżda fuq il-konstatazzjoni li operatur privat ma kienx jaġixxi bl-istess mod bħall-awtoritajiet tal-imsemmi Stat Membru, konstatazzjoni li tippreżupponi li l-Kummissjoni kellha l-elementi kollha rilevanti neċessarji għat-tħejjija tad-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2013, Il-Kummissjoni vs Buczek Automotive, C‑405/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:186, punti 35).

137    Issa, il-Kummissjoni sempliċement esprimiet id-dubji tagħha, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali, fir-rigward tal-eżistenza ta’ tranżazzjonijiet simili mingħajr ma talbet, kif kellha s-setgħa, ladarba tinfetaħ il-proċedura formali, lill-Istat Membru kkonċernat jew lil sorsi oħra informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ self simili għas-self sottostanti għat-tranżazzjoni kontenzjuża. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tinvoka ebda element ieħor miksub matul il-proċedura amministrattiva li jsostni l-konstatazzjonijiet tagħha dwar l-insuffiċjenza ta’ tranżazzjonijiet paragunabbli.

138    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonstatat, minn naħa, li ebda primjum ta’ garanzija ta’ riferiment korrispondenti ma kien offrut fis-suq u, min-naħa l-oħra, li ma kienx jeżisti prezz tas-suq għal self simili mhux iggarantit. Konsegwentement it-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tintlaqa’.

–       Konklużjonijiet fuq l-ewwel motiv u fuq il-portata tal-annullament

139    Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li t-tielet parti ta’ dan il-motiv hija fondata u li għaldaqstant hemm lok li din tal-aħħar tintlaqa’.

140    Barra minn hekk, mill-punt 50 iktar ’il fuq jirriżulta li dan il-motiv huwa ammissibbli biss sa fejn jirrigwarda l-miżura 1. Konsegwentement, il-motiv li l-mertu tiegħu ġie eżaminat u sussegwentement ikkonstatat mill-Qorti Ġenerali jirrigwarda biss aspett speċifiku tal-att ikkontestat, f’dan il-każ il-miżura 1.

141    Konsegwentement, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motivi l-oħra mqajma insostenn tar-rikors huma eżaminati biss sa fejn jikkonċernaw il-miżura 4.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq żball fl-identifikazzjoni tal-benefiċjarju tal-allegata għajnuna

142    Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma kkonkludietx li Bankia kienet l-unika benefiċjarja effettiva tal-miżuri 1 u 4, u li lanqas ma analizzat dan il-punt fid-deċiżjoni kkontestata. Fir-replika, ir-rikorrenti tindika li Bankia tista’ tal-inqas tiġi kkunsidrata bħala kobenefiċjarja, indiretta, tal-għajnuna inkwistjoni.

143    Ir-rikorrenti tinsisti f’dan ir-rigward fuq l-interessi finanzjarji ta’ Bankia fit-twettiq tat-tranżazzjoni ta’ self sottostanti għall-miżuri inkwistjoni. Hija ssostni wkoll l-influwenza miksuba minn Bankia fuq il-Fundación Valencia, u indirettament fuqha, permezz ta’ din it-tranżazzjoni. L-għoti bi pleġġ favur tagħha tal-azzjonijiet tar-rikorrenti miżmuma mill-Fundación Valencia kien barra minn hekk jikkostitwixxi garanzija għaliha li jkollha dritt ta’ veto fuq kull proġett ta’ trasferiment sussegwenti tal-azzjonijiet tal-klabb. Dan jintwera mill-involviment ta’ Bankia fin-negozjati dwar ix-xiri tar-rikorrenti fl‑2014 minn Meriton (ara l-premessi 24 sa 28 tad-deċiżjoni kkontestata), b’mod partikolari sabiex tissalvagwardja l-interessi finanzjarji tagħha fid-dawl tal-fatt li hija kienet il-kreditur prinċipali tal-klabb.

144    Fl-istadju tar-replika, ir-rikorrenti tindika li, anki jekk jitqies li l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni tal-valur tal-pleġġ hija ġusta, il-miżuri 1 u 4 llimitaw ir-riskju tal-insolvenza tagħha u r-riskju li kien jirriżulta minnha għal Bankia, il-kreditur ewlieni tagħha.

145    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkontesta li l-bejgħ li hija kienet is-suġġett tiegħu fl‑2014 kellu l-effett li jittrasferixxi l-għajnuna inkluża fil-miżuri 1 u 4 lill-azzjonist maġġoritarju l-ġdid, Meriton. Ir-rikorrenti għalhekk issostni li, peress li x-xerrej akkwista l-impriża benefiċjarja tal-għajnuna bi prezz tas-suq, il-Fundación Valencia, bħala bejjiegħa, jew Bankia kellha titqies bħala l-benefiċjarju reali tal-għajnuna.

146    Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-argumenti tar-rikorrenti insostenn ta’ dan il-motiv huma eżaminati biss sa fejn dawn jikkonċernaw il-benefiċjarju tal-miżura 4 (ara l-punt 141 iktar ’il fuq).

147    Fil-kuntest tas-sitt motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni qabel kollox, essenzjalment, li l-benefiċjarju tal-miżura 4 huwa Bankia, kemm b’mod esklużiv, kif ukoll bħala kobenefiċjarju tal-miżura (l-ewwel parti). Ir-rikorrenti ssostni sussegwentement li, fid-dawl tal-bejgħ li hija kienet suġġetta għalih fl‑2014 bi prezz tas-suq, l-għajnuna ġiet ittrasferita lill-bejjiegħ, f’dan il-każ il-Fundación Valencia, jew lil Bankia, flimkien mal-fondazzjoni jew b’mod esklużiv, u mhux lil Meriton (it-tieni parti).

148    F’dan l-istadju għandha tiġi eżaminata l-ewwel parti tal-motiv, dwar l-identità tal-benefiċjarju fid-data tal-għoti tal-miżura ta’ għajnuna. It-tieni parti, li tirrigwarda t-trasferiment eventwali tal-għajnuna flimkien mal-bejgħ mill-ġdid tar-rikorrenti, għandha tiġi eżaminata biss, jekk ikun il-każ, fi stadju ulterjuri sabiex jiġi ddeterminat mingħand liema impriża għandu jsir l-irkupru tal-għajnuna. Huwa, barra minn hekk, ukoll f’dan l-istadju li l-argument, diġà fformulat mir-rikorrenti matul il-fażi amministrattiva, ġie eżaminat fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-premessi 129 u 130 tad-deċiżjoni kkontestata).

149    F’dan il-każ, mill-premessi 6 sa 8 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-miżura 1 tikkonsisti f’garanzija mogħtija sabiex tkopri self intiż għall-finanzjament ta’ tranżazzjoni ta’ żieda fil-kapital tar-rikorrenti. Mill-premessa 12 jirriżulta li l-miżura 4 għandha l-għan li żżid il-garanzija mogħtija b’dan il-mod sabiex tkopri linja ta’ kreditu addizzjonali intiża għall-ħlas tal-kapital, tal-interessi u tal-ispejjeż dovuti minħabba n-nuqqas ta’ ħlas tal-interessi dovuti skont l-iskeda deċiża oriġinarjament fil-kuntest tal-imsemmi self.

150    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 107 TFUE jipprojbixxi l-għajnuna mogħtija mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat taħt kwalunkwe forma, mingħajr ma jagħmel distinzjoni skont jekk il-vantaġġi relatati mal-għajnuna jingħatawx b’mod dirett jew indirett (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2009, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑424/05, mhux ippubblikata, EU:T:2009:49, punt 108). Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-allokazzjoni deċiża, jekk ikun il-każ, fil-mument tal-għoti tal-miżura sabiex tiddetermina l-benefiċjarju ta’ għajnuna. F’tali każ, huwa possibbli b’mod partikolari li l-benefiċjarju ma jkunx il-persuna li tkun ikkuntrattat is-self iggarantit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2003, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑457/00, EU:C:2003:387, punti 56 u 57). Fl-aħħar nett, sabiex jiġi ddeterminat il-benefiċjarju ta’ għajnuna mill-Istat, għandhom jiġu identifikati l-impriżi li effettivament gawdew minn din l-għajnuna (sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2003, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑457/00, EU:C:2003:387, punt 55).

151    F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessi 7 u 68 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-għan tal-garanzija mogħtija mill-IVF, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tal-IVF li tagħti l-imsemmija garanzija, kien li jiġi ggarantit self lill-Fundación Valencia intiż biss għall-finanzjament taż-żieda fil-kapital tar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-garanzija mogħtija mill-IVF tapplika biss jekk is-self iggarantit kien użat għall-finijiet imsemmija fid-deċiżjoni ta’ għoti tal-garanzija, jiġifieri l-parteċipazzjoni fiż-żieda fil-kapital tar-rikorrenti. Barra minn hekk, huwa paċifiku li s-somom miksuba mis-self iggarantit ġew effettivament allokati għar-rikapitalizzazzjoni tar-rikorrenti.

152    Fir-rigward b’mod speċifiku tal-miżura 4, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-rikorrenti, li din kellha biss l-għan li tippermetti lill-Fundación Valencia tkompli tissodisfa l-obbligi li kienet debitriċi tagħhom abbażi tas-self oriġinarjament sottoskritt. Issa, l-uniku għan ta’ dan tal-aħħar kien li jippermetti l-parteċipazzjoni tal-Fundación Valencia fiż-żieda fil-kapital deċiża mir-rikorrenti, kif tfakkar fil-punt 151 iktar ’il fuq.

153    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni kkunsidrat, ġustament, li r-rikorrenti kienet il-benefiċjarja tal-miżura 4.

154    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti.

155    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li Bankia tista’ tkun il-“kobenefiċjarju” jew il-benefiċjarju indirett tal-miżura kkonċernata ma jikkontestax, fih innifsu, il-konstatazzjoni li r-rikorrenti bbenefikat minnha wkoll. Kif din tal-aħħar ġustament tirrileva fl-osservazzjonijiet tagħha, l-istess miżura tista’ tipprovdi vantaġġ dirett għal impriża u tipprovdi vantaġġ indirett għal oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑382/99, EU:C:2002:363, punti 61 u 62). Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti intiż sabiex jistabbilixxi li Bankia bbenefikat indirettament mill-għoti tal-miżura 4 għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

156    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li la mill-kundizzjonijiet għall-għoti tas-self iggarantit u lanqas mill-kundizzjonijiet taż-żieda tiegħu fl‑2010 ma jirriżulta li dan kien allokat għar-rimbors tal-krediti kkuntrattati preċedentement minn Bankia. Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-garanzija tal-IVF ma kellhiex neċessarjament l-effett li tnaqqas ir-riskju meħud minn Bankia fir-rigward ta’ krediti diġà eżistenti.

157    It-tieni nett, ma ntweriex mir-rikorrenti li r-remunerazzjoni li tirriżulta mis-self iggarantit, permezz tal-ħlas tal-kapital u tal-interessi, tista’ tinkludi element ta’ għajnuna, peress li din sempliċement tafferma li r-rata applikata, ta’ mill-inqas 6 %, kienet “għolja”.

158    It-tielet nett, l-influwenza allegatament miksuba minn Bankia fuq ir-rikorrenti, kif ukoll fuq il-proċess ta’ bejgħ mill-ġdid sussegwenti tal-azzjonijiet ta’ din tal-aħħar, hija indipendenti mill-kundizzjonijiet għall-għoti tal-miżuri 1 u 4. F’dan ir-rigward, la jirriżulta mid-deċiżjoni tal-IVF li jagħti garanzija, u lanqas mill-ftehim ta’ garanzija konkluż fil‑5 ta’ Novembru 2009, kif emendat fl‑10 ta’ Novembru 2010, li l-għoti tal-garanzija kontenzjuża kien suġġett għall-kundizzjoni li Bankia tingħata kontroll wiesa’ fuq l-attività tar-rikorrenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma turi li tali influwenza tista’ tikkostitwixxi, fiha nnifisha, vantaġġ li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, u lanqas ma tipproduċi provi intiżi li jistabbilixxu li dan huwa korrispettiv sproporzjonat għas-self mogħti lill-Fundación Valencia.

159    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tas-sitt motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-eżami tal-kompatibbiltà tal-allegata għajnuna

160    L-argumenti tar-rikorrenti insostenn ta’ dan il-motiv huma riprodotti iktar ’il quddiem u eżaminati biss sa fejn jirrigwardaw il-kompatibbiltà tal-miżura 4.

161    Qabelxejn, ir-rikorrenti tqis li l-kundizzjoni ta’ nonrikorrenza tal-għajnuna, stabbilita fil-punt 3.3 tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni, ma nkisritx, sa fejn il-miżura 4 ma pprovditilha l-ebda benefiċċju, peress li hija ma rċeviet ebda somma wara l-adozzjoni tagħha. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti tjiebet b’mod sinjifikattiv fid-data tal-adozzjoni tal-imsemmija miżura. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tqis li kien hemm lok li jiġi kkunsidrat, fid-dawl tad-deċiżjonijiet preċedenti u tar-regolamenti adottati mill-Kummissjoni kif ukoll tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-miżuri 1 u 4 kienu jikkostitwixxu intervent wieħed li jaqa’ taħt strateġija ta’ ristrutturazzjoni unika, li jiġġustifika li tiġi applikata l-eċċezzjoni prevista fil-paragrafu 73 tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni, fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali u imprevedibbli, mhux imputabbli lill-impriża.

162    F’dan il-każ, il-Kummissjoni tindika fil-premessa 124 tad-deċiżjoni kkontestata li l-prinċipju ta’ nonrikorrenza, li abbażi tiegħu impriża li tkun ibbenefikat minn għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturazzjoni matul l-aħħar għaxar snin ma tistax tibbenefika mill-ġdid minn għajnuna ġdida tal-istess natura, ma ġiex osservat fil-kuntest tal-miżura 4. Il-Kummissjoni tiċħad, fl-istess premessa, l-argument tar-Renju ta’ Spanja li l-miżuri 1 u 4 għandhom jiġu kkunsidrati bħala miżura ta’ għajnuna waħda, minħabba li l-miżura 4 la kienet prevista u lanqas ippjanifikata fid-data tal-għoti tal-miżura 1, iżda ġiet deċiża b’mod ad hoc sabiex jiġi kopert in-nuqqas ta’ ħlas tal-interessi tas-self iggarantit dovuti fis‑26 ta’ Awwissu 2010. Il-Kummissjoni tispeċifika barra minn hekk, fil-premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata, li la r-Renju ta’ Spanja u lanqas il-partijiet ikkonċernati ma ressqu osservazzjonijiet matul il-proċedura amministrattiva li kienu jirrigwardaw b’mod speċifiku l-kompatibbiltà tal-miżura 4. Huma ma allegawx b’mod partikolari li pjan ta’ ristrutturazzjoni ġie ppreżentat, jew emendat, fl-okkażjoni tal-għoti tal-miżura 4.

163    Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-premessa li fuqha hija bbażata l-konstatazzjoni, fil-premessa 124 tad-deċiżjoni kkontestata, tal-ksur mill-miżura 4 tal-prinċipju ta’ nonrikorrenza hija vvizzjata bi żbalji, peress li mill-eżami tal-ewwel motiv jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kklassifikat il-miżura 1 bħala għajnuna mill-Istat (ara l-punt 138 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, l-invokazzjoni tal-prinċipju ta’ nonrikorrenza ma tistax tipprekludi li l-miżura 4 titqies li hija kompatibbli mas-subparagrafu (ċ) tal-Artikolu 107(3) TFUE.

164    Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi enfasizzat, fl-istess ħin, li hija ġurisprudenza stabbilita li, sabiex tiġi ddikjarata kompatibbli mas-subparagrafu (ċ) tal-Artikolu 107(3) TFUE, l-għajnuna lil impriżi f’diffikultà għandha tkun marbuta ma’ pjan ta’ ristrutturazzjoni intiż għat-tnaqqis jew għat-tibdil fid-direzzjoni tal-attivitajiet tagħhom (ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑17/99, EU:C:2001:178, punt 45; tal‑11 ta’ Ġunju 2009, ACEA vs Il-Kummissjoni, T‑297/02, EU:T:2009:189, punt 137; u tal‑11 ta’ Ġunju 2009, ASM Brescia vs Il-Kummissjoni, T‑189/03, EU:T:2009:193, punt 116; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2009, AEM vs Il-Kummissjoni, T‑301/02, EU:T:2009:191, punt 141).

165    Issa, l-ewwel nett, mill-assenza ta’ kontestazzjoni ammissibbli mir-rikorrenti tal-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat applikata għall-miżura 4 (ara l-punt 50 iktar ’il fuq) jirriżulta li l-Qorti Ġenerali għandha tikkunsidra bħala li ma humiex ikkontestati la l-imsemmija klassifikazzjoni u lanqas il-konstatazzjonijiet li jissostanzjawha fid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, sabiex jiġi eżaminat dan il-motiv, wieħed għandu jibbaża ruħu fuq il-premessa li l-miżura 4 hija għajnuna mill-Istat li tibbenefika lil impriża f’diffikultà.

166    It-tieni nett, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, mingħajr ma dan huwa kkontestat mir-rikorrenti, li l-ebda pjan ta’ ristrutturazzjoni ma ġie stabbilit fil-kuntest tal-għoti tal-miżura 4 (ara l-punt 162 iktar ’il fuq).

167    Ir-rikorrenti, bħar-Renju ta’ Spanja matul il-proċedura amministrattiva, madankollu ssostni li l-miżuri 1 u 4 kienu jikkostitwixxu intervent wieħed li jaqa’ taħt strateġija ta’ ristrutturazzjoni unika. Għalkemm dan l-argument huwa mingħajr skop sa fejn huwa intiż li jikkontesta l-ksur tal-prinċipju ta’ nonrikorrenza fil-kuntest tal-għoti tal-miżura 4 – peress li l-konstatazzjoni ta’ dan il-ksur hija bbażata fuq premessa żbaljata, kif indikat fil-punt 163 iktar ’il fuq – dan jibqa’ rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-miżura 4 tistax titqies bħala li tagħmel parti mill-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni, f’dan il-każ il-pjan ta’ vijabbiltà stabbilit f’Mejju 2009.

168    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ma jistax jiġi eskluż li diversi interventi konsekuttivi tal-Istat għandhom, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE jitqiesu bħala intervent wieħed. Dan jista’ jkun b’mod partikolari l-każ meta interventi konsekuttivi jippreżentaw, fid-dawl tal-kronoloġija tagħhom, tal-għan tagħhom u tas-sitwazzjoni tal-impriża fil-mument ta’ dawn l-interventi, rabtiet tant stretti bejniethom li huwa impossibbli li jiġu diżassoċjati (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Il-Kummissjoni vs MOL, C‑15/14 P, EU:C:2015:362, punt 97).

169    F’dan il-każ, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat li l-miżuri 1 u 4 ma ġewx adottati fl-istess ħin, peress li kienet għaddiet iktar minn sena bejn l-għoti taż-żewġ garanziji. Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti li ż-żieda tal-garanzija deċiża fil-kuntest tal-miżura 4 ma kinitx prevista meta ngħatat il-miżura 1 u ma kinitx koperta mill-pjan ta’ vijabbiltà ta’ Mejju 2009. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-miżura 4 ġiet adottata sabiex tkopri l-konsegwenzi finanzjarji ta’ nuqqas ta’ ħlas, imputabbli lill-Fundación Valencia, ta’ skadenza tas-self iggarantit. F’dan ir-rigward, ċertament teżisti rabta bejn l-għan li l-Fundación Valencia tkun tista’ tindirizza l-konsegwenzi finanzjarji ta’ dan in-nuqqas ta’ ħlas u l-għan inizjali li jikkonsisti fiż-żieda fil-kapital ġdid għar-rikorrenti, sa fejn in-nuqqas ta’ ħlas isir fil-kuntest tar-rimbors ta’ self mogħti sabiex tiġi ffinanzjata din iż-żieda fil-kapital ġdid. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt, kif tirrileva r-rikorrenti stess, li l-għan tal-miżura 4 huwa differenti minn dak tal-miżura 1 sa fejn hija intiża prinċipalment sabiex tkopri l-ħlas mill-Fundación Valencia tal-kapital, tal-interessi u tal-ispejjeż dovuti li jirriżultaw mill-imsemmi nuqqas ta’ ħlas, li huwa stess jirriżulta, skont ir-rikorrenti, mill-fatt li l-Fundación Valencia ma kinitx f’pożizzjoni li tittrasferixxi fil-ħin blokk ta’ azzjonijiet tar-rikorrenti. Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-mument tal-interventi inkwistjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li ż-żieda fil-kapital kienet diġà seħħet fid-data tal-għoti tal-miżura 4, bil-konsegwenza li s-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti f’din id-data kienet differenti minn dik tagħha fid-data tal-għoti tal-miżura 1.

170    Konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-miżuri 1 u 4 ma jistgħux jitqiesu bħala intervent wieħed hija eżenti minn żbalji.

171    Minn dan isegwi li l-konstatazzjoni li l-miżura 4 ma kinitx marbuta ma’ pjan ta’ ristrutturazzjoni għandha tiġi kkonfermata bil-konsegwenza, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 164 iktar ’il fuq, li din ma tistax titqies li hija kompatibbli mas-suq intern abbażi tas-subparagrafu (ċ) tal-Artikolu 107(3) TFUE.

172    L-ebda argument ieħor imressaq mir-rikorrenti ma jikkontesta din il-konklużjoni.

173    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument dwar allegat titjib sinjifikattiv tas-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti bejn is-sena finanzjarja 2008–2009 u s-sena finanzjarja 2009–2010, għandu jsir riferiment għall-konstatazzjoni, imsemmija fil-punt 50 iktar ’il fuq, li l-kontestazzjoni mir-rikorrenti tal-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat adottata fir-rigward tal-miżura 4 hija inammissibbli u li jiġi kkunsidrat, konsegwentement, li ma tistax titqies li hija kontestata r-raġuni sottostanti għal din il-klassifikazzjoni li r-rikorrenti kienet, fid-data tal-għoti tal-imsemmija miżura, impriża f’diffikultà (ara l-punt 165 iktar ’il fuq). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-invokazzjoni tat-titjib tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, filwaqt li għandu jittieħed bħala aċċettat il-fatt li hija kienet f’diffikultà, hija ineffettiva. Fi kwalunkwe każ, l-argument tar-rikorrenti huwa partikolarment konċiż, fejn essenzjalment sempliċement jirreferi għall-indikaturi finanzjarji li jinsabu fil-premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, din ma hijiex ta’ natura li tikkonfuta l-konstatazzjoni li hija kienet impriża f’diffikultà fid-data tal-għoti tal-miżura 4.

174    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li hija ma rċeviet ebda somma b’rabta maż-żieda fil-garanzija jew mal-linja ta’ kreditu ġdida miftuħa fil-kuntest tal-miżura 4, li fil-fehma tagħha kienu jibbenefikaw lill-Fundación Valencia. F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-kontestazzjoni mir-rikorrenti tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-identità tal-benefiċjarju tal-miżura 4 diġà ġiet miċħuda fil-kuntest tal-eżami tas-sitt motiv.

175    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

176    Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ttrattat b’mod ugwali s-sitwazzjonijiet tat-tliet klabbs tal-futbol professjonali li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, minkejja li s-sitwazzjonijiet rispettivi tagħhom ivarjaw b’mod sinjifikattiv.

177    Ir-rikorrenti tenfasizza, fir-rigward tal-Fundación Hércules, li din qatt ma rrimborsat is-self iggarantit mill-IVF. Fir-rigward tal-Fundación Elche, ir-rikorrenti tirrileva li, minkejja l-eżistenza ta’ żewġ garanziji tal-IVF li jirrigwardaw żewġ kuntratti ta’ self differenti, il-Kummissjoni kkunsidrat li f’dan il-każ kien hemm biss miżura ta’ għajnuna waħda. Fl-aħħar nett, l-ebda wieħed miż-żewġ klabbs l-oħra ma ppreżenta pjan ta’ ristrutturazzjoni, ta’ investiment, jew miżuri kumpensatorji fis-sens tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni.

178    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqabbel id-deċiżjoni kkontestata mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1847, tal‑4 ta’ Lulju 2016, dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.41612–2015/C (ex SA.33584 (2013/C) (ex 2011/NN)) implimentata min-Netherlands favur il-klabb tal-futbol professjonali MVV f’Maastricht (ĠU 2016, L 282, p. 53), billi insistiet fuq il-fatt li, f’din il-kawża tal-aħħar, il-Kummissjoni kienet identifikat miżura unika filwaqt li kienu ġew adottati diversi miżuri mill-awtoritajiet pubbliċi inkwistjoni. Ir-rikorrenti tibbaża ruħha wkoll fuq id-diverġenzi, fiż-żewġ kawżi, fir-rigward tal-użu tal-klassifikazzjoni ta’ impriża żgħira u ta’ daqs medju kif ukoll tal-applikazzjoni tal-kriterji ta’ kompatibbiltà stabbiliti fil-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni.

179    Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal‑14 ta’ April 2005, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, EU:C:2005:223, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

180    Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni, minn naħa, kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni billi awtorizzat, permezz ta’ deċiżjoni distinta, l-għajnuna mogħtija lill-klabb Olandiż tal-futbol MVV filwaqt li hija pprojbixxiet l-għajnuna li kienet ingħatatilha, allegatament fl-istess ċirkustanzi, u, min-naħa l-oħra, li kisret dan l-istess prinċipju billi ttrattat b’mod ugwali s-sitwazzjonijiet differenti tat-tliet klabbs li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata.

181    Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-diskriminazzjoni li tirriżulta mit-trattament differenti mogħti lir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata u lill-Klabb MVV fid-deċiżjoni ċċitata fil-punt 178 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li huwa biss fil-kuntest tas-subparagrafu (ċ) tal-Artikolu 107(3) TFUE li għandha tiġi evalwata l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata li għajnuna ġdida ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-deroga, u mhux fid-dawl tal-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha. Il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif ukoll il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jiġi żgurat ir-ritorn tal-benefiċjarju għall-vijabbiltà jirrispondu għal sitwazzjoni oġġettiva li hija evalwata fid-data li fiha l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha. Għalhekk, ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni kienet wettqet evalwazzjoni differenti tas-sitwazzjoni f’deċiżjoni preċedenti għandhom jibqgħu mingħajr effett fuq l-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata (sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2014, Westfälisch‑Lippischer Sparkassen- und Giroverband vs Il-Kummissjoni, T‑457/09, EU:T:2014:683, punt 368, u tal‑11 ta’ Diċembru 2014, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, T‑251/11, EU:T:2014:1060, punt 125).

182    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha b’mod utli fuq is-soluzzjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni ċċitata fil-punt 178 iktar ’il fuq sabiex tiddeduċi li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni nkiser. Fi kwalunkwe każ, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, il-klabb MVV kien jaqa’ taħt il-kategorija ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju, kemm fir-rigward tal-forma legali tiegħu kif ukoll tan-numru tal-impjegati tiegħu u tad-dħul mill-bejgħ tiegħu, li jiddistingwih mir-rikorrenti, li barra minn hekk ma ssostnix quddiem il-Qorti Ġenerali li hija stess taqa’ taħt din il-kategorija. Issa, dan is-sempliċi fatt jaffettwa l-kriterji ta’ kompatibbiltà li huma applikabbli skont il-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni, b’mod partikolari l-ħtieġa li jiġu previsti miżuri kumpensatorji. Konsegwentement, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti u dik tal-klabb MVV ma humiex komparabbli.

183    Fit-tieni lok, fir-rigward tad-diskriminazzjoni li tirriżulta mit-trattament ugwali tas-sitwazzjonijiet allegatament differenti tat-tliet klabbs imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li l-provi prodotti mir-rikorrenti ma humiex ta’ natura li joħolqu distinzjoni li tostakola li s-sitwazzjonijiet tat-tliet klabbs jiġu ttrattati b’mod ugwali, peress li għandu jitfakkar li l-Kummissjoni tapplika f’dan il-każ żewġ linji gwida, għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna, u sussegwentement għall-eżami tal-kompatibbiltà tagħha, li bħala prinċipju hija ma tistax tevita mingħajr ma tikser, preċiżament, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 211).

184    Għalhekk, qabel kollox, il-fatt li l-Fundación Hércules, bid-differenza tal-Fundación Valencia, ma rrimborsatx is-self iggarantit jirriżulta minn avvenimenti li seħħew wara l-għoti tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni. Għaldaqstant din ma kinitx informazzjoni disponibbli fid-data li fiha l-IVF kien intrabat li jiggarantixxi s-self sottostanti mogħti lill-Fundación Hércules. Barra minn hekk, ma huwiex allegat mir-rikorrenti li dan il-fatt jagħmel parti minn żvilupp li kien prevedibbli sa mill-għoti tal-garanzija inkwistjoni. Konsegwentement, dan il-fatt ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li jipprekludi li l-Kummissjoni tikkunsidra s-sitwazzjonijiet rispettivi tar-rikorrenti u ta’ Hércules Club de Fútbol, SAD, bħala simili, fil-kuntest tal-applikazzjoni tat-test tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq u skont il-kriterji speċifikati mill-Kummissjoni fl-Avviż dwar il-Garanziji.

185    Sussegwentement, ir-rikorrenti ma tispjegax kif il-fatt li Fundación Elche ngħatat żewġ garanziji mill-IVF għal żewġ kuntratti ta’ self differenti jikkostitwixxi element ta’ distinzjoni li jipprekludi li hija stess u l-Elche Club de Fútbol, SAD, jiġu ttrattati b’mod ugwali.

186    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-eżami tal-kompatibbiltà tal-miżuri meħuda favur iż-żewġ klabbs l-oħra msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni effettivament ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn la kienu ppreżentaw pjan ta’ ristrutturazzjoni u lanqas ma pproponew miżuri kumpensatorji, kif jirriżulta b’mod ċar mill-premessi 113 u 118 tad-deċiżjoni kkontestata li fihom ġie kkonstatat li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 34 u 38 tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni ma ġewx osservati miż-żewġ klabbs. Fl-istess ħin, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-punti ta’ fatt relatati mar-rikorrenti sabiex minn dan jiġi konkluż li minħabba l-insuffiċjenza tagħhom – iżda mhux minħabba l-ommissjoni tagħhom – l-imsemmija kundizzjonijiet lanqas ma huma ssodisfatti fir-rigward tagħha. Għalhekk, il-fatt li d-differenzi osservati bejn is-sitwazzjonijiet tar-rikorrenti u taż-żewġ klabbs l-oħra inkwistjoni wasslu finalment għal trattament identiku huwa oġġettivament iġġustifikat.

187    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li s-seba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna

188    Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, tikkritika li l-Kummissjoni ma evalwatx korrettement il-valur tal-kontrogaranziji offruti mill-Fundación Valencia lill-IVF. Għalhekk hija ssostni li l-livell, bħala garanzija, tal-azzjonijiet tagħha miżmuma mill-imsemmija fondazzjoni kien minn tal-inqas “normali”, skont il-klassifikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza, li jkollu l-effett li jnaqqas l-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata għal inqas minn EUR 6 miljun. Fir-replika, ir-rikorrenti tirreferi, minn naħa, għall-prezz tax-xiri mħallas mis-sottoskritti privati l-oħra waqt iż-żieda fil-kapital tagħha tal‑2009 u, min-naħa l-oħra, għall-valutazzjoni tagħha mwettqa mill-konsulenti li hija inkarigat għall-finijiet ta’ din il-proċedura, skont metodu msejjaħ “tal-multipli” abbażi ta’ kampjun ta’ klabbs ippreżentati bħala komparabbli. Hija żżid li, anki jekk jitqies li dawn l-azzjonijiet għandhom jiġu vvalutati esklużivament abbażi tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħha, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-kontribuzzjoni ta’ kapital tal-Fundación Valencia. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirreferi għal diversi kundizzjonijiet sospensivi previsti fil-ftehim ta’ garanzija intiżi sabiex jagħtu ċertu numru ta’ garanziji addizzjonali lill-IVF.

189    Il-Kummissjoni ssostni li l-ebda prova prodotta mir-rikorrenti ma tikkontesta l-konstatazzjonijiet imwettqa fil-premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli matul il-proċedura amministrattiva. Hija tqis f’dan ir-rigward li l-valur tal-azzjonijiet sar prattikament viċin iż-żero minħabba t-telf tal-klabb. Hija żżid li dawn kien ikollhom valur biss li kieku r-rikorrenti ma kinitx f’diffikultà jew li kieku kellha possibbiltajiet kredibbli ta’ stabbiliment mill-ġdid. Il-prezz imħallas mill-azzjonisti privati li ssottoskrivew għaż-żieda fil-kapital tal‑2009 ma huwiex rilevanti, fid-dawl tal-kuntest ta’ din is-sottoskrizzjoni u tan-natura probabbli tas-sottoskritti. Fi kwalunkwe każ, ma huwiex plawżibbli, skont il-Kummissjoni, li l-azzjonijiet tar-rikorrenti, anki jekk jitqies li l-valur tagħhom ma huwiex żero, ikopru tal-inqas 40 % tas-self, kif teżiġi l-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza sabiex garanzija jkollha livell “normali”. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, jekk ikun il-każ, mill-valur ta’ dawn l-azzjonijiet għandu jitnaqqas il-valur tal-attivi tar-rikorrenti diġà mogħtija b’garanzija fil-kuntest ta’ self li kien ġie mogħti lilha qabel iż-żieda fil-kapital.

190    F’dan il-każ, il-Kummissjoni tindika dan li ġej fil-premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-valur tal-azzjonijiet tar-rikorrenti mogħtija bi pleġġ lill-IVF:

“[Is-]selfa [kontenzjuża] kienet titolizzata b’rahan fuq l-ishma [tal-Valencia CF] akkwistati. Madankollu, [il-Valencia CF] kien[et] f’diffikultà, jiġifieri kien[et] qed [t]wett[aq] operazzjonijiet li jwasslu għal telf, u ma kien hemm l-ebda pjan ta’ vijabbiltà kredibbli fis-seħħ biex juri li dawk l-operazzjonijiet kienu sejrin jispiċċaw jagħmlu l-qligħ għall-azzjonisti [tagħha]. Għalhekk it-telf [tal-Valencia CF] kien inkluż fil-valur tal-ishma [tagħha stess], u għalhekk il-valur ta’ dawk l-ishma bħala titolu ta’ self kien viċin iż-żero.”

191    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni dwar il-valur tal-kontrogaranzija offruta mill-Fundación Valencia permezz ta’ pleġġ tal-azzjonijiet tagħha, billi ssostni li, indipendentement mill-metodu ta’ valutazzjoni użat, l-azzjonijiet mogħtija bi pleġġ huma ekwivalenti għal livell ta’ garanzija tal-inqas “normali” fis-sens tal-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza. It-tliet metodi ta’ valutazzjoni msemmija mir-rikorrenti fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha jipproċedu, l-ewwel nett, b’paragun mal-prezz tax-xiri tas-sottoskritturi privati fl‑2009, it-tieni nett, bl-applikazzjoni tal-metodu tal-multipli, abbażi ta’ kampjun ta’ klabbs ippreżentati bħala komparabbli u, it-tielet nett, bl-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha.

192    Qabel kollox, għandhom jiġu evalwati l-kritiki fformulati mir-rikorrenti fir-rigward tal-metodu ta’ valutazzjoni tal-azzjonijiet tagħha adottat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li huwa bbażat fuq evalwazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha (ara l-punt 190 iktar ’il fuq).

193    F’dan ir-rigward, in-natura tal-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali fuq l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-valur ta’ kontrogaranzija fil-kuntest tal-kalkolu tal-quantum eżatt ta’ għajnuna hija identika għal dik imfakkra fil-punt 59 iktar ’il fuq.

194    Barra minn hekk, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar l-argument sussidjarju tal-Kummissjoni li ma huwiex plawżibbli li l-azzjonijiet inkwistjoni jkopru tal-inqas 40 % tas-self, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq tali motiv, iżda fuq il-konklużjoni li, b’mod assolut, il-valur tal-azzjonijiet huwa “viċin iż-żero”. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li deċiżjoni għandha tkun suffiċjenti fiha nnifisha u li l-motivazzjoni tagħha ma tistax tirriżulta mill-ispjegazzjonijiet mogħtija sussegwentement meta d-deċiżjoni inkwistjoni tkun diġà s-suġġett ta’ rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni (sentenzi tad‑12 ta’ Diċembru 1996, Rendo et vs Il-Kummissjoni, T‑16/91, EU:T:1996:189, punt 45; tat‑12 ta’ Settembru 2007, Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il-Kummissjoni, T‑68/03, EU:T:2007:253, punt 254; u tas‑16 ta’ Settembru 2013, Wabco Europe et vs Il-Kummissjoni, T‑380/10, EU:T:2013:449, punt 107).

195    Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-kritika tar-rikorrenti hija bbażata fuq evalwazzjonijiet allegatament żbaljati tal-Kummissjoni dwar l-effett taż-żieda fil-kapital tal‑2009, ta’ EUR 92.4 miljun, fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, u għaldaqstant fuq il-valur tal-azzjonijiet tagħha.

196    Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali teżamina l-argument tar-rikorrenti biss sa fejn dan jikkonċerna l-miżura 4 (ara l-punt 141 iktar ’il fuq). Issa, fid-data tal-għoti tal-imsemmija miżura, fl‑10 ta’ Novembru 2010, iż-żieda fil-kapital tal‑2009 kienet diġà ġiet deċiża u l-azzjonijiet ġodda maħruġa sottoskritti. Dawn l-avvenimenti kienu riflessi fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tar-rikorrenti għas-sena finanzjarja 2009/2010, riprodotti fil-premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata, li minnhom jirriżulta li, fid-data tal-għeluq, il-kapital azzjonarju tagħha kien żdied, meta mqabbel mas-sena finanzjarja preċedenti, minn EUR 9.2 għal EUR 101.7 miljun u l-kapital tagħha kien għadda minn EUR -33.3 għal EUR 57.3 miljun. Barra minn hekk, il-profitt tagħha qabel it-taxxa żdied minn EUR -59.2 għal EUR 17.9 miljun.

197    Għandu jiġi dedott mill-konstatazzjonijiet preċedenti li d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata u riprodotta fil-punt 190 iktar ’il fuq, li l-attivitajiet tar-rikorrenti kienu qegħdin jagħmlu telf hija ineżatta, sa fejn is-sena finanzjarja immedjatament qabel l-għoti tal-miżura 4 kienet, fil-fatt, profittabbli.

198    Barra minn hekk, il-fondi proprji tar-rikorrenti fl-għeluq tas-sena finanzjarja 2009/2010 kienu sinjifikattivi, fl-ammont ta’ EUR 57.3 miljun skont id-deċiżjoni kkontestata. Bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni ssostni li fid-data tal-għoti tal-miżura 4 “l-obbligi tal-klabb kienu ogħla mill-attivi tiegħu”. Sa fejn dan ifisser li d-dejn tal-klabb jeċċedi l-attivi kollha tagħha, għandu jiġi kkonstatat li din id-dikjarazzjoni bl-ebda mod ma hija sostnuta u kontradetta mill-Kummissjoni stess, li waqt is-seduta ammettiet li l-patrimonju nett tar-rikorrenti f’din id-data kien pożittiv. Dejjem fil-kuntest ta’ din it-tweġiba, il-Kummissjoni tinvoka l-fatt li t-telf irreġistrat matul is-sena finanzjarja 2008/2009 kien jirrappreżenta żewġ terzi tal-ammont taż-żieda fil-kapital tal‑2009, peress li l-fondi proprji negattivi kkonstatati fi tmiem l-istess sena finanzjarja jikkorrispondu għal madwar terz tal-imsemmi ammont. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li dan il-fatt ma jikkontestax il-konstatazzjoni li, fi tmiem l-aħħar sena finanzjarja magħluqa qabel l-għoti tal-miżura 4, il-fondi proprji tar-rikorrenti kienu ta’ EUR 57.3 miljun.

199    Fis-seduta, il-Kummissjoni insistiet fuq il-fatt li r-rikorrenti kienet twettaq “attivitajiet b’telf”, fuq l-assenza tal-eżistenza ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni affidabbli u, li kieku kellu jitqies li huwa possibbli li tibbaża ruħha fuq dan tal-aħħar, fuq il-fatt li l-implimentazzjoni tal-imsemmi pjan fi kwalunkwe każ kienet ibbażata, għall-ewwel erba’ snin, fuq it-twettiq ta’ telf, li jiġġustifika li l-azzjonijiet tar-rikorrenti jitqiesu li għandhom valur viċin iż-żero. Issa, għandu jitfakkar li s-sena finanzjarja magħluqa qabel l-għoti tal-miżura 4 kienet profittabbli, li, minn naħa, jinvalida l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li r-rikorrenti kienet twettaq biss “attivitajiet b’telf” u, min-naħa l-oħra, tirrelativizza r-rilevanza tal-projezzjonijiet imwettqa preċedentement fil-kuntest tal-pjan ta’ vijabbiltà tal‑2009.

200    Fl-aħħar nett, mill-premessa 76 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-klassifikazzjoni tar-rikorrenti bħala impriża f’diffikultà fid-data tal-għoti tal-miżura 4 hija bbażata fuq indizji iktar limitati minn dawk użati mill-Kummissjoni fid-data tal-għoti tal-miżura 1, li barra minn hekk wassalha sabiex tapplika biss għall-ewwel waħda l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 11 tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni, filwaqt li hija kkunsidrat li kemm il-paragrafu 10 kif ukoll il-paragrafu 11 tal-imsemmija linji gwida kienu applikabbli għat-tieni waħda (ara l-punti 64 u 65 iktar ’il fuq). Għalhekk, fejn il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-eżistenza ta’ telf, fuq it-tnaqqis tad-dħul mill-bejgħ, fuq il-fondi proprji negattivi u fuq il-livell ta’ dejn tar-rikorrenti sabiex tikkonkludi li hija kienet f’diffikultà fid-data tal-għoti tal-miżura 1, huwa biss dan l-aħħar fattur kif ukoll “profitt viċin iż-żero” li jsostni l-konklużjoni fformulata mill-Kummissjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fl-għoti tal-miżura 4.

201    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-elementi li fuqhom huma bbażati l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fil-premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-valur “viċin iż-żero” tal-azzjonijiet tar-rikorrenti fid-data tal-għoti tal-miżura 4 huma parzjalment ineżatti, sa fejn is-sena finanzjarja preċedenti għall-imsemmi għoti kienet profittabbli. Għandu jiġi kkunsidrat ukoll li, meta fl-imsemmija premessa 93 indikat raġunijiet komuni għall-miżuri 1 u 4, sabiex tikkonkludi li l-azzjonijiet tar-rikorrenti kienu ta’ valur “viċin iż-żero”, u dan mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti tal-eżistenza ta’ fondi proprji sinjifikattivi u tat-twettiq ta’ profitt qabel it-taxxa matul is-sena finanzjarja preċedenti għall-għoti tal-miżura 4, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

202    L-argument tal-Kummissjoni, li abbażi tiegħu mill-valur tal-azzjonijiet tar-rikorrenti għandu jitnaqqas il-valur tal-attivi tagħha diġà mogħtija b’garanzija fil-kuntest ta’ self li ngħatalha preċedentement, ma huwiex tali li jinvalida din il-konklużjoni. L-ewwel nett, għandu jiġi nnotat li dan huwa motiv ġdid fir-rigward ta’ dawk inklużi fid-deċiżjoni kkontestata li, bħala tali, ma jistax jimla l-lakuni tagħha kkonstatati iktar ’il fuq (ara l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 194 iktar ’il fuq). It-tieni nett, u fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma tispjegax għaliex hemm lok li tiġi stabbilita rabta daqshekk stretta bejn il-valur tal-attivi tar-rikorrenti mogħtija b’garanzija u l-valur tal-azzjonijiet mogħtija bi pleġġ. It-tielet nett, il-kuntratti ta’ self li magħhom huma marbuta tali garanziji, preżumibbilment, diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni fid-data finanzjarja tar-rikorrenti riprodotta fil-premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata u li fuqha l-Kummissjoni tibbaża ruħha sabiex tasal għall-konklużjonijiet tagħha dwar il-valur tal-azzjonijiet inkwistjoni.

203    Għaldaqstant, u mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti, hemm lok li jintlaqa’ t-tielet motiv, sa fejn l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-valur tal-azzjonijiet tagħha mogħtija bi pleġġ hija bbażata fuq ineżattezza materjali u hija vvizzjata bi żbalji manifesti.

204    Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni u fl-interess tal-ekonomija tal-proċedura, ma hemmx lok li jiġu eżaminati r-raba’ u l-ħames motiv kif ukoll it-tieni parti tas-sitt motiv, li jirrigwardaw stadju ulterjuri tal-analiżi u jippreżupponu li l-karatteristiċi tal-garanzija kontenzjuża ġew stabbiliti korrettement.

205    Barra minn hekk, għalkemm mit-tielet motiv jirriżulta li dan jirrigwarda biss il-kalkolu tal-ammont tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni u mhux l-eżistenza stess ta’ din l-għajnuna, għandu jiġi rrilevat, fl-istess ħin, li n-natura manifestament żbaljata tal-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni dwar il-valur tal-kontrogaranzija offruta lill-IVF, kif ikkonstatat mill-Qorti Ġenerali, jista’ jkollha effett fuq il-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, fid-dawl tal-kundizzjoni tal-vantaġġ. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li, bit-twettiq ta’ eżami mill-ġdid tal-valur tal-kontrogaranzija offruta, il-Kummissjoni jkollha tagħmel evalwazzjoni ġdida fuq in-natura ta’ għajnuna mill-Istat tal-miżura 4. F’dan ir-rigward, id-determinazzjoni tal-valur tal-azzjonijiet tar-rikorrenti mogħtija bi pleġġ għandha importanza essenzjali fl-ekonomija ġenerali tad-deċiżjoni kkontestata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, T‑349/03, EU:T:2005:221, punti 319 u 320).

206    Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn tikkonċerna l-miżuri 1 u 4 mogħtija lir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

207    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-rikorrenti, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji quddiem il-Qorti Ġenerali, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

208    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għalhekk, ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/365 tal4 ta’ Lulju 2016 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.36387 (2013/C) (ex 2013/NN) (ex 2013/CP) implimentata minn Spanja għal Valencia Club de Fútbol SAD, Hércules Club de Fútbol SAD u Elche Club de Fútbol SAD, hija annullata sa fejn din tikkonċerna lil Valencia Club de Fútbol, SAD.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn Valencia Club de Fútbol, inkluż dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji quddiem il-Qorti Ġenerali.

3)      Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Kanninen

Schwarcz

Iliopoulos

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Marzu 2020.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.